This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52010DC0758
COMMUNICATION FROM THE COMMISSION TO THE EUROPEAN PARLIAMENT, THE COUNCIL, THE EUROPEAN ECONOMIC AND SOCIAL COMMITTEE AND THE COMMITTEE OF THE REGIONS The European Platform against Poverty and Social Exclusion: A European framework for social and territorial cohesion
KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Il-Pjattaforma Ewropea kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali: Qafas Ewropew għall-koeżjoni soċjali u territorjali
KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Il-Pjattaforma Ewropea kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali: Qafas Ewropew għall-koeżjoni soċjali u territorjali
/* KUMM/2010/0758 finali */
KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Il-Pjattaforma Ewropea kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali: Qafas Ewropew għall-koeżjoni soċjali u territorjali /* KUMM/2010/0758 finali */
[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA | Brussel 16.12.2010 KUMM(2010) 758 finali KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Il-Pjattaforma Ewropea kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali: Qafas Ewropew għall-koeżjoni soċjali u territorjali SEG(2010) 1564 finali KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Il-Pjattaforma Ewropea kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali: Qafas Ewropew għall-koeżjoni soċjali u territorjali 1. Introduzzjoni Il-Kummissjoni Ewropea poġġiet il-ġlieda kontra l-faqar fil-qalba tal-aġenda ekonomika, tax-xogħol u soċjali tagħha – l-istrateġija Ewropa 2020 . Il-Kapijiet tal-Istati u l-Gvernijiet qablu dwar pass kbir bla preċedent: mira komuni li l-Unjoni Ewropea għandha terfa' mill-faqar u l-esklużjoni soċjali tal-inqas 20 miljun ruħ fid-deċennju li jmiss. Issa se jiġu stabbiliti miri nazzjonali kumplimentari għas-27 Stat Membru . Fl-2008, il-livell tal-għajxien ta' iktar minn 80 miljun ruħ fl-Unjoni kollha kien iktar baxx mil-livell limitu ta' faqar, jiġifieri, numru ikbar mill-popolazzjoni tal-ikbar Stat Membru tagħna, jew 16,5 fil-mija tal-popolazzjoni tagħna. Ħafna iktar min-nofs huma nisa u 20 miljun huma tfal. Il-kriżi ekonomika, ovvjament, iggravat is-sitwazzjoni. L-iktar nies vulnerabbli fis-soċjetajiet tagħna sfaw milquta l-agħar mill-impatt tal-kriżi ekonomika . Is-sitwazzjoni għal dawk li jaqilgħu l-inqas flus kompliet tiddeterjora u issa qed jaffaċċjaw riskju ikbar ta' djun u falliment. Iż-żgħażagħ, il-migranti u dawk bi ftit ħiliet, li ħafna drabi jiddependu fuq impjiegi temporanji u li mhumiex imħallsin tajjeb, esperjenzaw l-ikbar żidiet fil-qgħad u għaldaqstant huma esposti għal sitwazzjoni li qed tiggrava fir-rigward tal-kondizzjonijiet tal-għajxien tagħhom. B'mod partikolari, żagħżugħ minn kull ħamsa fis-suq tax-xogħol huwa qiegħed; ir-rata tal-qgħad għal ċittadini mhux tal-UE hija iktar minn 11-il punt perċentwali ogħla milli għaċ-ċittadini u dawk bi ftit ħiliet qed jesperjenzaw żieda fil-qgħad li hija d-doppju ta' dik esperjenzata minn dawk b'ħafna ħiliet. L-hekk imsejħa "foqra li jaħdmu" kienu jirrappreżentaw 8 % tal-popolazzjoni attiva fl-2008, filwaqt li r-riskju tal-faqar żdied b'mod sinifikanti għal dawk qiegħda, minn 39 % għal 44 % mill-2005. Barra minn hekk, 8 % tal-Ewropej jgħixu f'kondizzjonijiet ta' tiċħid materjali estrem u ma jistgħux iħallsu għal numru ta' neċessitajiet li huma kkunsidrati essenzjali biex wieħed jgħix ħajja deċenti fl-Ewropa, bħat-telefown, jew tisħin adegwat. Fl-ifqar pajjiżi, ir-rata taqbeż it-30 %. Barra minn hekk, 9 % tal-popolazzjoni Ewropea fl-età tax-xogħol tgħix f'unità domestika fejn ħadd ma jaħdem. Dan huwa inaċċettabbli fl-Ewropa tas-Seklu 21. Il-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali, il-promozzjoni tal-ġustizzja soċjali u d-drittijiet fundamentali ilhom għal żmien twil għanijiet prinċipali tal-Unjoni Ewropea, li hija msejsa fuq il-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem u s-solidarjetà. Iżda l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha hemm bżonn li jaħdmu iktar u jagħmlu dan b'mod iktar effiċjenti u effettiv biex jgħinu liċ-ċittadini l-iktar vulnerabbli tagħna. L-ikbar vantaġġ għall-Unjoni huwa ċ-ċittadini tagħha. Il-prospetti tagħna għal Unjoni li tħaddar jiddependu fuq Ewropej li jkollhom l-opportunitajiet biex jiżguraw futur aħjar għalihom infushom u għall-familji tagħhom. Il-kisba mill-ġdid ta' tkabbir ekonomiku permezz ta' iktar impjiegi u impjiegi aħjar se tkun kruċjali fil-ġlieda kontra l-faqar. Il-Kummissjoni qed tipproponi li tistabbilixxi Pjattaforma Ewropea kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali, bħala waħda mis-seba' inizjattivi prinċipali tagħha għal azzjoni biex jintlaħaq dan il-għan. Il-Pjattaforma timmira li toħloq impenn konġunt bejn l-Istati Membri, l-istituzzjonijiet tal-UE u l-partijiet interessati prinċipali biex tiġġieled il-faqar u l-esklużjoni soċjali. Peress li huwa probabbli li l-biċċa l-kbira tal-għaxar snin li ġejjin se jibqgħu jissemmew għal baġits pubbliċi mnaqqsa, l-azzjonijiet se jkollhom iżidu l-effiċjenza u l-fiduċja billi jsibu modi ġodda ta' parteċipazzjoni biex jindirizzaw il-faqar filwaqt li jkomplu jiżviluppaw politiki ta' prevenzjoni u ħtiġijiet ta' miri, fejn ikun hemm bżonn. Il-Pjattaforma għalhekk se tistabbilixxi qafas għall-azzjoni dinamiku biex tiġi żgurata koeżjoni soċjali u territorjali li tiżgura li l-benefiċċji tat-tkabbir u l-impjiegi jixterdu mal-Unjoni Ewropea kollha u li n-nies li jkunu qed jesperjenzaw il-faqar u l-esklużjoni soċjali jingħataw iċ-ċans li jgħixu b'mod dinjituż u li jieħdu sehem attiv fis-soċjetà. Flimkien mal-Pjattaforma Ewropea kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali u l-mira tat-tnaqqis tal-faqar, l-għanijiet soċjali ta' Ewropa 2020 huma appoġġjati mill-mira għall-impjiegi (li tal-inqas 75 % tan-nisa u l-irġiel ta' bejn l-20 u l-64 sena jkollhom xogħol) u l-mira tal-edukazzjoni (li titnaqqas ir-rata ta' persuni li jieqfu mill-iskola qabel iż-żmien minn 15 % għal inqas minn 10 %). L-inizjattivi prinċipali bħal pereżempju "Żgħażagħ Attivi" u l-"Aġenda għall-Ħiliet Ġodda u l-Impjiegi" jimmiraw li jgħinu fil-kisba ta' dawn il-miri. Hemm ukoll rabtiet importanti ma' inizjattivi prinċipali oħra, bħal "Aġenda Diġitali għall-Ewropa"[1], "Unjoni tal-Innovazzjoni"[2], "Politika Industrijali Integrata għall-Era tal-Globalizzazzjoni[3]" u l-Inizjattiva Prinċipali li se ssir dalwaqt dwar Ewropa li tuża r-Riżorsi b'mod Effiċjenti u li ma tantx tipproduċi Karbonju. Din il-Komunikazzjoni tippreżenta kif il-politiki differenti se jikkontribwixxu għal dan il-għan ambizzjuż tat-tnaqqis tal-faqar u ż-żieda tal-inklużjoni, tidentifika għadd ta' azzjonijiet assoċjati biex jgħinu biex tintlaħaq il-mira tat-tnaqqis tal-faqar u tispjega kif inhi mfassla l-Pjattaforma u l-kontenut tagħha (ara d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal mehmuż li jinkludi lista iktar dettaljata u indikattiva ta' azzjonijiet ppjanati tal-Kummissjoni). 2. L-isfidi 2.1. Il-ħafna dimensjonijiet tal-faqar u l-esklużjoni Il-mira ewlenija għat-tnaqqis tal-faqar u l-esklużjoni ġiet definita mill-Kunsill Ewropew abbażi ta' tliet indikaturi: ir-rata tar-riskju ta' faqar (wara t-trasferimenti soċjali), l-indiċi tat-tiċħid materjali u l-persentaġġ ta' persuni li jgħixu f'unitajiet domestiċi b'intensità baxxa ħafna ta' xogħol[4]. Id-definizzjoni hija fl-istess ħin espressjoni tal-ħafna fatturi wara l-faqar u/jew l-esklużjoni u tad-diversità tal-problemi li jaffaċċjaw l-Istati Membri u tal-prijoritajiet li stabbilixxew fid-dawl ta' dan. It-total li huwa ikbar (li fl-2008 kien jilħaq il-116-il miljun ruħ) ikopri popolazzjoni usa' minn dik li normalment titqies bħala "fqira", peress li jinkludi perspettiva territorjali u forom ta' esklużjoni li mhumiex neċessarjament relatati mal-introjtu. Id-dimensjoni territorjali hija partikolarment importanti peress li ħafna drabi jkun hemm konċentrazzjoni tal-"iktar nies foqra" f'reġjuni partikolari jew anki f'żoni iżgħar. L-indikaturi li fuqhom hi bbażata l-mira tat-tnaqqis tal-faqar tal-UE ġew maqbulin u żviluppati permezz tal-metodu miftuħ ta' koordinazzjoni tal-protezzjoni soċjali u l-inklużjoni soċjali (l-MMK Soċjali). Tul l-aħħar 10 snin, l-Istati Membri ħadmu id f'id u qasmu l-esperjenzi dwar il-funzjonament u r-riforma tas-sistemi ta' protezzjoni soċjali tagħhom. Huma ddefinixxew għanijiet komuni u qablu dwar indikaturi li skonthom għandhom jorjentaw il-politiki tagħhom tal-inklużjoni soċjali, għar-riforma tas-sistemi tal-pensjonijiet u fil-qasam tal-kura tas-saħħa u l-kura fit-tul. L-MMK Soċjali appoġġja t-tagħlim reċiproku, ippromwova l-involviment tal-partijiet interessati, kabbar il-fehim tar-riskji soċjali li ilhom jeżistu u dawk ġodda, u tefa' lenti fuq l-isfidi li jirrikjedu approċċi u soluzzjonijiet ġodda. Ewropa 2020 se tagħti impetu u rilevanza ġodda lil din il-ħidma u se tgħin fl-iżvilupp ta' politiki u azzjonijiet imfasslin apposta għall-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali. Filwaqt li r-responsabbiltà prinċipali f'dan il-qasam taqa' fil-kompetenza tal-Istati Membri, il-kisba tal-mira tat-tnaqqis tal-faqar tal-UE se jkollha bżonn l-isforzi konġunti u l-istrumenti kolla fil-livelli tal-UE u nazzjonali. 2.2. Nindirizzaw il-faqar tul iċ-ċiklu tal-ħajja Jidher li ċerti gruppi fil-popolazzjoni huma partikolarment esposti għar-riskju tal-faqar. Dan jirrigwarda partikolarment lit-tfal, liż-żgħażagħ, lill-ġenitur waħdu, lil unitajiet domestiċi b'persuni dipendenti, lil persuni li għandhom passat ta' migrazzjoni, lil ċerti minoranzi etniċi (bħar-Roma), u lill-persuni b'diżabbiltà. Barra minn hekk, hemm diviżjoni ċara ħafna bejn in-nisa u l-irġiel u n-nisa huma ġeneralment iktar f'riskju mill-irġiel. Iktar minn 20 miljun tifel u tifla qegħdin f'riskju li jbatu l-faqar fl-Ewropa llum il-ġurnata. Ir-riskju jiżdied għal 25 % għal tfal li ġejjin minn familji kbar u jaqbeż it-30 % għat-tfal li jgħixu ma' ġenitur wieħed. Dawn iċ-ċifri ma wrewx titjib reċentement, minkejja l-għarfien politiku miżjud dwar il-problema. Il-faqar dejjem ifisser inqas opportunitajiet, u potenzjal moħli. Il-futur tagħna jinsab fil-perikolu. Il-faqar ixekkel l-iżvilupp personali, filwaqt li jaffettwa ħażin is-saħħa tat-tfal, il-kisba edukattiva u l-benesseri ġenerali. Tifel li jitrabba fil-faqar u l-esklużjoni jkun f'riskju akbar li jiġi marġinalizzat meta jikber, u li jinqabad f''ċiklu' li jgħaddi minn ġenerazzjoni għal oħra. Biex it-tfal jingħataw għajnuna joħorġu mill-faqar jinħtieġ approċċ multidimensjonali b'rabta mal-politiki tal-impjieg (biex il-ġenituri jingħataw appoġġ fit-tfittxija għal xogħol); it-tfassil ta' sistemi ta' benefiċċji tat-taxxa; l-għoti ta' servizzi prinċipali bħal kura tat-tfal ta' kwalità; l-edukazzjoni u l-ħarsien tad-drittijiet tat-tfal – li sar għan espliċitu tal-Unjoni fit-Trattat ta' Lisbona. L-opportunitajiet indaqs u l-politiki tal-familja huma kruċjali wkoll. Żagħżugħ minn kull ħamsa fl-UE qiegħed f'riskju ta' faqar. Għadd li dejjem qed jikber ta' żgħażagħ mhux qed ikunu jistgħu jsegwu edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali jew edukazzjoni għolja u għandhom prospetti limitati li jsibu xogħol. Persuna waħda minn kull ħamsa li għandha taħt il-25 sena hija qiegħda u għalhekk qed taffaċċja riskju kbir li tbati l-faqar. Fl-istess waqt, il-fatt li żagħżugħ minn kull 10 li għandu xogħol xorta jgħix fil-faqar, juri biċ-ċar li l-kwalità tal-integrazzjoni taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol, jeħtieġ li tittejjeb. Il-qgħad huwa l-kawża prinċipali tal-faqar għall-popolazzjoni fl-età tax-xogħol Ir-riskju tal-faqar għal persuni qiegħda huwa iktar minn ħames darbiet ogħla milli għal dawk li għandhom xogħol (44 % meta mqabbel ma' 8 %). Il-faqar u l-esklużjoni mis-suq tax-xogħol jimxu id f'id, u dan huwa partikolarment viżibbli fost in-nisa u persuni iktar ż-żgħażagħ. Madankollu, paga baxxa, ftit ħiliet, u rati għolja ta' qgħad jistgħu jwasslu għall-faqar fost dawk li jaħdmu. Mill-2000, l-għadd ta' individwi li ntlaqtu mill- faqar fost dawk li jaħdmu żdied minħabba ż-żieda fix-xogħol temporanju u dak part-time (inkluż ix-xogħol part-time forzat), flimkien ma', xi drabi, staġnar fil-pagi. Il-faqar fost dawk li jaħdmu huwa marbut ukoll mas-sitwazzjoni ta' familji sħaħ li jiddependu fuq introjtu wieħed mix-xogħol. Fost dawn insibu li l-familji b'ġenitur wieħed u dawk b'sors ta' introjtu wieħed jaffaċċjaw l-ikbar riskju ta' faqar fost dawk li jaħdmu. Nuqqas ta' kura tat-tfal li tintlaħaq mill-but ta' kulħadd ixekkel il-parteċipazzjoni sħiħa tagħhom fis-suq tax-xogħol. L- anzjani wkoll huma esposti għal riskju akbar ta' faqar meta mqabbla mal-popolazzjoni ġenerali (b'19 %) u f'għadd ta' pajjiżi, il-popolazzjoni anzjana hija partikolarment esposta għat-tiċħid materjali. Id-daqs tal-isfida demografika li qed taffaċċja l-UE se jkompli jiggrava l-problema. Sal-2030 l-għadd ta' pensjonanti fl-UE se jkun żdied b'iktar minn 25 miljun ruħ u dan se jagħmel iktar pressjoni fuq l-adegwatezza u s-sostenibbiltà fit-tul tas-sistemi tal-pensjoni tagħna kif ukoll fuq is-sistemi tas-saħħa u tal-kura tal-anzjani. Fil-perjodu ta' żmien itwal ir-riskju tal-faqar għall-anzjani se jiżdied ukoll jekk il-bijografiji tax-xogħol isiru iktar frammentati. 2.3. Esklużjoni serja, vulnerabbiltajiet ġodda u żvantaġġi speċifiċi Il-kundizzjoni ta' persuni mingħajr dar u l-esklużjoni fl-akkomodazzjoni jirrappreżentaw uħud mill-iktar forom serji ta' faqar u tiċħid, li f'dawn l-aħħar snin żdiedu. Il-faqar enerġetiku, li joħloq ir-riskju li unità domestika ma tkunx tista' ssaħħan jew tkessaħ id-dar u ma jkollhiex ilma sħun, dawl u neċċessitajiet domestiċi essenzjali oħrajn, huwa manifestazzjoni oħra ta' tiċħid serju. L-esklużjoni finanzjarja li tirriżulta min-nuqqas ta' aċċess għal servizzi bankarji bażiċi, u djun kbar, li ġiet aggravata mill-kriżi reċenti, tista' tkun ostakolu ieħor biex wieħed isib xogħol u għalhekk twassal għal marġinalizzazzjoni u faqar persistenti. Il-kriżi ekonomika kompliet tenfasizza wkoll l-esponiment ikbar għar-riskji soċjali tal- popolazzjoni tal-migranti , li ħafna drabi tintlaqat l-ewwel f'kuntest ta' qgħad li jkun qed jiżdied. Fl-ewwel tliet xhur tal-2010, ir-rata tal-qgħad għal persuni li mhumiex ċittadini diġà kienet qabżet il-21 %. Għal din il-popolazzjoni, it-telf tax-xogħol ħafna drabi jimxi id f'id man-nuqqas ta' aċċess għax-xbieki ta' sikurezza tas-sigurtà soċjali. Ċerti minoranzi etniċi, li fosthom ir- Roma (madwar 10 sa 12-il miljun ruħ fl-Ewropa) huma l-ikbar grupp, jintlaqtu b'mod sproporzjonat mill-kumbinazzjoni ta' diversi tipi ta' tiċħid. Il-persuni b'diżabbiltà jew li jbatu minn mard kroniku serju, ħafna drabi jaffaċċjaw diffikultajiet ekonomiċi u soċjali kbar, li ħafna drabi jinvolvu lill-unità domestika kollha li fuqha jiddependu: madwar 6,5 miljun ruħ tan-nies li jinsabu f'riskju ta' faqar jew esklużjoni jiddikjaraw li għandhom xi forma ta' diżabbiltà. 3. Il-pjattaforma Ewropea kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali Il-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni ħemm bżonn li tiddependi fuq it-tkabbir u l-impjiegi kif ukoll fuq protezzjoni soċjali moderna u effettiva. Barra minn hekk, l-interventi ta' protezzjoni soċjali innovattivi għandhom ikunu kkumbinati ma' sett wiesa' ta' politiki soċjali inkluża edukazzjoni mmirata, kura soċjali, akkomodazzjoni, saħħa, tlaqqigħ tal-kura tal-familja mad-dinja tax-xogħol, u politiki tal-familja, l-oqsma kollha fejn is-sistemi tal-għajnuna soċjali sa issa kellhom tendenza li jintervjenu bi programmi li jkopru għadd limitat ta' riskji. Il-Pjattaforma Ewropea kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali tirrappreżenta l-kontribut tal-UE fl-indirizzar ta' dawn l-isfidi fi ħdan l-Istrateġija Ewropa 2020. Il-Kummissjoni identifikat l-oqsma li ġejjin fejn għandha tittieħed azzjoni: - Twettiq ta' azzjonijiet mifruxa fl-ispettru politiku; - Użu ikbar u iktar effettiv tal-Fondi tal-UE għall-appoġġ tal-inklużjoni soċjali; - Promozzjoni ta' innovazzjoni soċjali bbażata fuq l-evidenza mir-riżultati; - Ħidma fi sħubija u l-esplojtazzjoni tal-potenzjal miġbur tal-ekonomija soċjali; - Koordinazzjoni politika mtejba bejn l-Istati Membri. 3.1. It-twettiq ta' azzjoni għall-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni mifruxa mal-ispettru politiku Il-faqar fil-ħafna dimensjonijiet tiegħu jinkludi nuqqas ta' introjtu u ta' biżżejjed riżorsi materjali biex wieħed jgħix b'mod dinjituż; aċċess inadegwat għas-servizzi bażiċi, bħall-kura tas-saħħa, l-akkomodazzjoni u l-edukazzjoni; l-esklużjoni mis-suq tax-xogħol u xogħol ta' kwalità baxxa. Dawn l-elementi huma l-kawżi prinċipali tal-faqar u juru kif individwi u familji jiġu esklużi soċjalment. L-għoti ta' soluzzjonijiet għal dawn il-problemi jirrikjedi approċċi li jmissu l-oqsma politiċi kollha, u dan jirrikjedi li l-isfida tal-eradikazzjoni tal-faqar tiġi integrata fl-iżvilupp politiku kollu. Dan jirrikjedi koordinazzjoni aħjar bejn il-politiki makroekonomiċi u dawk mikroekonomiċi u jenfasizza r-rwol kruċjali ta' għadd ta' oqsma politiċi li ma jaqgħux fil-mandat tradizzjonali tal-politiki tal-inklużjoni soċjali u tal-protezzjoni soċjali: sinerġiji effettivi ma' Inizjattivi Prinċipali oħra ta' Ewropa 2020 se jkunu essenzjali. Aċċess għall-impjiegi Għal min jista’ jaħdem, li wieħed isib xogħol huwa l-aktar triq sikura kif wieħed jegħleb il-faqar . Dan huwa messaġġ iebes fi żmien ta' kriżi ekonomika, iżda hekk kif l-ekonomiji tagħna qed jerġgħu jesperjenzaw it-tkabbir, il-punt fokali tagħna għandu jkun l-iżgurar ta' tkabbir sostenibbli ffukat fuq il-ħolqien tal-impjiegi. Jekk sal-2020 tintlaħaq il-mira għall-impjiegi ta' 75 %, kemm għan-nisa u kemm għall-irġiel, li ġiet stabbilita għall-Unjoni, ikun sar l-akbar kontribut biex 20 miljun Ewropew jegħlbu l-faqar. L- Aġenda għall-Ħiliet Ġodda u l-Impjiegi tistabbilixxi l-mezzi kif iktar nies jistgħu jiddaħħlu fis-suq tax-xogħol, b'fowkus fuq swieq tax-xogħol li jiffunzjonaw aħjar u li huma inqas frammentati, forza tax-xogħol b'iktar ħiliet, xogħlijiet u kondizzjonijiet tax-xogħol ta' kwalità aħjar, u l-promozzjoni kemm tal-ħolqien tal-impjiegi u kemm tad-domanda għax-xogħol. Dawn l-erba' aspetti huma rilevanti għat-tnaqqis tal-faqar, u l-azzjonijiet prinċipali li ġejjin li ġew proposti fir-rigward tagħhom huma ta' importanza partikolari: il-kisba ta' momentum ġdid għall-flessigurtà u s-sejbien ta' metodi ġodda biex tingħeleb il-frammentazzjoni tas-suq tax-xogħol bl-iżgurar ta' benefiċċji moderni u inklużivi u sistemi tas-sigurtà soċjali; il-forniment tan-nies bil-ħiliet adattati; inklużi l-kompetenzi diġitali; l-istimolazzjoni tar-reklutaġġ permezz ta' tnaqqis selettiv fl-ispejjeż mhux marbuta mal-pagi partikolarment għal dawk bi ftit ħiliet. Din l-inizjattiva prinċipali tħares lejn it-tkabbir fl-impjiegi minn "perspettiva soċjali", filwaqt li tenfasizza l-importanza li jiġu indirizzati kemm il-kwantità ta' impjiegi kif ukoll id-dimensjonijiet kwalitattivi tagħhom. Din tenfasizza l-ħtieġa li n-nies il-foqra jingħataw il-ħiliet li bihom ikunu jistgħu jieħdu vantaġġ sħiħ minn kwalunkwe espansjoni fil-potenzjal tax-xogħol bħal pereżempju fl-impjiegi relatati mal-ambjent, billi hemm sinerġija ċara bejn il-ħolqien tal-impjiegi u t-tkabbir ambjentali. L- inklużjoni attiva tal-persuni bl-inqas aċċess għas-suq tax-xogħol hija kwistjoni prominenti fl-aġendi tal-UE u dawk nazzjonali. Issa qbilna dwar sett ta' prinċipji komuni [5] biex ngħinu lin-nies ikollhom aċċess għas-suq tax-xogħol li jkollhom bżonn. Il-prinċipji li jindirizzaw il-bżonn ta' strateġiji integrati li jikkumbinaw skemi ta' appoġġ għal min ma għandux sors ta' introjtu mfasslin tajjeb, swieq tax-xogħol inklużivi u servizzi soċjali adegwati. Dawk bl-inqas aċċess għas-suq tax-xogħol, jeħtieġu wkoll appoġġ soċjali mtejjeb li jkompli jingħatalhom ladarba jsibu impjieg, biex tiġi evitata s-sitwazzjoni tal-bieb li jdur, fejn isibu ruħhom maqbudin bejn il-qgħad u impjieg ta' kwalità baxxa u prekarju. L-evidenza turi li din ħafna drabi ma tingħatax jew ma tkunx adegwata. F'bosta Stati Membri persentaġġ sinifikanti ta' nies fil-bżonn ma għandhomx aċċess għal għajnuna soċjali jew ma jużawx id-drittijiet tagħhom. Oħrajn jinsabu maqbuda f'sitwazzjoni ta' dipendenza fuq il-benefiċċji, fejn ħafna drabi jkunu intitolati għal benefiċċji li mhumiex biżżejjed biex dawn jegħlbu l-faqar. Fl-2012, il-Kummissjoni se tippreżenta Komunikazzjoni li tipprovdi valutazzjoni bir-reqqa tal-implimentazzjoni tal-istrateġiji għall-inklużjoni attiva fil-livell nazzjonali, inkluża l-effettività tal-iskemi tal-introjtu minimu u kif il-programmi tal-UE jistgħu jintużaw biex tiġi appoġġjata l-inklużjoni attiva. | Il-protezzjoni soċjali u l-aċċess għal servizzi essenzjali Il-kriżi reċenti ppreżentat l-isfida bla preċedent lis-sistemi tal-protezzjoni soċjali, tal-indirizzar tal-livelli li dejjem qed jiżdiedu ta' esklużjoni b'riżorsi pubbliċi mnaqqsin. Minkejja li l-protezzjoni soċjali rnexxielha tindirizza l-bżonnijiet l-iktar immedjati wara li faqqgħet il-kriżi, proporzjon sinifikanti ta' persuni b'introjtu baxx għandhom aċċess limitat għax-xbieki tas-sigurtà soċjali. Attwalment jinħtieġu effiċjenza ikbar permezz tal-konsolidazzjoni tas-servizzi u twettiq aħjar ta' dan, flimkien mal-mobilizzazzjoni ta' sett ikbar ta' atturi u strumenti. Huwa essenzjali wkoll li l-politiki jindirizzaw żewġ sfidi prinċipali: il-prevenzjoni li hija l-iktar mod effettiv u sostenibbli ta' kif jiġu indirizzati l-faqar u l-esklużjoni soċjali u l-intervent bikri biex jiġi evitat li n-nies li jaqgħu fil-faqar jibqgħu maqbuda f'sitwazzjonijiet soċjoekonomiċi li kull ma jmur isiru iktar diffiċli u problematiċi. L-adegwatezza u s-sostenibbiltà fit-tul tas-sistemi tal-pensjoni huma kruċjali għall-prevenzjoni u l-indirizzar tal-faqar fost l-anzjani. Madankollu, it-tixjiħ b'pass mgħaġġel tal-popolazzjoni Ewropea qed ikollu impatti mifruxa fuq it-tipi kollha ta' skemi tal-pensjonijiet u qed jagħti urġenza bla preċendent lill-aġenda għar-riformi, fejn għandhom jintlaħqu bilanċi diffiċli bejn l-ekwità, l-effiċjenza u s-sostenibbiltà. Il-muftieħ għal pensjonijiet adegwati u sostenibbli fil-futur huwa x-'xjuħija attiva' li timplika b'mod partikolari li jinħolqu kondizzjonijiet li jippermettu lil ħaddiema iktar anzjani jibqgħu għal żmien itwal fis-suq tax-xogħol. Ir-riformi tal-pensjonijiet għandhom iqisu t-tfassil ġenerali tal-protezzjoni soċjali. Minħabba t-tendenzi attwali fl-għoti tal-pensjonijiet, huwa probabbli li l-gruppi vulnerabbli u persuni b'karrieri qosra jew b'interruzzjonijiet fihom, isiru dejjem iktar dipendenti fuq il-pensjonijiet minimi u d-dispożizzjonijiet dwar l-introjtu minimu għal persuni iktar anzjani. Id-differenzi fis-saħħa li qed jikbru fl-Istati Membri jenfasizzaw rabtiet mill-qrib bejn id-differenzi fis-saħħa u l-faqar, kif jidher biċ-ċar mid-differenzi bejn gruppi b'introjtu differenti fil-livelli tas-saħħa, restrizzjonijiet f'attivitajiet minħabba mard u diżabbiltà u l-probabbiltà ta' mewt fit-twelid fejn il-qabża bejn il-gruppi soċjoekonomiċi l-iktar għolja u dawk l-iktar baxxi, twassal għal anki sa 10 snin għall-irġiel u sitta għan-nisa. Saħħa li mhix daqshekk tajba – li ħafna drabi tirriżulta minn kondizzjonijiet tal-għajxien ħżiena – tista' tkun kontributur prinċipali għall-faqar, peress li tista' tnaqqas l-abbiltà li persuna taħdem u minħabba l-ispejjeż tat-trattament u l-kura. Il-prevenzjoni tal-mard u l-għoti ta' aċċess għal kura tas-saħħa u soċjali li hi effettiva u li tista' tintlaħaq mill-but ta' kulħadd, huma għalhekk miżuri importanti fil-ġlieda kontra l-faqar. Din hija sfida għall-politika tas-saħħa pubblika u għas-sistemi tas-saħħa, fejn domanda li qed tiżdied flimkien ma' pressjonijiet kbar fuq il-baġit taw urġenza ġdida lill- effiċjenza fis-sistemi tas-saħħa : l-isfida hija li titjieb l-effiċjenza filwaqt li jkun żgurat aċċess għal kura tas-saħħa ta' kwalità għal kulħadd. Popolazzjoni li qed tixjieħ u bidliet usa' fis-soċjetà bħall-fatt li iktar nisa qed jidħlu fis-suq tax-xogħol, li qed naraw iktar unitajiet domestiċi b'persuna waħda, il-familiji bla tfal u ġenerazzjonijiet differenti ta' familji li jgħixu bogħod minn xulxin, kollha qed jikkontribwixxu għal żieda f'daqqa fid-domanda għal servizzi tas-saħħa u soċjali . Il-foqra jistgħu jsibuha diffiċli li jaċċessaw dawn is-servizzi, u dan ikompli jbegħedhom mis-suq tax-xogħol peress li jkollhom jassumu responsabbiltajiet ta' għoti ta' kura. L-isfida politika, għal darba oħra fil-kuntest tal-pressjoni baġitarja, hija waħda ta' żgurar ta' provvista biżżejjed ta' kura professjonali ta' kwalità għolja, effiċjenti u li tintlaħaq mill-but ta' kulħadd. Il-Kummissjoni se: Tippreżenta, fl-2011, White Paper dwar il-Pensjonijiet, biex tindirizza kemm is-sostenibbiltà u kemm l-adegwatezza tal-pensjonijiet fil-kuntest ta' wara l-kriżi. Tniedi Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni (SEI) fir-rigward ta' xjuħija attiva u sana, fl-2011, u tappoġġja inizjattivi għal xjuħija attiva fil-livelli kollha fil-kuntest tas-Sena Ewropea għax-Xjuħija Attiva fl-2012. Tiżviluppa l-Qafas Ewropew Volontarju għall-Kwalità għas-servizzi soċjali f'livell settorjali, inkluż fil-qasam tal-kura fit-tul u tal-kondizzjoni ta' persuni bla dar. Twettaq valutazzjoni tal-effiċjenza u l-effettività tan-nefqa fuq is-saħħa, partikolarment fir-rigward ta' kwistjonijiet enfasizzati fil-komunikazzjoni dwar "Is-Solidarjetà fis-Saħħa: Innaqqsu d-differenzi fil-qasam tas-saħħa fl-UE", Tippreżenta, fl-2011, inizjattiva leġiżlattiva biex tiżgura l-aċċess għal ċerti servizzi bankarji bażiċi u tistieden lis-settur bankarju jissottometti inizjattiva awtoregolatorja mmirata lejn it-titjib tat-trasparenza u l-komparabbiltà tal-miżati tal-banek. | - L-edukazzjoni u l-politiki taż-żgħażagħ L-edukazzjoni u t-taħriġ għandhom impatt dirett fuq dak li jistgħu jkunu u dak li jistgħu jagħmlu n-nies. Is-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ għandhom ikunu strumentali fl-appoġġ tal-mobbiltà soċjali 'l fuq u għandhom jgħinu biex jinqered, u mhux jissaħħaħ, iċ-ċiklu tal-iżvantaġġ u l-inugwaljanza. L-edukazzjoni qabel dik primparja hija probabbilment l-iktar fattur kruċjali biex jinqered iċ-ċirku vizzjuż tat-trażmissjoni tal-faqar bejn il-ġenerazzjonijiet, u hija l-investiment bl-iktar riżultati. L-investiment f'edukazzjoni u kura, li jkunu ta' kwalità għolja, minn kmieni fit-tfulija jista' jappoġġja bidu sikur fil-ħajja għal kulħadd. L-Istati Membri adottaw il-valur referenzjarju, li 95 % tat-tfal bejn l-erba' snin u l-bidu tal-edukazzjoni obbligatorja għandhom isegwu edukazzjoni u kura fit-tfulija bikrija. Il-Kummissjoni se taħdem mal-Istati Membri biex is-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ isiru iktar inklużivi fil-livelli kollha u għall-etajiet kollha (livelli tal-iskola primarja u sekondarja, edukazzjoni għolja, taħriġ vokazzjonali u tagħlim għall-adulti). Mill-perspettiva fit-tul, it-tnaqqis ta' dawk li jitilqu mill-iskola kmieni kif ġie maqbul fil-mira ewlenija ta' Ewropa 2020 għal inqas minn 10 % minn dawk li jieqfu mill-edukazzjoni tagħhom kmieni sal-2020, se jkun kontribut kbir għat-tnaqqis tal-faqar, peress li livell suffiċjenti ta' ħiliet u kompetenzi (inklużi dawk diċitali) huwa kruċjali għall-impjegabbiltà taż-żgħażagħ fis-swieq tax-xogħol tal-lum. Tendenzi inkwetanti fl-għadd ta' żgħażagħ li la qed jistudjaw u lanqas qed jaħdmu, jenfasizzaw il-ħtieġa li tittejjeb il-firxa usa' ta' politiki li jappoġġjaw liż-żgħażagħ kif ġie maqbul fl-Istrateġija Ewropea taż-Żgħażagħ għal bejn l-2010 u l-2018 [6] . Hemm bżonn ta' approċċi mmirati biex jiġu indirizzati d-diffikultajiet li qed jiżdiedu li jikkaratterizzaw it-tranżizzjoni għall-ħajja adulta f'soċjetajiet postindustrijali, partikolarment għaż-żgħażagħ marġinalizzati. L-inizjattiva prinċipali "Żgħażagħ Attivi" toħloq preċiżament ir-rabta bejn l-edukazzjoni u t-taħriġ fuq naħa, u s-suq tax-xogħol fuq naħa oħra billi tipproponi miżuri biex ittejjeb l-impjegabbiltà taż-żgħażagħ. Il-Kummissjoni se: Tippreżenta, fl-2011, Komunikazzjoni li takkumpanja proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar politiki biex jiġi indirizzat it-tluq minn kmieni mill-edukazzjoni u titnieda inizjattiva wiesgħa biex tippromwovi interventi iktar effettivi, fil-livelli kollha tal-edukazzjoni, kontra ċ-ċiklu tal-iżvantaġġ. Tipproponi, fl-2012, Rakkomandazzjoni dwar il-faqar fost it-tfal, li tagħti ħarsa lejn prinċipji komuni u għodda għal monitoraġġ effettiv biex jingħeleb u jiġi prevenut il-faqar kmieni fil-ħajja. | - Il-migrazzjoni u l-integrazzjoni tal-migranti Il-kontroll tal-migrazzjoni u l-integrazzjoni tal-migranti attwalment qegħdin fuq quddiem nett fl-aġendi politiki Ewropej u dawk nazzjonali. Iktar min 30 miljun ruħ – jew 6,4 % tal-popolazzjoni – li jgħixu fil-pajjiżi tal-UE mhumiex ċittadini. Żewġ terzi minnhom huma ċittadini ta' pajjiżi terzi. Filwaqt li l-migrazzjoni tista' tkun parti importanti mis-soluzzjonijiet għall-kwistjonijiet ekonomiċi, demografiċi u kompetittivi tal-Ewropa, it-twaqqif ta' qafas politiku komprensiv u effettiv għall-integrazzjoni huwa sfida kbira. Il-proċess li bih wieħed isir parti minn soċjetà ġdida huwa wieħed tassew kumpless u jirrikjedi sforzi f'diversi oqsma. Dan jinvolvi aċċess għas-suq tax-xogħol, għall-akkomodazzjoni, għas-servizzi pubbliċi (speċjalment is-servizzi tal-għajnuna soċjali u tal-edukazzjoni), għas-servizzi privati (il-banek, l-assigurazzjoni, eċċ), u l-bini ta' relazzjonijiet soċjali u kulturali mal-komunità, u l-parteċipazzjoni fi proċessi politiċi. Hemm ħafna evidenza ta' trażmissjonijiet bejn il-ġenerazzjonijiet ta' żvantaġġi fil-popolazzjoni tal-migranti. Barra minn hekk, it-tieni u t-tielet ġenerazzjonijiet ta' migranti wkoll jesperjenzaw diskriminazzjoni fl-aċċess għax-xogħol kif ukoll għall-prodotti u s-servizzi. Madankollu, huwa kruċjali għall-koeżjoni soċjali Ewropea li l-isfida tal-integrazzjoni tingħeleb, u din hija relatata mill-qrib mal-futur tas-sistemi tal-għajununa soċjali Ewropej. Il-kisba tal-għan tal-inklużjoni u l-koeżjoni soċjali ta' Ewropa 2020, se tiddependi ħafna fuq il-kapaċità li l-UE u l-Istati Membri tagħha joħolqu rabta bejn il-politiki soċjali u dawk tal-migrazzjoni. Fl-2011, il-Kummissjoni se tippreżenta "L-Aġenda Ewropea Ġdida dwar l-Integrazzjoni" biex tappoġġja aħjar l-isforzi tal-Istati Membri fil-promozzjoni ta' ċittadini minn pajjiżi terzi ta' kulturi, reliġjonijiet, lingwi u etniċitajiet differenti biex jipparteċipaw b'mod attiv fl-ekonomiji u s-soċjetajiet Ewropej. | - L-inklużjoni soċjali u l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni Jeħtieġ li l-politiki tal-inklużjoni soċjali jikkumplimentaw il-politiki għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni, peress li għal ħafna nies l-għeruq tal-faqar u d-diffikultajiet ħafna drabi jinsabu fir-restrizzjonijiet mill-opportunitajiet u d-drittijiet li huma miftuħin għal gruppi oħra. Il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni u għad-drittijiet tal-bniedem kisbu importanza akbar fl-ordni legali tal-UE, iżda l-implimentazzjoni sħiħa tal-leġiżlazzjoni tal-UE għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni fil-livell nazzjonali jeħtieġ li tiġi appoġġjata minn politiki rilevanti u azzjonijiet konkreti. Integrazzjoni iktar mill-qrib bejn il-politiki soċjali u dawk għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni, hija kruċjali biex jiġu indirizzati l-iżvantaġġi speċifiċi li jaffettwaw partijiet kbar mill-popolazzjoni Ewropea. Hemm bżonn ta' politiki ta' ugwaljanza bejn is-sessi, f'konformità mal-Istrateġija l-ġdida dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel għal bejn l-2010 u l-2015, biex tiġi indirizzata d-differenza fid-dħul tal-irġiel u tan-nisa, li hija viżibbli f'ħafna fil-gruppi tal-etajiet, u li twassal għal rati iktar għoljin ta' faqar fil-popolazzjoni femminili, kemm fost dawk li jaħdmu u kemm fost dawk qiegħda. Dan ir-riskju jiżdied b'mod drammatiku għall-ommijiet waħedhom u għan-nisa anzjani. L-indirizzar tal-forom speċifiċi ta' diskriminazzjoni u esklużjoni li jaffaċċjaw in-nies b'diżabbiltà, jirrikjedi wkoll interventi f'firxa wiesgħa ta' oqsma politiċi differenti. L-indikaturi eżistenti tal-faqar ma jirriflettux li l-ammont ta' riżorsi li jista' jiżgura ħajja deċenti għal persuna mingħajr diżabbiltà jista' jkun totalment inadegwat għal persuna b'diżabbiltà, minħabba l-ostakoli addizzjonali li din tiltaqa' magħhom waqt l-attivitajiet ta' kuljum tagħha[7]. L-Istrateġija Ewropea dwar id-Diżabbiltà l-ġdida għal bejn l-2010 u l-2020 se tikkontribwixxi biex tneħħi l-ostakoli li jwaqqfu lil 80 miljun Ewropew b'diżabbiltà milli jipparteċipaw fis-soċjetà fuq bażi ugwali. Fi kważi kull aspett, il-persuni bi problemi tas-saħħa mentali huma fost il-gruppi l-iktar esklużi fis-soċjetà u b'mod konsisteni jidentifikaw l-istigmatizzazzjoni, id-diskriminiazzjoni u l-esklużjoni bħala l-ostakoli prinċipali għas-saħħa, il-benesseri u l-kwalità fil-ħajja. Il-Patt Ewropew dwar is-Saħħa u l-Benesseri Mentali jista' jikkontribwixxi għall-identifikazzjoni ta' kif l-atturi politiċi fil-qasam soċjali u tas-saħħa jistgħu jaħdmu flimkien biex jippromwovu inklużjoni soċjali għal persuni bi problemi tas-saħħa mentali. Il-faqar u l-marġinalizzazzjoni ta' ċerti minoranzi etniċi, bħar- Roma, żdiedu.Stħarriġ tal-2009 dwar id-diskriminazzjoni f'seba' Stati Membri li sar mill-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali rrapporta li nofs dawk li wieġbu mill-popolazzjoni tar-Roma kienu esperjenzaw diskriminazzjoni fit-tnax-il xahar ta' qabel u wieħed minn kull ħamsa kien safa vittma ta' reati mmotivati mir-razziżmu[8]. Ħafna Roma jgħixu fi djar u akkomodazzjoni ta' kwalità baxxa u maqtugħin mill-bqija. Huwa iktar probabbli li t-tfal Roma jiġu mgħallma fi skejjel issegregati, li jkollhom attendenza baxxa, u li jitilqu mill-iskola kmieni. Il-Kummissjoni stiednet lill-Istati Membri jippreżentaw strateġiji nazzjonali għall-inklużjoni tar-Roma fil-Programmi Nazzjonali ta' Riforma biex dawn l-istrateġiji jikkontribwixxu għall-kisba tal-mira ewlenija għat-tnaqqis tal-faqar u l-esklużjoni soċjali. Il-kondizzjoni tal-persuni bla dar u n-nuqqas ta' akkomodazzjoni forsi huma l-iktar eżempji estremi ta' faqar u esklużjoni soċjali fis-soċjetà tal-lum. Għalkemm l-aċċess għal akkomodazzjoni bi prezz raġonevoli huwa bżonn u dritt fundamentali, il-garanzija ta' din id-dritt għadha tirrappreżenta sfida sinifikanti f'ħafna Stati Membri. L-iżvilupp ta' rispons xieraq u integrat, kemm għall-prevenzjoni u kemm għall-indirizzar tal-kondizzjoni ta' persuni bla dar, għandu jibqa' element importanti tal-istrateġija tal-UE għall-inklużjoni soċjali. Il-Kummissjoni se: Tippreżenta Qafas tal-UE għall-Istrateġiji Nazzjonali tal-Integrazzjoni tar-Roma fl-2011. Iżżid l-isforzi biex tippromwovi l-indipendenza ekonomika tan-nisa, li hija l-ewwel waħda minn ħames prijoritajiet tal-Istrateġija dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel għal bejn l-2010 u l-2015. Tiżgura segwitu adegwat tal-Istrateġija Ewropea dwar id-Diżabbiltà ta' bejn l-2010 u l-2020, li hija mmirata partikolarment lejn ċirkostanzi u ostakoli li jipprevjenu lil persuni b'diżabbiltà milli jgawdu bis-sħiħ mid-drittijiet tagħhom. Tidentifika metodi u mezzi biex tkompli l-ħidma li bdiet dwar il-kondizzjoni tal-persuni bla dar u l-esklużjoni soċjali bl-aħjar mod, filwaqt li tqis ir-riżultat tal-konferenza ta' kunsens ta' Diċembru 2010. | - Il-politiki settorjali Il-politiki u l-istrumenti finanzjarji tal-UE hemm bżonn li jikkunsidraw iktar fil-fond ir-rwol essenzjali li s-servizzi tan-netwerks bħat-trasport, l-enerġija, l-IT u oħrajn jista' jkollhom fit-tnaqqis tad-diskrepanzi lokali u reġjonali u l-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali. L-aċċess għal dawn is-servizzi u l-iżgurar li dawn jintlaħqu mill-but ta' kulħadd saru neċessità primarja fis-soċjetajiet avvanzati tagħna. Dan jenfasizza l-importanza li l-għanijiet soċjali jsiru iktar viżibbli f'għadd ta' politiki settorjali, kif ukoll fil-politiki tas-suq intern u tal-konsumatur. L-użu aċċessibbli tat- Teknoloġiji tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni fl-era tal-internet itejjeb l-impjegabbiltà u l-opportunitajiet tul il-ħajja, l-inklużjoni fil-komunitajiet lokali, l-użu tas-servizzi pubbliċi onlajn u l-aċċess għal kura moderna u effiċjenti, biex b'hekk tiġi ffaċilitata l-inklużjoni soċjali. Dan jirrikjedi sforzi sostnuti tiġi indirizzata l-qabża diġitali permezz tat-titjib tal-litteriżmu diġitali, tal-ħiliet diġitali u tal-użu regolari tal-internet għal persuni żvantaġġjati, kif ukoll permezz tal-għoti ta' servizzi onlajn inklużivi u mmirati f'oqsma prinċipali (l-impjiegi, l-akkomodazzjoni, is-saħħa u servizzi soċjali oħra) li jappoġġjaw l-għoti tas-setgħa lill-utenti, partikolarment dawk minn gruppi vulnerabbli. L-edukazzjoni jista' jkollha rwol kruċjali biex jiġi evitat it-twessigħ addizzjonali tal-qabża diġitali[9]. Il-prezzijiet tal-enerġija li qed jogħlew jistgħu jsiru ta' sfida għaċ-ċittadini tal-UE. Il-politika tal-enerġija se tkompli tikkontribwixxi biex tindirizza l-ħtiġijiet tal-konsumaturi u, fejn ikun xieraq, tindirizza r-riskju tal-faqar enerġetiku. F'dan il-kuntest, suq intern li jiffunzjona tajjeb u miżuri għall-użu effiċjenti tal-enerġija huma partikolarment importanti għall-konsumaturi. B'mod partikolari, il-gruppi vulnerabbli huma protetti l-aħjar mill-faqar enerġetiku permezz ta' implimentazzjoni sħiħa mill-Istati Membri tal-leġiżlazzjoni dwar l-enerġija u l-użu ta' soluzzjonijiet innovattivi għall-effiċjenza fl-enerġija. L-aċċess għas-servizzi finanzjarji għal dawk l-iktar vulnerabbli jista' jittejjeb permezz tal-politiki tas-suq intern u dawk tal-konsumatur. L-esklużjoni finanzjarja tista' xxekkel lin-nies milli jsibu impjieg, jiftħu negozju u jaċċessaw servizzi oħra. L-iżgurar ta' aċċess għal servizzi finanzjarji bażiċi huwa r-responsabbiltà tal-awtoritajiet pubbliċi – kemm fil-livell nazzjonali u kif ukoll f'dak Ewropew. Id-dimensjoni esterna Fl-aħħar nett, l-isforzi biex jingħeleb il-faqar huma parti prinċipali mid- dimensjoni esterna tal-politiki tal-UE u, partikolarment, il-politiki tagħha tal-impjieg u dawk soċjali. Mill-adozzjoni tal-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millenju, u flimkien ma' organizzazzjonijiet internazzjonali jew fora , l-UE qiegħda tappoġġja dejjem iktar lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw fl-isforzi tagħhom biex inaqqsu l-faqar, partikolarment permezz tal-aċċess għall-edukazzjoni primarja, l-ilma jew is-saħħa, u l-promozzjoni ta' xogħol deċenti iżda anki permezz tal-politika tal-kummerċ, u bir-rinfurzar tad-demokrazija u t-tmexxija tajba. Il-promozzjoni tax-xogħol deċenti għal kulħadd, għandha rwol essenzjali fit-tnaqqis tal-faqar u t-titjib tal-inklużjoni soċjali. Il-Kummissjoni se tkompli tiżviluppa d-djalogu politiku mal-imsieħba strateġiċi tal-UE u f'fora internazzjonali, notevolment l-ILO, il-G20, il-G8 u n-NU. Fil-qafas tal-proċess tat-tkabbir tal-UE u fi ħdan il-Politika Ewropea tal-Viċinat, il-Kummissjoni se tiżgura wkoll li l-pajjiżi rilevanti jibdew jaħdmu biex jilħqu l-għanijiet ta' din il-Pjattaforma. L-istima tal-Impatt Soċjali Koordinazzjoni aħjar tal-politika tfisser li l-impatt soċjali tal-inizjattivi politiċi jeħtieġ li jiġi vvalutat bir-reqqa u li l-konsegwenzi soċjali li huma potenzjalment negattivi għandhom jiġu mminimizzati permezz ta' miżuri mmirati lejn l-ekwità u li jiffukaw fuq il-faqar. Il-Kummissjoni Ewropea għaddiet l-inizjattivi prinċipali kollha u l-proposti leġiżlattivi minn stima tal-impatt komprensiva (SI), inkluża d-dimensjoni soċjali. Il-Kummissjoni se tkompli tirfina u ttejjeb il-kwalità tal-istima tal-impatt biex tiżgura li tingħata attenzjoni lid-dimensjoni soċjali. Huwa importanti li meta jkunu qed jimmodifikaw il-proposti tal-Kummissjoni l-Istituzzjonijiet l-oħra tal-UE u l-Istati Membri, fil-livell nazzjonali, jivvalutaw id-dimensjoni soċjali tal-proposti tagħhom stess. 3.2. Naraw li l-fondi tal-UE jagħtu l-frott fir-rigward tal-għanijiet tal-inklużjoni soċjali u dawk tal-koeżjoni soċjali Ir-Reviżjoni tal-Baġit u l-għanijiet ta' Ewropa 2020 F'Ottubru 2010, il-Kummissjoni Ewropea nediet reviżjoni tal-baġit tal-UE . Fir-rigward tat-tkabbir inklużiv, il-Kummissjoni enfasizzat li l-fondi ta' koeżjoni kellhom bżonn jiffukaw fuq l-għanijiet ta' Ewropa 2020. Il-Politika ta' Koeżjoni futura għandha tbiddel il-miri ta' Ewropa 2020 f'benefiċċji tanġibbli u tagħmel differenza reali fil-ħajja taċ-ċittadini. Ir-Reviżjoni tal-Baġit tenfasizza l-importanza tas-solidarjetà, filwat li targumenta li l-kunsiderazzjoni għall-iktar vulnerabbli għandha impatt pożittiv fuq it-tkabbir u toħloq benefiċċji li jgawdi minnhom kulħadd. Din tenfasizza wkoll li l-kwistjoni hija primarjament dwar kif l-infiq għandu jsir b'mod iktar intelliġenti . Jinħtieġu approċċi innovattivi li jikkumplimentaw l-għodod eżistenti u li jgħinu fl-iżgurar ta' użu kosteffiċjenti, effettiv u ekwu tan-nefqa soċjali pubblika. Fir-rigward tal-proposti tal-Kummissjoni tas-sena d-dieħla fir-rigward tal-Qafas Finanzjarju Multiannwali, l-istrumenti finanzjarji tal-UE qed jerġgħu jiġu eżaminati fid-dawl tal-għanijiet u l-prinċipji ewlenin tar-Reviżjoni Baġitarja. Għall-għanijiet tal-Pjattaforma Ewropea kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali huma ta' rilevanza partikolari, iżda anki fir-rigward tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u ta' komponenti oħra tal-baġit komunitarju, dawn għandhom rwol importanti x'jaqdu. Il-kontribuzzjoni tal-Fondi tal-Fondi Kull sena, ħames miljun persuna qiegħda u madwar miljun persuna minn gruppi vulnerabbli jibbenefikaw minn appoġġ dirett mill-Fond Soċjali Ewropew (FSE), l-għodda finanzjarja Ewropea prinċipali għall-appoġġ tal-impjiegi u l-inklużjoni soċjali. Tul il-perjodu ta' programmar bejn l-2007 u l-2013 iktar minn EUR 10 biljun twarbu għal proġetti li jiġġieldu l-esklużjoni soċjali li jkomplu jiġu megħjuna mill-fondi nazzjonali. L- FSE jikkofinanzja proġetti mfasslin apposta biex jgħinu lil persuni vulnerabbli u żvataġġjati li l-inqas li għandhom aċċess għas-suq tax-xogħol (l-aċċess ta' dawn huwa limitat minħabba problemi bħan-nuqqas ta' taħriġ, id-diżabbiltà, jew id-diskriminazzjoni) kif ukoll dawk li ilhom qiegħda, ħaddiema li huma ikbar fl-età u dawk li tilfu xogħolhom. L-FSE se jiġi aġġustat għall-qafas il-ġdid ta' Ewropa 2020 biex jaqdi bis-sħiħ ir-rwol tiegħu fl-iżgurar tal-ħiliet adattati għall-impjiegi u t-tnaqqis tal-faqar, permezz ta' volumi ta' fondi prevedibblibaġit prevedibbli. Għandu jiġi żgurat aċċess issimplifikat mill-benefiċjarji, partikolarment għall-NGOs u għas-sħubijiet lokali, permezz ta' skemi ta' għotjiet li jkunu mfasslin apposta. L-inklużjoni soċjali u t-tnaqqis tal-faqar huma tnejn mit-temi li tista' ssir proposta li jinżammu mill-Istati Membri taħt l-FSE, biex jappoġġjaw bis-sħiħ l-implimentazzjoni tal-Linji gwida Integrati. Għandha issir enfasi akbar fuq riżorsi li jkunu mmirati tajjeb mhux biss lejn gruppi speċifiċi, iżda anki lejn ċerti żoni żvantaġġjati: f'dan il-kuntest, l-approċċi integrati għall-ġlieda kontra l-faqar għandhom jittejbu u jippermettu investiment mill-fondi fl-infrastruttura soċjali, fejn ikun neċessarju, għall-implimentazzjoni li tirnexxi tal-miżuri tal-politika soċjali li huma appoġġjati mill-FSE. L-FSE jista' jikkontribwixxu wkoll permezz ta' modi innovattivi biex iktar riżorsi privati jintużaw b'appoġġ għall-inklużjoni soċjali. Fl-aħħar nett, l-Istati Membri jistgħu jintalbu jidentifikaw il-gruppi li qegħdin f'riskju ta' diskriminazzjoni, u se jitħeġġu jwarrbu fondi speċifiċi għal azzjonijiet f'dan il-qasam. L-azzjoni tal-FSE fil-qasam tal-integrazzjoni attwalment hija ikkumplimentata mill- Fond Ewropew għall-Integrazzjoni ta' ċittadini minn pajjiżi terzi (għall-migranti) u, mill- Fond Ewropew għar-Rifuġjati (għar-rifuġjati). Il-programm PROGRESS li jaħdem id f'id mal-FSE, tfassal biex jiżgura li l-politika soċjali tal-UE tibqa' fid-direzzjoni t-tajba biex taffaċċja l-isfidi politiċi prinċipali. Dan jaħdem biex jgħin lill-Istati Membri jwettqu l-impenji tagħhom biex joħolqu iktar xogħlijiet u xogħlijiet aħjar biex jiġġieldu l-faqar u l-esklużjoni, biex jiggarantixxu opportunitajiet indaqs u jimplimentaw il-liġijiet soċjali tal-UE. PROGRESS kien strumentali billi influwenza u kkonsolida l-kooperazzjoni tal-UE fil-qasam soċjali, u qed jippromwovi dejjem iktar it-tagħlim reċiproku u l-innovazzjonijiet soċjali. Kemm l-UE u kemm il-Bank Ewropew tal-Investiment ħadu l-impenn li jikkontribwixxu EUR 100 miljun kull wieħed għall- Faċilità Ewropea ta' Mikrofinanzjament għall-Progress . Dan il-fond jimmira li jipprovdi EUR 500 miljun għall-mikroself tul l-għaxar snin li ġejjin. Il-mikrofinanzjament huwa mezz importanti għall-istimolazzjoni tal-impjieg indipendenti u l-ħolqien ta' mikrointrapriżi u huwa possibbli li jkollu rwol sinifikanti fil-promozzjoni kemm tal-inklużjoni soċjali u kemm tal-ħolqien tal-impjiegi. Il-kisba tal-għanijiet tal-inklużjoni soċjali tal-UE se tiddependi wkoll fuq l-operat u t-tfassil attwali u futuri tal- Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) In-natura tal-iżvantaġġ li jaffettwa lin-nies f'sitwazzjonijiet ta' faqar u esklużjoni soċjali hija influwenzata miż-żona fejn ikunu jgħixu u wieħed mill-għanijiet ewlenin tal-Pjattaforma huwa li tiġi żgurata l-koeżjoni soċjali u territorjali. Il-ħames rapport ta' Koeżjoni li ġie adottat f'Novembru 2010 jipprovdi l-orjentazzjonijiet prinċipali fir-rigward tal-politika ta' Koeżjoni futura li jimmira fuq il-prijoritajiet prinċipali Ewropej. Din tippermetti rabta iktar mill-qrib bejn l-aġenda soċjali u dik territorjali. Ir-regolamenti dwar il-Fondi Strutturali għal wara l-2013 għandhom jappoġġjaw l-investimenti kkoordinati tal-FSE u l-FEŻR fl-implimentazzjoni ta' approċċi integrati. In-tnaqqis tad-diskrepanzi u l-ġlieda kontra livelli ta' faqar li qed jogħlew dejjem iktar, partikolarment fiż-żoni urbani, fil-futur, se jirrikjedu azzjonijiet immirati li jkopru l-aspetti ekonomiċi, soċjali u ambjentali. Azzjonijiet bħal dawn għandhom jiġu kkoordinati mil-qrib mal-azzjonijiet tal-FSE. Mingħajr ħsara għall-proposti futuri dwar il-Fondi Strutturali għall-perjodu ta' wara l-2013, l-FEŻR se jkompli jakkumpanja dawn l-azzjonijiet b'investimenti kbar fl-infrastruttura edukattiva, soċjali u tas-saħħa, partikolarment fl-ifqar reġjuni f'kooperazzjoni mill-qrib ma' fondi oħra. Filwaqt li ħafna min-nies f'kundizzjonijiet żvantaġġjati jgħixu f'ċentri urbani prinċipali, f'termini relattivi, għandhom tendenza li jkunu rrappreżentati żżejjed f'żoni u komunitajiet rurali u dawk iżolati ġeografikament. F'ċerti Stati Membri r-riskju tal-faqar f'żoni rurali huwa d-doppju ta' dak f'żoni urbani. L-Unjoni Ewropea għandha politika attiva ta' żvilupp rurali, appoġġjata mill- Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR), li tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta' infrastruttura u servizzi soċjali u edukattivi, u b'mod iktar ġenerali, għat-titjib tal-kapital uman fiż-żoni rurali. Fis-snin reċenti, l-interventi tal-politika tal-iżvilupp rurali dejjem qed jiġu mmirati iktar lejn l-għanijiet tal-inklużjoni soċjali, b'tali mod li jista' jkun utli għall-appoġġ lill-komunitajiet rurali tar-Roma. Is-sinerġiji bejn l-azzjonijiet sostnuti mill-fondi strutturali kemm fiż-żoni rurali u kemm f'dawk urbani għandhom ikomplu jittejbu. Il-promozzjoni tar-riċerka avvanzata soċjoekonomika Ewropea ġiet appoġġjata wkoll permezz tal- Programm Qafas ta' Riċerka, notevolment permezz tal-iżvilupp ta' metodoloġiji, indikaturi tal-progress jew infrastrutturi tar-riċerka ġodda. Il-Fond Soċjali Ewropew, għandu jintuża f'konformità mar-Reviżjoni tal-Baġit, biex isostni l-isforzi tal-Istati Membri biex jilħqu l-għanijiet ta' Ewropa 2020, inkluża l-mira għat-tnaqqis tal-faqar. Dan jimplika li r-riżorsi neċessarji se jiġu ffukati fuq l-inklużjoni soċjali filwaqt li l-aċċess tal-partijiet interessati rilevanti għal dawk ir-riżorsi jiġi ffaċilitat. Il-Kummissjoni se timmira li tiffaċilita l-aċċess għall-għotjiet globali għal organizzazzjonijiet żgħar u aċċess imtejjeb għall-finanzjament għal gruppi b'ħafna żvantaġġi u li qegħdin f'riskju kbir ta' faqar. Skont il-proposti li saru fil-ħames rapport ta' koeżjoni, il-Kummissjoni se tippreżenta proposti, fl-2011, għall-qafas regolatorju tal-Politika ta' Koeżjoni għall-perjodu ta' wara l-2013 li se jissimplifikaw l-aċċess għall-fondi strutturali għal gruppi lokali u jiżguraw kumplimentarjetà u sinerġiji aħjar bejn il-fondi tal-UE għall-promozzjoni ta' approċċi msejsa fil-komunità, inkluż għar-riġenerazzjoni urbana. Il-Kummissjoni se tipproponi Qafas Strateġiku Komuni (QSK) għall-Politika ta' Koeżjoni għal wara l-2013, li se jiżgura l-koerenza u l-kumplimentarjetà bejn il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Ewropew tas-Sajd. Il-QSK se jidentifika l-prijoritajiet tal-UE biex tiġi indirizzata l-mira għat-tnaqqis tal-faqar tal-Ewropa u l-azzjonijiet stabbiliti f'din l-inizjattiva prinċipali. | - 3.3. L-iżvilupp ta' approċċ ibbażat fuq ir-riżultati lejn l-innovazzjonijiet u r-riformi soċjali L-UE issa ilha tippromwovi l-innovazzjoni u l-modernizzazzjoni tal-politiki soċjali tal-Istati Membri permezz tar-reviżjoni tal-pari, it-tagħlim reċiproku, il-komunikazzjoni u t-trasferiment tal-aqwa prattiki għal bosta snin, filwaqt li tgħin fit-titjib tat-tfassil u l-fowkus tal-politiki. Madankollu, it-tagħlim transnazzjonali fil-qasam tal-politika soċjali jista' jibbenefika minn referenza ibar għal metodi xjentifiċi biex tiġi ttestjata u vvalutata l-innovazzjoni politika. Ħafna drabi l-programmi tal-gvern fil-qasam tal-politika soċjali ikunu neqsin minn evidenza soda dwar x'jiffunzjona u x'ma jiffunzjonax. L-innovazzjoni soċjali bbażata fuq ir-riżultati fl-għamla ta' "esperimentazzjoni soċjali" tista' tkun għodda tajba ħafna biex tiggwida r-riformi strutturali li se jkunu meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-viżjoni ta' Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv. L-esperimentazzjoni soċjali tirreferi għal proġetti fuq skala żgħira mfasslin biex jittestjaw l-innovazzjonijiet politiċi (jew ir-riformi) qabel ma dawn jiġu adottati b'mod usa'. L-impatt tal-innovazzjoni fuq il-popolazzjoni magħżula fil-kampjun jiġi vvalutat meta mqabbel mas-sitwazzjoni ta' 'grupp ta' kontroll' b'karatteristiċi soċjoekonomiċi simili li jibqa' taħt ir-reġimi politiċi dominanti. L-esperimenti soċjali ilhom isiru mis-snin sebgħin f'diversi pajjiżi biex jiġu vvalutati l-bidliet proposti fil-politiki jew il-programmi pubbliċi. Dawn ġew applikati fi spettru wiesa' ta' interventi soċjali, bħal programmi għat-tranżizzjoni minn dipendenza fuq il-benefiċċji għas-suq tax-xogħol, l-għoti ta' servizzi tas-saħħa, l-indirizzar tal-kondizzjoni ta' persuni bla dar, l-edukazzjoni, l-iżvilupp bikri tat-tfal, l-aċċess għal utilitajiet pubbliċi, l-irtirar attiv, eċċ. Ħafna minnhom intużaw għall-valutazzjoni tal-politiki mmirati lejn gruppi żvantaġġjati. L-esperimentazzjoni soċjali tirrikjedi tħejjija u għażla bir-reqqa. Il-programmi għandhom ikunu fuq skala kbira biżżejjed biex ikunu politikament rilevanti u għandhom jiffukaw fuq oqsma fejn l-evidenza tissuġġerixxi li hemm bżonn ta' bidla fil-politika. Biex ikun konklużiv, il-programm jeħtieġ li jiġi suġġett għal standards valutattivi definiti b'mod ċar, biex jiġi żgurat li r-riżultati tiegħu jkunu trasferibbli għal kuntest ieħor. Dan joħloq kwistjonijiet li jippreżentaw sfida fir-rigward tal-metodoloġija ta' bażi u xi drabi anki kwistjonijiet etiċi importanti. L-isforzi tal-Istati Membri fl-innovazzjoni u l-modernizzazzjoni tal-politika soċjali jistgħu jibbenefikaw b'mod sinifikanti minn inizjattiva Ewropea dwar l-innovazzjoni soċjali . Inizjattiva bħal din timmira li tipprovdi l-aqwa kompetenzi Ewropej fir-rigward tal-metodi għat-tfassil, l-implimentazzjoni u l-valutazzjoni tal-esperimentazzjoni soċjali. Din tippermetti lill-Istati Membri jikkumplimentaw ir-riżorsi nazzjonali bil-fondi tal-UE. Barra minn hekk, tiżgura wkoll tixrid usa' tal-għerf. Il-Fond Soċjali Ewropew (FSE) jista' jipprovdi l-fondi biex l-azzjonijiet innovattivi jiġu ttestjati, flimkien mal-programm PROGRESS. L-FSE jista' jipprovdi wkoll qafas għall-integrazzjoni tal-innovazzjoni soċjali. Il-Kummissjoni, fl-2011, se tniedi inizjattiva biex tinġabar firxa ta' fondi Ewropej għall-promozzjoni tal-innovazzjoni soċjali bbażata fuq l-evidenza mir-riżultati, li possibbilment fil-bidu tiffoka fuq skemi ta' għajnuna soċjali. L-inizjattiva se tinkludi: Netwerk Ewropew ta' eċċellenza fir-riċerka li jippromwovi l-bini tal-kapaċità għat-tfassil u l-valutazzjoni tal-programmi tal-innovazzjoni soċjali. Proġett Ewropew ta' riċerka fil-qasam tal-innovazzjoni soċjali mmirat lejn it-tfassil ta' metodi fattibbli u miżuri li jħallu impatt konkret. Id-definizzjoni ta' prinċipji komuni fir-rigward tat-tfassil, l-implimentazzjoni u l-valutazzjoni ta' proġetti fuq skala żgħira mfasslin biex jittestjaw l-innovazzjonijiet (jew ir-riformi) politiċi qabel l-adozzjoni tagħhom b'mod usa' (esperimenti soċjali). Komunikazzjoni u l-ħolqien ta' għarfien dwar l-innovazzjoni soċjali li tkun għaddejja. "Kumitat ta' tmexxija ta' livell għoli" li se jipprovdi pariri u gwida dwar l-azzjonijiet ta' żvilupp. | - 3.4. Il-promozzjoni ta' approċċ ta' sħubija u l-ekonomija soċjali It-twessigħ u t-titjib tal-involviment tal-partijiet interessati Ewropa 2020 tirrappreżenta sħubija ġdida bejn l-istituzzjonijiet Ewropej, l-Istati Membri, u l-partijiet interessati Ewropej, nazzjonali, reġjonali u lokali kollha. Dan il-bidu ġdid joffri l-opportunità kemm li jittejbu l-istrutturi ta' sħubija eżistenti, u iktar importanti minn hekk, li jwessgħu s-sħubija biex jiġu inklużi atturi oħra. L-appoġġ tal-isforzi li jsiru mill- awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali jibqa' ċentrali għall-azzjoni tal-UE. Dawn l-awtoritajiet huma fuq quddiem nett fl-implimentazzjoni tal-politika u 'inkubaturi' ippruvati tal-innovazzjoni soċjali. L-involviment tagħhom, partikolarment permezz tal-Kumitat tar-Reġjuni u netwerks Ewropej u assoċjazzjonijiet nazzjonali prinċipali, se jżid il-fowkus fuq id-dimensjoni territorjali tal-faqar, u se jsaħħaħ is-sinerġiji fl-għoti tal-fondi tal-UE. L-imsieħba soċjali wkoll għandhom rwol kritiku fl-għoti ta' għajnuna għall-iżgurar tal-aċċess għas-suq tax-xogħol . L-imsieħba soċjali għandhom ikunu fil-qalba ta' din l-istrateġija, u l-Kummissjoni se taħdem biex tappoġġja l–implimentazzjoni effettiva tal-ftehim ta' qafas tagħhom dwar l-inklużjoni ta' gruppi vulnerabbli fis-suq tax-xogħol. L-NGOs saru atturi essenzjali fil-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali u jinvolvu rwieħhom fi djalogu regolari mal-awtoritajiet pubbliċi. Madankollu, iż-żmien u l-impatt tal-involviment ma tantx huma uniformi madwar l-Ewropa, u l-parteċipazzjoni effettiva tinsab f'riskju hekk kif il-baġits qed jiġu iktar ristretti. Għalhekk huwa importanti li jiġu ssudati u stabbilizzati s-sħubijiet eżistenti fil-livell Ewropew, u li jiġi promoss l-involviment sostenibbli fil-livell nazzjonali. Il- parteċipazzjoni tal-persuni li qed jesperjenzaw il-faqar hija rikonoxxuta bħala għan importanti ħafna tal-politiki tal-inklużjoni, kemm bħala għodda għall-għoti tas-setgħa lill-individwu u kemm bħala mekkaniżmu ta' tmexxija. L-UE qed tagħti eżempju u se tkompli xxerred l-għerf u l-aqwa prattiki ta' parteċipazzjoni. Il-Kummissjoni se tappoġġja permezz tal-programm PROGRESS skambji regolari u sħubijiet bejn sett usa' ta' partijiet interessati f'oqsma ta' prijorità speċifiċi, bħall-inklużjoni attiva, il-faqar fost it-tfal, l-inklużjoni tar-Roma, il-kondizzjoni ta' persuni bla dar u l-inklużjoni finanzjarja. Il-Kummissjoni se telabora linji gwida voluntarji dwar l-involviment tal-partijiet interessati fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni ta' azzjonijiet u programmi politiċi biex jiġu indirizzati l-faqar u l-esklużjoni, u se tippromwovi l-implimentazzjoni tagħhom fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali. | L-esplojatzzjoni tal-potenzjal miġbur tal-ekonomija soċjali L-inizjattivi tal-ekonomija soċjali żviluppaw madwar l-Ewropa, u ġabu rispons innovattiv għall-bżonnijiet u l-isfidi soċjali emerġenti li la l-istat u lanqas is-suq ma jistgħu jlaħħqu magħhom. Iżda tista' tinħoloq tensjoni bejn l-appoġġ għal dawn l-iżviluppi u l-funzjonament bla xkiel u ġust tas-suq. Diversi Stati Membri qed ifasslu oqfsa għall-politiki u l-leġiżlazzjoni biex jiċċaraw ir-rwoli u r-relazzjonijiet u biex jiżguraw l-approċċ legali, soċjali, amministrattiv, u finanzjarju neċessarju. Biex ma taqax lura, l-UE qed tistinka biex ittejjeb il-qafas legali u amministrattiv tagħha biex l-ekonomija soċjali tkun tista' tilħaq il-potenzjal tagħha u topera b'mod effiċjenti madwar l-Ewropa. Il-volontarjat huwa importanti għat-tkabbir tal-ekonomija soċjali. Madwar 100 miljun ċittadin tal-UE qed jikkontribwixxu b'mod pożittiv fil-komunità tagħhom billi joffru ħinhom, it-talent tagħhom u anki flushom. Il-volontarjat jagħti s-setgħa lill-individwi u jgħin fil-ħolqien ta' komunitajiet iktar sodi, filwaqt li jingħataw servizzi lil dawk li huma esklużi. Dan irawwem ukoll ħiliet ġodda, responsabbiltà ċivika u impjegabbiltà mtejba. L-2011 hija s-"Sena Ewropea tal-Volontarjat". Is-Sena Ewropea tax-Xjuħija Attiva proponuta mill-Kummissjoni għall-2012 se tkun ukoll opportunità biex tenfasizza u tippromwovi l-kontribut ta' voluntiera ikbar fl-età fis-soċjetà. Dan se jkun wieħed mill-għanijiet ewlenin tas-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni għal xjuħija attiva u sana li għandha tiġi proposta mill-Kummissjoni fl-2011. Il-fondazzjonijiet xterdu madwar l-Ewropa. L-azzjonijiet tagħhom ħafna drabi jrawmu s-setgħa tan-nies li jaffaċċjaw il-faqar u l-esklużjoni soċjali u l-parteċipazzjoni tagħhom fis-soċjetà. Huma jippromwovu wkoll il-ħolqien ta' kuxjenza, ir-riċerka, l-analiżi u d-dibattitu politiċi, jew jappoġġjaw il-bidla u l-implimentazzjoni politika. Dawn l-attivitajiet jista' jkollhom impatt sinifikanti fuq il-faqar u l-esklużjoni soċjali li jkopri firxa ta' oqsma – bħall-edukazzjoni, l-impjiegi, il-kultura, il-parteċipazzjoni fis-soċjetà, u billi jitpoġġew fil-mira gruppi differenti tal-popolazzjoni. Il-Kummissjoni ħabbret li qed tippjana li tippreżenta regolament dwar Statut Ewropew tal-Fondazzjonijiet sa tmien l-2011. Is-settur tal-intrapriżi soċjali jirrappreżenta 10 % tan-negozji Ewropej kollha u jħaddem iktar minn 11-il miljun impjegat bi ħlas. Madankollu ħafna ostakoli legali u prattiċi jxekklu l-iżvilupp effettiv tiegħu, inkluż in-nuqqas ta' kondizzjonijiet ekwi bejn l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali u l-kompetituri tagħhom li huma purament kummerċjali. Kif tħabbar fl-Inizjattiva Prinċipali Unjoni tal-Innovazzjoni, Proġett Pilota fl-Innovazzjoni Soċjali li se jitnieda biex jipprovdi l-kompetenzi u 'ċentru ta' attività virtwali' magħqud permezz ta' netwerk għall-intraprendituri soċjali u s-setturi pubbliċi u terzi. B'mod iktar ġenerali il-mudell Ewropew ta' ekonomija pluralista u inklużiva jeħtieġ li jiġi ssudat bl-inkoraġġiment tal-involviment tan-negozji fil-bini ta' soċjetajiet iktar inklużivi, inkluż bil-promozzjoni ta' Responsabbiltà Soċjali Korporattiva . Dan jista' jintlaħaq, fost l-oħrajn, bl-inkoraġġiment tal-kumpaniji biex iħaddmu persuni minn gruppi żvantaġġjati u jimmaniġġjaw aħjar id-diversità, kif ukoll billi jitqiesu l-kunsiderazzjonijiet soċjali fl-akkwist pubbliku. Il-Kummissjoni se tappoġġja l-iżvilupp tal-ekonomija soċjali bħala għodda għall-inklużjoni attiva billi tipproponi miżuri biex ittejjeb il-kwalità tal-istrutturi legali relatati mal-fondazzjonijiet, is-soċjetajiet reċiproki u kooperattivi li joperaw f'kuntest Ewropew, filwat li tipproponi "Inizjattiva tan-Negozji Soċjali" fl-2011, kif ukoll ittejjeb l-aċċess għal programmi finanzjarji rilevanti tal-UE. | 3.5. It-titjib tal-koordinazzjoni politika bejn l-Istati Membri Ewropa 2020 issa għandha fil-qalba tagħha d-dimensjoni soċjali. L-istrutturi tat-tmexxija ġodda u mtejbin tal-istrateġija joffru l-opportunità li jsir xi titjib fil-koordinazzjoni li l-Istati Membri ilhom li stabbilixxew fil-qasam tal-protezzjoni soċjali u l-inklużjoni soċjali, notevolment fi ħdan l-MMK Soċjali. Il-mira ewlenija għat-tnaqqis tal-faqar se ttejjeb l-impenn u l-affidabbiltà politiċi, u se tkun mutur qawwi għat-tkomplija tal-iżvilupp tal- indikaturi soċjali . L-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir (AGS) , li jiġi ppreżentat kull Jannar, se jirrevedi inter alia l-progress kollu miksub fir-rigward tal-miri ewlenin, tal-inizjattivi prinċipali, u se jidentifika l-prijoritajiet għal azzjoni mmirata lejn il-kisba tal-għanijiet u l-miri tal-istrateġija. L-Istati Membri, issa, huma mitlubin li jirrappurtaw fuq bażi annwali dwar l-istrateġiji ġenerali tagħhom fil- Programmi Nazzjonali ta' Riforma (NRP) Ir-rappurtar dwar il-miri soċjali tal-istrateġija se jkun parti integrali minn dawn il-programmi ta' riforma. L-NRPs se jistabbilixxu miri nazzjonali (inkluż fir-rigward tal-faqar) u trajettorji u riformi proposti biex dawn jintlaħqu. L-NRPs għandhom jindikaw ukoll kif l-awtoritajiet nazzjonali jinvolvu jew se jinvolvu l-awtoritajiet lokali/reġjonali u lill-partijiet interessati rilevanti fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-NRP, u kif jikkomunikaw dwar Ewropa 2020 u dwar l-NRP tagħhom. Il-Kummissjoni se tivvaluta l-progress miksub mill-Istati Membri fir-rigward tal-istrateġija, inkluż fir-rigward tal-mira għat-tnaqqis tal-faqar, u fejn ikun rilevanti, u fi ħdan il-kuntest tas-setgħat offruti mit-Trattat, se ttippreżenta proposta għal sett ta' rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż konġunti tal-Kummissjoni/Kunsill fl-oqsma koperti mil-linji gwida integrati. Fi ħdan il-linji gwida integrati, il-Linja gwida 10 dwar " Il-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali u l-ġlieda kontra l-faqar" tistabbilixxi rabtiet iktar mill-qrib bejn l-aġenda għall-impjiegi u dik soċjali. Dan kollu juri li l-integrazzjoni tal-MMK Soċjali fl-istrateġija Ewropa 2020, tipprovdi bażi iktar soda biex l-UE tkun tista' tilħaq l-għanijiet soċjali tagħha. Fl-istess waqt, huwa importanti li l-istrumenti u l-għodod li ġew żviluppati skont l-MMK Soċjali jagħtu l-frott flimkien mal-arkitettura ta' tmexxija ta' Ewropa 2020, biex l-għanijiet tal-istrateġija l-ġdida jintlaħqu bl-aħjar mod. L-arranġamenti ddettaljati għandhom jiżguraw li jintlaħaq bilanċ tajjeb bejn l-integrazzjoni u l-konċentrazzjoni, il-kontinwità u l-innovazzjoni, is-simplifikazzjoni u r-responsabbiltà, u l-koordinazzjoni u s-sussidjarjetà. Għaldaqstant, il-Kummissjoni se tkompli taħdem mal-Istati Membri u l-partijiet interessati prinċipali fix-xhur li ġejjin, u se trawwem soluzzjonijiet li jiżguraw is-sjieda, l-impenn u t-twettiq. Mill-esperjenza tal-ewwel Semestru Ewropew ta' Ewropa 2020, il-Kummissjoni se tiddiskuti mal-Istati Membri u atturi istituzzjonali u nonistituzzjonali oħra, kif il-metodi ta' ħidma tal-Metodu Miftuħ għall-Koordinazzjoni Soċjali jistgħu jiġu adattati bl-aħjar mod għat-tmexxija l-ġdida ta' Ewropa 2020. Il-Kummissjoni se tippreżenta rapport qabel tmiem l-2011 li jagħti sommarju tal-orjentazzjonijiet li ħarġu u s-segwitu li se tagħmel fir-rigward tagħhom. | 4. Insejsu fuq il-wirt tas-Sena Ewropea 2010 kontra l-faqar u l-esklużjoni Il-Pjattaforma Ewropea kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali timmarka l-bidu ta' fażi ġdida fil-politiki Ewropej għall-inklużjoni soċjali u l-koeżjoni soċjali. L-għeruq tagħha jinsabu fir-rieda politika li tiġi msawra l-viżjoni Ewropea l-ġdida għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, u se tieħu vantaġġ mill-impetu politiku ġġenerat mis-Sena Ewropea 2010 kontra l-faqar u l-esklużjoni. Tul is-sena, ġew organizzati eluf ta' avvenimenti u inizjattivi madwar l-Ewropa, li mmobilizzaw l-istituzzjonijiet, l-amministrazzjonijiet, lill-atturi soċjali, lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, lill-midja, lill-artisti, lill-iskejjel u lill-universitajiet, lill-politiċi, lill-esperti u liċ-ċittadini komuni f'kampanja għall-għoti ta' informazzjoni u l-ħolqien ta' kuxjenza li żviluppat fil-livell tal-UE, nazzjonali u lokali. Il-messaġġi ewlenin li ħarġu minn din il-mobilizzazzjoni bla preċendent issa huma inkorporati f'dikjarazzjoni tal-Kunsill li se tissiġilla din il-kampanja. Istituzzjonijiet u korpi oħra tal-UE – kemm il-Kunsill u kemm il-Parlament – u b'mod partikolari l-Kumitat tar-Reġjuni u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, ikkontribwixxew biex tiżdied il-viżibbiltà u l-impatt politiku ta' dawn l-inizjattivi, u pproponew ukoll postijiet ġodda għall-involviment u l-iskambji tal-partijiet interessati. Dawn kollha talbu li d-djalogu li nbeda waqt is-Sena Ewropea jitkompla, partikolarment permezz ta' skambji regolari dwar il-progress lejn il-kisba tal-mira għat-tnaqqis tal-faqar. Waħda mil-lezzjonijiet importanti li tgħallimna mis-Sena Ewropea 2010 hija li l-għarfien u l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini huma kruċjali biex jiżguraw li l-għanijiet Ewropej għall-inklużjoni soċjali u l-koeżjoni soċjali jingħataw il-viżibbiltà u l-prijorità li tistħoqqilhom fl-aġendi politiċi Ewropej u nazzjonali. Lezzjoni oħra hi li l-Unjoni Ewropea tista' tkun pijuniera fir-rigward ta' mudelli u prattiki ġodda ta' tmexxija li jistgħu jixxettlu f'realtajiet nazzjonali u lokali. Iktar importanti minn hekk, jekk tagħmel dan, l-Unjoni tkun tista' tippromwovi b'mod effettiv li "t-tmexxija b'bosta livelli", hija kruċjali biex jiġu indirizzati l-isfidi tal-epoka li qed naffaċċjaw. Il-Pjattaforma Ewropea kontra l-faqar u l-esklużjoni tipprovdi l-qafas adegwat biex jiġi żgurat li l-esperjenzi tat-tmexxija u l-parteċipazzjoni u d-djalogu estiż li lilhom is-Sena Ewropea kkontribwixxiet biex tagħti spinta, jistgħu jitkomplew u jittejbu. Il-Kummissjoni se taħdem ma' istituzzjonijiet u korpi oħra tal-UE biex tbiddel Id-Diskussjonijiet Annwali dwar il-Faqar u l-Esklużjoni f'Konvenzjoni Annwali usa' tal-Pjattaforma Ewropea mfassla biex l-atturi rilevanti kollha jinġiebu flimkien. Dan l-avveniment se jsir fil-ħarifa, qrib il-Jum Internazzjonali għall-Eradikazzjoni tal-Faqar. Il-Konvenzjoni Annwali se tqis il-progress li sar lejn il-kisba tal-mira ewlenija, tirrevedi l-implimentazzjoni tal-attivitajiet imħabbra taħt il-Pjattaforma u tipprovdi suġġerimenti għal azzjonijiet futuri. | - 5. Konklużjonijiet L-azzjonijiet ewlenin tal-Pjattaforma u l-miżuri akkumpanjanti u preparatorji huma elenkati fid-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal akkumpanjanti. Dawn jiddependu fuq taħlita ta' koordinazzjoni politika, djalogu mal-atturi istituzzjonali u nonistituzzjonali, fuq il-fondi u s-sħubijiet strateġiċi. Barra mir-rappurtar regolari fi ħdan il-mekkaniżmi tat-tmexxija tal-istrateġija Ewropa 2020, u partikolarment fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, il- Kummissjoni se tirrevedi l-implimentazzjoni tal-Pjattaforma fl - 2014, anki bil-għan li tadatta għall-Qafas Finanzjarju Multiannwali l-ġdid. Anness Figura 1a : Ir-rata u t-total ta' dawk f'riskju ta' faqar skont l-età u l-istatus tax-xogħol; 2005-08 [pic] Sors: EU-SILC Figura 1b Ir-rata ta' dawk f'riskju ta' faqar[10] skont il-pajjiż; 2008 [pic] Sors: EU-SILC (2008) Figura 2: Is-sehem ta' nies li qed ibatu tiċħid materjali serju[11] skont il-pajjiż; 2008 [pic] Sors: EU-SILC (2008) Figura 3: Is-sehem ta' persuni li għandhom bejn iż-0 u d-59 sena f'unità domestika fejn ħadd ma jaħdem[12] skont il-pajjiż; 2008 [pic] Sors: EU-SILC (2008) [1] COM (2010) 245 [2] COM (2010) 546 [3] COM (2010) 614 [4] Għad-definizzjoni ta' dawn l-indikaturi u deskrizzjoni tal-livell tagħhom fil-pajjiżi tal-UE, ara l-Anness. [5] Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-inklużjoni attiva ta' persuni li huma esklużi mis-suq tax-xogħol (2008/867/KE), inklużi prinċipji komuni approvati permezz tal-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar prinċipji komuni ta' inklużjoni attiva għal ġlieda iktar effettiva kontra l-faqar (17 ta' Diċembru 2008) [6] COM (2009) 200 [7] Bħala eżempju, permezz tal-iżvilupp f'livell tal-UE ta' għodda adegwata għal aċċess imtejjeb għall-prodotti u s-servizzi għal persuni bi problemi fil-vista u s-smigħ. [8] L-istħarriġ tal-UE dwar id-Drittijiet Fundamentali dwar il-Minoranzi u d-Diskriminazzjoni fl-UE – ir-Roma – Novembru 2009. [9] Cf. Studju dwar l-Impatt Soċjali tal-ICT, il-Kummissjoni Ewropea 2010, disponibbli fuq http://ec.europa.eu/information_society/eeurope/i2010/docs/eda/social_impact_of_ict.pdf [10] Ir-rata ta' dawk f'riskju ta' faqar tirrifletti wkoll id-definizzjoni tal-faqar adottata mill-Kunsill Ewropew fl-1975, li ddefinixxa lill-"foqra" bħala "dawk l-individwi jew familji li r-riżorsi tagħhom huma tant baxxi li huma esklużi mill-mod tal-għajxien minimu aċċettabbli fil-pajjiż fejn jgħixu." Il-livell limitu tal-faqar huwa ta' 60 % tal-introjtu medju nazzjonali disponibbli ekwivalizzat (wara t-trasferiment soċjali). [11] Persuna tkun ikkunsidrata "imċaħħda materjalment" jekk tkun imċaħħda minn tal-inqas erba' affarijiet minn disgħa: persuni li ma jistgħux iħallsu (i) il-kera jew il-kontijiet tas-servizzi bażiċi, (ii) biex iżommu d-djar tagħhom adegwatement sħan, (iii) spejjeż mhux previsti, iv) jieklu laħam, ħut, jew l-ekwivalenti għal dawn fir-rigward ta' proteini darba iva u oħra le, v) għal vaganza ta' ġimgħa bogħod mid-dar darba f'sena, (vi) biex jixtru karozza, (vii) biex jixtru magna tal-ħasil, viii) biex jixtru televixin bil-kulur, jew (ix) telefown [12] Persuni li jgħixu fi djar fejn l-intensità tax-xogħol hija baxxa ħafna huma l-persuni ta' bejn iż-0 u d-59 sena li jgħixu f'unitajiet domestiċi fejn l-adulti ħadmu inqas minn 20 % tal-potenzjal kollu għax-xogħol tagħhom tul is-sena li għaddiet.