Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010DC0593

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW Rapport mill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2008/1/KE dwar il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis u d-Direttiva 1999/13/KE dwar il-limitazzjoni ta' emissjonijiet ta' taħlit volatili organiku [komposti organiċi volatili] minħabba l-użu ta' solventi organiċi f'ċerti attivitajiet u stallazzjonijiet

/* KUMM/2010/0593 finali */

52010DC0593

/* KUMM/2010/0593 finali */ RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW Rapport mill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2008/1/KE dwar il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis u d-Direttiva 1999/13/KE dwar il-limitazzjoni ta' emissjonijiet ta' taħlit volatili organiku [komposti organiċi volatili] minħabba l-użu ta' solventi organiċi f'ċerti attivitajiet u stallazzjonijiet


[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

Brussel 25.10.2010

KUMM(2010) 593 finali

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

Rapport mill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2008/1/KE dwar il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis u d-Direttiva 1999/13/KE dwar il-limitazzjoni ta' emissjonijiet ta' taħlit volatili organiku [komposti organiċi volatili] minħabba l-użu ta' solventi organiċi f'ċerti attivitajiet u stallazzjonijiet

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

Rapport mill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2008/1/KE dwar il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis u d-Direttiva 1999/13/KE dwar il-limitazzjoni ta' emissjonijiet ta' taħlit volatili organiku [komposti organiċi volatili] minħabba l-użu ta' solventi organiċi f'ċerti attivitajiet u stallazzjonijiet (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

1. DAħLA

Dan ir-rapport tħejja skont l-Artikolu 17(3) tad-Direttiva 2008/1/KE dwar il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis (Integrated Pollution Prevention and Control Directive, IPPCD) u l-Artikolu 11 tad-Direttiva 1999/13/KE dwar il-limitazzjoni ta' emissjonijiet ta' taħlit volatili organiku [komposti organiċi volatili] minħabba l-użu ta' solventi organiċi f'ċerti attivitajiet u stallazzjonijiet (Solvents Emissions Directive, SED).

Ir-rapport jittratta t-tielet perjodu ta' rappurtar tal-IPPCD (2006-2008), billi jżid mal-analiżi li twettqet f'rapporti preċedenti dwar l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva[1]. Għall-SED, jorbot mal-perjodu ta' implimentazzjoni 2003-2007, li matulu ġew sottomessi żewġ rapporti mill-Istati Membri. Ir-rapporti għas-snin 2003-2004 koprew l-Istati Membri UE-15, u dawk għall-2005-2007 koprew l-Istati Membri UE-27. Għalhekk it-tagħrif miġbur ikopri l-aktar il-perjodu qabel l-iskadenza finali tal-31 ta' Ottubru 2007 għall-implimentazzjoni tal-SED[2].

Ir-rapport jagħti sinteżi tat-tagħrif trażmess mill-Istati Membri bl-użu tal-kwestjonarji rilevanti adottati mill-Kummissjoni[3] u l-Għodod ta' Rappurtar Elettroniku pprovduti mill-infrastruttura ReportNet[4], li naqqsu l-piż fuq l-Istati Membri. Barra minn hekk, sabiex jiġi żgurat li l-pubbliku jkollu aċċess sħiħ għat-tagħrif irrappurtat, il-Kummissjoni żviluppat is-sit tal-internet "Industrial Emissions Reporting Information System" (is-Sistema ta' Tagħrif dwar Rappurtar rigward Emissjonijiet Industrijali)[5].

L-Istati Membri b'mod ġenerali kkonformaw mal-obbligi tagħhom li jirrappurtaw skont iż-żewġ Direttivi, għalkemm ħafna minnhom wieġbu tard. Il-Greċja, madankollu, ma pprovdietx it-tagħrif meħtieġ skont l-IPPCD, u l-Lussemburgu dan għamlitu biss reċentement, u għalhekk il-Kummissjoni ma setgħetx tivvaluta t-tagħrif kif xieraq għall-għan ta' dan ir-rapport. Il-Kummissjoni ħarġet twissija lill-Istati Membri kkonċernati u, fid-dawl ta' nuqqas ta' riżultati, tat bidu għal proċedura ta' ksur f'Mejju 2010 (din se tingħalaq għal-Lussemburgu minħabba s-sottomissjoni reċenti tat-tagħrif). Konsegwentement, dan ir-rapport jipprovdi sejbiet għas-27 Stat Membru skont l-SED u 25 Stat Membru skont l-IPPCD.

Sadanittant, iż-żewġ Direttivi, flimkien ma' ħames biċċiet oħra ta' leġiżlazzjoni[6] ġew inkorporati u rriformulati fid-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali (Industrial Emissions Directive, IED). L-IED l-ġdida ġiet maqbula fil-prinċipju bejn il-Kunsill u l-Parlament Ewropew u mistenni li tiġi adottata formalment mill-koleġiżlaturi[7] sal-aħħar tal-2010. In-nuqqasijiet identifikati fir-rapporti preċedenti jew matul il-perjodu ta' rappurtar attwali ġew ittrattati b'mod wiesa' mill-IED.

2. IPPCD

L-għan tad-Direttiva IPPC huwa li jinkisbu prevenzjoni u kontroll integrati tat-tniġġis li ġej minn madwar 50 000 stallazzjoni industrijali kbira madwar l-UE 27. Din tesiġi li l-istallazzjonijiet joperaw skont permessi li jinkludi valuri tal-limiti ta' emissjonijiet jew miżuri tekniċi oħra abbażi tal-Aqwa Tekniki Disponibbli (Best Available Techniques, BAT) sabiex jiġu evitati jew jitnaqqsu l-emissjonijiet fl-ilma, l-arja u l-ħamrija, kif ukoll li jiġu ttrattati impatti ambjentali oħra.

L-IPPCD oriġinali ġiet adottata fl-1996 u minn Ottubru 1999 bdiet tapplika kemm għal stallazzjonijiet ġodda kif ukoll għal stallazzjonijiet eżistenti fejn l-operatur ikun wettaq bidliet sostanzjali. Mill-31 ta' Ottubru 2007 d-Direttiva bdiet tapplika wkoll għal stallazzjonijiet eżistenti.

2.1 Traspożizzjoni tal-IPPCD

Il-Kummissjoni vvalutat it-traspożizzjoni tal-IPPCD fil-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-kuntest ta' ċikli ta' rappurtar preċedenti. B'riżultat ta' dan, fetħet każijiet ta' ksur għal traspożizzjoni ħażina kontra 16-il Stat Membru. L-isforzi tal-Istati Membri biex jirrimedjaw il-kwistjonijiet irriżultaw f'titjib sinifikanti tul iż-żmien, u issa baqa' biss żewġ każijiet miftuħa (l-Estonja u l-Litwanja).

Id-dispożizzjonijiet legali nazzjonali li jittrasponu l-IPPCD kienu soġġetti għal bidliet f'19-il Stat Membru matul il-perjodu 2006-2008, l-aktar sabiex il-liġijiet nazzjonali u reġjonali jiġu adattati għad-Direttiva, biex jitjiebu xi aspetti relatati mal-parteċipazzjoni tal-pubbliku u biex jiġu implimentati bidliet fil-qsim tal-kompetenzi bejn awtoritajiet differenti.

2.2 Implimentazzjoni tal-IPPCD

Ħruġ u kwalità tal-permessi

Il-Kummissjoni ssorveljat u appoġġat lill-Istati Membri fil-ħidma tal-ħruġ tal-permessi sabiex jirrispettaw l-iskadenza tad-Direttiva jiġifieri t-30 ta' Ottubru 2007. Madankollu, ħafna Stati Membri ma kkonformawx ma' dan l-obbligu.

B'riżultat ta' dan in-nuqqas ta' progress fl-għoti u fir-rikonsiderazzjoni tal-permessi, il-Kummissjoni fetħet każijiet ta' ksur kontra l-Belġju, id-Danimarka, il-Greċja, Spanja, l-Italja, Malta, il-Portugall, is-Slovenja, l-Awstrija, Franza, l-Irlanda u l-Iżvezja. Sa issa, il-każijiet kollha għajr erbgħa ġew riferuti lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, li ddeċidiet dwar l-ewwel każ fl-2010 kontra l-Belġju minħabba li naqset milli tirrispetta l-iskadenza tad-Direttiva.

Il-Kummissjoni ffukat l-isforzi tagħha wkoll biex tiżgura l-kwalità tal-permessi maħruġa. Total ta' 61 stallazzjoni tal-IPPC f'16-il Stat Membru u 12-il settur li ġew koperti ġew eżaminati fid-dettall bħala studji ta' każijiet. Ir-rapporti finali ta' dawn l-istudji huma disponibbli fuq is-sit tal-internet tal-Kummissjoni[8]. Il-problema ewlenija identifikata mill-Kummissjoni hija l-proporzjon baxx ta' permessi li jirriflettu l-BAT, kif indikat fid-dokumenti ta' referenza tal-BAT (BAT reference documents, BREFs) rilevanti. B'mod partikolari, ma setgħet tinstab l-ebda ġustifikazzjoni għad-differenzi sinifikanti bejn il-BREFs u l-kundizzjonijiet tal-permessi stabbiliti għal aktar minn 50 fil-mija tal-istallazzjonijiet eżaminati. Studju ieħor li jinsab għaddej bħalissa se jkopri 50 stallazzjoni oħra f'għaxar (10) Stati Membri.

Skont l-IED, se jkun hemm enfasi akbar fuq l-użu tal-konklużjonijiet tal-BAT dderivati mill-BREFs għall-istabbiliment tal-kundizzjonijiet tal-permessi. Dawn il-konklużjonijiet tal-BAT se jiġu adottati bħala atti ta' implimentazzjoni u se jkollhom effett legali. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tistenna li l-implimentazzjoni tal-BAT tkun riflessa b'mod aktar ċar fil-permessi tal-IPPC.

Analiżi tal-permessi

L-Artikolu 13 tal-permessi tal-IPPCD jesiġi li l-permessi perjodikament jerġgħu jiġu kkunsidrati u, fejn meħtieġ, aġġornati. Dan huwa meħtieġ, b'mod partikolari, meta bidliet sostanzjali fil-BAT jippermettu li l-emissjonijiet jitnaqqsu b'mod sinifikanti mingħajr ma jiġu imposti kostijiet eċċessivi.

Bosta Stati Membri jistipulaw reġoli speċifiċi biex il-permessi jerġgħu jiġu kkunsidrati u jiġu aġġornati fis-sistemi legali tagħhom, għalkemm dawn ir-regoli jvarjaw b'mod sostanzjali. Uħud mill-Istati Membri stabbilixxew perjodu ta' żmien għall-permessi tal-IPPC, u wara dan il-perjodu t-tiġdid huwa obbligatorju. Pereżempju, fl-Awstrija u r-Rumanija l-permessi huma validi għal għaxar (10) snin, u fir-Repubblika Ċeka, is-Slovakkja u Spanja huma validi għal tmien (8) snin. Is-Slovakkja testendi dan il-perjodu sa għaxar (10) snin jekk l-istallazzjoni timplimenta Skema ta' Ġestjoni Ambjentali. Xi pajjiżi oħra, bħall-Polonja jew ir-Renju Unit introduċew rekwiżit ġenerali sabiex il-permessi jiġu analizzati fuq bażi perjodika li tkun speċifikata fil-permess individwali.

Il-BAT huwa kunċett dinamiku li jevolvi tul iż-żmien, u l-permessi jeħtieġ li jiġu aġġornati sabiex it-titjib ambjentali li jinsab għaddej bħalissa jitrawwem mill-industrija. L-IED tistipula regoli aktar dettaljati dwar l-analiżi tal-permessi u, b'mod partikolari, tipprovdi r-rikonsiderazzjoni obbligatorja tal-permessi fi żmien erba' snin mill-pubblikazzjoni tad-deċiżjonijiet dwar il-konklużjonijiet tal-BAT.

Perjodi tranżizzjonali mogħtija lill-Istati Membri l-ġodda

Ċerti stallazzjonijiet f'għadd ta' Stati Membri ġodda huma soġġetti għal derogi speċifiċi skont it-Trattat tal-Adeżjoni tagħhom u l-Atti relatati. Tali derogazzjonijiet jikkonċernaw ir-rekwiżit li dawn l-istallazzjonijiet jiġu operati skont il-valuri tal-limiti tal-emissjonijiet, parametri ekwivalenti jew miżuri tekniċi bbażati fuq l-aqwa tekniki disponibbli skont l-Artikolu 9(3) u (4). Il-konformità mad-derogi skont it-Trattat tal-Adeżjoni tiġi mmonitorjata mill-qrib mill-Kummissjoni. Dawn id-derogi jkunu skadew kollha sal-31 ta' Diċembru 2015.

Koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet matul il-proċedura tal-permessi

Meta jkun hemm awtoritajiet ambjentali differenti involuti matul il-proċedura tal-permessi, l-IPPCD tesiġi koordinazzjoni interna sabiex jiġi żgurat approċċ integrat effettiv. Madankollu, l-ammont ta' koordinazzjoni u l-korpi amministrattivi involuti jvarjaw minn Stat Membru għall-ieħor, l-aktar minħabba d-differenzi fl-organizzazzjoni amministrattiva tagħhom. Pereżempju, Spanja nnominat awtorità responsabbli ewlenija li tirċievi l-kontribuzzjonijiet mill-awtoritajiet l-oħra (eż. muniċipalitajiet, Awtoritajiet tal-Baċiri tax-Xmajjar), filwaqt li l-Awstrija stabbilixxiet awtorità responsabbli għall-proċedura kollha tal-permessi u għall-ħatra ta' esperti rilevanti għal oqsma ta' suġġetti speċifiċi.

Skambju ta' Tagħrif dwar il-BAT

L-Artikolu 17(2) tal-IPPCD jesiġi li l-Kummissjoni torganizza skambju ta' tagħrif dwar il-BAT. Għal dan il-għan, il-Forum ta' Skambju ta' Tagħrif (Information Exchange Forum, IEF) magħmul minn bosta partijiet interessati jlaqqa' flimkien rappreżentanti mill-Istati Membri kollha, kif ukoll rappreżentanti minn setturi rilevanti tal-industrija u Organizzazzjonijiet Mhux Governattivi (Non-Governmental Organisations, NGOs) ambjentali. L-IEF jiddiskuti kwistjonijiet ġenerali relatati mal-iskambju ta' tagħrif dwar il-BAT u jipprovdi l-opinjoni tiegħu dwar BREFs individwali qabel ma jiġu adottati mill-Kummissjoni.

L-iskambju ta' tagħrif iseħħ permezz ta' gruppi ta' ħidma tekniċi speċifiċi għal settur partikolari li jlaqqa' flimkien lill-Istati Membri, l-industrija u l-esperti tal-NGOs, u l-ġestjoni ta' dan l-iskambju ta' tagħrif hija f'idejn l-Uffiċċju Ewropew tal-IPPC[9] (European IPPC Bureau, EIPPCB) tal-Kummissjoni. L-EIPPCB huwa responsabbli għall-abbozzar tal-BREFs.

Sal-lum, il-Kummissjoni adottat total ta' 33 BREF, li jkopru kemm setturi individwali (27) kif ukoll kwistjonijiet orizzontali (6). Il-BREFs jeħtieġ li jiġu riveduti regolarment, u l-Kummissjoni qed timmira għal perjodu ta' żmien għar-reviżjoni ta' madwar tmien (8) snin. L-ewwel BREF rivedut (il-manifattura tas-Siment, tal-Ġir u tal-Ossidu tal-Manjeżju) ġie adottat f'Ġunju 2010 u disa' oħra attwalment qed jiġu analizzati.

L-Istati Membri rrikonoxxew kemm il-BREFs huma utli fl-implimentazzjoni tad-Direttiva u esprimew sodisfazzjoni ġenerali rigward il-kontenut tagħhom. Uħud mill-Istati Membri, bħal Franza, il-Ġermanja, l-Italja, il-Polonja u Spanja jittraduċu l-BREFs kollha jew partijiet minnhom.

Skont l-IED kemm l-istatus legali tal-BREFs kif ukoll ir-rwol ta' atturi varji fl-iskambju tat-tagħrif ġew iċċarati. Dan għandu jiżgura riżultat ta' kwalità għolja tal-proċess u jtejjeb l-użu tal-konklużjonijiet tal-BAT fl-implimentazzjoni tad-Direttiva.

Spezzjoni u nfurzar tal-attivitajiet

L-Artikolu 14 tal-IPPCD jesiġi li l-operaturi jgħarrfu regolarment lill-awtoritajiet kompetenti bir-riżultati tal-monitoraġġ tal-emissjonijiet u jipprovdu lir-rappreżentanti tal-awtoritajiet kompetenti l-għajnuna kollha li jkunu jeħtieġu biex iwettqu l-ispezzjonijiet fil-post. Il-prattiki attwali tal-monitoraġġ tal-konformità u l-infurzar ivarjaw ħafna bejn l-Istati Membri u anke fi ħdanhom. Bosta Stati Membri żviluppaw bażijiet tad-dejta fuq l-internet u/jew sottomissjoni permezz tal-email ta' rapporti ta' monitoraġġ. Il-Kummissjoni tinkoraġġixxi l-użu ta' tali għodod li jiffaċilitaw il-fluss tad-dejta bejn l-operaturi u l-awtoritajiet u jnaqqsu l-piż amministrattiv.

Diversi Stati Membri stabbilixxew frekwenza minima ta' spezzjonijiet fil-post, li tipikament tkun darba fis-sena (pereżempju s-Slovenja, ir-Renju Unit, l-Ungerija, l-Estonja, il-Litwanja, Franza, Malta u Ċipru). Madankollu f'uħud mill-każijiet il-frekwenza stabbilita kienet anqas spissa.

Skont l-IED, id-dispożizzjonijiet dwar il-monitoraġġ tal-konformità ġew żviluppati aktar. Din għandha l-għan li tadotta approċċ għall-ispezzjonijiet li jkun ibbażat fuq ir-riskji, iżda tinkludi wkoll frekwenzi minimi għall-ispezzjonijiet fil-post. Permezz ta' dan se tkun l-aktar Direttiva avvanzata mil-lat ambjentali f'dak li għandu x'jaqsam ma' infurzar u attivitajiet ta' spezzjonar.

Tagħrif u parteċipazzjoni pubblika

Matul il-perjodu ta' rappurtar l-aktar reċenti, bosta Stati Membri tejbu kemm il-provvidiment tat-tagħrif lill-pubbliku kif ukoll il-parteċipazzjoni min-naħa tal-pubbliku. It-titjib jnkludi aġġornamenti aktar frekwenti tat-tagħrif, żidiet fil-bażijiet tad-dejta pubbliċi jew fis-siti tal-internet, u l-possibbiltà li Stati Membri oħra jkollhom aċċess għat-tagħrif. Barra minn hekk, l-Istati Membri kollha qed jippromwovu l-użu ta' teknoloġiji ġodda għall-aċċess tat-tagħrif, u d-disponibbiltà ta' permessi fuq l-internet qed issir aktar komuni.

Uħud mill-Istati Membri qed jintegraw it-tagħrif dwar l-emissjonijiet industrijali f'sistema unika ta' tagħrif, pereżempju billi jippreżentaw flimkien id-dejta kkompilata permezz tar-Reġistri dwar ir-Rilaxx u t-Trasferiment ta' Sustanzi li Jniġġsu (Pollutant Release and Transfer Registers, PRTRs) tagħhom u t-tagħrif dwar l-istallazzjonijiet tal-IPPC. Il-Kummissjoni tilqa' dawn l-inizjattivi u tistieden lill-Istati Membri kollha jippromwovu dan il-proċess ta' integrazzjoni.

Fil-livell tal-UE, il-PRTR Ewropew (http://prtr.ec.europa.eu/) jipprovdi tagħrif għal madwar 25 000 faċilità industrijali, li l-biċċa l-kbira minnhom huma stallazzjonijiet tal-IPPC. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tipprovdi aċċess għat-tagħrif irrappurtat mill-Istati Membri dwar l-IPPCD kif ukoll diversi direttivi oħra li jirregolaw l-emissjonijiet industrijali permezz tas-sistema tal-"Industrial Emissions Reporting Information System", li hija disponibbli fuq http://iris.eionet.europa.eu/.

L-IED żżid id-drittijiet taċ-ċittadini f'dak li għandu x'jaqsam ma' aċċess għat-tagħrif u b'mod partikolari, il-ħtieġa li dawk id-deċiżjonijiet li jinvolvu devjazzjoni mill-konklużjonijiet tal-BAT fil-proċess tal-permessi jkunu disponibbli għall-pubbliku jew l-użu tal-Internet biex dawn id-drittijiet jiġu ggarantiti.

Standards tal-Kwalità Ambjentali

L-IPPCD tesiġi li l-awtoritajiet kompetenti jinkludu miżuri addizzjonali fil-permessi tal-IPPC fejn standard tal-kwalità ambjentali jesiġi kundizzjonijiet aktar severi minn dawk li jistgħu jinkisbu bl-użu tal-BAT. Dan ir-rekwiżit huwa preżenti fil-liġi nazzjonali tal-Istati Membri kollha. Madankollu, sitt Stati membri biss irrappurtaw il-ħtieġa li japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet.

Eżempji ta' miżuri addizzjonali li ttieħdu jinkludu rekwiżiti rigward tnixxijiet ta' ilma ta' skart f'żoni tal-ilma sensittivi (tax-xorb) fid-Danimarka, l-Irlanda, l-Italja u l-Belġju.

Kooperazzjoni transkonfinali

Għal sitwazzjonijiet fejn Stat Membru huwa konxju li l-operazzjoni ta' stallazzjoni x'aktarx ikollha effetti avversi sinifikanti fuq l-ambjent ta' Stat Membru ieħor, l-IPPCD tesiġi li l-operatur jibgħat it-tagħrif kollu li jkun disponibbli skont l-Anness V tad-Direttiva lill-awtorità tal-Istat Membru konċernat. Dan jinkludi l-applikazzjoni tal-permess u d-dettalji tal-awtorità kompetenti responsabbli biex tieħu d-deċiżjoni rigward il-permessi. Kif seħħ f'ċikli ta' rappurtar preċedenti, l-Istati Membri indikaw li l-operazzjoni transkonfinali kienet limitata. Tmien Stati Membri (il-Ġermanja, il-Belġju, l-Italja, ir-Rumanija, is-Slovenja, is-Slovakkja, Franza u l-Pajjiżi l-Baxxi) irrapportaw l-użu ta' dawn id-dispożizzjonijiet li kienu jikkonċernaw għadd żgħir ta' permessi.

2.3 Il-pjan ta' azzjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni tal-IPPC

Fil-Komunikazzjoni tagħha 'Lejn politika mtejba dwar l-emissjonijiet industrijali'[10] il-Kummissjoni tat deskrizzjoni ġenerali ta' pjan ta' implimentazzjoni li jindirizza għadd ta' kwistjonijiet ewlenin, inklużi t-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni mill-Istati Membri u t-titjib tal-proċess ta' elaborazzjoni tal-BREF. It-tabella sommarja fl-Anness I turi li l-pjan ta' azzjoni issa ġie kważi implimentat b'mod sħiħ, l-aktar permezz tal-IED.

Bid-dħul fis-seħħ tal-IED, il-Kummissjoni se tiddedika l-attenzjoni tagħha għall-appoġġ tal-Istati Membri fl-isforzi tagħhom sabiex jittrasponu b'mod sħiħ u jimplimentaw dik id-Direttiva. Uħud mill-azzjonijiet elenkati fl-Anness I għalhekk se jkomplu fil-kuntest tal-IED.

3. SED

L-għan tal-SED huwa li tipprevjeni jew tnaqqas l-effetti fuq is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent tal-emissjonijiet tal-komposti organiċi volatili (VOCs) fl-arja. B'mod partikolari, tippromwovi s-sostituzzjoni ta' dawk is-solventi li għandhom l-aktar effetti serji fuq is-saħħa ma' dawk is-sostituti li potenzjalment huma anqas ta' ħsara. L-SED tkopri attivitajiet varji li jinvolvu l-użu tas-solventi organiċi, bħall-kisi, it-tneħħija tal-griż, l-istampar u l-manifattura tal-linka, l-istallazzjonijiet kollha li jaqgħu taħt l-ambitu tagħha kienu meħtieġa li jiġu awtorizzati jew irreġistrati sal-aħħar ta' Ottubru 2007.

L-IED tinkorpora d-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva.

3.1 Traspożizzjoni tal-SED

B'mod ġenerali, l-Istati Membri ttrasponew id-Direttiva fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom, għalkemm ġew identifikati xi problemi matul l-aħħar eżerċizzju ta' ċċekkjar tal-konformità, b'mod partikolari fir-rigward tat-traspożizzjoni ta' ċerti definizzjonijiet, ir-rekwiżiti tal-monitoraġġ, l-ambitu tad-Direttiva u l-valuri tal-limiti tal-emissjonijiet. Il-Kummissjoni se tqis is-sejbiet ta' dan l-eżerċizzju meta tkun qed tgħin lill-Istati Membri fil-fażi tat-traspożizzjoni tal-IED.

3.2 Implimentazzjoni tal-SED (2003-2007)

Kwistjonijiet dwar Implimentazzjoni ġenerali

It-tagħrif ipprovdut mill-Istati Membri ma jagħti l-ebda indikazzjoni ta' xi problema bl-implimentazzjoni tal-SED. B'mod ġenerali, l-Istati Membri implimentaw id-dispożizzjonijiet, il-miżuri u l-prattiki meħtieġa sabiex jiżguraw konformità mal-aspetti varji tad-Direttiva. Il-konformità tiġi żgurata permezz tal-obbligi tal-monitoraġġ u tar-rappurtar, kif ukoll l-azzjonijiet ta' spezzjonar u infurzar – kemm fis-sura ta' ċċekkjar ta' dokumenti kif ukoll ta' żjarat fil-post – u mtejba aktar bil-miżuri ta' appoġġ bħalma huma t-taħriġ u l-abbozzar ta' gwida għall-awtoritajiet kompetenti.

Uħud mill-Istati Membri rrapportaw li l-implimentazzjoni tal-SED fis-settur tad-dry cleaning qed jippreżenta xi problemi. L-użu tal-pjan ta' ġestjoni tas-solventi, li huwa l-għodda ewlenija għall-valutazzjoni tal-konformità tal-livell ta' stallazzjoni, jitqies minn xi awtoritajiet kompetenti bħala wisq komplikat għal dan is-settur u diffiċli wisq biex jiġi infurzat, meta wieħed iqis id-daqs żgħir tal-kumpaniji involuti u l-għadd kbir ta' stallazzjonijiet. Bosta Stati Membri żviluppaw approċċi sempifikati għall-iċċekkjar tal-implimentazzjoni u l-konformità skont id-dispożizzjonijiet tal-SED, u l-Kummissjoni tinsab involuta f'aktar diskussjonijiet dwar din il-kwistjoni.

Stallazzjonijiet koperti

Sal-aħħar tal-2007, madwar 53 000 stallazzjoni eżistenti koperti bl-SED ġew operati fl-Istati Membri UE-27. Wara l-emenda tal-SED bid-Direttiva 2004/42/KE[11] (Id-Direttiva dwar iż-Żebgħat Dekorattivi), li eskludiet b'mod wiesa' l-irfinar tal-vetturi mill-ambitu tal-SED, l-għadd ta' stallazzjonijiet eżistenti fl-Istati Membri naqas b'mod sinifikanti. Fl-aħħar tal-2004 l-maġġoranza tal-istallazzjonijiet taħt l-SED (fl-Istati Membri tal-UE-15) kienu jappartjenu lis-settur tal-irfinar tal-vetturi (54%) u lis-settur tad-dry cleaning (16%); Madankollu, fl-aħħar tal-2007, id-dry cleaning sar l-akbar settur (b'39% tal-istallazzjonijiet). Bosta Stati Membri komplew jirrappurtaw dwar il-kisi u l-irfinar tal-vetturi skont l-SED (27% tal-istallazzjonijiet kollha rrappurtaw), għalkemm din l-attività kienet tneħħiet b'mod wiesa' mill-ambitu tad-Direttiva.

Skont id-dejta pprovduta, proporzjon żgħir biss tal-istallazzjonijiet eżistenti kollha ġew awtorizzati jew irreġistrati wara l-2003. Dan jissuġġerixxi li, qabel dik id-data, bosta Stati Membri diġà kellhom leġiżlazzjoni fis-seħħ li skontha dawn l-istallazzjonijiet kellhom ikunu rreġistrati jew awtorizzati.

L-użu tal-għażliet għall-kisba ta' tnaqqis tal-emissjonijiet

L-SED toffri lill-Istati Membri żewġ possibilitajiet ewlenin għal stallazzjonijiet individwali sabiex jiksbu t-tnaqqis meħtieġ ta' emissjonijiet ta' VOCs – jeħtieġ li jikkonformaw jew mal-valuri tal-limiti tal-emissjonijiet inkella ma' miri ekwivalenti ddefinti taħt skema ta' tnaqqis.

It-tagħrif irrappurtat juri li f'bosta Stati Membri l-istallazzjonijiet li japplikaw l-għażla tal-iskema ta' tnaqqis huma ftit ħafna, jekk ikun hemm. Barra minn hekk, diversi awtoritajiet kompetenti jidhru li jippreferu l-applikazzjoni tal-valuri tal-limiti tal-emissjonijiet, minħabba d-diffikultajiet fil-valutazzjoni tal-ekwivalenza bejn skemi ta' tnaqqis u l-applikazzjoni tal-valuri tal-limiti. Dan kien il-każ b'mod partikolari fi Stati Membri fejn l-istallazzjonijiet kienu rregolati minn valuri tal-limiti tal-emissjonijiet minn qabel l-implimentazzjoni tal-SED.

L-SED toffri lill-Istati Membri t-tielet għażla għall-konformità permezz tat-tfassil ta' Pjan ta' Azzjoni Nazzjonali ddisinjat biex jinkiseb tnaqqis kumplessiv tal-emissjonijiet tal-VOCs ekwivalenti għal dak li kieku jinkiseb bl-applikazzjoni tal-approċċ tal-livell tal-istallazzjoni. L-ebda Stat Membru ma implimenta tali Pjan Nazzjonali.

Derogi mill-valuri tal-limiti tal-emissjonijiet

L-SED tippermetti derogi minn ċerti valuri tal-limiti fejn jintwera li l-miżuri ta' tnaqqis ma jkunux vijabbli mil-lat ekonomiku u dak tekniku. Din taf tkun kwistjoni għal attivitajiet bħalma huma l-bini tal-bastimenti u l-kostruzzjoni tal-inġenji tal-ajru, li ma jistgħux joperaw taħt ċerti kundizzjonijiet illimitati. Ġew rappurtati derogi minn madwar nofs l-Istati Membri, iżda dawn kienu ekwivalenti għal anqas minn 0.01% tal-għadd totali tal-istallazzjonijiet. Abbażi tat-tagħrif riċevut, ma kienx possibbli li jiġu vvalutati l-kriterji użati jew l-kundizzjonijiet alternattivi meħtieġa.

Inizjattivi tal-Kummissjoni biex tippromwovi l-implimentazzjoni

L-Artikolu 7 tal-SED jesiġi li l-Kummissjoni tiżgura li jkun hemm skambju ta' tagħrif dwar l-użu u s-sostituzzjoni tas-solventi organiċi. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni żviluppat sit tal-internet li jipprovdi aċċess għal dokumenti ta' gwida u prattiki tajbin dwar is-sostituzzjoni tas-solventi[12], kif ukoll dokumenti ta' gwida speċifiċi għal attività partikolari[13]. Il-Kummissjoni ħadmet ukoll b'kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri billi pprovdiet tweġibiet għall-mistoqsijiet li tqajmu b'rabta mal-implimentazzjoni tal-SED, b'mod partikolari rigward l-ambitu u l-applikazzjoni tal-iskema ta' tnaqqis.

Interazzjoni ma' leġiżlazzjoni oħra tal-UE

Id-Direttiva dwar iż-Żebgħat Dekorattivi tistabbilixxi l-valuri tal-limiti għall-kontenut ta' VOC ta' ċerti żebgħat dekorattivi u prodotti għall-irfinar tal-vetturi. Bosta minn dawn il-prodotti jintużaw fi stallazzjonijiet irregolati skont l-SED. Konsegwentement, l-SED ġiet emendata biex teskludi din l-attività mill-ambitu tagħha. Kif indikat hawn fuq, din il-bidla wasslet għal tnaqqis drastiku fl-għadd ta' stallazzjonijiet koperti bl-SED. Madankollu, uħud mill-Istati Membri għażlu li jżommu r-rekwiżiti tal-SED għal dan is-settur, kif huwa permess b'mod espliċitu skont id-Direttiva dwar iż-Żebgħat Dekorattivi. Id-Direttiva dwar iż-Żebgħat Dekorattivi teżenta wkoll ċerti prodotti milli jikkonformaw mal-valuri tal-limiti tal-VOC jekk dawn il-prodotti jinbiegħu għal użu esklussiv f'stallazzjoni rregolata skont l-SED.

Intwera xi tħassib min-naħa tal-partijiet interessati u l-awtoritajiet kompetenti minħabba li ż-żewġ Direttivi jikkoinċidu f'diversi partijiet. Il-Kummissjoni ppruvat tiċċara s-sitwazzjoni u din il-kwistjoni tqieset ukoll fil-kunetst tal-analiżi tad-Direttiva dwar iż-Żebgħat Dekorattivi, li l-Kummissjoni se tirrapporta dwarha f'Komunikazzjoni separata.

Uħud mill-istallazzjonijiet akbar li joperaw attivitajiet ta' trattament tas-superfiċje huma koperti kemm bl-SED kif ukoll bl-IPPCD. Dawn l-istallazzjonijiet għalhekk għandhom ikunu permessi, bil-valuri tal-limiti tal-emissjonijiet li għandhom jiġu stabbiliti fil-permessi bbażati fuq il-BAT. F'dawn il-każijiet, il-valuri tal-limiti stabbiliti fl-SED japplikaw bħala r-rekwiżiti minimi. L-interazzjoni bejn l-SED u l-IPPCD tqieset fid-dettall permezz tal-IED.

4. RIMARKI TAL-GħELUQ

IPPCD

Ir-rapporti tal-Istati Membri dwar l-implimentazzjoni tal-IPPCD żvelaw il-ħtieġa għal uħud mill-pajjiżi biex jiffinalizzaw il-ħruġ tal-permessi sabiex tiġi żgurata l-konformità mad-Direttiva. Barra dan, studji ta' każijiet imwettqa mill-Kummissjoni wrew li l-permessi mhumiex ibbażati biżżejjed fuq il-BAT. Barra minn hekk, għadd ta' kwistjonijiet oħra ġew identifikati wkoll, bħall-ħtieġa għal mekkaniżmu ta' spezzjonar aktar koerenti, il-ħtieġa li jitnaqqas il-piż amministrattiv u l-fatt li l-IPPCD mhix kapaċi tilħaq ċerti għanijiet politiċi ewlenin. Dawn il-kwistjonijiet għandhom fil-biċċa l-kbira jiġu ttrattati permezz tal-IED.

SED

Ir-rappurtar mill-Istati Membri dwar l-implimentazzjoni tal-SED qabel l-iskadenza tal-implimentazzjoni finali għal stallazzjonijiet eżistenti ma żvelat l-ebda kwistjonijiet orizzontali kbar. L-implimentazzjoni tal-SED fis-settur tad-dry cleaning ippreżentat xi problemi minħabba l-fatturi speċifiċi tas-settur, iżda qed jiġu żviluppati approċċi ssemplifikati utli.

Direttiva futura dwar l-Emissjonijiet Industrijali

L-IED li qed tistenna l-adozzjoni finali se tinkorpora seba' Direttivi, inklużi l-IPPCD u l-SED, fi strument legali uniku. Dan se jiċċara l-interazzjoni bejn dawn l-istrumenti legali kollha u jissemplifika dispożizzjonijiet importanti, inkluzi dawk relatati mal-monitoraġġ u r-rappurtar.

L-IED ssaħħaħ ħafna l-importanza tal-BAT fil-proċedura tal-permessi u tindirizza ċerti nuqqasijiet tal-IPPCD, b'mod partikolari fir-rigward tal-analiżi tal-permessi u l-ispezzjonijiet. Huwa mistenni li l-implimentazzjoni mill-Istati Membri ssir aktar effettiva ladarba l-IED tidħol fis-seħħ.

Azzjoni futura

Għad hemm pjanijiet għal ċiklu ta' rappurtar ieħor għall-SED (2008-2010) u għall-IPPCD (2009-2011) qabel ma l-IED tidħol fis-seħħ, u l-Kummissjoni se tkompli ssegwi l-implimentazzjoni ta' dawn iż-żewġ biċċiet ta' leġiżlazzjoni. Fl-istess ħin, il-Kummissjoni se tħejji wkoll il-bażi biex tappoġġa u tippromwovi t-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni tal-IED mill-Istati Membri.

Anness I: Valutazzjoni tal-progress fl-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-IPPC 2007 tal-Kummissjoni

Azzjoni | Valutazzjoni tal-progress |

1. Żgurar tat-traspożizzjoni sħiħa tad-Direttiva | IPPCD trasposta b'mod korrett f'25 Stat Membru. Każijiet kontra l-EE u l-LT jibqgħu miftuħa. |

2. Appoġġ lill-Istati Membri fit-tnaqqis ta’ piżijiet amministrattivi żejda | L-IED se tnaqqas piżijiet żejda bi €32 miljun fis-sena. Tkomplija tal-ħidma mal-Grupp ta' Livell Għoli ta' Partijiet Interessati Indipendenti fuq Piżijiet Amministrattivi u mal-Istati Membri biex jitnaqqsu l-piżijiet nazzjonali. |

3. Appoġġ lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tagħhom | Il-Kummissjoni kompliet tikkomunika ma' dawk l-Istati Membri li għandhom problemi f'dak li għandu x'jaqsam ma' ħruġ ta' permessi. Il-qsim ta' informazzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-IPPC fl-UE kollha u gruppi ta' ħidma organizzati mill-Istati Membri. |

4. Monitoraġġ u ċċekkjar ta’ konformità mtejba tal-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar l-emissjonijiet industrijali | Analiżi tal-Kummissjoni li tinsab għaddejja bħalissa kemm tal-permessi maħruġa kif ukoll tal-għadd individwali tal-permessi maħruġa fil-maġġoranza tal-Istati Membri. Tkomplija tal-analiżi tal-implimentazzjoni b'reazzjoni għall-ilmenti miċ-ċittadini u mistoqsijiet mill-Parlament Ewropew. L-E-PRTR użata għall-monitoraġġ u l-identifikazzjoni ta' kwistjonijiet potenzjali rigward implimentazzjoni. |

5. Titjib fil-ġbir tad-dejta għall-analiżi tal-BREFs u l-ħolqien ta’ rabtiet aktar b’saħħithom mal-Programm Qafas tar-Riċerka | Pubblikazzjoni ta' gwida għat-titjib tal-ġbir tad-dejta u s-sottomissjoni ta' dejta għall-analiżi tal-BREFs. Ħidma mad-DĠ RTD fir-rigward ta' rabtiet bejn il-BREFs u l-Programm Qafas tar-Riċerka. Status imtejjeb tat-tekniki li joħorġu ġodda fil-kuntest tal-IED. |

[1] Referenzi: COM (2003)354, COM (2005)540, COM (2007)843.

[2] Dan it-tagħrif saret sinteżi tiegħu u ġie analizzat f'aktar dettall f'żewġ rapporti tekniċi: http://circa.europa.eu/Public/irc/env/voc/library?l=/2006_reportspdf/_EN_1.0_&a=d u http://circa.europa.eu/Public/irc/env/voc/library?l=/implementation_2005-07/final12_marchpdf/_EN_1.0_&a=d

[3] IPPC: Id-Deċiżjoni 2006/194/KE; SED: Id-Deċiżjoni 2002/529/KE

[4] Biex issir taf aktar dwar ReportNet: http://www.eionet.europa.eu/reportnet

[5] Biex issir taf aktar dwar is-Sistema ta' Tagħrif dwar Rappurtar Industrijali: http://iris.eionet.europa.eu/.

[6] Ir-riformulazzjoni tad-Direttiva IPPC tinkludi, minbarra l-SED u l-IPPC, l-LPCD (2001/80/KE), id-WID (2000/76/KE) u t-tliet Direttivi dwar id-Diossidu tat-Titanju (78/176/KEE, 82/883/KEE u 92/112/KEE)

[7] Il-Parlament Ewropew qabel dwar pożizzjoni fit-tieni qari fis-7 ta' Lulju 2010: http://www.europarl.europa.eu/sides/getDoc.do?pubRef=-//EP//TEXT+TA+P7-TA-2010-0267+0+DOC+XML+V0//MT

[8] http://circa.europa.eu/Public/irc/env/ippc_rev/library. It-tielet rapport ta' dan l-eżerċizzju se jitqiegħed fuq l-istess paġna tal-internet matul l-2011.

[9] Biex issir taf aktar dwar l-Uffiċċju tal-IPPC: http://eippcb.jrc.es/

[10] COM(2007) 843 finali

[11] ĠU L 143, 30.4.2004, p. 87-96.

[12] http://ec.europa.eu/environment/air/pollutants/stationary/solvents/index.htm

[13] http://circa.europa.eu/Public/irc/env/voc/library?l=/guidance_documents/final_versions&vm=detailed&sb=Title.

Top