This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52010DC0581
REPORT FROM THE COMMISSION TO THE COUNCIL, THE EUROPEAN PARLIAMENT, THE EUROPEAN ECONOMIC AND SOCIAL COMMITTEE AND THE COMMITTEE OF THE REGIONS Under Article 14(2) of Directive 2004/35/CE on the environmental liability with regard to the prevention and remedying of environmental damage
RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Skont l-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2004/35/KE dwar ir-responsabbiltà ambjentali f’dak li għandu x’jaqsam mal-prevenzjoni [ta'] u r-rimedju għal danni [ħsara] ambjentali
RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Skont l-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2004/35/KE dwar ir-responsabbiltà ambjentali f’dak li għandu x’jaqsam mal-prevenzjoni [ta'] u r-rimedju għal danni [ħsara] ambjentali
/* KUMM/2010/0581 finali */
/* KUMM/2010/0581 finali */ RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Skont l-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2004/35/KE dwar ir-responsabbiltà ambjentali f’dak li għandu x’jaqsam mal-prevenzjoni [ta'] u r-rimedju għal danni [ħsara] ambjentali
[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA | Brussel 12.10.2010 KUMM(2010) 581 finali RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Skont l-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2004/35/KE dwar ir-responsabbiltà ambjentali f’dak li għandu x’jaqsam mal-prevenzjoni [ta'] u r-rimedju għal danni [ħsara] ambjentali RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Skont l-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2004/35/KE dwar ir-responsabbiltà ambjentali f’dak li għandu x’jaqsam mal-prevenzjoni [ta'] u r-rimedju għal danni [ħsara] ambjentali 1. INTRODUZZJONI Dan ir-rapport huwa bbażat fuq l- Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2004/35/KE dwar ir-responsabbiltà ambjentali f’dak li għandu x’jaqsam mal-prevenzjoni [ta'] u r-rimedju għal danni [ħsara] ambjentali[1] (minn hawn ’il quddiem id-‘DRA’ jew ‘id-Direttiva’). Ir-rapport jivvaluta l-effettività tad-Direttiva f ’ termini tar-rimedju reali għall-ħsara ambjentali u d-disponibbiltà bi kostijiet raġonevoli, u l-kondizzjonijiet għal, sigurtà finanzjarja fir-rigward tal-attivitajiet elenkati fl-Anness III tagħha. Il-karatteristiċi innovattivi tad-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà Ambjentali L-għan principali tad-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà Ambjentali huwa li tevita u toffri rimedju għal ‘ danni [ħsara] ambjentali ’. Dan huwa definit bħala danni [ħsara] lill- ispeċijiet protetti u lill-ambjenti [ħabitats] naturali (natura) , danni [ħsara] lill- ilma u danni [ħsara] lill- art (ħamrija) . Il-parti responsabbli fil-prinċipju hija l-‘ operatur ’ li jwettaq attivitajiet tax-xogħol. Operaturi li jwettqu ċerti attivitajiet ta’ periklu, kif elenkati fl-Anness III għad-DRA, għandhom responsabbiltà assoluta (mingħajr tort/mhux kolpevolment) għad-danni [ħsara] ambjentali. Operaturi li jwettqu attivitajiet tax-xogħol oħra huma responsabbli għal kwalunkwe ħsara lin-natura kkawżata minħabba xi nuqqas min-naħa tagħhom [kolpevolment]. Operaturi jistgħu jibbenefikaw direttament minn ċerti eċċezzjonijiet u difiżi (pereżempju force majeure , kunflitt bl-armi, intervent ta’ terzi persuni) u difiżi li ddaħħlu permezz tat-traspożizzjoni (pereżempju difiża minħabba awtorizzazzjoni uffiċjali [permit defence], difiża skont il-konformità mal-ogħla livell ta' konoxxenza teknoloġika u xjentifika ta’ dak iż-żmien [state of the art defence]). L-operaturi għandhom jieħdu azzjoni preventiva fil-każ li jkun hemm theddida imminenti ta’ ħsara ambjentali. Bl-istess mod għandhom l-obbligu li jirrimedjaw id-danni ambjentali ladarba tkun saret il-ħsara u li jagħmlu tajjeb għall-ispejjeż (‘ min iniġġes iħallas ’). F’każjiet speċifiċi fejn l-operaturi jonqsu milli jagħmlu hekk, jew fejn ma jkunux identifikabbli, jew fejn ikunu użaw difiżi, l-awtorità kompetenti tista’ tintervjeni u twettaq il-miżuri preventivi jew ta' rimedju meħtieġa. Dan ir-rapport, l-ewwel nett jeżamina t-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni tad-Direttiva biex jiġi analizzat kif ġew applikati fil-prattika[2],[3]. Il-Kummissjoni ħadmet fuq it traspożizzjoni u l-implimentazzjoni nazzjonali mal-grupp tal-esperti tal-gvern dwar id-DRA. Ġew ikkonsultati fornituri tas-servizzi kummerċjali u tas-sigurtà finanzjarja, jiġifieri entitajiet tal-assigurazzjoni, brokers, banek u istituzzjonijiet finanzjarji, kif ukoll NGOs. It-tieni nett, jagħti ħarsa lejn il-kwistjoni tas- sigurtà finanzjarja . Għal dan il-għan, ġiet analizzata r-reazzjoni tas-settur finanzjarju u ġew ivvalutati l-alternattivi għas-sigurtà finanzjarja, abbażi tal-informazzjoni mogħtija mill-industrija tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni dwar il-prodotti tal-assigurazzjoni u l-kopertura DRA disponibbli fis-suq tal-UE. Tqiesu wkoll rapporti dwar id-DRA mill-Konfederazzjoni tal-Assiguraturi Ewropej (CEA - Confederation of European Insurers)[4] u informazzjoni dwar kif operaturi u l-industrija rreaġixxew għad-Direttiva[5] . It-tliet aspetti li kienu ttrattati b’mod partikolari huma: l-użu ta’ approċċ gradwali li jippermetti lill-Istati Membri sabiex bil-mod u f’fażijiet idaħħlu sigurtà finanzjarja obbligatorja, billi jibdew bl-attivitajiet u l-operaturi li huma l-aktar ta’ riskju u bil-ħsara lill-ħamrija u lill-ilma. l-iffissar ta’ limiti għal garanziji finanzjarji; u l-esklużjoni ta’ attivitajiet b’riskju baxx. 2. L-EFFETTIVITÀ TAD-DIRETTIVA FIR-RIMEDJAR TAL-ħSARA AMBJENTALI L-analiżi tal-effettività tad-DRA għall-ħsara ambjentali saret permezz tal-valutazzjoni tat-traspożizzjoni fil-liġijiet nazzjonali u tal-implimentazzjoni tagħha. 2.1 Il-proċess tat-traspożizzjoni Id-Direttiva daħlet fis-seħħ fit-30 ta’ April 2004. Erba’ Stati Membri biss[6] irrispettaw id-data tal-iskadenza għat-traspożizzjoni tat-30 ta’ April 2007. Minn dak iż-żmien ’il hawn it-traspożizzjoni tad-Direttiva baqgħet issir bil-mod , u minħabba dan il-Kummissjoni kellha tibda bil-proċedimenti ta’ ksur kontra 23 Stat Membru. Matul din il-proċedura, l-għadd ta’ pajjiżi li ma kinux konformi naqas, iżda l-Kummissjoni xorta waħda kellha tirreferi għadd minnhom lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, li fl-2008 u fl-2009 qatgħet is-sentenza tagħha kontra seba’ Stati Membri[7]. Ir-raġunijiet prinċipali għad-dewmien fit-traspożizzjoni kienu: 1. L-oqfsa legali eżistenti — L-Istati Membri li diġà kellhom regoli avvanzati dwar ir-responsabbiltà fir-rigward ta’ kwistjonijiet ambjentali kellhom jadattaw il-leġiżlazzjoni l-ġdida skont dawn l-oqfsa legali eżistenti. 2. Rekwiżiti tekniċi ta ’ sfida bħall-ħtieġa għall-valutazzjoni ekonomika tal-ħsara ambjentali, it-tipi differenti ta’ rimedju, u l-ħsara lill-ispeċijiet protetti u lill-ħabitats naturali, li kienu innovazzjonijiet għal ħafna mill-Istati Membri. 3. Il- karattru ta' qafas tad-DRA, li jħalli lill-Istati Membri b'marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni, b’alternattivi li jistgħu jiġu deċiżi biss matul it-traspożizzjoni; dan wassal għal dewmien, għaliex kien jirrikjedi li jkun hemm diskussjoni dwar firxa sħiħa ta’ alternattivi fil-livell nazzjonali. 2.2 Karatteristiċi tal-implimentazzjoni Il-karattru ta' qafas tad-Direttiva rriżulta f’ diverġenza wiesgħa fost l-Istati Membri fir-rigward ta’ bosta dispożizzjonijiet ewlenin ta’ implimentazzjoni. - L- estensjoni fuq bażi volontarja tal-ambitu tal-UE ta ’ ‘ danni [ħsara] lill-ispeċijiet protetti u ambjenti [ħabitats] naturali ’ skont id-Direttivi dwar l-Għasafar [8] u l-Ħabitats[9] (l-Artikolu 2(3) tad-DRA). Erbatax-il Stat Membru ddeċidew li jikkonformaw u inkludew speċijiet u ħabitats protetti skont l-iskemi tal-protezzjoni nazzjonali jew reġjonali fil-ġuriżdizzjonijiet kollha tagħhom jew f'parti minnhom (l-Awstrija, il-Belġju, Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, il-Greċja, l-Ungerija, il-Latvja, il-Litwanja, il-Polonja, il-Portugall, Spanja, l-Isvezja u r-Renju Unit). - Definizzjoni ewlenija oħra, dik ta’ ‘ operatur ’, ġiet estiża min-naħa tal-Istati Membri kollha barra wieħed, u wħud għażlu li jagħtu ambitu partikolarment wiesa’ lil din id-definizzjoni (l-Estonja, il-Finlandja, l-Ungerija, il-Litwanja, il-Polonja u l-Isvezja). - Id-DRA tagħti lill-Istati Membri l-għażla dwar jekk iridux jipprovdu ‘ difiża minħabba awtorizzazzjoni uffiċjali ’ u/jew ‘ difiża skont il-konformità mal-ogħla livell ta' konoxxenza teknoloġika u xjentifika ta ’ dak iż-żmien ’ li jistgħu jiġu invokati mill-operaturi. Anqas minn nofshom iddeċidew li jħallu ż-żewġ difiżi: il-Belġju (fil-livell reġjonali), Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja (għajr għall-Organiżmi Modifikati Ġenetikament, OMĠ), il-Greċja, l-Italja, il-Latvja (għajr għall-OMĠ), Malta, il-Portugall, is-Slovakkja, Spanja, ir-Renju Unit (għajr għall-OMĠ fl-Iskozja u f’Wales). Bl-istess mod, anqas minn nofshom iddeċidew li ma jagħmlux użu minnhom: l-Awstrija, il-Belġju (fil-livell federali), il-Bulgarija, il-Ġermanja, l-Ungerija, l-Irlanda, il-Pajjiżi l-Baxxi (applikabbli biss wara analiżi tar-raġuni), il-Polonja, ir-Rumanija u s-Slovenja. id-Danimarka, il-Finlandja u l-Litwanja ddeċidew li jippermettu d-‘ difiża minħabba awtorizzazzjoni uffiċjali ’ iżda mhux id-‘ difiża skont il-konformità mal-ogħla livell ta' konoxxenza teknoloġika u xjentifika ta ’ dak iż-żmien ’, filwaqt li Franza ppermettiet id-‘ difiża skont il-konformità mal-ogħla livell ta' konoxxenza teknoloġika u xjentifika ta ’ dak iż-żmien ’ iżda mhux id-‘ difiża minħabba awtorizzazzjoni uffiċjali ’. L-Isvezja ħadet it-triq tan-nofs, billi aċċettat id-difiża minħabba awtorizzazzjoni uffiċjali u dik skont il-konformità mal-ogħla livell ta' konoxxenza teknoloġika u xjentifika ta’ dak iż-żmien bħala fatturi li jnaqqsu mill-gravità fil-proċess tad-deċiżjoni. - Għall-ambitu tal-attivitajiet koperti bir-responsabbiltà assoluta, bosta Stati Membri eżentaw it-tifrix ta ’ kulma jġorr id-dranaġġ [it-tixrid tal-ħama tad-dranaġġ] mill-operazzonijiet tal-ġestjoni tal-iskart (il-Bulgarija, Franza, il-Latvja, Malta, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovakkja, is-Slovenja u r-Renju Unit). Għadd ta’ Stati Membri inkludew aktar attivitajiet li mhumiex imsemmija fl-Anness III fl- ambitu ta ’ responsabbiltà assoluta (il-Belgju, id-Danimarka, il-Finlandja, il-Greċja, l-Ungerija, il-Latvja, il-Litwanja, il-Pajjiżi l-Baxxi u l-Isvezja). - Għar-regoli dwar ħsara kkawżata minn ħafna partijiet ( multi-party causation ) , il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri għażlu sistema ta’ responsabbiltà in solidum , filwaqt li minoranza minnhom għażlu responsabbiltà proporzjonata (id-Danimarka, il-Finlandja, Franza, is-Slovakkja u s-Slovenja). - Fl-aħħar nett, id-DRA tippermetti lill-Istati Membri jiddeċiedu dwar jekk jintroduċux sistema ta’ sigurtà finanzjarja obbligatorja fil-livell nazzjonali. Tmien Stati Membri introduċew is-sigurtà finanzjarja obbligatorja li tidħol fis-seħħ f’dati differenti sal-2014: il-Bulgarija, il-Portugall, Spanja, il-Greċja, l-Ungerija, is-Slovakkja, ir-Repubblika Ċeka u r-Rumanija. Dawn is-sistemi huma soġġetti għal valutazzjoni tar-riskju tas-setturi u l-operaturi rilevanti, u jiddependu fuq diversi dispożizzjonijiet nazzjonali ta’ implimentazzjoni li jistipulaw kwistjonijiet bħal limiti, eżenzjonijiet, eċċ. Madankollu, is-sigurtà finanzjarja obbligatorja qed tesperjenza dewmien fit-tliet pajjiżi kollha fejn kellha tidħol fis-seħħ fl-2010 (fil-Portugall, fi Spanja u fil-Greċja) għaliex id-dispożizzjonijiet essenzjali għadhom mhumiex stabbiliti. Il-bqija tal-Istati Membri jiddependu fuq is-sigurtà finanzjarja fuq bażi volontarja. 2.3 Implimentazzjoni limitata tad-DRA It-traspożizzjoni fit-tul tad-Direttiva kellha l-konsegwenza li l-awtoritajiet kompetenti ttrattaw għadd limitat ta’ każijiet. Il-Kummissjoni bl-appoġġ tan-netwerk tal-esperti tal-gvern dwar id-DRA [10] identifikaw 16-il każ li ġew ittrattati skont id-DRA fil-bidu tal-2010, u stmat li l-għadd totali tal-każijiet DRA madwar l-UE issa jista’ jkun madwar 50. L-akbar ostaklu biex tiġi analizzata l-effettività tad-DRA huwa l-fatt li ftit li xejn huwa magħruf dwar il-karatteristiċi ta’ dawn il-każijiet. Madankollu: - il-biċċa l-kbira tal-każijiet għandhom x’jaqsmu mal-ħsara lill- ilma u lill- art u għadd limitat biss mal-ispeċijiet protetti u l-ħabitats naturali. Dan ma japplikax għall-Istati Membri kollha bl-istess mod - fil-biċċa l-kbira tal-każijiet ġew applikati immedjatament miżuri ta’ rimedju primarju (l-iskavar u s-sostituzzjoni tal-ħamrija kif ukoll it-tindif tal-ilma, bil-għan li s-sit jirritorna għall-kondizzjoni tal-bażi [kondizzjoni bażi/baseline condition]. Madankollu, f'ebda wieħed mill-każijiet irrappurtati ma kien hemm informazzjoni dwar iż-żewġ tipi l-oħra ta’ rimedju ( komplementari u li jikkumpensa ) - il-kostijiet totali tal-miżuri ta’ rimedju, meta jkunu magħrufa, għandhom jammontaw bejn EUR 12 000 u EUR 250 000 - it-tul ta’ żmien li jieħu l-irkupru ambjentali jvarja b’mod konsiderevoli u jieħu bejn ġimgħa u tliet snin għall-każijiet irrappurtati. - l-attivitajiet involuti kienu kważi esklussivament elenkati fl-Anness III għad-DRA, billi jaqgħu l-aktar taħt id-Direttiva IPPC [Directive on Integrated Pollution Prevention and Control][11], flimkien ma’ operazzjonijiet tal-ġestjoni tal-iskart, u l-manifattura, l-użu u l-ħżin ta’ sustanzi perikolużi, preparazzjonijiet u prodotti relatati. Rimedju tal-ħsara ambjentali taħt id-DRA Jista’ jkun hemm rimedju għall-ħsara ambjentali f’modi differenti skont it-tip ta’ ħsara: - Għall-ħsara li taffettwa l-art, id-Direttiva tesiġi li l-art konċernata tkun dekontaminata sakemm ma jkun baqa' l-ebda riskju serju ta’ impatt negattiv fuq is-saħħa tal-bniedem; - Għall-ħsara li taffettwa l-ilma jew l-ispeċijiet protetti u l-ħabitats naturali, id-Direttiva għandha bħala mira r-restituzzjoni tal-ambjent għal kif kien qabel ma seħħet il-ħsara u li kieku ma saritx il-ħsara. Ir-rimedjar tal-ħsara ambjentali, f’dak li għandu x’jaqsam mal-ilma jew ma' speċijiet protetti jew ħabitats naturali, jintlaħaq permezz tar-restituzzjoni tal-ambjent għall-kondizzjoni bażi permezz ta’ rimedju primarju , komplementari u li jikkumpensa . Ir-riżorsi naturali li saritilhom il-ħsara jew is-servizzi affettwati ħażin għandhom jitreġġgħu lura għal li kienu jew jiġu sostitwiti minn riżorsi naturali jew servizzi identiċi, simili jew ekwivalenti jew fis-sit tal-inċident inkella, fil-każ li jirriżulta neċessarju, f'sit alternattiv. L-Anness II għad-Direttiva jinkludi definizzjonijiet tat-tipi differenti ta’ rimedju applikabbli għall-ħsara lill-ilma u lin-natura, kif ukoll informazzjoni dwar il-miżuri li għandhom jitqiesu sabiex tiġi rrimedjata l-ħsara. Jeħtieġ li interventi ta’ rimedju jsiru fis-sit innifsu jew inkella billi jinħolqu riżorsi simili f’żoni fil-qrib. L-awtoritajiet kompetenti qiesu li l- kwistjonijiet l-aktar diffiċli kienu r-rekwiżiti tekniċi kumplessi marbuta mal- evalwazzjoni ekonomika tar-riżorsi/is-servizzi li saritilhom il-ħsara u l- metodi tar-rimedju ambjentali , kif ukoll in-nuqqas ta’ limiti vinkolanti għal termini ewlenin bħal ‘ danni sinifikattivi ’ [ħsara sinifikanti] . Madankollu, l-Istati Membri bdew jiżviluppaw linji gwida u qed jibnu l-bażi tal-għarfien tagħhom fuq dawn il-mistoqsijiet (ara t-Taqsima 3). Ir-raġunijiet għall- għadd relattivament baxx tal-każijiet DRA jistgħu jinkludu l-għarfien limitat tal-operaturi. Iżda dan jista’ jirrifletti wkoll l- effett preventiv li d-DRA diġà qed ikollha. Raġuni oħra għall-esperjenza limitata tista’ tkun li ċerti Stati Membri żammew il- liġijiet eżistenti tagħhom dwar ir-rimedju tal-ħamrija jew tal-ilma li kienu jinkludu miżuri aktar stretti minn tad-DRA. Fl-aħħar nett, l-eċċezzjonijiet u d-difiżi tad-DRA li jinkludu l-falliment u n-nuqqas ta’ identifikazzjoni tal-operaturi responsabbli setgħu wasslu għal anqas każijiet DRA. Għaldaqstant hemm nuqqas ta ’ dejta suffiċjenti sabiex jintlaħqu konklużjonijiet affidabbli dwar l-effettività tad-Direttiva f ’ termini tar-rimedju attwali tal-ħsara ambjentali . Madankollu, dan ir-rapport żied l-għarfien fost il-partijiet involuti u żied il-flussi tal-informazzjoni bejniethom, u se jgħin lill-Istati Membri biex iħejju r-rapporti tagħhom stess, li għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni sa April 2013. 3. IL-FUNZJONALITÀ TAS-SISTEMI NAZZJONALI TAD-DRA L -istadju li fih jinsabu l-Istat Membri fit-tħejjija biex jittrattaw il-ħsara ambjentali skont id-Direttiva jvarja. Uħud mill-Istati Membri huma avvanzati biżżejjed f’termini tal-linji gwida dwar il-valutazzjoni teknika u ekonomika (il-Belġju, id-Danimarka, Franza, l-Ungerija, il-Pajjiżi l-Baxxi, Spanja, u r-Renju Unit), tal-proċeduri u l-manwali għall-valutazzjoni tar-riskju (Spanja, il-Portugall, l-Italja) u l-linji gwida leġiżlattivi (Spanja, l-Ungerija, ir-Repubblika Ċeka, il-Latvja u l-Polonja). Sistemi speċjalizzati tas-sigurtà finanzjarja (bħall-ġbir kollettiv ta’ assi mill-kumpaniji tal-assigurazzjoni (insurance pools) fi Franza, fi Spanja u fl-Italja) joffru prodotti tal-assigurazzjoni DRA xierqa. Biex tgħin fl-implimentazzjoni tal-Anness II, il-Kummissjoni sponsorjat ir-riċerka[12] dwar il-metodoloġiji ta’ evalwazzjoni ekonomika li jistgħu jintużaw. REMEDE żviluppa sett ta’ għodda bil-metodi għall-istima tal-kostijiet tar-rimedju flimkien ma’ studji ta’ każijiet biex dawn jintużaw bħala eżempji. Minkejja l-isforzi ta’ sensibilizzazzjoni[13], il-kummerċ u partikolarment is-setturi tal- industrija li huma aktar suxxettibbli għal riskji u ħsara li jaqgħu taħt id-DRA (l-operaturi tal-Anness III) b ’ mod ġenerali mhumiex infurmati dwar id-dispożizzjonijiet tad-DRA . Dan japplika b’mod partikolari għall-Impriżi Żgħar u ta’ Daqs Medju (SMEs – Small and Medium Enterprises). Intervisti ma’ operaturi fit-tieni nofs tal-2009[14] wrew li l-maġġoranza kienu għadhom ma adattawx il-poloz tal-assigurazzjoni tagħhom biex dawn ikopru r-responsabbiltajiet estiżi tad-DRA, filwaqt li wħud lanqas kienu jafu dwar id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva. Dan jista’ jkun minħabba d-dewmien fit-traspożizzjoni, li kkawża inċertezza legali, u minħabba l-isforzi limitati ta’ sensibilizzazzjoni. Dawn ir-riżultati kienu kkomplementati bi stħarriġ li sar mill-Kummissjoni fl-2009 permezz tal-Bord bi Prova dwar in-Negozju Ewropew (European Business Test Panel)[15]; il-maġġoranza tal-operaturi u tal-assoċjazzjonijiet kummerċjali rrappurtaw livelli għoljin ta’ inċertezza dwar ir-responsabbiltajiet tagħhom taħt id-DRA u użu limitat ta’ strumenti finanzjarji li jkopru r-responsabbiltajiet DRA. L-operaturi li huma infurmati dwar ir-responsabbiltajiet ambjentali tagħhom għandhom it-tendenza li jkopru r-riskji li jirriżultaw b’taħlita ta’ assigurazzjonijiet ambjentali bħal Responsabbiltà Ġenerali ta’ Terzi Persuni ( GTPL - General Third Party Liability), Responsabbiltà għall-Ħsara Ambjentali ( EIL - Environmental Impairment Liability) jew prodotti tal-assigurazzjoni marbutin esklussivament mat-termini u l-kondizzjonijiet li hemm stipulati fihom (stand-alone). L-operaturi għamlu ħafna anqas użu minn sigurtà finanzjarja f’sura oħra, bħal garanziji bankarji, garanziji u fondi. Rapport mis-settur kummerċjali [16] ġibed l-attenzjoni rigward il-ħtieġa li jiġu eżaminati l-alternattivi disponibbli kollha għall-forniment ta’ sigurtà finanzjarja u ssuġġerixxa li l-Istati Membri jaħdmu biex itejbu s-sistemi nazzjonali stabbiliti fir-rigward tar-responsabbiltà ambjentali. Talab għal aktar ċarezza u preċiżjoni fir-regoli dwar ir-restituzzjoni tal-ħsara ambjentali. L-industrija rreaġixxiet b ’ mod pożittiv għall-introduzzjoni tad-DRA . Saret ħidma sinifikanti dwar xi tfisser id-DRA għas-settur tal-assigurazzjoni u din tqassmet fuq firxa wiesgħa[17]. Gradwalment l-industrija żviluppat prodotti għad-DRA, jiġifieri soluzzjonijiet speċifiċi ‘stand alone’, jew żidiet mal-prodotti tal-assigurazzjoni tar-responsabbiltà li diġà kienu jeżistu. Tinsab għaddejja ħidma fuq kwistjonijiet prattiċi ta’ implimentazzjoni bħal sottoskrizzjoni u l-ġestjoni ta’ talbiet, kif ukoll sforzi biex tiġi żviluppata dejtabejż ta’ studji tal-każijiet għall-qsim tal-esperjenza. Madankollu, f’dan l-istadju bikri għad hemm inċertezza dwar kemm il-prodotti eżistenti huma verament lesti biex jittrattaw każijiet DRA. L-industrija tal-assigurazzjoni[18] rrappurtat ukoll li l-kriżi ekonomika ta’ dan l-aħħar irriżultat f’nuqqas temporanju fil-kapaċità tal-industrija li tipprovdi kopertura DRA. Wieħed jista’ jikkonkludi li t-traspożizzjoni tad-DRA saret bil-mod u li l-metodi ta ’ implimentazzjoni jvarjaw b ’ mod konsiderevoli madwar l-UE. Din id-diverġenza kellha l-konsegwenza ta’ dewmien fl-iżvilupp tal-alternattivi ta’ sigurtà finanzjarja fil-livell nazzjonali. Għalkemm jista’ jkun li l-varjetà sostanzjali li hemm fil-metodi ta’ implimentazzjoni nazzjonali taffettwa b'mod negattiv l-effettività tad-Direttiva, huwa diffiċli ferm li wieħed jivverifka eżattament kif. 4. SIGURTÀ FINANZJARJA GħAD-DRA 4.1. L-iżvilupp ta’ prodotti ta’ sigurtà finanzjarja Skont l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva, l-Istati Membri huma mitluba jħeġġu l-iżvilupp ta’ strumenti u swieq ta’ sigurtà finanzjarja. L-Istati Membri ftit ħadu azzjoni, u din kienet ristretta għal diskussjonijiet mal-assiguraturi u/jew l-assoċjazzjonijiet kummerċjali tagħhom. F’bosta każijiet is-swieq DRA żviluppaw fuq l-inizjattiva tal-assiguraturi, saħansitra fil-każijiet fejn ġiet stabbilita s- sigurtà finanzjarja obbligatorja . 4.1.1 Prodotti ta’ Sigurtà Finanzjarja għad-DRA L-assigurazzjoni rriżultat bħala l-istrument l-aktar popolari għall-kopertura tar-responsabbiltà ambjentali, segwit minn garanziji bankarji (l-Awstrija, il-Belġju, Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Polonja, Spanja u r-Renju Unit) u Strumenti Bbażati fuq is-Suq oħrajn (MBIs - Market Based Instruments), bħal fondi, bonds, eċċ (l-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija, Ċipru, il-Polonja u Spanja). Il-ġbir kollettiv tal-assi mill-kumpaniji tal-assigurazzjoni jinsab fi Spanja, Franza u fl-Italja. Parti sinifikanti tar-responsabbiltajiet li jirriżultaw mid-DRA jistgħu jkunu koperti taħt il-poloz tar-Responsabbiltà Ġenerali ta’ Terzi Persuni jew poloz tar-Responsabbiltà għall-Ħsara Ambjentali. (Ri)assiguraturi bħalissa qed joffru estensjonijiet għall-poloz eżistenti GTPL jew EIL u prodotti ‛stand-alone’ ġodda, Meta d-DRA ġiet adottata fl-2004, ir-rapporti indikaw li ma kien hemm prattikament l-ebda prodott tal-assigurazzjoni li jkopri riskji fil-każijiet fejn il-konsegwenzi ekonomiċi ma setgħux jiġu mbassra kompletament. Minn dak iż-żmien ’il hawn, fis-suq tal-UE tfaċċaw prodotti xierqa. Madankollu, il-kopertura tal-ħsara kkawżata mill-OMĠ għadha diffiċili: fi Spanja fejn japplikaw id-dispożizzjonijiet ta’ sigurtà finanzjarja obbligatorja mingħajr l-esklużjoni tal-OMĠ, hemm dispożizzjoni speċjali li tindirizza kwalunkwe ħsara u telf f’sistema ta’ responsabbiltà ċivili u mhux skont id-DRA. Bħalissa huwa diffiċli biex wieħed jivvaluta jekk il-kapaċità fil-preżent tal-industrija ta’ (ri)assigurazzjoni hix biżżejjed biex tkopri b’mod effiċjenti r-responsabbiltajiet DRA. Il-kapaċitajiet DRA tal-industriji tal-assigurazzjoni qed jevolvu b’mod kostanti, hija u tiżdied id-domanda għall-prodotti. Il-kapaċitajiet jistgħu wkoll jiżdiedu permezz ta’ strumenti ta’ sigurtà finanzjarja li mhumiex tal-assigurazzjoni. 4.1.2 Tipi oħra ta’ sigurtà finanzjarja Għalkemm teżisti firxa sħiħa ta’ alternattivi, l-attenzjoni ġenerali hija fuq prodotti tal-assigurazzjoni bħala mod kif ir-responsabbiltajiet DRA jistgħu jkunu koperti. Inkisbet esperjenza sinifikanti bi strumenti li mhumiex tal-assigurazzjoni (bonds, garanziji bankarji, fondi, captives, eċċ.) b’rabta ma’ leġiżlazzjoni ambjentali oħra, bħal dik dwar il-ġestjoni tal-iskart. Dawn l-istrumenti jirrikjedu ftit tibdil biex ikunu adattati għar-responsabbiltajiet relatati mad-DRA. Wieħed għandu jinnota li ċerti strumenti alternattivi huma aktar adattati għal operaturi kbar b’ħafna operazzjonijiet milli għal Impriżi Żgħar u ta’ Daqs Medju. L-adegwatezza tal-istrumenti ta’ sigurtà finanzjarja se tiddependi fuq l-effiċjenza tagħhom f’termini tal-kostijiet tar-rimedju koperti, id-disponibbiltà tagħhom għall-operaturi, u l-effettività tagħom fil-prevenzjoni tat-tniġġis. L-ebda strument disponibbli ma jidher li jissodisfa t-tliet rekwiżiti għar-responsabbiltajiet DRA kollha u għas-setturi kollha konċernati, u minħabba dan l-għażla tal-istrument se tvarja fost l-operaturi. 4.1.3 Limitazzjonijiet u nuqqasijiet fil-prodotti ta’ sigurtà finanzjarja Il-limitazzjonijiet tal-prodotti tal-assigurazzjoni li hemm disponibbli fil-preżent huma l-esklużjoni tal-ħsara ambjentali gradwali u l-esklużjonijiet għal xi tipi ta’ rimedju, bħar-rimedju li jikkumpensa. Dawn il-limitazzjonijiet huma dovuti minħabba n-nuqqas ta’ dejta dwar inċidenti DRA u minħabba li t-telf potenzjali ma jkunx jista’ jiġi kkwantifikat. Bil-mod il-mod dawn il-limitazzjonijiet jiġu solvuti, hekk kif tiżdied ukoll l-esperjenza fis-suq. 4.2. Il-ħtieġa għal sigurtà finanzjarja obbligatorja armonizzata Il-Kummissjoni għandha teżamina l-ħtieġa għal sistema ta’ sigurtà finanzjarja obbligatorja armonizzata fil-livell tal-UE. Minħabba li t-traspożizzjoni tad-DRA rriżultat f’regoli ta’ implimentazzjoni diverġenti, minħabba li l-Istati Membri li għażlu s-sigurtà finanzjarja obbligatorja għadhom ma stabbilixxewx is-sistemi tagħhom, u għalhekk ma tistax issir evalwazzjoni tal-approċċi obbligatorji, u minħabba l-fatt tad-disponibbiltà dejjem tiżdied ta' aktar prodotti ta’ sigurtà finanzjarja, il-Kummissjoni għadha mhix fil-pożizzjoni li tipproponi sigurtà finanzjarja obbligatorja fil-livell tal-UE. 4.3. L-indirizzar ta' kwistjonijiet ta’ sigurtà finanzjarja Ma teżisti l-ebda definizzjoni miftiehma b’mod konġunt dwar it-tliet kwistjonijiet li l-Kummissjoni għandha tqis fir-rapport (l-approċċ gradwali, il-limiti għal garanziji finanzjarji u l-esklużjoni ta’ attivitajiet b’riskju baxx). L-approċċi possibbli għal dawn il-kwistjonijiet ġew diskussi mal-esperti tal-Istati Membri u mal-partijiet involuti. Valutazzjoni tas-sistemi stabbiliti tissuġġerixxi li sabiex l-implimentazzjoni tkun iffaċilitata, l-iskemi ta’ sigurtà finanzjarja obbligatorja għandhom jużaw forma ta’ approċċ gradwali, għandhom jistipulaw l-esklużjoni ta’ attivitajiet b’riskju baxx, u għandhom jinkludu limiti għal garanziji finanzjarji. 4.3.1 Approċċ gradwali Approċċ gradwali jfisser l-introduzzjoni gradwali ta’ sigurtà finanzjarja għall-kopertura ta’ tipi differenti ta’ riskji u setturi industrijali jew ta' responsabbiltajiet koperti. Il-modi kif l-Istati Membri applikaw l-approċċ gradwali jinkludu l-limitazzjoni ta’ sigurtà finanzjarja obbligatorja għall- attivitajiet tal-Anness III li jirrikjedu permess, approvazzjoni jew reġistrazzjoni, filwaqt li oħrajn imponew sigurtà finanzjarja obbligatorja għal ċerti attivitajiet tal-Anness III , li jibdew minn dawk l-aktar riskjużi (fl-Ungerija din hija limitata għal stallazzjonijiet IPPC). 4.3.2 Limiti għall-garanzija finanzjarja L-ebda sistema ta’ sigurtà finanzjarja, kemm jekk tkun assigurazzjoni, garanzija bankarja jew fond fiduċjarju, mhija se tipprovdi responsabbiltà mingħajr limitu. Għaldaqstant, il-limiti japplikaw kemm għall-mekkaniżmi ta ’ sigurtà finanzjarja fuq bażi volontarja kif ukoll għal dawk fuq bażi obbligatorja . Jista’ jiddaħħal limitu għall-garanzija finanzjarja fil-każ li jitqies bħala baxx, ir-riskju li l-ħsara se taqbeż dak il-limitu, u dan jiddependi fuq il-post, it-tip u d-daqs tal-operazzjoni. Spanja introduċiet limiti għall-kopertura ta’ responsabbiltà meħtieġa mill-operaturi tagħha sa massimu ta’ EUR 5 miljun. F’pajjiżi oħra l-limiti jiġu miftiehma bejn l-assiguraturi u l-operaturi. Il-kumpaniji tal-assigurazzjoni jistgħu wkoll idaħħlu limiti għar-responsabbiltajiet li jixtiequ jkopru, u mbagħad jistabbilixxu limiti għall-primjums li jitħallsu kif wkoll għall-kopertura li l-garanzija tagħhom tipprovdi. Il-limiti tal-ewwel japplikaw biex tkun stabbilita l-kopertura massima tal-poloz. Fil-prattika, hemm ukoll limiti għar-rimbors tal-poloz DRA, li bħalissa jvarjaw bejn EUR 1 miljun u EUR 30 miljun. 4.3.3 L-esklużjoni ta’ attivitajiet b’riskju baxx Attivitajiet b’riskju baxx jistgħu jiġu esklużi minn skema ta’ sigurtà finanzjarja obbligatorja bbażata fuq valutazzjoni tar-riskju tal-ħsara ambjentali potenzjali mill-attivitajiet tal-Anness III[19]. Barra minn hekk sistemi obbligatorji jiddefinixxu attivitajiet b’riskju baxx bħala dawk l-attivitajiet fejn il-kumpaniji għandhom sistema ta’ ġestjoni ambjentali EMAS jew ISO[20]; dan jista’ jiġi kkontestat, għaliex hemm fatturi oħra li għandhom rwol aktar sinifikanti fid-determinazzjoni tar-riskji ambjentali attwali tal-operatur, pereżempju n-natura tal-attività u l-post fejn issir. Il-partijiet involuti qalu li l-esklużjoni tal-operaturi minħabba r-raġuni li l-attivitajiet tagħhom huma meqjusa bħala ta' riskju baxx tista’ tkun kontroversjali, għaliex fir-realtà dawn l-attivitajiet xorta jistgħu jikkawżaw ħsara ambjentali sinifikanti. 4.3.4. Konklużjonijiet dwar l-aspetti li għandhom jiġu kkunsidrati fil-kuntest tas-sigurtà finanzjarja Riċerka dwar il-fattibbiltà, l-impatt u l-effettività tas-sigurtà finanzjarja obbligatorja għandha turi fid-dettall kif skemi bħal dawn jistgħu jiġu implimentati mingħajr tnaqqis sinifikanti fil-kopertura effettiva tar-responsabbiltajiet DRA. Ħafna minn dawn l-alternattivi disponibbli, bħall-approċċ gradwali, il-limiti għas-sigurtà finanzjarja u l-esklużjoni ta’ attivitajiet b’riskju baxx, diġà qed jiġu implimentati mill-Istati Membri. Filwaqt li xi forma ta’ approċċ gradwali neċessarjament għandha tkun parti minn kwalunkwe skema ta’ sigurtà finanzjarja obbligatorja, iż-żewġ alternattivi l-oħra jistgħu jintużaw jew ma jintużawx fi skema obbligatorja. L-użu ta’ kwalunkwe waħda mit-tliet alternattivi jirrikjedi analiżi fid-dettall; jistgħu jiffaċilitaw l-implimentazzjoni ta’ sigurtà finanzjarja obbligatorja, madankollu jistgħu jnaqqsu wkoll mill-effettività. 5. IL-KONKLUżJONIJIET U T-TRIQ GħALL-ġEJJIENI It-traspożizzjoni tad-DRA ġiet iffinalizzata fl-1 ta’ Lulju 2010. L-informazzjoni li hemm disponibbli għadha ma tippermettix li jinġabru konklużjonijiet konkreti dwar l-effettività tad-Direttiva għar-rimedju tal-ħsara ambjentali . Id-dewmien ta’ tliet snin fit-traspożizzjoni tad-Direttiva jfisser li għalissa ma hemmx ħafna esperjenza prattika disponibbli dwar l-implimentazzjoni tagħha. Ħafna drabi l-awtoritajiet ma kellhomx regoli fis-seħħ u fil-ħin li kienu konformi mad-DRA. L-operaturi ta’ sikwit ma kinux infurmati dwar l-obbligi legali speċifiċi. L-assiguraturi u istituzzjonijiet oħra li joffru sigurtà finanzjarja ma kinux familjari biżżejjed mar-rekwiżiti li l-prodotti tagħhom kellhom jissodisfaw biex ikunu konformi mad-DRA. Ir-riżultati tal-istudji li saru għal dan ir-rapport u l-esperjenza miksuba mill-implimentazzjoni tad-DRA juru li jistgħu jitwettqu bosta miżuri bil għan li jtejbu l-implimentazzjoni u l-effettività tad-Direttiva : 4. Il-promozzjoni tal- iskambju tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni bejn il-partijiet involuti ewlenin (l-operaturi, l-awtoritajiet kompetenti, il-fornituri tas-sigurtà finanzjarja, l-assoċjazzjonijiet tal-industrija, l-esperti tal-gvern, l-NGOs u l-Kummissjoni). 5. L-assoċjazzjonijiet tal-industrija, l-assoċjazzjonijiet tas-sigurtà finanzjarja, u l-awtoritajiet kompetenti li jimplimentaw din id-Direttiva għandhom ikomplu jippromwovu l-għarfien tal-operaturi individwali u tal-fornituri tas-sigurtà finanzjarja permezz ta’ azzjonijiet ta’ sensibilizzazzjoni. 6. L-iżvilupp ulterjuri ta’ gwida għall-interpretazzjoni dwar l-applikazzjoni tad-DRA, b’mod partikolari u possibbilment linji gwida fil-livell tal-UE dwar l-Anness II tagħha. Fejn tirriżulta diverġenza fl-implimentazzjoni nazzjonali se jiġu diskussi fil-grupp għar-responsabbiltà ambjentali magħmul mill-esperti tal-gvern definizzjonijiet u kunċetti ewlenin, bħal ‘danni [ħsara] ambjentali’, ‘danni sinifikattivi [ħsara sinfikanti], ‘kundizzjoni tal-bażi [kundizzjoni bażi],’ u dawn għandhom jiġu ċċarati u applikati b’mod ugwali. 7. L-Istati Membri huma rrakkomandati li jistabbilixxu rekords jew reġistri tal-każijiet DRA[21]. Dan jippermetti li tinkiseb esperjenza dwar kif id-Direttiva tista’ tiġi applikata bl-aħjar mod u joffri appoġġ lill-partijiet involuti fid-DRA. Għandu jgħin ukoll lill-Istati Membri biex jissodisfaw l-obbligi ta’ rappurtar tagħhom skont l-Artikolu 18(1) tad-DRA u jippermetti li jsir ġudizzju dwar l-effettività tad-DRA abbażi tal-każijiet reali. Minkejja l-kriżi finanzjarja, l-evidenza tissuġġerixxi li s-suq tal-assigurazzjoni tad-DRA fl-UE qed jikber u li l-varjetà ta’ prodotti disponibbli qiegħda dejjem tiżdied. Wieħed jistenna li ċarezza legali msaħħa[22] jkollha l-konsegwenza li meta l-awtoritajiet kompetenti u l-operaturi jittrattaw każijiet ta’ ħsara skont din id-Direttiva, dawn japplikaw il-kriterji tad-DRA b’mod li jkun aktar prevedibbli u b’aktar ċertezza legali. Minħabba n-nuqqas ta’ esperjenza prattika fl-applikazzjoni tad-DRA, il-Kummissjoni tikkonkludi li fil-preżent ma hemmx biżżejjed ġustifikazzjoni għall-introduzzjoni ta ’ sistema armonizzata ta ’ sigurtà finanzjarja obbligatorja . Qabel ma jistgħu jinħarġu konklużjonijiet affidabbli jridu jiġu mmonitorjati l-iżviluppi li jsiru f’dawk l-Istati Membri li għażlu s-sigurtà finanzjarja obbligatorja, inkluż l-approċċ gradwali, kif ukoll l-iżviluppi f'dawk l-Istati Membri li ma daħħlux is-sigurtà finanzjarja obbligatorja. Il-Kummissjoni se tissorvelja wkoll b’mod attiv l-iżviluppi ta’ dan l-aħħar bħad-diżastru tat-tixrid taż-żejt fil-Golf tal-Messiku, li jistgħu joffru ġustifikazzjoni għal inizjattiva f’dan il-qasam. Il-Kummissjoni se teżamina mill-ġdid l-alternattiva ta’ sigurtà finanzjarja obbligatorja possibbilment anke qabel ir- reviżjoni tad-Direttiva ppjanata għall-2014 flimkien mar-rapport tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 18(2) tad-DRA. Barra minn hekk, dan ir-rapport identifika għadd ta ’ kwistjonijiet oħra li jirrikjedu attenzjoni aktar immedjata. Fir-rigward tar-reviżjoni ġenerali tad-DRA prevista għall-2013/2014, l-evalwazzjoni fuq bażi kontinwa ta’ possibbilment l-introduzzjoni aktar bikrija tal-miżuri korrispondenti li ġejjin se titnieda mingħajr dewmien: - l-ambitu tad-Direttiva : Filwaqt li d-DRA tkopri ħsara ambjentali speċifika, l-aktar fuq l-art, il-kopertura tal-ambjent tal-baħar mhix kompluta. Id-DRA hija estiża għall-ilmijiet kostali u l-baħar territorjali fir-rigward tad-‘danni [ħsara] lill-ilma’ (bis-saħħa tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma) u għall-protezzjoni tal-ispeċijiet tal-baħar u tas-siti tan-Natura 2000 li jinsabu fil-ġuriżdizzjonijiet tal-Istati Membri (li testendi għaż-żona ekonomika esklussiva u l-pjattaforma kontinentali, fejn japplika), u tħalli lakuna f’dak li jirrigwarda r-rimedju sħiħ tal-ħsara lill-ambjent tal-baħar. Għalhekk ħsara li ssir lill-ambjent tal-baħar minħabba t-tixrid taż-żejt ikkaġunat minn attivitajiet ta’ tħaffir għaż-żejt mhumiex indirizzati bis-sħiħ fid-dispożizzjonijiet attwali tad-DRA. - ir-regoli nazzjonali diverġenti tat-traspożizzjoni jistgħu potenzjalment joħolqu diffikultajiet, pereżempju għall-fornituri tas-sigurtà finanzjarja li jkollhom jimmodifikaw prodotti ġeneriċi biex jakkomodaw ir-rekwiżiti ta’ kull Stat Membru fejn dawn jingħataw. Sistema armonizzata u obbligatorja tal-UE għas-sigurtà finanzjarja tad-DRA jkollha aktar suċċess jekk ikun hemm anqas diverġenza fid-dispożizzjonijiet nazzjonali differenti għall-implimentazzjoni. - l-applikazzjoni mhux ugwali mill-Istati Membri tad- difiża minħabba awtorizzazzjoni uffiċjali u tad-difiża skont il-konformità mal-ogħla livell ta' konoxxenza teknoloġika u xjentifika ta ’ dak iż-żmien . - l-estensjoni mhux ugwali tal-ambitu biex ikopri ħsara lil speċijiet u ħabitats naturali protetti bil-leġiżlazzjoni domestika. - is-suffiċjenza tal-limiti finanzjarji attwali ffissati għall-istrumenti ta’ sigurtà finanzjarja stabbiliti fir-rigward ta’ inċidenti li potenzjalment iseħħu fuq skala kbira. Il-kapaċità tal-istrumenti ta’ sigurtà finanzjarja eżistenti biex dawn ikopru inċidenti ta' dimensjoni kbira ħafna jeħtieġ li tiġi vvalutata b’rabta mal-limiti finanzjarji applikabbli u mal-potenzjal ta’ tipi differenti ta’ strumenti, bħal fondi, assigurazzjoni, garanziji, eċċ. F’dan il-kuntest ir-reviżjoni se jkollha fil-mira tagħha l-esplorar tal-modi l-aktar effiċjenti kif jiġu żgurati riżorsi finanzjarji suffiċjenti f’każ ta’ inċidenti fuq skala kbira li jinvolvu partijiet responsabbli b'kapaċità finanzjarja medjokri jew saħansitra baxxa. [1] ĠU L 143, 30.4.2004, p. 56. [2] Financial Security in Environmental Liability Directive. Final Report August 2008 [mhux disponibbli bil-Malti]. Disponibbli fuq: http://ec.europa.eu/environment/legal/liability/pdf/eld_report.pdf. [3] Study on the Implementation and Effectiveness of the Environmental Liability Directive (ELD) and related Financial Security issues. Final Report November 2009 [mhux disponibbli bil-Malti] Disponibbli fuq: http://ec.europa.eu/environment/legal/liability/pdf/ELD%20Study%20November%202009.pdf. [4] Navigating the Environmental Liability Directive. A practical guide for insurance underwriters and claims handlers (2009) [mhux disponibbli bil-Malti]; The Environmental Liability Directive. Enhancing Sustainable Insurance Solutions (2008) [mhux disponibbli bil-Malti]; CEA White Paper on Insurability of Environmental Liability (2007) [mhux disponibbli bil-Malti]. Disponibbli fuq: http://www.cea.eu. [5] Business survey on environmental issues through the European Business Test Panel (2009) (ara n-nota ta' qiegħ il-paġna nru 15); Ad-hoc Industry Natural Resource Damage Group, Report [mhux disponibbli bil-Malti]. Survey of industrial companies, 2010 [mhux disponibbli bil-Malti]. Kif ukoll FERMA, Survey on Environmental Liability Directive Report, 2010 [mhux disponibbli bil-Malti]. [6] L-Italja, il-Litwanja, il-Latvja u l-Ungerija. [7] Franza, il-Finlandja, is-Slovenja, il-Lussemburgu, il-Greċja, l-Awstrija u r-Renju Unit. [8] Id-Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi, ĠU L 20, 26.1.2010, p. 7. [9] Id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE dwar il-konservazzjoni tal-ħabitats naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġi, ĠU L 206, 22.7.1992, p. 7. [10] L-Istati Membri mhumiex obbligati li jirrappurtaw id-dejta lill-Kummissjoni għal dan ir-rapport. L-informazzjoni ngħatat fuq bażi volontarja mill-esperti tal-gvern minn madwar nofs l-Istati Membri u ġiet estrapolata sabiex jingħataw stimi approssimattivi għall-każijiet DRA. [11] Id-Direttiva 2008/1/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis, ĠU L 24, 29.1.2008, p. 8. [12] L-istudji tal-każijiet u s-sett ta’ għodda huma disponibbli fuq is-sit elettroniku: http://www.envliability.eu. [13] Pereżempju ‘EU ELD White Paper Final Draft: EU Environmental Liability Directive: Practical Suggestions to Ensure Sound Implementation’ mill-Ad-Hoc Industry Natural Resource Damage Group. [mhux disponibbli bil-Malti]. [14] Aktar tagħrif dwar l-istudju msemmi fin-nota ta' qiegħ il-paġna numru 3. [15] Ir-riżultati jinsabu fuq: http://ec.europa.eu/yourvoice/ebtp/consultations/2009_en.htm. [16] L-istħarriġ tal - Ad-Hoc Industry Group (nota ta' qiegħ il-paġna nru 5), huwa disponibbli fuq: www.NRDonline.com. [17] Il-pubblikazzjonijiet rilevanti jinsabu fuq is-sit elettroniku tal-Konfederazzjoni tal-Assiguraturi Ewropej (CEA): www.cea.eu. [18] Workshop dwar ‘Implementation efficiency of the environmental liability directive (ELD) and related financial security issues’ [mhux disponibbli bil-Malti], l-10 ta' Lulju 2009. Ir-rapport tal-workshop huwa disponibbli fuq: http://www.biohost.org/eld/workshop09/. [19] L-iskema ta' sigurtà finanzjarja obbligatorja ta' Spanja teżenta lill-operaturi li għandhom potenzjal stmat ta' ħsara ambjentali taħt it-EUR 300 000 (jew bejn EUR 300 000 u EUR 2 miljun meta l-operaturi jimplimentaw EMAS/ISO 14001). Dan jeżenta għadd potenzjalment kbir ta' operaturi mis-sigurtà finanzjarja obbligatorja, u jagħmilha faċli għalihom biex jimplimentaw l-iskema, iżda dan ikun jeħtieġ li tiġi analizzata l-ħsara ambjentali potenzjali tal-attivitajiet kollha tal-Anness III. [20] Dan jgħodd għal Spanja (ara fuq) u għar-Repubblika Ċeka. [21] Il-Kummissjoni hija infurmata dwar l-isforzi tal-Istati Membri f'dan ir-rigward; uħud minnhom inkorporaw dispożizzjonijiet fit-traspożizzjonijiet tagħhom. [22] Ara pereżempju ż-żewġ sentenzi preliminari tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-kawżi tal-Italja Rada de Augusta C-378/08 u l-kawżi C-379/08 u C-380/08 magħqudin, fejn il-Qorti ċċarat il-mistoqsijiet relatati mal-prinċipju ta' min iniġġes iħallas u dwar il-kompiti tal-awtoritajiet kompetenti, bħall-ippruvar tal-konnessjoni kawżali, id-determinazzjoni u l-immodifikar tal-miżuri ta' rimedju, l-identifikazzjoni tal-partijiet responsabbli eċċ.