Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010DC0492

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI Dwar l-approċċ globali għat-trasferimenti ta' dejta tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Pasiġġieri (PNR) lil pajjiżi terzi

/* KUMM/2010/0492 finali */

52010DC0492




[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

Brussel 21.9.2010

KUMM(2010) 492 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI

Dwar l-approċċ globali għat-trasferimenti ta' dejta tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Pasiġġieri (PNR) lil pajjiżi terzi

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI

Dwar l-approċċ globali għat-trasferimenti ta' dejta tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Pasiġġieri (PNR) lil pajjiżi terzi

INTRODUZZJONI

L-attakki terroristiċi fl-Istati Uniti fl-2001, f'Madrid fl-2004 u f'Londra fl-2005 wasslu għal approċċ ġdid dwar il-politiki tas-sigurta interna. L-avvenimenti ta' dan l-aħħar, bħall-attentat ta' attakk terroristiku fuq ajruplan f'Jum il-Milied fl-2009 u f'Times Square, New York fl-2010 jindikaw li t-theddida terroristika għadha magħna. Fl-istess ħin, il-kriminalità organizzata, speċjalment it-traffikar tad-drogi u tal-bnedmin, qiegħda tiżdied[1].

Bħala reazzjoni għal dan it-theddid kontinwu, l-UE u pajjiżi terzi oħrajn adottaw miżuri ġodda, li jinkludu l-ġabra u l-iskambju ta' dejta personali. Il-Kummissjoni pprovdiet deskrizzjoni ta' dawn il-miżuri fil-Ħarsa Ġenerali tagħha tal-amministrazzjoni tal-informazzjoni fil-qasam tal-libertà, sigurtà u ġustizzja[2]. L-użu tad-dejta tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Pasiġġieri (PNR) għall-finijiet tal-infurzar tal-liġi huwa wieħed minn dawn il-miżuri.

Fis-16 ta' Jannar 2003 l-Kummissjoni ħarġet Komunikazzjoni lill-Kunsill u lill-Parlament dwar it-Trasferiment tad-Dejta tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Pasiġġieri (PNR): Approċċ Globali tal-UE[3] mmirat sabiex jistabbilixxi l-elementi tal-approċċ globali tal-UE dwar il-PNR. Il-Komunikazzjoni appellat għal qafas legalment sigur għat-trasferimenti tal-PNR lid-Dipartiment tas-Sigurtà Interna tal-Istati Uniti tal-Amerika u għall-adozzjoni ta' politika interna dwar il-PNR. Hija appellat ukoll għall-iżvilupp tas-sistema lineari tat-trasferimenti ta' dejta permezz tal-kumpaniji tal-ajru (trasportaturi bl-ajru)[4] u inizjattiva internazzjonali dwar trasferimenti tad-dejta tal-PNR mill-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO).

Il-konklużjonijiet ta' dik il-Komunikazzjoni ġew implimentati fil-parti l-kbira tagħha, filwaqt li oħrajn jinsabu fil-proċess li jiġu implimentati. Jiġifieri, l-UE iffirmat ftehim mad-Dipartiment tas-Sigurtà Interna tal-Istati Uniti tal-Amerika għat-trasferiment tad-dejta tal-PNR fl-interess tal-ġlieda kontra t-terroriżmu u r-reati transnazzjonali serji, ftehim li jiżgura t-trasferiment ta' dejta tal-PNR filwaqt li jipprovdi għall-protezzjoni tad-dejta personali[5]. Barra minn hekk il-Kummissjoni adottat proposta ta' Deċiżjoni Qafas għall-użu ta' dejta tal-PNR għall-finijiet tal-infurzar tal-liġi[6]. Bħalissa l-Kummissjoni qiegħda teżamina, abbażi l-valutazzjoni tal-impatt, il-possibbiltà li din tiġi sostitwita bi proposta għal Direttiva dwar l-użu tad-dejta tal-PNR għall-finijiet tal-infurzar tal-liġi. Is-sistema lineari għat-trasferiment tad-dejta ġiet żviluppata b'mod xieraq minn bosta trasportaturi bl-ajru filwaqt li l-ICAO żviluppat sensiela ta' linji gwida għat-trasferimenti tal-PNR lill-gvernijiet.

Flimkien mal-ftehim mal-Istati Uniti, l-UE ffirmat ftehimiet simili mal-Kanada[7] u l-Awstralja[8]. New Zealand, il-Korea t'Isfel u l-Ġappun qegħdin jużaw wkoll dejta tal-PNR iżda sad-data ta' dan ir-rapport, kienu għadhom ma daħlu fl-ebda ftehim mal-UE. Fi ħdan l-UE, ir-Renju Unit għandu fil-post sistema tal-PNR, filwaqt li Stati Membri oħrajn jew ippromulgaw il-leġiżlazzjoni rilevanti jew qegħdin jittestjaw billi jużaw id-dejta tal-PNR.

Dawn l-iżviluppi jindikaw li l-użu tad-dejta tal-PNR qiegħed jikber u qiegħed jiżdied dejjem aktar bħala aspett ġenerali u neċessarju tal-ħidma għall-infurzar tal-liġi. Fl-istess ħin, l-użu tad-dejta tal-PNR jinvolvi l-ipproċessar tad-dejta personali li jqajjem kwistjonijiet importanti fir-rigward tad-drittijiet fundamentali dwar il-protezzjoni tal-ħajja privata u l-protezzjoni tad-dejta personali.

Bħala riżultat ta' dan, l-UE hija affaċċjata minn sfidi ġodda rigward it-trasferimenti internazzjonali tal-PNR. In-numru ta' pajjiżi fid-dinja li qegħdin jiżviluppaw sistemi tal-PNR x'aktarx li se jiżdied fis-snin li ġejjin. Barra minn hekk, l-UE kisbet għarfien importanti fl-istruttura u l-valur tas-sistemi tal-PNR permezz tal-esperjenza tagħha fit-twettiq ta' reviżjonijiet konġunti tal-ftehimiet mal-Istati Uniti u l-Kanada.

Għalhekk il-Kummissjoni tqis li l-approċċ globali tagħha jeħtieġ jerġa' jitqies fir-rigward tat-trasferimenti tad-dejta tal-PNR lil pajjiżi terzi. Ir-reviżjoni ta' dan l-approċċ għandha tiżgura garanziji b'saħħithom għall-protezzjoni tad-dejta u rispett sħiħ għad-drittijiet fundamentali, u tkun konformi mal-prinċipji tal-iżvilupp tal-politika li ġew definiti fil-Ħarsa Ġenerali tal-amministrazzjoni tal-informazzjoni fil-qasam tal-libertà, sigurtà u ġustizzja[9]. L-opinjonijiet dwar il-kwistjonijiet ġenerali tal-PNR tal-partijiet ineressati ewlenin, bħall-Istati Membri, il-Parlament Ewropew, il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta, u l-Grupp ta’ Ħidma tal-Artikolu 29 dwar il-Protezzjoni tad-Dejta, huma speċjalment importanti fl-iżvilupp tal-approċċ rivedut dwar il-PNR.

L-għan ewlieni ta' din il-Komunikazzjoni huwa li jistabbilixxi, għall-ewwel darba, sensiela ta' kriterji ġenerali li għandhom jiffurmaw il-bażi ta' negozjati futuri dwar il-ftehimiet tal-PNR ma' pajjiżi terzi. Dan se jassisti lill-UE biex tindirizza t-tendenzi ta' bħalissa, filwaqt li jservi wkoll bħala metodu biex tikkomunika mal-pajjiżi terzi, mal-Istati Membri u maċ-ċittadini dwar kif il-Kummissjoni Ewropea tixtieq li tiddefinixxi l-politika esterna tagħha tal-PNR. Ir-Rakkomandazzjonijiet mill-Kummissjoni għan-negozjati tal-ftehimiet tal-PNR ma' pajjiżi terzi fil-ġejjieni għandhom mill-inqas jirrispettaw, il-kriterji ġenerali stabbiliti fil-Komunikazzjoni, filwaqt li kriterji addizzjonali jistgħu jiġu stabbiliti f'kull rakkomandzzjoni,

TENDENZI INTERNAZZJONALI DWAR IL-PNR

Id-dejta tal-PNR u l-użu tagħha

Id-dejta tal-PNR hija informazzjoni mhux verifikata pprovduta mill-passiġġieri u miġbura mit-trasportaturi sabiex jiġu permessi riżervazzjoni u sabiex jitwettaq il-proċess ta' check-in. Huwa reġistru, tar-rekwiżiti għall-ivjaġġar ta' kull passiġġier, miżmum fis-sistemi tat-trasportaturi fir-rigward tal-kontroll ta' riżervazzjoni u ta' tluq. Dan jinkludi bosta tipi differenti ta' informazzjoni, pereżempju, d-dati ta' vjaġġar u itinerarju tal-vjaġġ, informazzjoni dwar il-biljett, dettalji ta' kuntatt bħal indirizz u numri tat-telefon, l-aġent tal-ivjaġġar, informazzjoni dwar il-pagament, numru tas-sedil u informazzjoni dwar il-bagalji.

Id-dejta tal-PNR hija differenti minn Informazzjoni minn Qabel dwar il-Passiġġieri (- API). Id-dejta tal-API hija l-informazzjoni bijografika meħuda mill-parti tal-passaport li tinqara minn magna u din il-parti jkollha l-isem, il-post ta' residenza, il-post tat-twelid u ċ-ċittadinanza tal-persuna. Taħt id-Direttiva tal-API[10], id-dejta tal-API issir disponibbli lill-awtoritajiet tal-kontroll fuq il-fruntieri fil-każijiet biss ta' titjiriet li jkunu deħlin fit-territorju tal-UE għall-fini li jittejbu l-kontrolli tal-fruntieri u tiġi miġġielda l-immigrazzjoni illegali. Minkejja li l-użu tagħhom għal finijiet oħrajn tal-infurzar tal-liġi huwa permess mid-Direttiva, dan huwa maħsub li huwa iktar eċċezzjoni milli r-regola. Dawn jinżammu mill-Istati Membri għal 24 siegħa.

Id-dejta tal-API tintuża primarjament biex jitwettqu kontrolli ta' identità bħala parti mill-kontrolli tal-fruntiera u l-amministrazzjoni tal-fruntiera, minkejja li f'ċerti każijiet d-dejta tintuża wkoll mill-awtoritajiet għall-infurzar tal-liġi sabiex jidentifikaw suspettati u persuni mfittxija. Għaldaqstant id-dejta tal-API tintuża primarjament bħala għodda għall-amministrazzjoni tal-identità. L-użu ta' tali dejta qiegħed isir aktar komuni madwar id-dinja b'aktar minn 30 pajjiż li jużawha b'mod sistemetiku, filwaqt li aktar minn 40 pajjiż qegħdin fil-proċess li jistabbilixxu sistemi tal-API.

Flimkien mat-trażmissjoni tad-dejta tal-API, ċertu pajjiżi jirrikjedu li t-trasportaturi jittrażmettulhom id-dejta tal-PNR. Tali dejta mbagħad tintuża għall-ġlieda kontra t-terroriżmu u r-reati serji, bħat-traffikar tal-bnedmin u tad-droga. Il-PNR intuża għal kważi 60 sena, primarjament mill-awtoritajiet tad-Dwana, iżda wkoll mill-awtoritajiet għall-infurzar tal-liġi ta' madwar id-dinja. Madankollu, sa dan l-aħħar, ma kienx teknoloġikament possibbli li jkun hemm aċċess għal din id-dejta b'mod elettroniku u minn qabel, għalhekk l-użu tad-dejta kien limitat għal ipproċessar manwali għal ċertu titjiriet biss. L-avvanzi fit-teknoloġija llum jagħmluha possibbli li d-dejta tiġi trażmessa minn qabel b'mod elettroniku.

L-uzi tad-dejta tal-PNR huma differenti ħafna minn dawk tad-dejta tal-API, l-aktar minħabba li PNR ikollu tipi differenti ta' dejta. Id-dejta tal-PNR tintuża primarjament bħala għodda ta' intelligence kontra l-kriminalità minflok għodda għall-verifika tal-identità. L-użi tal-PNR huma primarjament dawn li ġejjin: (i) valutazzjoni tar-riskju ta' passiġġieri u l-identifikazzjoni ta' persuni "mhux magħrufa", jiġifieri persuni li x'aktarx jistgħu jkunu ta' interess għall-awtoritajiet għall-infurzar tal-liġi u li s'issa kienu għadhom mhux issuspettati, (ii) disponibbiltà minn qabel meta mqabbla mad-dejta tal-API, u li jingħata vantaġġ lill-awtoritajiet għall-infurzar tal-liġi billi jkollhom aktar żmien biex jipproċessawha, janalizzawaha u jaħdmu abbażi din id-dejta, (iii) jiġi stabbilit lil liema individwiu jappartjenu l-indirizzi speċifiċi, karti tal-kreditu, eċċ, li huma marbuta ma' reati kriminali, u (iv) tqabbil tal-PNR ma' PNR ieħor għall-identifikazzjoni ta' assoċjati ta' suspettati, pereżempju biex isibu min jivvjaġġa flimkien.

Id-dejta tal-PNR hija unika fin-natura tagħha u fl-użu tagħha. Tali użu jista' jkun:

reattiv (dejta storika): l-użu f'investigazzjonijiet, prosekuzzjonijiet, l-iżżarmar ta' netwerks wara li jkun sar xi reat. Sabiex l-awtoritajiet għall-infurzar tal-liġi jkunu kapaċi jmorru lura fiż-żmien biżżejjed, f'tali każijiet huwa meħtieġ li jkun hemm perjodu proporzjonat għaż-żamma tad-dejta mill-awtoritajiet għall-infurzar tal-liġi.

ħin reali (id-dejta ta' issa): sabiex ikun hemm il-prevenzjoni ta' reat, jiġu mistħarġa jew jiġu arrestati nies qabel ma jitwettaq xi reat jew għax reat twettaq jew qiegħed jitwettaq. F'tali każijiet il-PNR huwa meħtieġ għat-tqabbil ma' indikaturi ta' riskju stabbiliti minn qabel abbażi tal-fatti sabiex jiġu identifikati s-suspettati li preċedentament "ma kinux magħrufa" u għat-tqabbil ma' bosta databases ta' persuni u oġġetti mfittxija.

proattiv (mudelli): l-użu tal-analiżi tat-tendenza u t-twaqqif ta' mudelli ta' vjaġġar u ta' mġiba ġenerali abbażi l-fatti, li mbagħad jistgħu jintużaw f'ħin reali. Sabiex jiġu stabbiliti mudelli ta' vjaġġar u ta' mġiba ġenerali, l-analisti tat-tendenza jeħtieġ li jkunu jistgħu jużaw id-dejta fuq perjodu twil biżżejjed. F'tali każijiet huwa meħtieġ perjodu ta' proporzjon għaż-żamma tad-dejta mill-awtoritajiet għall-infurzar tal-liġi.

Tendenzi ta' bħalissa

Xi pajjiżi terzi, jiġifieri l-Istati Uniti, il-Kanada, l-Awstralja, New Zealand u l-Korea t'Isfel, diġa qegħdin jużaw id-dejta tal-PNR għall-finijiet tal-infurzar tal-liġi. Pajjiżi terzi oħrajn jew daħħlu fis-seħħ il-leġiżlazzjoni rilevanti u/jew bħalissa qegħdin jittestjaw l-użu tad-dejta tal-PNR, jiġifieri l-Ġappun, l-Arabja Sawdija, l-Afrika t'Isfel u Singapor. Bosta pajjiżi terzi oħrajn bdew jikkunsidraw l-idea li jużaw il-PNR, iżda għadhom ma għaddewx leġiżlazzjoni rilevanti. Fi ħdan l-UE, ir-Renju Unit diġà għandu sistema ta' PNR. Franza, id-Danimarka, il-Belġju, l-Isvezja u l-Pajjiżi l-Baxxi jew għaddew leġiżlazzjoni rilevanti u/jew bħalissa qegħdin jittestjaw l-użu tad-dejta tal-PNR. Bosta Stati Membri qegħdin jikkunsidraw li jistabbilixxu sistemi tal-PNR.

Il-Kummissjoni Ewropea, konxja tal-ħtieġa tad-dejta tal-PNR għall-prevenzjoni u għall-ġlieda kontra t-terroriżmu u r-reati serji, u b'konformità mal-Komunikazzjoni tal-2003, ressqet proposta għal Deċiżjoni Qafas dwar l-użu tad-dejta tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) għall-finijiet tal-infurzar tal-liġi. Bħala riżultat tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona, il-Kummissjoni qiegħda tikkunsidra li tissostitwixxi din il-proposta bi proposta għal Direttiva għall-użu tad-dejta tal-PNR għall-finijiet tal-infurzar tal-liġi. Il-proposta se timmira li tobbliga lit-trasportaturi bl-ajru sabiex jittrażmettu d-dejta tal-PNR lill-Istati Membri sabiex tintuża fil-ġlieda kontra atti terroristiċi u reati serji.

Qed ikun dejjem aktar aċċettat fuq livell internazzjonali li l-PNR huwa għodda neċessarja għall-ġlieda kontra t-terroriżmu u r-reati serji. Din it-tendenza hija r-riżultat ta' tliet parametri. L-ewwel, it-terroriżmu u r-reat internazzjonali huma theddida serja għas-soċjetà u għandhom jittieħdu passi biex dawn il-problemi jiġu ttrattati. L-aċċess għal u l-analiżi tad-dejta tal-PNR huma eżempji ta' tali passi li huma meqjusa bħala meħtieġa mill-perspettiva tal-infurzar tal-liġi. It-tieni, l-iżviluppi teknoloġiċi ta' dan l-aħħar għamlu possibbli tali aċċess u tali analiżi, ħaġa li ma kinetx konċepibbli xi ftit snin ilu. L-żviluppi teknoloġiċi varji ta' dawn l-aħħar snin qegħdin jintużaw ħafna wkoll mill-kriminali fl-ippjanar, it-tħejjija u t-twettieq ta' reati. U fl-aħħar, bir-rata mgħaġġla li biha qegħdin jikbru l-ivjaġġar internazzjonali u l-volum ta' passiġġieri, l-ipproċessar elettroniku minn qabel tad-dejta fir-rigward tal-wasla tal-passiġġieri jiffaċilita ġeneralment u jħaffef l-ispezzjonijiet tas-sigurtà u tal-kontroll tal-fruntiera peress li l-proċess tal-valutazzjoni tar-riskju jsir qabel il-wasla. Dan jipprovdi l-opportunità lill-awtoritajiet għall-infurzar tal-liġi sabiex jiffokaw biss fuq dawk il-passiġġieri li dwarhom għandhom raġuni bbażata fuq il-fatti u li jemmnu li dawn il-passiġġieri jistgħu jkunu ta' riskju reali għas-sigurtà, minflok ma jagħmlu valutazzjonijiet abbażi l-istint, sterjotipi jew profili.

Effetti tat-tendenzi ta' bħalissa fuq l-Unjoni Ewropea

Il-liġijiet tal-UE dwar il-protezzjoni tad-dejta ma jippermettux lit-trasportaturi li joperaw titjiriet mill-UE sabiex jittrażmettu d-dejta tal-PNR tal-passiġġieri tagħhom lil pajjiżi terzi li ma jassigurawx livell xieraq ta' protezzjoni tad-dejta personali mingħjar ma jippreżentaw salvagwardji xierqa. Bħala riżultat ta' dan, meta l-Istati Uniti, il-Kanada u l-Awstralja talbu lit-trasportaturi sabiex jittrażmettu d-dejta tal-PNR dwar it-titjiriet lejn pajjiżhom, it-trasportaturi kienu affaċċjati b'sitwazzjoni diffiċli ħafna. Għal din ir-raġuni l-UE intervjeniet u nnegozjat u ffirmat ftehimiet internazzjonali separati ma' kull wieħed minn dawn it-tliet pajjiżi[11], b'hekk għamlitha possibbli li jsir it-trasferiment tad-dejta tal-PNR minn barra l-UE lill-awtoritajiet għall-infurzar tal-liġi ta' dawn il-pajjiżi terzi. Dan kien sar sabiex it-trasportaturi jiġu mgħejjuna biex joħorġu minn din is-sitwazzjoni, sabiex jiżguraw livell adegwat għall-protezzjoni tad-dejta tal-passiġġieri u bħala rikonoxximent tal-ħtieġa u tal-importanza tal-użu tad-dejta tal-PNR fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u r-reati serji.

Hekk kif aktar pajjiżi qegħdin jimplimentaw sistemi tal-PNR, huwa mistenni li se tibqa' titqajjem l-istess kwistjoni. Barra minn hekk il-Kummissjoni ddeċidiet li tipproċedi bi proposta għal Direttiva tal-UE dwar il-PNR, il-frekwenza ta' tali talbiet tista' tintensifika jekk pajjiżi terzi jistaqsu għal reċiproċità mill-UE.

Sal-lum, il-konklużjoni ta' ftehimiet internazzjonali ma' pajjiżi terzi dwar il-PNR kienet immexxija mid-"domanda" u ttrattata fuq bażi ta' każ b'każ. Għalkemm il-ftehimiet kollha jindirizzaw kwistjonijiet komuni u jirregolaw l-istess argumenti, id-dispożizzjonijiet tagħhom mhumiex identiċi. Dan xi drabi rriżulta f'regoli diverġenti għat-trasportaturi u għall-protezzjoni tad-dejta. Hekk kif id-"domanda" x'aktarx se tiżdied fil-ġejjieni qrib, strateġija tkun tista' tgħin lill-UE biex taffaċċja dawn id-domandi b'metodu aktar strutturat, u twassal għal inqas diverġenzi bejn il-ftehimiet varji.

APPROċċ GLOBALI RIVEDUT DWAR IL-PNR GħALL-EU

Raġunijiet li jispeċifikaw approċċ globali rivedut dwar il-PNR

Fil-perjodu meta l-konklużjonijiet tal-Komunikazzjoni tal-2003 kienu qegħdin jiġu implimentati u fejn l-UE hija affaċċjata b'tendenzi u sfidi ġodda, huwa importanti li l-UE tqis dawk it-tendenzi u sfidi billi tiżviluppa aktar l-approċċ globali tagħha fir-rigward tat-trasferiment tad-dejta tal-PNR lil pajjiżi terzi għar-raġunijiet li ġejjin:

Il-ġlieda kontra t-terroriżmu u reati transkonfinali serji : l-UE għandha l-obbligu lejha nnifisha u lejn il-pajjiżi terzi li tikkoopera magħhom fil-ġlieda kontra dan it-theddid. Metodu wieħed ta' tali kooperazzjoni huwa l-iskambju tad-dejta ma' pajjiżi terzi. Li d-dejta tal-PNR tkun disponibbli għall-finijiet tal-infurzar tal-liġi huwa mezz meħtieġ għall-ġlieda kontra t-terroriżmu u reati transkonfinali serji. L-Istrateġija għad-Dimensjoni Esterna tal-Ġustizzja u Affarijiet Interni[12], kif ukoll l-Istrateġija tal-UE Kontra t-Terroriżmu[13] u l-Programm ta' Stokkolma[14] jsemmu dan il-bżonn għal kooperazzjoni mill-qrib ma' pajjiżi Terzi.

Li tiġi żgurata l-protezzjoni tad-dejta personali u l-privatezza : l-UE hija impenjata li tiżgura protezzjoni ta' livell għoli u effettiva għad-dejta personali, fl-istess ħin kwalunkwe trażmissjoni tad-dejta tal-PNR lil pajjiżi terzi ssir b'mezz sikur skont il-ħtiġijiet legali eżistenti tal-UE u li l-passiġġieri jkunu kapaċi jinfurzaw id-drittijiet tagħhom fir-rigward tal-ippproċessar tad-dejta tagħhom.

Il-ħtieġa li tingħata ċertezza legali u li jiġu ssimplifikati l-obbligi dwar it-trasportaturi bl-ajru : huwa importanit li l-UE tipprovdi qafas legali koerenti għat-trażmissjoni tad-dejta tal-PNR mit-trasportaturi bl-ajru lil pajjiżi terzi. Dan huwa meħtieġ sabiex it-trasportaturi jiġu mħarsa minn sanzjonijiet u sabiex jiġi żgurat, li l-kondizzjonijiet u l-modalitajiet li jiggvernaw it-trażmissjonijiet tad-dejta madwar id-dinja kollha jkunu uniformi u armonizzati kemm jista' jkun sabiex jitnaqqas l-piż tal-kost fuq l-industrija u sabiex tiġi żgurata ugwaljanza fis-settur.

Li jiġu stabbiliti kondizzjonijiet ġenerali mmirati sabiex tiġi żgurata koerenza u sabiex jiġi żviluppat ulterjorment approċċ internazzjonali: il-ftehimiet li l-UE ffirmat ma' pajjiżi terzi dwar il-PNR huma simili fir-rigward tal-għan iżda l-kontenut tagħhom ivarja fir-rigward tal-modalitajiet tat-trażmissjonijiet u n-natura tal-impenji tal-pajjiż terz. Tali diverġenza fl-impenji hija aċċettabbli sa ċertu punt minħabba r-rekwiżiti differenti u ordnijiet legali differenti f'kull pajjiż, iżda kulħadd għandu jirrispetta ċerti kriterji ġenerali (ara t-taqsimiet 3.2 u 3.3 hawn taħt). Fl-interess li jiġi żgurat trattament uniformi kemm jista' jkun għall-passiġġieri u sabiex jitnaqqsu l-kostijiet fuq l-industrja, huwa importanti li l-kontenut u l-istandards tal-ftehimiet futuri ma' pajjiżi terzi jkunu simili kemm jista' jkun. Dan imbagħad ikun jista' jifforma l-bażi għall-pass li jmiss, li jkun jista' jikkonsisti minn approċċ multilaterali aktar armonizzat għall-iskambju tad-dejta tal-PNR.

Il-kontribuzzjoni sabiex tiżdied il-konvenjenza lill-passiġġieri: sabiex jiġi affaċċjat it-theddid għas-sigurtà li huwa preżenti fis-soċjetajiet tagħna, il-kontrolli tal-passiġġieri malli jaqsmu fruntiera qegħdin isiru aktar dettaljati u jieħdu aktar fit-tul. Dan, flimkien maż-żieda kontinwa tal-volum tal-ivjaġġar internazzjonali, jwassal li jinħolqu perjodi itwal ta' stennija mal-fruntrieri. It-trażmissjoni elettronika minn qabel tal-PNR qabel il-qsim ta' fruntiera jagħmilha possibbli li l-passiġġieri jiġu kkontrollati minn qabel, u b'hekk ikunu jistgħu jaqsmu l-fruntrieri aktar malajr u aktar faċilment, filwaqt li tippermetti lill-awtoritajiet għall-infurzar tal-liġi biex jiffukaw biss fuq dawk il-persuni identifikati li huma ta' interess.

Kunsiderazzjonijiet ġenerali

L-approċċ globali rivedut dwar il-PNR jimmira li jipprovdi l-bażi għall-UE biex tiddeċiedi kif l-aħjar għandha tittratta mat-talbiet minn pajjiżi terzi għat-trażmissjoni tad-dejta tal-PNR fil-ġejjieni. Flimkien mal-prinċipji tal-politika tal-iżvilupp li ġew iddefiniti fil-Ħarsa Ġenerali tal-amministrazzjoni tal-informazzjoni fil-qasam tal-libertà, sigurtà u ġustizzja, il-kunsiderazzjonijiet speċifiċi li ġejjin huma rilevanti:

Interess ta' sikurezza komuni : It-terroriżmu u r-reati serji huma internazzjonali fin-natura. Ċerti pajjiżi tad-dinja jkunu esposti aktar minn oħrajn għat-theddid, li qiegħed dejjem jiżdied, tat-terroriżmu u tar-reati serji. L-UE hija impenjata li tikkoopera magħhom sabiex tgħinhom fil-ġlieda kontra dan it-theddid għas-sigurtà.

Il-protezzjoni tad-dejta personali: Peress li t-trażmissjoni, l-użu u l-ipproċessar tad-dejta tal-PNR jaffettwaw id-drittijiet fundamentali tal-individwi fir-rigward tal-protezzjoni tad-dejta personali tagħhom, huwa ta' importanza ewlenija li l-UE tikkoopera biss ma' dawk il-pajjiżi terzi li jistgħu jipprovdu livell xieraq ta' protezzjoni tad-dejta għal dik id-dejta tal-PNR li toriġina mill-UE.

Relazzjonijiet esterni: għandha titqies ukoll ir-relazzjoni esterna totali tal-UE mal-pajjiż terz. Il-funzjonament ta' u l-kooperazzjoni mal-pulizija u l-ġudikatura, l-istat tad-dritt u r-rispett totali tad-drittijiet fundamentali huma fatturi importanti li għandhom jitqiesu.

Standards, kontenut u kriterji

L-approċċ globali tal-PNR għandu jiddeskrivi l-istandards ġenerali li l-ftehimiet internazzjonali bejn l-UE u l-pajjiżi terzi għandhom jissodisfaw sabiex jiksbu kemm jista' jkun koerenza fir-rigward tal-garanziji għall-protezzjoni tad-dejta li għandhom jiġu applikati minn dawk il-pajjiżi u għall-modalitajiet tat-trażmissjonijiet tad-dejta mit-trasportaturi bl-ajru.

Huwa essenzjali wkoll li l-UE tiġi pprovduta b'mekkaniżmi sabiex tagħmel monitoraġġ tal-implimentazzjoni tajba, pereżempju permezz ta' reviżjoni konġunta regolari tal-implimentazzjoni tal-ftehimiet, u mekkaniżmi effettivi sabiex jiġu solvuti kwistjonijiet.

Il-protezzjoni tad-dejta personali

Il-ġabra u t-trasferiment tad-dejta tal-PNR lil pajjiżi terzi jaffetwaw għadd kbir ta' individwi u d-dejta personali tagħhom. B'hekk, trid tingħata attenzjoni partikolari għall-protezzjoni effettiva tad-dejta personali.

Fl-Ewropa, id-drittijiet fundamentali fir-rigward tal-ħajja privata u tal-protezzjoni tad-dejta personali huma miġbura fl-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (ECHR) u l-Artikoli 7 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet fundamentali tal-UE[15]. Dawn id-drittijiet fundamentali japplikaw għal kull persuna rrispettivament miċ-ċittadinanza jew mill-post ta' residenza. Standards ulterjuri għall-protezzjoni tad-dejta ġew stabbiliti fil-Konvenzjoni 108 tal-Kunsill tal-Ewropa tal-1981 dwar il-Protezzjoni tal-Individwi fir-rigward tal-ipproċessar awtomatiku tad-dejta personali u kif ukoll l-Protokoll 181 tal-2001.

Kuwalunkwe limitazzjoni fl-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet rikonoxxuti mill-Karta trid tiġi prevista mil-liġi u għandha tirrispetta l-essenza ta' dawn id-drittijiet u libertajiet. Bla ħsara għall-prinċipju ta' proporzjonalità, jistgħu jsiru limitazzjonijiet f'dawk il-każijiet biss fejn ikun meħtieġ u fejn ġenwinament jintlaħqu l-għanijiet ta' interess ġenerali rikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta' oħrajn.

Peress li s-sistemi għall-protezzjoni tad-dejta f'pajjiżi terzi jistgħu jkunu differenti mill-protezzjoni tad-dejta li tintuża fl-UE, huwa importanti li għal kwalunkwe trasferiment tad-dejta tal-PNR mill-Istati Membri tal-UE lil pajjiżi terzi, il-pajjiż terz jiżgura livell xieraq ta' protezzjoni tad-dejta fuq bażi legali tajba. Tali livell xieraq ta' protezzjoni tad-dejta jista' jinsab fil-leġiżlazzjoni tal-pajjiż terz jew jista' jiġi pprovdut fil-forma ta' impenji li jorbtu legalment fil-ftehim internazzjonali li jirregola l-ipproċessar tad-dejta personali.

L-adekwatezza li tista' tintuża minn pajjiż terz għandha tiġi vvalutata fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha li jirrigwardaw operazzjoni għat-trasferiment tad-dejta. F'dan il-kuntest, l-UE se tqis ukoll il-konformità mill-pajjiż terz mal-istandards internazzjonali, bl-istess mod se tqis r-ratifikazzjoni tiegħu tal-istrumenti internazzjonali dwar il-protezzjoni tad-dejta u d-drittijiet fundamentali inġenerali. Deċiżjonijiet dwar l-adekwatezza li ġew diġa adottati mill-Kummissjoni Ewropea f'dan ir-rigward għandhon jintużaw bħala gwida dwar x'hiex jista jitqies bħala li huwa adekwat.

Il-prinċipji bażiċi għall-protezzjoni tad-dejta personali, li għandhom jiġu applikati mill-pajjiż terz li qiegħed jagħmel it-talba, huma dawn li ġejjin:

- Limtu fuq l-għan – l-użu tad-dejta: L-ambitu tal-użu tad-dejta minn pajjiż terz għandu jiġi deskritt b'mod ċar u preċiż fil-ftehim u m'għandux jkun usa' minn dak li huwa meħtieġ fid-dawl tal-għanijiet li għandhom jinkisbu. Esperjenza mal-ftehimiet tal-PNR ta' baħlissa turi li d-dejta tal-PNR għandha tintuża biss għall-finijiet tal-infurzar tal-liġi u tas-sigurtà sabiex jiġu miġġielda t-terroriżmu u r-reati transnazzjonali serji. Kwistjonijiet ewlenin bħat-terroriżmu u r-reati transnazzjonali serji għandhom jiġu definiti abbażi l-approċċ ta' definizzjonijiet stipulati fl-istrumenti rilevanti tal-UE.

- Limtu fuq l-għan – l-ambitu tad-dejta: L-iskambju tad-dejta għandu jiġi limitat għall-minimu u għandu jkun proporzjonat. Kwalunkwe ftehim għandu jelenka fid-dettall il-kategoriji tad-dejta tal-PNR li għandhom jiġu trasferiti.

- Kategoriji Speċjali għad-Dejta Personali (dejta sensittiva): Id-dejta tal-PNR li turi oriġini razzjali jew etnika, opinjonijiet politiċi jew twemmin reliġjuż jew dak filosofiku, sħubija fi trade union, saħħa jew ħajja sesswali, fi prinċipju m'għandhiex tintuża, sakemm ma jkunx hemm ċirkustanzi eċċezzjonali fejn ikun hemm theddida imminenti li xi ħadd jitlef ħajtu u dejjem jekk il-pajjiż terz jipprovdi salvagwardji xierqa, pereżempju, li tali dejta tista' tintuża biss fuq bażi ta' każ b'każ, li dan isir taħt l-awtorizzazzjoni ta' uffiċjal ta' livell għoli u strettament limitat għall-finijiet tat-trasferiment oriġinali .

- Sigurtà tad-Data: Id-dejta tal-PNR trid tiġi protetta kontra l-użu ħażin u l-aċċess illegali permezz proċeduri xierqa tekniċi u ta' sigurtà u miżuri sabiex jilqgħu kontra r-riskji għas-sigurtà, kunfidenzjalità jew l-integrità tad-dejta.

- Sorveljanza u responsabbiltà: Għandha teżisti sistema ta' superviżjoni minn awtorità pubblika indipendenti li hija responsabbli għall-protezzjoni tad-dejta b'setgħat effettivi ta' intervent u ta' infurzar sabiex tagħmel monitoraġġ fuq dawk l-awtoritajiet pubbliċi li jużaw id-dejta tal-PNR. Din tal-aħħar għandha tkun responsabbli li tkun konformi mar-regoli stabbiliti dwar il-protezzjoni tad-dejta personali, u għandha jkollha s-setgħa li tisma' l-ilmenti mill-individwi fir-rigward tal-ipproċessar tad-dejta tal-PNR.

- Trasparenza u Avviż: Kull individwu għandu jiġi infurmat mill-inqas dwar il-għan tal-ipproċessar tad-dejta personali, min se jipproċessa dik id-dejta, skont liema regoli jew liġijiet, it-tipi ta' partijiet terzi li se tingħatalhom din id-dejta u kif u lil min jista' jintalab rimedju.

- Aċċess, retifika u tħassir: Kull individwu għandu jingħata aċċess għad-dejta tiegħu tal-PNR, kif ukoll, fejn xieraq, id-dritt li jitlob retifika u tħassir tad-dejta tiegħu tal-PNR.

- Rimedju: Kull individwu għandu jkollu d-dritt għal rimedju effettiv u ġudizzjarju fejn ikun sar ksur tal-privatezza tiegħu jew inkisru r-regoli dwar il-protezzjoni tad-dejta, fuq bażi mhux diskriminatorja, irrispettivament miċ-ċittadinanza jew mill-post ta' residenza. Kwalunkwe ksur bħal dan għandu jkun suġġett għal sanzjonijiet u/jew rimedji xierqa u effettivi.

- Deċiżjonijiet Individwali Awtomatizzati: Deċiżjonijiet li jipproduċu azzjonijiet jew effetti avversi fuq individwu jista' jkun li ma jkunux ibbażati biss fuq l-ipproċessar awtomatizzat tad-dejta personali mingħajr l-involviment tal-bniedem.

- Żamma tad-dejta: il-perjodu għaż-żamma tad-dejta tal-PNR m'għandux ikun aktar mill-perjodu meħtieġ għal din id-dejta sabiex tintuża għall-għanijiet iddefiniti. Il-perjodu għaż-żamma għandu jqis il-mezzi differenti li fihom tintuża d-dejta tal-PNR (ara taqsima 1.2.1 hawn fuq) u l-possibbiltajiet li jiġu limitati d-drittijiet għall-aċċess matul il-perjodu taż-żamma, pereżempju permezz ta' anonimizzazzjoni gradwali tad-dejta.

- Restrizzjonijiet dwar trasferimenti lil awtoritajiet oħrajn tal-gvern: Id-dejta tal-PNR għandha tingħata biss lil awtoritajiet oħrajn tal-gvern li għandhom is-setgħat fir-rigward tal-ġlieda kontra t-terroriżmu u reati transnazzjonali serji, u li għandhom l-istess protezzjonijiet bħal dawk li għandha l-aġenzija riċeventi skont il-ftehim b'konformità mal-impenn ma' din tal-aħħar. Id-dejta tal-PNR qatt m'għandha tiġi żvelata f'daqqa iżda fuq bażi ta' każ b'każ.

- Restrizzjonijiet dwar it-trasferimenti lil pajjiżi terzi: dan il-kunċett jqis primarjament ir-restrizzjonijiet dwar l-użu u t-tixrid ulterjuri sabiex tiġi evitata ċ-ċirkomvenzjoni tal-ftehim meta d-dejta tal-PNR tkun għad-dispożizzjoni ta' pajjiż terz ieħor. Tali trasferimenti għandhom ikunu soġġetti għal salvagwardji xieraq. B'mod partikolari, il-pajjiż terz riċeventi għandu jittrasferixxi din l-informazzjoni lill-awtorità kompetenti ta' pajjiż terz ieħor fil-każ biss li dan tal-aħħar jaħdem sabiex jittratta d-dejta bl-istess livell ta' protezzjoni kif stabbilit fil-ftehim u li t-trasferiment ikun strettament limitat għall-finijiet tat-trasferiment oriġinali tad-dejta. Id-dejta tal-PNR qatt m'għandha tiġi żvelata f'daqqa iżda fuq bażi ta' każ b'każ.

Modalitajiet tat-trażmissjonijiet

Sabiex tingħata ċertezza legali u jiċċekken il-piż finanzjarju fuq it-trasportaturi bl-ajru, huwa importanti li jkun hemm simplifikazzjoni tar-regoli li jirregolaw it-trażmissjoni tad-dejta mit-trasportaturi lil pajjiżi terzi. Peress li jkun hemm obbligi standard, il-piż finanzjarju fuq it-trasportaturi se jitnaqqas bil-kbir peress li huma ser jkunu jistgħu jinvestu inqas sabiex ikunu konformi mal-obbligi tagħhom. Għal dan il-għan, huwa xieraq li mill-inqas jiġu standardizzati l-modalitajiet ta' trażmissjonijiet li ġejjin:

- Il-metodu ta ’ trażmissjoni : Sabiex tiġi protetta d-dejta li tinżamm fid-databases tat-trasportaturi u sabiex jinżamm il-kontroll tagħhom fuqhom, id-dejta għandha tiġi trażmessa billi tintuża is-"sistema lineari".

- Il-frekwenza ta’ trażmissjoni. Għandu jkun hemm numru limitat raġonevoli għan-numru ta' drabi fejn il-pajjiż terz jeħtieġ li tiġi trasferita dejta lilu, dan sabiex jiġi assigurat benefiċċju xieraq għas-sigurtà filwaqt li timminimizza l-kostijiet tat-trasportaturi.

- It-trasportaturi mhux obbligati li jiġbru dejta addizzjonali . It-trasportaturi m'għandhomx ikunu obbligati li jiġbru dejta ulterjuri milli diġa qegħdin jiġbru jew li jkunu obbligati li jiġbru ċerti tipi ta' dejta, iżda jkunu meħtieġa biss li jittrażmettu dik li huma jkunu diġa ġabru bħala parti min-negozju tagħhom.

Kunċetti prinċipali

- Tul ta’ żmien u reviżjoni: It-termini tal-kooperazzjoni mal-pajjiżi terzi għandhom jkunu validi għal perjodu fiss u għandhom jipprovdu l-possibbiltà li ż-żewġ partijiet jiddenunzjaw il-ftehim. Għandu jkun possibbli li jiġu riveduti t-termini tal-kooperazzjoni fejn jitqies xieraq.

- Il-monitoraġġ: Huwa essenzjali li l-UE tiġi pprovduta b'mekkaniżmi sabiex tagħmel monitoraġġ tal-implimentazzjoni tajba, pereżempju permezz ta' reviżjonijiet konġunti regolari tal-implimentazzjoni korretta tal-aspetti kollha tal-ftehimiet, kif ukoll il-limitazzjoni tal-iskop, id-drittijiet tal-passiġġieri u t-trasferiment tad-dejta tal-PNR, filwaqt li jkun hemm valutazzjoni ta' proporzjonalità tad-dejta miżmumża abbażi l-valur tagħhom li jinkisbu l-finijiet li għalihom ġiet trasferita d-dejta. Ir-riżultati ta' tali reviżjonijiet għandhom jiġu ppreżentati lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew.

- Soluzzjoni tat-tilwim: Għandhom jiġu pprovduti mekkaniżmi effettivi għas-soluzzjoni tat-tilwim fir-rigward tal-interpretazzjoni, l-applikazzjoni u l-implimentazzjoni ta' ftehimiet.

- Reċiproċità: Ir-reċiproċità għandha tiġi żgurata, speċjalment permezz tat-trasferiment ta' informazzjoni analitika li toriġina mid-dejta tal-PNR permezz tal-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż terz riċeventi lill-pulizija u l-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istati Membri, kif ukoll lill-Europol u lill-Eurojust.

PERSPETTIVA GħALL-PERJODU FIT-TUL

Hekk kif aktar u aktar pajjiżi fid-dinja jużaw id-dejta tal-PNR, il-kwistjonijiet li jqumu minn tali użu jaffettwaw il-komunità internazzjonali. Anke jekk l-approċċ bilaterali li ġie adottat mill-UE kien l-aktar wieħed xieraq skont iċ-ċirkustanzi u jidher li huwa l-aktar wieħed xieraq għall-ġejjieni qrib, dan għandu r-riskju li jieqaf milli jkun xieraq jekk ħafna aktar pajjiżi jsiru involuti mal-PNR. Għalhekk l-UE għandha teżamina l-possibbiltà li tistabbilixxi standards għat-trażmisssjoni u l-użu tad-dejta tal-PNR fuq livell internazzjonali. Il-Linji Gwida dwar l-aċċess għall-PNR li ġew żviluppati minn ICAO fl-2004 joffri bażi solida għall-armonizzazzjoni tal-modalitajiet tat-trażmissjonijiet tad-dejta tal-PNR. Madankollu, dawn il-linji gwida mhumiex vinkolanti u ma jittrattaw b'mod suffiċjenti ma' kwistjonijiet tal-protezzjoni tad-dejta. Għalhekk huma mhumiex suffiċjenti fihom infushom, iżda minflok għandhom jintużaw għal gwida, speċjalment dwar kwistjonijiet li jaffettwaw it-trasportaturi.

Abbażi dan, l-UE għandha tqis li tibda diskussjonijiet ma' msieħba internazzjonali li jużaw dik id-dejta tal-PNR u dawk li qegħdin iqisu tali użu, sabiex jesploraw jekk hemmx raġuni komuni bejniethom biex jittrattaw mat-trasferimenti tal-PNR fuq livell multilaterali. Fil-każ li dawn id-diskussjonijiet jirnexxu, l-UE għandha tidħol f'negozjati formali mal-imsieħba internazzjonali interessati sabiex jiksbu soluzzjoni multilaterali.

KONKLUżJONI

Il-Komunikazzjoni tagħti ħarsa ġenerali tat-tendenzi ta' bħalissa għall-użu tad-dejta tal-PNR fl-UE u fid-dinja. Bħala tweġiba għal dawk it-tendenzi, kif ukoll għat-theddid li l-UE u d-dinja qegħdin ikomplu jaffaċċjaw, il-Kummissjoni tqis li l-UE teħtieġ li tirrevedi l-approċċ globali tagħha dwar il-PNR. B'dan, il-Kummissjoni qiset l-opinjonijiet dwar kwistjonijiet ġenerali tal-PNR tal-partijiet interessati ewlwnin u l-prinċipji tal-iżvilupp tal-politika kif deskritt fil-Ħarsa Ġenerali tal-amministrazzjoni tal-informazzjoni fil-qasam tal-libertà, sigurtà u ġustizzja.

Il-Komunikazzjoni tistabbilixxi, għall-ewwel darba, sensiela ta' kunsiderazzjonijiet ġenerali li għandhom jiggwidaw l-UE f'negozjati għal ftehimiet tal-PNR ma' pajjiżi terzi. L-aderenza għal dawk il-prinċipji għandhom iwasslu għal koerenza akbar bejn il-varji ftehimiet tal-PNR, filwaqt li tiżgura r-rispett għad-drittijiet fundamentali fir-rigward għall-ħajja privata u għall-protezzjoni tad-dejta personali. Fl-istess ħin, il-Komunikazzjoni tibqa' biżżejjed flessibbli u adattabbli għat-tħassib dwar is-sigurtà u għall-ordni legali nazzjonali ta' kull pajjiż terz.

Fl-aħħar, filwaqt li tħares lejn il-perspettiva għat-tul fl-iżvilupp tal-politiki tal-PNR madwar id-dinja, din il-Komunikazzjoni tikkonkludi li l-UE għandha tesplora l-possibbiltà li tissostitwixxi, f'perjodu medju, ftehimiet bilaterali u ftehim multilaterali bejn il-pajjiżi kollha li jużaw id-dejta tal-PNR

[1] Eurostat 36/2009.

[2] COM(2010) 385.

[3] COM(2003) 826.

[4] Is-'sistema lineari' titlob li t-trasportatur jittrażmetti d-dejta lill-pajjiż terz, minflok ma t-trasportatur jippermetti lil pajjiż terz biex jkollu aċċess għad-databases tiegħu.

[5] ĠU L 204, 4.8.2007, p. 16.

[6] COM(2007) 654.

[7] ĠU L 91, 29.3.2006, p. 53, ĠU L 91, 29.3.2006, p. 49 u ĠU L 82, 21.3.2006, p. 15.

[8] ĠU L 213, 8.8.2008 p. 49.

[9] COM(2010) 385.

[10] Id-Direttiva 2004/82/KE tad-29 ta' April 2004 dwar l-obbligu ta' trasportaturi li jikkomunikaw dejta dwar il-passiġġieri

[11] Il-Ftehim tal-2004 dwar il-PNR bejn il-KE u l-Istati Uniti (ĠU L 183, 20.05.2004, p. 84) u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' Mejju 2004 (ĠU 235, 06.07.2004, p. 11); Il-Ftehim tal-2006 dwar il-PNR bejn il-KE u l-Istati Uniti (ĠU L 298, 27.10.2006, p. 29) u ittri mehmuża (ĠU 259, 27.10.2006, p. 1), Ftehim tal-2007 dwar il-PNR bejn il-KE u l-Istati Uniti (ĠU L 204, 04.08.2007, p. 18), il-Ftehim bejn l-UE u l-Kanada (ĠU L 82, 21.03.2006, p. 15 u ĠU L 91, 29.3.2006 , p. 49) u l-Ftehim tal-PNR bejnl-UE u l-Awstralja (ĠU L 213, 8.8.2008, p. 47)

[12] COM(2005) 491.

[13] Dokument tal-Kunsill 14469/4/05 tat-30.11.2005.

[14] Id-Dokument tal-Kunsill Nru 17024/09 tat-2.12.2009:

[15] Huwa importanti li jiġi nnutat li prinċipji simili għall-protezzjoni tad-dejta ġew stipulati fl-istrumenti internazzjonali fir-rigward tal-protezzjoni tal-privatezza u tad-dejta personali, bħal: l-Artikolu 17 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tas-16 ta' Diċembru 1966, il-Linji Gwida tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Kontroll tal-Fajls Kompjuterizzati b’Dejta Personali (ir-Riżoluzzjoni 45/95 tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti tal-14 ta’ Diċembru 1990), ir-Rakkomandazzjoni tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiku (OECD) tal-Kunsill fir-Rigward tal-linji gwida li jigvernaw il-protezzjoni tal-privatezza u l-flussi transkonfinali tad-dejta personali, u l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa għall-Protezzjoni ta' Individwi fir-rigward tal-Ipproċessar Awtomatiku tad-Dejta Personali (ETS No. 108) u l-Protokoll Addizzjonali għal dik il-Konvenzjoni (ETS Nru 181), li huma miftuħa wkoll għall-adeżjoni għall-Istati mhux Ewropej.

Top