This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52010DC0429
REPORT FROM THE COMMISSION TO THE EUROPEAN PARLIAMENT AND THE COUNCIL On the application of Regulation (EC) No 1889/2005 of the European Parliament and of the Council of 26 October 2005 on controls of cash entering or leaving the Community pursuant to article 10 of this Regulation
REPORT FROM THE COMMISSION TO THE EUROPEAN PARLIAMENT AND THE COUNCIL On the application of Regulation (EC) No 1889/2005 of the European Parliament and of the Council of 26 October 2005 on controls of cash entering or leaving the Community pursuant to article 10 of this Regulation
REPORT FROM THE COMMISSION TO THE EUROPEAN PARLIAMENT AND THE COUNCIL On the application of Regulation (EC) No 1889/2005 of the European Parliament and of the Council of 26 October 2005 on controls of cash entering or leaving the Community pursuant to article 10 of this Regulation
[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA | Brussel 12.8.2010 KUMM(2010) 429 finali RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL Dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1889/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2005 dwar kontrolli fuq flus kontanti deħlin fi jew ħerġin mill-Komunità skont l-Artikolu 10 ta’ dan ir-Regolament RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL Dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1889/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2005 dwar kontrolli fuq flus kontanti deħlin fi jew ħerġin mill-Komunità skont l-Artikolu 10 ta’ dan ir-Regolament DAħLA Ir-Regolament (KE) Nru 1889/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2005 dwar kontrolli fuq flus kontanti deħlin fi jew ħerġin mill-Komunità[1], imsejjaħ fil-bqija ta’ dan ir-rapport bħala "r-Regolament dwar il-Kontroll fuq il-Flus Kontanti", daħal fis-seħħ fil-15 ta’ Diċembru 2005. L-Artikolu 10 tar-Regolament dwar il-Kontroll fuq il-Flus Kontanti jitlob lill-Kummissjoni li tippreżenta rapport dwar l-implimentazzjoni tiegħu lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill 4 snin wara d-dħul fis-seħħ tiegħu. Ir-Regolament dwar il-Kontroll fuq il-Flus Kontanti huwa applikabbli sa mill-15 ta’ Ġunju 2007 u b’din l-applikabilità riċenti, saret konċentrazzjoni, kemm mill-Istati Membri (SM) kif ukoll mill-Kummissjoni (KUMM), fuq il-ħolqien ta’ strutturi xierqa u l-iżvilupp ta’ proċeduri adattati sabiex jippermettu l-implimentazzjoni armonizzata tar-Regolament dwar il-Kontroll fuq il-Flus Kontanti. Sabiex tibda l-proċess tal-evalwazzjoni, il-KUMM bagħtet kwestjonarji lill-SM f’Lulju tal-2008. It-tweġibiet tal-SM għal dan il-kwestjonarju[2] segwiti minn diskussjoni f’diversi laqgħat mal-SM fil-"Grupp ta’ Ħidma dwar il-Kontroll fuq il-Flus Kontanti" pprovdew lill-KUMM b’informazzjoni biżżejjed biex tfassal dan ir-rapport. SFOND ĠENERALI Kuntest Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea (UE) Il-qafas legali tal-UE għall-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus huwa kompost mid-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2005 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-iskop tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu[3] kif emendata bid-Direttivi 2007/64/KE, 2008/20/KE u 2009/110/KE, u r-Regolament (KE) Nru 1781/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Novembru 2006 dwar informazzjoni dwar il-pagatur, li għandha takkumpanja t-trasferimenti ta' fondi[4]. Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/642/ĠAI dwar l-arranġamenti għall-kooperazzjoni bejn l-unitajiet tal-intelliġenza [(intelligence)] finanzjarja tal-Istati Membri fir-rigward tal-iskambju tal-informazzjoni u d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2001/500/ĠAI dwar il-ħasil tal-flus, l-identifikazzjoni, l-ittraċċar, l-iffriżar, il-qbid u l-konfiska tal-mezzi u l-qligħ [r-rikavati] mill-kriminalità huma rilevanti ndaqs. Biex tikkomplimenta dan il-qafas l-istrateġija tal-UE kontra l-finanzjament tat-terroriżmu tenfasizza miżuri li għandhom l-għan li jtejbu r-riżultati tal-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu. Id-Direttiva 2005/60/KE, li ħadet post id-Direttiva 1991/308/KEE, fiha mekkaniżmu tal-UE għall-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus permezz tal-monitoraġġ tat-tranżazzjonijiet li jsiru fl-istituzzjonijiet tal-kreditu u finanzjarji u f’ċerti tipi ta’ professjonijiet. Ir-riskju li tinqabeż l-applikazzjoni ta’ dak il-mekkaniżmu minħabba l-moviment tal-flus kontanti għall-finijiet illeċiti u għall-finanzjament tat-terroriżmu wassal għall-ħtieġa li din il-miżura tiġi kkomplementata bir-rekwiżit tal-kontroll fuq il-flus kontanti li jidħlu jew joħorġu mill-UE. Ir-Regolament dwar il-Kontroll fuq il-Flus Kontanti ġie adottat għal dan il-għan u jfittex li jirrikonċilja l-prinċipju fundamentali tal-moviment liberu tal-prodotti, il-persuni, is-servizzi u l-kapital mal-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu fil-kuntest tas-suq waħdieni u tal-unjoni ekonomika u monetarja. Aspetti internazzjonali Is-sieħeb ewlieni fl-iżgurar tal-effettività tar-Regolament dwar il-Kontroll fuq il-Flus Kontanti huwa t-Task Force tal-Azzjoni Finanzjarja (FATF) u l-korp reġjonali affiljat tiegħu, il-Moneyval. Dan il-korp intergovernattiv, imwaqqaf mis-Summit tal-G7, li sar f’Pariġi fl-1989, jappoġġja l-politiki tal-gvern dwar il-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu. Il-korp jagħmel dan billi joħroġ rakkomandazzjonijiet u linji gwida u billi jiċċekkja l-konformità mar-rakkomandazzjonijiet tiegħu permezz ta’ sistema ta’ evalwazzjoni reċiproka sabiex jagħmel pressjoni kontinwa fuq il-membri tiegħu biex jiżgura miżuri effikaċi għall-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu. Ir-Rakkomandazzjoni Speċjali (RS) IX tal-FATF dwar il-kurriera tal-flus kontanti hija trasposta fl-UE permezz tar-Regolament dwar il-Kontroll fuq il-Flus Kontanti. Id-diskussjoni dwar il-proċeduri tar-RS IX u r-rapporti tal-evalwazzjoni u l-progress imħejjija mill-assessuri tal-FATF kienu f’diversi okkażjonijiet l-aċċeleratur għal iktar titjib fil-kontrolli fuq il-flus kontanti fl-SM. Riċentement, il-FATF irrikonoxxiet lill-UE bħala ġuriżdizzjoni sopranazzjonali għall-applikazzjoni tar-RS IX dwar il-kurriera tal-flus kontanti. Dan ir-rikonoxximent jimplika kriterji speċifiċi li magħhom trid tikkonforma, bħall-iskambju xieraq tal-informazzjoni rilevanti fil-livell sopranazzjonali u taħriġ komparabbli, ġbir tad-dejta, infurzar u programmi mmirati żviluppati u applikati fuq livell sopranazzjonali. L-elementi ewlenin tar-Regolament dwar il-Kontroll fuq il-Flus Kontanti L-obbligu tad-dikjarazzjoni Ir-Regolament dwar il-Kontroll fuq il-Flus Kontanti jistabbilixxi approċċ uniformi fl-UE dwar il-kontrolli fuq il-flus kontanti bbażat fuq sistema ta’ dikjarazzjoni mandatorja għall-ammonti ta’ flus kontanti li jidħlu jew joħroġu mill-UE b'valur ta' EUR 10,000 jew iżjed. Il-vjaġġaturi għandhom jippreżentaw l-informazzjoni lill-awtorità kompetenti nnominata dwar id-dikjarant, is-sid u r-riċevitur kif ukoll dwar l-ammont, in-natura, l-oriġini, l-użu intenzjonat u t-trasport tal-flus kontanti fid-dikjarazzjoni. Ir-Regolament dwar il-Kontroll fuq il-Flus Kontanti la jistipula l-metodu, jiġifieri oralment, bil-miktub, elettroniku u lanqas il-forma ta’ din id-dikjarazzjoni. Deskrizzjoni tal-poteri tal-awtoritajiet kompetenti Sabiex jiżguraw il-konformità mal-obbligu li tiddikjara, l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali għandu jkollhom il-poter li jikkontrollaw il-persuni naturali, il-bagalji tagħom u l-mezzi tat-trasport tagħhom. Fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità mal-obbligu li tiddikjara, il-flus kontanti jistgħu jiġu miżmuma u għandhom jiġu applikati l-penali. Ir-reġistrazzjoni u l-ipproċessar tal-informazzjoni Ir-Regolament dwar il-Kontroll fuq il-Flus Kontanti jobbliga lill-SM li jirreġistraw u jipproċessaw l-informazzjoni kollha li jiksbu permezz tad-dikjarazzjoni u/jew il-kontrolli tagħhom u li jagħmlu din l-informazzjoni disponibbli lill-unità tal-intelligence finanzjarja nazzjonali (UIF) tal-SM li minnu l-vjaġġatur qed jidħol jew joħroġ mill-UE. Skambju tal-informazzjoni Fejn hemm indikazzjonijiet li l-ammonti tal-flus kontanti huma relatati ma’ xi attività illegali assoċjata mal-moviment tal-flus kontanti, l-iskambju tal-informazzjoni jista’ jsir mal-awtoritajiet fi SM oħra u l-informazzjoni għandha tiġi trażmessa lill-KUMM jekk teffettwa b’mod negattiv l-interess finanzjarju tal-UE. Skont il-kwadru tal-ftehim eżistenti dwar l-assistenza amministrattiva reċiproka, l-informazzjoni li tinkiseb skont ir-Regolament dwar il-Kontroll fuq il-Flus Kontanti tista’ tiġi kkomunikata wkoll lill-pajjiż terz sakemm ikun hemm konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti nazzjonali u tal-UE dwar it-trasferiment ta’ dejta personali lill-pajjiżi terzi. Kwistjonijiet ta’ kunfidenzjalità L-informazzjoni kollha miksuba permezz tar-Regolament dwar il-Kontroll fuq il-Flus Kontanti hija kunfidenzjali. L-informazzjoni personali kollha għandha tiġi ttrattata skont id-dispożizzjonijiet rilevanti dwar il-protezzjoni tad-dejta. Fejn huwa meqjus meħtieġ, għandhom japplikaw ir-regoli għall-klassifikazzjoni tal-informazzjoni biex tiġi ggarantita s-sigurtà tad-dejta. Kontroll fuq il-moviment tal-flus kontanti fl-Unjoni Ewropea Ir-Regolament dwar il-Kontroll fuq il-Flus Kontanti huwa bla ħsara għall-miżuri nazzjonali li jikkontrollaw il-movimenti tal-flus kontanti fl-UE. Madankollu, dawn il-miżuri nazzjonali għandhom jikkonformaw mal-Artikolu 65 tat-Trattat dwar il-funzjonament tal-UE, li jagħti l-poter lill-SM biex jistabbilixxu l-proċeduri għad-dikjarazzjoni tal-movimenti tal-kapital għall-finijiet tal-informazzjoni amministrattiva jew tal-istatistika jew biex jieħdu miżuri li huma ġġustifikati fuq il-bażi ta’ politika pubblika jew sigurtà pubblika, sakemm il-miżuri u l-proċeduri applikati ma jikkostitwixxux mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja jew restrizzjoni moħbija fuq il-moviment liberu tal-kapital. Dawn l-SM li ġejjin[5] japplikaw dawn il-kontrolli fuq il-flus kontanti fl-UE fuq il-fruntiera ma’ SM oħra: BE, BG, CY, DE, DK, ES, FR, IT, MT, PL u PT. Għal dak il-għan jużaw sistema ta’ dikjarazzjoni mandatarja – bl-eċċezzjoni taPT fejn id-dikjarazzjoni hija fakultattiva sakemm il-persuna naturali ma tkunx ikkontrollata – b’limitu minimu ta’ EUR 10,000. AT ma tillimitax il-kontrolli fuq il-flus kontanti għall-fruntiera tagħha iżda tapplika l-kontrolli fit-territorju kollu tagħha. ES introduċiet, b’mod simili għal AT, kontrolli nazzjonali iżda għal ammonti ta’ mhux inqas minn EUR 100,000. UK ma daħħalx il-kontrolli ta’ rutina fuq il-flus kontanti fl-UE iżda l-uffiċjali japplikaw fit-territorju ta’ UK kontrolli (każwali) fuq il-passiġġiera u l-bagalji tagħhom fir-rigward ta’ flus kontanti li qed jinġarru. L-IE tapplika proċedura simili bħal tar-Renju Unit iżda b’limitu minimu ta’ flus kontanti ta’ EUR6,438. CZ, EE, EL, FI, HU, LV, LT, LU, NL, RO, SL, SK, SE ma japplikaw l-ebda forma ta’ kontrolli fuq il-flus kontanti fl-UE. APPLIKAZZJONI TAR-REGOLAMENT DWAR IL-KONTROLL FUQ IL-FLUS KONTANTI Kuntest Awtoritajiet kompetenti Ir-Regolament dwar il-Kontroll fuq il-Flus Kontanti ma jispeċifikax liema awtorità għandha tiġi nnominata mill-SM bħala l-awtoritajiet kompetenti. Fil-prattika, 23 SM awtorizzaw l-uffiċċji doganali bħala l-awtoritajiet ewlenin. DK u EE awtorizzaw l-awtorità tat-taxxa u doganali. Żewġ SM oħra, PL u UK awtorizzaw il-gwardji Doganali u tal-Fruntiera. Id-differenzi nazzjonali speċifiċi huma riflessi iżjed fil-varjetà wiesgħa tal- awtoritajiet oħra involuti: il-Pulizija (kriminali) Federali, UIFs, l-Aġenzija għall-ħarsien ta’ Kontra t-Terroriżmu, il-Gwardji tal-Fruntiera, il-Gvernijiet Provinċjali, it-Teżor, id-Dipartimenti ta’ kontra l-frodi jew servizzi tal-investigazzjoni u l-awtoritajiet ġudizzjarji. L-awtoritajiet tal-pulizija u l-UIFs huma l-iktar imsieħba frekwenti fl-infurzar tal-kontroll fuq il-flus kontanti. F’16-il SM din il-kooperazzjoni fost l-awtoritajiet hija stipulata fi ftehim ta’ kooperazzjoni bil-miktub. Terz tal-SM stabbilixxew ċelloli tal-intelligence jew gruppi ta’ ħidma bejn l-awtoritajiet kompetenti. Id-definizzjoni tal-flus kontanti Id-definizzjoni tal-flus kontanti fir-Regolament dwar il-Kontroll fuq il-Flus Kontanti ttieħdet mid-definizzjoni użata mill-FATF fir-RS IX u tkopri l-istrumenti negozjabbli għall-portatur jew il-munita. Sa issa, l-SM ma rrappurtawx problemi kbar fl-applikazzjoni ta’ din id-definizzjoni. Id-deheb, il-metalli prezzjużi jew il-ħaġar mhumiex inklużi taħt din id-definizzjoni. Xi SM jirrappurtaw dispożizzjonijiet nazzjonali simili għall-obbligu tad-dikjarazzjoni tal-flus għad-deheb u/jew il-metalli prezzjużi u l-ħaġar (BG, DE, AT (fuq it-territorju ta’ AT), CY, CZ u PL). Il-kards tal-flus elettroniċi li għandhom ħafna skopijiet lanqas mhuma inklużi fid-definizzjoni. SM wieħed (DE) jirrapporta dispożizzjonijiet nazzjonali għad-dikjarazzjoni tal-flus elettroniċi. L-obbligu tad-dikjarazzjoni Kull persuna naturali li tidħol jew toħroġ mit-territorju tal-UE hija legalment mitluba li tiddikjara kull ammont ta’ EUR 10,000 jew iktar li tkun qed iġġorr lill-awtoritajiet kompetenti tal-SM li minnu qed tidħol jew toħroġ mill-UE, jiġifieri fl-ewwel punt tad-dħul fl-UE u l-aħħar punt tal-ħruġ mill-UE. Inqajmu kuxjenza dwar l-obbligu li tiddikjara Biex jiġi żgurat li l-vjaġġaturi jkunu konxji mill-obbligu li jiddikjaraw, ġew stabbiliti l-kampanji tal-komunikazzjoni u qed jiġu mġedda kontinwament fuq livell nazzjonali u tal-UE. Fuq livell tal-UE ġew żviluppati u mxerrda powster (10,000 kopja, fi 22 lingwa), fuljetti multilingwi (401,520 kopja stampata fl-2007 bi stampar mill-ġdid rivedut ta’ 1,000,000 kopja f’Lulju tal-2009), riklami fil-magazins għal fuq it-titjira (f’magazins ta’ 10 linji tal-ajru ewlenin f’Settembru tal-2009), paġni web (2007, riveduti f’Awwissu tal-2009) u klipp animata (fl-2007, riveduta f’Novembru tal-2009, f’7 lingwi). Għodda simili, bħal powsters, paġni tal-web, informazzjoni lill-partijiet interessati jew stqarrijiet għall-istampa dwar l-ittraċċar, inħarġu fuq livell nazzjonali. L-impressjoni ġenerali hija li l-azzjonijiet dwar il-komunikazzjoni dwar il-kontrolli fuq il-flus kontanti kkontribwixxew b’mod sinifikanti għall-kuxjenza tal-vjaġġaturi dwar l-obbligu li jiddikjaraw il-flus kontanti, għalkemm 4 Stati Membri biss ikkontrollaw ir-riżultati tal-kampanja tal-komunikazzjoni u fl-ebda każ ma ntużat l-għodda tal-monitoraġġ biex titkejjel l-effiċjenza jew l-effikaċa tal-kampanji tal-komunikazzjoni. M’hemmx obbligu espliċitu fir-Regolament dwar il-Kontroll fuq il-Flus Kontanti li għandha tiġi stabbilita kampanja tal-komunikazzjoni iżda kważi l-SM kollha rrikonoxxew li hemm bżonn li jittieħdu azzjonijiet dwar il-komunikazzjoni. 17-il SM avżaw li jużaw kampanja ta’ komunikazzjoni permanenti dwar il-kontroll fuq il-flus kontanti biex jiżguraw li kontinwament iqajmu kuxjenza. Xi SM jaraw il-ħtieġa li fir-Regolament jiġi inkluż l-obbligu li titqajjem kuxjenza dwar il-kontroll fuq il-flus kontanti għax dan iħaffef il-kuntatti mal-awtoritajiet tal-ajruport biex juru l-materjal li jqajjem kuxjenza. Il-post tad-dikjarazzjoni Ir-Regolament dwar il-Kontroll fuq il-Flus Kontanti jitlob lill-persuni naturali li jiddikjaraw il-flus kontanti lill-awtoritajiet kompetenti tal-SM minn fejn qed jidħlu jew joħorġu mill-UE. B’mod ġenerali dan ir-rekwiżit ma joħloqx problemi lill-SM. Tranżitu Għall-passiġġiera bl-ajru fi tranżitu, l-obbligu li jiddikjaraw il-flus kontanti fl-ewwel punt tad-dħul jew fl-aħħar punt tat-tluq mill-UE huwa diffiċli li jikkonformaw miegħu minħabba l-varjazzjonijiet fl-infrastruttura tat-tranżitu tal-ajruport. Hemm ftit faċilitajiet jew faċilitajiet differenti li jaħsbu għad-dikjarazzjoni tal-flus kontanti f'żoni tat-tranżitu u m’hemmx biżżejjed ħin bejn it-titjiriet. Għall-awtoritajiet kompetenti tal-SM huwa diffiċli wkoll li jiżguraw il-kontrolli armonizzati fuq il-passiġġiera fi tranżitu. In-nuqqas ta’ ħin, in-nuqqas ta’ faċilitajiet tal-kontroll xierqa minħabba d-differenzi fl-infrastruttura tat-tranżitu tal-ajruporti u l-linji separati għall-bagalji tal-id u l-bagalji li jinżammu jfixklu dawn il-kontrolli. Il- grupp tal-proġett speċifiku ta’ esperti dwar il-kontroll fuq il-flus kontanti ħadem fuq din il-kwistjoni u wasal għall-konklużjoni li r-reviżjoni tal-Artikolu 3 tar-Regolament dwar il-Kontroll fuq il-Flus Kontanti tidher li hija meħtieġa biex jiġu allinjati l-proċeduri dwar il-kontrolli fuq il-flus kontanti ma’ dawk stabbiliti għall-kontrolli fuq il-bagalji tal-passiġġiera kif stipulat fl-Artikoli 192 sa 194 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 tat-2 ta’ Lulju 1993 li jistipula d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju[6]. Metodi tad-dikjarazzjoni Ir-Regolament dwar il-Kontroll fuq il-Flus Kontanti jippermetti li l-informazzjoni tad-dikjarazzjoni tal-flus kontanti tiġi pprovduta bil-miktub, oralment jew elettronikament. Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri għażlu d-dikjarazzjonijiet bil-miktub. Huma biss DK, AT u ES li jippermettu dikjarazzjoni orali, li tinbidel mid-dwana f’dokument bil-miktub. AT (għall-kurriera tal-flus kontanti professjonali biss), ES u PL jippermettu li jiġu ddepożitati dikjarazzjonijiet elettroniċi. Għat-tieni trimestru tal-2009, 90% tad-dikjarazzjonijiet tal-flus kontanti saru bil-miktub, 9.7% elettronikament, u 0.3% oralment. L-SM kollha stabbilixxew il-formoli li jaħsbu għall-preżentazzjoni tal-elementi tad-dejta minimi kollha meħtieġa skont l-Artikolu 3.2 tar-Regolament dwar il-Kontroll fuq il-Flus Kontanti. Il-fażi inizjali tal-implimentazzjoni wriet li l-użu ta’ Formola Komuni ta' Dikjarazzjoni tkun ta’ kontribut importanti għat-titjib fl-iskambju (elettroniku) tal-informazzjoni dwar id-dikjarazzjonijiet tal-flus kontanti. Barra dan, din il-formola komuni ttejjeb ukoll l-intendiment tal-vjaġġaturi internazzjonali dwar dak li hu mistenni minnhom, u b’hekk titjieb il-konformità mar-rekwiżiti. Għal dak il-għan ġiet żviluppata Formola Komuni ta' Dikjarazzjoni Ewropea (FDK). 16-il SM issa jużaw din il-formola: AT, CY, DK, EE, EL, FI, HU, IE, LU, MT, NL, PL, PT, RO, SE u SI. SM oħra qed jikkunsidraw li jimplimentaw il-FDK fil-ġejjieni (BG, DE, LV, SK) jew diġà qed jużaw formoli li għandhom similaritajiet qawwija mal-FDK: ES, FR, LT. Kważi fl-SM kollha, d-dikjarazzjonijiet tal-flus kontanti jiġu aċċettati u jistgħu jimtlew bil-lingwi uffiċjali tal-pajjiż fejn wieħed għandu jiddikjara, u kif ukoll bl-Ingliż. Xi SM jaċċettaw u jippermettu li l-formola tad-dikjarazzjoni tal-flus kontanti timtela b’lingwi oħra tal-UE mitkellma minn għadd kbir ta’ nies. Statistika dwar id-dikjarazzjonijiet tal-flus kontanti M’hemmx rekwiżit espliċitu fir-Regolament dwar il-Kontroll fuq il-Flus Kontanti li jipprovdi għall-istatistika. L-SM madankollu qablu li jibagħtu l-istatistika tagħhom dwar id-dikjarazzjonijiet tal-flus kontanti ppreżentati u r-riżultati tal-kontroll miksuba lill-KUMM[7]. Id-dikjarazzjonijiet tal-flus kontanti li mhux korretti jew is-sejbiet b’riżultat tal-kontrolli jissejħu "reġistrazzjonijiet" fl-istatistika (ara d-dettalji taħt 3.4.2 .). L-Anness 1 jipprovdi għall-istatistika dwar id-dikjarazzjonijiet tal-flus kontanti u r-reġistrazzjonijiet miġbura mill-SM kollha bejn il-15 ta’ Ġunju 2007 u t-30 ta’ Ġunju 2009. F’dan il-perjodu l-SM irċevew 178,351 dikjarazzjoni tal-flus kontanti għall-ammont totali ekwivalenti għal EUR 79,922 miljun. Id-dikjarazzjonijiet tal-flus kontanti miġbura mad-dħul kienu jlaħħqu l-101,824, u mal-ħruġ l-għadd ta’ 76,527. L-Anness 2 jipprovdi ħarsa ġenerali bil-grafika lejn l-irrappurtar tal-SM dwar l-għadd ta’ dikjarazzjonijiet tal-flus kontanti miġbura u juri differenzi importanti. Għall-perjodu rrappurtat DE, IT u FR kienu jgħoddu rispettivament għal 25%, 22,5% u 13% tal-għadd totali ta’ dikjarazzjonijiet irċevuti, segwiti minn ES (9%), LT (4,5%), PL (4%), UK (3,5%) u BG (3%). Il-monitoraġġ kontinwu ta’ din l-istatistika huwa meħtieġ sabiex titjieb l-implimentazzjoni armonizzata tal-kontrolli fuq il-flus kontanti fl-SM. L-Anness 3 juri li l-għadd ta’ dikjarazzjonijiet tal-flus kontanti magħmula fl-SM kiber b’mod rapidu sal-aħħar tal-2008 (minn 13,196 dikjarazzjoni tal-flus kontanti fit-trimestru 3 tal-2007 għal 28,210 dikjarazzjoni tal-flus kontanti fl-aħħar trimestru tal-2008). Iċ-ċifri waqgħu għal 27,236 dikjarazzjoni tal-flus kontanti fit-trimestru 2 tal-2009. L-istess xejra tista' tiġi osservata fl-Anness 4 għall-ammont f’ekwivalenti tal-EUR kopert minn dawn id-dikjarazzjonijiet tal-flus kontanti (EUR 5,432 miljun fit-trimestru 3 tal-2007, EUR 13,051 miljun fl-aħħar trimestru tal-2008, EUR 9,496 miljun fit-trimestru 2 tal-2009). X’aktarx li l-għadd ta’ dikjarazzjonijiet tal-flus kontanti u l-ammont ta’ EUR kopert minn dawn id-dikjarazzjonijiet tal-flus kontanti segwa t-tnaqqis ġenerali fl-attività ekonomika fl-2009 relatat mal-kriżi bankarja. Fit-tieni trimestru tal-2009, iktar minn 63% tad-dikjarazzjonijiet tal-flus kontanti saru fl-ajruporti, 30% fil-fruntiera tat-toroq, 5% fil-portijiet u 2% fil-qsim tal-ferroviji. 86.2% tad-dikjarazzjonijiet tal-flus kontanti ġew iddikjarati mill-kurriera tal-flus kontanti privati, 13.8% mill-kurriera tal-flus kontanti professjonali. Informazzjoni dwar l-għoti tal-poter lill-awtoritajiet nazzjonali għall-kontroll Kompetenzi tal-kontroll fl-Istati Membri Il-kontrolli fl-SM jiffukaw fuq id-dikjarazzjonijiet ippreżentati, il-passiġġiera, il-bagalji u l-mezzi tat-trasport. L-SM kollha jirrapportaw li jwettqu verifiki fiżiċi. Kważi l-SM kollha jużaw it-tagħmir għall-iskennjar. L-użu ta’ klieb li jxommu mħarrġa għall-kontrolli fuq il-flus kontanti ġie rrappurtat minn 4 SM. Sabiex jiġi żgurat li l-kontrolli jkunu effiċjenti u effettivi, l-użu ta’ strateġija tal-immaniġġjar tar-riskju xierqa hija kruċjali. 12-il SM jirrapportaw dwar l-użu ta’ strateġija nazzjonali speċifika relatata mal-kontrolli fuq il-flus kontanti. SM oħra jirrapportaw dwar l-użu ta’ kriterji tal-analiżi tar-riskju għall-kontroll fuq il-flus kontanti fil-punti ewlenin tad-dħul u l-ħruġ. 17-il SM jindikaw li japplikaw l-evalwazzjoni tar-riskju għall-kontroll fuq il-flus kontanti u 18-il SM jużaw twissijiet intelliġenti għall-kontrolli fuq il-flus kontanti, jew billi jirċievu u/jew joħorġu dawn it-tipi ta’ twissijiet. 4 SM jirrapportaw li jorganizzaw azzjonijiet immirati nazzjonali konġunti ma’ awtoritajiet kompetenti oħra. Riżultati tal-kontroll Ir-reġistrazzjonijiet irreġistrati mill-SM (ara l-Anness 1) ilaħħqu t-13,019 każ u jammontaw għal valur ta’ EUR 1,632 miljun. Dawn l-SM li ġejjin jagħmlu l-maġġoranza tar-reġistrazzjonijiet ittraċċati: DE (40%), FR (20%), IT (12%), UK (10%), NL (6%), PT (4%), ES (4%). Il-ħarsa ġenerali bil-grafika mogħtija fl-Anness 5 dwar l-għadd tar-reġistrazzjonijiet turi dawn id-differenzi importanti. Diversi SM ma jirrapportaw l-ebda jew ftit reġistrazzjonijiet. F’xi każijiet dan iktar jirrifletti l-impossibbiltà tal-SM li jikseb id-dejta b’mod ċentrali milli n-nuqqas veru ta’ twettiq ta’ kontrolli (ara l-informazzjoni taħt il-punt 3.4.2 ). Xi SM oħra jirrapportaw proporzjon għoli ħafna ta’ reġistrazzjoni meta mqabbel mal-għadd tad-dikjarazzjonijiet tal-flus kontanti spontanji ppreżentati (ara l-Anness 6). Il-monitoraġġ mill-qrib tar-riżultati tal-kontroll jippermetti l-ittraċċar u s-segwiment tad-differenzi possibbli fl-approċċ lejn il-kontroll bejn l-SM, biex b’hekk ikunu jistgħu jsiru l-aġġustamenti possibbli biex tiġi żgurata l-armonizzazzjoni sħiħa ta’ dan l-approċċ lejn il-kontroll mill-SM. L-għadd tar-reġistrazzjonijiet żdied b’mod sod mill-552 każ fit-trimestru 3 tal-2007 għal 2,300 każ fit-trimestru 2 tal-2009 (ara l-Anness 7). L-ammont ekwivalenti f’EUR involut f’din ir-reġistrazzjoni, dettaljat fl-Anness 8, kien prattikament stabbli matul dan il-perjodu bl-eċċezzjoni tal-irrekordjar fl-aħħar trimestru tal-2008 minħabba r-riżultat wieħed ta’ strument negozjabbli għal portatur mhux iddikjarat b’valur għoli fil-Ġermanja (EUR 33 miljun fit-tielet trimestru tal-2007, EUR 1,149 miljun fl-aħħar trimestru tal-2008, EUR 72.5 miljun fit-tieni trimestru tal-2009). Informazzjoni dwar ir-reġistrazzjoni u l-ipproċessar Reġistrazzjoni u pproċessar tad-dikjarazzjonijiet tal-flus kontanti L-SM kollha jirrapportaw li jirreġistraw l-informazzjoni dwar id-dikjarazzjonijiet tal-flus kontanti. 14-il SM jirreġistraw f’bażi ta' dejta ċentrali awtomizzata. F’ħafna mill-każi din tkun bażi ta' dejta waħedha fuq livell ċentrali, xi kultant aċċessibbli direttament mill-UIF nazzjonali (għal 2 SM id-bażi ta' dejta ċentrali tinżamm mill-UIF nazzjonali). Fil-biċċa l-kbira tal-każi, l-informazzjoni rreġistrata bħalissa mhijiex aċċessibbli direttament minn awtoritajiet kompetenti oħra bħall-UIF nazzjonali. L-SM li rrappurtaw li m’awtomizzawx ir-reġistrazzjoni tad-dikjarazzjonijiet tal-flus kontanti ħafna drabi jirreferu għall-użu tal-fajls fuq l-excel jew bażi ta' dejta lokali. Reġistrazzjoni u pproċessar tad-dikjarazzjonijiet tal-flus kontanti mhux volontarji u informazzjoni miksuba b’riżultat tal-kontrolli 25 SM nnotifikaw li jirreġistraw u jipproċessaw l-informazzjoni miksuba mit-twettiq tal-kontrolli fuq il-flus kontanti. SM wieħed innotifika li ma jiffajljax din it-tip ta’ informazzjoni għalkemm l-Artikolu 5 tar-Regolament dwar il-Kontroll fuq il-Flus Kontanti espliċitament jitlob lill-SM li jagħmlu dan. 12-il SM jirreġistraw f’bażi ta' dejta ċentrali awtomizzata. L-SM l-oħra jirreġistraw f’bażijiet ta' dejta miżmuma fil-postijiet tal-kontroll doganali lokali. SM wieħed jinnotifika li jiġu rreġistrati biss l-irregolaritajiet ittraċċati u SM ieħor jinnotifika li huma biss ir-riżultati tal-kontrolli iebsin li jiġu rreġistrati. Reġistrazzjoni u pproċessar tal-informazzjoni dwar il-flus kontanti miżmuma Il-proċeduri għad-detenzjoni tal-flus kontanti mhumiex obbligatorji għax l-Artikolu 4 tar-Regolament dwar il-Kontroll fuq il-Flus Kontanti jindika li l-flus kontanti JISTGĦU jinżammu b’deċiżjoni amministrattiva. 23 SM jirrapportaw li jirreġistraw u jipproċessaw l-informazzjoni dwar il-flus kontanti miżmuma. SE u FR jinfurmaw li mhux qed jirreġistraw din it-tip ta’ informazzjoni. L-ebda informazzjoni ma hija disponibbli għalPL u BE. 15-il SM (AT, BG, CY, DE, EE, ES, FI, IE, IT, LV, LT, NL, PT, SL u UK) jirreġistraw il-flus kontanti miżmuma f’bażi ta' dejta ċentrali. 7 SM (DK, EL, LU, HU, RO, SK u SE) jirreferu għal bażi ta' dejta miżmuma fil-postijiet doganali lokali filwaqt li CZ tittrażmetti din l-informazzjoni direttament lill-UIF nazzjonali. L-SM bħalissa ma jipprovdux statistika dwar il-flus kontanti miżmuma lill-KUMM. Fil-futur qrib, il-modulu l-ġdid tas-sistema tal-informazzjoni Doganali OLAF (CIS) se tippermetti lill-SM li jintroduċu l-informazzjoni kollha relatata mad-detenzjoni tal-flus kontanti. Informazzjoni disponibbli għall-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja 21 SM jagħmlu l-informazzjoni kollha dwar id-dikjarazzjonijiet tal-flus kontanti spontanjament disponibbli għall-UIF nazzjonali tagħhom. Huma biss FI, IT u UK li jirrapportaw li jagħmlu din l-informazzjoni disponibbli meta mitluba, filwaqt li CY u HU jipprovdu din l-informazzjoni biss f’każijiet suspettużi lill-UIF nazzjonali. L-informazzjoni tgħaddi għand l-UIF permezz tal-posta elettronika, il-posta, ittra uffiċjali jew aċċess immedjat għall-bażi ta' dejta tad-dikjarazzjonijiet tal-flus kontanti. Il-perjodiċità tal-forniment ta’ din l-informazzjoni tvarja mit-trażmissjoni immedjata permezz ta’ aċċess dirett għall-bażijiet ta' dejta, għal kuljum, kull ġimgħa jew kull xahar jew perjodiċità massima ta’ kull tliet xhur (2 SM). Xi SM jirrapportaw proċeduri iktar mgħaġġla biex jinfurmaw lill-UIFs nazzjonali meta l-informazzjoni tirrelata mal-ittraċċar ta’ moviment ta’ flus kontanti suspettuż. Il-biċċa l-kbira tal-SM (AT, BG, CY, CZ, DE, DK, EE, EL, FI, HU, IE, IT, LU, MT, NL, RO, SK, SL, SE u UK) jirrapportaw li jagħmlu l-informazzjoni dwar dikjarazzjonijiet tal-flus kontanti suspettużi disponibbli lill-UIF nazzjonali (l-ebda informazzjoni dwar BE, FR, PL u PT). Xi SM (LV, DE, LT) jagħmlu l-informazzjoni disponibbli lill-UIF nazzjonali billi organizzaw aċċess dirett għall-UIF nazzjonali għall-bażi ta' dejta bl-informazzjoni kollha dwar id-dikjarazzjonijiet tal-flus kontanti. ES u NL diġà jżommu l-bażi ta' dejta ċentrali bl-informazzjoni dwar il-flus kontanti għand l-UIF nazzjonali. Id-differenzi nazzjonali fl-organizzazzjoni tal-UIF u r-relazzjonijiet mal-awtoritajiet kompetenti l-oħra jagħmluha diffiċli biex jiġu ssuġġeriti proċeduri iktar armonizzati għall-iskambju tal-informazzjoni bejn id-dwana u l-UIF. Smurfing 16-il SM jirrapportaw li japplikaw kontrolli speċifiċi fuq il-movimenti ta’ somom ta’ flus kontanti taħt il-livell massimu ta’ EUR 10,000 fejn hemm indikazzjonijiet ta’ attivitajiet illegali assoċjati mal-moviment tal-flus kontanti, magħruf b’mod komuni bħala " smurfing ". Sar provvediment għal din il-possibbiltà fl-Artikolu 5.2 tar-Regolament dwar il-Kontroll fuq il-Flus Kontanti. Il-biċċa l-kbira tal-SM jagħmlu din l-informazzjoni disponibbli wkoll għall-UIF nazzjonali. Skambju tal-informazzjoni fost l-Istati Membri u mal-Kummissjoni Fin-nuqqas ta’ Kumitat li jista’ jassisti lill-KUMM fit-tħaddim tar-Regolament dwar il-Kontroll fuq il-Flus Kontanti, il-KUMM waqqfet grupp ta’ ħidma permanenti mal-Istati Membri kollha li jiltaqa’ 3 darbiet fis-sena. Dan il-grupp ta’ ħidma huwa ffinanzjat skont il-programm qafas Doganali 2013 li jiffinanzja l-attivitajiet ta’ kooperazzjoni bejn l-SM u l-KUMM. Il-grupp ta’ ħidma jiffoka biex itejjeb l-iskambju tal-informazzjoni, jarmonizza l-proċeduri, jistabbilixxi l-aħjar prassi u joħloq l-ambjent xieraq għall-awtoritajiet tal-SM biex jaqsmu l-ideat dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament dwar il-Kontroll fuq il-Flus Kontanti. Il-manwal tal-Linji gwida dwar il-kontrolli fuq il-flus kontanti, li ġie adottat riċentement minn dan il-grupp ta’ ħidma, ġie żviluppat għal dan il-għan. L-SM u l-KUMM jistgħu jibbenefikaw minn proċedura tal-Kumitat, biex jiżguraw livell ogħla fl-istabbiliment tal-armonizzazzjoni. Barra dan, inħoloq grupp ta’ interess virtwali speċifiku b’għodda tal-estranet sigura, li jippermetti lill-amministrazzjonijiet pubbliċi li jaqsmu l-informazzjoni u li jipparteċipaw f’forums ta’ diskussjoni. Dan fih ukoll informazzjoni dwar il-punti tal-kuntatt ċentrali tal-SM u l-punti ta’ kuntatt 24 siegħa kuljum biex jippermettu l-iskambju veloċi tal-informazzjoni fost l-awtoritajiet kompetenti. L-SM huma responsabbli li jaġġornaw din l-informazzjoni. L-iskambju tal-informazzjoni fost l-Istati Membri L-SM jirrapportaw l-iskambju tal-informazzjoni dwar il-kontrolli fuq il-flus kontanti bl-użu ta’ firxa wiesgħa ta’ mezzi. Dan jinkludi s-Sistema tal-Informazzjoni għal Kontra l-Frodi OLAF (AFIS), stabbilita bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 515/97 tat-13 ta’ Marzu 1997 dwar għajnuna reċiproka bejn l-awtoritajiet amministrattivi tal-Istati Membri u l-koperazzjoni bejn dawn tal-aħħar u l-Kummissjoni biex tkun żgurata l-applikazzjoni korretta tal-liġi dwar materji doganali u agrikoli[8] . L-SM jiskambjaw ukoll l-informazzjoni dwar ir-riskju permezz tas-Sistema tal-Informazzjoni dwar ir-Riskju elettronika (RIF) stabbilita bis-Sistema tal-Immaniġġjar tar-Riskju Doganali tal-Komunità skont ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta’ Ottubru 1992 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Komunità [9]. Il-kuntatti diretti permezz tal-punti tal-kuntatt ċentrali għall-kontroll fuq il-flus kontanti, bejn l-uffiċċji doganali operazzjonali, permezz tad-dipartimenti tal-intelligence, il-punti tal-kuntatt tal-infurzar tal-liġi jew in-netwerk tal-uffiċjali li jaħdmu kontra l-kriminalità fiskali, u l-użu ta’ applikazzjonijiet speċifiċi tal-IT tal-Europol jissemmew ukoll. Fil-kuntest tal-Grupp ta' Ħidma ta' Kooperazzjoni Doganali tal-Kunsill, l-SM jorganizzaw b’mod regolari azzjonijiet immirati konġunti. L-operazzjoni Doganali Konġunta dwar il-kontrolli fuq il-flus kontanti fuq il-kurriera tal-flus kontanti msejħa "Athena" ġiet organizzata matul il-presidenza Franċiża. Skambju tal-informazzjoni mal-Kummissjoni L-SM kollha jipprovdu l-istatistika dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament dwar il-Kontroll fuq il-Flus Kontanti lill-KUMM fuq il-bażi ta’ kull tliet xhur. Din l-istatistika tiġi pproċessata u ssir disponibbli għall-SM kollha. L-SM jipprovdu lill-KUMM l-informazzjoni dwar każijiet fejn hemm indikazzjonijiet li s-somom tal-flus kontanti jinvolvu l-qligħ mill-kriminalità jew minn kull attività illegali oħra li tolqot ħażin l-interessi finanzjarji tal-UE permezz tal-AFIS. Il-modulu CIS li huwa parti mis-sistema AFIS jippermetti lill-SM li jinkludu l-informazzjoni dwar il-flus kontanti miżmuma, maqbuda jew ikkonfiskati. Fil-Bażi tad-dejta tal-Identifikazzjoni tal-Fajls Doganali (FIDE) tas-sistema AFIS, l-informazzjoni relatata mal-investigazzjonijiet mibdija mill-awtoritajiet tal-infurzar doganali għandha tiġi introdotta biex tippermetti l-verifiki dwar jekk persuna (jew negozju) kinitx soġġetta għall-investigazzjoni kriminali f’xi wieħed mill-SM. Ftit każijiet ittellgħu fil-FIDE filwaqt li l-modulu CIS għadu mhux qed jopera. Statistika dwar l-iskambju tal-informazzjoni F’każijiet fejn hemm indikazzjonijiet li s-somom tal-flus kontanti ddikjarati jew ittraċċati huma relatati ma’ xi attività illegali assoċjata mal-moviment tal-flus kontanti, l-SM jistgħu jiskambjaw l-informazzjoni skont l-Artikolu 6 tar-Regolament dwar il-Kontroll fuq il-Flus Kontanti. L-SM innotifikaw ftit każijiet u jindikaw li l-kwantifikazzjoni tagħhom hija diffiċli għax l-informazzjoni hija ġeneralment skambjata fuq il-bażi ta’ kull każ għalih permezz ta’ kuntatti diretti bejn l-uffiċjali tal-infurzar u li dwarhom is-servizzi ċentrali ma jkunux infurmati. Il-KUMM, billi tirrikonoxxi l-importanza tal-iskambju adegwat tal-informazzjoni, waqqfet grupp ta’ proġett mal-SM biex ittejjeb l-iskambju tal-informazzjoni. Skambju tal-informazzjoni ma’ pajjiżi terzi Ir-Regolament dwar il-Kontroll fuq il-Flus Kontanti ma jimponix l-iskambju tal-informazzjoni ma’ pajjiżi terzi. L-SM għamlu dan permezz ta’ ftehim ta’ assistenza reċiproku internazzjonali, ftehim bilaterali, kuntatt dirett mal-punti tal-kuntatt ċentrali fil-pajjiżi terzi, in-netwerk tal-infurzar doganali u permezz tan-netwerk tal-uffiċjali li jaħdmu kontra l-kriminalità fiskali. Jissemma’ wkoll l-iskambju tal-informazzjoni permezz tal-UIF nazzjonali. Il-KUMM ikkomunikat l-informazzjoni ġenerali dwar is-sistemi fis-seħħ fil-qafas tal-FATF. L-aqwa prattiċi u esperjenzi ġew skambjati mal-Istati Uniti f’laqgħa speċjali bejn l-UE u l-US tal-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Kontroll fuq il-Flus Kontanti Doganali 2013 f’April tal-2008. Kunfidenzjalità/kwistjonijiet dwar il-protezzjoni tad-dejta / kwistjonijiet dwar is-sigurtà tad-dejta Fl-SM kollha tapplika din il-leġiżlazzjoni li ġejja: id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-dejta[10], u id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta’ Novembru 2001 (2001/844/KE, KEFA, Euratom). Din id-deċiżjoni tistipula r-regoli għall-klassifikazzjoni tal-informazzjoni bl-għan li tiggarantixxi s-sigurtà tal-informazzjoni[11]. Dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-kunfidenzjalità / Dispożizzjonijiet dwar is-Segretezza Professjonali. Il-biċċa l-kbira tal-SM (AT, BG, CY, CZ, DE, iEL, ES, FI, FR, EE, HU, IE, IT, LV, MT, PL, RO, SE, SL u UK) jirrapportaw dwar miżuri ta’ protezzjoni tad-dejta speċifika meħuda għall-iskambju tad-dejta relatata mal-kontrolli fuq il-flus kontanti. L-ebda informazzjoni ma hija disponibbli fil-każ ta’ BE, LU, u PT. Fir-realtà, ħafna mill-SM japplikaw miżuri ġenerali dwar il-protezzjoni tad-dejta personali. Barra dan, ftit ħafna mill-SM jirrapportaw dwar miżuri meħuda dwar il-klassifikazzjoni tad-dejta biex jiggarantixxu s-sigurtà tal-informazzjoni. Erba’ SM (DK, LT, NL u SK) jindikaw li l-protezzjoni tad-dejta ġenerali, is-sigurtà tad-dejta u l-miżuri tal-kunfidenzjalità japplikaw ukoll għad-dejta dwar il-kontroll fuq il-flus kontanti. Jista’ jiġi konkluż li ħafna mill-SM jiżguraw il-minimu ġenerali tal-kunfidenzjalità jew il-protezzjoni tad-dejta personali fir-rigward tal-informazzjoni dwar il-kontroll fuq il-flus kontanti. Ftit SM adottaw miżuri speċifiċi għall-kontroll fuq il-flus kontanti biex jiżguraw l-protezzjoni tad-dejta personali inkluża jew ikklassifikaw l-informazzjoni dwar il-kontroll fuq il-flus kontanti biex jiżguraw is-sigurtà tal-informazzjoni. Penali L-SM kollha introduċew rekwiżiti li jistabbilixxu penali fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità mal-obbligu li tiddikjara. Il-penali ta’ ħafna mill-SM jistgħu jiġu kkunsidrati proporzjonati, dissważivi u effettivi, minbarra għal ftit SM fejn l-ammont tal-penali amministrattiva jidher baxx wisq biex ikun dissważiv. Il-KUMM staqsiet lil dawn l-SM biex malajr jikkoreġu din is-sitwazzjoni. 18-il SM jistgħu japplikaw iktar penali mill-penali amministrattivi stretti stipulati fl-Artikolu 9 tar-Regolament dwar il-Kontroll fuq il-Flus Kontanti. Dawn is-sanzjonijiet jinkludu l-qbid u ż-żamma tal-flus kontanti fil-każ ta’ suspett ta’ attività illegali, multi (ikbar), priġunerija jew konfiska tal-flus kontanti. L-SM mhumiex meħtieġa jibagħtu l-istatistika dwar il-penali imposti lill-KUMM. Madankollu l-informazzjoni ad hoc li hija disponibbli tikkonferma li ħafna mill-SM fil-fatt imponew il-penali. KONKLUżJONIJIET Il-kontributi riċevuti mill-SM juru li l-implimentazzjoni riċenti tar-Regolament dwar il-Kontroll fuq il-Flus Kontanti hija ġeneralment sodisfaċenti. L-SM organizzaw awtoritajiet kompetenti sabiex jiżguraw li l-passiġġiera jikkonformaw mal-obbligu tagħhom li jiddikjaraw, li d-dikjarazzjonijiet dwar il-flus kontanti jiġu pproċessati u li l-kontrolli jitwettqu fuq il-passiġġiera, il-bagalji u l-mezzi tat-trasport. Qed iħaddmu wkoll sistema ta’ penali u/jew sistema ta’ detenzjoni tal-flus kontanti f’każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti tad-dikjarazzjoni dwar il-flus kontanti. L-SM organizzaw lilhom infushom biex jiżguraw li l-informazzjoni miksuba mis-sistema tad-dikjarazzjoni dwar il-flus kontanti tkun disponibbli għall-UIF nazzjonali. Huma jiskambjaw l-informazzjoni fejn hu rilevanti mal-SM l-oħra, il-KUMM u pajjiżi terzi, filwaqt li jikkonformaw mal-istandards dwar il-kunfidenzjalità u l-protezzjoni tad-dejta. Meta wieħed iqis id-differenzi bejn l-SM fid-dikjarazzjonijiet dwar il-flus kontanti miġbura u l-kontrolli mwettqa, jidher li hemm il-ħtieġa ta’ monitoraġġ mill-qrib tal-SM biex titjieb l-armonizzazzjoni tal-implimentazzjoni tar-Regolament dwar il-Kontroll fuq il-Flus Kontanti mill-SM. Fejn meħtieġ, l-SM jintalbu jieħdu azzjonijiet bħala rimedju. Fil-każ ta' ftit SM ġew ittraċċati nuqqasijiet fir-reġistrazzjoni, l-ipproċessar, id-disponibbiltà tal-informazzjoni dwar il-kontroll u fl-introduzzjoni ta’ penali nazzjonali. Il-KUMM qed tieħu l-azzjoni meħtieġa biex tiżgura li l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-kontrolli fuq il-flus kontanti tiġi implimentata b’mod xieraq fl-SM kollha. RAKKOMANDAZZJONIJIET L-esperjenza miksuba mill-implimentazzjoni prattika tar-Regolament dwar il-Kontroll fuq il-Flus Kontanti, wasslet għall-konklużjoni li MHUX meħtieġa reviżjoni radikali tar-Regolament. Madankollu turi li jistgħu jiġu kkunsidrati xi aġġustamenti fil-kwadru regolatorju dwar il-kontroll fuq il-flus kontanti: reviżjoni tal-Artikolu 3 tar-Regolament dwar il-Kontroll fuq il-Flus Kontanti sabiex jindirizza d-diffikultajiet prattiċi dwar il-kontroll li jiltaqgħu magħhom l-SM fir-rigward tal-passiġġiera fi tranżitu; introduzzjoni ta’ Formola Komuni tal-UE għad-Dikjarar tal-Flus Kontanti, ibbażata fuq il-Formola Komuni ta' Dikjarazzjoni li tintuża bħalissa mill-maġġoranza tal-SM biex tippermetti iktar armonizazzjoni tad-dejta miġbura, tal-kuxjenza tal-vjaġġaturi u possibbilment il-komputerizzazzjoni; iż-żieda ta’ rekwiżiti ta’ rapportar mandatorju (kull tliet xhur) lill-KUMM dwar l-istatistika miġbura mill-SM, biex jiġi żgurat il-monitoraġġ tal-effettività tar-Regolament dwar il-Kontroll fuq il-Flus Kontanti. Dawn ir-rekwiżiti tar-rapportar bħalissa huma bbażati fuq ftehim volontarju; iż-żieda ta’ rekwiżit mandatorju biex titqajjem kuxjenza dwar l-obbligu tad-dikjarazzjoni dwar il-flus kontanti. Fil-preżent l-azzjonijiet kollha tal-komunikazzjoni jittieħdu fuq bażi volontarja; l-introduzzjoni ta’ proċedura tal-Kumitat biex jiġu istituzzjonalizzati d-diskussjonijiet mal-SM dwar it-tħaddim tar-Regolament dwar il-Kontroll fuq il-Flus Kontanti; il-pjan għal Regolament ta’ implimentazzjoni tal-KUMM għall-elementi tekniċi bħall-forma tal-Formola Komuni ta' Dikjarazzjoni jew il-kontenut tar-rekwiżiti ta’ rapportar; Diġà tista’ tinkiseb armonizzazzjoni ikbar bl-iskambju tal-aħjar prattiċi u bit-titjib fl-armonizzazzjoni tal-proċeduri permezz ta’ liġi mhux vinkolanti, bħal linji gwida jew ftehim tekniku bejn l-Istati Membri permezz tal-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Kontroll fuq il-Flus Kontanti. Sabiex tinkiseb l-armonizzazzjoni sħiħa tal-kontrolli fuq il-flus kontanti li jidħlu u joħorġu mill-UE ikun meħtieġ li jiġi emendat ir-Regolament dwar il-Kontroll fuq il-Flus Kontanti. ANNESS 1: Sommarju tal-istatistika dwar id-dikjarazzjonijiet dwar il-flus kontanti u r-reġistrazzjoni tal-flus kontanti- l-Istati Membri kollha -Mit-Trimestru 3 tal-2007 – It-Trimestru 2 tal-2009 [pic] IT, PL u EL ma ppreżentawx dejta dwar il-kontrolli fuq il-flus kontanti għat-Trimestru 3 u 4 tal-2007.BE ma ppreżentax dejta għat-Trimestru 3 tal-2007. ANNESS 2: Numru ta’ Dikjarazzjonijiet dwar il-flus kontanti– l-Istati Membri kollha -Mit-Trimestru 3 tal-2007 sat-Trimestru 2 tal-2009 [pic] IT, PL u EL ma ppreżentawx dejta dwar il-kontrolli fuq il-flus kontanti għat-Trimestru 3 u 4 tal-2007.BE ma ppreżentax dejta għat-Trimestru 3 tal-2007. ANNESS 3: L-evoluzzjoni tan-numru ta’ dikjarazzjonijiet dwar il-flus kontanti– totali –Mit-Trimestru 3 tal-2007 sat-Trimestru 2 tal-2009 [pic] IT, PL u EL ma ppreżentawx dejta dwar il-kontrolli fuq il-flus kontanti għat-Trimestru 3 u 4 tal-2007.BE ma ppreżentax dejta għat-Trimestru 3 tal-2007. ANNESS 4: L-evoluzzjoni tad-dikjarazzjonijiet dwar il-flus kontanti ekwivalenti f’EUR – totali –Mit-Trimestru 3 tal-2007 sat-Trimestru 2 tal-2009 [pic] IT, PL u EL ma ppreżentawx dejta dwar il-kontrolli fuq il-flus kontanti għat-Trimestru 3 u 4 tal-2007.BE ma ppreżentax dejta għat-Trimestru 3 tal-2007. ANNESS 5: In-numru ta’ reġistrazzjonijiet tal-flus kontanti– l-Istati Membri kollha –Mit-Trimestru 3 tal-2007 sat-Trimestru 2 tal-2009 [pic] IT, PL u EL ma ppreżentawx dejta dwar il-kontrolli fuq il-flus kontanti għat-Trimestru 3 u 4 tal-2007.BE ma ppreżentax dejta għat-Trimestru 3 tal-2007. ANNESS 6: Il-proporzjon bejn ir-reġistrazzjonijiet ta’ flus kontanti u n-numru totali ta’ dikjarazzjonijiet dwar il-flus kontanti– l-Istati Membri kollha –Mit-Trimestru 3 tal-2007 sat-Trimestru 2 tal-2009 [pic] IT, PL u EL ma ppreżentawx dejta dwar il-kontrolli fuq il-flus kontanti għat-Trimestru 3 u 4 tal-2007.BE ma ppreżentax dejta għat-Trimestru 3 tal-2007. ANNESS 7: L-evoluzzjoni tal-għadd tar-reġistrazzjonijiet tal-flus kontanti– totali –Mit-Trimestru 3 tal-2007 – It-Trimestru 2 tal-2009 [pic] IT, PL u EL ma ppreżentawx dejta dwar il-kontrolli fuq il-flus kontanti għat-Trimestru 3 u 4 tal-2007.BE ma ppreżentax dejta għat-Trimestru 3 tal-2007. ANNESS 8: L-evoluzzjoni tar-reġistrazzjonijiet ta’ flus kontanti ekwivalenti f’EUR – totali –Mit-Trimestru 3 tal-2007 – It-Trimestru 2 tal-2009 [pic] IT, PL u EL ma ppreżentawx dejta dwar il-kontrolli fuq il-flus kontanti għat-Trimestru 3 u 4 tal-2007.BE ma ppreżentax dejta għat-Trimestru 3 tal-2007 . [1] ĠU L 309, 25.11.2005, p. 9 - 12. [2] It-tweġibiet għall-kwestjonarji kollha waslu lura sal-25 ta’ Frar 2009, bl-eċċezzjoni tal-Belġju li ma weġibx. L-informazzjoni fir-rapport hija għalhekk ibbażata fuq l-informazzjoni ppreżentata minn 26 Stat Membru. Għall-istatistika dwar il-flus kontanti hemm inklużi l-Istati Membri kollha. [3] ĠU L 309, 25.11.2005, p. 15 – 36. [4] ĠU R 345, 8.12.2006, p. 1 – 9. [5] L-informazzjoni pprovduta f’dan ir-rapport dwar il-kontrolli intra-UE fuq il-flus kontanti ma tippreġudikax il-pożizzjoni tal-Kummissjoni dwar il-kumpatibilità ta’ dawn il-miżuri nazzjonali mal-Artikolu 65 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE. [6] ĠU L 253, 11.10.1993 p. 1 – 766. [7] Dan il-ftehim jaħseb biex l-SM jibagħtu statistika dwar il-flus kontanti li ma tinkludix id-dejta rigward id-dikjarazzjonijiet u l-kontrolli fuq il-flus kontanti fl-UE. [8] ĠU L. 82, 22.03.1997, p. 1–16. [9] ĠU L. 302, 19.10.1992, p. 1–50. [10] ĠU L. 281, 23.11.95, p. 31 – 39. [11] ĠU L. 317, 3.12.2001, p. 1.