This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52010DC0421
REPORT FROM THE COMMISSION TO THE EUROPEAN PARLIAMENT AND THE COUNCIL on implementation of the Regulation (EC) No 453/2008 of the European Parliament and of the Council on quarterly statistics on Community job vacancies
RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 453/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istatistika ta’ kull tliet xhur dwar il-postijiet tax-xogħol vakanti fil-Komunità
RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 453/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istatistika ta’ kull tliet xhur dwar il-postijiet tax-xogħol vakanti fil-Komunità
/* KUMM/2010/0421 finali */
RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 453/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istatistika ta’ kull tliet xhur dwar il-postijiet tax-xogħol vakanti fil-Komunità /* KUMM/2010/0421 finali */
[pic] | Il-KUMMISSJONI EWROPEA | Brussel 4.8.2010 KUMM(2010) 421 finali RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 453/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istatistika ta’ kull tliet xhur dwar il-postijiet tax-xogħol vakanti fil-Komunità RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 453/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istatistika ta’ kull tliet xhur dwar il-postijiet tax-xogħol vakanti fil-Komunità 1. Introduzzjoni Il-postijiet tax-xogħol vakanti ġeneralment jitqiesu bħala fattur importanti fl-analiżi tal-qasam tad-domanda tas-suq tax-xogħol. Dejta ta' kull tliet xhur dwar il-postijiet tax-xogħol vakanti hija meħtieġa mill-Kummissjoni u mill-Bank Ċentrali Ewropew għall-monitoraġġ tal-iżviluppi fuq perjodu qasir fiċ-ċiklu tan-negozju u fis-suq tax-xogħol. Dejta dwar il-postijiet tax-xogħol vakanti maqsuma skont l-attività ekonomika hija meħtieġa mill-Kummissjoni fil-qafas tal-Istrateġija Ewropea għall-Impjiegi għall-monitoraġġ u l-analiżi tal-livell u l-istruttura tad-domanda għax-xogħol. Ir-Regolament (KE) Nru 453/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2008 dwar l-istatistika ta’ kull tliet xhur dwar il-postijiet tax-xogħol vakanti fil-Komunità[1] (JVS) stabbilixxa l-qafas għall-produzzjoni, t-trażmissjoni u l-evalwazzjoni tal-istatistika ta' kull tliet xhur dwar il-postijiet tax-xogħol vakanti. L-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 453/2008 jitlob lill-Kummissjoni biex tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tiegħu sal-24 ta' Ġunju 2010 u kull tliet snin wara dan. Ir-rapport huwa mistenni li jivvaluta il-kwalità tal-istatistika pprovduta mill-Istati Membri kif ukoll il-kwalità tal-aggregati Ewropej, u għandu jidentifika oqsma għal titjib potenzjali. Dan huwa l-ewwel rapport li l-Kummissjoni hija meħtieġa tissottometti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. 2. L-istadji tal-implimentazzjoni 2.1 Regolamenti għall-Implimentazzjoni Wara l-approvazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 453/2008, ġew approvati żewġ Regolamenti tal-Kummissjoni implimentattivi ftit wara, li jkopru għadd ta' aspetti dettaljati li, skont ir-Regolament (KE) Nru 453/2008, kellhom jiġu speċifikati aktar mill-proċedura ta' komitoloġija. - Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1062/2008[2] jistabbilixxi: • Il-proċeduri ta' aġġustament staġjonali għall-applikazzjoni tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament (KE) Nru 453/2008. Dan jgħid li t-trażmissjoni ta' dejta aġġustata f'kull staġun għandha tibda l-aktar tard meta sensiliet kronoloġiċi b'mill-inqas 16-il perjodu ta' tliet xhur osservati jkunu disponibbli. Dan jiddefinixxi wkoll f'anness, f'liema livell ta' aggregazzjoni tal-NACE Rev. 2 għandha tiġi trażmessa d-dejta. Id-dati tal-istruttura, il-kontenut u t-trażmissjoni tar-rapporti dwar il-kwalità li l-Istati Membri huma mitluba jipprovdu lill-Kummissjoni taħt l-Artikolu 6(2) tar- Regolament (KE) Nru 453/2008. L-ewwel rapport tal-kwalità għandu jiġi trażmess lill-Kummissjoni fil-31 ta' Awissu 2011 l-aktar tard. - Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 19/2009[3] ikopri l-aspetti li ġejjin: • Id-definizzjonijiet relatati ma' 'post tax-xogħol vakanti' għall-iskopijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament (KE) Nru 453/2008, b'mod speċifiku l-enumerazzjoni ta' 'passi attivi biex jinsab kandidat xieraq' u dak li huwa meqjus bħala 'perjodu ta' żmien speċifiku' biex jimtela l-post vakandi. • Id-dati ta' referenza għall-ġbir taċ-ċifri ta' kull tliet xhur, bi preferenza għall-ġbir tad-dejta fuq bażi kontinwa jew il-kalkolu ta' medja rappreżentattiva fuq il-perjodu ta' tliet xhur. • Iż-żminijiet ta' skadenza għat-trażmissjoni u d-data tal-ewwel perjodu ta' tliet xhur ta' referenza msemmi fl-Artikolu 5(1) tar-Regolament (KE) Nru 453/2008. Id-data ta' skadenza għat-trażmissjoni hija stabbilita għal 70 jum wara t-tmiem tal-perjodu ta' tliet xhur. Numru limitat ta' Stati Membri, li jirrappreżentaw aktar minn 3% tan-numru totali ta' impjegati fl-Unjoni Ewropea, għandhom jibagħtu fil-45 jum in-numru totali ta' postijiet tax-xogħol vakanti u l-postijiet okkupati. L-ewwel perjodu ta' tliet xhur ta' referenza huwa l-ewwel tliet xhur tal-2010. B'mod indirett ta' jisabbilixxi wkoll il-perjodu ta' referenza għat-trażmissjoni tad-dejta b'lura, jiġifieri l-erba' perjodi ta' tliet xhur tal-2009. • Liema Stati Membri huma meħtieġa li jwettqu studji tal-vijabilità għall-ġbir ta' dejta mill-unitajiet tan-negozju li għandhom inqas minn għaxar impjegati[4], kif previst fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament (KE) Nru 453/2008, l-istruttura ta' dawn l-istudji tal-vijabilità u meta għandhom jiġu pprovduti lill-Kummissjoni (Frar 2010). • Liema Stati Membri huma meħtieġa li jwettqu studji tal-vijabilità għall-ġbir ta' dejta relatata mat-Taqsimiet O, P, Q, R u S tal-NACE Rev. 2[5], kif previst fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament (KE) Nru 453/2008, l-istruttura ta' dawn l-istudji tal-vijabilità u meta għandhom jiġu pprovduti lill-Kummissjoni (Frar 2010). 2.2 Il-bini tal-ħiliet Matul l-2008 u l-2009, il-Kummissjoni ħadet bosta passi b'mod konġunt mal-Istati Membri biex tiżgura li sejrin jikkonformaw mal-obbligi tar-rappurtaġġ skont ir-Regolamenti diversi. - Għotjiet : Kien hemm żewġ sejħiet għall-proposti, waħda kull sena, li kienu ristretti għas-Sistema Statistika Ewropea bl-għan li jinħolqu l-ħiliet meħtieġa biex tidħol fis-seħħ il-bażi legali. Il-punt ċentrali kien it-tisħiħ tal-ambitu u t-titjib tal-kwalità tad-dejta dwar il-postijiet tax-xogħol vakanti għall-unitajiet tan-negozju b'inqas minn 10 impjegati u għat-Taqsimiet O, P, Q, R u S tal-NACE Rev. 2. Il-pajjiżi li għamlu proposti u li rċevew sostenn finanzjarju mill-Kummissjoni Ewropea kienu l-Awstrija, id-Danimarka, Malta, l-Italja, il-Latvja, il-Polonja, ir-Rumanija, in-Norveġja u l-Kroazja. - Sessjonijiet ta' Ħidma : L-Eurostat koorganizzat żewġ sessjonijiet ta' ħidma metodoloġiċi, wieħed f'Nuremberg (il-Ġermanja) f'Diċembru 2008 u wieħed f'Neuchâtel (l-Isvizzera) f'Novembru 2009. Xi għoxrin Stat Membru ħadu sehem attiv, flimkien ma' pajjiżi oħra bħan-Norveġja, l-Isvizzera u l-Iżrael, uOrganizzazzjonijiet Internazzjonali (il-Bank Ċentrali Ewropew u l-OECD). L-iskop kien li jiskambjaw il-prattika tajba u l-esperjenzi fil-ġbir tal-istatistika dwar il-postijiet tax-xogħol vakanti u li jiddiskutu kwistjonijiet metodoloġiċi. - Is-xogħol fl-Istati Membri: L-Istati Membri kollha rrappurtaw li b'mod ġenerali kienu kapaċi jirrappurtaw il-ġbir ta' dejta meħtieġ għall-ewwel perjodu ta' tliet xhur ta' referenza tal-2010; madankollu hemm possibbiltà li jkun hemm id-diffikultajiet li ġejjin għall-ewwel perjodu ta' tliet xhur ta' referenza: a) kwistjonijiet ta' kopertura; xi Stati Membri sejrin ikollhom diffikultajiet biex ikopru t-Taqsimiet minn O sa S tal-NACE Rev. 2, speċjalment għat-Taqsima O, u l-unitajiet tan-negozju b'inqas minn 10 impjegati; b) in-nuqqas ta' linji gwida metodoloġiċi dettaljati; c) preċiżjoni baxxa ta' stimi tan-numru ta' postijiet vakanti għall-analiżi skont l-attivitajiet ekonomiċi. Huwa mistenni li dawn id-diffikultajiet jiċċaraw maż-żmien għaliex l-esperjenza tal-Istati Membri fil-ġbir tal-istatistika dwar il-postijiet vakanti tikber u s-sistemi ta' produzzjoni tagħhom isiru aktar irfinati. l-Eurostat sejra tiżviluppa, flimkien mal-Istati Membri, linji gwida metodoloġiċi ċari li għandhom jiġu segwiti. 2.3 Azzjonijiet finanzjarji fl-2010 L-Artikolu 8(1) tar-Regolament (KE) Nru 453/2008 jgħid li ' Għall-ewwel tliet snin ta’ ġbir ta’ dejta l-Istati Membri jistgħu jirċievu kontribuzzjoni finanzjarja mingħand il-Komunità għall-ispejjeż tax-xogħol involuti '. Għal dan il-għan tnediet sejħa għall-proposti (ristretta għas-Sistema Statistika Ewropea) fl-24 ta' Marzu 2010; l-ammont total li għandu jingħata lill-benefiċjarji huwa stabbilit għal EUR 800 000. 3) Il-kwalità tal-istatistika pprovduta mill-Istati Membri L-ewwel perjodu ta' tliet xhur ta' referenza li għalih il-pajjiżi għandhom obbligu legali li jirrappurtaw dejta huwa l-ewwel tliet xhur tal-2010. L-ewwel trażmissjonijiet huma meħtieġa sal-15 ta' Mejju u l-10 ta' Ġunju. Barra minn hekk, rapporti dettaljati dwar il-kwalità mill-Istati Membri għandhom jiddaħħlu sal-31 ta' Awwissu tal-2011. Jirriżulta li, f'dan l-istadju, għadha ma tistax tingħata valutazzjoni fid-dettall tal-kwalità tad-dejta. Ir-rapport li jmiss lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, li għandu jingħata tliet snin oħra, ser ikun fih valutazzjoni dettaljata dwar il-kwalità. Madankollu tista' ssir valutazzjoni proviżorja bid-dejta li l-Istati Membri taw s'issa fuq bażi volontarja lill-Eurostat, flimkien mal-informazzjoni kwalitattiva miġbura waqt it-tħejjija tas-Sessjonijiet ta' Ħidma. Rigward il-kompletezza tad-dejta rċevuta, is-sitwazzjoni għar-raba' perjodu ta' tliet xhur tal-2009 tista' tiġi miġbura fil-qosor kif ġej: - Tmintax-il pajjiż[6] għadda l-varjabbli kollha rikjesti mir-Regolamenti. - Ħames pajjiżi m'għaddewx il-varjanti kollha rikjesti mir-Regolamenti. Fl-istudji dwar il-vijabilità tagħhom, Spanja, Franza u l-Italja analizzaw il-possibbiltà li jiġbru l-varjanti li jonqsu. Il-Portugall ma jittrażmettix dejta dwar it-Taqsima O tal-NACE Rev. 2; u l-Pajjiżi Baxxi jibagħtu dejta biss dwar il-postijiet okkupati għall-ekonomija kollha kemm hi. - Seba' pajjiżi[7] għadhom ma għaddewx jew waqqfu[8] t-trażmissjoni tad-dejta dwar il-postijiet tax-xogħol vakanti. Numru dejjem jiżdied ta' Stati Membri qegħdin iqassmu l-Istatistika tagħhom dwar il-Postijiet tax-Xogħol Vakanti, jew permezz ta' stqarrijiet tal-istampa jew billi jagħmlu ċ-ċifri disponibbli fuq is-siti elettroniċi tagħhom. Dan juri li l-pajjiżi jaħsbu li ċ-ċifri tagħhom huma ta' kwalità suffiċjenti biex ikunu rilaxxati lill-pubbliku ġenerali. 4) Il-kwalità tal-aggregati Ewropej Fir-rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li jmiss biss, tliet snin oħra, ser ikun possibbli li tiġi vvalutata l-kwalità tal-aggregati Ewropej. Madankollu, peress li xi pajjiżi ma jiġbrux u mhux sejrin jiġbru, fis-snin li ġejjin, informazzjoni dwar l-unitajiet tan-negozju b'għaxar impjegati jew inqas jew dwar it-Taqsima O tal-NACE Rev. 2, mhuwiex ser ikun possibbli għalissa li jiġu kkalkolati l-aggregati Ewropej li sejrin ikopru d-daqsijiet kollha tal-unitajiet tan-negozju u l-attivitajiet ekonomiċi kollha. L-Eurostat ser ikompli d-diskussjonijiet mal-Istati Membri bl-għan li jingħelbu d-differenzi fil-kopertura sabiex ikunu jistgħu jiġu kkalkolati l-aggregati Ewropej li jkopru l-ekonomija kollha. 5) Titjib ewlieni u żviluppi reċenti Sar ammont ta' titjib fl-2009 u fil-bidu tal-2010 fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri. Il-pajjiżi kollha kkompletaw, jew sejrin jikkompletaw, it-tranżizzjoni mill-klassifikazzjoni tal-NACE Rev. 1 għall-NACE Rev. 2. Id-Danimarka, l-Awstrija u n-Norveġja żviluppaw stħarriġ nazzjonali ġdid dwar il-postijiet tax-xogħol vakanti mill-bidu nett matul l-2009; dawn sejrin jippermettuhom jissodisfaw ir-rekwiżiti legali tagħhom. Spanja u Franza adattaw il-kwestjonarji tagħhom biex il-kunċett tagħhom tal-postijiet tax-xogħol vakanti jsir konformi mar-Regolament (KE) Nru 453/2008. L-Ungerija estendiet il-kopertura tal-istħarriġ tagħha għall-unitajiet tan-negozju b'inqas minn ħames impjegati. Fl-aħħar nett, ir-Renju Unit huwa l-ewwel Stat Membru li huwa kapaċi jibda jipproduċi ċifri aġġustati f'kull staġun. Sar ukoll allinjament għad-definizzjoni ta' post tax-xogħol vakanti inkluża fir-Regolament. Bħala riżultat, l-istatistika dwar il-postijiet vakanti madwar il-pajjiżi issa ssegwi definizzjoni armonizzata. Fil-bidu tal-2010 il-Eurostat irċieva l-istudji tal-vijabilità meħtieġa mill-Artikolu 7(1) tar-Regolament (KE) Nru 453/2008 mill-Istati Membri kollha kkonċernati, bl-eċċezzjoni tal-Ġermanja, li ddeċidiet tiġbor dejta għall-Amministrazzjoni Pubblika u għalhekk m'għandix bżonn tipprovdi studju tal-vijabilità. Id-dokumentazzjoni bħalissa qiegħda tiġi analizzata fid-dettall, iżda l-konklużjonijiet ewlenija tar-rapporti huma: - l-Awstrija: Hemm xi problemi bil-klassifikazzjoni tat-Taqsimiet O sa S tal-NACE Rev. 2 fir-reġistru tan-negozju, li għandha titjieb f'perjodu ta' żmien medju; iżda mill-ewwel perjodu ta' tliet xhur tal-2010 it-Taqsimiet O sa S tal-NACE Rev. 2 sejrin jiġu ppreżentati. - Id-Danimarka: L-istudji tal-vijabilità ma juru l-ebda restrizzjoni ewlenija fuq il-ġbir tad-dejta dwar il-postijiet tax-xogħol vakanti għall-impriżi b'inqas minn għaxar impjegati u għat-Taqsimiet O sa S tal-NACE Rev. 2. Madankollu id-Danimarka ddeċidiet tipposponi l-ġbir tat-Taqsimiet O sa S tal-NACE Rev. 2. Il-postijiet vakanti għall-impriżi b'inqas minn għaxar impjegati sejrin jinġabru mill-ewwel perjodu ta' tliet xhur tal-2010. - Franza: L-istudju tal-vijabilità jikkonkludi li, mill-2008 sal-2012, ser ikun possibbli li tinġabar id-dejta dwar il-postijiet tax-xogħol vakanti annwali biss għall-unitajiet tan-negozju b'inqas minn għaxar impjegati. Huwa mistenni li fl-2013, jista' jkun possibbli li tiġi kkalkolata l-istatistika tal-postijiet tax-xogħol vakanti għal perjodu ta' tliet xhur għall-unitajiet tan-negozju b'inqas minn għaxar impjegati. Min-naħa tagħha, id-dejta għat-Taqsimiet R u S u l-partijiet tas-settur privat tat-Taqsimiet P u Q tal-NACE Rev. 2 qiegħda tinġabar. Għall-partijiet tat-Taqsimiet O, P u Q tal-NACE Rev. 2 li jikkorrispondu għall-Amministrazzjoni Pubblika l-ebda dejta ta' perjodu ta' tliet xhur m'hi sejra tkun disponibbli (dejta annwali biss mill-2013). - Spanja: L-istudju preliminarju kkonkluda li huwa possibbli, għalkemm b'mod kumpless u għali, li tinġabar dejta ta' perjodu ta' tliet xhur dwar il-postijiet tax-xogħol vakanti għat-Taqsima O tal-NACE Rev. 2 u din sejra tiġi trażmessa għall-perjodu ta' referenza 2010Q1. It-Taqsimiet P, Q, R u S tal-NACE Rev. 2 qegħdin jinġabru. - L-Italja: L-istudju jikkonkludi li l-għażliet kollha analizzati s'issa biex tinġabar dejta għall-unitajiet tan-negozju b'inqas minn 10 impjegati u għat-Taqsimiet O sa S tal-NACE Rev. 2 mhumiex vijabbli. Saret valutazzjoni aktar pożittiva dwar il-possibbiltajiet li tinġabar dejta għat-Taqsimiet O sa S tal-NACE Rev. 2 għas-settur privat. Fi kwalunkwe każ, hija meħtieġa aktar analiżi u konklużjonijiet aktar definittivi sejrin jiġu pprovduti f'Deċembru 2010. - Malta: Is-sejbiet ewlenin tal-istudju huma li d-dejta tat-Taqsimiet O sa S tal-NACE Rev. 2 tista' tinġabar filwaqt li tħassib dwar il-kwalità u l-ispiża jagħmel il-ġabra tad-dejta għall-unitajiet tan-negozju b'inqas minn għaxar impjegati mhux vijabbli. L-Eurostat ser jaħdem flimkien mal-Istati Membri biex ifassal pjanijiet ta' azzjoni sabiex jestendi l-kopertura kemm jista' jkun, filwaqt li jitqiesu l-problemi deskritti fl-istudji dwar il-vijabilità. 6) Konklużjonijiet Mill-pubblikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 453/2008 ġew approvati żewġ Regolamenti implimentattivi b'dettalji aktar tekniċi. L-Istati Membri rċevew sostenn finanzjarju fl-2008 u l-2009 biex iħejju għat-trażmissjoni tad-dejta dwar il-postijiet tax-xogħol vakanti f'kull perjodu ta' tliet xhur għall-ewwel perjodu ta' tliet xhur tal-2010. Is-sostenn finanzjarju ser ikompli matul l-2010-2012, kif iddikjarat fir-Regolament (KE) Nru 453/2008. Fl-2008 u l-2009 saru żewġ Sessjonijiet ta' Ħidma sabiex jinbnew ħiliet tekniċi u biex jinqasmu esperjenzi fil-qasam tal-postijiet tax-xogħol vakanti. Bħala riżultat ta' dawn u sforzi ulterjuri mill-Istati Membri, il-maġġoranza tagħhom kienu lesti kompletament jew kważi kompletament fil-bidu tal-2010 biex jikkonformaw mal-obbligi legali tagħhom. Madankollu huwa meħtieġ li jiġu indirizzati d-differenzi ta' kopertura li baqa' sabiex il-kalkolu tal-aggregati Ewropej ikun possibbli. Għar-rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li jmiss, f'Ġunju 2013, tkun inġabret informazzjoni aktar dettaljata permezz tar-rapporti nazzjonali dwar il-kwalità u mill-eżerċizzji uffiċjali tat-trażmissjoni tad-dejta; dan jippermetti li ssir valutazzjoni aktar kompluta tal-kwalità u r-rilevanza tal-istatistika ta' kull perjodu ta' tliet xhur dwar il-postijiet tax-xogħol vakanti. [1] ĠU L 145, 4.6.2008, p. 234. [2] Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1062/2008 tat-28 ta' Ottubru 2008 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 453/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istatistika ta’ kull tliet xhur dwar il-postijiet tax-xogħol vakanti fil-Komunità, fir-rigward ta’ proċeduri ta’ aġġustament staġjonali u rapporti dwar il-kwalità. (ĠU L 285, 29.10.2008, p. 3). [3] Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 19/2009 tat-13 ta' Jannar 2009 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 453/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istatistika ta’ kull tliet xhur dwar l-impjiegi battala fil-Komunità, b’rigward tad-definizzjoni ta’ impjieg battal, id-dati ta’ referenza għall-ġbir tad-dejta, l-ispeċifikazzjonijiet għat-trażmissjoni tad-dejta u l-istudji ta’ vijabilità (ĠU L 9, 14.1.2009, p. 3) [4] Id-Danimarka, Franza, l-Italja u Malta. [5] Id-Danimarka, il-Ġermanja, Spanja, Franza, l-Italja, Malta u l-Awstrija. [6] Il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, il-Ġermanja, l-Estonja, il-Greċja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, l-Ungerija, Malta, il-Polonja, ir-Rumanija, is-Slovenja, is-Slovakkja, il-Finlandja, l-Isvezja u r-Renju Unit. [7] Il-Belġju, id-Danimarka, l-Awstrija, l-Irlanda, l-Islanda, in-Norveġja u l-Isvizzera. [8] Il-Belġju waqaf jittrażmetti dejta dwar il-postijiet tax-xogħol vakanti fl-2007Q4.