Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010DC0415

    RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Rapport annwali lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-attivitajiet tal-Unità Ċentrali tal-EURODAC fl-2009.

    /* KUMM/2010/0415 finali */

    52010DC0415

    RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Rapport annwali lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-attivitajiet tal-Unità Ċentrali tal-EURODAC fl-2009. /* KUMM/2010/0415 finali */


    [pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

    Brussel 2.8.2010

    KUMM(2010)415 finali

    RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Rapport annwali lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-attivitajiet tal-Unità Ċentrali tal-EURODAC fl-2009.

    RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILLRapport annwali lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-attivitajiet tal-Unità Ċentrali tal-EURODAC fl-2009.

    INTRODUZZJONI

    Ambitu

    Ir-Regolament tal-Kunsill KE/2725/2000 tal-11 ta' Diċembru 2000 dwar l-istabbiliment ta' "Eurodac" għat-tqabbil ta' marki tas-swaba' għall-applikazzjoni effettiva tal-Konvenzjoni ta' Dublin (minn hawn 'il quddiem "ir-Regolament tal-EURODAC"),[1] jistipula li l-Kummissjoni għandha tressaq lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport annwali dwar l-attivitajiet tal-Unità Ċentrali[2]. Is-seba' rapport annwali attwali jinkludi informazzjoni dwar il-ġestjoni u l-prestazzjoni tas-sistema fl-2009. Dan jivvaluta r-riżultat u l-effiċjenza ekonomika tal-EURODAC, kif ukoll il-kwalità tas-servizz tal-Unità Ċentrali tagħha.

    Żviluppi legali u tal-politika

    Fl-10 ta' Settembru 2009, il-Kummissjoni adottat l-Emenda proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta' 'EURODAC' għat-tqabbil ta' marki tas-swaba’ għall-applikazzjoni effettiva tar-Regolament (KE) Nru […/…] [li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex jiġi ddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ddepożitata f'wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta' pajjiż terz jew persuna mingħajr Stat][3].

    L-iskop ta' din il-proposta kien biex titqies ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew u r-riżultati tan-negozjati fil-Kunsill dwar il-proposta għall-emenda tar-Regolament tal-EURODAC li ġiet adottata fit-3 ta' Diċembru 2008[4]. Fl-istess ħin, introduċiet ukoll il-possibbiltà għall-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri u għall-Europol biex ikollhom aċċess għad-database ċentrali tal-EURODAC għall-finijiet tal-prevenzjoni, il-kxif u l-investigazzjoni ta' reati terroristiċi u ta' reati kriminali serji [5].

    L-UNITÀ ĊENTRALI TAL-EURODAC[6]

    L-amministrazzjoni tas-sistema

    Minħabba l-ammont dejjem jikber ta' dejta li għandha tiġi amministrata (ċerti kategoriji ta' tranżazzjonijiet għandhom jintrefgħu għal 10 snin), l-iskadenza naturali tal-pjattaforma teknika (mwaqqfa fl-2001) u x-xejriet mhux prevedibbli tal-volum tat-tranżazzjonijiet tal-EURODAC, qed isir titjib fis-sistema tal-EURODAC.

    Il-kwalità tas-servizz u l-effiċjenza ekonomika

    Il-Kummissjoni ħadet ħsieb sew li twassal servizz ta' kwalità għolja lill-Istati Membri,[7] li huma l-utenti finali tal-Unità Ċentrali tal-EURODAC[8]. Matul l-2009, l-Unità Ċentrali tal-EURODAC kienet disponibbli għal 99.42% tal-ħin.

    In-nefqa għall-manutenzjoni u għall-operat tal-Unità Ċentrali fl-2009 kienet ta' EUR 1.221.183,83. Iż-żieda fin-nefqa meta mqabbla mas-snin preċedenti (820.791,05 fl-2007, 605.720,67 fl-2008) hija spjegata mill-ewwel pagament għat-titjib li għaddej bħalissa tas-sistema tal-EURODAC flimkien ma' spejjeż miżjuda għas-sistema ta' manutenzjoni.

    Fl-istess ħin, ċertu tfaddil kien possibbli permezz tal-użu effiċjenti tar-riżorsi u l-infrastrutturi eżistenti amministrati mill-Kummissjoni, bħall-użu tan-netwerk S-TESTA.

    Il-Kummissjoni tipprovdi wkoll (permezz tal-Programm IDABC[9]) s-servizzi ta' komunikazzjoni u ta' sigurtà għall-iskambju tad-dejta bejn l-Unitajiet Ċentrali u Nazzjonali. Dawn l-ispejjeż, li fil-bidu kienu ser isiru minn kull Stat Membru skont l-Artikolu 21 (2) u (3) tar-Regolament, fl-aħħar nett ġew koperti mill-Kummissjoni bl-użu ta' infrastruttura komuni disponibbli, b'hekk sar tfaddil fil-baġits nazzjonali.

    Il-Protezzjoni tad-dejta u s-sigurtà tad-dejta

    L-Artikolu 18 paragrafu 2 tar-Regolament tal-EURODAC jistabbilixxi kategorija ta’ tranżazzjonijiet li tipprovdi għall-possibbiltà li jsiru l’hekk imsejħa “tfittxijiet speċjali” fuq it-talba tal-persuna li d-dejta tagħha hi merfugħa fid-database ċentrali sabiex tissalvagwardja d-drittijiet tagħha li dwarha hemm id-dejta, biex ikollha aċċess għad-dejta tagħha.

    Kif enfasizzat fir-rapporti annwali preċedenti, matul l-ewwel snin tal-operat tal-EURODAC, volumi kbar ta' "tfittxijiet speċjali" taw bidu għal tħassib dwar l-użu mhux xieraq, li jista jsir minn din il-funzjonalità mill-amministrazzjonijiet nazzjonali.

    Wara tnaqqis kbir fiċ-ċifri rilevanti fl-2008 (minn 195 fl-2007 għal 56), ġie osservat tnaqqis kbir ieħor fl-2009: saru biss 42 tiftixa ta' dan it-tip[10], fejn dan il-volum, fih innifsu ma għadux iqajjem tħassib.

    Madankollu, biex dan il-fenomenu jiġi mmonitorjat aħjar, il-Kummissjoni inkludiet, fil-proposta tagħha għall-emenda tar-Regolament tal-EURODAC, il-ħtieġa li l-Istati Membri jibagħtu kopja tat-talba għal aċċess tal-persuna li dwarha hemm id-dejta lill-awtorità superviżorja nazzjonali kompetenti .

    ĊIFRI U OSSERVAZZJONIJIET

    L-anness mehmuż ma' dan ir-rapport annwali attwali jinkludi tabelli b'dejta fattwali prodotta mill-Unità Ċentrali għall-perjodu 01.01.2009 – 31.12.2009. L-istatistika tal-EURODAC hija bbażata fuq reġistri ta' marki tas-swaba' mill-individwi kollha ta' 14-il sena jew iktar li applikaw għal asil fl-Istati Membri, li nqabdu meta kienu qed jaqsmu b'mod irregolari l-fruntiera esterna ta' Stat Membru, jew li nstabu li kienu illegalment fit-territorju ta' Stat Membru (fejn l-awtoritajiet kompetenti jqisuha neċessarja li jivverifikaw jekk ma sarietx applikazzjoni għall-asil minn qabel).

    Għandu jiġi nnutat li d-dejta tal-EURODAC dwar l-applikazzjonijiet għall-asil ma jistgħux jitqabblu ma' dawk prodotti mill-Eurostat, li huma bbażati fuq dejta statistika ta' kull xahar ipprovduta mill-Ministeri tal-Ġustizzja u l-Intern. Hemm numru ta' raġunijiet metodoloġiċi għal dawn id-differenzi. L-ewwel, id-dejta tal-Eurostat tinkludi l-applikanti kollha għall-asil, jiġifieri ta’ kull età. It-tieni, id-dejta tagħhom hi miġbura b’distinzjoni bejn persuni li japplikaw għall-asil matul ix-xahar ta’ referenza (li jista’ jinkludi applikazzjonijiet repetuti) u persuni li japplikaw għall-asil għall-ewwel darba.

    It-tranżazzjonijiet b'suċċess

    "Tranżazzjoni b'suċċess" hija tranżazzjoni li ġiet ipproċessata sew mill-Unità Ċentrali, mingħajr rifjut minħabba kwistjoni ta' validità tad-dejta, żbalji fil-marki tas-swaba' jew kwalità mhix suffiċjenti[11].

    Fl-2009, l-Unità Ċentrali rċeviet total ta' 353.561 tranżazzjoni b'suċċess, li huwa tnaqqis żgħir ta' 1% meta mqabbel mal-2007 (357.421). Rigward in-numru ta’ tranżazzjonijiet ta’ dejta ta’ dawk li jfittxu l-asil ( "kategorija 1" [12]), ix-xejra li qed tikber għas-sentejn preċedenti kompliet fl-2009: l-istatistiċi tal-EURODAC juru żieda ta’ 8% (għal 236.936) meta mqabbla mal-2008 (219.557).

    Ix-xejra dwar in-numru ta' persuni li nqabdu b'rabta ma' qsim irregolari ta' fruntiera esterna (" kategorija 2 "[13]) inbidlet ħafna fl-2009. Wara żieda ta’ 62,3% bejn l-2007 u l-2008 (għal 61.945), in-numru ta’ tranżazzjonijiet naqas b'50% fl-2009 (għal 31.071). L-Italja, il-Greċja u Spanja jibqgħu l-pajjiżi li jintroduċu l-maġġoranza kbira ta' tali dejta. Madankollu, il-Greċja issa hija l-pajjiż bl-aktar tranżazzjonijiet – bagħtet 60% tal-"kategorija 2" kollha fl-2009 (18.714 mqabbla ma' 20.012 fl-2008). Min-naħa l-oħra, ġie osservat tnaqqis kbir importanti fin-numri tal-Italja u ta' Spanja: 7.300 mqabbla ma' 32.052 għall-Italja u 1.994 mqabbla ma' 7.068 għal Spanja.

    Fl-2009, 6 Stati Membri (ir-Repubblika Ċeka, l-Islanda, il-Latvja, il-Lussemburgu, in-Norveġja u l-Portugall) ma bagħtu l-ebda tranżazzjoni tal-“kategotija 2”. Il-kwistjoni ta’ diverġenza bejn n-numru tad-dejta tal-kategorija 2 mibgħuta lill-EURODAC u sorsi oħrajn ta’ statistiċi dwar il-volum ta’ qsim irregolari ta' fruntieri fl-Istati Membri, enfasizzati mill-istatistiċi tal-EURODAC, x’aktarx hi minħabba d-definizzjoni vaga fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament tal-EURODAC[14]. Din il-kwistjoni se tiġi kjarifikata fil-qafas tar-reviżjoni li għaddejja bħalissa tar-Regolament tal-EURODAC.

    Ix-xejra li qiegħda dejjem tikber tas-snin preċedenti rigward l-għażla li jintbagħtu tranżazzjonijiet[15] tal-" kategorija 3 "[16] (dejta dwar persuni maqbuda waqt li qed jgħixu illegalment fit-territorju ta' Stat Membru) kompliet fl-2009. Wara ż-żieda ta' 17.6% fl-2008 (għal 75.919), in-numru ta’ tranżazzjonijiet żdied bi 12.7% fl-2009 (għal 85.554). L-Irlanda hi l-unika Stat Membru li ma bagħat l-ebda tranżazzjoni tal-"kategorija 3".

    Minkejja li tiftix tal-"kategorija 3" mhuwiex obbligatorju taħt ir-Regolament tal-EURODAC, il-Kummissjoni tinkoraġixxi lill-Istati Membri biex jużaw din il-possibbiltà qabel ma' jibdew il-proċeduri ta' ripatrijazzjoni taħt id-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment. F'dawn il-każi imsemmija fir-Regolament tal-EURODAC[17], tali tiftix jista' jgħin biex jistabbilixxi jekk iċ-ċittadin ta' pajjiż terz applikax għal asil fi Stat Membru ieħor fejn din il-persuna għandha tiġi ripatrijata skont ir-Regolament ta' Dublin.

    “Hits”

    Applikazzjonijiet għall-asil multipli (Hits ta' "kategorija 1 mqabbla ma' kategorija 1"

    Minn total ta' 236.936 applikazzjoni għall-asil reġistrati fil-EURODAC fl-2009, 23,3% kienu 'applikazzjonijiet għall-asil multipli', (jiġifieri t-tieni applikazzjoni jew aktar), li jfisser li f'55.226 każ, il-marki tas-swaba' tal-istess persuna kienu diġà reġistrati bħala tranżazzjoni tal-"kategorija 1" fl-istess jew fi Stat Membru ieħor, li jirrappreżentaw 5,8% mqabbla mas-sena preċedenti. Madanakollu dan ma jfissirx li f'kull każ il-persuna inkwistjoni għamlet applikazzjoni għall-asil ġdida . Fil-fatt, il-prattika ta' wħud mill-Istati Membri li jieħdu l-marki tas-swaba' meta jittieħdu lura skont ir-Regolament ta' Dublin jirriżulta f'distorzjoni fl-istatistika dwar l-applikazzjonijiet multipli: it-teħid u t-trażmissjoni mill-ġdid tal-marki tas-swaba' tal-applikant meta jasal, wara trasferiment skont ir-Regolament ta' Dublin jindika bi żball li l-applikant applika għall-asil mill-ġdid. Il-Kummissjoni bi ħsiebha li ssolvi din il-problema u, fil-proposta tagħha tal-emenda għar-Regolament tal-EURODAC, introduċiet il-ħtieġa li t-trasferimenti m'għandhomx jiġu reġistrati bħala applikazzjonijiet għall-asil ġodda.

    It-tabella 3 tal-Anness turi, għal kull Stat Membru, in-numru ta' applikazzjonijiet għall-asil li jikkorrispondu għall-applikazzjonijiet għall-asil reġistrati preċedentament fi Stat Membru ieħor ("hits barranin") jew fl-istess Stat Membru ("hits lokali")[18].

    Ta' min jinnota li 38,8% tal-applikazzjonijiet multipli kollha kienu "hits lokali". Fil-Belġju, Ċipru, ir-Repubblika Ċeka u l-Polonja, din iċ-ċifra taqbeż ukoll il-50%. Każi speċifiċi fejn persuna li tkun applikat għall-asil fi Stat Membru tagħmel applikazzjoni oħra fl-Istess Stat Membru, fil-fatt il-hits lokali jirriflettu l-prinċipju ta' applikazzjoni sussegwenti taħt l-Artikolu 32 tad-Direttiva tal-Kunsill 2005/85/KE tal-1 ta' Diċembru 2005 dwar standards minimi għal proċeduri fl-Istati Membri għall-għoti u l-irtirar tal-istatus ta' rifuġjat.

    Hits barranin jagħtu indikazzjoni tal-movimenti sekondarji tal-persuni li jfittxu l-asil fl-UE. Minbarra r-rottot 'loġiċi' bejn l-Istati Membri ġirien, numru kbir (2.012) ta' applikanti għall-asil fi Franza u fil-Belġjum (959) preċedentament kienu tefgħu l-applikazzjoni tagħhom fil-Polonja, u l-ogħla ammont ta' hits barranin fil-Greċja (300) u fl-Italja (208) instabu meta mqabbla mad-dejta tal-applikanti għall-asil irreġistrati preċedentament fir-Renju Unit. F'dan l-aħħar każ, il-moviment huwa simetriku peress li parti l-kbira tal-hits fit-tranżazzjonijiet tal-"kategorija 1" introdotti mir-Renju Unit huma fuq dejta mibgħuta mill-Italja (726).

    Hits "kategorija 1 mqabbla ma' kategorija 2"

    Dawn il-hits jagħtu indikazzjoni tar-rotot li użaw persuni li daħlu irregolarment fit-territorju tal-Unjoni Ewropea, qabel ma applikaw għall-asil. Bħal fis-snin preċedenti, il-parti l-kbira tal-hits instabu meta mqabbla ma' dejta mibgħuta mill-Greċja u mill-Italja u fuq livell ħafna inqas, minn Spanja u l-Ungerija. Jekk jitqiesu l-Istati Membri kollha, f'65.2% tal-każi, persuni maqbuda b'rabta ma' qsim irregolari tal-fruntiera u li sussegwentament jiddeċiedu li jitfgħu talba għall-asil, jagħmlu dan fi Stat Membru differenti minn dak fejn huma jkunu daħlu irregolarment. Dan jirriżulta f'20.363 applikazzjoni, li jaqblu ma' żieda mis-sena l-oħra, fejn 35,6% kienu jikkostitwixxu tali "hits barranin", jiġifieri tressqu 10.571 applikazzjoni fi Stat Membru differenti minn dak fejn il-persuna tkun daħlet irregolarment.

    Il-maġġoranza ta' dawk li daħlu fl-UE illegalment mill-Greċja u mbagħad komplew jivvjaġġaw (12.192), marru prinċipalment lejn ir-Renju Unit (1805), in-Norveġja (2223) jew il-Ġermanja (1516). Dawk li daħlu mill-Italja u li komplew jivvjaġġaw (6.398), baqgħu sejrin prinċipalment lejn l-Isvizzera (1422), il-Pajjiżi l-Baxxi (1075), in-Norveġja (1041), l-Isvezja (911). Dawk li daħlu minn Spanja u li eventwalment ivvjaġġaw aktar (544) bosta drabi telqu lejn Franza (254) jew l-Isvizzera (118), filwaqt li dawk li daħlu mill-Ungerija (604) ivvjaġġaw prinċipalment lejn l-Awstrija (150), l-Isvizzera (80) jew il-Ġermanja (65).

    Hits "kategorija 3 mqabbla ma' kategorija 1"

    Dawn il-hits jagħtu indikazzjoni fejn immigranti illegali applikaw għall-asil għall-ewwel darba qabel ma vvjaġġaw lejn Stat Membru ieħor. Madankollu, wieħed għandu jżomm f'moħħu, li s-sottomissjoni tat-tranżazzjonijiet tal-"kategorija 3" m'humiex obbligatorji u li mhux l-Istati Membri kollha jużaw il-possibbiltà ta' dan il-kontroll sistematikament.

    Id-dejta disponibbli tissuġġerixxi li, bħal ma ġara fis-snin preċedenti, persuni li nqabdu residenti illegalment fil-Ġermanja spiss kienu preċedentament talbu għall-asil fl-Isvezja jew fl-Awstrija, u dawk li nqabdu meta kienu residenti illegalment fi Franza, spiss kienu preċedentament talbu għall-asil fir-Renju Unit jew fl-Italja. Wara li tefgħu talba għall-asil fl-Italja, numru kbir ta' persuni jibqgħu illegalment fin-Norveġja, il-Ġermanja, Franza u l-Pajjiżi l-Baxxi. Movimenti simili jidhru li jseħħu mill-Greċja, Spanja u Malta lejn in-Norveġja, il-Ġermanja u l-Pajjiżi l-Baxxi. Tajjeb li wieħed jinnota li fuq medja madwar 25% tal-persuni li nstabu illegalment fit-territorju applikaw preċedentament għall-asil fi Stat Membru.

    Id-dewmien tat-tranżazzjoni

    Ir-Regolament tal-EURODAC bħalissa jipprovdi biss skadenza vaga għat-trażmissjoni ta' marki tas-swaba’, li tista' twassal għal dewmien sinjifikanti fil-prattika. Din hija kwistjoni kruċjali minħabba li dewmien fit-trażmissjoni jista' jwassal għal riżultati li jmorru kontra l-prinċipji ta' responsabbiltà stabbiliti fir-Regolament ta' Dublin. Il-kwistjoni ta' dewmien sinifikanti bejn it-teħid tal-marki tas-swaba' u li dawn jintbagħtu lill-Unità Ċentrali tal-EURODAC kienet imsemmija fir-rapport annwali preċedenti u enfasizzata bħala problema ta' implimentazzjoni fir-Rapport ta' Evalwazzjoni.

    L-2009, billi żammet l-istess xejra li qiegħda dejjem tikber, rat żieda totali ulterjuri fid-dewmien tat-trażmissjoni, jiġifieri l-perjodu li jkun għadda bejn meta jittieħdu l-marki tas-swaba' u li jintbagħtu lill-Unità Ċentrali tal-EURODAC. L-itwal dewmien huwa ta' 36,35 ġurnata għat-trażmissjoni ta' dejta tal-"kategorija 2" mill-Greċja[19]. Stati Memrbi oħra b'dewmien twil ħafna huma r-Rumanija, l-Islanda, ir-Renju Unit, Spanja, is-Slovakkja u d-Danimarka. Il-Kummissjoni trid ittenni li trażmissjoni tard tista' tirriżulta fin-nominazzjoni żbaljata ta' Stat Membru minħabba żewġ xenarji differenti msemmija fir-rapport annwali preċedenti: "hits żbaljati"[20] u "hits mitlufa"[21].

    Id-deterjorazzjoni tal-prestazzjoni fit-trażmissjoni tal-marki tas-swaba’ turi b'mod ċar ir-riżultati tagħha fl-ammont ta’ hits żbaljati.

    Fl-2009, l-Unità Ċentrali sabet 1060 "hits mitlufa", li hi multiplikazzjoni ta’ 2,3 taċ-ċifra tal-2008 (450). L-istatistiċi għall-2007 juru 60 "hits mitlufa" biss. Ta' min jinnota li 99% ta' dawk fl-2009 huma attribwiti għad-dewmien fit-trażmissjoni mill-Greċja. 290 hits kienu "hits żbaljati" (324 fl-2008). 82,8% minn dawn huma minħabba d-dewmien fit-trażmissjoni mid-Danimarka. Abbażi r-riżultati ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni mill-ġdid tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jagħmlu l-isforzi kollha meħtieġa biex jibagħtu minnufih id-dejta skont l-Artikoli 4 u 8 tar-Regolament tal-EURODAC.

    Il-kwalità ta' tranżazzjonijiet

    Ir-rata medja ta' tranżazzjonijiet rifjutati fl-2009 għall-Istati Membri kollha kienet ta' 7.87% li hija kważi l-istess tas-snin preċedenti (2008: 6,4%; 2007: 6,13%). 9 Stati Membri kellhom rati ta’ rifjut ogħla minn 10%: il-Pajjiżi l-Baxxi (19.28%), Malta, l-Estonja, il-Finlandja, il-Lussemburgu, l-Isvezja, ir-Renju Unit, Franza u l-Ġermanja. 11-il Stat Membru kellhom rata ta’ rifjut ogħla mill-medja. Għandu jiġi nnutat li r-rata ta' rifjut ma tiddependix mit-teknoloġija jew mid-djgħufija tas-sistema. Il-kawżi ta' din ir-rata ta' rifjut huma prinċipalment minħabba l-kwalità baxxa tal-immaġini tal-marka tas-swaba' mibgħuta mill-Istati Membri, żbalji tal-bniedem jew il-konfigurazzjoni żbaljata tat-tagħmir tal-Istat Membru li qed jibgħat. Min-naħa l-oħra, għandu jiġi nnutat li f'xi każi dawn iċ-ċifri jinkludi numru ta' provi biex jintbagħtu l-istess marki tas-swaba' wara li dawn kienu rifjutati mis-sistema għal raġunijiet ta' kwalità. Filwaqt li jiġi rikonoxxut li xi dewmien jista’ jiġi kkawżat minħabba li għal perjodu mhux ser ikun possibbli li jittieħdu l-marki tas-swaba’ (il-ponot tas-swaba’ jkunu danneġġati jew kondizzjonijiet tas-saħħa oħrajn li jfixklu t-teħid mill-ewwel tal-marki tas-swaba’), il-Kummissjoni ttenni l-problema ta’ rati ta’ rifjut li ġeneralment hi ogħlja li diġa hi enfasizzata minn rapporti annwali preċedenti li jħeġġu dawk l-Istati Membri biex jipprovdu taħriġ speċifiku tal-operaturi nazzjonali tal-EURODAC, kif ukoll biex jikkonfiguraw b’mod korrett it-tagħmir tagħhom biex inaqqsu din ir-rata ta’ rifjut.

    KONKLUżJONIJIET

    Fl-2009, l-Unità Ċentrali tal-EURODAC kompliet tipprovdi riżultati sodisfaċenti ħafna f'termini ta' veloċità, sigurtà u effiċjenza ekonomika.

    L-ammont ta' "tranżizzjonijiet tal-kategorija 1" introdotti fl-EURODAC żied wkoll. In-numru ta’ 'tranżazzjonijiet tal-kategorija 2' naqas b' 50%, filwaqt li 'tranżazzjonijiet tal-kategorija 3' żdied bi 12.7%.

    Xorta waħda jibqa’ xi tħassib dwar id-dewmien eċċessiv persistenti li żdied reċentamet fit-trażmissjoni tad-dejta lill-Unità Ċentrali tal-EURODAC.

    Tabella 1: L-Unità Ċentrali tal-EURODAC, l-istatus tal-kontenut tad-Database fil-31/12/2009

    [pic]

    Tabella 2: Tranżazzjonijiet b'suċċess lejn l-Unità Ċentrali tal-EURODAC, fl-2009

    [pic]

    Tabella 3: Tqassim tal-hits – Kategorija 1 mqabbla ma' Kategorija 1, fl-2009

    [pic]

    Tabella 4: Tqassim tal-hits – Kategorija 1 mqabbla ma' Kategorija 2, fl-2009

    [pic]

    Tabella 5: Tqassim tal-hits – Kategorija 3 mqabbla ma' Kategorija 1, fl-2009

    [pic]

    Tabella 6: Tranżazzjonijiet rifjutati, perċentwal fl-2009

    [pic]

    Tabella 7: Tul ta' żmien medju bejn id-data meta ttieħdu l-marki tas-swaba' u meta ntbagħtu lill-Unità Ċentrali tal-EURODAC, fl-2009

    [pic]

    Tabella 8: Hit ta' Kategorija 1 mqabbla ma' Kategorija 1 fis-sens ħażin, fl-2009

    [pic]

    Tabella 9: Distrbuzzjoni tal-hits ta' CAT1/CAT2 li ntilfu minħabba dewmien meta kien qed jintbagħat il-CAT 2, fl-2009

    [pic]

    Tabella 10: Distribuzzjoni ta' hits imqabbla ma' każi bblokkati (l-Artikolu 12 tar-Regolament tal-KE 2725/2000), fl-2009

    [pic]

    Tabella 11: In-numru tal-kategorija 9 għal kull Stat Membru, fl-2009

    [pic]

    [1] ĠU L 316, 15.12.2000, p. 1.

    [2] L-Artikolu 24(1) tar-Regolament tal-EURODAC.

    [3] COM(2009) 342 finali.

    [4] Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment tal-'EURODAC' għat-tqabbil ta' marki tas-swaba’ għall-applikazzjoni effettiva tar-Regolament ta' Dublin COM(2008) 825.

    [5] Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar it-talba għal tqabbil mad-dejta tal-EURODAC mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri u mill-Europol għall-finijiet tal-infurzar tal-liġi ġiet adottata fl-istess ħin (COM(2009) 344 finali, 10.9.2009), li, it-tneħħija tal-istruttura ta' pilastri bid-dħul fis-seħħ tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, tkun skadiet.

    [6] Deskrizzjoni ġenerali tal-Unità Ċentrali tal-EURODAC, kif ukoll id-definizzjonijiet tat-tipi differenti ta' tranżazzjonijiet ipproċessati mill-Unità Ċentrali u t-tqabbil li jista' jseħħ, jistgħu jinstabu fl-ewwel rapport annwali dwar l-attivitajiet tal-Unità Ċentrali tal-EURODAC, Ara r-Rapport ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni - L-Ewwel Rapport Annwali lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar l-attivitajiet tal-Unità Ċentrali tal-EURODAC, SEC (2004)557, p.6.

    [7] L-Istati Membri kollha tal-UE, kif ukoll in-Norveġja, l-Islanda u l-Isvizzera japplikaw ir-Regolamenti ta' Dublin u tal-EURODAC, għalhekk it-terminu "Stati Membri" huwa użat f'dan ir-Rapport biex ikopri t-30 Stat li jużaw id-database tal-EUORAC.

    [8] Dawn is-servizzi mhux biss jinkludu dawk pprovuti direttament mill-Unità Ċnetrali (pereżempju t-tqabbil tal-kapaċità, il-ħażna tad-dejta, eċċ), iżda jkopru wkoll servizzi ta' komunikazzjoni u sigurtà għat-trażmissjoni tad-dejta bejn l-Unità Ċentrali u l-Punti ta' Aċċess Nazzjonali.

    [9] IDABC (Interoperable Delivery of European eGovernment Services to Public Administrations, Business and Citizens) – It-Twassil Interoperabbli ta' Servizzi ta' eGovernment (Gvern Elettroniku) Ewropej lill-Amministrazzjonijiet Pubbliċi, lin-Negozji u liċ-Ċittadini. IDABC huwa programm Komunitarju amministrat mid-Direttorat Ġenerali għall-Informatika tal-Kummissjoni Ewropea.

    [10] 31% minn dawn ġew amministratti mill-istess Stat Membru, Franza.

    [11] It-Tabella 2 tal-Anness turi fid-dettall it-tranżazzjonijiet b'suċċess għal kull Stat Membru, mqassma skont il-kategorija, bejn l-1 ta' Jannar 2009 u t-31 ta' Diċembru 2009.

    [12] Il-Marki tas-swaba' (l-immaġini sħiħa tal-għaxar (10) marki) tal-applikanti għall-asil huma merfugħa biex jitqabblu ma' marki tas-swaba' ta' applikanti għall-asil oħrajn li preċedentament kienu tefgħu applikazzjoni għall-asil fi Stati Membru ieħor. L-istess dejta se titqabbel ukoll mad-dejta tal-"kategorija 2" (ara hawn taħt). Id-dejta tal-"kategorija 1" se tinżamm għal 10 snin bl-eċċezzjoni ta' xi każi speċifiċi previsti fir-Regolament (pereżempju individwi li jiksbu ċittadinanza ta' xi Stat Membru ieħor) li f'każi bħal dawn id-dejta tal-persuna kkonċernata se titħassar.

    [13] Dejta dwar barranin maqbuda b'rabta ma' qsim irregolari ta' fruntieri esterni u li ma ntbagħtux lura. Din id-dejta (l-immaġini sħiħa tal-għaxar (10) marki) tintbagħat għall-ħażna biss, sabiex tkun tista' titqabbel ma' dejta ta' applikanti għall-asil sottomessi aktar tard lill-Unità Ċentrali. Din id-dejta se tinżamm għal sentejn b'eċċezzjoni ta' każi li jkunu mħassra immedjatament meta l-individwu jirċievi permess ta' residenza, jitlaq mit-territorju tal-Istat Membru jew iġib iċ-ċittadinanza ta' wieħed minnhom.

    [14] "Kull Stat Membru għandu, bi qbil mal-protezzjonjiet preskritti fil-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u fil-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal, jieħu fil-pront il-marki ta' swaba tas-swaba' kollha ta' kull barrani li jkollu tal-inqas 14-il sena li jinqabad mill-awtoritajiet ta' kontroll kompetenti b'rabta mal-qsim irregolari bl-art, bil-baħar jew bl-ajru tal-fruntiera ta' dak l-Istat Membru wara li jkun ġie minn pajjiż terz u li ma jintbagħatx lura fih ".

    [15] U b'hekk titqabbel id-dejta ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi maqbuda meta qed jgħixu illegalment fit-territorju ma' marki tas-swaba' ta' persuni jfittxu l-asil li ġew irreġistrati qabel.

    [16] Dejta dwar barranin misjuba illegalment li qiegħdin fi Stat Membru. Din id-dejta, li mhix merfugħa, hija mqabbla mad-dejta tal-applikanti għall-asil merfugħa fid-database ċentrali. It-trażmissjoni ta' din il-kategorija ta' dejta hija fakultattiva għall-Istati Membri.

    [17] L-Artikolu 11 "(…) Bħala regola ġenerali hemm bażi sabiex isiru kontrolli ta' jekk il-barrani jkunx tefa' applikazzjoni għal asil fi Stat Membru ieħor fejn: (a) il-barrani jiddikjara li hu/hi kien tefa' applikazzjoni għal asil iżda mingħajr ma jkun indika l-Istat Membru li fih hu/hi kien tefa' l-applikazzjoni; (b) il-barrani ma jitlobx għall-asil iżda joġġezzjona li jiġi ripatrijat lejn il-pajjiż ta' oriġini tiegħu/tagħha billi jiddikjara li hu/hi jkun fil-periklu, jew (c) il-barrani, b'mod ieħor, jipprova jipprevjeni l-espulsjoni tiegħu/tagħha billi jirrifjuta li jikkoopera fl-istabbiliment tal-identità tiegħu/tagħha, b'mod partikolari billi ma jurix dokumenti ta' identità, jew ikunu foloz."

    [18] L-istatistika dwar il-hits lokali li jinsabu fit-tabelli jistgħu ma jikkorrispondux mat-tweġibiet għall-hits trażmessi mill-Unità Ċentrali u rreġistrati mill-Istati Membri. Ir-raġuni għal dan hi li l-Istati Membri mhux dejjem jużaw il-possibbiltà, stipulata fl-Artikolu 4(4), li titlob lill-Unità Ċentrali biex tfittex li tqabbel mad-dejta tagħhom stess li diġà qiegħda fid-database Ċentrali. Madanakollu, ukoll meta l-Istati Membri ma jużawx din il-possibbiltà, l-Unità Ċentrali trid, għal raġunijiet tekniċi, dejjem tagħmel tqabbil mad-dejta kollha (nazzjonali u barranija) merfugħa fl-Unità Ċentrali. F'dawn il-każi konkreti, ukoll jekk ikun hemm qbil ma' dejta nazzjonali, l-Unità Ċentrali se tirrispondi sempliċiment li "ma kienx hemm hit" billi l-Istat Membru ma saqsiex għat-tqabbil tad-dejta mressqa mad-dejta tiegħu stess.

    [19] Medja annwali tad-dewmien tat-trażmissjoni ta' kategorija waħda ta' dejta tal-Istat Membru bl-agħar rekord.

    [20] Fil-każ tal-hekk imsejħa " hit żbaljata ", ċittadin ta' pajjiz terz jitfa' applikazzjoni għall-asil fi Stat Membru (A), fejn l-awtoritajiet jieħdulu/ha l-marki tas-swaba'. Filwaqt li dawk il-marki tas-swaba' għadhom qed jistennew biex jiġu trażmessi lill-Unità Ċentrali (tranżazzjoni tal-kategorija 1), l-istess persuna diġà tkun tista' tippreżenta lilha nnifisha fi Stat Membru (B) u tagħmel talba oħra għall-asil . Jekk il-marki tas-swaba' jintbagħtu l-ewwel mill-Istat Membru B, il-marki tas-swaba' mibgħuta mill-Istat Membru A jiġu rreġistrati fid-database Ċentrali aktar tard mill-marki tas-swaba' mibgħuta mill-Istat Membru B u għandhom b'hekk jirriżultaw bħala hit mid-dejta mibgħuta mill-Istat Membru B meta mqabbla mad-dejta mibgħuta mill-Istat Membru A. B'hekk, l-Istat Membru B jkun ddeterminat li jkun responsabbli minflok l-Istat Membru A fejn applikazzjoni għall-asil kienet iddepożitata għall-ewwel darba.

    [21] Fix-xenarju tal-hekk imsejħa " hit mitlufa ", ċittadin ta' pajjiż terz maqbud b'rabta ma' qsim irregolari tal-fruntiera u l-marki tas-swaba' tiegħu/tagħha jittieħdu mill-awtoritajiet tal-Istat Membru (A) fejn hu/hi j/tkun daħal/daħlet. Fil-waqt li dawk il-marki tas-swaba' għadhom qed jistennew biex ikunu trażmessi lill-Unità Ċentrali (tranżazzjoni tal-kategorija 2), l-istess persuna tista' tippreżenta lilha nnifisha fi Stat Membru ieħor (B) u tressaq applikazzjoni għall-asil . F'dik l-okkażjoni, il-marki tas-swaba' tiegħu/tagħha jittieħdu mill-awtoritajiet tal-Istat Membru (B). Jekk dan l-Istat Membru (B) jibgħat il-marki tas-swaba' (tranżazzjoni tal-kategorija 1) qabel, l-Unità Ċentrali għandu jirreġistra tranżazzjoni tal-kategorija 1 l-ewwel, u l-Istat Membru (B) għandu jieħu ħsieb l-applikazzjoni minflok l-Istat Membru A. Fil-fatt, meta tranżazzjoni tal-kategorija 2 tasal iktar tard, tintilef hit għaliex id-dejta tal-kategorija 2 ma tkunx tista' titfittex.

    Top