This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52010DC0127
Communication from the Commission to the Council and the European Parliament An EU policy framework to assist developing countries in addressing food security challenges SEC(2010)379
Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew - Qafas ta' politika tal-UE biex jgħin lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw jindirizzaw l-isfidi fil-qasam tas-sigurtà tal-ikel SEG(2010)379
Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew - Qafas ta' politika tal-UE biex jgħin lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw jindirizzaw l-isfidi fil-qasam tas-sigurtà tal-ikel SEG(2010)379
/* KUMM/2010/0127 finali */
[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA | Brussel 31.3.2010 KUMM(2010)127 finali . KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW Qafas ta' politika tal-UE biex jgħin lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw jindirizzaw l-isfidi fil-qasam tas-sigurtà tal-ikel SEG(2010)379 RAZZJONAL Fis-snin riċenti, il-ġuħ u l-malnutriment żdiedu; fl-2010, aktar minn biljun ruħ huma meqjusa li m'għandhomx sigurtà tal-ikel. L-insigurtà tal-ikel taffettwa l-iżvilupp uman, l-istabbiltà soċjali u politika, u l-progress sabiex jinkisbu l-Għanijiet tal-Iżvilupp tal-Millenju (l-MDGs). B'mod partikolari, stati fraġli, jaffaċċjaw għadd ta' diffikultajiet sabiex jilħqu l-MDG 1 - biex jeqirdu l-faqar estrem u l-ġuħ. Il-prezzijiet tal-ikel li sparaw 'il fuq fis-swieq globali fl-2007-08 biddlu l-ħsieb dwar is-sigurtà globali tal-ikel. It-Task Force ta' Livell Għoli (HLTF) tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) dwar il-Kriżi għas-Sigurtà Globali tal-Ikel twaqqaf biex itejjeb il-koordinazzjoni fi ħdan in-NU; tnediet is-Sħubija Globali dwar l-Agrikoltura, is-Sigurtà tal-Ikel u n-Nutriment (GPAFSN); u l-mexxejja tal-G8 qablu dwar aġenda komprensiva dwar is-sigurtà tal-ikel fis-Sammit fl-Aquila fl-2009. L-Unjoni Ewropea (UE) irreaġixxiet għall-isfidi li qed jiżdiedu fis-sigurtà tal-ikel permezz ta' 'Faċilità tal-Ikel'[1] ta' EUR 1 biljun addizzjonali, biex tappoġġja dawk il-pajjiżi li qed jiżviluppaw li kienu l-agħar milquta. L-UE u l-Istati Membri tagħha huma, u kienu għal bosta snin, l-aktar atturi importanti u affidabbli fis-sigurtà tal-ikel dinji, kemm finanzjarjament kif ukoll politikament. L-iżviluppi riċenti u l-isfidi fil-futur jeħtieġu politika tas-sigurtà tal-ikel komuni ġdida, aktar tisħiħ tat-tmexxija tal-UE fl-aġenda globali tas-sigurtà tal-ikel, u titjib fl-effettività tal-għajnuna tal-UE, f'konformità mat-Trattat ta' Liżbona[2], l-inizjattiva tal-UE2020[3] u l-Konsensus Ewropew dwar l-Iżvilupp[4]. L-isfidi futuri għas-sigurtà tal-ikel jinkludu żidiet tal-popolazzjoni, pressjonijiet fuq ir-riżorsi naturali u servizzi tal-ekosistema, u impatti negattivi tat-tibdil tal-klima fuq l-agrikoltura, li taffettwa l-kundizzjonijiet tat-tkabbir tal-prodotti u tagħmel neċessarji miżuri ta' adattament. Barra minn hekk, kwistjonijiet ewlenin fl-aġenda kurrenti tas-sigurtà tal-ikel, bħan-nutriment, il-volatilità tal-prezzijiet, il-ħarsien soċjali u miżuri ta' sigurtà, bijofjuwils, is-sikurezza tal-ikel, ir-riċerka u l-innovazzjoni, l-akkwist tal-art fuq skala kbira, u l-kunċett tad-"Dritt tal-Ikel"[5] jeħtieġu integrazzjoni fil-qafas ta' politika ġenerali. L-għan ta' din il-Komunikazzjoni huwa li jipprovdi qafas ta' politika komuni għall-UE u l-Istati Membri tagħha fil-ġlieda kontra l-ġuħ u l-malnutriment dinji, u b'hekk tikkontribwixxi sabiex jinkiseb l-MDG 1. Din hija koerenti ma' karti tematiċi oħra (fuq l-edukazzjoni, is-saħħa, is-sessi u l-governanza tat-taxxi) u l-pakkett tal-Iżvilupp tar-Rebbiegħa 2010, li flimkien jistabbilixxu l-pożizzjoni tal-UE għall-Attività ta' Livell Għoli dwar l-MDGs f'Settembru tal-2010. Din il-Komunikazzjoni hija kumplimentata minn Komunikazzjoni dwar L-Għajuna Umanitarja tal-Ikel[6], li tiffoka fuq kuntesti ta' emerġenza u post-emerġenza. STRATEĠIJA KOMPRENSIVA GĦAS-SIGURTÀ TAL-IKEL Il-qafas propost ta' politika jindirizza l-isfidi tas-sigurtà tal-ikel fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw kemm f'kuntesti rurali kif ukoll urbani madwar l-erba' pilastri[7] rikonoxxuti internazzjonalment permezz ta' : 1) żieda fid-disponibbiltà tal-ikel; 2) titjib fl-aċċess għall-ikel; 3) titjib fin-nutriment tal-ikel ikkonsmat; u 4) titjib fil-prevenzjoni u l-immaniġġjar tal-kriżijiet. Dan huwa bbażat fuq il-prinċipji ta' Ruma dwar is-sigurtà tal-ikel[8]. B'mod partikolari, huwa jirrikonoxxi li l-istrateġiji tas-sigurtà tal-ikel jeħtieġ li jkunu speċifiċi għall-pajjiżi, u jelaboraw fuq bilanċ xieraq bejn l-appoġġ għall-produzzjoni nazzjonali u li l-bżonnijiet tal-ikel jiġu koperti bil-kummerċ. Il-progress dwar is-sigurtà tal-ikel u l-kisba tal-MDG1 ma kienx uniformi ġeografikament u bejn il-gruppi ta' popolazzjoni differenti. Għalkemm hemm sfidi għas-sigurtà tal-ikel madwar id-dinja, l-akbar progress li għad irid isir huwa fl-Afrika u fil-pajjiżi f'sitwazzjonijiet fraġli. Skont ir-Rapport tal-MDG tal-2009[9], il-proporzjon ta' popolazzjoni malnutrita fl-Afrika ta' taħt is-Saħħara, naqas minn 32% (1990-92) għal 29% fl-2008. Iċ-ċifri kumparabbli għall-Asja tan-Nofsinhar, ir-reġjun bit-tieni l-ogħla rati ta' malnutriment, kienu 24% u 21% rispettivament[10]. Barra minn hekk, l-aħħar ċifri għall-pajjiżi fraġli juru rata ta' malnutriment ta' 31.4% meta mqabbla mal-14.5% għall-pajjizi mhux fraġli. Filwaqt li l-malnutriment għadu fil-parti l-kbira fenomenu rurali, l-urbanizzazzjoni timplika li, fl-aħħar mill-aħħar, l-insigurtà tal-ikel x'aktarx li se tiżdied fiż-żoni urbani. L-azzjoni tal-UE jeħtieġ li tagħti prijorità lil dawk il-pajjiżi li m'għandhomx sigurtà tal-ikel u li jinsabu l-aktar lura sabiex jiksbu l-MDG1, b'mod partikolari fl-Afrika u fl-Asja tan-Nofsinhar u f'postijiet oħra (eż. il-Bangladexx, il-Kambodja, Ħaiti, in-Nepal, Timor Leste)[11]. Minħabba n-natura tal-MDGs relatati li għadhom lura milli jintlaħqu, ikun meħtieġ investiment speċjali fin-nisa[12]. Barra minn hekk, l-evidenza[13] turi li l-investiment fis-setturi tal-utent żgħir jagħtu l-aħjar riżultati f'termini ta' tnaqqis tal-faqar u tkabbir. Dan il-qafas ġdid tal-UE għalhekk jikkonċentra fuq li jżid id-dħul tal-bdiewa żgħar u r-reżistenza tal-komunitajiet vulnerabbli, u jappoġġja l-almu tal-pajjiżi li jagħtu prijorità lill-agrikoltura u s-sigurtà tal-ikel fl-isforzi ta' żvilupp tagħhom. Inżidu d-disponibbiltà tal-ikel Il-popolazzjoni dinjija hija stmata li se tilħaq id-9 biljuni sal-2050, u hekk kif qed jinbidlu d-dieti u jiżdied id-dħul, id-domanda għall-ikel x'aktarx li tikber b'70%[14]. Dan jeħtieġ żieda mgħaġġla fil-produzzjoni agrikola, inkluż fil-pajjiżi fejn il-popolazzjonijiet qed jikbru bl-aktar rata mgħaġġla. F'ħafna minn dawk il-pajjiżi, il-limitazzjonijiet fir-riżorsi naturali, li qed isiru agħar bit-tibdil fil-klima, iġibu aktar pressjoni fuq l-użu effiċjenti ta' dawk ir-riżorsi. Il-parti l-kbira tal-foqra u dawk bil-ġuħ jgħixu f'żoni rurali, fejn l-agrikoltura - inkluż il-ħxejjex, l-annimali, is-sajd u l-forestrija - huma l-attivitajiet ekonomiċi ewlenin. Il-biedja fuq skala żgħira hija dominanti: madwar 85% tal-bdiewa fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw jipproduċu fuq anqas minn 2 ettari ta' art. Sistemi żgħar imħallta bejn ħxejjex u annimali jipproduċu madwar nofs l-ikel tad-dinja[15]. Għalhekk, is-sostenibbiltà tal-produzzjoni tal-ikel fuq skala żgħira għandha tkun il-punt fokali tal-għajnuna tal-UE biex tiżdied id-disponibbiltà tal-ikel fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw. Din għandha għadd ta' effetti fosthom li jiżdied id-dħul u s-saħħa tal-produtturi rurali, li l-ikel ikun disponibbli għall-konsumaturi, u li tinżamm jew titjieb il-kwalità ambjentali. Meta tappoġġja l-agrikoltura fuq skala żgħira, l-għajnuna tal-UE għandha tagħti prijorità lill-istrateġija ta' intensifikazzjoni li hija sostenibbli u ekoloġikament effiċjenti, filwaqt li tirrispetta l-funzjonijiet diversi tal-agrikoltura. Dan ifisser fost l-oħrajn l-ottimizzar tal-kontribut agrikolu, immaniġġjar integrat tal-insetti u annimali qerrieda, immanniġġjar aħjar tal-ħamrija u l-ilma u varjetajiet ta' ħxejjex reżistenti għall-istress[16]. Sabiex din l-istrateġija tikseb suċċess, il-produzzjoni trid titqies fil-kuntest tal-katina tal-valur, b'aċċess adegwat għall-iffinanzjar, għall-ipproċessar u s-swieq, fejn l-intrapriżi żgħar u medji u r-rwol ta' mikro-finanzjar jista' jkollhom rwol ewlieni. Bil-kundizzjonijiet it-tajba, is-sħubiji pubbliċi-privati jista' jkollhom rwol importanti sabiex tiżdied il-produttività agrikola. L-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom ukoll jappoġġjaw inizjattivi li jnaqqsu t-telf wara l-ħsad, itejbu l-kapaċità tal-ħażna u jindirizzaw is-sikurezza tal-ikel u preokkupazzjonijiet dwar is-saħħa tal-annimali. L-aċċess sigur għall-art u ż-żamma sigura tal-art u d-drittijiet tal-użu huma prekundizzjonijiet għal produttività ogħla ta' rziezet żgħar. Politiki u liġijiet tal-art nazzjonali effettivi huma essenzjali, u jeħtieġ li l-gvernijiet jagħtu prijorità lill-art. Fejn il-pajjiżi jiżviluppaw politiki dwar l-agrikoltura, l-art, u il-bijofjuwils, l-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom jisħqu li dawn il-politiki jindirizzaw it-tħassib dwar id-disponibbiltà u l-aċċess għall-ikel u li jistimulaw l-integrazzjoni tal-irziezet żgħar fil-katina tal-produzzjoni. Barra minn hekk, prinċipji rikonoxxuti internazzjonali għandhom jiggwidaw lill-investituri, lill-pajjiżi ospitanti u partijiet interessati oħra sabiex l-investiment fl-agrikoltura jirrispetta d-drittijiet tal-bnieden, l-għixien u r-riżorsi. L-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom jappoġġjaw l-iżvilupp ta' prinċipji maqbula internazzjonalment għal investimenti responsabbli fl-art agrikola, bażati fuq Linji gwida tal-Politika dwar l-Art[17] eżistenti. Fl-Afrika, l-implimentazzjoni tal-Linji gwida għall-Politika dwar l-Art[18] tal-2009 se jiġu appoġġjati. Il-gvernijiet fil-pajjiżi sieħba, l-organizzazzjonijiet tal-bdiewa u partijiet interessati oħra se jiġu nkuraġġiti biex jagħmlu għażliet bażati fuq l-informazzjoni sabiex jiżguraw is-sostenibbiltà tal-investimenti esteri sabiex jimmassimizzaw il-benefiċċji soċjali, ekonomiċi u ambjentali għall-pajjiż. Iż-żieda fid-disponibbiltà tal-ikel timplika riċerka u innovazzjoni, bażati fuq id-domanda, fis-settur pubbliku, sabiex tingħata biżżejjed attenzjoni lit-tagħrif tradizzjonali u prodotti agrikoli diversi (inkluż varjetajiet lokali), u biex jiġi żgurat li l-innovazzjonijiet ikunu aċċessibbli għall-bdiewa u adatti għall-bżonnijiet tagħhom. L-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom jappoġġjaw ir-riċerka u l-innovazzjoni li għandhom benefiċċji ċari għall-bdiewa żgħar, inkluż it-tisħiħ tal-addattament għall-bidla fil-klima u titjib fit-tolleranza għall-istress, nuqqas ta' xita u għargħar, filwaqt li tinżamm bijodiversità wiesgħa tal-ħxejjex u l-varjetajiet u l-aċċess għalihom. L-appoġġ għandu jieħu kont tal-bżonnijiet u l-preokkupazzjonijiet imsemmija tal-pajjiżi benefiċjarji, bażati fuq id-disponibbiltà li għandhom għal informazzjoni newtrali dwar ir-riskji u l-benefiċċji ta' teknoloġiji ġodda, kif ukoll oqfsa regolatorji nazzjonali sodi u l-kapaċità li jiġu infurzati. Ir-reġim ta' propjetà intelletwali li jimmassimizza l-aċċess mill-bdiewa foqra għat-teknoloġiji l-ġodda għandu jiġi appoġġjat ukoll. Barra minn hekk, għandha ssir esplorazzjoni tas-sinerġiji bejn l-addattament u l-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, flimkien mal-iżvilupp ta' strutturi ta' inċentivi, billi per eżempju ssir rabta bejn l-agrikoltura u s-swieq tal-karbonju. Il-kummerċ internazzjonali jista' jikkontribwixxi b'mod sostanzjali għad-disponibbiltà tal-ikel billi jżid l-ammont u l-varjetà tal-ikel fis-suq. Id-disponibbiltà tal-ikel tista' titjieb bl-integrazzjoni reġjonali tas-swieq agrikoli u tal-ikel, biex b'hekk jiġu ffaċilitati l-flussi tal-kummerċ minn oqsma ta' ikel żejjed għal dawk ta' ikel nieqes. L-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom jappoġġjaw l-istandardizzazzjoni u l-armonizzazzjonijiet tal-politiki, ir-regoli u r-regolamenti, sabiex ikun hemm politiki agrikoli integrati reġjonalment. Barra minn hekk, l-UE u l-Istati Membri tagħha jirrikonoxxu li minħabba l-preokkupazzjonijiet tas-sigurtà tal-ikel, kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll reġjonali, il-pajjiżi li qed jiżviluppaw jistgħu jagħmlu użu tal-ispazju ta' politika ta' kummerċ eżistenti, inkluż permezz tal-miżuri konfinali. L-għan għandu jkun ta' katina sostenibbli bejn l-agrikoltura u l-ikel . Intejbu l-aċċess għall-ikel L-aċċess għall-ikel għandu jitjieb primarjament billi jitjiebu l-impjiegi u l-opportunitajiet ta' dħul bi qligħ kemm fiż-żoni rurali kif ukoll urbani, inkluż permezz tad-diversifikazzjoni u l-kummerċ, u hekk numru akbar ta' nies ikunu kapaċi jixtru l-ikel. Dan għandu jkun kumplimentat b'mekkaniżmu ta' trasferiment soċjali. L-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom jgħinu lill-pajjiżi sieħba jistabbilixxu u joperaw mekkaniżmi soċjali għall-appoġġ ta' gruppi vulnerabbli tal-popolazzjoni, speċjalment nisa. L-esperjenzi minn mekkaniżmi li kisbu suċċess jistgħu jinqasmu u jiġu appoġġjati sistemi li jaħdmu. Għandha tingħata attenzjoni lill-istrateġiji biex wieħed ikun jista' joħroġ mill-mekkaniżmi ta' sikurezza. Il-mekkaniżmi jridu jkunu effettivi, flessibbli u jistgħu jintlaħqu finanzjarjament, u jippermettu espansjoni mgħaġġla fi żmien ta' kriżi. Normalment għandhom jinvolvu dimensjoni nutrizzjonali importanti, partikolarment billi jgħinu lil dawk li nutrizzjoni adatta jkollha effetti pożittivi fuq il-kisba tal-MDGs 4 (tnaqqis tal-mortalità tat-tfal) u 5 (titjib tas-saħħa materna). Fiż-żoni rurali, jistgħu jinħolqu impjiegi permezz tal-agro-proċessar, l-aktar f'intrapriżi żgħar u medji u faċilitati permezz ta' aċċess imtejjeb għas-servizzi finanzjarji. Barra minn hekk, jistgħu jiġu żviluppati mekkaniżmi ta' sikurezza rurali[19] għal familji vulnerabbli, li jistgħu joħolqu x-xogħol. Miżuri ta' sikurezza produttivi ikollhom benefiċċju doppju li jtejbu l-kunduzzjonijiet tal-produzzjoni rurali u li jtejbu l-aċċess dirett għall-ikel. B'mod ġenerali, l-aċċess għall-ikel jista' jitjieb billi tiġi applikata l-istrateġija tad-"Dritt għall-Ikel", kif indikat fil- Linjigwida Volontarji għall-appoġġ tat-twettiq progressiv tad-Dritt tal-Ikel fil-kuntest tas-sigurtà tal-ikel nazzjonali[20] . L-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom jappoġġjaw l-applikazzjoni tagħha fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw inkluż "id-dritt għall-ikel" bażata fuq oqfsa politiċi u legali. Dan ifisser strateġiji ta' appoġġ li jindirizzaw il-kawżi ewlenin tal-ġuħ, u jagħtu s-setgħa lill-gruppi marġinalizzati fit-tfassil, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-programmi nazzjonali, kif ukoll it-twaqqif u tisħiħ ta' mekkaniżmi ta' rimedju. Intejbu l-adegwatezza tan-nutriment tal-ikel konsmat Huwa stmat li l-malnutriment huwa responsabbli għall-mewt ta' 3.5 miljun mara u tfal fis-sena[21] u terz tal-kawża tal-mard fost it-tfal ta' taħt il-ħames snin. In-nuqqas ta' vitamini u minerali[22] jaffettwa sa żewġ biljun persuna madwar id-dinja. L-agħar effetti tal-malnutriment iseħħu matul it-tqala u matul l-ewwel sentejn tal-ħajja; l-impatt li jkollu fuq l-iżvilupp fiżiku u konjittiv huwa spiss irriversibbli. Trid tingħata prijorità lill-intervenzjonijiet li jindirizzaw it-tqala u nisa li jreddgħu kif ukoll tfal taħt il-ħames snin (enfasi aktar qawwi fuq dawk taħt l-età ta' sentejn)[23]. L-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom jappoġġjaw il-formulazzjoni ta' politiki u strateġiji ta' nutriment, taħriġ dwar in-nutriment, edukazzjoni, u t-twaqqif ta' mekkaniżmi ta' koordinazzjoni bejn l-agrikoltura, is-saħħa, l-edukazzjoni u s-setturi tal-ħarsien soċjali. Programmi agrikoli futuri għandhom jinkludu d-dimensjoni nutrizzjonali. Dan jista' jfisser it-tisħiħ tad-diversifikazzjoni ta' l-agrikoltura fuq skala żgħira, il-promozzjoni tal-produzzjoni ta' ikel li fih ħafna mikronutrijenti, speċjalment varjetajiet u speċi lokali, il-monitoraġġ ta' riżultati relatati man-nutriment, u/jew l-appoġġ tar-riċerka agrikola li ssir mill-perspettiva tan-nutriment. It-tmexxija politika u l-koordinazzjoni fis-setturi differenti fil-livell ta' pajjiż, li jwasslu għal azzjoni fis-setturi differenti, huma kruċjali sabiex in-nutriment jiġi integrat fl-istrateġija u l-programmi tal-pajjiż fil-qasam tas-sigurtà tal-ikel. L-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom jippromwovu r-rabtiet mal-istrateġiji nazzjonali tas-saħħa li jinkludu servizzi bażiċi relatati man-nutriment u l-monitoraġġ tal-istatus tan-nutriment fil-popolazzjoni. 2.4 Intejbu l-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kriżijiet Il-produtturi u l-komunitajiet rurali jeħtieġ li jkunu jifilħu għall-effett tal-kriżijiet relatati mal-ikel. Filwaqt li r-rispons għaż-żmien immedjat spiss jeħtieġ il-mobilizzazzjoni ta' strumenti umanitarji ad hoc , hemm bżonn li jinbnew u li ssir manutenzjoni għal mekkaniżmi u kapaċitajiet oħra sabiex jitnaqqas ir-riskju li jseħħu l-kriżijiet u biex jiġu mmaniġġjati l-effetti tagħhom. Rabta mill-qrib bejn l-atturi u l-istrumenti umanitarji u tal-iżvilupp hija essenzjali u għandha tiġi promossa permezz tal-prinċipji tar-Rabta bejn l-Għajnuna, ir-Riabilitazzjoni u l-Iżvilupp (LRRD) L-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom iżidu l-isforzi tagħhom għall-appoġġ tal-integrazzjoni reġjonali fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, minħabba li l-integrazzjoni reġjonali hija mezz ieħor ta' kif jistgħu jitnaqqsu l-effetti ekonomiċi, politiċi u tas-sigurtà tal-ikel fil-kriżijiet. Is-sistemi ta' twissija bikrija nazzjonali jew reġjonali li kapaċi jbassru diżastri imminenti jeħtieġ li jissaħħu jew jiġu żviluppati fejn ma jeżistux, u jiġu konnessi aħjar ma' organizzazzjonijiet ta' teħid ta' deċiżjonijiet u ta' rispons. Fejn issir konnessjoni tad-dejta tat-temp mal-informazzjoni nutrizzjonali, ħxejjex u mard tal-annimali u mal-prezzijiet tas-suq, is-sistema trid tkun tiġbor dejta mil-livelli kollha, inkluż fil-livell ta' komunità. L-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom jappoġġjaw il-monitoraġġ u s-sistemi ta' informazzjoni marbuta mat-teħid tad-deċiżjonijiet, inkluż permezz tax-xogħol tal-Kummissjoni[24]. Il-politiki biex tiġi indirizzata l-isfida tal-volatilità tal-prezzijiet jistgħu jindirizzaw jew il-volatilità nfisha jew l-impatti tagħha. Biex titnaqqas il-volatilità, il-proporzjon tal-ħażna paragunat mal-użu jrid jittejjeb billi jinħolqu kundizzjonijiet għal żidiet fil-produzzjoni u livelli adegwati ta' stokk li jinżammu l-aktar min-negozjanti privati. Barra minn hekk, ir-restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni ta' prodotti tal-ikel bażiċi għandha tkun skuraġġita. L-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom jikkontribwixxu għal suq tal-ikel imtejjeb li jaħdem fil-livelli globali, reġjonali u nazzjonali. Dan jinkludi rispons permezz ta' trasparenza tas-suq (informazzjoni dwar il-produzzjoni, riżervazzjoni, prezzijiet, eċċ.), promozzjoni tal-ħażna, u riżervi tal-ikel lokali/nazzjonali fejn adatt u fejn possibbli. L-impatt tal-volatilità tal-prezzijiet jista' jitnaqqas billi jintużaw firxa ta' miżuri, inkluż it-twaqqif ta' miżuri ta' sikurezza fuq skali differenti, sistemi ta' informazzjoni tas-sigurtà tal-ikel, l-użu ta' assigurazzjoni (temp, indiċi), u kapaċità mtejba tal-użu tal-istrumenti ta' mmaniġġjar tar-riskju tal-prezzijiet. MASSIMIZZAR TAL-EFFETTIVITÀ TAL-INVESTIMENTI FIS-SIGURTÀ TAL-IKEL Tliet settijiet ta' kundizzjonijiet għall-massimizzar tal-effettività tal-investimenti fis-sigurtà tal-ikel jeħtieġu iffokar mill-UE u l-Istati Membri tagħha. Politiki u strateġiji nazzjonali u reġjonali agrikoli u dwar is-sigurtà tal-ikel Sabiex jinkisbu dawn ir-riżultati b'mod tanġibbli, il-programmi ta' assistenza jeħtieġ li jappoġġjaw politiki u riformi nazzjonali u reġjonali fil-qasam tal-agrikoltura u s-sigurtà tal-ikel, u f'oqsma relatati bħall-art, l-ilma u l-bijofjuwils, filwaqt li jieħdu kont tal-isfidi tat-tibdil fil-klima. Min-naħa l-oħra dawn jeħtieġ li jkunu parti integrali mill-istrateġiji ġenerali tat-tnaqqis tal-faqar. L-għanijiet u l-miri tas-sigurtà tal-ikel għandhom ikunu integrati aħjar fil-politiki settorali tal-pajjiżi sieħba bħall-oqsma tat-trasport, infrastruttura, sajd, saħħa u edukazzjoni. Huwa essenzjali li l-organizzazzjonijiet tal-bdiewa, is-soċjetà ċivili, is-settur privat, gruppi vulnerabbli u partijiet interessati oħra jkunu involuti fl-iżvilupp u r-reviżjoni ta' dawn il-politiki. F'dan ir-rigward, l-għajnuna tal-iżvilupp tal-UE għandha tkun użata biex tappoġġja l-kapaċità tal-iżvilupp tal-politika u mekkaniżmu ta' koordinazzjoni inter-settorali. Fl-Afrika, il-prinċipji t'hawn fuq ġew minquxa fil-Programm Komprensiv għall-Iżvilupp Agrikolu tal-Afrika (CAADP), appoġġjat mill-UE u l-Istati Membri tagħha sa mill-2007[25]. L-appoġġ tal-UE għas-CAADP għandu jkun intensifikat. Fl-Asja, l-inizjattivi ta' kooperazzjoni reġjonali dwar in-nutriment għandhom jiġu rinfurzati. Armonizzar tal-intervenzjonijiet tal-UE L-istrateġija tal-UE għas-sigurtà tal-ikel fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw trid tiġi ankrata fil-prinċipji tad-Dikjarazzjoni ta' Pariġi dwar l-Effettività tal-Għajnuna, l-Aġenda ta' Accra għall-Azzjoni, kif ukoll bħal fil-Kodiċi ta' Kondotta tal-UE dwar id-Diviżjoni tax-Xogħol. L-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom jidentifikaw ir-reġjuni u l-pajjiżi fejn il-ħidmiet jinqasmu bażati fuq il-vantaġġ komparattiv u l-azzjonijiet koordinati taħt il-gwida tad-donatur ewlieni. Kemm l-UE kif ukoll l-Istati Membri tagħha għandhom għadd ta' oqfsa ta' politika u strumenti ta' finanzjar biex jgħinu l-pajjiżi sieħba jlaħħqu mal-insigurtà tal-ikel. Aktar armonizzazzjoni tal-politiki u aktar kumplimentarità tal-istrumenti, kif ukoll koordinament mal-investimenti privati, għandhom iwasslu għal aktar azzjoni effettiva. Il-Koerenza Politika għall-Iżvilupp[26] (PCD) dwar is-sigurtà tal-ikel se tiġi promossa permezz ta' firxa ta' strumenti ta' politika, inkluż l-argikoltura, il-kummerċ, is-sajd, it-tibdil fil-klima, l-ambjent u r-riċerka. Ir-riforma tal-Politika Agrikola Komuni għandha koerenza mtejba, u r-riformi futuri se jkomplu jieħdu kont tal-għanijiet globali tas-sigurtà tal-ikel. Ir-riforma futura tal-Politika tas-Sajd Komuni se żżid aktar il-koerenza bejn il-politiki u l-prattiċi tas-sajd tal-Ewropa u l-għanijiet tal-iżvilupp. Finalment, konklużjoni bilanċjata, komprensiva u ambizzjuża tal-Aġenda ta' Żvilupp ta' Doha ssaħħaħ is-sistema internazzjonali ta' kummerċ, b'effetti benefiċjali fuq is-sigurtà tal-ikel. Intejbu l-koerenza tas-sistema ta' governanza internazzjonali L-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom itejbu l-koerenza tal-governanza internazzjonali tas-sigurtà tal-ikel u jappoġġjaw riforma rapida tal-Kumitat dwar is-Sigurtà tal-Ikel Dinji (CFS) bħala l-korp ċentrali dwar is-sigurtà tal-ikel. Ir-riforma tas-CFS għandu jkollha l-għan li tikseb rwol ġenerali f'oqsma speċifiċi oħra li għandhom implikazzjoni fuq is-sigurtà tal-ikel, inkluż l-għajnuna tal-ikel u n-nutriment. Hemm ukoll il-bżonn li jiġu raġunati aktar il-prijoritajiet tat-tliet aġenziji tan-NU bażati f'Ruma (l-FAO, id-WFP, l-IFAD) u biex titjieb il-kooperazzjoni tagħhom biex jinħolqu s-sinerġiji. Ir-riforma tas-sistema tan-NU u r-reviżjoni li għaddejja dwar ir-rwol u l-prijoritajiet tal-FAO joffru opportunitajiet biex jitjiebu l-kwalità u l-effettività. L-UE għandha tkompli l-kollaborazzjoni mill-qrib tagħha mas-Segretarjat Ġenerali tan-NU dwar kwistjonijiet tas-sigurtà tal-ikel u għandha ssaħħaħ id-djalogu tagħha mal-aġenziji bażati Ruma, tappoġġja aktar koordinazzjoni bejniethom u, fejn meħtieġ, tiffoka mill-ġdid il-mandati u l-attivitajiet tagħhom fuq il-vantaġġi kumparattivi; l-FAO primarjament fuq it-tagħrif u pariri ta' politika, l-IFAD fuq l-investiment sostenibbli fit-tul u d-WFP fuq sitwazzjonijiet ta' emerġenza u fraġilità. PRIJORITAJIET Għaxar snin mill-addozzjoni tal-MDGs, l-UE teħtieġ li żżid il-kooperazzjoni fil-qasam tas-sigurtà tal-ikel. Fi ħdan dan il-qafas ta' politika, il-prijorità tal-UE għandha tkun li tappoġġja s-sigurtà tal-ikel f'pajjiżi fraġli. Din hija ta' prijorità partikolari fl-Afrika, fejn kważi 80% tal-persuni malnutriti jgħixu f'pajjiżi fraġli, u f'partijiet tan-Nofsinhar tal-Asja. Biex tkun effettiva, l-għajnuna trid tiġi adattata għall-kuntest tal-pajjiż u tgħaqqad il-politika u l-iżvilupp strateġiku mal-għoti tas-setgħa lil dawk l-aktar vulnerabbli. Filwaqt li għandhom jiġu indirizzati l-erba' pilastri, l-UE għandha tagħti prijorità lil erba' dimensjonijiet wiesgħa u relatati: l-iżvilupp agrikolu fuq skala żgħira, il-governanza, l-integrazzjoni reġjonali, u mekkaniżmu ta' għajuna għall-popolazzjonijiet vulnerabbli. F'dawn l-oqsma l-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom jaraw li jkun hemm: Titjib tar-reżistenza tal-bdiewa żgħar u l-għixien rurali - Iffokar fuq intensifikazzjoni agrikola effiċċjenti ekoloġikament għall-bdiewa żgħar, u b'mod partikolari għan-nisa, billi jiġi provdut appoġġ għal politiki nazzjonali effettivi u sostenibbli, strateġiji u oqfsa legali, u għal aċċess sostenibbli u ugwali għar-riżorsi, inkluż l-art, l-ilma, (mikro) kreditu u kontributi agrikoli oħra. - Żieda sostanzjali fl-appoġġ għal riċerka agrikola bażata fuq id-domanda bil-għan li l-iżvilupp, l-estensjoni u l-innovazzjoni jiżdiedu b'50% sal-2015. Ir-riċerka fil-qasam pubbliku għandha tibbaża fuq tagħrif tradizzjonali u fuq teknoloġiji ġodda. M'għandhiex tippromwovi teknoloġiji li m'humiex sostenibbli jew li huma inkompatibbli mal-kapaċitajiet nazzjonali biex jiġu regolati u mmaniġġjati r-riskji. - Jappoġġjaw b'mod attiv aktar parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili u organizzazzjonijiet tal-bdiewa fit-tfassil tal-politika u programmi ta' riċerka u jiżdied l-involviment tagħhom fl-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni tal-programmi tal-gvern. F'dan il-kunest ir-rabtiet bejn l-organizzazzjonijiet tal-bdiewa tal-UE u dawk mill-pajjiżi li qed jiżviluppaw għandhom jiġu promossi. - Flimkien mas-sieħba, jitjiebu l-kundizzjonijiet regolatorji u istituzzjonali għal investimenti privati responsabbli fl-istadji kollha tal-katina tal-valur agrikola u stimulazzjoni tal-investimenti pubbliċi-privati. Il-progress ikun sorveljat u diskuss fil-qafas tal-Pjanijiet ta' Azzjoni ta' Governanza. Appoġġ tal-governanza effettiva - Jiżdied sostanzjalment l-appoġġ għas-CAADP billi tiġi applikata d-diviżjoni tax-xogħol fil-pajjiżi kollha bażati fuq l-agrikoltura tal-Afrika ta' taħt is-Saħħara sal-2015. - Titnieda inizjattiva konġunta mal-UA biex tiġi aċċelerata l-implimentazzjoni tal-Linjigwida tal-Politika Afrikana dwar l-Art. Dan għandu jinkludi pjan biex jiġu implimentati l-prinċipji u l-aqwa prattiċi għal investimenti sostenibbli fuq skala kbira fl-art agrikola. - Appoġġ ta' inizjattivi nazzjonali u internazzjonali għad-definizzjoni tal-prinċipji u l-kodiċi ta' kondotta li jiggvernaw investimenti sostenibbli domestiċi u esteri fuq skala kbira fl-art agrikola, b'iffokar fuq il-protezzjoni tad-drittijiet tal-art, aċċess sigur għall-art u riżorsi naturali oħra għal bdiewa zgħar u komunitajiet pastorali u dwar immaniġġjar sostenibbli ta' dawn ir-riżorsi. - Fil-livell dinji, appoġġ għar-riforma tal-Kumitat dwar is-Sigurtà tal-Ikel Dinji (CFS) biex isir l-istituzzjoni ewlenija għall-koordinazzjoni tal-inizjattivi globali tas-sigurtà tal-ikel. - Appoġġ ta' koordinazzjoni bejn l-aġenziji tan-NU bażati Ruma. Appoġġ għall-agrikoltura reġjonali u l-politiki tas-sigurtà tal-ikel - Appoġġ għall-iżvilupp u l-implimentazjoni tal-politiki u l-istrateġiji agrikoli fil-livell reġjonali, inkluż l-immaniġġjar tal-bhejjem u s-sigurtà tal-ikel, biex tiżdied l-integrazzjoni tal-ikel reġjonali u s-swieq agrikoli. Titjib fid-djalogu ta' politika ma' organizzazzjonijiet reġjonali dwar l-agrikoltura, is-sigurtà tal-ikel u n-nutriment. - Rinfurzar tas-sistemi ta' informazzjoni reġjonali u nazzjonali biex jiġu appoġġjati l-politiki ta' agrikoltura, tas-sigurtà tal-ikel u tan-nutriment, u dak għal għanijiet ta' twissija bikrija. Tisħiħ tal-mekkaniżmu ta' għajnuna għal gruppi vulnerabbli tal-popolazzjoni - Appoġġ għall-pajjiżi biex jistabbilixxu u joperaw politiki tat-trasferiment soċjali mmirati u flessibbli adattati għall-kuntest lokali. Fejn possibbli, għajnuna soċjali għandha tipprovdi opportunitajiet għar-reċipjenti biex jgħaddu għal sitwazzjoni ta' qligħ ekonomiku li tiżgura aċċess sostenibbli għall-ikel. - Promozzjoni ta' integrazzjoni aħjar tan-nutriment fil-politiki ta' żvilupp, inkluż l-edukazzjoni, is-saħħa u bini ta' kapaċitajiet relatati. - Provvediment ta' appoġġ speċifiku lill-pajjiżi fi tranżizzjoni u fraġilità bl-użu tal-prinċipji LRRD. [1] COM(2010)81 għar-rapport dwar il-progress. [2] Artikolu 210 [3] COM(2010)2020. [4] 2006/C 46/01. [5] L-Artikolu 11 tal-Patt tan-NU dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali, (1966/1976). [6] COM(2010)126 [7] L-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikultura (il-FAO) 1996. Id-Dikjarazzjoni ta' Ruma dwar is-Sigurtà Dinjija tal-Ikel u s-Sammit Dinji dwar Pjan ta' Azzjoni għall-Ikel. [8] Dikjarazzjoni tas-Sammit Dinji dwar is-Sigurtà tal-Ikel, 2009. [9] NU, Rapport tal-2009 dwar l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millenju. [10] F'numri assoluti, aktar minn nofs tal-persuni malnutriti (642 miljun fl-2009) qed jgħixu fl-Asja u fil-Paċifiku; proporzjonalment, iċ-ċifri huwa meqjusa ogħla fl-afrika fejn il-progress kien anqas jidher fl-aħħar għaxar snin. [11] Statistiċi tan-NU dwar il-progress lejn l-MDGs, żur www.devinfo.info/mdginfo2009/ [12] Ara wkoll SEC(2010) 265 [13] Bank Dinji - Rapport tal-2008 tal-Bank Dinji [14] FAO, 2009. Kif nitimgħu d-dinja fl-2050. [15] Science 12 ta' Frar 2010: p 822-825. [16] L-Evalwazzjoni Internazzjonali tal-Għarfien Agrikolu, ix-Xjenza u t-Teknoloġija għall-Iżvilupp, 2009. [17] Inkluż 'Linjigwida tal-UE għall-appoġġ tat-tfassl tal-politika dwar l-art u l-proċessi ta' riforma tal-politika dwar l-art fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw' tal-2004. [18] AU/ADB/ECA, Qafas u Linjigwida dwar il-Politika dwar l-Art fl-Afrika, appoġġjati mis-Sammit tal-UA ta' Lulju tal-2009. [19] Inkluż uħud 'produttivi' li jużaw ix-xogħol għall-kostruzzjoni jew il-manutenzjoni tal-infrastruttura rurali. [20] adottata fl-2004 mill-Kunsill tal-FAO [21] Lancet 2008; 371: p 243-60. [22] jodju, ħadid, żingu, vitamini A, B u vitamini oħra eċċ. [23] COM(2010)xxx 'Ir-rwol tal-UE fis-Saħħa Globali' [24] Ara x-xogħol konġunt tal-IPC (Klassifikazzjoni tal-Fażi tas-sigurtà tal-ikel integrata), ara http://www.ipcinfo.org/ [25] COM(2007)440. [26] Programm ta' Ħidma tal-PCD 2010-2013, April 2010