Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010AP0486

Ċertifikat tal-Patrimonju Ewropew ***I Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tas- 16 ta’ Diċembru 2010 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi azzjoni tal-Unjoni Ewropea għaċ-Ċertifikat tal-Patrimonju Ewropew (COM(2010)0076 – C7-0071/2010 – 2010/0044(COD))
P7_TC1-COD(2010)0044 Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fis- 16 ta’ Diċembru 2010 bil-ħsieb ta’ l-adozzjoni tad-Deċiżjoni Nru …/2011/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi azzjoni tal-Unjoni Ewropea għaċ-Ċertifikat tal-Patrimonju Ewropew
ANNESS

ĠU C 169E, 15.6.2012, p. 223–233 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

15.6.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 169/223


Il-Ħamis 16 ta’ Diċembru 2010
Ċertifikat tal-Patrimonju Ewropew ***I

P7_TA(2010)0486

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tas-16 ta’ Diċembru 2010 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi azzjoni tal-Unjoni Ewropea għaċ-Ċertifikat tal-Patrimonju Ewropew (COM(2010)0076 – C7-0071/2010 – 2010/0044(COD))

2012/C 169 E/45

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Paralment Ewropew u lill-Kunsill (COM(2010)0076),

wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 167 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C7-0071/2010),

wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-opinjoni motivata ppreżentata mis-Senat Franċiż, fil-qafas tal-protokol (Nru 2) dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta’ sussidjarjetà u proporzjonalità, li tistqarr li l-abbozz tal-att leġislattiv ma jikkonformax mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà,

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tad-9 ta’ Ġunju 2010 (1),

wara li kkunsidra l-Artikolu 55 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (A7-0311/2010),

1.

Jadotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;

2.

Jitlob lill-Kummissjoni terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b'mod sostanzjali jew li tibdilha b'test ġdid;

3.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tiegħu lill-Kunsill, lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.


(1)  ĠU C 267, 1.10.2010, p. 52.


Il-Ħamis 16 ta’ Diċembru 2010
P7_TC1-COD(2010)0044

Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fis-16 ta’ Diċembru 2010 bil-ħsieb ta’ l-adozzjoni tad-Deċiżjoni Nru …/2011/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi azzjoni tal-Unjoni Ewropea għaċ-Ċertifikat tal-Patrimonju Ewropew

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 167 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (1),

Wara trasmissjoni tal-abbozz tal-att legislattiv lill-Parlamenti nazzjonali,

Billi jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jimmira għal unjoni dejjem eqreb fost il-popli tal-Ewropa u l-Artikolu 167 TFUE , b'mod partikolari, jagħti lill-Unjoni Ewropea l-kompitu li tikkontribwixxi biex jiffjorixxu l-kulturi tal-Istati Membri, filwaqt li tirrispetta d-diversità nazzjonali u reġjonali tagħhom u fl-istess waqt tirriżalta l-wirt kulturali komuni. Barra minn hekk, l-Artikolu 167(2) TFUE jispeċifika li, skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità, l-Unjoni għandha tikkontribwixxi għat-titjib tal-għarfien u t-tixrid tal-kultura u l-istorja tal-popli Ewropej.

(2)

Fehim u apprezzament aħjar, speċjalment fost iż-żgħażagħ, tal-wirt komuni madankollu differenti tagħhom, jgħinu fit-tisħiħ tas-sens ta’ appartenenza għall-Unjoni Ewropea u jirrinforzaw id-djalogu interkulturali. Għalhekk, huwa importanti li ssir il-promozzjoni ta’ aċċess akbar għall-wirt kulturali u li tittejjeb id-dimensjoni Ewropea.

(3)

It-TFUE jistabbilixxi wkoll iċ-ċittadinanza tal-Unjoni, li tikkomplementa ċ-ċittadinanza nazzjonali tal-Istati Membri rispettivi, u li hija element importanti fil-ħarsien u t-tisħiħ tal-proċess tal-integrazzjoni Ewropea. Sabiex iċ-ċittadini jagħtu l-appoġġ sħiħ tagħhom għall-integrazzjoni Ewropea, għandu jitqiegħed enfasi akbar fuq il-valuri, l-istorja u l-kultura komuni tagħhom bħala elementi ewlenin tas-sħubija tagħhom f'soċjetà bbażata fuq il-prinċipji tal-libertà, id-demokrazija, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, id-diversità kulturali u lingwistika , it-tolleranza u s-solidarjetà.

(4)

Skema intergovernattiva taċ-Ċertifikat tal-Patrimonju Ewropew ġiet imnedija fi Granada f'April 2006 minn diversi Stati Membri u mill-Isvizzera.

(5)

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta konklużjonijiet fl-20 ta’ Novembru 2008 (3) li permezz tagħhom jimmira li jittrasforma ċ-Ċertifikat tal-Patrimonju Ewropew intergovernattiv f'azzjoni tal-Unjoni Ewropea billi stieden lill-Kummissjoni biex tissottomettilu proposta xierqa għall-ħolqien ta’ Ċertifikat tal-Patrimonju Ewropew mill-Unjoni Ewropea u biex tispeċifika l-proċeduri prattiċi għall-implimentazzjoni tal-proġett.

(6)

Il-konsultazzjoni pubblika u l-istima tal-impatt imwettqa mill-Kummissjoni kkonfermaw li ċ-Ċertifikat tal-Patrimonju Ewropew intergovernattiv kien inizjattiva utli, iżda li l-azzjoni kellha bżonn tkompli tiġi żviluppata sabiex tilħaq il-potenzjal sħiħ tagħha u kkonfermaw li l-involviment tal-Unjoni Ewropea jista' jipprovdi valur miżjud ċar liċ-Ċertifikat tal-Patrimonju Ewropew u jgħin lill-inizjattiva biex tagħmel pass kwalitattiv 'il quddiem.

(7)

Iċ-Ċertifikat tal-Patrimonju Ewropew għandu jibbenefika mill-esperjenza miksuba sa issa mill-inizjattiva intergovernattiva.

(8)

Iċ-Ċertifikat tal-Patrimonju Ewropew għandu jfittex li jissupplimenta bla ma jidduplika inizjattivi ▐ bħal-Lista tal-Patrimonju Dinji tal-UNESCO , il-Lista Rappreżentattiva tal-Patrimonju Kulturali Intanġibbli tal-Umanità tal-UNESCO u r-“Rotot Kulturali Ewropej” tal-Kunsill tal-Ewropa. Il-valur miżjud taċ-Ċertifikat tal-Patrimonju Ewropew għandu jkun ibbażat fuq il-kontribut tas-siti magħżula għall-istorja u l-kultura tal-Ewropa, fosthom il-ħolqien tal-Unjoni, fuq dimensjoni edukattiva ċara li tilħaq liċ-ċittadini, b'mod speċjali ż-żgħażagħ, u fuq netwerking bejn is-siti għall-qsim tal-esperjenzi u l-aqwa prattiki. Il-fokus ewlieni tal-inizjattiva għandu jkun fuq il-promozzjoni u l-aċċess tas-siti, biex jingħata kontribut għal wirt storiku u kulturali komuni fl-Unjoni, u fuq il-kwalità tal-ispjegazzjonijiet mogħtija u tal-attivitajiet proposti, minflok fuq il-konservazzjoni tas-siti, li għandha tiġi ggarantita mir-reġimi tal-protezzjoni eżistenti.

(9)

Minbarra li ssaħħaħ is-sens ta’ appartenenza taċ-ċittadini tal-UE għall-Unjoni u tistimula d-djalogu interkulturali, azzjoni tal-Unjoni għat-Ċertifikat tal-Patrimonju Ewropew tista' wkoll tikkontribwixxi biex ittejjeb il-valur u l-profil tal-wirt kulturali, biex iżżid l-irwol tal-patrimonju fl-iżvilupp ekonomiku u sostenibbli tar-reġjuni, b'mod partikolari permezz tat-turiżmu kulturali, biex trawwem sinerġiji bejn il-wirt kulturali u l-ħolqien u l-kreattività kontemporanji, biex tiffaċilita l-qsim tal-esperjenzi u l-aqwa prattiċi madwar l-Ewropa, u b'mod aktar ġenerali, biex tippromwovi l-valuri demokratiċi u d-drittijiet tal-bniedem li jsejsu l-integrazzjoni Ewropea.

(10)

Dawn l-għanijiet huma għal kollox konformi mal-għanijiet tal-aġenda Ewropea għall-kultura, li jinkludu t-trawwim tad-diversità kulturali u d-djalogu interkulturali u l-promozzjoni tal-kultura bħala katalista għall-kreattività (4).

(11)

Huwa kruċjali li ċ-Ċertifikat tal-Patrimonju Ewropew għandu jingħata fuq il-bażi ta’ kriterji u proċeduri komuni, ċari u trasparenti.

(12)

L-Istati Membri għandu jkollu l-possibbiltà li jagħżel minn qabel siti li diġà kien ingħatalhom iċ-Ċertifikat tal-Patrimonju Ewropew fl-iskema intergovernattiva taċ-Ċertifikat tal-Patrimonju Ewropew. Dawn is-siti għandhom jiġu vvalutati fuq il-bażi tal-kriterji u l-proċeduri l-ġodda.

(13)

L-evalwazzjonijiet futuri taċ-Ċertifikat tal-Patrimonju Ewropew jistgħu jeżaminaw il-possibilta' li l-inizjattiva tiġi estiża biex tinkludi pajjiżi terzi li jipparteċipaw fil-Programm tal-Kultura.

(14)

L-arranġamenti amministrattivi għaċ-Ċertifikat tal-Patrimonju Ewropew għandhom ikunu ħfief u flessibbli b'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà.

(15)

Minħabba li l-għanijiet ta’ din id-Deċiżjoni ma jistgħux jinkisbu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri u jistgħu għalhekk, minħabba l-ħtieġa, b'mod partikolari, għal kriterji u proċeduri komuni, ċari u trasparenti ġodda għaċ-Ċertifikat tal-Patrimonju Ewropew, kif ukoll għal koordinazzjoni aktar b'saħħitha bejn l-Istati Membri, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri b'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Deċiżjoni ma tmurx 'l hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu dawk l-għanijiet,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Suġġett

Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi azzjoni tal-Unjoni Ewropea intitolata “Iċ-Ċertifikat tal-Patrimonju Ewropew”.

Artikolu 2

Definizzjoni

Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, “siti” għandha tfisser monumenti, siti naturali , taħt il-baħar, arkeoloġiċi, industrijali jew urbani, pajsaġġi kulturali, postijiet ta’ tifkira, prodotti u oġġetti kulturali, u wirt intanġibbli assoċjat ma’ post, inkluż wirt kontemporanju.

Artikolu 3

Għanijiet

1.   L-għanijiet ġenerali tal-azzjoni għandhom ikunu li din tikkontribwixxi biex:

jissaħħaħ is-sens ta’ appartenenza taċ-ċittadini tal-UE għall-Unjoni, b'mod partikolari dak taż-żgħażagħ, fuq il-bażi tal-valuri u tal-elementi komuni tal-istorja u l-wirt kulturali tal-Ewropa ;

jissaħħaħ id-djalogu interkulturali u interterritorjali, kif ukoll l-apprezzament tad-diversità .

2.    Għal dak il-għan, l-azzjoni għandha tfittex, bħala l-għanijiet intermedji tagħha, li:

tisħaq fuq il-valur simboliku u tgħolli l-profil tas-siti li kellhom rwol sinifikanti fl-istorja u l-kultura tal-Ewropa u/jew fil-bini tal-Unjoni ▐;

iżżid il-fehim taċ-ċittadini tal-UE dwar l-istorja tal-Ewropa u l-bini tal-Unjoni , u tal-wirt kulturali tanġibbli u intanġibbli komuni għalkemm divers tagħhom, speċjalment fir-rigward tal-valuri demokratiċi u d-drittijiet tal-bniedem li jirfdu l-proċess tal-integrazzjoni Ewropea.

3.    Is-siti stess għandhom ifittxu, bħala għanijiet speċifiċi , li :

jiżviluppaw is-sens Ewropew tas-siti;

ikabbru l-għarfien fost iż-żgħażagħ b'mod partikolari u fost iċ-ċittadini tal-UE b'mod ġenerali dwar il-wirt kulturali komuni tagħhom u jsaħħulhom is-sens ta’ identità Ewropea ;

jiffaċilitaw l-kondiviżjoni tal-esperjenzi u l-iskambji tal-aqwa prattiċi madwar l-Ewropa;

iżidu u/jew itejbu l-aċċess għas-siti ta’ patrimonju għal kulħadd , speċjalment għaż-żgħażagħ;

iżidu d-djalogu interkulturali, speċjalment fost iż-żgħażagħ, permezz ta’ edukazzjoni artistika, kulturali , storika u interattiva onlajn ;

irawmu sinerġiji bejn il-wirt kulturali u l-ħolqien kontemporanju u jappoġġaw il-kreattività ;

filwaqt li tiġi rrispettata l-integrità tal-wirt kulturali, irawmu l-interazzjoni bejn dak il-wirt u l-attivitajiet ekonomiċi li jikbru madwaru tiegħu u li jikontrwixxu għas-sostenibilità tiegħu u tal-ambjent ta’ madwaru;

jikkontribwixxu għall-attrazzjoni , l-influwenza kulturali, l-iżvilupp turistiku u l-iżvilupp sostenibbli tar-reġjuni ;

iħeġġu l-ħolqien ta’ netwerks Ewropej għat-titjib tal-wirt Ewropew komuni.

Artikolu 4

Parteċipazzjoni fl-azzjoni

L-azzjoni għandha tkun miftuħa għall-parteċipazzjoni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea. Din il-parteċipazzjoni għandha tkun fuq bażi volontarja.

Artikolu 5

Il-komplimentarjetà ma’ inizjattivi oħrajn

Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jiżguraw li ċ-Ċertifikat tal-Patrimonju Ewropew jissupplimenta bla ma jidduplika inizjattivi oħrajn fil-qasam tal-wirt kulturali, bħal-Lista tal-Patrimonju Dinji tal-UNESCO , il-Lista Rappreżentattiva tal-Wirt Kulturali Intanġibbli tal-Umanità tal-UNESCO u r-“Rotot Kulturali Ewropej” tal-Kunsill tal-Ewropa.

Artikolu 6

Aċċess għall-azzjoni

Is-siti, kif definiti fl-Artikolu 2, għandhom ikunu eliġibbli għall-attribuzzjoni taċ-Ċertifikat tal-Patrimonju Ewropew.

Artikolu 7

Kriterji

L-attribuzzjoni taċ-Ċertifikat tal-Patrimonju Ewropew għandha tkun ibbażata fuq il-kriterji li ġejjin:

(1)

Il-kandidati għaċ-Ċertifikat tal-Patrimonju Ewropew għandu jkollhom valur Ewropew simboliku u jkun kellhom rwol sinifikanti fl-istorja u fil-kultura tal-Ewropa u/jew fit-tiswir tal-Unjoni ▐. Għalhekk ▐ għandhom jiġġustifikaw:

in-natura transkonfinali jew pan-Ewropea tagħhom: l-influwenza tal-passat u tal-preżent u l-attrazzjoni ta’ sit kandidat għandhom imorru 'l hinn mill-fruntiera nazzjonali ta’ Stat Membru; u/jew

il-post u l-irwol ta’ sit fl-istorja Ewropea u l-integrazzjoni Ewropea, u r-rabtiet tiegħu ma’ avvenimenti jew ma’ personalitajiet Ewropej ewlenin, kif ukoll mal-movimenti kulturali, artistiċi, reliġjużi, politiċi, soċjali, xjentifiċi, teknoloġiċi , ambjentali jew industrijali; u/jew

il-post u l-irwol ta’ sit fl-iżvilupp u l-promozzjoni tal-valuri komuni li jsejsu l-integrazzjoni Ewropea, bħal-libertà, id-demokrazija, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, id-diversità kulturali, it-tolleranza u s-solidarjetà.

(2)

Il-kandidati għaċ-Ċertifikat tal-Patrimonju Ewropew għandhom jissottomettu proġett li l-implimentazzjoni tiegħu trid tibda mhux aktar tard minn tmiem is-sena tan-nomina, u li jkun jinkludi l-elementi kollha li ġejjin:

iqajmu għarfien dwar is-sens Ewropew tas-sit, b'mod partikolari permezz ta’ attivitajiet xierqa ta’ informazzjoni, sinjalar u taħriġ tal-persunal;

jorganizzaw attivitajiet edukattivi, speċjalment għaż-żgħażagħ, li jżidu l-għarfien tal-istorja komuni tal-Ewropa u l-patrimonju komuni madankollu differenti tagħha u li jsaħħu s-sens ta’ appartenenza għal spazju komuni;

jippromwovu l-multilingwiżmu u d-diversità reġjonali billi jużaw diversi lingwi tal-Unjoni bħala muftieħ għad-djalogu interkulturali ;

jikkoperaw ma’ siti li jkun diġà ngħatalhom iċ-Ċertifikat tal-Patrimonju Ewropew ▐;

jgħollu l-profil u l-attrazzjoni tas-sit fuq skala Ewropea, inter alia permezz ta’ teknoloġija ġdida tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni ;

jiżguraw li s-sit isir aċċessibbli għaċ-ċittadini tal-UE filwaqt li jirrispetta bis-sħiħ l-integrità tiegħu.

L-organizzazzjoni ta’ attivitajiet artistiċi u kulturali (pereżempju avvenimenti, festivals, residenzi, eċċ.) li jħeġġu l-mobbiltà tal-aġenti kulturali, l-artisti u l-kollezzjonijiet Ewropej , li jistimulaw id-djalogu interkulturali u jinkoraġġixxu r-rabta bejn il-patrimonju u l-ħolqien u l-kreattività kontemporanji għandha tiġi milqugħa bi pjaċir kull meta l-ispeċifiċità tas-sit tippermetti dan.

(3)

Il-kandidati għat-ċertifikat għandhom jissottomettu pjan ta’ ġestjoni li jorbothom mal-elementi kollha li ġejjin:

jiżguraw il-ġestjoni tajba tas-sit;

jiżguraw il-protezzjoni tas-sit u t-trasmissjoni tiegħu għall-ġenerazzjonijiet futuri b'konformità mar-reġimi tal-protezzjoni rilevanti;

jiżguraw il-kwalità tal-faċilitajiet ta’ akkoljenza bħall-preżentazzjoni storika, informazzjoni lill-viżitaturi, sinjalar, eċċ.;

jiżguraw l-aċċess għall-pubbliku l-aktar wiesa' possibbli, pereżempju permezz ta’ adattamenti fis-sit jew għoti ta’ taħriġ lill-persunal , u permezz tal-użu tal-internet, fosthom għal persuni anzjani u nies b'diżabilità ;

jagħtu attenzjoni speċjali liż-żgħażagħ, b'mod partikolari billi jippermettulhom li jkollhom aċċess privileġġjat għas-sit;

jippromwovu s-siti bħala destinazzjonijiet turistiċi filwaqt li jillimitaw l-impatti negattivi li jistgħu jolqtu s-siti jew l-ambjent tagħhom ;

jiżviluppaw strateġija ta’ komunikazzjoni koerenti u komprensiva li tenfasizza s-sens Ewropew tas-sit;

jiżguraw li, kemm jista' jkun possibbli, il-pjan ta’ ġestjoni ma jagħmilx ħsara lill-ambjent ▐.

Artikolu 8

Bord Ewropew ta’ esperti indipendenti

1.   Għandu jiġi stabbilit bord Ewropew ta’ esperti indipendenti (minn hawn 'il quddiem msemmi l-“bord Ewropew”) sabiex iwettaq il-proċeduri tal-għażla u l-monitoraġġ fil-livell Ewropew. Dan għandu jiżgura li l-kriterji jiġu applikati b'mod uniformi fl-Istati Membri parteċipanti.

2.   Il-bord Ewropew għandu jkun jikkonsisti minn 13-il membru . Erbgħa mill-membri għandhom jiġu nnominati mill-Parlament Ewropew , erbgħa mill-Kunsill u erbgħa mill-Kummissjoni u wieħed mill-Kumitat tar-Reġjuni, skont il-proċeduri rispettivi tagħhom . Il-bord Ewropew għandu jaħtar il-president tiegħu.

3.   Il-membri tal-bord Ewropew għandhom ikunu esperti indipendenti. Huma għandu jkollhom esperjenza u kompetenza sostanzjali fl-oqsma li huma rilevanti għall-għanijiet taċ-Ċertifikat tal-Patrimonju Ewropew. L-istituzzjonijiet li jinnominaw l-esperti għandhom ifittxu li jiżguraw kemm jista' jkun il-komplementarjetà tal-oqsma rispettivi tal-kompetenza tagħhom u rappreżentanza bbilanċjata ġeografikament.

4.   Il-membri tal-bord Ewropew għandhom jiġu nnominati għal tliet snin. Permezz ta’ deroga, fl-ewwel sena li matulha tkun fis-seħħ din id-Deċiżjoni, għandhom jiġu nnominati erba' esperti mill-Kummissjoni għal sena waħda, erbgħa mill-Parlament Ewropew u wieħed mill-Kumitat tar-Reġjuni għal sentejn u erbgħa mill-Kunsill għal tliet snin.

5.    Il-membri tal-bord Ewropew għandhom jiddikjaraw kull kunflitt ta’ interess jew kunflitt potenzjali ta’ interess rigward sit speċifiku . Fil-każ ta’ dikjarazzjoni simili, jew jekk jirriżulta xi kunflitt ta’ interess, il-membru ▐ m' għandux jipparteċipa fl-evalwazzjoni tal-imsemmi sit jew ta’ siti oħrajn tal-istess Stat Membru .

6.   Ir-rapporti, rakkomandazzjonijiet u notifikazzjonijiet kollha tal-bord Ewropew għandhom jitpoġġew disponibbli għall-pubbliku.

Artikolu 9

Formola ta’ applikazzjoni

▐ Għandha tiġi ppreparata formola ta’ applikazzjoni komuni bbażata fuq il-kriterji tal-għażla stipulati fl-Artikolu 7 mill-Kummissjoni u użata mill-kandidati kollha. Huma biss dawk l-applikazzjonijiet li jiġu sottomessi fuq il-formola tal-applikazzjoni uffiċjali li sejrin jiġu kkunsidrati biex jintgħażlu.

Artikolu 10

Għażla minn qabel fil-livell nazzjonali

1.   L-għażla minn qabel tas-siti għall-attribuzzjoni taċ-Ċertifikat tal-Patrimonju Ewropew għandha tkun taħt ir-responsabbiltà tal-Istati Membri , b’ koperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet lokali u reġjonali .

2.   Kull Stat Membru jista' jagħżel minn qabel sa massimu ta’ żewġ siti kull sentejn b'konformità mal-kalendarju stabblit fl-Anness. ▐

3.   Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi l-proċeduri u l-kalendarju tiegħu stess għall-għażla minn qabel tas-siti b'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, billi jiżgura li l-arranġamenti amministrattivi jibqgħu kemm jista' jkun ħfief u flessibbli. Madankollu, huwa għandu jinnotifika lill-Kummissjoni bir-riżultati tal-għażla minn qabel l-aktar tard sal-1 ta’ Marzu tas-sena tal-proċedura tal-għażla ta’ qabel l-għażla .

4.   L-għażla minn qabel għandha ssir f' konformita' mal-kriterji stipulati fl-Artikolu 7 u għandha tuża l-formola tal-applikazzjoni msemmija fl-Artikolu 9.

5.     Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-lista sħiħa ta’ siti magħżula minn qabel u għandha tinforma lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwarha.

Artikolu 11

Għażla finali fil-livell tal-Unjoni

1.   L-għażla finali tas-siti għall-attribuzzjoni taċ-Ċertifikat tal-Patrimonju Ewropew għandha tkun taħt ir-responsabbiltà tal-Kummissjoni u għandha titwettaq mill-bord Ewropew.

2.   Il-bord Ewropew għandu jevalwa l-applikazzjonijiet tas-siti magħżula minn qabel u għandu jagħżel sa massimu ta’ sit wieħed għal kull Stat Membru. Jekk ikun hemm bżonn, tista' tintalab aktar informazzjoni u jistgħu jiġu organizzati żjarat fis-siti.

3.   L-għażla finali għandha ssir f'konformita' mal-kriterji stipulati fl-Artikolu 7 u għandhom jintużaw il-formola tal-applikazzjoni msemmija fl-Artikolu 9.

4.   Il-bord Ewropew għandu joħroġ rapport dwar is-siti magħżula minn qabel l-aktar tard sal-15 ta’ Diċembru tas-sena tal-proċedura ta’ qabel l-għażla . Dak ir-rapport għandu jinkludi rakkomandazzjoni għall-attribuzzjoni taċ-Ċertifikat tal-Patrimonju Ewropew u dikjarazzjoni tar-raġunijiet għaliex ċerti siti ma ġewx inklużi fil-lista finali.

5.   Il-kandidati li ma ġewx inklużi fil-lista finali jistgħu jissottomettu applikazzjoni ġdida għall-għażla minn qabel fil-livell nazzjonali fis-snin li ġejjin.

Artikolu 12

Siti transnazzjonali

1.   Għall-fini ta’ din id-Deċiżjoni, dawn li ġejjin għandhom jitqiesu bħala “siti transnazzjonali”:

diversi siti li jinsabu fi Stati Membri differenti li jinġabru madwar tema speċifika waħda sabiex jissottomettu applikazzjoni waħda;

sit speċifiku wieħed li ġeografikament jinsab fit-territorju ta’ mill-inqas żewġ Stati Membri differenti.

2.   L-applikazzjonijiet għas-siti transnazzjonali għandhom isegwu l-istess proċedura bħall-applikazzjonijiet għal siti oħrajn. Dawn għandhom jintgħażlu minn qabel ▐ mill-Istati Membri kollha kkonċernati fi ħdan il-limitu tagħhom ta’ massimu ta’ żewġ siti kif stipulat fl-Artikolu 10 . Is-siti transnazzjonali għandhom jindikaw wieħed mis-siti involuti bħala l-koordinatur tagħhom, li jkun l-uniku punt ta’ kuntatt għall-Kummissjoni. Il-koordinatur għandu jipprovdi informazzjoni dwar il-kandidatura transnazzjonali fi żmien xieraq fl-Istati Membri kollha sabiex tiġi żgurata l-parteċipazzjoni ta’ siti madwar l-Unjoni kollha. Is-siti kollha li jipparteċipaw f'sit transnazzjonali għandhom jissodisdaw il-kriterji stipulati fl-Artikolu 7 u għandhom jimlew il-formola ta’ applikazzjoni msemmija fl-Artikolu 9 u għandhom jissodisfaw il-kriterji fl-Artikolu 7.

Għandha tingħata kunsiderazzjoni partikolari lil siti transnazzjonali li jrawmu l-essenza tal-wirt Ewropew transkonfinali, permezz tar-rappreżentazzjoni tagħhom tas-simboliżmu tanġibbli u intanġibbli.

3.   Jekk sit transnazzjonali jissodisfa l-kriterji kollha stipulati fl-Artikolu 7, il-prijorità għandha tingħata lil dak is-sit waqt l-għażla finali.

4.     Jekk wieħed mis-siti inklużi f'sit transnazzjonali ma jibqax jissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 7 jew l-impenji magħmula fl-applikazzjoni, il-proċedura stipulata fl-Artikolu 15 għandha tapplika.

Artikolu 13

Nomina

1.   Il-Kummissjoni għandha tinnomina uffiċjalment lil dawk is-siti li sejrin jingħataw iċ-Ċertifikat tal-Patrimonju Ewropew matul is-sena wara l-proċedura tal-għażla, filwaqt li tieħu kont xieraq tar-rakkomandazzjoni tal-bord Ewropew. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew , lill-Kunsill u lill-Kumitat tar-Reġjuni bid-deċiżjonijiet li jkunu ttieħdu .

2.   Iċ-Ċertifikat tal-Patrimonju Ewropew għandu jingħata lis-siti ▐ fuq bażi permanenti skont il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 14 u 15 u soġġett għall-kontinwazzjoni tal-azzjoni.

3.     L-għoti taċ-Ċertifikat tal-Patrimonju Ewropew ma għandux iġib miegħu xi obbligu marbut mal-ippjanar urban, mal-liġi, mat-tisbiħ, mal-mobbiltà jew mal-arkitettura. L-unika liġi applikabbli għandha tkun dik lokali.

Artikolu 14

Monitoraġġ

1.   Kull sit li jingħata ċ-Ċertifikat tal-Patrimonju Ewropew għandu jiġi mmonitorjat fuq bażi regolari sabiex jiġi żgurat li huwa jkompli jissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 7 u li jirrispetta l-impenji li jkunu saru fl-applikazzjoni relatata miegħu.

2.   Il-monitoraġġ tas-siti kollha li jinsabu fit-territorju ta’ Stat Membru għandhom jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Istat Membru inkwistjoni. L-Istat Membru għandu jiġbor l-informazzjoni kollha meħtieġa u jipprepara rapport dettaljat kull erba' snin, b'konformità mal-kalendarju fl-Anness.

3.   Ir-rapport għandu jintbagħat lill-Kummissjoni u jiġi sottomess lill-bord Ewropew sabiex jiġi eżaminat l-aktar tard sal-1 ta’ Marzu tas-sena tal-proċedura tal-monitoraġġ.

4.   Il-bord Ewropew għandu joħroġ rapport dwar l-istat tas-siti ċċertifikati fl-Istat Membru kkonċernat l-aktar tard sal-15 ta’ Diċembru tas-sena tal-proċedura tal-monitoraġġ, inklużi, jekk ikun hemm bżonn, rakkomandazzjonijiet li jridu jiġu kkunsidrati għall-perjodu ta’ monitoraġġ li jkun imiss.

5.   Il-Kummissjoni , wara konsultazzjoni mal-bord Ewropew, għandha tistabbilixxi indikaturi komuni għall-Istati Membri sabiex ikunu jistgħu jiżguraw approċċ koerenti għall-proċedura ta’ monitoraġġ.

Artikolu 15

Irtirar taċ-Ċertifikat

1.   Jekk il-bord Ewropew jinnota li sit speċifiku ma għadux jissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 7 jew li ma għadux jkkonforma mal-impenji kollha li saru fl-applikazzjoni tiegħu, huwa għandu jibda djalogu mal-Istat Membru kkonċernat permezz tal-Kummissjoni, bil-għan li jgħinu jagħmel l-aġġustamenti meħtieġa fis-sit.

2.   Jekk wara perjodu ta’ 18-il xahar wara l-bidu tad-djalogu jkunu għadhom ma sarux l-aġġustamenti meħtieġa fis-sit, il-bord Ewropew għandu jinnotifika b'dan lill-Kummissjoni. In-notifika għandha tkun akkumpanjata minn ġustifikazzjoni, kif ukoll minn rakkomandazzjonijiet fuq kif tista' titjieb is-sitwazzjoni.

3.   Jekk wara perjodu ġdid ta’ 18-il xahar, ir-rakkomandazzjonijiet ikunu għadhom ma ġewx implimentati, il-bord Ewropew għandu joħroġ rakkomandazzjoni biex iċ-Ċertifikat tal-Patrimonju Ewropew tiġi rtirata mis-sit rilevanti.

4.   Il-Kummissjoni għandha tieħu d-deċiżjoni finali li tirtira ċ-Ċertifikat tal-Patrimonju Ewropew wara li tqis kif jixraq ir-rakkomandazzjoni tal-bord Ewropew . Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew , lill-Kunsill u lill-Kumitat tar-Reġjuni bid-deċiżjoni .

5.   In-notifiki u r-rakkomandazzjonijiet tal-bord Ewropew għandhom ikunu disponibbli għall-pubbliku.

6.     Is-siti jistgħu jagħżlu li jirrinunzjaw għaċ-Ċertifikat tal-Patrimonju Ewropew meta jridu. F'dan il-każ, għandhom jinnotifikaw lill-Istat Membru kkonċernat, li min-naħa tiegħu jrid jinforma lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tieħu d-deċiżjoni li tirtira ċ-Ċertifikat tal-Patrimonju Ewropew u għandha tinforma lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwarha.

Artikolu 16

Arranġamenti prattiċi

1.   Il-Kummissjoni għandha timplimenta l-azzjoni tal-Unjoni għaċ-Ċertifikat tal-Patrimonju Ewropew. B'mod partikolari, hija għandha:

tiżgura l-koerenza u l-kwalità ġenerali tal-azzjoni;

tiżgura l-koordinazzjoni bejn l-Istati Membri u l-bord Ewropew;

fid-dawl tal-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 3 u bi qbil mal-kriterji stipulati fl-Artikolu 7, tistabbilixxi linji gwida biex jgħinu fil-proċeduri tal-għażla u l-monitoraġġ, kif ukoll il-formola tal-applikazzjoni;

tipprovdi appoġġ lill-bord Ewropew.

2.   Il-Kummissjoni għandha tkun responsabbli għall-komunikazzjoni u l-viżibbiltà taċ-Ċertifikat tal-Patrimonju Ewropew fil-livell tal-Unjoni, b'mod partikolari permezz tal-ħolqien u ż-żamma ta’ websajt speċifika u logo ġdid, biex jogħla l-profil u tiżdied l-attrazzjoni tas-sit fuq skala Ewropea, pereżempju bl-użu tal-possibilitajiet li joffru teknoloġiji ġodda u mezzi diġitali u interattivi kif ukoll bit-tfittxija ta’ sinerġiji ma’ inizjattivi oħrajn Ewropej. In-notifiki u r-rakkomandazzjonijiet kollha tal-bord Ewropew imsemmija fl-Artikolu 8(6), l-Artikolu 10(5) u l-Artikolu 15(5) għandhom jiġu ppubblikati f'din il-websajt.

3.   Il-Kummissjoni għandha tippromwovi attivitajiet ta’ netwerking bejn is-siti mogħtija ċ-ċertifikat.

4.   L-azzjonijiet taħt il-paragrafi 2 u 3, kif ukoll l-ispejjeż tal-bord Ewropew għandhom jiġu ffinanzjati permezz tal-pakkett finanzjarju stabbilit fl-Artikolu 18.

Artikolu 17

Evalwazzjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura l-evalwazzjoni esterna u indipendenti tal-azzjoni taċ-Ċertifikat tal-Patrimonju Ewropew. Tali evalwazzjoni għandha ssir kull sitt snin b'konformità mal-kalendarju stabbilit fl-Anness u għandha tinkludi eżami tal-elementi kollha, inkluża l-effiċjenza tal-proċessi involuti fit-tmexxija tal-azzjoni, l-għadd ta’ siti, l-ambitu ġeografiku u l-impatt tal-azzjoni, il-modi kif din tista' tittejjeb u jekk din għandhiex titkompla jew le.

2.   Il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport dwar dawn l-evalwazzjonijiet lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fi żmien sitt xhur minn meta dawn jiġu ffinalizzati , flimkien, jekk ikun xieraq, ma’ proposti rilevanti .

Artikolu 18

Dispożizzjonijiet finanzjarji

1.   Il-pakkett finanzjarju għall-implimentazzjoni tal-azzjoni matul il-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2011 sal-31 ta’ Diċembru 2013 huwa stabbilit li huwa ta’ EUR 1 350 000.

2.   L-approprjazzjonijiet annwali għandhom jiġu awtorizzati mill-awtorità baġitarja fi ħdan il-limiti tal-qafas finanzjarju multiannwali.

Artikolu 19

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-ġurnata ta’ wara l-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmula fi

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

Għall-Kunsill

Il-President


(1)  ĠU C 267, 1.10.2010, p. 52.

(2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta’ Diċembru 2010.

(3)  ĠU C 319, 13.12.2008, p. 11.

(4)  COM(2007)0242.

ANNESS

KALENDARJU

Kalendarju għaċ-Ċertifikat tal-Patrimonju Ewropew

[Sena n]

Adozzjoni tad-Deċiżjoni

Ħidma preparatorja

[Sena n + 1]

Ħidma preparatorja

[Sena n + 2]

Għażla minn qabel mill-Istati Membri ▐

[Sena n + 3]

Nomina finali tas-siti

[Sena n + 4]

Għażla minn qabel mill-Istati Membri

[Sena n + 5]

Nomina finali tas-siti u monitoraġġ

[Sena n + 6]

Għażla minn qabel mill-Istati Membri

[Sena n + 7]

Nomina finali tas-siti

Evalwazzjoni taċ-Ċertifikat tal-Patrimonju Ewropew

[Sena n + 8]

Għażla minn qabel mill-Istati Membri

[Sena n + 9]

Nomina finali tas-siti u monitoraġġ

[Sena n + 10]

Għażla minn qabel mill-Istati Membri

[Sena n + 11]

Nomina finali tas-siti

[Sena n + 12]

Għażla minn qabel mill-Istati Membri

[Sena n + 13]

Nomina finali tas-siti

Evalwazzjoni taċ-Ċertifikat tal-Patrimonju Ewropew


Top