Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010AP0091

Kooperazzjoni amministrattiva u ġlieda kontra l-frodi fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud (tfassil mill-ġdid) * Riżoluzzjoni leġislattiva tal-Parlament Ewropew tal- 5 ta' Mejju 2010 dwar il-proposta għal regolament tal-Kunsill dwar il-kooperazzjoni amministrattiva u l-ġlieda kontra l-frodi fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud (Riformulazzjoni) (COM(2009)0427 – C7-0165/2009 – 2009/0118(CNS))

ĠU C 81E, 15.3.2011, pp. 148–155 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

15.3.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 81/148


L-Erbgħa, 5 ta’ Mejju 2010
Kooperazzjoni amministrattiva u ġlieda kontra l-frodi fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud (tfassil mill-ġdid) *

P7_TA(2010)0091

Riżoluzzjoni leġislattiva tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' Mejju 2010 dwar il-proposta għal regolament tal-Kunsill dwar il-kooperazzjoni amministrattiva u l-ġlieda kontra l-frodi fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud (Riformulazzjoni) (COM(2009)0427 – C7-0165/2009 – 2009/0118(CNS))

2011/C 81 E/26

(Proċedura leġislattiva speċjali – konsultazzjoni - tfassil mill-ġdid)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Kunsill (COM(2009)0427),

wara li kkunsidra l-Artikolu 93 tat-Trattat KE, skont liema artikolu ġie kkonsultat mill-Kunsill (C7-0165/2009),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill bit-titolu “Konsegwenzi tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona dwar il-proċeduri interistituzzjonali ta' teħid ta' deċiżjonijiet li għaddejjin bħalissa” (COM(2009)0665),

wara li kkunsidra l-Artikolu 113 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

wara li kkunsidra l-Ftehima Interistituzzjonali tat-28 ta' Novembru 2001 dwar użu aktar strutturat tat-teknika tar-riformulazzjoni għall-atti legali (1),

wara li kkunsidra l-ittra tat-12 ta' Novembru 2009 tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali lill-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji skont ir-Regola 87 (3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra l-Artikoli 87 u 55 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A7-0061/2010),

A.

billi, skont il-Grupp ta' Ħidma Konsultattiv tas-servizzi legali tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, il-proposta kkonċernata ma tinkludi ebda emenda sostantiva minbarra dawk identifikati bħala tali fil-proposta u billi, rigward il-kodifikazzjoni tad-dispożizzjonijiet mhux mibdula tal-atti preċedenti flimkien ma' dawk l-emendi, il-proposta tinkludi kodifikazzjoni sempliċi tat-testi eżistenti, mingħajr ebda tibdil fis-sustanza tagħhom,

1.

Japprova l-proposta tal-Kummissjoni kif adattata għar-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp ta' Ħidma Konsultattiv tas-servizzi legali tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni u kif emendata hawn taħt;

2.

Jistieden lill-Kummissjoni sabiex konsegwentement tbiddel il-proposta tagħha, skont l-Artikolu 293(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE;

3.

Jistieden lill-Kunsill biex jinfurmah jekk ikollu l-ħsieb li jitbiegħed mit-test approvat mill-Parlament;

4.

Jitlob lill-Kunsill biex jerġa' jikkonsultah jekk ikollu l-ħsieb li jemenda l-proposta tal-Kummissjoni b'mod sustanzjali;

5.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti nazzjonali.

TEST PROPOST MILL-KUMMISSJONI

EMENDA

Emenda 2

Proposta għal regolament

Premessa 3 a (ġdida)

 

(3a)

Il-Parlament Ewropew, fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-2 ta' Settembru 2008 dwar strateġija koordinata bil-għan li titjieb il-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa (2), tenna li s-sistema attwali ta' ġestjoni tal-VAT teħtieġ reviżjoni radikali u, għalhekk, ħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tippreżenta proposti għall-armonizzazzjoni tal-proċeduri ta' reġistrazzjoni u dereġistrazzjoni tal-persuni taxxabbli u wkoll biex tippermetti lill-Istati Membri l-aċċess awtomatiku għad-data mhux sensittiva dwar il-kontributuri tagħhom li tkun maħżuna minn Stat Membru ieħor.

Emenda 3

Proposta għal regolament

Premessa 3 b (ġdida)

 

(3b)

Fil-kisba ta' aċċess awtomatiku ta' dan it-tip għal data mhux sensittiva, għandu jiġi żgurat livell xieraq ta' protezzjoni, perjodu limitat ta' ħżin tad-data skambjata u r-responsabbilizzazzjoni dovuta tal-istituzzjoni jew tal-entità li jkun qed iżomm id-data, biex tkun evitata l-ġestjoni ħażina jew ir-rilaxx tad-data.

Emenda 4

Proposta għal regolament

Premessa 5 a (ġdida)

 

(5a)

Il-Parlament Ewropew, fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Diċembru 2008 dwar ir-Rapport Speċjali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri Nru 8/2007 rigward il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tal-VAT (3), esprima l-konvinzjoni tiegħu li l-introduzzjoni tas-sistema Eurofisc jista' jkollha valur miżjud biss jekk issir obbligatorja l-parteċipazzjoni tal-Istati Membri biex jiġu evitati l-problemi li kellu l- Eurocanet (European Carrousel Network), u biss jekk il-Kummissjoni tipparteċipa b'mod sħiħ fl-attivitajiet tiegħu u jkollha sehem ta' koordinatur.

Emenda 5

Proposta għal regolament

Premessa 5 b (ġdida)

 

(5b)

Il-Parlament Ewropew, fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Diċembru 2008, talab ukoll għall-introduzzjoni ta' Eurofisc u fakkar fil-ħtieġa kbira li l-pajjiżi jaqsmu bejniethom l-aħjar prattiki nazzjonali fil-ġlieda kontra l-frodi transkonfinali tal-VAT, bil-għan li jiġu introdotti inċentivi xierqa għad-diliġenza dovuta mill-Istati Membri fir-rigward tal-VAT, filwaqt li jiġu premjati l-kontributuri onesti.

Emenda 6

Proposta għal regolament

Premessa 14

(14)

Sabiex it-talbiet għall-informazzjoni jkunu jistgħu jiġu pproċessati aktar malajr, fid-dawl tan-natura ripetittiva ta' wħud mit-talbiet u tad-diversità lingwistika fi ħdan il-Komunità, huwa importanti li, fil-kuntest tal-iskambju ta' informazzjoni, isir użu ġenerali minn formoli standard.

(14)

Sabiex it-talbiet għall-informazzjoni jkunu jistgħu jiġu pproċessati aktar malajr, fid-dawl tan-natura ripetittiva ta' wħud mit-talbiet u tad-diversità lingwistika fi ħdan il-Komunità, huwa importanti li, fil-kuntest tal-iskambju ta' informazzjoni, isir użu ġenerali minn formoli standard, u li dawn jiġu promossi .

Emenda 7

Proposta għal regolament

Premessa 20

(20)

Il-kondizzjonijiet għal tibdil ta', u aċċess awtomatizzat tal-Istati Membri għal, dejta miżmuma b'mod elettroniku f'kull Stat Membru għandhom jiġu mfissra b'mod ċar.

(20)

Il-kondizzjonijiet għal tibdil ta', u aċċess awtomatizzat tal-Istati Membri għal, data miżmuma b'mod elettroniku f'kull Stat Membru, kif ukoll il-mezzi tal-ħżin ta' data ta' dan it-tip, għandhom jiġu mfissra b'mod ċar.

Emenda 8

Proposta għal regolament

Premessa 29

(29)

L-esperjenza prattika reċenti tal-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1798/2003 fil-kuntest tal-ġlieda kontra l-frodi karużell wriet li f’ċerti każijiet l-istabbiliment ta' mekkaniżmu ta' skambju ta' informazzjoni ħafna aktar rapidu u li jkun jirrigwarda informazzjoni aktar estiża u aktar direzzjonata huwa indispensabbli għal ġlieda effettiva kontra l-frodi u li dan il-mekkanżimu għandu jagħmel parti minn dan ir-Regolament filwaqt li jkollu flessibbiltà biżżejjed biex jadatta ruħu għal tipi ġodda ta' frodi. In-netwerk EUROCANET (“European Carrousel Network”), li ġie stabbilit fuq l-inizjattiva tal-Belġju u sostnut mill-Kummissjoni huwa eżempju ta' dan it-tip ta' koperazzjoni.

(29)

L-esperjenza prattika reċenti tal-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1798/2003 fil-kuntest tal-ġlieda kontra l-frodi karużell wriet li f’ċerti każijiet l-istabbiliment ta' mekkaniżmu ta' skambju ta' informazzjoni ħafna aktar rapidu u li jkun jirrigwarda informazzjoni aktar estiża u aktar direzzjonata huwa indispensabbli għal ġlieda effettiva kontra l-frodi. Tali mekkanżimu għandu jagħmel parti minn dan ir-Regolament filwaqt li jkollu flessibbiltà biżżejjed biex jadatta ruħu għal tipi ġodda ta' frodi. Biex jiġi żgurat il-funzjonament korrett ta' dan il-mekkaniżmu, hija proposta l-adozzjoni ta' strateġija fil-livell tal-Unjoni. - Eurocanet, li ġie stabbilit fuq l-inizjattiva tal-Belġju u sostnut mill-Kummissjoni huwa eżempju ta' dan it-tip ta' kooperazzjoni.

Emenda 9

Prosposta għal regolament

Premessa 35

(35)

Għall-iskopijiet ta' dan ir-Regolament, hu xieraq li jiġu kkunsidrati limitazzjonijiet ta' ċerti drittijiet u obbligi stabbiliti mid-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' dejta personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-dejta sabiex jiġu salvagwardjati l-interessi msemmija fl-Artikolu 13(1)(e) ta' dik id-Direttiva. Din il-limitazzjoni hija meħtieġa u proporzjonali meta jitqies it-telf ta' dħul potenzjali għall-Istati Membri u l-importanza kruċjali ta' din l-informazzjoni sabiex il-frodi tiġi miġġielda b’mod effettiv.

(35)

Għall-iskopijiet ta' dan ir-Regolament, hu xieraq li jiġu kkunsidrati limitazzjonijiet ta' ċerti drittijiet u obbligi stabbiliti mid-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data sabiex jiġu salvagwardjati l-interessi msemmija fl-Artikolu 13(1)(e) ta' dik id-Direttiva, kif ukoll dawk previsti fir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000, dwar il-protezzjoni ta' persuni fiżiċi dwar l-użu tad-data personali għall-istituzzjonijiet u l-entitajiet komunitarji u l-moviment liberu ta' din id-data  (4).

Emenda 10

Proposta għal regolament

Premessa 36 a (ġdida)

 

(36a)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat,

Emenda 12

Proposta għal regolament

Artikolu 1 a (ġdid)

 

Artikolu 1a

Fil-qafas tal-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, l-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jiżguraw rispett għad-drittijiet u għall-obbligi stipulati fid-Direttiva 95/46/KE u fir-Regolament (KE) Nru 45/2001.

Emenda 13

Proposta għal regolament

Artikolu 15

L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jikkomunikaw minn rajhom lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħrajn l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 1 li jkunu jafu biha u li tista’ tkun utli għal dawn tal-aħħar.

L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jikkomunikaw minn rajhom lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħrajn l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 1 li jkunu jafu biha u li għal dawn tal-aħħar hija meħtieġa sabiex il-VAT tiġi kkalkulata b'mod korrett, biex tkun żgurata l-applikazzjoni korretta tal-leġislazzjoni dwar il-VAT, b'mod partikolari rigward it-tranżazzjonijiet intra-Unjoni, u sabiex jiġi miġġieled il-frodi relatat mal-VAT.

Emenda 14

Proposta għal regolament

Artikolu 18 – paragrafu 1 – subparagrafu 1a (ġdid)

 

Il-persuni li saret referenza għalihom fil-punt (b) għandhom jiġu mistiedna jagħtu l-opinjoni tagħhom dwar il-kwalità tal-informazzjoni miżmuma.

Emenda 15

Proposta għal regolament

Artikolu 18 – paragrafu 3

3.   Il-lista u d-dettalji tad-dejta msemmija fil-paragrafu 1(b), (c) u (d) u fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu għandhom jiġu adottati skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 60(2).

3.    Mingħajr ma jiġi impost piż amministrattiv sproporzjonat fuq l-awtorità rikjesta, il -lista u d-dettalji tad-data msemmija fil-paragrafu 1(b), (c), (d) u (e) u fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu għandhom jiġu adottati skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 60(2).

Emenda 16

Prosposta għal regolament

Artikolu 22 – paragrafu 1 – parti introduttorja

Artikolu 22 Kull Stat Membru għandu jagħti lill-awtoritajiet kompetenti ta' kull Stat Membru ieħor aċċess awtomatizzat għall-informazzjoni li tinsab fil-bażijiet tad-dejta msemmija fl-Artikolu 18. Għal dak li jirrigwarda l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1(a) tal-imsemmi Artikolu, id-dettalji li ġejjin huma, minn tal-anqas aċċessibbli:

Bl-iskop li jevitaw ksur tal-leġiżlazzjoni tal-VAT, u fejn jitqies neċessarju għall-kontroll tal-akkwisti intrakomunitarji tal-merkanzija jew tal-forniment intra-Unjoni tas-servizzi fi ħdan il-Komunità li jiġu ntaxxati f'dak l-Istat Membru, kull Stat Membru għandu jagħti lill-awtoritajiet kompetenti ta' kull Stat Membru ieħor aċċess awtomatizzat għall-informazzjoni li tinsab fil-bażijiet tad-data msemmija fl-Artikolu 18. Għal dak li jirrigwarda l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1(a) tal-imsemmi Artikolu, id-dettalji li ġejjin huma, minn tal-anqas aċċessibbli:

Emenda 17

Prosposta għal regolament

Artikolu 22 – paragrafu 2 a (ġdid)

 

Fejn l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 18(1)(a) tinkludi data personali, l-aċċess awtomatizzat għal dawn għandu jkun limitat għall-kategoriji ta' data msemmija f'dan l-Artikolu.

Emenda 18

Prosposta għal regolament

Artikolu 34 – paragrafu 1 – parti introduttorja

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi struttura komuni għall-ġlieda kontra l-frodi u l-evażjoni tal-VAT. Din l-istruttura twettaq, b’mod partikolari, il-kompiti li ġejjin:

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi struttura komuni fil-livell tal-Unjoni għall-ġlieda kontra l-frodi u l-evażjoni tal-VAT. Din l-istruttura twettaq, b’mod partikolari, il-kompiti li ġejjin:

Emenda 19

Prosposta għal regolament

Artikolu 34 – paragrafu 2

2.    L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-oqsma ta' investigazzjoni tal-istruttura stabbilita mill-paragrafu 1.

2.   L-istruttura fil-livell tal-Unjoni imsemmija f'paragrafu 1 għandha tkun magħmula minn ħaddiema taċ-ċivil maħtura mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri.

Emenda 20

Prosposta għal regolament

Artikolu 34 – paragrafu 3

3.    Għal kull qasam ta' investigazzjoni, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jaħtru, fi ħdan l-istruttura, Stat Membru wieħed jew diversi Stati Membri li jkunu inkarigati bis-superviżjoni u bit-tmexxija tal-kompiti msemmija fil-paragrafu 1.

3.    L-istruttura fil-livell tal-Unjoni msemmija f'paragrafu 1 se tiddetermina l-ambiti ta' investigazzjoni li fihom se tiżviluppa l-attività tagħha.

Emenda 21

Prosposta għal regolament

Artikolu 34 – paragrafu 3 a (ġdid)

 

3a.     Sabiex il-każijiet ta' frodi tal-VAT jiġu investigati b'aktar effiċjenza fl-Unjoni, għandu jkun imfassal mekkaniżmu ta' inċentivi għall-irkupru ta' klejms tat-taxxa transkonfinali permezz tad-distribuzzjoni ta' proporzjon ġust tal-VAT miġbura mhux imħallsa bejn l-Istat Membru li jkun qed jirkupra l-klejms tat-taxxa u l-Istat Membru rikjedenti.

Emenda 22

Prosposta għal regolament

Artikolu 35

L-istruttura stabbilita mill-Artikolu 34 għandha tkun magħmula minn uffiċjali kompetenti maħtura mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri. Din l-istruttura għandha tgawdi mill-appoġġ tekniku, amministrattiv u operazzjonali tal-Kummissjoni.

Il-Kummissjoni se tikkoordina, tiggwida u tissorvelja l-implimentazzjoni tal-kompiti msemmija fil-paragrafu 1 tal-Artikolu 34 u tipprovdi appoġġ tekniku, amministrattiv u operattiv lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri.

Emenda 23

Prosposta għal regolament

Artikolu 39

Kull sena, l-istruttura stabbilita permezz tal-Artikolu 34 għandha tippreżenta rendikont tal-attivitajiet tagħha lill-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 60.

Kull sena, l-istruttura stabbilita permezz tal-Artikolu 34 għandha tippreżenta rendikont tal-attivitajiet tagħha lill-Istati Membri, lill-Parlament Ewropew u lill-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 60.

Emenda 24

Prosposta għal regolament

Artikolu 51 – paragrafu 1

1.   L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jeżaminaw u jivvalutaw kif qegħdin jaħdmu l-arranġamenti għal koperazzjoni amministrattiva pprovduti f'dan ir-Regolament. B’mod partikolari, l-Istati Membri għandhom iwettqu verifiki ta' dan it-tħaddim. Il-Kummissjoni għandha tiċċentralizza l-esperjenza tal-Istati Membri bil-għan li ttejjeb l-operazzjoni ta' dawn l-arranġamenti.

1.   L-Istati Membri, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni għandhom jeżaminaw u jivvalutaw kif qegħdin jaħdmu l-arranġamenti għal kooperazzjoni amministrattiva pprovduti f'dan ir-Regolament. B’mod partikolari, l-Istati Membri għandhom iwettqu verifiki ta' dan it-tħaddim. Il-Kummissjoni għandha tiċċentralizza l-esperjenza tal-Istati Membri bil-għan li ttejjeb l-operazzjoni ta' dawn l-arranġamenti u għandha tirrapporta dwar ir-riżultati b'mod regolari lill-Istati Membri u lill-Parlament Ewropew.

Emenda 25

Prosposta għal regolament

Artikolu 51 – paragrafu 2

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni kull informazzjoni disponibbli rilevanti għall-applikazzjoni li dawn jagħtu għal dan ir-Regolament.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Parlament Ewropew u lill-Kummissjoni kull informazzjoni disponibbli rilevanti għall-applikazzjoni li dawn jagħtu għal dan ir-Regolament.

Emenda 26

Prosposta għal regolament

Artikolu 51 – paragrafu 9

9.   Sabiex jitwettqu l-għanijiet ta' dan ir-Regolament, il-Kummissjoni tista’ tipprovdi lill-Istati Membri b’perizji, assistenza teknika jew loġistika, azzjoni ta' komunikazzjoni jew kwalunkwe appoġġ operazzjonali ieħor.

9.   Sabiex jitwettqu l-għanijiet ta' dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tipprovdi lill-Istati Membri b’perizji, assistenza teknika jew loġistika, azzjoni ta' komunikazzjoni jew kwalunkwe appoġġ operazzjonali ieħor.

Emenda 27

Prosposta għal regolament

Artikolu 52 – paragrafu 2

2.   Sakemm il-pajjiż terz ikkonċernat ikun responsabbli li jipprovdi l-għajnuna meħtieġa biex tinġabar evidenza tan-natura irregolari tat-tranżazzjonijiet li jidhru kontrarji għal-leġislazzjoni tal-VAT, informazzjoni miksuba taħt dan ir-Regolament tista' tkun ikkomunikata lil dak il-pajjiż terz, bil-kunsens tal-awtoritajiet kompetenti li pprovdew l-informazzjoni, skont id-disposizzjonijiet interni tagħhom li japplikaw għall-komunikazzjoni ta' informazzjoni personali lill-pajjiżi terzi.

2.   Sakemm il-pajjiż terz ikkonċernat ikun responsabbli li jipprovdi l-għajnuna meħtieġa biex tinġabar evidenza tan-natura irregolari tat-tranżazzjonijiet li jidhru kontrarji għal-leġislazzjoni tal-VAT, informazzjoni miksuba taħt dan ir-Regolament tista' tkun ikkomunikata lil dak il-pajjiż terz, bil-kunsens tal-awtoritajiet kompetenti li pprovdew l-informazzjoni, skont id-disposizzjonijiet interni tagħhom li japplikaw għall-komunikazzjoni ta' informazzjoni personali lill-pajjiżi terzi u soġġett għad-Direttiva 95/46/KE u d-dispożizzjonijiet ta' implimentazzjoni tagħha u soġġett għar-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-dispożizzjonijiet ta' implimentazzjoni tiegħu .

Emenda 28

Prosposta għal regolament

Artikolu 57 – paragrafu 1 – subparagrafu 1

1.   L-informazzjoni kkomunikata jew miġbura f'kull forma skont dan ir-Regolament , inkluża l-informazzjoni kollha li l-uffiċjal seta' kellu aċċess għaliha fiċ-ċirkustanzi previsti fil-Kapitolu VII, fil-Kapitolu VIII u fil-Kapitolu X kif ukoll fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, għandha tkun koperta bl-obbligu ta' sigriet uffiċjali u tgawdi mill-protezzjoni estiża għal informazzjoni simili kemm taħt il-liġi nazzjonali tal-Istat Membru li rċevieha kif ukoll tal-istandards korrespondenti applikabbli għall-awtoritajiet Komunitarji.

1.   L-informazzjoni kkomunikata jew miġbura f'kull forma skont dan ir-Regolament , inkluża l-informazzjoni kollha li l-uffiċjal seta' kellu aċċess għaliha fiċ-ċirkustanzi previsti fil-Kapitolu VII, fil-Kapitolu VIII u fil-Kapitolu X kif ukoll fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, għandha tkun koperta bl-obbligu ta' sigriet uffiċjali u tgawdi mill-protezzjoni estiża għal informazzjoni simili kemm taħt il-liġi nazzjonali tal-Istat Membru li rċevieha kif ukoll tal-istandards korrespondenti applikabbli għall-awtoritajiet Komunitarji. Tali informazzjoni għandha wkoll tkun koperta mid-Direttiva 95/46/KE u mir-Regolament (KE) Nru 45/2001. Għandha tintuża biss fiċ-ċirkustanzi previsti minn dan ir-Regolament.

Emenda 29

Prosposta għal regolament

Artikolu 57 – paragrafu 5

5.   Kull ħażna jew skambju ta' informazzjoni msemmija f’dan ir-Regolament hija suġġetta għad-dispożizzjonijiet li jimplimentaw id-Direttiva 95/46/KE. Madankollu, l-Istati Membri għandhom , għall-iskop tal-applikazzjoni korretta ta' dan ir-Regolament, jirrestrinġu l-iskop tal-obbligi u d-drittijiet ipprovduti fl-Artikolu 10, fl-Artikolu 11(1), fl-Artikoli 12 u 21 tad-Direttiva 95/46/KE sal-limitu meħtieġ sabiex jiġu salvagwardjati l-interessi msemmija fl-Artikolu 13(e) ta' dik id-Direttiva.

5.   Kull ħażna jew skambju ta' informazzjoni msemmija f’dan ir-Regolament hija suġġetta għad- Direttiva 95/46/KE u d-dispożizzjonijiet ta' implimentazzjoni tagħha u r-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-dispożizzjonijiet ta' implimentazzjoni tiegħu . Madankollu, l-Istati Membri jistgħu , għall-iskop tal-applikazzjoni korretta ta' dan ir-Regolament, jadottaw miżuri leġiżlattivi li jirrestrinġu l-iskop tal-obbligi u d-drittijiet ipprovduti fl-Artikolu 10, fl-Artikolu 11(1), fl-Artikoli 12 u 21 tad-Direttiva 95/46/KE sal-limitu meħtieġ sabiex jiġu salvagwardjati l-interessi msemmija fl-Artikolu 13(e) ta' dik id-Direttiva.

Emenda 30

Prosposta għal regolament

Artikolu 57 – paragrafu 5 a (ġdid)

 

5a.     L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jaraw li jiġu rispettati l-obbligi tat-trasparenza u li l-persuni konċernati jiġu infurmati fil-każ ta' akkwist ta' data personali stabbiliti fid-Direttiva 95/46/KE u fir-Regolament (KE) Nru 45/2001.

Emenda 31

Prosposta għal regolament

Artikolu 59 – paragrafu 1 – punt c a (ġdid)

 

(ca)

jiżguraw l-ogħla standard ta' kwalità tad-data skambjata, bl-ogħla livell ta' transparenza, fejn ikun xieraq.

Emenda 32

Prosposta għal regolament

Artikolu 59 – paragrafu 2 a (ġdid)

 

2a.     L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni kull sena bil-każijiet fejn Stat Membri oħrajn ikunu ċaħdu li jipprovdi lill-Istat Membru rikjedenti bl-informazzjoni jew li jkunu żammu lill-Istat Membru rikjedenti milli jwettaq investigazzjoni amministrattiva mitluba bil-mod dovut. Dawk l-Istati Membri rikjesti għandhom jinformaw lill-Kummissjoni bir-raġunijiet għalfejn ikunu ċaħdu li jagħtu informazzjoni jew iwettqu l-investigazzjoni mitluba. Il-Kummissjoni ser tevalwa l-informazzjoni msemmija u tfassal ir-rakkomandazzjonijiet xierqa. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet għandhom jiġu ppreżentati lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

Emenda 33

Prosposta għal regolament

Artikolu 60 – paragrafu 2 a (ġdid)

 

2a.     Meta l-miżuri adottati skont il-proċedura tal-paragrafu 2 jirreferu jew jimplikaw l-ipproċessar tad-data personali, għandha ssir konsultazzjoni mal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data.


(1)  ĠU C 77, 28.3.2002, p. 1.

(2)   ĠU C 295 E, 4.12.2009, p. 13.

(3)   ĠU C 21 E, 28.1.2010, p. 3.

(4)   ĠU L 8, 12.1.2001, p.1.


Top