Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010AE1176

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Katina tal-provvista alimentari fl-Ewropa li taħdem aħjar” COM(2009) 591

    ĠU C 48, 15.2.2011, p. 145–149 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    15.2.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 48/145


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Katina tal-provvista alimentari fl-Ewropa li taħdem aħjar”

    COM(2009) 591

    2011/C 48/25

    Relatur: is-Sur NARRO

    Korelatur: is-Sur KAPUVÁRI

    Nhar it-28 ta’ Ottubru 2009, il-Kummissjoni ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-

    Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Katina tal-provvista alimentari fl-Ewropa li taħdem aħjar

    COM(2009) 591 finali.

    Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Agrikolu u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-31 ta’ Awwissu 2010.

    Matul l-465 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-15 u s-16 ta’ Settembru 2010 (seduta tal-15 ta’ Settembru 2010), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’121 vot favur, l-ebda vot kontra u 5 astensjonijiet.

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1   Ir-rapporti u l-konklużjonijiet imfassla mill-Kummissjoni Ewropea dawn l-aħħar snin joffru analiżi li tikxef id-dgħufijiet u n-nuqqasijiet tal-funzjonament tal-katina tal-valur. Il-volatilità tal-prezzijiet, l-ispekulazzjoni, il-bejgħ bi prezzijiet li ma jkoprux l-ispejjeż, in-nuqqas ta’ trasparenza, il-firxa ta’ prattiki inġusti u antikompetittivi u d-diskrepanzi fis-saħħa ta’ negozjar tal-partijiet ikkonċernati huma problemi li jaffettwaw il-ġejjieni tas-settur kollu tal-ikel u jheddu s-sopravivenza ta’ dak li huwa magħruf bħala “l-mudell agrikolu Ewropew”.

    1.2   Fil-Komunikazzjoni tagħha dwar Katina tal-provvista alimentari fl-Ewropa li taħdem aħjar, il-Kummissjoni tidentifika b’mod opportun l-oqsma li jirrikjedu azzjoni prijoritarja. Madankollu, il-KESE jiddispjaċih li l-proposti qed jiġu adottati bil-mod u jħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea tħaffef il-proċess tagħha ta’ teħid tad-deċiżjonijiet f’qasam li jirrikjedi azzjoni urġenti, prattika u konkreta. Il-Grupp imġedded ta’ Livell Għoli dwar il-Kompetittività tal-Industrija Agroalimentari għandu jkompli l-ħidma tiegħu mill-aktar fis u jsir pilastru tal-politiki l-ġodda u dawk li qed jiġu żviluppati fil-qasam agroalimentari.

    1.3   Is-suċċess ser jiddependi fil-biċċa l-kbira mill-parteċipazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea, l-Istati Membri u l-atturi kollha fil-katina alimentari. Huwa essenzjali li dawn jaħdmu flimkien b’mod ikkoordinat u konġunt f’qasam fejn id-differenzi bejn is-swieq u l-prodotti nazzjonali varji huma konsiderevoli. L-Unjoni Ewropea għandha tipprovdi tmexxija determinata fl-isforzi li jsiru f’dan ir-rigward u tħeġġeġ kemm l-aġġustament tal-istrumenti eżistenti kif ukoll miżuri ġodda li jiffaċilitaw żvilupp aktar ibbilanċjat tal-katina u t-titjib tal-kompetittività.

    1.4   L-analiżi tal-inizjattivi żviluppati s’issa fil-qasam tal-katina alimentari turi l-limiti tal-effettività tal-awtoregolazzjoni u tal-ftehimiet volontarji. Il-KESE jappoġġja l-iżvilupp ta’ mekkaniżmi volontarji, iżda jinnota li mingħajr korpi ta’ kontroll u sanzjonijiet effettivi mhux ser ikun possibbli li jitwaqqaf in-nuqqas ta’ konformità ma’ dawn il-mekkaniżmi tal-aktar ħoloq b’saħħtihom tal-katina.

    1.5   Flimkien mal-bidliet fl-imġiba tal-atturi ekonomiċi għandu jkun hemm regolazzjoni tas-suq li twitti t-triq għal approċċ ġdid lejn is-settur agroalimentari. Sabiex is-sistema tkun aktar trasparenti, il-prattiki kuntrattwali għandhom jissaħħu u għandha tiġi eżaminata fuq bażi settorjali l-possibbiltà li jiġu introdotti klawsoli vinkolanti jew l-obbligu li jitfasslu kuntratti bil-miktub. Ħafna mill-objettivi li tindika l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni jistgħu jinkisbu biss bl-użu ta’ leġislazzjoni proporzjonata u adegwata.

    1.6   Rigward il-kodiċijiet ta’ prattika tajba, l-UE għandha tieħu l-inizjattivi nazzjonali bħala mudell u tfassal mekkaniżmu effettiv ta’ kontroll u sanzjoni billi toħloq ombudsman Ewropew. Flimkien mal-kontenut ta’ dawn il-kodiċijiet ta’ prattika tajba, huma kruċjali wkoll l-effiċjenza tagħhom u l-livell ta’ konformità magħhom.

    1.7   Il-liġi nazzjonali u Komunitarja dwar il-kompetizzjoni għandha tiġi aġġustata b’mod sinifikanti sabiex tiġi promossa l-organizzazzjoni soda tas-settur, jiġi żgurat li l-ktajjen tal-provvista jiffunzjonaw b’mod flessibbli u tingħata ċertezza legali lill-operaturi, għall-benefiċċju tal-konsumaturi. Il-konklużjonijiet tal-Grupp ta’ Livell Għoli dwar is-Settur tal-Ħalib (1) u l-konklużjonijiet tal-Presidenza Spanjola dwar il-Komunikazzjoni dwar il-katina tal-provvista alimentari (2) jaqblu mal-fehmiet tal-KESE dwar l-applikazzjoni tal-liġi dwar il-kompetizzjoni b’mod flessibbli li jirrifletti l-karatteristiċi speċifiċi tas-settur agrikolu.

    1.8   Il-KESE jieħu nota tal-konċentrazzjoni qawwija tad-domanda, speċjalment fis-settur tad-distribuzzjoni bl-ingrossa, li tinsab f’kuntrast mal-frammentazzjoni tal-offerta u taffettwa l-funzjonament tajjeb tal-katina tal-valur. L-iżvilupp u t-tisħiħ tar-rwol tal-organizzazzjonijiet interprofessjonali jistgħu jgħinu sabiex itaffu n-nuqqas ta’ organizzazzjoni fis-settur tal-produzzjoni. Din l-isfida għandha twassal għal riflessjoni serja, mhux dwar id-daqs tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi iżda dwar kif dawn jistgħu jinbidlu f’għodod effettivi ta’ kummerċjalizzazzjoni f’idejn il-bdiewa. L-organizzazzjonijiet tal-produtturi ma jistgħux ikunu l-uniku strument validu biex itejbu l-organizzazzjoni ekonomika tal-offerta agrikola.

    1.9   Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea biex ma tiffokax ir-riflessjoni tagħha fuq kif tikkonċentra l-offerta biss, u biex taġixxi b’mod deċiżiv fis-settur tad-domanda filwaqt li tikkontrolla l-abbużi minn pożizzjonijiet dominanti u ċerti prattiki inġusti u antikompetittivi li ħafna drabi ma jkunux kontrollati b’mod effettiv min-naħa tal-awtoritajiet nazzjonali u Komunitarji.

    1.10   Il-konsumaturi Ewropej għandhom bżonn prezzijiet u strutturi ta’ prezzijiet li huma adatti, prevedibbli u stabbli. Il-miżuri prosposti fil-Komunikazzjoni jkunu jistgħu jaħdmu b’mod aktar effettiv jekk jingħataw pubbliċità wiesgħa u jekk tiġi evitata d-distorsjoni tal-għażla tal-konsumatur. Iċ-ċentri għall-monitoraġġ tal-prezzijiet ikunu utli biss jekk, minflok ma jillimitaw ruħhom għall-osservazzjoni tal-prezzijiet, ikunu jistgħu jirrreaġixxu malajr għad-distorsjonijiet possibbli fl-iżvilupp tal-prezzijiet.

    2.   Sommarju tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni

    2.1   Il-Kummissjoni Ewropea tirrikonoxxi r-rwol importanti li taqdi l-katina tal-provvista tal-ikel – magħmula mill-bdiewa, l-industrija u d-distributuri – fl-ekonomija Ewropea (3). Fil-fatt, il-monitoraġġ tal-funzjonament tal-katina alimentari sar prijorità politika fuq l-aġenda Komunitarja. Il-pubblikazzjoni tal-Komunikazzjoni dwar Katina tal-provvista alimentari fl-Ewropa li taħdem aħjar hija l-konsegwenza ta’ tħassib leġittimu min-naħa tal-leġislatur Ewropew u oriġinat mill-idea li jiġu stabbiliti miżuri prattiċi fil-livell nazzjonali u Komunitarju sabiex jgħinu s-sitwazzjoni tal-katina tal-provvista alimentari titjieb.

    2.2   Il-Komunikazzjoni tressaq sensiela ta’ proposti prattiċi għal kull waħda mit-tliet sfidi li qed tiffaċċja l-katina tal-provvista alimentari kif deskritt fid-dokument. Sabiex tippromovi relazzjonijiet sostenibbli, il-Kummissjoni għandha l-mira li tiġġieled il-prattiki inġusti u li tissorvelja l-kwistjonijiet relatati mal-kompetizzjoni. Qed tagħmel sforz sabiex tindirizza l-kwistjoni dejjem prijoritarja ta’ trasparenza akbar fil-katina alimentari, permezz tal-ġlieda kontra l-ispekulazzjoni u l-ħolqien ta’ strument Ewropew għall-kontroll tal-prezzijiet tal-ikel. Fl-aħħar, sabiex tagħti spinta lill-kompetittività, il-Kummissjoni hija lesta tirrevedi l-leġislazzjoni dwar it-tikkettar u l-ambjent, tillimita l-prattiki tal-provvista reġjonali u ssaħħaħ il-pożizzjoni tal-bdiewa fin-negozjati permezz ta’ strumenti bħall-organizzazzjonijiet tal-produtturi.

    2.3   F’Novembru 2010, il-Kummissjoni Ewropea hija mistennija tippubblika rapport ta’ segwitu dwar il-livell ta’ implimentazzjoni tal-miżuri ewlenin proposti, akkumpanjat minn komunikazzjoni ġdida dwar is-superviżjoni tas-suq tal-konsumaturi. Il-Kummissjoni ddeċidiet ukoll li testendi l-mandat u l-kompożizzjoni tal-Grupp ta’ Livell Għoli dwar il-Kompetittività tal-Industrija Agroalimentari u tagħmel minn dan il-grupp forum ġenwin għad-diskussjoni dwar il-katina tal-provvista alimentari.

    3.   Kummenti ġenerali

    3.1   Permezz ta’ din il-Komunikazzjoni u ta’ inizjattivi oħrajn, f’dawn l-aħħar snin l-UE wriet li s-sitwazzjoni li qed tiffaċċja l-katina tal-provvista alimentari saret waħda mill-kwistjonijiet prijoritarji fuq l-aġenda tal-politika tagħha. Il-volatilità tal-prezzijiet u l-iżbilanċi tal-poter fil-katina tal-provvista kienu ta’ detriment għall-konsumatur u għas-settur tal-produzzjoni. Minkejja l-bosta analiżijiet u proposti li saru matul dawn l-aħħar snin, is-sitwazzjoni xorta għadha tippreżenta għadd ta’ distorsjonijiet li jpoġġu serjament fid-dubju s-sostenibbiltà tant mixtieqa tal-mudell agrikolu Ewropew.

    3.2   Minbarra li tiżgura provvista adegwata tal-ikel, il-kwalità hija kwistjoni ta’ importanza strateġika; għalhekk, huwa essenzjali li tingħata protezzjoni adegwata lill-prodotti koperti mill-marki ta’ kwalità. Il-problemi ta’ effiċjenza fil-katina tal-provvista alimentari jistgħu jnaqqsu l-għażla ta’ prodotti fis-suq uniku, u ħaġa bħal din tipperikola l-mudell agrikolu Ewropew. F’bosta dokumenti, il-Kummissjoni ddiskutiet il-kontradizzjonijiet li jġib miegħu l-mod kif tiffunzjona l-katina tal-provvista alimentari fl-Unjoni Ewropea, iżda l-Komunikazzjoni ma tirriflettix dan il-fatt.

    3.3   L-iżbilanċi fil-katina tal-provvista alimentari Ewropea huma wkoll ta’ periklu għall-interessi taċ-ċittadin Ewropew. Minħabba d-diskrepanzi li jeżistu bejn il-prezzijiet tal-materja prima u dawk tal-prodotti tal-konsum, żviluppaw strutturi ta’ prezzijiet li mhumiex realistiċi u dawn jipperikolaw il-prospetti fit-tul tal-ħoloq fil-katina tal-valur kif ukoll l-ordni ekonomiku u soċjali kollu tal-UE. Is-settur tal-bejgħ bl-imnut huwa kkonċentrat u organizzat ħafna u jżomm il-prezzijiet tal-ikel għall-konsumatur taħt pressjoni kontinwa. Il-ktajjen tal-provvista alimentari l-kbar jistgħu jagħmlu dan għaliex, bis-saħħa ta’ ċerti prattiki kummerċjali, il-marġni ta’ profitt tagħhom mhumiex iġġenerati biss mill-konsumaturi iżda wkoll mill-provvedituri, kif turi l-isplużjoni tal-prezzijiet tal-irziezet fl-2007 u l-2008. Il-politiki kummerċjali bbażati fuq it-teknika ta’ “marġni ta’ profitt doppju” qed jikkawżaw problemi serji għall-konsumaturi u l-provvedituri.

    3.4   It-tensjoni dejjem tikber fir-relazzjonijiet bejn l-atturi tal-katina tal-provvista alimentari qed twassal għal dinamiki ekonomiċi differenti, li qed ikunu parikolarment ta’ ħsara għas-settur tal-agrikoltura li qed ibati minn kriżi bla preċedent fil-kuntest ta’ kriżi ekonomika ġenerali profonda.

    3.5   Il-KESE u l-Kummissjoni jaqblu wkoll dwar l-oqsma ta’ prijorità għall-azzjoni u dwar il-bżonn li jiġu ppreżentati b’mod urġenti miżuri ġodda u għodod konkreti biex jitjieb il-funzjonament tal-katina tal-provvista alimentari fl-Ewropa. Hemm bżonn ta’ bidliet sostanzjali sabiex tkun tista’ tingħata direzzjoni ġdida. Sabiex l-isfidi ewlenin li qed jiffaċċja s-settur agroalimentari jiġu indirizzati b’suċċess, il-KESE jappella għall-iżvilupp ta’ produzzjoni diversifikata, it-tnaqqis tal-ispejjeż billi jiżdied id-daqs tal-irziezet u t-titjib tal-istrateġiji ta’ kummerċjalizzazzjoni.

    3.6   Il-KESE jaqbel mal-konklużjonijiet ewlenin tal-Grupp ta’ Livell Għoli dwar il-Kompetittività tal-Industrija Agroalimentari, li jirriflettu l-ħidma reċenti tal-Kumitat dwar il-kwistjonijiet agrikoli (4):

    Bħalissa, huwa s-suq, u s-suq biss, li jiddetermina l-kwistjoni ewlenija ta’ min jieħu liema sehem fil-katina tal-valur, b’konformità mal-prinċipji tas-suq ħieles. Dan huwa ta’ detriment speċjalment għall-bdiewa li, għalkemm f’ħafna każijiet l-ispejjeż ta’ kull prodott qed jiżdiedu, sikwit jiffaċċjaw tnaqqis dejjem akbar fil-prezzijiet tal-produzzjoni u ħafna drabi huma obbligati jirreaġixxu permezz ta’ miżuri li jmorru kontra l-għanijiet tal-mudell agrikolu Ewropew. Billi 77 % tas-suq tal-ikel fl-UE-27 diġà huwa kkontrollat minn ħmistax-il katina kummerċjali biss, il-KESE jħoss li, bħalma qed jiġri fl-Istati Uniti, għandu jiġi kkunsidrat jekk il-liġi tal-kompetizzjoni hix biżżejjed biex tipprevjeni l-istrutturi li jiddominaw is-suq u l-prattiki kuntrattwali dubjużi. Huwa importanti li l-gruppi tal-partijiet ikkonċernati kollha jkunu involuti f’dan l-eżerċizzju.

    3.7   Is-suċċess ta’ dawn l-inizjattivi kollha ser jiddependi fil-biċċa l-kbira mill-parteċipazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea, l-Istati Membri u l-atturi kollha fil-katina tal-provvista alimentari. Huwa essenzjali li jsiru sforzi kkoordinati bejn il-korpi differenti u li ssir reviżjoni tal-applikazzjoni tal-liġi dwar il-kompetizzjoni. Il-biċċa l-kbira tal-miżuri proposti mill-Kummissjoni Ewropea diġà ġew implimentati fil-livell nazzjonali (5). Għaldaqstant, jeħtieġ li jsir studju dwar l-approċċi nazzjonali differenti adottati fir-rigward tal-istess problemi u dwar ir-riżultat finali, ta’ spiss insinifikanti, ta’ ħafna mill-inizjattivi implimentati mill-Istati Membri. Dan huwa minnu, pereżempju, fil-każ tat-twaqqif ta’ ċentri għall-monitoraġġ tal-prezzijiet jew it-tfassil ta’ kodiċijiet ta’ prattika tajba li, minħabba n-nuqqas ta’ għodod effettivi għall-kontroll u l-applikazzjoni, ma rnexxilhomx jillimitaw l-abbużi.

    3.8   Il-Komunikazzjoni tindirizza b’mod ġenerali wħud mill-aspetti tal-katina tal-provvista alimentari li diġà ġew analizzati fid-dettall fil-livell nazzjonali jew fi ħdan l-industrija. L-isforzi ta’ Franza biex tibbilanċja l-katina tal-provvista alimentari servew bħala punt ta’ riferiment għall-Istati Membri l-oħra. Il-liġi fi Franza dwar il-modernizzazzjoni tal-agrikoltura jmur lil hinn mill-Komunikazzjoni: jiddefinixxi qafas kuntrattwali mandatarju għall-volumi u l-prezzijiet, jesiġi klawżoli vinkolanti, jestendi d-dmirijiet tal-korpi interprofessjonali fl-industrija u jipprevedi sistema ta’ medjazzjoni u sanzjonijiet sabiex jiġu solvuti l-kunflitti li jista’ jkun hemm.

    3.9   Fil-livell settorjali, il-Kummissjoni rrikonoxxiet is-settur tal-ħalib bħala wieħed li għandu bżonn li tittieħed azzjoni urġenti. Għalhekk, il-Grupp ta’ Livell Għoli dwar is-Settur tal-Ħalib, li twaqqaf f’Ottubru 2009, estenda l-ambitu tiegħu lil hinn minn dak tal-Komunikazzjoni u ffoka fuq it-tfassil ta’ qafas kuntrattwali standard, fuq il-possibbiltajiet ta’ żvilupp għal dawk involuti fl-organizzazzjonijiet interprofessjonali u tal-produtturi u fuq l-implimentazzjoni tas-suq tal-futures fis-settur tal-ħalib. Fil-kuntest ta’ dawn l-inizjattivi kollha fil-livell Komunitarju, nazzjonali u settorjali, il-KESE, li huwa konxju tal-kumplessità u l-firxa ta’ dawn il-kwistjonijiet, jixtieq jenfasizza l-bżonn li jiġi stabbilit qafas Komunitarju bażiku sod, iħeġġeġ l-iskambju tal-esperjenza u jappella għal koordinazzjoni akbar bejn l-awtoritajiet kompetenti.

    3.10   Il-KESE diġà enfasizza f’diversi okkażjonijiet l-importanza li l-leġislazzjoni tiġi adattata għas-sitwazzjoni attwali li qed tiffaċċja l-katina tal-provvista alimentari. Il-bidliet wiesgħa li għandhom isiru fil-leġislazzjoni nazzjonali u Komunitarja għandhom ikunu akkumpanjati mill-ħolqien ta’ qafas ġdid għar-relazzjonijiet fi ħdan il-katina tal-provvista li jistimola l-kooperazzjoni, it-trasparenza u t-tqassim ġust tal-benefiċċji fil-katina tal-valur. L-awtoregolazzjoni fis-settur għandha tiġi promossa flimkien mal-introduzzjoni ta’ strumenti volontarji. L-applikazzjoni effettiva tas-sistema timplika impenn deċiżiv għat-trasparenza, li jitlob mekkaniżmi ta’ kontroll li jiggarantixxu l-konformità mal-ftehimiet volontarji li jistgħu jiġu konklużi bejn il-ħoloq differenti tal-katina.

    3.11   Fil-Komunikazzjoni u d-dokumenti ta’ ħidma li jakkumpanjawha, il-Kummissjoni tivvaluta l-volatilità tal-prezzijiet bir-reqqa. Madankollu, jeħtieġ li jitwettaq studju kritiku dwar il-mod kif il-bidliet reċenti tal-PAK, imfassla fil-“kontroll tas-saħħa”, affettwaw il-bilanċ tal-katina tal-provvista alimentari. It-tneħħija tal-istrumenti maħsuba għar-regolazzjoni tas-suq fil-qasam tal-agrikoltura (kwoti, intervenzjoni, ħżin) kellhom impatt negattiv fuq il-volatilità tal-prezzijiet u l-ġestjoni tas-suq, u dan il-punt għandu jiġi kkunsidrat fl-analiżi tal-eżekuttiv Komunitarju.

    4.   Kummenti speċifiċi

    4.1   Il-promozzjoni ta’ relazzjonijiet sostenibbli tas-suq

    4.1.1   Fl-analiżi tagħha, il-Kummissjoni tosserva n-nuqqas ta’ simmetrija bejn il-ħoloq differenti tal-katina tal-provvista. Dawn l-iżbilanċi jwasslu għal prattiki kummerċjali li huma inġusti u li jmorru kontra l-kompetizzjoni. Dawn l-iżbilanċi qed jinfirxu b’rata mgħaġġla fil-każ tal-prodotti tal-ikel li jitħassru malajr, billi f’dan il-każ hemm inqas lok għan-negozjar. Il-KESE jaqbel mal-intenzjoni tal-Kummissjoni li ssaħħaħ il-prattiki kuntrattwali permezz ta’ regoli komuni definiti fil-livell Ewropew. Minkejja li l-kuntratti jistgħu jitfasslu fuq bażi volontarja, għandhom jiġu kkunsidrati għadd ta’ każijiet fejn jista’ jiġi introdott l-obbligu legali li jiġi ppreżentat kuntratt bi klawżoli kuntrattwali speċifiċi.

    4.1.2   Huwa x’inhuwa l-każ, il-Kummissjoni għandha timpedixxi li t-transazzjonijiet ta’ prodotti agrikoli jsiru mingħajr ma jinżammu rekords bil-miktub, sabiex ma jibqgħux isiru prattiki mifruxa u insidjużi bħal dik tal-“prezzijiet miftuħa”, fejn il-prezz imħallas lill-bidwi jiġi stabbilit a posteriori fuq il-bażi tal-prezz tal-bejgħ li jkun kiseb l-intermedjarju. Barra l-ftehimiet kuntrattwali, il-KESE jemmen li hemm bżonn li jiġu introdotti kodiċijiet ta’ prattika tajba (6) u kumitat għall-monitoraġġ sabiex jiżgura li dan il-kodiċi jiġi rrispettat. Dan il-kodiċi ta’ prattiki kummerċjali tajba għandu jiżgura l-kwalità tan-negozjati bejn il-ħoloq kollha fil-katina tal-provvista, għall-benefiċċju tal-konsumatur. Il-leġislatur Ewropew għandu jwaqqaf il-prattika li tikkonsisti f’bejgħ b’telf bħala strateġija normali maħsuba biex tiġbed il-konsumatur, u għandu janalizza l-impatt tal-użu dejjem jikber ta’ tikketti tad-distributuri fuq il-kompetizzjoni, l-għażla tal-konsumatur u l-promozzjoni tal-prodotti ta’ kwalità tal-UE.

    4.1.3   Hemm differenzi sinifikanti fil-mod kif jiġu applikati r-regoli dwar il-kompetizzjoni fil-livell nazzjonali. Il-mod kif tiġi ttrattata l-istess imġiba ta’ assoċjazzjoni interprofessjonali tvarja ħafna skont l-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni li teżamina l-kwistjoni f’pajjiż partikolari. F’ħafna pajjiżi, hemm it-tendenza li kwalunkwe inizjattiva tas-settur tal-produzzjoni biex tittejjeb il-ġestjoni tal-provvista tiġi ppenalizzata. Dan mhu xejn ġdid: minkejja l-isforzi li saru biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni man-Netwerk Ewropew tal-Kompetizzjoni, il-passi li ttieħdu mill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ma kinux ikkoordinati b’mod effettiv.

    4.1.4   Il-KESE jirrakkomanda mudell ġdid għar-relazzjonijiet bejn il-konsumaturi u l-produtturi li jkun ta’ vantaġġ għas-swieq lokali (possibbilment permezz tal-introduzzjoni ta’ kwoti minimi obbligatorji) u li jelimina lill-intermedjarji permezz ta’ rotot iqsar jew prodotti “b’żero kilometri” (“zero food miles”). Il-Kummissjoni Ewropea għandha tħeġġeġ lill-produtturi jieħdu inizjattivi sabiex flimkien mal-konsumaturi jfittxu l-akbar valur miżjud għall-prodotti tagħhom u jissalvagwardjaw l-identità kulturali u reġjonali tal-ikel.

    4.1.5   Ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar il-Ħlasijiet Tard qajmet dibattitu interessanti madwar l-Ewropa dwar jekk il-perijodu tal-ħlas għall-prodotti agroalimentari għandux jiqsar. Fil-każ tal-prodotti li jitħassru malajr, ikun utli li jiġi stabbilit perijodu ta’ mhux aktar minn 30 ġurnata, li jibda mid-data tal-kunsinna tal-prodotti lill-klijent u mhux mid-data tal-ħruġ tal-fattura. Apparti kontroll akbar fuq il-ħlasijiet li jsiru tard, għandha tiġi inkluża definizzjoni ċara tal-prattiki u l-klawsoli abbużivi, kif ukoll strumenti effettivi sabiex dawn jitneħħew għalkollox mir-relazzjonijiet kummerċjali.

    4.2   It-trasparenza tal-katina tal-provvista alimentari

    4.2.1   Fil-fehma tal-KESE, hemm bżonn reali ta’ trasparenza fil-prezzijiet (7). Il-ħolqien ta’ strument Komunitarju ġdid għall-monitoraġġ tal-prezzijiet tal-ikel għandu jimxi id f’id ma’ setgħat ġodda ta’ sorveljanza u sanzjonijiet. Il-KESE jqis li għandu jkun hemm ċaqliq mill-monitoraġġ għall-azzjoni, sabiex il-korpi adegwati jkunu jistgħu jirreaġixxu malajr u b’mod effettiv għad-distorsjonijiet fit-tendenzi tal-prezzijiet.

    4.2.2   Il-KESE ma jaqbilx mal-idea li jekk il-konsumatur jingħata possibbiltà akbar li jqabbel il-prezzijiet ikun hemm trasparenza akbar fil-katina tal-provvista alimentari. Trasparenza u prevedibbiltà akbar tal-prezzijiet huma biss fattur wieħed minn ħafna li jinfluwenzaw it-tendenzi u l-proċessi ta’ formazzjoni tal-prezzijiet.

    4.2.3   Mingħajr l-armonizzazzjoni tal-bażijiet ta’ referenza għat-trasmissjoni tal-prezzijiet, l-isforzi tal-Kummissjoni Ewropea, li huma ta’ min ifaħħarhom, biex jiġu armonizzati u kkoordinati l-istrumenti nazzjonali differenti għall-monitoraġġ tal-prezzijiet ser ifallu. Qiegħda tintuża l-istess referenza hija u tinġabar id-data? Jeżistu linji gwida komuni dwar kif għandhom jitwaqqfu u jiffunzjonaw l-osservatorji tal-prezzijiet? L-UE għandha korpi kapaċi jintervjenu meta jinqabdu każijiet ta’ diskrepanzi, anomaliji u fluttwazzjonijiet mhux ġustifikati fil-prezzijiet? Id-data mressqa quddiem il-Kummissjoni mill-Istati Membri ħafna drabi ma tapplikax l-istess kriterji. Pereżempju, ġie nnotat li fil-każ tal-frott taċ-ċitru l-prezzijiet ippubblikati mill-Kummissjoni taħt l-intestatura tal-prezzijiet tal-produtturi huma fil-fatt il-prezzijiet ta’ meta l-prodotti jinħarġu mill-imħażen, li ma jinkludux l-ispejjeż tal-kummerċjalizzazzjoni. Dawn id-differenzi fid-data jistgħu jagħtu stampa konfuża tas-sitwazzjoni u b’hekk jagħmluha aktar iebsa sabiex tinkiseb it-trasparenza.

    4.2.4   Il-miżuri proposti mill-Komunikazzjoni ma jistgħux jaħdmu tajjeb kemm-il darba ma jibbenefikawx minn pubbliċità adatta. Dan huwa punt kruċjali, meta wieħed jikkunsidra l-bżonn li l-konsumatur jingħata informazzjoni preċiża. Minħabba ż-żieda fil-konċentrazzjoni kemm tal-industrija agroalimentari kif ukoll tas-settur tad-distribuzzjoni, ir-reputazzjoni tad-ditti saret iktar vulnerabbli, bir-riskji kollha li dan iġib miegħu għan-negozji.

    4.3   It-titjbib tal-kompetittività u l-integrazzjoni fil-katina tal-provvista alimentari

    4.3.1   Il-Kummissjoni qed twettaq ħidma tassew importanti biex tiżviluppa suq uniku għall-prodotti tal-ikel. Minkejja dan, il-varjazzjoni kbira fil-prezzijiet bejn il-pajjiżi għandha rabta diretta mal-livelli differenti tal-kapaċità tal-akkwist. Mhux biss l-Istati Membri l-ġodda (UE-12) mhux qed jirnexxilhom ilaħħqu mal-pajjiżi l-oħra, iżda wkoll id-differenzi qegħdin jikbru. Għalhekk, il-Kummissjoni Ewropea għandha tappoġġja lill-Istati Membri l-ġodda sabiex id-diskrepanzi msemmija jiċkienu u l-funzjonament tas-suq uniku jiġi ottimizzat. Jekk it-tendenza ma tinqalibx, is-sehem tas-suq tal-prodotti mill-UE-15 fl-Istati Membri l-ġodda ser jittiekel bil-mod il-mod.

    4.3.2   Il-katina tal-provvista alimentari hija kkaratterizzata minn livell għoli ta’ frammentazzjoni fis-settur tal-produzzjoni u konċentrazzjoni qawwija fis-settur tal-bejgħ bl-imnut, bil-konsegwenza li dan qed iwassal għal żbilanċi serji fir-relazzjonijiet ta’ bejniethom. Il-KESE jqis li ħafna mill-problemi li qed jipperikolaw il-funzjonament tajjeb tal-katina tal-provvista alimentari ġejjin mill-fatt li n-negozji li jinsabu fl-aħħar tal-katina żviluppaw b’rata aktar mgħaġġla u b’mod aktar omoġenju u kkonċentrat. Il-Kummissjoni Ewropea, li tinsab konxja ta’ din il-kwistjoni, tixtieq tiżviluppa l-organizzazzjonijiet tal-produtturi (skont il-mudell tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq tal-frott u l-ħaxix) bil-għan li titnaqqas il-frammentazzjoni mil-lat tal-provvista; madankollu, il-KESE jenfasizza li l-aktar ħaġa importanti mhijiex li jinħolqu aktar organizzazzjonijiet tal-produtturi u ta’ daqs akbar, iżda li jissaħħu l-ġestjoni tagħhom u l-kapaċità ta’ kummerċjalizzazzjoni tagħhom sabiex isiru strument utli għad-dispożizzjoni tal-bdiewa. Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea tintroduċi miżuri ġodda kontra l-kriżi u għall-istabbilizzazzjoni, bħal pereżempju strument ta’ assigurazzjoni għad-dħul. L-esperjenza pożittiva tal-Kanada u l-Istati Uniti tal-Amerika f’dan il-qasam hija argument favur l-implimentazzjoni fl-Ewropa ta’ din il-miżura, li ġiet ikkonfermata bħala waħda leġittima mid-WTO.

    4.3.3   L-assoċjazzjonijiet interprofessjonali għandhom jiġu rinfurzati u msaħħa mill-ġdid permezz ta’ qafas konġunt għall-azzjoni. Hemm bżonn ta’ leġislazzjoni Ewropea li tarmonizza u tiżviluppa bl-istess regoli l-assoċjazzjonijiet interprofessjonali f’kull Stat Membru b’tali mod li ma jkunux sempliċement round tables settorjali inkarigati mill-promozzjoni ġenerika. Huwa essenzjali li jitneħħew l-ostakli leġislattivi li jxekklu ċ-ċertezza legali ta’ dawn l-assoċjazzjonijiet huma u jwettqu l-kompitu tagħhom bħala stabilizzaturi tas-suq, u li jingħataw prerogattivi akbar meta jiġu adottati ftehimiet intersettorjali sabiex ma jkunux soġġettati għad-deċiżjonijiet arbitrarji li jieħdu l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni.

    Brussell, 15 ta’ Settembru 2010.

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Mario SEPI


    (1)  Konklużjonijiet tal-Grupp ta’ Livell Għoli dwar is-Settur tal-Ħalib, adottati fil-15 ta’ Ġunju 2010.

    (2)  Konklużjonijiet tal-Presidenza, adottati bil-maġġoranza fil-laqgħa tal-Kunsill Agrikoltura fid-29 ta’ Marzu 2010.

    (3)  Is-settur agroalimentari jirrappreżenta 7 % tal-impjiegi fl-UE u 5 % tal-valur miżjud tagħhom.

    (4)  Ir-riforma tal-PAK fl-2013, ĠU C 354, 28.12.2010, p. 35.

    (5)  F’dan ir-rigward, Spanja qdiet rwol ta’ pijuniera billi waqqfet ċentru għall-monitoraġġ tal-prezzijiet, Franza wettqet riflessjoni aktar fil-fond dwar il-kuntratti obbligatorji u r-Renju Unit għażel li jistabbilixxi awtorità ta’ sorveljanza sabiex tiżgura li l-kodiċijiet ta’ prattika tajba jiġu rrispettati.

    (6)  ĠU C 175, 28.7.2009.

    (7)  ĠU C 128, 18.5.2010, p. 111.


    Top