Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010AE0648

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Insaħħu l-mudell agroalimentari Ewropew” (opinjoni esploratorja)

    ĠU C 18, 19.1.2011, p. 1–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    19.1.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 18/1


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Insaħħu l-mudell agroalimentari Ewropew” (opinjoni esploratorja)

    2011/C 18/01

    Relatur: Is-Sur ESPUNY MOYANO

    Korelatur: is-Sur TRÍAS PINTO

    F'ittra tat-23 ta' Lulju 2009, u b'konformità mal-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, il-Presidenza Spanjola tal-UE kkonsultat lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

    Insaħħu l-mudell agroalimentari Ewropew (Opinjoni esploratorja).

    Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-25 ta' Marzu 2010.

    Matul l-462 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fit-28 u d-29 ta' April 2010 (sessjoni tat-28 ta' April), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'124 vot favur, vot kontra u 3 astensjonijiet.

    1.   Il-mudell agroalimentari Komunitarju llum

    1.1   Il-Politika Agrikola Komuni (PAK) mhijiex biss l-ewwel politika komuni fl-eqqel tal-kelma – żviluppata permezz tal-estensjoni reċenti tas-setgħat tagħha fit-Trattat tal-Lisbona – iżda hija wkoll mudell agroalimentari fiha nnifisha. Għalhekk għandha tkun tal-ikbar interess strateġiku għall-Ewropa u taqdi rwol attiv ta' influwenza fil-qafas internazzjonali.

    1.2   Il-Politika Agrikola Komuni, li żammet l-objettivi tagħha mill-bidu nett kif ukoll fir-riformi suċċessivi tat-Trattati, f'dawn l-aħħar ħamsin sena adattat ruħha għall-bżonnijiet il-ġodda imposti mill-iżviluppi li saru: ir-riforma tal-istrumenti u s-sistemi ta' ġestjoni, il-baġits, it-talbiet tas-soċjetà u d-dħul fis-suq ta' pajjiżi terzi. Illum għandna mudell agroalimentari sostenibbli li huwa dejjem iktar ibbażat fuq l-għaqda ta' konsiderazzjonijiet ekonomiċi, ambjentali u soċjali.

    1.3   Tul dan il-proċess, il-mudell agroalimentari Ewropew kiseb b'mod progressiv l-objettivi essenzjali tiegħu: il-garanzija ta' provvista ta' ikel bnin u sikur lill-popolazzjoni, il-bini ta' sistema ekonomika agroalimentari mexxejja fid-dinja u l-offerta ta' produzzjoni varjata, ta' kwalità u apprezzata mill-konsumaturi.

    2.   Vantaġġi u żvantaġġi

    2.1   Anke jekk il-valutazzjoni ġenerali hija waħda pożittiva, jidher biċ-ċar li jeħtieġ li jerġgħu jiġu kkunsidrati ċerti żviluppi u ċertu titjib tal-mudell, fosthom:

    il-bżonn ta' strumenti komuni li jindirizzaw il-volatilità tal-prezzijiet li tista' terġa' titfaċċja fis-snin li ġejjin, bil-għan li jiġu evitati ġrajjiet bħal dawk li seħħew fl-2007 u l-2008;

    it-titjib tas-sistemi ta' speċifiċità agroalimentari – Ċertifikat ta' Oriġini Protetta, Indikazzjoni Ġeografika Protetta, Speċjalità Tradizzjonali Garantita – b'mod li jiġu ssemplifikati u razzjonalizzati l-kundizzjonijiet tagħhom, li jitqawwew ir-rekwiżiti tekniċi u li jissaħħaħ il-mudell, kif ukoll li tittejjeb il-protezzjoni ġusta ta' dawn il-prodotti fis-swieq esterni;

    il-garanzija ta' politika ta' promozzjoni ġenwina għall-prodotti agroalimentari Komunitarji, li tagħti valur miżjud Ewropew lir-rikkezza u l-varjetà tal-prodotti tagħna u li fuq kollox tgħaqqad kif jixraq il-promozzjoni tal-valuri tal-Ewropa mal-iżvilupp kummerċjali tal-prodotti tagħha;

    progress ibbażat fuq viżjoni strateġika tal-katina agroalimentari – il-produzzjoni, l-ipproċessar u l-kummerċ – b'titjib tat-trasparenza tas-sistema u b'miżuri li jevitaw abbuż ta' pożizzjoni dominanti jew prattiki żleali li jbiddlu l-funzjonament tagħha;

    it-titjib tal-informazzjoni mogħtija lill-konsumatur permezz ta' mudell komuni ta' tikketta, u t-tfassil ta' sistema li tuża l-possibbiltajiet kollha tat-teknoloġiji l-ġodda tal-informazzjoni b'mod li l-għażla tal-konsumatur tkun l-iktar għażla infurmata possibbli.

    3.   Niffaċċjaw l-isfidi immedjati

    3.1   L-Unjoni Ewropea dieħla f'fażi ġdida b'istituzzjonijiet imġedda u Trattat ġdid. Ser ikollha tiffaċċja għadd ta' sfidi ġodda u twettaq bidliet kbar li jgħinuha tistabbilixxi ruħha fir-rwol mexxej tagħha, b'mod speċjali sabiex tinstab soluzzjoni għall-kriżi ekonomika u finanzjarja attwali.

    3.2   F'dan il-kuntest, is-sistema agroalimentari Komunitarja għandha r-rekwiżiti tagħha li għandhom jiġu kkunsidrati fil-proċess ta' riflessjoni attwali li ser iwitti t-triq għall-Politika Agrikola Komuni l-ġdida ppjanata għall-2013. Uħud minn dawn ir-rekwiżiti huma msemmija f'dan id-dokument u ġew ippreżentati iktar fid-dettall f'opinjonijiet oħra tal-KESE (1).

    3.3   F'din l-opinjoni l-KESE jixtieq jidħol iktar fid-dettall fir-rigward tal-valuri tas-sostenibbilità tal-mudell agroalimentari u jfisser l-importanza tagħhom. Billi dan huwa l-uniku mudell validu fuq perijodu twil, huwa importanti li jiġi applikat b'mod uniformi fis-suq Komunitarju, u li jiġi evitat li jiġi adottat biss mill-operaturi Ewropej. Jidher biċ-ċar li dan huwa l-uniku mudell sostenibbli li għandna.

    4.   Lejn mudell sikur, ibbilanċjat u ġust

    4.1   Il-mudell agroalimentari Ewropew huwa bbażat fuq skema li tikkunsidra t-tliet aspetti tas-sostenibbiltà: l-aspett ekonomiku, ambjentali u soċjali.

    4.2   F'dawn l-aħħar snin, b'mod speċjali fl-aħħar riforma tal-PAK, ġew inklużi dispożizzjonijiet leġiżlattivi wiesgħa f'oqsma importanti bħal dawn li ġejjin:

    it-tisħiħ tas-sigurtà alimentari u t-traċċjabilità;

    ir-regolazzjoni tal-produzzjoni ekoloġika, il-produzzjoni integrata, prattiki iktar ambjentali u l-protezzjoni tal-ambjent b'mod ġenerali;

    l-applikazzjoni ta' diversi dispożizzjonijiet fil-qasam tat-trattament xieraq tal-annimali, estiża għall-produzzjoni ġenerali;

    l-istabbiliment ta' dispożizzjonijiet soċjali u l-protezzjoni tal-ħaddiema.

    4.3   Il-KESE jemmen li dan il-mudell huwa fundamentali għaż-żamma tal-PAK fil-ġejjieni, u huwa l-muftieħ biex l-Ewropa tkompli tikkompeti f'dinja dejjem iktar globalizzata. Dawn il-valuri, maqlubin f'regoli u sforz favur ir-riċerka u l-produzzjoni agroalimentari, għandhom jippermettu lill-Unjoni Ewropea li tiffaċċja l-isfidi f'dinja li fiha, skont il-FAO, il-bżonnijiet ta' produzzjoni ta' ikel fid-dinja ser jirduppjaw.

    4.4   Iżda t-twettiq ta' dan il-mudell jeħtieġ sforzi importanti min-naħa tal-operaturi Komunitarji, kemm fil-produzzjoni kif ukoll fl-ipproċessar agrikolu. Għaldaqstant ma jidhirx loġiku li fl-applikazzjoni prattika tiegħu jkun hemm difetti varji li jistgħu jxekklu l-eżistenza tiegħu stess.

    4.5   L-ewwel difett jinsab fil-qasam tas-sigurtà alimentari u l-konformità tal-importazzjoni tal-ikel, l-għalf, l-annimali u l-pjanti mar-regoli Komunitarji. L-Ewropa tgħallmet mill-esperjenza l-bżonn li żżomm livell għoli ta' protezzjoni tas-saħħa kemm tal-konsumaturi kif ukoll tal-annimali u tal-pjanti, u dan wassal għall-impożizzjoni tar-regoli l-ġodda wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament (KE) 178/2002 li jistabbilixxi l-prinċipji tal-liġi alimentari Komunitarja. Madankollu l-leġiżlatur iffoka fuq ir-regolazzjoni tal-obbligi tal-operaturi Komunitarji u ma indirizzax l-obbligi għall-prodotti importati.

    4.5.1   Illum-il-ġurnata, skont id-data tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel, iktar minn terz tat-twissijiet alimentari rreġistrati fis-suq intern iseħħu barra mill-Unjoni Ewropea. Il-KESE jixtieq ifakkar fil-fatt li l-Unjoni Ewropea għandha l-obbligu li tiggarantixxi s-sigurtà u s-saħħa tal-konsumaturi, kif ukoll l-applikazzjoni tal-istandards tal-prodotti kollha mqiegħda fis-suq, inklużi dawk importati.

    4.6   It-tieni problema tal-produtturi u l-intraprendituri Komunitarji hija l-fatt li n-nuqqas ta' bilanċ fis-suq Komunitarju jxekkel il-kompetittività fir-rigward tal-prodotti importati.

    4.6.1   L-eżiġenzi tal-mudell tagħna stess jgħollu b'mod konsiderevoli l-ispejjeż ta' produzzjoni, li wħud minnhom mhumiex applikati għall-prodotti importati, li barra minn hekk f'ċerti każijiet jibbenefikaw minn tariffi mnaqqsa (2).

    4.6.2   B'hekk, u skont ir-rapport LEI 2008-071 tal-Università ta' Wageningen, l-applikazzjoni tar-rekwiżiti l-ġodda dwar it-trattament xieraq tal-annimali għall-kundizzjonijiet ta' għajxien tat-tiġieġ li jbid, stabbiliti fid-Direttiva 99/74/KE, tirrappreżenta żieda ta' 8 sa 10 % tal-ispejjeż għal produttur Komunitarju medju, li jrid jikkompeti mal-prodotti importati mill-Brażil u l-Istati Uniti, li mhux biss ma japplikawx dawn ir-rekwiżiti ta' trattament xieraq tal-annimali, iżda li għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom sistemi produttivi li l-istandards tagħhom huma ħafna aktar inferjuri għal dawk previsti mil-leġislazzjoni Komunitarja (produzzjoni intensiva, inqas restrizzjonijiet fuq l-użu tal-mediċini, l-ebda limiti fl-użu tal-GMOs fl-għalf tal-annimali, eċċ).

    4.6.3   L-ispejjeż regolatorji għandhom effett simili. L-industrija Ewropea tal-għalf tal-bhejjem teħtieġ materja prima speċifika importata, billi l-produzzjoni Ewropea hija insuffiċjenti, iżda l-limiti stretti imposti mil-leġiżlazzjoni Komunitarja fil-qasam tal-GMOs jikkomplikaw l-importazzjoni tal-prodotti essenzjali għall-annimali bħaċ-ċereali, is-soja jew iż-żerriegħa b'kontenut kbir ta' proteina minn pajjiżi bħall-Brażil jew l-Arġentina. Dawn il-limitazzjonijiet jaffettwaw direttament il-produzzjoni u l-industriji tal-laħam Ewropej li jridu jiffaċċjaw żieda fl-ispejjeż li taffettwa l-kompetittività tagħhom kemm fis-suq Ewropew kif ukoll fl-esportazzjonijiet lejn pajjiżi terzi. Madankollu dan ma jfissirx li l-KESE jaqbel mal-użu tal-OĠM.

    4.6.4   Il-Kummissjoni Ewropea stess tagħraf dan il-fatt fir-rapport tad-DĠ AGRI dwar l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar il-GMOs, fejn hija tispeċifika li l-politika ta' “tolleranza zero” tista' twassal għal telf ta' EUR 200000 miljun għas-settur agroalimentari Ewropew. Barra minn hekk, il-livell għoli ta' protezzjoni tal-konsumaturi fl-Ewropa mhuwiex qiegħed jitwettaq fil-prattika, billi għadna qegħdin nimportaw laħam, ħalib u prodotti oħra minn bhejjem li trabbew b'ikel magħmul mill-annimali li jinkludi l-GMOs. Għaldaqstant, iridu jinħolqu l-kundizzjonijiet adatti biex tiġi żviluppata katina ta' produzzjoni li tqis l-aspettattivi tal-konsumaturi.

    4.6.5   Problemi simili għal dawk imsemmija hawn fuq jitfaċċjaw f'oqsma oħra fejn l-ispejjeż regolatorji huma daqstant għoljin, pereżempju l-pestiċidi (limiti massimi tar-residwi u limitazzjonijiet ambjentali oħra), is-saħħa veġetali u l-identifikazzjoni tal-annimali.

    4.7   Fl-aħħar, fid-dawl ta' ċerti konsiderazzjonijiet ta' natura politika, is-sitwazzjoni attwali mhijiex sostenibbli. Mhuwiex loġiku li l-operaturi Ewropej ikunu ddiskriminati fis-suq naturali tagħhom stess fir-rigward ta' operaturi terzi.

    5.   Il-bżonn li tinstab soluzzjoni

    5.1   Fil-fehma tal-KESE, l-Unjoni Ewropea għandha ssib soluzzjonijiet li jippermettu li tittejjeb l-applikazzjoni tal-mudell Komunitarju fis-suq intern, filwaqt li jiġu rrispettati l-kompetizzjoni ħielsa u r-regoli internazzjonali.

    5.2   Is-soluzzjoni timplika li tittieħed azzjoni f'diversi oqsma, u f'ċerti każijiet dan ifisser applikazzjoni progressiva. Fost id-diversi miżuri possibbli, il-KESE jinnota dawn li ġejjin:

    it-titjib tal-kondizzjonijiet ta' aċċess: il-kontroll tal-importazzjonijiet għandu jkun kapaċi jassigura li l-annimali u l-pjanti – b'mod speċjali dawk li għandhom jiġu integrati fil-katina tal-ikel – jidħlu fl-Unjoni b'mod sikur u li jikkonforma mal-istandards Ewropej. Barra minn hekk, huwa importanti li l-kontroll jiġi applikat fuq il-bażi ta' proċeduri armonizzati, sabiex il-prodotti kollha, indipendentement mill-punt ta' dħul tagħhom, joffru l-istess garanziji ta' sigurtà. Hija kwistjoni ta' reċiproċità mal-operaturi Ewropej;

    it-titjib tal-approvazzjoni internazzjonali tal-mudell Ewropew: jeħtieġ li l-Unjoni Ewropea tispjega u tippromovi l-aċċettazzjoni internazzjonali tal-mudell tagħha, ibbażat fuq il-valuri ta' sostenibbiltà promossi globalment mis-sistema tan-Nazzjonijiet Uniti stess. Korpi bħad-WTO, il-FAO, il-CODEX Alimentarius Mundi, l-OIE, l-ILO, l-UNCTAD u oħrajn għandhom jiġu inklużi fl-isforz ta' promozzjoni. Bl-istess mod għandna nfittxu l-ogħla livell ta' armonizzazzjoni tal-liġijiet possibbli fil-livell internazzjonali sabiex b'hekk nevitaw diskrepanza fil-ġestjoni;

    it-titjib tas-sistema ta' rikonoxximent reċiproku tas-sistemi ta' protezzjoni tas-saħħa tal-konsumaturi u tal-annimali flimkien ma' pajjiżi terzi: l-Unjoni Ewropea għandha tinkludi fil-ftehimiet kummerċjali tagħha kapitolu speċifiku dwar ir-rikonoxximent reċiproku tas-sistemi fir-rigward tas-saħħa, il-pestiċidi u l-ikel, sabiex jinkisbu l-livelli adegwati ta' protezzjoni tas-saħħa fil-qafas stabbilit mid-WTO, bi qbil komuni;

    it-titjib tal-assistenza teknika internazzjonali: bil-promozzjoni ta' inizjattivi bħal “Better Training for Safer Food”, li tappoġġja l-kollaborazzjoni teknika ma' pajjiżi li qed jiżviluppaw, li jesportaw jew li potenzjalment ser jesportaw lejn l-Ewropa, permezz tat-taħriġ ta' persunal tekniku, it-tfassil ta' regoli u standards, l-iskambju ta' persunal, eċċ.;

    inċentivi kummerċjali: l-UE tista' wkoll tanalizza l-possibbiltà li ttejjeb il-ġestjoni kummerċjali, finanzjarja u ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp, sabiex il-pajjiżi li qed jiżviluppaw jarmonizzaw is-sistemi tagħhom mal-mudell Komunitarju;

    leġiżlazzjoni aħjar: l-Ewropa m'għandhiex tieħu miżuri protezzjonisti li jillimitaw l-aċċess għas-swieq tagħha, iżda lanqas ma tista' tippermetti li l-mudell tagħha jiġi applikat bi ħsara għall-operaturi Komunitarji tagħha stess. Is-semplifikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tista' wkoll tkun strument tassew utli biex jitnaqqas il-piż amministrattiv.

    5.2.1   Parti mill-mudell tagħna huwa bbażat fuq il-“prodotti pubbliċi” li ċ-ċittadini u l-konsumaturi jaraw bħala neċessarji: il-kwalità bbażata fuq l-oriġini u l-metodi ta' produzzjoni, il-ħarsien tal-bhejjem, il-prinċipju ta' prekawzjoni jew protezzjoni tal-ambjent huma fost l-iktar kriterji importanti.

    5.2.2   Il-politika Ewropea għandu jkollha strumenti li jimpedixxu d-delokalizzazzjoni tax-xogħol lejn żoni oħra, sabiex tkun tista' tikkompeti bl-istess kundizzjonijiet u tippromovi l-applikazzjoni tar-regoli soċjoprofessjonali dwar ix-xogħol dinjituż li qegħdin nippromovu fis-suq intern. L-Unjoni Ewropea għandha wkoll taħdem mal-korpi internazzjonali rilevanti (b'mod speċjali d-WTO) sabiex ir-regoli soċjoprofessjonali (3) fundamentali jiġu inklużi fost il-konsiderazzjonijiet non kummerċjali, billi l-kummerċ jista' biss ikun tassew ħieles meta jkun ġust ukoll.

    5.2.3   Għaldaqstant il-leġiżlatur għandu jagħti prijorità lill-ibbilanċjar mill-ġdid tas-sitwazzjoni attwali billi jadotta l-miżuri legali adegwati.

    5.3   Il-KESE jitlob lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni jikkunsidraw din l-opinjoni u jħeġġeġ lill-Presidenza Spanjola tipproponi miżuri li jmorru f'din id-direzzjoni.

    Brussell, 28 ta’ April 2010.

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Mario SEPI


    (1)  C 77 tal-31.3.2009, p. 81.

    (2)  Il-KESE jfakkar li l-UE hija l-ewwel importatur dinji ta' prodotti agroalimentari, pożizzjoni li kisbet permezz ta' skemi doganali preferenzjali (Sistema ta' Preferenzi Ġeneralizzati (SPG), SPG+, u l-inizjattiva “kollox minbarra l-armi”), għall-prodotti kollha mill-pajjiżi inqas żviluppati jew li qed jiżviluppaw.

    (3)  Konvenzjoni tal-ILO 87, 98, 105, 111, 135, 182; Dikjarazzjoni tal-ILO dwar il-Prinċipji Fundamentali u d-Drittijiet fuq ix-Xogħol; Dikjarazzjoni Tripartita tal-ILO dwar il-Kumpaniji Multinazzjonali u l-Politika Soċjali; Dikjarazzjoni tal-ILO dwar ix-Xogħol Sfurzat; Dikjarazzjoni tal-ILO dwar id-Diskriminazzjoni; Aġenda tal-ILO dwar ix-Xogħol Deċenti; Dikjarazzjoni tal-ILO dwar ix-Xogħol tat-Tfal; Prinċipji tal-OECD dwar il-Governanza Korporattiva; Linji Gwida tal-OECD dwar il-Kumpaniji Multinazzjonali; Dikjarazzjoni tal-Millennju tan-Nazzjonijiet Uniti.


    Top