Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010AE0641

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-edukazzjoni favur l-inklużjoni soċjali: għodda għall-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali” (opinjoni esploratorja)

    ĠU C 18, 19.1.2011, p. 18–23 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    19.1.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 18/18


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-edukazzjoni favur l-inklużjoni soċjali: għodda għall-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali” (opinjoni esploratorja)

    2011/C 18/04

    Relatur: is-Sinjura SÁNCHEZ MIGUEL

    F'ittra datata t-23 ta' Lulju 2009, is-Sur Diego López Garrido, Segretarju tal-Istat ta' Spanja għall-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin u l-Kooperazzjoni, talab lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, f'isem il-Presidenza Spanjola futura, biex skont l-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Unjoni Ewropea, ifassal opinjoni esploratorja dwar

    L-edukazzjoni favur l-inklużjoni soċjali: għodda għall-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali

    Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-23 ta' Marzu 2010.

    Matul l-462 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-28 u d-29 ta' April 2010 (seduta tat-28 ta' April), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'103 voti favur, 13-il vot kontra u 10 astensjonijiet.

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1

    Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon id-deċiżjoni biex fl-2010 jirduppjaw l-isforzi biex jinqerdu l-esklużjoni u faqar u jenfasizza l-importanza li jintużaw l-edukazzjoni u t-taħriġ bħala għodod effettivi biex dawn l-għanijiet jintlaħqu. L-edukazzjoni hija rikonoxxuta bħala strument importanti għall-inklużjoni fis-soċjetà ta' dawk li jgħixu fil-faqar.

    1.2

    Il-fatt li waħda mill-prijoritajiet tal-“Istrateġija tal-UE għall-2020” hija t-tisħiħ tal-edukazzjoni bħala mezz kif jiġu miġġielda l-inugwaljanza u l-faqar u li t-tliet presidenzi tal-UE fuq bażi ta' rotazzjoni, jiġifieri Spanja, il-Belġju u l-Ungerija, stabbilixxew “L-edukazzjoni għal kulħadd” bħala wieħed mill-objettivi tagħhom ifisser li huwa possibbli li jitressqu sensiela ta' miżuri li għandhom l-għan li jagħmlu l-edukazzjoni u t-taħriġ għodod effettivi għall-glieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali.

    1.3

    L-edukazzjoni ġiet rikonoxxuta bħala dritt tal-bniedem bażiku minn mindu twaqqfet l-UE u saru sforzi kbar pożittivi sabiex dan id-dritt isir ġid pubbliku disponibbli għal kulħadd. Il-KESE ta l-kontribut tiegħu f'dan il-qasam b'għadd kbir ta' opinjonijiet, u kollha kemm huma jirrikonoxxu li l-għan ċentrali tal-edukazzjoni huwa li l-individwi jitħarrġu biex ikunu ħielsa, b'moħħ kritiku, indipendenti u kapaċi jikkontribwixxu lejn l-iżvilupp tas-soċjetà li jgħixu fiha, b'livell għoli ta' ħiliet sabiex jindirizzaw l-isfidi l-ġodda, b'mod partikulari fid-dinja tax-xogħol, iżda wkoll li jkunu konxji li jaqsmu valuri u kultura u li d-dinja li jgħixu fiha għandha tiġi mħarsa għall-ġenerazzjonijiet futuri.

    1.4

    Fuq il-bażi tal-kunċett tal-edukazzjoni favur l-inklużjoni, il-KESE jirrakkomanda li l-UE u l-Istati Membri jridu jirrevedu l-politiki tal-edukazzjoni, il-kontenut, l-approċċi u l-istrutturi tagħhom u l-allokazzjoni tar-riżorsi, iżda li hija meħtieġa wkoll reviżjoni u/jew l-aġġornament ta' politiki relatati mal-impjieg, servizzi pubbliċi ta' kwalità, attenzjoni għal gruppi speċifiċi (it-tfal, il-persuni bi ħtiġijiet speċjali, il-migranti, eċċ.) u li l-perspettiva msejsa fuq il-ġeneru tiġi inkluża f'dawn il-politiki kollha. L-edukazzjoni inklużiva tista' ssir f'għadd ta' ambjenti, formali u mhux formali, fi ħdan familji, fil-komunità, sabiex il-piż ma jaqax esklużivament fuq l-iskejjel. Din mhijiex kwistjoni marġinali jew waħda li tiffoka biss fuq il-fqar. Anzi, għandha tkun miftuħa għall-gruppi soċjali kollha li jeħtiġuha. Ir-raġunijiet għalfejn għandna nagħżlu l-edukazzjoni inklużiva huma:

    edukattivi, għaliex tesiġi sistema edukattiva ta' kwalità aċċessibbli għal kulħadd mill-ewwel snin tal-infanzja

    soċjali, għaliex l-edukazzjoni trid tgħin biex tinbidel il-mentalità, u tgħin sabiex jinbnew soċjetajiet li huma ħielsa mill-esklużjoni, il-preġudizzjoni u d-diskriminazzjoni, u

    ekonomiċi, għaliex tgħin sabiex tiżdied il-kompetittività quddiem l-isfidi ekonomiċi ġodda u d-domandi l-ġodda tas-suq tax-xogħol.

    1.5

    Ilhom ħafna snin isiru diskussjonijiet fl-UE dwar ir-rikonoxximent tar-riżultati tal-edukazzjoni mhux formali, li ssir barra mill-ambiti edukattivi tradizzjonali filwaqt li tikkomplementa l-edukazzjoni formali billi lin-nies tipprovdilhom kompetenzi prattiċi, soft skills u attitudnijiet, u tħeġġeġ iċ-ċittadinanza attiva. Għalkemm dawn id-diskussjonijiet għadhom ma waslux fi stadju ta' ftehimiet kunsenswali fil-livell tal-UE, b'mod ġenerali qed jiġi rikonoxxut li l-edukazzjoni mhux formali tgħin sabiex jiżdied l-aċċess għas-suq tax-xogħol. Il-KESE huwa tal-fehma li jkun utli għall-UE li tħares lejn dan l-aspett fid-dawl tal-edukazzjoni favur l-inklużjoni, u konsegwentement jirrakkomanda:

    il-ġbir ta' informazzjoni dwar id-dispożizzjonijiet istituzzjonali u tekniċi attwali u proposta dwar it-twaqqif ta' indikaturi għall-kejl tal-benefiċċji potenzjali tar-rikonoxximent tal-edukazzjoni mhux formali u l-ġbir ta' evidenza dwar min jista' jibbenefika minnha;

    ir-reviżjoni tal-mudelli għall-għarfien tar-riżultati tal-edukazzjoni mhux formali sabiex jiġu identifikati dawk li huma l-iktar egalitarji, effettivi u ta' benefiċċju, b'mod partikulari għal dawk esklużi soċjalment, u l-iżgurar tal-kwalità tal-edukazzjoni pprovduta;

    l-inkoraġġiment tal-iskambju ta' esperjenzi li kellhom suċċess bejn l-Istati Membri;

    l-involviment tal-imsieħba soċjali, l-NGOs ikkonċernati kif ukoll ir-rappreżentanti tal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni formali u mhux formali f'dan il-proċess.

    1.6

    Il-KESE rrimarka f'opinjonijiet preċedenti li edukazzjoni pubblika ta' kwalità għal kulħadd hija għodda li tippromovi l-ugwaljanza u l-inklużjoni soċjali. F'dan ir-rigward, huwa essenzjali li dawk kollha esklużi jkollhom aċċess għal edukazzjoni ta' kwalità għolja li fil-biċċa l-kbira tkun pubblika (1), li tagħtihom aċċess għas-suq tax-xogħol u għal impjieg diċenti u li jitħallas tajjeb.

    1.7

    Fl-aħħar nett, il-KESE jirrakkomanda li, mingħajr ma tintilef il-koerenza mal-prijoritajiet politiċi diġà definiti, l-azzjonijiet li għandhom jittieħdu għandhom iservu bħala xprun għal impenji ferm iktar kuraġġużi u ambizzjużi f'dan il-qasam, li jinvolvu l-ikbar firxa possibbli ta' istituzzjonijiet u atturi soċjali.

    1.8

    Il-konferenza organizzata mill-KESE f'Firenze mill-20 sat-22 ta' Mejju 2010 dwar “L-edukazzjoni fil-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali” torbot tajjeb ħafna ma' din il-kwistjoni. Fil-fatt, din il-konferenza ser tiffoka fuq approċċ trasversali u ser tlaqqa għadd kbir ta' atturi f dan il-qasam.

    2.   Daħla

    2.1

    Id-dritt għall-edukazzjoni bħala dritt fundamentali tal-bniedem ġie rikonoxxut u inkluż fl-istrumenti kollha l-Unjoni Ewropea waqqfet minn mindu nħolqot. L-Ewropa għamlet sforzi kbar u pożittivi sabiex dan id-dritt isir ġid pubbliku aċċessibbli għal kulħadd (2). Minkejja dan, għad hemm sferi tal-popolazzjoni li għadhom esklużi mill-benefiċċji tagħha, u dan jaggrava l-kondizzjonijiet ta' faqar li għadhom ma ġewx eradikati. L-Istati Membri, il-Kummissjoni u l-Parlament Ewropew ipproponew u approvaw miżuri sostanzjali mmirati lejn il-ġlieda kontra l-faqar, bl-użu tal-edukazzjoni pubblika ta' kwalità għal kulħadd bħala strument favur l-inklużjoni. B'mod simili, l-UE ddeċidiet li l-2010 ser tkun is-Sena Ewropea għall-Ġlieda Kontra l-Faqar (3).

    2.2

    L-inklużjoni soċjali u l-ġlieda kontra l-faqar huma wkoll parti mill-għanijiet tal-Unjoni Ewropea għat-tkabbir u l-impjieg. Il-koordinazzjoni tal-politiki nazzjonali dwar il-protezzjoni u l-inklużjoni soċjali qiegħda ssir permezz ta' proċess ta' skambju u tagħlim magħruf bħala l-“metodu miftuħ ta' koordinazzjoni” (MMK) li qed jiġi applikat fl-oqsma li jaqgħu fil-kompetenzi tal-Istati Membri għall-finijiet li tintlaħaq konverġenza bejn il-politiki nazzjonali sabiex jintlaħqu wħud mill-objettivi komuni. L-MMK jgħin biex jikkoordina politiki soċjali, b'mod partikulari fil-kuntest tal-Istrateġija mġedda ta' Lisbona.

    2.3

    Barra minn hekk, l-edukazzjoni u t-taħriġ huma fatturi ewlenin għat-titjib tal-iżvilupp ekonomiku u l-koeżjoni soċjali fis-soċjetajiet tagħna. In-nuqqas li jintlaħqu l-objettivi għat-tnaqqis tal-livelli ta' faqar u l-konsegwenzi tiegħu, f'termini tal-esklużjoni, il-kriżi ekonomika attwali flimkien maż-żjieda fil-qgħad ifissru li huwa dejjem iktar importanti li jinsabu l-mezzi sabiex ikun possibbli li nimxu 'l quddiem lejn l-objettiv tal-inklużjoni attiva.

    2.4

    L-ewwel prijorità tal-UE fir-rigward tal-Istrateġija 2020 (4) hija“Il-ħolqien tal-valur billi nsejsu t-tkabbir fuq il-konoxxenza”. Għaldaqstant, qed jiġi rikonoxxut li l-għarfien (il-konoxxenza) huwa l-mutur ta' tkabbir sod u dejjiemi u li l-edukazzjoni, ir-riċerka, l-innovazzjoni u l-kreattività jagħmlu differenza. Il-konklużjonijiet tas-Summit tax-Xogħol li sar fi Praga f'Mejju 2009 jsegwu l-istess linja. F'dan ir-rigward, u fid-dawl tal-kriżi ekonomika attwali li kellha impatt kbir fuq il-ħaddiema u l-kumpaniji, b'mod partikulari l-SMEs, u meta wieħed jikkunsidra li l-qgħad laħaq livelli storiċi qrib ta' 20,2 % b'differenzi sostanzjali bejn il-pajjiżi fl-UE; huwa neċessarju li jissaħħu l-miżuri, b'mod partikulari fir-rigward tal-politika tal-edukazzjoni, li jgħinu biex jinħoloq ix-xogħol, u fl-istess waqt, tissaħħaħ l-ugwaljanza bejn l-Ewropej kollha.

    2.5

    L-edukazzjoni pubblika, li hija waħda mill-istrumenti ewlenin li trawwem l-ugwaljanza, attwalment qed tindirizza bosta sfidi ġodda f'dinja dejjem iktar globalizzata, iżda fl-istess ħin fejn hemm iktar inugwaljanza, u li hija iktar maqsuma u asimmetrika. L-integrazzjoni edukattiva u soċjali għal kull min qed jitgħallem hija prijorità għall-awtoritajiet pubbliċi u għall-organizzazzjonijiet internazzjonali u reġjonali. L-edukazzjoni favur l-inklużjoni soċjali hija approċċ immirat biex jintlaħqu l-ħtiġijiet tat-tagħlim tat-tfal, iż-żgħażagħ u l-adulti kollha, u b'mod partikulari dawk minn setturi li huma l-iktar affettwati mid-diskriminazzjoni, il-marġinalizzazzjoni, il-faqar jew l-esklużjoni soċjali.

    2.6

    L-edukazzjoni u t-taħriġ jistgħu jkunu strumenti effettivi għall-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali. Iż-żgħażagħ b'inqas opportunitajiet fis-soċjetà jiffaċċjaw diffikultajiet speċifiċi assoċjati mal-fatt li jiġu minn ambjenti żvantaġġjati mil-lat edukattiv, soċjoekonomiku jew ġeografiku, jew minħabba li qed jgħixu b'diżabilità.

    2.7

    Skont il-linji gwida tal-UNESCO dwar l-edukazzjoni inklużiva, din titqies bħala proċess ta' indirizzar u reazzjoni għall-firxa ta' ħtiġijiet ta' dawk kollha li qed jitgħallmu permezz ta' aktar parteċipazzjoni fit-tagħlim, fil-kulturi u fil-valuri tal-komunità, u t-tnaqqis tal-esklużjoni soċjali u l-faqar. L-Edukazzjoni favur l-inklużjoni soċjali tesiġi bidliet fil-kontenut, fl-approċċi, fl-istrutturi u fl-istrateġiji edukattivi, il-bidliet li dawn iġibu għall-programmi tat-taħriġ tal-għalliema, l-allokazzjoni ta' aktar riżorsi b'viżjoni li tkopri dawk kollha li jitgħallmu u bil-konvinzjoni li hija r-responsabbiltà tas-sistema regolari li jiġi edukat kulħadd. L-edukazzjoni inklużiva tħaddan l-għoti ta' reazzjonijiet adatti lill-ispettru wiesa' ta' ħtiġijiet tat-tagħlim tal-gruppi soċjali u tista' tiġi offruta permezz ta' ambjenti edukattivi formali u mhux formali.

    2.8

    Minflok ma hi kwistjoni marġinali dwar kif xi wħud minn dawk li jitgħallmu jistgħu jiġu integrati fil-qasam edukattiv, jew minflok ma ssir enfasi esklużiva fuq l-ifqar persuni, l-edukazzjoni inklużiva hija approċċ li jesiġi t-trasformazzjoni tas-sistemi edukattivi u ambjenti oħra tat-tagħlim sabiex l-azzjoni ssir fil-kuntest tad-diversità ta' dawk li jitgħallmu u ssir għodda b'saħħitha għall-ġlieda kontra l-faqar. Għandha tippermetti kemm l-għalliema kif ukoll dawk li jitgħallmu li jħossuhom komdu mad-diversità u jarawha bħala sfida u opportunità biex jarrikkixxu l-ambjent tat-tagħlim, minflok ma tkun problema.

    2.9

    Hekk kif il-qgħad tal-massa beda jinfirex inħolqu sitwazzjonijiet ta' faqar mingħajr preċedent. Il-kriżi ekonomika dinjija attwali (5) hija biss il-konferma xejn pjaċevoli ta' dan. Illum il-ġurnata l-faqar ma jfissirx biss li hemm dħul mhux suffiċjenti, jista' jieħu l-forma wkoll ta' aċċess limitat jew ineżistenti għall-kura tas-saħħa jew l-edukazzjoni, ambjent perikoluż, il-persistenza tad-diskriminazzjoni u l-preġudizzji u l-esklużjoni soċjali. Impjieg fih innifsu (jekk ma jkunx impjieg tajjeb) ma jħarisx b'mod effettiv kontra l-faqar. U l-faqar estrem huwa iktar mifrux fost in-nisa milli l-irġiel. Ir-riskju tal-faqar estrem huwa konsiderevolment ogħla għan-nisa fi sbatax mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea. Familji b'ġenitur wieħed, fejn il-kap tal-familja tkun mara, jiffaċċjaw riskju ħafna ikbar li jaqgħu fil-faqar. F'dinja fejn 60 % tal-popolazzjoni jgħixu b'6 % biss tad-dħul globali, fejn 50 % jgħixu b'USD 2 kuljum u iktar minn biljun ruħ jaqilgħu inqas minn USD 1 kuljum, l-Ewropa ma tistax tingħalaq f'fortizza u tinjora l-kuntest li qed tgħix fih.

    2.10

    Il-problemi li qed jiżdiedu tal-faqar urban, nies li qed jiċċaqilqu mill-kampanja għal żoni industrijali u l-migrazzjoni bil-massa huma sfida għall-politiki soċjali tar-reġjun. Skont iċ-ċifri tal-EUROSTAT għall-2009, 16 % tal-popolazzjoni Ewropea qed tgħix taħt il-linja tal-faqar, fl-Ewropa, wieħed minn kull għaxra jgħix f'dar fejn l-ebda membru tal-familja ma jaħdem, tfal f'għadd ta' Stati Membri huma iktar esposti għall-faqar milli l-bqija tal-popolazzjoni, u huwa maħsub li 19 % (jiġifieri 19-il miljun tifel u tifla) huma fil-periklu. Huwa essenzjali li ngħinu biex noħorġu miċ-ċiklu li jwassal biex daqstant minnhom biex jispiċċaw jgħixu fil-faqar billi jinħoloq ambjent ta' tagħlim sigur u stabbli u li jkun kapaċi jiggarantixxi li dawk kollha li jitgħallmu jkunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet fundamentali tagħhom, jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom u jkollhom kull opportunità ta' suċċess fil-ġejjieni.

    3.   Kummenti ġenerali

    3.1

    Il-ġlieda kontra l-faqar tagħmel parti ewlenija tal-politiki dwar l-inklużjoni u l-impjieg tal-UE u tal-Istati Membri. Waqt li qabel kienet titqies bħala parti mill-politika tal-għajnuna soċjali, il-ġlieda kontra l-faqar issa żviluppat fi ġlieda kontra l-esklużjoni. M'għadhiex biss kwistjoni dwar il-protezzjoni tas-soċjetà mill-konsegwenzi tal-biża' tal-faqar, iżda li jiġu ggarantiti d-drittijiet tal-bniedem ta' dawk l-individwi milquta mill-faqar. Meta ddeċidew fl-2007 li s-sena 2010 tkun is-sena għall-“Ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali”, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill stqarru li madwar 78 miljun ruħ attwalment qed jgħixu mhedda bil-faqar fl-UE, u din iċ-ċifra qed tkompli tiżdied. Miżuri li jinvolvu lill-UE u lill-Istati Membri tagħha kienu meħtieġa peress li din is-sitwazzjoni marret kontra l-valuri komuni tal-Unjoni Ewropea.

    3.2

    Barra minn hekk, fl-2000 l-Istati Membri tan-NU adottaw l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju (MDG) li kellhom il-mira li b'mod partikulari jnaqqsu l-faqar estrem bin-nofs. Suppost dawn it-tmien għanijiet għandhom jintlaħqu sal-2015. Madankollu, huwa rikonoxxut li fil-klima ekonomika attwali, ser ikun diffiċli ħafna li niżguraw li l-għanijiet kollha jintlaħqu f'dak il-perijodu ta' żmien. L-UE ddeċidiet li tiddedika s-sena 2010 għall-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali speċifikament sabiex jissaħħu l-isforzi favur dawn l-għanijiet.

    3.3

    Il-KESE żamm ripetutament pożizzjoni armonizzata li fl-essenza tagħha tgħid li s-soċjetà tal-għarfien hija waħda mill-istrumenti essenzjali sabiex tintlaħaq integrazzjoni sħiħa għaċ-ċittadini kollha, minflok għal minoranza privileġġjata, u b'mod speċjali bħala wieħed mill-mezzi sabiex jintlaħqu l-objettivi stipulati fis-Summit ta' Lisbona.

    3.4

    Dan l-aħħar il-KESE esprima l-opinjoni (6) li dawk b'livell ta' edukazzjoni iktar baxx jiffaċċjaw l-ikbar riskju ta' esklużjoni. Id-dritt għall-edukazzjoni għandu jagħtihom għażliet biex itejbu l-kwalità tal-ħajja tagħhom u biex ikollhom aċċess għas-suq tax-xogħol. B'mod simili, għandna nżommu f'moħħna li l-bidliet ekonomiċi, soċjali u teknoloġiċi jitolbu li jsiru aġġustament fil-kontenut edukattiv, b'mod partikulari jekk l-edukazzjoni għandha tilħaq il-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol. F'dan ir-rigward, il-KESE jissuġġerixxi bidla kemm fil-kurrikulu tal-iskola kif ukoll f'dak tal-università, sabiex ikunu jistgħu jiġu kkomplementati minn programmi ta' taħriġ vokazzjonali li jiffaċilitaw id-dħul fis-suq tax-xogħol (7) għal dawk li forsi jitilqu mill-iskola kmieni. Dan jista' jkun mod kif tiġi evitata l-ħsara kkawżata mill-esklużjoni soċjali, u tagħmel tajjeb għal din il-ħsara.

    3.5

    Il-KESE (8) adotta wkoll opinjoni li appoġġjat il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar “Ħiliet ġodda għal impjiegi ġodda”. Punt li jrid jiġi enfasizzat huwa l-appell għal “tisħiħ tal-ħiliet fil-livelli kollha [li] huwa fattur essenzjali kemm biex terġa' tiġi stimulata l-ekonomija fil-perijodu l-qasir u għall-iżvilupp fit-tul, kif ukoll sabiex jiżdiedu l-produzzjoni, il-kompetittività u l-impjiegi u jiġu żgurati l-opportunitajiet indaqs u l-koeżjoni soċjali.”

    3.6

    F'kull każ, hemm kwistjoni waħda inevitabbli u din hija li jiġi definit il-prinċipju bażiku tal-edukazzjoni favur l-inklużjoni, għaliex barra milli hi strateġija, hija wkoll proċess li jitlob minna li nirrivedu mhux biss il-politiki edukattivi, iżda wkoll dawk relatati mal-impjieg, il-forniment ta' servizzi pubbliċi ta' kwalità, li tingħata attenzjoni għad-diversità ta' dawk li għandhom jiġu edukati u fejn ikunu: l-irġiel, in-nisa, it-tfal, iż-żgħażagħ u l-anzjani, il-migranti, il-qiegħda, persuni li jgħixu b'diżabilità jew bl-HIV/AIDS, eċċ.). Essenzjalment, l-edukazzjoni favur l-inklużjoni fl-aħħar mill-aħħar għandha l-intenzjoni li telimina kull forma ta' esklużjoni, kemm dik li toriġina minn attitudnijiet negattivi kif ukoll minn nuqqas ta' apprezzament tad-diversità. Tista' ssir f'għadd ta' kuntesti, formali u mhux formali, fi ħdan familji jew fil-komunità, u tiżgura li l-piż ma jaqax esklużivament fuq l-iskejjel.

    3.7

    L-edukazzjoni mhux formali ta' spiss tkun ibbażata fuq forom u metodi ta' ħidma pedagoġiċi parteċipattivi u mhux ġerarkiċi u tkun assoċjata mill-qrib u mmexxija mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Bis-saħħa tan-natura u l-approċċ minn isfel għal fuq tagħha, l-edukazzjoni mhux formali kienet għodda effiċjenti għall-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali. Għaldaqstant, il-KESE jenfasizza li l-edukazzjoni mhux formali jista' jkollha wkoll rwol sinifikanti fl-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-UE “Ewropa 2020”.

    3.8

    Is-suċċess tat-tagħlim tul il-ħajja jiġi rinfurzat mill-edukazzjoni mhux formali li tikkomplementa u tappoġġja l-edukazzjoni formali. Din ir-rabta tista' pereżempju, taqdi rwol importanti biex tagħmel it-tagħlim aktar attraenti għaż-żgħażagħ, u b'hekk din tiġġieled kontra l-fatt li l-istudenti jitilqu mill-iskola qabel iż-żmien billi jiġu introdotti metodi ġodda, jiġu ffaċilitati t-transizzjonijiet bejn l-edukazzjoni formali u dik mhux formali u r-rikonoxximent tal-ħiliet (9).

    3.9

    L-OECD tat attenzjoni speċjali lill-edukazzjoni informali b'għadd ta' studji u pjani (10). Għad m'hemmx ftehimiet ġenerali dwar kif, u sa liema punt, l-għarfien miksub mill-“edukazzjoni mhux formali” u inqas u inqas mill-“edukazzjoni informali” għandu jiġi rikonoxxut. Dan jesiġi, fost oħrajn, ir-rikonoxximent li l-partijiet interessati l-oħra, bħall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, ikollhom il-kapaċità jgħallmu barra mis-sistema edukattiva formali u jistabbilixxu standards għall-evalwazzjoni tal-kompetenzi li jinkisbu b'dan il-mod. L-għarfien tal-kompetenzi u l-ħiliet li huma meħtieġa żviluppa permezz ta' strateġiji dwar it-tagħlim tul il-ħajja fl-Istati Membri varji. F'uħud minnhom, il-proċeduri għall-għarfien legali ta' dawn il-kompetenzi u ħiliet qed jiġu studjati permezz tal-qafas nazzjonali tal-kwalifiki li diġà jeżisti, u dan ser jiffaċilita l-proċess tal-aċċess għas-suq tax-xogħol. Il-KESE jaħseb li huwa utli għall-UE li tħares lejn dan l-aspett fil-livell tal-Istati Membri u jirrakkomanda li l-Istati Membri jaqsmu l-esperjenzi pożittivi u l-prattiki eżemplari.

    3.10

    Żball ieħor li għandu jiġi evitat huwa li l-istrateġiji tal-inklużjoni fil-qasam tal-edukazzjoni huma disponibbli biex għall-foqra, l-immigranti u dawk li għal xi raġuni abbandunaw is-sistema tal-iskola. Jekk jiġri hekk iktar se jiġu iżolati milli inklużi l-parteċipanti. Waħda mill-alternattivi tista' tkun li l-bieb ta' dawn is-sistemi jibqa' miftuħ għal gruppi oħrajn li forsi jkollhom bżonnhom (11). Min-naħa l-oħra l-edukazzjoni mhux formali ma tiħux post l-edukazzjoni formali, iżda fir-rikonoxximent tal-valur tal-għarfien li jinkiseb b'dak il-mod, tikkomplementa l-edukazzjoni formali billi l-benefiċjarji ta' dawn il-miżuri jingħataw l-għodda biex jerġgħu lura fl-ambjent tal-edukazzjoni formali jekk ikunu jridu jew ikollhom bżonn.

    3.11

    Il-KESE huwa tal-fehma li huwa essenzjali li dawk kollha esklużi jibbenefikaw minn edukazzjoni ta' kwalità għolja li fil-biċċa l-kbira tkun pubblika (12), li tagħtihom aċċess għas-suq tax-xogħol u għal impjieg diċenti u li jitħallas tajjeb. Hija ħaġa daqstant importanti li din l-edukazzjoni tgħaddi l-valuri fundamentali taċ-ċittadinanza, tal-ugwaljanza effettiva bejn is-sessi u tal-parteċipazzjoni demokratika attiva. Il-KESE huwa impenjat favur l-edukazzjoni li ma tkunx biss utilitarja, li tiffoka biss fuq it-tagħlim tal-ħiliet, iżda li tikkontribwixxi għall-iżvilupp personali u soċjali, toħloq individwi miftuħa u kritiċi li huma kapaċi jsiru involuti b'mod attiv f'soċjetajiet iktar maturi politikament u fejn hemm dejjem iktar ugwaljanza soċjali.

    3.12

    l-KESE jemmen li l-promozzjoni tal-inklużjoni fl-edukazzjoni tfisser li tiżdied il-kapaċità għal analiżi kritika. Ikun ta' għajnuna wkoll it-titjib fl-oqfsa edukattivi u soċjali tal-istudenti sabiex ikunu jistgħu jlaħqu mal-esiġenzi l-ġodda tas-suq tax-xogħol u tas-soċjetà. Fil-qosor, ir-rabta tal-edukazzjoni mal-inklużjoni soċjali tfisser ukoll li tintrabat mal-għanijiet tal-iżvilupp tas-soċjetà u r-reġjuni fejn qed tingħata. B'dan il-mod, l-edukazzjoni tista' sservi wkoll bħala għodda biex il-faqar jinqered b'mod progressiv.

    3.13

    Ir-raġunijiet, fil-qosor, għalfejn irridu nagħżlu l-edukazzjoni inklużiva huma:

    Edukattivi: l-esiġenza li s-sistema edukattiva tkun aċċessibbli għal kulħadd –“l-objettivi ta' edukazzjoni għal kulħadd sal-2015” – ifisser li din is-sistema trid tkun miftuħa għad-diversità ta' dawk kollha li għandhom jiġu edukati.

    Soċjali: l-edukazzjoni tista' u trid tgħin biex jinbidlu l-mentalitajiet, tgħin biex jinbnew soċjetajiet li huma ħielsa mid-diskriminazzjoni u l-preġudizzju, fejn kulħadd jista' jeżerċita d-drittijiet fundamentali tiegħu.

    Ekonomiċi: l-edukazzjoni inklużiva ser tgħin biex tiżdied il-kompetittività reali ta' soċjetajiet li qed jiffaċċjaw sfidi ekonomiċi ġodda. Il-kompetittività msejsa fuq ħiliet reali minflok fuq il-kompetizzjoni inġusta. L-inklużjoni u l-kwalità jsaħħu lil xulxin b'mod reċiproku.

    4.   Objettivi speċifiċi

    4.1

    Is-Sena Ewropea għall-Ġlieda Kontra l-Faqar għandha erba' objettivi speċifiċi:

    —   l-għarfien: l-għarfien tad-dritt tan-nies f'qagħda ta' faqar u esklużjoni soċjali biex jgħixu fid-dinjità u biex ikunu parti sħiħa mis-soċjetà;

    —   is-sjieda: żieda fis-sjieda pubblika tal-politiki u l-azzjonijiet tal-inklużjoni soċjali, enfasi fuq ir-responsabbiltà ta' kulħadd fit-trattament tal-faqar u l-marġinalizzazzjoni;

    —   il-koeżjoni: il-promozzjoni ta' soċjetà iktar koeżiva, billi titqajjem kuxjenza pubblika tal-benefiċċji għal kulħadd ta' soċjetà fejn il-faqar huwa eradikat u ħadd ma jkun kkundannat jgħix fil-marġini;

    —   l-impenn: it-tennija tal-impenn politiku qawwi tal-UE għall-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali, u l-promozzjoni ta' dan l-impenn fil-livelli kollha tal-governanza.

    4.2

    Is-Sena Ewropea ser tiffoka fuq it-temi li ġejjin:

    a)

    il-faqar tat-tfal u t-trażmissjoni interġenerazzjonali tal-faqar;

    b)

    suq tax-xogħol inklużiv;

    c)

    in-nuqqas ta' aċċess għall-edukazzjoni u t-taħriġ;

    d)

    id-dimensjoni tas-sessi fil-faqar;

    e)

    l-aċċess għas-servizzi bażiċi;

    f)

    l-għelbien tad-diskriminazzjoni u l-promozzjoni tal-integrazzjoni tal-immigranti u l-inklużjoni soċjali u fis-suq tax-xogħol ta' minoranzi etniċi;

    g)

    l-indirizzar tal-bżonnijiet ta' nies b'diżabilità u gruppi vulnerabbli oħrajn.

    4.3

    B'hekk is-sena 2010 fl-Ewropa ser tipprovdi opportunità unika biex nimmobilizzaw u nissensibbilizzaw pubbliku wiesa' u diversifikat ħafna fil-ġlieda kontra l-faqar u biex jiġi enfasizzat ir-rwol li l-edukazzjoni tista' taqdi fit-triq lejn l-eradikazzjonital-faqar. Dan il-għan jista' jintlaħaq biss jekk jitwassal messaġġ qawwi u ċar, minflok għadd ta' messaġġi mċajpra. Huwa għalhekk li l-KESE qed jipproponi li jikkonċentra l-attivitajiet tiegħu fi pjattaforma ċentrali: L-edukazzjoni favur l-inklużjoni soċjali: għodda b'saħħitha għall-ġlieda kontra l-faqar. Lejn Ewropa mingħajr esklużjoni soċjali.

    4.4

    Il-Gvern Spanjol huwa inkarigat mill-Presidenza tal-Unjoni Ewropea matul l-ewwel sitt xhur tal-2010. F'dawn l-aħħar snin, Spanja wriet interess partikulari fis-suġġett tal-ġlieda kontra l-faqar, l-eradikazzjoni tal-esklużjoni soċjali u l-edukazzjoni inklużiva. Spanja ħadet il-Presidenza fil-bidu tas-Sena Ewropea ddedikata għal dan is-suġġett. Iċ-ċerimonja ta' ftuħ saret f'Madrid fil-21 ta' Jannar 2010 u s-Summit Ewropew tradizzjonali, meta Spanja ser tgħaddi l-Presidenza fuq bażi ta' rotazzjoni lill-Belġju, ser jinżamm fit-tmiem ta' Ġunju. L-interess u l-impenn li wriet Spanja dwar is-suġġett tal-Edukazzjoni għal Kulħadd jidhru li jipprovdu opportunità tajba biex titwettaq sensiela sħiħa ta' attivitajiet li ser jiżguraw li din is-sena tħalli l-marka tagħha fuq l-għamla tad-deċiżjonijiet politiċi li jressquna eqreb lejn l-objettiv mixtieq li neliminaw il-faqar u l-esklużjoni soċjali.

    Brussell, 28 ta’ April 2010.

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Mario SEPI


    (1)  Ara l-linji gwida tal-UNESCO dwar politiki ta' inklużjoni fl-edukazzjoni, Pariġi 2009.

    (2)  Il-Karta Ewropea tad-Drittijiet Fundamentali (2000). Għandha ssir referenza wkoll għar-ratifika mill-pajjiżi Ewropej tat-Trattati Internazzjonali kollha relatati mad-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikulari l-Konvenzjoni Internazzjonali dwar id-Drittijiet tat-Tfal (1989) u l-Patti Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali u dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (1966).

    (3)  ĠU C 224, 30.8.2008, p. 106.

    (4)  COM(2009) 647 finali 24.11.2009. Dokument ta' Ħidma tal-Kummissjoni – Konsultazzjoni dwar l-Istrateġija Futura “UE 2020”.

    (5)  Key Data on Education in Europe. (Rapport tal-2009 tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-edukazzjoni fl-Ewropa). http://eacea.ec.europa.eu/education/eurydice/documents/key_data_series/105EN.pdf.

    (6)  C 128 tat-18.5.2010, p. 10.

    (7)  ĠU C 256, 27.10.2007, p. 93.

    (8)  C 128 tat-18.5.2010, p. 74.

    (9)  ĠU C 151, 17.6.2008, p. 45 u ĠU C 318, 23.12.2009, p. 113.

    (10)  Pereżempju “L-għarfien tat-tagħlim mhux formali u informali fil-pajjiżi tal-OECD: Idea tajba ħafna fil-periklu?”. It-tagħlim tul il-ħajja fl-Ewropa, Patrick Werquin, Pariġi, 2008.

    (11)  OECD, Beyond Rhetoric: Adult learning policies and practices. Pariġi, 2003 and Promoting Adult Learning, Pariġi, 2005.

    (12)  Ara l-linji gwida tal-UNESCO dwar politiki ta' inklużjoni fl-edukazzjoni, Pariġi 2009.


    APPENDIĊI

    għall-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    L-emendi li ġejjin, li ġabru mill-inqas kwart tal-voti mixħuta, ġew irrifjutati fid-dibattiti

    Punt 1.5

    Riżultat tal-votazzjoni:

    Voti favur

    :

    44

    Voti kontra

    :

    61

    Astensjonijiet

    :

    14

    Punt 3.7

    “ L-edukazzjoni mhux formali ta' spiss tkun ibbażata fuq forom u metodi ta' ħidma pedagoġiċi parteċipattivi u mhux ġerarkiċi u tkun assoċjata mill-qrib u mmexxija mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Bis-saħħa tan-natura u l-approċċ minn isfel għal fuq tagħha, l-edukazzjoni mhux formali kienet għodda effiċjenti għall-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali. Għaldaqstant, il-KESE jenfasizza li l-edukazzjoni ‘mhux formali’ jista' jkollha rwol importanti ħafna fl-implimentazzjoni tal-istrateġija -UE -2020.”

    Riżultat tal-votazzjoni:

    Voti favur

    :

    37

    Voti kontra

    :

    73

    Astensjonijiet

    :

    10


    Top