Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009XC0903(01)

    Avviż ta' bidu ta' proċedura kontra s-sussidji dwar l-importazzjonijiet ta' ċertu polyethylene terephthalate li joriġina fl-Iran, fil-Pakistan u fl-Emirati Għarab Magħquda

    ĠU C 208, 3.9.2009, p. 7–11 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    3.9.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 208/7


    Avviż ta' bidu ta' proċedura kontra s-sussidji dwar l-importazzjonijiet ta' ċertu polyethylene terephthalate li joriġina fl-Iran, fil-Pakistan u fl-Emirati Għarab Magħquda

    2009/C 208/07

    Il-Kummissjoni rċeviet ilment skont l-Artikolu 10 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 597/2009 tal-11 ta' Ġunju 2009 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Komunità Ewropea (“ir-Regolament bażiku”) (1), li jallega li l-importazzjonijiet ta' ċertu polyethylene terephthalate, li joriġina fl-Iran, fil-Pakistan u fl-Emirati Għarab Magħquda (“il-pajjiżi kkonċernati”), qegħdin jiġu ssussidjati u għalhekk qegħdin joħolqu ħsara materjali għall-industrija Komunitarja.

    1.   L-ilment

    L-ilment tressaq fl-20 ta' Lulju 2009 mill-Kumitat għal Polyethylene Terephthalate tal-assoċjazzjoni Plastics Europe (“il-kwerelant”) f'isem il-produtturi li jirrappreżentaw proporzjon kbir, f'dan il-każ aktar minn 50 %, tal-produzzjoni totali Komunitarja ta' ċertu polyethylene terephthalate (“PET”).

    2.   Il-prodott

    Il-prodott li allegatament qed ikun issussidjat huwa polyethylene terephthalate bin-numru ta' viskożità ta' 78 ml/g jew aktar, skont l-istandard ISO 1628-5, li joriġina fl-Iran, fil-Pakistan u fl-Emirati Għarab Magħquda (“il-prodott ikkonċernat”), bħalissa kklassifikat bil-kodiċi NM 3907 60 20. Dan il-kodiċi tan-NM qed tingħata biss bħala tagħrif.

    3.   L-allegazzjoni ta’ sussidju

    (a)   L-Iran

    Huwa allegat li l-uniku produttur tal-prodott ikkonċernat fl-Iran gawda minn numru ta' sussidji mogħtija mill-Gvern tal-Iran. Is-sussidji huma magħmulin minn skemi li jagħtu benefiċċji lill-industriji fiż-Żona Ekonomika Speċjali Petrokimika, inkluż fost l-oħrajn, eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kapital, eżenzjoni diretta mit-taxxa fuq id-dħul u l-importazzjoni ta' materja prima u prodotti kapitali mingħajr dazju fuq l-importazzjoni.

    Huwa allegat li dawn l-iskemi huma sussidji billi dawn jinvolvu kontribuzzjoni finanzjarja mill-Gvern tal-Iran u jikkonferixxu benefiċċju lid-destinatarju, jiġifieri l-uniku produttur esportatur tal-prodott ikkonċernat. Dawn huma allegatament limitati għall-operaturi f'żoni ekonomiċi speċjali u għalhekk speċifiċi u kumpensatorji.

    (b)   Il-Pakistan

    Huwa allegat li l-produtturi tal-prodott ikkonċernat fil-Pakistan gawdew minn numru ta' sussidji mogħtija mill-Gvern tal-Pakistan. Is-sussidji huma magħmulin minn skemi li jagħtu benefiċċji lill-industriji rikonoxxuti bħala ta' valur miżjud jew industriji tal-esportazzjoni. Dawn jinkludu fost l-oħrajn eżenzjoni mid-dazju doganali fuq l-importazzjoni ta' materja prima użata fil-manifattura għall-esportazzjoni, tnaqqis fid-dazju doganali fuq l-importazzjoni ta' tagħmir, makkinarju u apparat, tnaqqis ta' taxxa fil-forma ta' kontribuzzjoni fl-ewwel sena fuq l-investimenti f'tagħmir, makkinarju u apparat, u konċessjoni għal investiment mill-ġdid.

    Huwa allegat li dawn l-iskemi huma sussidji billi dawn jinvolvu kontribuzzjoni finanzjarja mill-Gvern tal-Pakistan u jikkonferixxu benefiċċju lid-destinatarji, jiġifieri lill-esportaturi/produtturi tal-prodott ikkonċernat. Dawn huma allegatament limitati għall-industriji ta' valur miżjud u industriji għall-esportazzjoni u għalhekk speċifiċi u kumpensatorji.

    (c)   L-Emirati Għarab Magħquda

    Huwa allegat li l-uniku produttur tal-prodott ikkonċernat fl-Emirati Għarab Magħquda gawda minn numru ta' sussidji mogħtija mill-Gvern tal-Emirati Għarab Magħquda. Is-sussidji huma magħmulin minn skemi li jagħtu benefiċċji fost l-oħrajn lill-industriji orjentati lejn l-esportazzjoni kif ukoll industriji stabbiliti f'żoni ddeterminati mill-Gvern. Dawn jinkludu fost l-oħrajn l-allokazzjoni ta' sit ta' bini għall-proġetti, jew b'xejn jew bi prezz imnaqqas, il-kiri ta' bini industrijali b'kundizzjonijiet tajbin ħafna, il-provvista ta' elettriku u ilma b'rati ta' inċentiva, l-importazzjonijiet ta' materja prima u prodotti kapitali bla dazju, l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-profitti magħmula mill-proġetti, il-konċessjonijiet għal investiment mill-ġdid, l-eżenzjoni mid-dazji u mit-taxxi għal prodotti magħmula lokalment u s-sussidji fuq l-esportazzjoni.

    Huwa allegat li dawn l-iskemi huma sussidji billi dawn jinvolvu kontribuzzjoni finanzjarja mill-Gvern tal-Emirati Għarab Magħquda u jikkonferixxu benefiċċju lid-destinatarju, jiġifieri l-uniku produttur esportatur tal-prodott ikkonċernat. Dawn huma allegatament mogħtija lil ċerti tipi speċifiċi ta' proġetti, inklużi proġetti orjentati lejn l-esportazzjoni u proġetti f'żoni ddeterminati mill-Gvern, u għalhekk speċifiċi u kumpensatorji.

    4.   L-allegazzjoni ta’ ħsara

    Il-kwerelant ipprovda evidenza li l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat mill-Iran, mill-Pakistan u mill-Emirati Għarab Magħquda żdiedu b'mod ġenerali f'termini assoluti u f'termini ta' sehem mis-suq.

    Qed jiġi allegat li l-volumi u l-prezzijiet tal-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat għandhom, fost konsegwenzi oħrajn, impatt negattiv fuq is-sehem mis-suq miksub u l-livell ta’ prezzijiet applikati mill-industrija Komunitarja, bir-riżultat li hemm effetti negattivi sostanzjali fuq il-qagħda finanzjarja u s-sitwazzjoni fir-rigward tal-impjiegi, tal-industrija Komunitarja.

    5.   Il-proċedura

    Wara li ddeterminat, wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, li l-ilment tressaq mill-industrija tal-Komunità jew f’isimha u li hemm biżżejjed evidenza biex tiġġustifika l-bidu ta’ proċediment, il-Kummissjoni b'dan qed tagħti bidu għal investigazzjoni skont l-Artikolu 10 tar-Regolament bażiku.

    5.1.    Il-proċedura għad-determinazzjoni tal-issussidjar u l-ħsara

    L-investigazzjoni se tiddetermina jekk il-prodott ikkonċernat li joriġina mill-Iran, mill-Pakistan u mill-Emirati Għarab Magħquda huwiex qed ikun issussidjat u jekk dan is-sussidju kkawżax ħsara.

    (a)   It-teħid ta’ kampjuni

    Minħabba li jidher li hemm għadd kbir ta’ partijiet involuti f’dan il-proċediment, il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li tieħu kampjun skont l-Artikolu 27 tar-Regolament bażiku.

    (i)   It-teħid tal-kampjun għall-importaturi

    Biex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk it-teħid ta’ kampjuni huwiex meħtieġ u, jekk dan ikun il-każ, tagħżel kampjun, l-importaturi kollha, jew ir-rappreżentanti li jaġixxu f’isimhom, qegħdin b’dan jintalbu jippreżentaw ruħhom lill-Kummissjoni u jipprovdu t-tagħrif li ġej dwar il-kumpanija jew il-kumpaniji tagħhom fil-limitu ta’ żmien stipulat fil-punt 6(b)(i) u fil-formati indikati fil-punt 7:

    isem, indirizz, indirizz elettroniku, numri tat-telefon u tal-faks u persuna ta' kuntatt,

    il-fatturat totali f'euro tal-kumpanija matul il-perjodu bejn l-1 ta' Lulju 2008 u t-30 ta' Ġunju 2009,

    l-għadd totali ta’ impjegati,

    l-attivitajiet preċiżi tal-kumpanija fir-rigward tal-prodott ikkonċernat jew prodott simili,

    il-volum f'tunnellati u l-valur f'euro tal-importazzjonijiet u l-bejgħ mill-ġdid magħmul fis-suq tal-Komunità matul il-perjodu bejn l-1 ta' Lulju 2008 u t-30 ta' Ġunju 2009 tal-prodott ikkonċernat importat li joriġina mill-Iran, mill-Pakistan u mill-Emirati Għarab Magħquda,

    l-ismijiet u l-attivitajiet preċiżi tal-kumpaniji relatati kollha (2) involuti fil-produzzjoni u/jew fil-bejgħ tal-prodott ikkonċernat jew ta' prodott simili,

    kwalunkwe informazzjoni oħra rilevanti li tista’ tgħin lill-Kummissjoni fl-għażla tal-kampjun.

    Meta tipprovdi l-informazzjoni ta’ hawn fuq, il-kumpanija tkun qed taqbel mal-inklużjoni possibbli tagħha fil-kampjun. Jekk il-kumpanija tintgħażel biex tkun parti mill-kampjun, dan jimplika li trid twieġeb kwestjonarju u li taċċetta investigazzjoni fuq il-post tat-tweġibiet li tagħti. Jekk il-kumpanija tindika li ma taqbilx mal-inklużjoni possibbli tagħha jew l-inklużjoni tagħha fil-kampjun, titqies li ma kkooperatx fl-investigazzjoni. Il-konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ kooperazzjoni huma stipulati fil-punt 8 hawn taħt.

    Sabiex tikseb it-tagħrif li tqis li huwa meħtieġ għall-għażla tal-kampjun ta’ importaturi, il-Kummissjoni se tikkuntattja wkoll lil kwalunkwe għaqda magħrufa ta’ importaturi.

    (ii)   It-teħid ta' kampjun għall-produtturi Komunitarji

    Minħabba l-għadd kbir ta' produtturi tal-Komunità li appoġġjaw l-ilment, il-Kummissjoni biħsiebha tinvestiga l-ħsara lill-industrija Komunitarja billi tieħu kampjun.

    Sabiex il-Kummissjoni tkun tista' tiddeċiedi jekk it-teħid ta' kampjuni huwiex meħtieġ u, jekk dan ikun il-każ, tagħżel kampjun, il-produtturi kollha tal-Komunità, jew ir-rappreżentanti li jaġixxu f'isimhom, huma b'dan mitluba jipprovdu l-informazzjoni li ġejja dwar il-kumpanija jew kumpaniji tagħhom fil-limitu ta' żmien stipulat fil-punt 6(b)(i) u fil-formati indikati fil-punt 7:

    isem, indirizz, indirizz elettroniku, numri tat-telefon u tal-faks u persuna ta' kuntatt,

    il-fatturat totali f'euro tal-kumpanija matul il-perjodu bejn l-1 ta' Lulju 2008 u t-30 ta' Ġunju 2009,

    l-attivitajiet preċiżi tal-kumpanija madwar id-dinja fir-rigward tal-prodott ikkonċernat,

    il-valur tal-bejgħ f'euro ta' prodott simili magħmul fis-suq tal-Komunità matul il-perjodu mill-1 ta' Lulju 2008 sat-30 ta' Ġunju 2009,

    il-volum ta' bejgħ f'tunnellati ta' prodott simili magħmul fis-suq tal-Komunità matul il-perjodu mill-1 ta' Lulju 2008 sat-30 ta' Ġunju 2009,

    il-volum ta' produzzjoni f'tunnellati ta' prodott simili matul il-perjodu mill-1 ta' Lulju 2008 sat-30 ta' Ġunju 2009,

    l-ismijiet u l-attivitajiet preċiżi tal-kumpaniji relatati kollha (3) involuti fil-produzzjoni u/jew fil-bejgħ ta' prodott simili,

    kwalunkwe informazzjoni oħra rilevanti li tista’ tgħin lill-Kummissjoni fl-għażla tal-kampjun.

    Meta tipprovdi l-informazzjoni ta’ hawn fuq, il-kumpanija tkun qed taqbel mal-inklużjoni possibbli tagħha fil-kampjun. Jekk il-kumpanija tintgħażel biex tkun parti mill-kampjun, dan jimplika li trid twieġeb kwestjonarju u li taċċetta investigazzjoni fuq il-post tat-tweġibiet li tagħti. Jekk il-kumpanija tindika li ma taqbilx mal-inklużjoni possibbli tagħha fil-kampjun, titqies li ma kkooperatx fl-investigazzjoni. Il-konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ kooperazzjoni huma stabbiliti fil-punt 8 hawn taħt.

    (iii)   L-għażla finali tal-kampjuni

    Il-partijiet interessati kollha li jixtiequ jressqu kwalunkwe informazzjoni rilevanti rigward l-għażla tal-kampjun iridu jagħmlu dan fil-limitu ta' żmien stipulat fil-punt 6(b)(ii).

    Il-Kummissjoni biħsiebha tagħmel l-għażla finali tal-kampjuni wara li tkun ikkonsultat il-partijiet ikkonċernati li esprimew ir-rieda tagħhom li jiġu inklużi fil-kampjun.

    Il-kumpaniji inklużi fil-kampjun għandhom iwieġbu għall-kwestjonarju fil-limitu ta’ żmien stipulat fil-punt 6(b)(iii) u għandhom jikkooperaw fi ħdan il-qafas tal-investigazzjoni.

    Jekk ma ssibx biżżejjed kooperazzjoni, il-Kummissjoni tista’ tibbaża s-sejbiet tagħha fuq il-fatti disponibbli, skont l-Artikoli 27(4) u 28 tar-Regolament bażiku. Sejba bbażata fuq fatti disponibbli tista’ tkun anqas vantaġġuża għall-parti kkonċernata, kif spjegat fil-punt 8.

    (b)   Il-kwestjonarji

    Biex tikseb it-tagħrif li hi tqis meħtieġ għall-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tibgħat kwestjonarji lill-industrija Komunitarja li hija parti mill-kampjun u lil kwalunkwe assoċjazzjoni ta’ produtturi fil-Komunità, lill-esportaturi/produtturi fl-Iran, fil-Pakistan u fl-Emirati Għarab Magħquda, lil kwalunkwe assoċjazzjoni magħrufa ta’ esportaturi/produtturi, lill-importaturi magħżula għall-kampjun, lil kwalunkwe assoċjazzjoni magħrufa ta’ importaturi u lill-awtoritajiet tal-pajjiżi esportaturi kkonċernati.

    (c)   Il-ġbir ta’ tagħrif u s-smigħ ta’ seduti

    Il-partijiet kollha interessati huma b’dan mistiedna jippreżentaw il-fehmiet tagħhom, jibagħtu tagħrif għajr it-tweġibiet tal-kwestjonarju u jipprovdu evidenza ta’ sostenn. Dan it-tagħrif u din l-evidenza ta' sostenn għandhom jaslu għand il-Kummissjoni fil-limitu ta' żmien stipulat fil-punt 6(a)(ii).

    Barra minn hekk, il-Kummissjoni tista' tisma' lill-partijiet interessati, bil-kundizzjoni li dawn jagħmlu talba fejn juru li hemm raġunijiet partikolari għaliex għandhom jinstemgħu. Din it-talba trid issir fil-limitu taż-żmien stipulat fil-punt 6(a)(iii).

    5.2.    Il-proċedura għall-valutazzjoni tal-interess Komunitarju

    Skont l-Artikolu 31 tar-Regolament bażiku u fil-każ li l-allegazzjonijiet ta’ ssussidjar u ħsara kkważati minħabba f’hekk ikunu ssostanzjati, se tittieħed deċiżjoni dwar jekk l-adozzjoni tal-miżuri kumpensatorji tmurx kontra l-interess Komunitarju. Għal din ir-raġuni l-Kummissjoni tista’ tibgħat kwestjonarji lill-industrija Komunitarja, l-importaturi, l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, l-utenti rappreżentattivi u l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-konsumatur li jifformaw parti mill-kampjun. Partijiet bħal dawn, inklużi dawk li ma tafx dwarhom il-Kummissjoni, sakemm jagħtu prova li hemm rabta oġġettiva bejn l-attività tagħhom u l-prodott ikkonċernat, jistgħu, fil-limiti ġenerali ta’ żmien stipulat fil-punt 6(a)(ii), jippreżentaw ruħhom u jipprovdu lill-Kummissjoni bit-tagħrif. Il-partijiet li aġixxew skont is-sentenza preċedenti jistgħu jitolbu seduta filwaqt li jsemmu r-raġunijiet partikolari għaliex għandhom jinstemgħu fil-limitu ta’ żmien stipulat fil-punt 6(a)(iii). Ta’ min jinnota li kwalunkwe informazzjoni mressqa skont l-Artikolu 31 tar-Regolament bażiku titqies biss jekk tkun sostnuta minn evidenza fattwali fil-mument meta titressaq.

    6.   Il-limiti taż-żmien

    (a)   Il-limiti ġenerali ta’ żmien

    (i)   Biex il-partijiet jitolbu kwestjonarju

    Il-partijiet kollha interessati għandhom jitolbu kwestjonarju malajr kemm jista’ jkun, iżda mhux aktar tard minn 10 ijiem wara l-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

    (ii)   Għall-partijiet li jridu jippreżentaw ruħhom, biex jippreżentaw it-tweġibiet tal-kwestjonarju u kull informazzjoni oħra.

    Il-partijiet interessati kollha, jekk iridu li r-rappreżentazzjonijiet tagħhom jitqiesu matul l-investigazzjoni, għandhom jippreżentaw ruħhom billi jikkuntattjaw lill-Kummissjoni, jippreżentaw il-fehmiet tagħhom u jissottomettu t-tweġibiet għall-kwestjonarju jew kwalunkwe tagħrif ieħor fi żmien 40 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Qed tinġibed l-attenzjoni li l-eżerċitar tal-parti l-kbira tad-drittijiet proċedurali ddefiniti fir-Regolament bażiku jiddependi mill-fatt li l-parti tippreżenta lilha nnifisha lill-Kummissjoni matul il-perjodu msemmi qabel.

    Il-kumpaniji magħżula f’kampjun għandhom iressqu t-tweġibiet għall-kwestjonarji fil-limiti ta’ żmien stipulati fil-punt 6(b)(iii).

    (iii)   Is-seduti ta’ smigħ

    Il-partijiet interessati kollha jistgħu wkoll japplikaw biex jinstemgħu mill-Kummissjoni fl-istess limitu ta’ żmien ta’ 40 jum.

    (b)   Il-limitu speċifiku ta’ żmien fir-rigward tat-teħid ta’ kampjuni

    (i)

    It-tagħrif speċifikat fil-punti 5.1(a)(i) u 5.1(a)(ii) għandu jasal għand il-Kummissjoni fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, minħabba li l-Kummissjoni biħsiebha tikkonsulta l-partijiet ikkonċernati li esprimew ir-rieda tagħhom li jiġu inklużi fil-kampjun fl-għażla finali tagħha fi żmien 21 jum mill-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    (ii)

    Kull tagħrif ieħor rilevanti għall-għażla tal-kampjun kif imsemmi fil-punt 5.1(a)(iii) għandu jasal għand il-Kummissjoni fi żmien 21 jum mill-pubblikazzjoni ta' dan l-avviż f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    (iii)

    It-tweġibiet għall-kwestjonarju tal-partijiet inklużi fil-kampjun għandhom jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien 37 jum mid-data tal-avviż tal-inklużjoni tagħhom fil-kampjun.

    7.   Is-sottomissjonijiet bil-miktub, it-tweġibiet tal-kwestjonarju u l-korrispondenza

    Is-sottomissjonijiet u t-talbiet kollha magħmula mill-partijiet interessati għandhom isiru bil-miktub (mhux b’format elettroniku, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor) u għandhom jindikaw l-isem, l-indirizz, l-indirizz elettroniku, in-numri tat-telefon u tal-faks tal-parti interessata. Is-sottomissjonijiet kollha bil-miktub, inkluża l-informazzjoni mitluba f’dan l-avviż, it-tweġibiet tal-kwestjonarju u l-korrispondenza mogħtija mill-partijiet interessati fuq bażi kunfidenzjali għandhom ikunu mmarkati bħala “Ristretta (4) u, skont l-Artikolu 29(2) tar-Regolament bażiku, għandhom ikunu akkumpanjati b’verżjoni mhux kunfidenzjali, li għandha tkun immarkata “Għall-ispezzjoni minn partijiet interessati”.

    L-indirizz tal-Kummissjoni għall-korrispondenza:

    European Commission

    Directorate-General for Trade

    Directorate H

    Office: N-105 04/092

    1049 Brussels

    IL-BELĠJU

    Faks +32 22956505

    8.   In-nuqqas ta’ kooperazzjoni

    F’każijiet fejn kwalunke parti interessata tirrifjuta l-aċċess għall-investigazzjoni jew ma tipprovdix l-informazzjoni meħtieġa fil-limiti ta’ żmien, jew b’mod sinifikanti tfixkel l-investigazzjoni, is-sejbiet proviżorji jew finali, pożittivi jew negattivi, jistgħu jsiru skont l-Artikolu 28 tar-Regolament bażiku, fuq il-bażi tal-fatti disponibbli.

    Fejn jinstab li kwalunkwe parti interessata tkun tat informazzjoni falza jew qarrieqa, l-informazzjoni għandha tiġi injorata u għandhom jintużaw il-fatti disponibbli. Jekk parti interessata ma tikkooperax jew tikkoopera biss parzjalment u s-sejbiet għalhekk ikunu bbażati fuq fatti disponibbli skont l-Artikolu 28 tar-Regolament bażiku, ir-riżultat jista’ jkun inqas favorevoli għal dik il-parti milli kieku tkun kkooperat.

    9.   L-iskeda tal-investigazzjoni

    L-investigazzjoni se tkun konkluża, skont l-Artikolu 11(9) tar-Regolament bażiku fi żmien 13-il xahar mid-data tal-pubblikazzjoni ta' dan l-avviż f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Skont l-Artikolu 12(1) tar-Regolament bażiku, il-miżuri provviżorji jistgħu jiġu imposti mhux aktar tard minn 9 xhur mill-pubblikazzjoni ta' dan l-avviż f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    10.   L-ipproċessar ta’ dejta personali

    Ta’ min jinnota li kull dejta personali miġbura f'din l-investigazzjoni se tiġi trattata skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dak id-dejta (5).

    11.   L-Uffiċjal għas-Seduti tas-Smigħ

    Ta’ min jinnota wkoll li jekk il-partijiet interessati jqisu li qegħdin jiltaqgħu ma’ diffikultajiet biex jeżerċitaw id-drittijiet ta’ difiża tagħhom, dawn ikunu jistgħu jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal għas-Seduti tas-Smigħ tad-DĠ għall-Kummerċ. Huwa jagħmilha ta’ medjatur bejn il-partijiet interessati u s-servizzi tal-Kummissjoni, u joffri, fejn ikun hemm bżonn, medjazzjoni dwar kwistjonijiet proċedurali li jaffettwaw il-ħarsien tal-interessi tagħhom f’dan il-proċediment, b’mod partikolari fir-rigward ta’ kwistjonijiet li jikkonċernaw l-aċċess għall-fajls, il-kunfidenzjalità, l-estensjoni tal-limiti taż-żmien u t-trattament tas-sottomissjonijiet tal-fehmiet bil-miktub u/jew bil-fomm. Għal aktar informazzjoni u dettalji ta’ kuntatt, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġni fuq l-internet tal-Uffiċjal għas-Seduti tas-Smigħ fuq il-websajt tad-DĠ Kummerċ (http://ec.europa.eu/trade).


    (1)  ĠU L 188, 18.7.2009, p. 93.

    (2)  Għal gwida dwar it-tifsira ta’ kumpaniji relatati, jekk jogħġbok irreferi għall-Artikolu 143 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 li jistipula dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU L 253, 11.10.1993, p. 1).

    (3)  Għal gwida dwar it-tifsira ta’ kumpaniji relatati, jekk jogħġbok irreferi għall-Artikolu 143 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 li jistipula dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU L 253, 11.10.1993, p. 1).

    (4)  Dan ifisser li d-dokument ikun għal użu intern biss. Dan ifisser li d-dokument huwa protett skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward l-aċċess pubbliku għal dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43). Huwa dokument kunfidenzjali skont l-Artikolu 29 tar-Regolament bażiku u l-Artikolu 12 tal-Ftehim tad-WTO dwar Sussidji u Miżuri Kumpensatorji.

    (5)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.


    Top