Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009PC0701

    Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Awstralja dwar l-ipproċessar u t-trasferiment tad-dejta mir-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri (PNR) derivata mill-UE minn trasportaturi tal-ajru lis-Servizzi Doganali Awstraljani

    /* KUMM/2009/0701 finali - NLE 2009/0186 */

    52009PC0701

    Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Awstralja dwar l-ipproċessar u t-trasferiment tad-dejta mir-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri (PNR) derivata mill-UE minn trasportaturi tal-ajru lis-Servizzi Doganali Awstraljani /* KUMM/2009/0701 finali - NLE 2009/0186 */


    [pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

    Brussel 17.12.2009

    KUMM(2009)701 finali

    2009/0186 (NLE)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Awstralja dwar l-ipproċessar u t-trasferiment tad-dejta mir-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri (PNR) derivata mill-UE minn trasportaturi tal-ajru lis-Servizzi Doganali Awstraljani

    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    - Il-Kunsill tal-Ġustizzja u l-Affarijiet tal-Intern tat-30 ta' Ġunju 2008 awtorizza lill-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea biex jiffirma ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Awstralja dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta' dejta mir-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) li joriġina mill-UE minn trasportaturi bl-ajru lis-Servizz Doganali Awstraljan. Il-Ftehim ġie ffirmat mill-Partijiet fit-30 ta' Ġunju 2008 u japplika b'mod proviżorju minn dik id-data.

    - Il-leġiżlazzjoni ta' protezzjoni tal-fruntieri Awstraljani tagħti s-setgħa lid-Dwana Awstraljana biex tevalwa d-dejta PNR għar-riskju tal-linji tal-ajru internazzjonali qabel il-wasla tal-passiġġieri fl-Awstralja. Din il-leġiżlazzjoni hija mmirata għat-tisħiħ tas-sigurtà tal-fruntiera u t-territorju Awstraljan u sservi b'mod partikolari biex timplimenta l-programm elettorali 2001 tal-Gvern biex isaħħaħ is-sigurtà nazzjonali.

    - L-iskop ewlieni tal-Ftehim huwa li jiżgura l-iskambju Ewropew ta' informazzjoni dwar il-passiġġieri, magħruf bħala r-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri jew dejta PNR mad-Dwana Awstraljana skont liema s-servizzi tiegħu jevalwaw ir-riskju li passiġġier jista' jkollu fil-konfront tas-sigurtà Awstraljana.

    - F'dan il-kuntest, dan il-ftehim jipprovdi bażi legali għall-iskambju tal-informazzjoni relevanti għall-infurzar tal-liġi u l-awtoritajiet ġudizzjarji bejn l-UE u l-Istati Uniti għall-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transnazzjonali relatata, inkluża l-kriminalità organizzata, f'dan il-każ il-dejta PNR, biex b'dan il-mod tiġi pprovduta ċertezza legali għal-linji tal-ajru, għall-passiġġieri u l-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-dejta, filwaqt li tiġi żgurata l-protezzjoni tal-privatezza taċ-ċittadini kif ukoll is-sigurtà fiżika tagħhom. B'żieda ma' dan, Ftehim tal-UE jippermetti li din l-istrateġija tiġi applikata b'mod uniformi fl-Unjoni Ewropea kollha sabiex jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet tal-individwi għall-privatezza u sabiex tiġi evitata d-distorsjoni tal-kompetizzjoni bejn il-linji tal-ajru.

    ****

    - Il-Ftehim għandu l-għan li jipprevjeni u jiġġieled it-terroriżmu filwaqt li jirrispetta d-drittijiet fundamentali, u b'mod partikolari l-protezzjoni tad-dejta personali. Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Awstralja dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta' dejta mir-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) derivati mill-UE minn trasportaturi bl-ajru lis-Servizz Doganali Awstraljan huwa mmirat biex jiżgura r-rispett sħiħ għad-drittijiet fundamentali minqux fl-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u għall-prinċipji tal-proporzjonalità u l-ħtieġa fir-rigward tad-dritt għar-rispett għall-ħajja privata u tal-familja u l-protezzjoni tad-dejta personali kif stipulati fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta dwar id-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

    - L-Artikolu 218(6)(a) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jiddikjara li fil-każ ta' ftehimiet li jkopru l-oqsma li għalihom tapplika l-proċedura leġiżlattiva ordinarja, il-Kunsill għandu jadotta deċiżjoni li jikkonkludi l-ftehim, wara li jkun kiseb il-kunsens tal-Parlament Ewropew.

    ****

    - Għalhekk il-Kummissjoni tirrakkomanda lill-Kunsill, wara li jkun kiseb il-kunsens tal-Parlament Ewropew, jadotta deċiżjoni li tikkonkludi Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Awstralja dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta' dejta mir-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) li joriġina mill-Unjoni Ewropea minn trasportaturi bl-ajru lis-Servizz Doganali Awstraljan.

    2009/0186 (NLE)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    tal-[xx.xx.2010]

    dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Awstralja dwar l-ipproċessar u t-trasferiment tad-dejta mir-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri derivati mill-UE (PNR) minn trasportaturi tal-ajru għas-Servizz Doganali

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 82(1)(d) u 87(2)(a), flimkien mal-Artikolu 218 (6)(a) tiegħu,

    Wara li kkunsidra il-proposta mill-Kummissjoni,

    Wara li kkunsidra l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew[1],

    Billi:

    1. Fit-28 ta' Frar 2008 il-Kunsill iddeċieda li jawtorizza lill-Presidenza, assistita mill-Kummissjoni, biex tiftaħ negozjati għal ftehim fuq terminu twil bejn l-Unjoni Ewropea u l-Awstralja dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta' dejta mir-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR), minn trasportaturi bl-ajru lis-Servizz Doganali Awstraljan.

    2. Skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/651/CFSP/JHA tat-30 ta' Ġunju 2008[2] il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Awstralja dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta' dejta mir-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri (PNR) minn trasportaturi bl-ajru lis-Servizz Doganali Awstraljan ġie ffirmat fil- ..., suġġett għal konklużjoni f'data ulterjuri.

    3. Skont l-Artikolu 15(2) id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim għandhom japplikaw b'mod proviżorju mid-data tal-firma.

    4. Il-Ftehim għadu ma ġiex konkluż. Bid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona fl-1 ta' Diċembru 2009, il-proċeduri li għandhom jiġu segwiti għal dan il-għan mill-Unjoni Ewropea huma rregolati permezz tal-Artikolu 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

    5. Dan il-Ftehim għandu jkun konkluż.

    6. [Skont l-Artikolu 3 tal-Protokoll dwar il-Pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-qasam tal-Libertà, Sigurtà u Ġustizzja anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, ir-Renju Unit u l-Irlanda jieħdu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni. ]

    7. Skont l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex qiegħda tieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni, u mhijiex marbuta bil-Ftehim jew suġġetta għall-applikazzjoni tiegħu,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Awstralja dwar l-ipproċessar u t-trasferiment tad-dejta mir-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri derivati mill-UE (PNR) minn trasportaturi tal-ajru għas-Servizz Doganali Awstraljan[3] huwa b'dan konkluż.

    It-test tal-Ftehim li għandu jiġi konkluż huwa mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Il-President tal-Kunsill huwa hawnhekk awtorizzat sabiex jaħtar il-persuna bis-setgħa li jipproċedi f'isem l-Unjoni Ewropea bl-iskambju tal-istrumenti ta' approvazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 15 tal-Ftehim, sabiex jesprimi l-qbil tal-Unjoni Ewropea li tkun marbuta bil-Ftehim.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha. Id-Deċiżjoni għandha tkun ippubblikata f’ Il-Ġurnal Uffiċjail tal-Unjoni Ewropea .

    Id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ser tkun pubblikata f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea .

    Magħmul fi Brussell, […]

    Għall-Kunsill

    Il-President […]

    ANNESS

    .

    [1] ĠU C [...], [...], p. [...].

    [2] ĠU L 213, 8.8.2007, p. 47.

    [3] GU L 213, 8.8.2007, p. 49.

    Top