Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009PC0364

    Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja biex tkompli tapplika miżuri ta' deroga mill-Artikoli 168 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud

    /* KUMM/2009/0364 finali */

    52009PC0364

    Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja biex tkompli tapplika miżuri ta' deroga mill-Artikoli 168 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud /* KUMM/2009/0364 finali */


    [pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

    Brussel 16.7.2009

    KUMM(2009) 364 finali

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    li tawtorizza lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja biex tkompli tapplika miżuri ta' deroga mill-Artikoli 168 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud

    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA |

    110 | Ir-raġunijiet u l-għanijiet tal-proposta Skont l-Artikolu 395 tad-Direttiva 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (minn hawn ’il quddiem: 'id-Direttiva tal-VAT'), il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi unanimament fuq proposta mill-Kummissjoni, jista' jawtorizza lil kwalunkwe Stat Membru li japplika miżuri speċjali biex jidderoga mid-dispożizzjonijiet ta’ dik id-Direttiva, sabiex jissimplifika l-proċedura tal-ħlas ta' taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) jew biex iwaqqaf milli jseħħu ċerti forom ta' evażjoni jew evitar tat-taxxa. Permezz ta’ ittra rreġistrata mas-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni fid-19 ta’ Diċembru 2008, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja (minn hawn ’il quddiem ‘Il-Ġermanja) talbet awtorizzazzjoni biex tkompli tuża miżura li tagħti deroga mill-Artikolu 168 tad-Direttiva tal-VAT. Skont l-Artikolu 395(2) tad-Direttiva tal-VAT, il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri l-oħra bit-talba tal-Ġermanja, permezz ta' ittra ddatata t-3 ta' Ġunju 2009 . Permezz ta' ittra ddatata d-9 ta' Ġunju 2009, il-Kummissjoni nnotifikat lill-Ġermanja li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tqis it-talba. |

    120 | Il-kuntest ġenerali Skont l-Artikolu 168 tad-Direttiva tal-VAT, persuna taxxabbli hija intitulata li tnaqqas il-VAT imposta fuq xiri ta’ oġġetti u servizzi għall-użu fit-tranżazzjonijiet taxxabbli tagħha. Madanakollu l-miżura ta’ deroga, li għalija qed tintalab l-estensjoni mill-Ġermanja, teskludi kompletament mid-dritt għat-tnaqqis il-VAT fuq oġġetti u servizzi li jintużaw f'iktar minn 90% tal-każi għall-raġunijiet privati jew mhux għan-negozju minn persuna taxxabbli. Din il-miżura ta’ deroga fil-bidu ngħatat permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/186/EC tat-28 ta’ Frar 2000 (ĠU L 59, 4.3.2000, p12) għal perjodu sal-31 ta’ Diċembru 2002 u kienet sussegwentament estiża bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 203/354/KE tat-13 ta’ Mejju 2003 (ĠU L 123, 17.5.2003, p. 47) sat-30 ta Ġunju 2004 u għal darba oħra bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/817/KE tad-19 ta’ Novembru 2004 (ĠU L 357, 2.12.2004, p. 33) sal-31 ta’ Diċembru 2009. Il-Kummissjoni diġà stqarret fil-proposta tagħha li ressqet qabel id-Deċiżjoni 2000/186/KEE (COM(1999)690 finali) li skont hi l-miżura kkonċernata hija kompatibbli mal-Artikolu 27 tas-Sitt Direttiva 77/388/KEE (ĠU L 145, 13.6.1977, p. 1); li ġiet sostitwita, mingħajr l-ebda modifiki sostanzjali, permezz tal-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-VAT. Partikolarment, il-Kummissjoni spjegat li d-deroga hija bbażata fuq il-bżonn li tkun issimplifikata l-proċedura li biha l-VAT hija imposta fejn, fl-istess ħin, hija taffetwa l-ammont ta' taxxa dovuta fl-istadju tal-konsum finali b'mod negliġibbli biss. Għalhekk id-deroga għandha tingħata billi jkun meqjus li s-sitwazzjoni u l-fatti, li fuqhom kienet ibbażata d-deroga inizjali, għadhom jeżistu. Madanakollu, iż-żmien tal-estensjoni għandu jkun limitat sabiex qabel ma tkun ikkunsidrata talba ġdida possibbli għall-estensjoni u fuq informazzjoni xierqa pprovduta mill-Ġermanja, ikun jista' jiġi evalwat jekk dawn iċ-ċirkustanzi, li jiġġustifikaw id-deroga, inbidlux maż-żmien. Għalhekk, il-perjodu ta’ deroga għandu jkun limitat sal-31 ta’ Diċembru 2012. |

    130 | Dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam tal-proposta Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2004 li tawtorizza lill-Ġermanja biex tapplika miżura li tidderoga mill-Artikolu 17 tas-Sitt Direttiva 77/388/KEE dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mat-taxxi fuq il-valur tal-bejgħ (ĠU L 357, 2.12.2004, p. 33). |

    141 | Konsistenza mal-bqija tal-politiki u l-miri tal-Unjoni Ewropea Ma tapplikax. |

    IL-KONSULTAZZJONI MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT |

    Konsultazzjoni mal-partijiet interessati |

    219 | Mhux rilevanti. |

    Ġbir u użu tal-kompetenza |

    229 | Ma kienx hemm bżonn l-ebda għarfien espert estern. |

    230 | Valutazzjoni tal-impatt Il-proposta għall-Deċiżjoni timmira li tissimplifika l-proċedura biex tkun imposta l-VAT relatat ma' oġġetti u servizzi li huma prinċipalment użati għall-użu mhux kummerċjali u li, għalhekk, għandha potenzjalment impatt pożittiv. Madankollu, minħabba l-ambitu ristrett tad-deroga u l-applikazzjoni limitata fiż-żmien, l-impatt għandu jkun fi kwalunkwe każ limitat. |

    L-ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA |

    305 | Sommarju tal-azzjoni proposta Awtorizzazzjoni lill-Ġermanja biex tkompli tapplika miżura ta’ deroga mid-Direttiva tal-VAT fir-rigward tal-esklużjoni totali tad-dritt għat-tnaqqis fil-każ ta' oġġetti u servizzi li huma użati minn persuna taxxabbli għal iktar minn 90% tal-każi għal raġunijiet mhux ta’ negozju. |

    310 | Bażi legali Artikolu 395 tad-Direttiva tal-VAT. |

    329 | Il-prinċipju ta' sussidjarjetà Skont il-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-VAT, Stat Membru li jixtieq idaħħal miżuri ta' deroga mill-imsemmja Direttiva għandu jikseb awtorizzazzjoni mill-Kunsill, li tieħu l-forma ta' Deċiżjoni tal-Kunsill. Il-proposta għalhekk tikkonforma mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà. |

    Il-prinċipju ta' proporzjonalità Il-proposta tikkonforma mal-prinċipju ta' proporzjonalità għar-raġuni(jiet) li ġejja/in. |

    331 | Din id-Deċiżjoni tikkonċerna awtorizzazzjoni konċessa lil Stat Membru fuq it-talba tiegħu stess u ma tikkostitwixxi l-ebda obbligu. |

    332 | Minħabba l-ambitu limitat tad-deroga, il-miżura speċjali hija proporzjonata mal-għan mixtieq. |

    L-għażla tal-istrumenti |

    341 | Skont l-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-VAT, deroga mir-regoli komuni tal-VAT hija possibbli biss bl-awtorizzazzjoni tal-Kunsill waqt li jaġixxi b'mod unanimu fuq proposta mill-Kummissjoni. Deċiżjoni tal-Kunsill hija l-iktar strument adattat ladarba tista' tiġi indirizzata lill-Istati Membri individwali. |

    L-IMPLIKAZZJONI BAġITARJA |

    409 | Il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni fuq il-baġit tal-Komunità. |

    TAGħRIF ADDIZZJONALI |

    Klawżola ta’ valutazzjoni/reviżjoni/terminazzjoni |

    533 | Il-proposta tinkludi klawżola ta’ tmiem awtomatiku wara l-għeluq tal-perjodu ffissat. |

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    li tawtorizza lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja biex tkompli tapplika miżuri ta' deroga mill-Artikoli 168 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud[1], u partikolarment l-Artikolu 395(1) tagħha,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni,

    Billi:

    (1) Permezz ta’ ittra rreġistrata mas-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni fid-19 ta’ Diċembru 2008, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja (minn hawn ’il quddiem ‘Il-Ġermanja’) talbet awtorizzazzjoni biex tkompli miżura ta' deroga mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/112/KE li tirregola d-dritt għat-tnaqqis u preċedentament mogħtija bid-deċiżjoni tal-Kunsill 2004/817/KE[2] skont is-Sitt Direttiva li kienet applikabbli dakinhar 77/388/KE[3].

    (2) Skont l-Artikolu 395(2) tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri l-oħra bit-talba li saret mill-Ġermanja permezz ta’ ittra ddatata t-3 ta’ Ġunju 2009. Permezz ta' ittra ddatata d-9 ta' Ġunju 2009, il-Kummissjoni nnotifikat lill-Ġermanja li hija tikkonsidra neċessarju li tqis it-talba.

    (3) Il-miżura derogatorja hija maħsuba biex teskludi kompletament mid-dritt għat-tnaqqis il-VAT fuq oġġetti u servizzi meta dawn jintużaw f'iktar minn 90% tal-każi għall-raġunijiet privati tal-persuna taxxabbli, jew tal-impjegati tagħha, jew għal raġunijiet li mhumiex ta' negozju inġenerali.

    (4) Il-Miżura tidderoga mill-Artikola 168 tad-Direttiva 2006/112/KE li tistabbilixxi l-prinċipju ġenerali tad-dritt ta' tnaqqis u hija maħsuba biex tissimplifika l-proċedura tal-imposta tal-VAT. L-ammont ta' taxxa dovut fl-istadju finali tal-konsum huwa biss affettwat b’mod negliġibbli.

    (5) Is-sitwazzjoni legali u fattwali li kienet iġġustifikat l-applikazzjoni kurrenti tal-miżura ta’ simplifikazzjoni kkonċernata ma nbidlitx u għadha teżisti. Il-Ġermanja għandha għalhekk tkun awtorizzata tapplika l-miżura ta’ simplifikazzjoni għall-perjodu ieħor, iżda limitat sal-31 ta' Diċembru 2012 sabiex tippermetti evalwazzjoni tal-miżura.

    (6) Id-deroga mhux ser ikollha l-ebda impatt negattiv fuq ir-riżorzi proprji tal-Komunità mill-VAT,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    B'deroga mill-Artikolu 168(2) tad-Direttiva 2006/112/KEE, il-Ġermanja hija awtorizzata li teskludi n-nefqa fuq oġġetti u servizzi mid-dritt ta' tnaqqis tal-VAT meta f’iktar minn 90% tal-każi l-oġġetti u s-servizzi inkwistjoni huma użati għal raġunijiet privati tal-persuna taxxabbli, jew tal-impjegati tagħha, jew, b'mod iktar ġenerali, għal skopijiet li mhumiex ta' negozju.

    Artikolu 2

    Id-Deċiżjoni għandha tapplika sal-31 ta' Diċembru 2012.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni hi indirizzata lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

    Magħmul fi Brussell,

    Għall-Kunsill

    Il-President

    [1] ĠU L 347, 11.12.2006, p.1

    [2] ĠU L 357, 2.12.2004, p. 33.

    [3] ĠU L 145, 13.6.1977, p. 1.

    Top