EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009PC0328

Proposta għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar ambjenti bla tipjiP {SEC(2009)894} {SEC(2009)895} {SEC(2009)896)

/* KUMM/2009/0328 finali - CNS 2009/0088 */

52009PC0328

Proposta għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar ambjenti bla tipjiP {SEC(2009)894} {SEC(2009)895} {SEC(2009)896) /* KUMM/2009/0328 finali - CNS 2009/0088 */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 30.6.2009

KUMM(2009) 328 finali

2009/0088 (CNS)

Proposta għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar ambjenti bla tipjip

{SEC(2009)894} {SEC(2009)895} {SEC(2009)896)

MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

It-tabakk huwa l-unika u l-akbar kawża ta' mwiet, mard u diżabilità li jistgħu jkunu evitati fl-Unjoni Ewropea (UE), li jaħsad il-ħajja ta' madwar 650 000 persuna kull sena[1]. L-espożizzjoni għad-duħħan ambjentali tat-tabakk (ETS - environmental tobacco smoke) – riferut ukoll bħala duħħan sekondaman ta' tabakk – huwa sors addizzjonali sinifikanti ta' mortalità, morbożità u diżabilità fl-UE. L-ETS fih 4 000 sustanza gassuża u taħlitiet ta' partikuli, inklużi 69 aġent karċinoġeniku magħrufin u ħafna aġenti tossiċi. Ma hemm l-ebda livell ta' espożizzjoni għad-duħħan sekondaman ta' tabakk li huwa bla periklu[2]. L-ETS wera li għandu effetti immedjati fuq is-sistema kardjovaskulari u li huwa kawża tal-mard koronarju tal-qalb u l-kanċer tal-pulmun fl-adulti. Hemm ukoll evidenza li turi li l-ETS jista' jikkawża ħass ħażin, ażma u mard tal-pulmun kroniku ostruttiv (COPD - chronic obstructive pulmonary disease) fl-adulti[3] filwaqt li jipperikola kull kundizzjoni eżistenti ta' ażma u COPD[4]. L-ETS huwa b'mod partikolari ta' periklu għat-tfal, billi jikkawża ażma, pnewmonja u bronkiti, sintomi respiratorji, mard mal-widna tan-nofs u s-sindromu tal-mewt f'daqqa fit-tfal[5]. Minbarra r-riskju għas-saħħa, l-espożizzjoni għad-duħħan tat-tabakk fid-dar u f'postijiet pubbliċi jista' jkabbar il-preċezzjonijiet tat-tfal dwar it-tipjip bħala mġiba komuni fl-adulti u għalhekk jagħmilha aktar probabbli li eventwalment jibdew ipejpu huma wkoll.

Skont estimi konservattivi, 7 300 adult inklużi 2 800 persuna li ma jpejpux mietu bħala konsegwenza tal-espożizzjoni għall-ETS fil-post tax-xogħol tagħhom fl-UE-25 fl-2002. Il-mewt ta' 72 000 persuna oħra, inklużi 16 400 persuna li ma jpejpux, kienu kkawżati mill-espożizzjoni għall-ETS fid-dar[6]. Il-Valutazzjoni tal-Impatt mehmuża ma' din il-proposta tistma li l-espożizzjoni fuq il-post tax-xogħol għall-ETS kienet il-kawża ta' 6 000 mewt, inklużi 2 500 persuna li ma jpejpux, fl-UE fl-2008. Dan huwa ta' piż finanzjarju sinifikanti għall-ekonomija, inkluż 1,3 biljun euro fi spejjeż mediċi diretti u madwar 1,1 biljun euro fi spejjeż indiretti marbuta ma' telf fil-produttività. Piż fuq is-saħħa u piż finanzjarju ulterjuri huwa assoċjat mal-espożizzjoni għad-duħħan tat-tabakk li jsofru persuni li mhumiex parti mill-persunal bħal klijenti ta' barijiet u ristoranti.

Fl-aħħar snin sar progress kbir lejn ambjenti bla tipjip f'xi Stati Membri. Sa issa, kienu adottati liġijiet komprensivi favur ambjenti bla tipjip li jkopru postijiet ta' xogħol fuq ġewwa u l-postijiet pubbliċi f'aktar minn terz tal-Istati Membri tal-UE. Madankollu, jeżistu differenzi sinifikanti fil-livell ta' protezzjoni għall-espożizzjoni għad-duħħan tat-tabakk bejn u fl-Istati Membri. Il-ħaddiema fl-ospitalità huma l-aktar grupp tax-xogħol vulnerabbli minħabba n-nuqqas ta' protezzjoni komprensiva fil-maġġoranza tal-Istati Membri u l-konċentrazzjonijiet eċċezzjonalment qawwija tad-duħħan tat-tabakk fil-barijiet u fir-ristoranti.

Il-politiki komprensivi favur ambjent bla tipjip eżistenti f'diversi Stati Membri u barra l-Unjoni Ewropea diġà ppruvaw l-effikaċja tagħhom fit-tnaqqis ta' piżijiet relatati mat-tabakk mingħajr ma kkawżaw l-ebda ħsara għall-ekonomija. L-effetti immedjati fuq is-saħħa tal-liġijiet kontra t-tipjip jinkludu titjib fis-saħħa respiratorja tal-ħaddiema fis-settur tal-ospitalità u tnaqqis fl-inċidenza ta' attakki tal-qalb fil-popolazzjoni ġenerali. Politiki kontra t-tipjip urew li jnaqqsu l-konsum tat-tabakk, jinkoraġġixxu aktar nies jieqfu jpejpu u jnaqqsu l-probabbiltà li ż-żagħżagħ jibdew ipejpu. Il-leġiżlazzjoni favur ambjent bla tipjip għandha tendenza żżid l-għarfien pubbliku dwar il-perikli tad-duħħan tat-tabakk u tista' tgħin tnaqqas it-tipjip id-dar, speċjalment fil-preżenza tat-tfal. Disgħa minn kull għaxar ċittadini tal-UE huma favur postijiet tax-xogħol u postijiet pubbliċi bla tipjip. Studji wrew ukoll li l-appoġġ għal politiki favur ambjent bla tipjip għandu t-tendenza jikber wara l-introduzzjoni tagħhom.

Fuq il-livell tal-UE, il-kwistjoni ta' ambjent bla tipjip sa issa kienet indirizzata f'riżoluzzjonijiet u rakkomandazzjonijiet li ma jorbtux, iżda dawn ma jipprovdux gwida dettaljata dwar kif wieħed jista' jasal għal ambjent totalment bla tipjip. Is-suġġett huwa wkoll imsemmi f'diversi direttivi dwar is-saħħa u s-sigurtà fil-post tax-xogħol, f'xi każijiet b'mod indirett biss filwaqt li f'oħrajn il-livell ta' protezzjoni mhuwiex komprensiv.

Fuq il-livell internazzjonali, l-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni ta' Qafas dwar il-Kontroll tat-Tabakk (FCTC - Framework Convention on Tobacco Control) tald-WHO – s'issa ratifikata minn 26 Stat Membru u mill-Komunità – tobbliga lill-Partijiet kollha biex jiżguraw protezzjoni effettiva mill-espożizzjoni għad-duħħan tat-tabakk f'postijiet tax-xogħol fuq ġewwa, postijiet pubbliċi fuq barra u fuq il-mezzi tat-trasport pubbliku. Skont il-linji gwida adottati mit-tieni Konferenza tal-Partijiet f'Lulju 2007, kull parti għandha tagħmel mill-aħjar biex tipprovdi protezzjoni universali fi żmien ħames snin mid-dħul fis-seħħ tal-Konvenzjoni għal dik il-Parti (jiġifieri sal-2010 għall-Komunità Ewropea u l-maġġoranza tal-Istati Membri).

Il-konsultazzjoni mibdija mill-Green Paper tal-Kummissjoni "Lejn Ewropa ħielsa mid-duħħan tat-tabakk: l-għażliet tal-politika fuq il-livell tal-UE"[7] żvela appoġġ sinifikanti għall-politiki komprensivi favur ambjent bla tipjip kemm f'postijiet tax-xogħol fuq ġewwa u postijiet pubbliċi u għal aktar azzjoni mill-UE biex tippromwovi ambjenti bla tipjip fl-Istati Membri kollha.

Skont ir-riżultati tal-konsultazzjoni dwar il-Green Paper, ħames għażliet prinċipali ta' politika huma kkunsidrati fil-Valutazzjoni tal-Impatt mehmuża ma' din il-proposta: is-sitwazzjoni eżistenti ( status quo ), metodu miftuħ ta' koordinazzjoni, Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni jew tal-Kunsill u leġiżlazzjoni tal-UE li torbot. Il-Valutazzjoni tal-Impatt tidentifika Rakkommandazzjoni tal-Kunsill bħala l-għażla preferuta fuq il-medda qasira ta' żmien billi tidher l-aktar għażla li tista' tkun implimentata malajr u bl-aktar mod komprensiv biex l-Istati Membri jkunu megħjuna jimplimentaw leġiżlazzjoni favur ambjent bla tipjip fuq livell nazzjonali skont l-impenji internazzjonali taħt l-FCTC filwaqt li tipprovdi rispons proporzjonat għall-problema.

Il-mira prinċipali tar-Rakkomandazzjoni proposta hija l-implimentazzjoni effettiva tal-Artikolu 8 tal-FCTC fl-UE skont il-linji gwida dwar il-protezzjoni mill-espożizzjoni għad-duħħan tat-tabakk adottata mit-tieni Konferenza tal-Partijiet tal-Konvenzjoni. Il-linji gwida jipprovdu gwida politika komprensiva, ibbażata fuq it-tagħrif u bbilanċjata skont il-politiki tal-UE favur ambjent bla tipjip. Dawn jagħmluha ċara li ma hemm l-ebda livell ta' espożizzjoni għall-ETS bla periklu u jħeġġu għall-eliminazzjoni tad-duħħan tat-tabakk fil-postijiet tax-xogħol fuq ġewwa, fil-postijiet pubbliċi fuq ġewwa u fil-mezzi tat-trasport pubbliku kollha u possibilment f'postijiet pubbliċi oħra (fil-miftuħ jew li jistgħu jkunu kkunsidrati fil-miftuħ). Il-leġiżlazzjoni li torbot, infurzata b'mod rigoruż, immonitorjata u evalwata, hija rrakkomandata bħala l-uniku mod xieraq biex wieħed jaffaċċja l-problema tad-duħħan sekondaman.

Ir-Rakkomandazzjoni proposta tistipula limitu ta' żmien unformi madwar l-UE għall-implimentazzjoni kif ukoll għall-mekkaniżmi ta' rappurtaġġ u monitoraġġ kemm fuq il-livell tal-Istati Membri u fuq il-livell tal-UE biex l-implimentazzjoni tal-Artikolu 8 tal-FCTC tkun mgħaġġla u ffaċilitata skont il-linji gwida adottati fit-Tieni Konferenza tal-Partijiet.

Ir-Rakkomandazzjoni proposta ssejjaħ għal 1) miżuri biex tkun miġġielda l-espożizzjoni għall-ETS fost it-tfal u l-adolexxenti, 2) miżuri ta' sostenn bħal politiki effettivi għall-waqfien mill-użu tat-tabakk u għal avviżi permezz ta' stampi fuq il-pakketti tat-tabakk, 3) l-iżvilupp ta' strateġiji komprensivi multi-settorali u strumenti adegwati għall-implimentazzjoni tagħhom, u 4) l-iskambju regolari ta' informazzjoni u tal-aħjar prattika kif ukoll koordinazzjoni tal-politika fost l-Istati Membri permezz ta' netwerk ta' punti fokali. Minħabba n-novità relattiva ta' wħud minn dawn id-dispożizzjonijiet, huwa mistenni li l-Istati Membri jikkooperaw mill-qrib bejniethom u mal-Kummissjoni dwar l-iżvilupp tad-definizzjonijiet komuni, tal-punti ta' referenza u tal-indikaturi għall-implimentazzjoni tagħhom.

Din il-proposta hija konformi mal-prinċipji ta' proporzjonalità u sussidjarjetà. Din tfittex li tassisti lill-Istati Membri biex jipprovdu protezzjoni effettiva mid-duħħan tat-tabakk u għalhekk jilħqu l-obbligazzjonijiet tagħhom skont l-Artikolu 8 tal-FCTC skont ir-riżultati tad-diskussjoni tal-Kunsill tat-30 u tal-31 ta' Mejju 2007 li appellaw biex issir "Gwida Komunitarja biex ikun hemm aktar promozzjoni favur ambjenti bla tipjip fuq il-livell tal-UE kif ukoll appoġġ Komunitarju għal u koordinazzjoni tal-miżuri nazzjonali" bħala segwitu tal-Green Paper tal-Kummissjoni.

Il-livelli differenti ta' protezzjoni mir-riskji tal-espożizzjoni għall-ETS bejn u fl-Istati Membri jirrikjedu azzjoni fuq il-livell tal-UE biex l-isforzi tal-Istati Membri bil-għan li l-problema tkun indirizzata jkunu appoġġjati L-UE tista' tinkoraġġixxi kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u tappoġġja l-azzjoni tagħhom kif stipulat fl-Artikolu 152 tat-Trattat tal-KE biex titjieb is-saħħa pubblika u jkun hemm prevenzjoni għall-mard tal-bniedem.

Ir-Rakkomandazzjoni proposta tappoġġja l-isforzi tal-Istati Membri billi tipprovdi stimulu politiku u toħloq impenn min-naħa tal-Istati Membri, billi twaqqaf mekkaniżmu ċar ta' monitoraġġ fuq il-livell tal-UE u tiffaċilita l-iskambju tal-aħjar prattiċi u l-koordinazzjoni tal-politika bejn l-Istati Membri.

Il-Kummissjoni se tiffaċilita l-implimentazzjoni bla xkiel ta' din ir-Rakkomandazzjoni billi tassisti lill-Istati Membri li għandhom ma għamlux hekk biex jiżviluppaw, iwaqqfu u jimplimentaw politiki komprensivi favur ambjent bla tipjip; tappoġġja l-iżvilupp tal-politika u tipprovdi bażi ta' evidenza permezz tal-programmi Komunitarji rilevanti u tikkoordina x-xogħol tan-netwerk ta' punti fokali fil-qasam tal-kontroll tat-tabakk. Il-Kummissjoni se tevalwa l-effettività tar-Rakkomandazzjoni u l-miżuri meħuda fl-Istati Membri bħala rispons għal din ir-Rakkomandazzjoni.

2009/0088 (CNS)

Proposta għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar ambjenti bla tipjip

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari t-tieni sotto-paragrafu tal-Artikolu 152(4),

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni[8],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew[9],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[10],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni[11],

Billi:

(1) L-Artikolu 152 tat-Trattat jistipula li l-azzjoni tal-Komunità, li għandha tikkumplimenta l-politiki nazzjonali, għandha tkun diretta lejn it-titjib tas-saħħa pubblika, il-prevenzjoni tal-mard tal-bniedem, u għandha tevita sorsi ta’ periklu għas-saħħa tal-bniedem.

(2) Skont l-Artikoli 137 tat-Trattat, il-Komunità għandha tappoġġja u tikkumplimenta l-attivitajiet tal-Istati Membri, fost l-oħrajn, fil-qasam tat-titjib tal-ambjent tax-xogħol b'mod partikolari biex tkun protetta s-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema.

(3) L-espożizzjoni għad-duħħan ambjentali tat-tabakk (ETS - environmental tobacco smoke) – riferut ukoll bħala duħħan sekondaman tat-tabakk – huwa sors mifrux ta' mortalità, morbożità u diżabilità fl-Unjoni Ewropea.

(4) Skont estimi konservattivi, 7 300 adult inkluż 2 800 persuna li ma jpejpux mietu bħala konsegwenza tal-espożizzjoni għall-ETS fil-post tax-xogħol tagħhom fl-Unjoni Ewropea fl-2002. Il-mewt ta' 72 000 adult ieħor, inklużi 16 400 persuna li ma jpejpux, kienu kawża tal-espożizzjoni għall-ETS fid-dar[12].

(5) L-espożizzjoni għad-duħħan sekondaman tat-tabakk huwa perikoluż b'mod partikolari għat-tfal u jista' jkabbar il-probabbiltà li dawn jibdew ipejpu.

(6) Kull persuna għandha d-dritt għal livell għoli ta' protezzjoni tas-saħħa u għandha tkun protetta mill-espożizzjoni għad-duħħan tat-tabakk.

(7) Il-politiki volontarji fuq livell nazzjonali wrew li mhumiex effiċjenti fit-tnaqqis tal-espożizzjoni għad-duħħan tat-tabakk. Il-leġiżlazzjoni li torbot tal-Istati Membri, infurzata u mmonitorjata kif xieraq, hija l-uniku mezz kif in-nies jistgħu jkunu protetti b'mod adegwat mir-riskji marbuta mas-saħħa li jġib miegħu d-duħħan sekondaman tat-tabakk.

(8) Il-leġiżlazzjoni favur ambjent bla tipjip hija l-aktar effettiva meta tkun appoġġjata minn miżuri bħal kampanji li jqajmu kuxjenza, appoġġ għall-waqfien mit-tipjip u avviżi qawwija tas-saħħa fuq l-ippakkettjar tal-prodotti tat-tabakk.

(9) Is-soċjetà ċivili għandha rwol importanti biex tibni appoġġ u tiżgura kompatibbiltà mal-leġiżlazzjoni favur ambjent bla tipjip.

(10) Il-politiki favur ambjent bla tipjip għandhom ikunu mogħnija bi strumenti adegwati biex jimplimentaw l-approċċ multi-settorali għall-kontroll tat-tabakk.

(11) Hemm bżonn ta' kooperazzjoni msaħħa bejn l-Istati Membri biex jiffaċilitaw l-iskambju ta' informazzjoni u l-aħjar prattika u jiżviluppaw sistema ta' monitoraġġ standardizzata tal-UE.

(12) Ir-riżoluzzjoni tal-Kunsill u tal-Ministri tas-Saħħa tal-Istati Membri, fil-laqgħa tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 1989 dwar il-projbizzjoni tat-tipjip f'positjiet miftuħa aċċessibbli għall-pubbliku[13] stiednet lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri biex jipprojbixxu t-tipjip f'ċerti postijiet fuq ġewwa aċċessibbli għall-pubbliku, u jestendu l-projbizzjoni fuq it-tipjip għall-mezzi kollha tat-trasport pubbliku.

(13) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 2003/54/KE tat-2 ta' Diċembru 2002 dwar il-prevenzjoni tat-tipjip u l-inizjattivi għal titjib tal-kontroll tat-tabakk[14] appellat lill-Istati Membri biex jimplimentaw leġiżlazzjoni u/jew miżuri effettivi li jipprovdu protezzjoni mill-espożizzjoni ambjentali għat-tabakk fil-postijiet tax-xogħol fuq ġewwa, fil-postijiet pubbliċi fuq ġewwa, u fuq il-mezzi tat-trasport pubbliku.

(14) Id-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE tat-12 ta'Ġunju 1989 dwar l-introduzzjoni ta' miżuri biex jinkoraġġixxu titjib fis-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol[15], filwaqt li ma rreferietx b'mod espliċitu għad-duħħan tat-tabakk, tkopri r-riskji kollha għas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema[16].

(15) Fil-Pjan ta’ Azzjoni tagħha għall-Ambjent u s-Saħħa (2004-2010)[17], il-Kummissjoni kkommettiet lilha nnifisha li “tiżviluppa x-xogħol fit-titjib tal-kwalità tal-arja f'postijiet fuq ġewwa", b’mod partikolari billi "tinkoraġġixxi r-restrizzjoni tat-tipjip fil-postijiet tax-xogħol kollha billi tesplora l-mekkaniżmi legali kif ukoll l-inizjattivi tal-promozzjoni tas-saħħa fuq il-livell Ewropew u dak tal-Istati Membri.”

(16) Il-konsultazzjoni mibdija mill-Green Paper tal-Kummissjoni "Lejn Ewropa ħielsa mid-duħħan tat-tabakk: l-għażliet tal-politika fuq il-livell tal-UE"[18] żvelat appoġġ sinifikanti għall-politiki komprensivi favur ambjent bla tipjip kemm f'postijiet tax-xogħol u postijiet pubbliċi fuq ġewwa u għal aktar azzjoni mill-UE biex tippromwovi ambjent bla tipjip fl-Istati Membri kollha.

(17) Fil-Kunsill għall-Impjiegi, Politika Soċjali, Saħħa u Affarijiet tal-Konsumatur fit-30 u fil-31 ta' Mejju 2007 kien hemm skambju ta' ideat dwar għażliet ta' politika fuq il-livell tal-UE dwar ambjenti bla tipjip. Dan laqa' l-Green Paper tal-Kummissjoni u saħaq il-bżonn għal gwida mill-Komunità għall-promozzjoni ulterjuri ta' ambjenti bla tipjip fuq il-livell tal-UE, kif ukoll appoġġ Komunitarju għal u l-koordinazzjoni tal-miżuri nazzjonali.

(18) Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta' Ottubru 2007 dwar il-Green Paper stiednet lill-Istati Membri biex idaħħlu liġijiet komprensivi favur ambjent bla tipjip fi żmien sentejn u stiednet lill-Kummissjoni biex tfassal proposta leġiżlattiva rilevanti sal-2011 fil-każ li ma jkunx hemm progress sodisfaċenti. Hija stiednet ukoll lill-Kummissjoni biex tipproponi emenda għall-qafas leġiżlattiv eżistenti sabiex id-duħħan tat-tabakk ikun ikklassifikat bħala karċinoġeniku u tobbliga lil dawk li jimpjegaw biex jiżguraw li l-ambjent tax-xogħol ikun bla tipjip.

(19) L-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni ta' Qafas għall-Kontroll tat-Tabakk (FCTC - Framework Convention on Tobacco Control) tad-WHO, iffirmata f'Ġunju 2003 mill-membri kollha tad-WHO, u sa issa ratifikata minn 161 Parti, inklużi l-Komunità u s-26 Stat Membru tagħha, toħloq obbligazzjoni legali għall-Partijiet tagħha biex jadottaw u jimplimentaw f'oqsma ta' ġurisdizzjoni nazzjonali eżistenti kif determinat mil-liġi nazzjonali u biex fil-livelli ġuridiki oħrajn jippromwovu attivament l-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta' miżuri effettivi biex jipproteġu n-nies mill-espożizzjoni għad-duħħan sekondaman tat-tabakk fil-positjiet kollha tax-xogħol fuq ġewwa, fuq il-mezzi tat-trasport pubbliku u l-postijiet pubbliċi fuq ġewwa u kif xieraq, f'postijiet pubbliċi oħra.

(20) It-Tieni Konferenza għall-Partijiet tal-Konvenzjoni ta' Qafas tad-WHO f'Lulju 2007 adottat linji gwida dwar il-protezzjoni mill-espożizzjoni għad-duħħan tat-tabakk[19] biex jassistu lill-Partijiet josservaw l-obbligazzjonijiet tagħhom skont l-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni. Kull Parti għandha taħdem biex timplimenta l-linji gwida fi żmien ħames snin mid-dħul fis-seħħ tal-Konvenzjoni għal dik il-Parti.

(21) L-Artikolu 14 tal-Konvenzjoni ta' Qafas tad-WHO joħloq obbligazzjoni legali għall-Partijiet tagħha biex jiżviluppaw u jqassmu linji gwida xierqa, komprensivi u integrati bbażati fuq evidenza xjentifika u l-aħjar prattiċi, u biex jieħdu miżuri effettivi biex jippromwovu l-waqfien tal-użu tat-tabakk u t-trattament adegwat għad-dipendenza mit-tabakk. It-Tielet Konferenza tal-Partijiet tal-Konvenzjoni ta' Qafas tad-WHO ddeċidiet li twaqqaf grupp ta' ħidma għall-elaborazzjoni tal-linji gwida għall-implimentazzjoni ta' dan l-Artikolu.

(22) L-Istrateġija Ewropea għall-Kontroll tat-Tabakk adottata mill-Kumitat Reġjonali għall-Ewropa tad-WHO f'Settembru 2002 irrakkomandat li l-Istati Membri jiżguraw id-dritt taċ-ċittadini għal ambjent bla tabakk billi, fost l-oħrajn, l-ispazji pubbliċi, il-postijiet tax-xogħol u l-mezzi tat-trasport pubbliku jsiru ħielsa mit-tabakk, permezz tal-projbizzjoni tat-tipjip fl-istituzzjonijiet edukattivi kollha għall-minuri, fil-postijiet kollha fejn jingħataw servizzi tas-saħħa u f'avvenimenti pubbliċi, kif ukoll billi d-duħħan tat-tabakk ikun ikklassifikat bħal karċinoġeniku.

(23) Id-duħħan ambjentali tat-tabakk kien ikklassifikat bħala karċinoġeniku magħruf għall-bniedem mill-Aġenzija Internazzjonali għar-Riċerka dwar il-Kanċer tad-WHO u bħala karċinoġeniku fil-post tax-xogħol mill-Finlandja u l-Ġermanja.

(24) Din ir-Rakkomandazzjoni hija bla ħsara għal-leġiżlazzjoni Komunitarja li tistipula r-rekwiżiti minimi għas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema fil-post tax-xogħol adottata skont l-Artikolu 137 tat-Trattat, għad-Direttiva 2001/37/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Ġunju 2001 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri dwar il-manifattura, il-preżentazzjoni u l-bejgħ ta' prodotti tat-tabakk[20] u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2003/641/KE tal-5 ta' Settembru 2003 dwar l-użu tar-ritratti bil-kulur jew illustrazzjonijiet oħrajn bħala avviżi tas-saħħa fuq il-prodotti tat-tabakk[21].

B’DAN JIRRAKKOMANDA LI L-ISTATI MEMBRI:

1. Jipprovdu protezzjoni effettiva mill-espożizzjoni għad-duħħan tat-tabakk f'postijiet tax-xogħol fuq ġewwa, fil-mezzi tat-trasport pubbliku u, kif xieraq f'postijiet pubbliċi oħrajn kif stipulat mill-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni ta' Qafas tad-WHO dwar il-Kontroll tat-Tabakk u skont il-linji gwida fl-anness dwar il-protezzjoni mill-espożizzjoni għad-duħħan tat-tabakk adottati mit-tieni Konferenza tal-Partijiet tal-Konvenzjoni, fi żmien ħames snin mid-dħul fis-seħħ tal-Konvenzjoni għal dak l-Istat Membru, jew mhux aktar tard minn tliet snin wara l-adozzjoni ta' din ir-Rakkomandazzjoni;

2. Jiżviluppaw u/jew isaħħu l-istrateġiji u l-miżuri biex inaqqsu l-espożizzjoni tat-tfal u l-adolexxenti għad-duħħan sekondaman tat-tabakk;

3. Jikkumplimentaw il-politika favur ambjent bla tipjip b'miżuri, li jinkludu:

(a) It-teħid ta' miżuri effettivi biex jippromwovu l-waqfien mill-użu tat-tabakk u trattament adegwat għad-dipendenza mit-tabakk kif stipulat fl-Artikolu 14 tal-Konvenzjoni ta' Qafas tad-WHO;

(b) l-introduzzjoni ta' diversi avviżi flimkien (kif stipulat fl-Artikolu 2(4) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/641/KE tal-5 ta' Settembru 2003 dwar l-użu tar-ritratti bil-kulur jew illustrazzjonijiet oħrajn bħala avviżi tas-saħħa fuq l-ippakkettjar tat-tabakk[22]) u informazzjoni dwar servizzi li jappoġġjaw il-waqfien mill-użu tat-tabakk fuq il-pakketti tat-tabakk tat-tipjip sabiex il-konsumaturi jkunu infurmati aħjar dwar ir-riskji tas-saħħa marbuta mal-użu tat-tabakk u l-espożizzjoni għad-duħħan tat-tabakk, ikun inkoraġġit il-waqfien u jkun hemm deterrent għall-bidu tal-użu tat-tabakk;

4. Jiżviluppaw, jimplimentaw, jaġġornaw perjodikament u jirrevedu l-istrateġiji, pjanijiet u programmi komprensivi nazzjonali multi-settorali tal-kontroll tat-tabakk, li jindirizzaw, fost l-oħrajn, il-kwistjoni tal-protezzjoni mid-duħħan tat-tabakk kemm f'ambjenti pubbliċi u privati;

5. Jipprovdu strumenti adegwati biex jimplimentaw l-istrateġiji nazzjonali, il-politika u l-programmi tal-kontroll tat-tabakk biex jiżguraw protezzjoni effettiva mill-espożizzjoni għad-duħħan tat-tabakk;

6. Jistabbilixxu u jikkomunikaw lill-Kummissjoni, jekk possibbli fi żmien sitt xhur wara l-adozzjoni ta' din ir-Rakkomandazzjoni, punti fokali nazzjonali għall-kontroll tat-tabakk bil-għan li jkun hemm skambju ta' informazzjoni u tal-aħjar prattiċi kif ukoll koordinazzjoni tal-politika ma' Stati Membri oħrajn;

7. Jikkooperaw mill-qrib bejniethom u mal-Kummissjoni dwar qafas koerenti għad-definizzjonijiet, punti ta' referenza u indikaturi għall-implimentazzjoni ta' din ir-Rakkomandazzjoni;

8. Jimmonitorjaw u jevalwaw l-effettività tal-miżuri tal-politika permezz tal-indikaturi msemmija hawn fuq;

9. Jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar azzjonijiet leġiżlattivi jew azzjonijiet oħrajn meħuda bħala rispons għal din ir-Rakkomandazzjoni u r-riżultati tal-monitoraġġ u l-evalwazzjoni.

B'HEKK JISTIEDEN LILL-KUMMISSJONI BIEX:

1. Tirrapporta dwar l-implimentazzjoni, it-tħaddim u l-impatti tal-miżuri proposti, fuq il-bażi tal-informazzjoni provduta mill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussell, […]

Għall-Kunsill

Il-President

ANNESS

Linji gwida dwar il-protezzjoni mill-espożizzjoni għad-duħħan tat-tabakk, kif adottati mit-Tieni Konferenza tal-Partijiet tal-Konvenzjoni ta' Qafas tad-WHO dwar il-Kontroll tat-Tabakk

L-GĦAN, IL-MIRI U L-KUNSIDERAZZJONIJIET EWLENIN

L-għan tal-linji gwida

1. B'konsistenza ma' dispożizzjonijiet oħra tal-Konvenzjoni ta' Qafas tad-WHO dwar il-Kontroll tat-Tabakk u l-intenzjonijiet tal-Konferenza tal-Partijiet, dawn il-linji gwida huma intiżi biex jassistu l-Partijiet biex jilħqu l-obbligi tagħhom skont l-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni. Dawn ġew imfassla fuq l-aħjar evidenza disponibbli u l-esperjenza ta' Partijiet li implimentaw miżuri effiċjenti b'suċċess biex tonqos l-espożizzjoni għad-duħħan tat-tabakk.

2. Il-linji gwida fihom dikjarazzjonijiet ta' prinċipji miftehma u definizzjonijiet ta' termini relevanti, kif ukoll rakkomandazzjonijiet miftehma għall-passi meħtieġa biex ikunu ssodisfatti l-obbligi tal-Konvenzjoni. Barra minn hekk, il-linji gwida jidentifikaw il-miżuri neċessarji biex tinkiseb protezzjoni effettiva mill-perikli tad-duħħan sekondaman tat-tabakk. Il-Partijiet huma mistiedna jużaw dawn il-linji gwida mhux biss biex jissodisfaw id-dmirijiet legali tagħhom skont il-Konvenzjoni, iżda wkoll biex isegwu l-aħjar prattiki għall-protezzjoni tas-saħħa pubblika.

Il-miri tal-linji gwida

3. Dawn il-linji gwida għandhom żewġ miri relatati. L-ewwel waħda hi biex il-Partijiet ikunu assistiti biex jilħqu l-obbligi tagħhom skont l-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni ta' Qafas tad-WHO, b'mod konsistenti mal-evidenza xjentifika dwar l-espożizzjoni għad-duħħan sekondaman tat-tabakk u l-aħjar prattiki minn madwar id-dinja fl-implimentazzjoni ta' miżuri kontra t-tipjip, sabiex ikun stabbilit livell għoli ta' kontabbiltà għall-konformità tat-trattat u sabiex il-Partijiet ikunu assistiti fil-promozzjoni tal-ogħla livell ta' saħħa li jista' jintlaħaq. It-tieni mira hi li jkunu identifikati l-elementi ewlenin ta' leġiżlazzjoni neċessarja biex in-nies ikunu protetti b'mod effettiv minn espożizzjoni għad-duħħan mit-tabakk, kif meħtieġ mill-Artikolu 8.

Konsiderazzjonijiet ta' bażi

4. L-iżvilupp ta' dawn il-linji gwida kien influwenzat minn dawn il-konsiderazzjonijiet fundamentali li ġejjin.

(a) Id-dmir għall-protezzjoni mid-duħħan tat-tabakk, li hemm fit-test tal-Artikolu 8, hu mfassal fuq id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali. Minħabba l-perikli relatati mad-duħħan sekondaman tat-tabakk man-nifs, id-dmir għall-protezzjoni mid-duħħan tat-tabakk hu impliċitu, fost l-oħrajn, fid-dritt għall-ħajja u d-dritt għall-kisba tal-ogħla livell ta’ saħħa, kif rikonoxxut f’ħafna strumenti legali internazzjonali (inklużi l-Kostituzzjoni tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, il-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal, il-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta’ kull Forma ta’ Diskriminazzjoni kontra n-Nisa u l-Patt dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali), kif formalment inkluż fil-preambolu tal-Konvenzjoni Qafas tad-WHO u kif rikonoxxut fil-kostituzzjonijiet ta’ ħafna nazzjonijiet.

(b) Id-dmir għall-protezzjoni tal-individwi mid-duħħan tat-tabakk jikkorrispondi ma’ obbligu mill-gvernijiet biex iwaqqfu leġiżlazzjoni biex jipproteġu l-individwi minn theddid għad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tagħhom. Dan l-obbligu hu estiż għal kull persuna, u mhux sempliċiment għal ċerti popolazzjonijiet biss.

(c) Diversi korpi ta’ awtorità xjentifiċi ddeterminaw li d-duħħan sekondaman tat-tabakk hu karċinoġeniku. Uħud mill-Partijiet għall-Konvenzjoni ta' Qafas tad-WHO (pereżempju l-Finlandja u l-Ġermanja) ikklassifikaw id-duħħan sekondaman tat-tabakk bħala karċinoġeniku u inkludew il-prevenzjoni tal-espożizzjoni għal dan fil-leġiżlazzjoni tagħhom dwar is-saħħa u s-sigurtà. Barra mir-rekwiżiti tal-Artikolu 8, b’hekk, il-Partijiet jistgħu jkunu obbligati biex jindirizzaw il-periklu tal-espożizzjoni għad-duħħan mit-tabakk skont il-liġijiet eżistenti tagħhom dwar il-postijiet tax-xogħol jew liġijiet oħra li jikkontrollaw l-espożizzjoni għal sustanzi perikolużi, inklużi l-karċinoġeni.

DIKJARAZZJONI TA’ PRINĊIPJI U DEFINIZZJONIJIET RELEVANTI TA’ BAŻI GĦALL-PROTEZZJONI MILL-ESPOŻIZZJONI GĦAD-DUĦĦAN MIT-TABAKK

Prinċipji

5. Kif ġie nnotat fl-Artikolu 4 tal-Konvenzjoni ta' Qafas tad-WHO, hemm bżonn ta’ ħidma politika serja biex jittieħdu miżuri għall-protezzjoni tal-persuni kollha mill-espożizzjoni għad-duħħan mit-tabakk. Il-prinċipji li ġejjin li kien hemm qbil dwarhom għandhom ikunu ta’ gwida għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni.

Prinċipju 1

6. Miżuri effettivi biex tingħata protezzjoni mill-espożizzjoni għad-duħħan mit-tabakk, kif previsti mill-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni ta' Qafas tad-WHO, jeħtieġu l-eliminazzjoni totali tat-tipjip u d-duħħan mit-tabakk fi spazju jew ambjent partikolari biex jinħoloq ambjent totalment ħieles mid-duħħan. Ma hemm l-ebda livell ta’ espożizzjoni għad-duħħan mit-tabakk li huwa bla periklu, u nozzjonijiet bħal livell minimu għat-tossiċità mid-duħħan sekondaman għandhom ikunu rrifjutati, billi hemm evidenza xjentifika li tikkontradixxihom. Metodi oħra apparti dawk fejn ikun hemm ambjent totalment ħieles mid-duħħan, inklużi l-ventilazzjoni, il-filtrazzjoni tal-arja u l-użu ta' żoni apposta għat-tipjip (kemm jekk b’sistemi ta’ ventilazzjoni separati jew le), instabu bħala ineffettivi diversi drabi u hemm evidenza konklużiva, xjentifika jew mod ieħor, li metodi tal-inġinerija ma jipproteġux kontra l-espożizzjoni għad-duħħan mit-tabakk.

Prinċipju 2

7. Kulħadd għandu jkun protett mill-espożizzjoni għad-duħħan mit-tabakk. Il-postijiet tax-xogħol fuq ġewwa u l-postijiet pubbliċi fuq ġewwa għandhom ikunu ħielsa mit-tipjip.

Prinċipju 3

8. Hemm bżonn leġiżlazzjoni għall-protezzjoni tan-nies mill-espożizzjoni għad-duħħan tat-tabakk. Politiki volontarji kontra t-tipjip urew diversi drabi li huma ineffiċjenti u ma jipprovdux protezzjoni adegwata. Sabiex tkun effettiva, leġiżlazzjoni trid tkun sempliċi, ċara u li tista’ tiġi infurzata.

Prinċipju 4

9. Biex leġiżlazzjoni kontra t-tipjip tkun implimentata u infurzata b’suċċess, hemm bżonn ta’ ippjanar tajjeb u riżorsi adegwati.

Prinċipju 5

10. Is-soċjetà ċivili għandha rwol ċentrali fil-ħolqien ta’ appoġġ u tal-qbil ma’ miżuri kontra t-tipjip, u għandhom ikunu inklużi bħala msieħba attivi fil-proċess ta’ żvilupp, implimentazzjoni u infurzar tal-leġiżlazzjoni.

Prinċipju 6

11. L-implimentazzjoni ta' leġiżlazzjoni kontra t-tipjip, l-infurzar tagħha u l-impatt tagħha għandhom jiġu kollha mmonitorjati u evalwati. Dan għandu jinkludi l-monitoraġġ u r-rispons għal attivitajiet tal-industrija tat-tabakk li jikkompromettu l-implimentazzjoni u l-infurzar tal-leġiżlazzjoni, kif speċifikat fl-Artikolu 20.4 tal-Konvenzjoni ta' Qafas tad-WHO.

Prinċipju 7

12. Il-protezzjoni tan-nies mill-espożizzjoni għad-duħħan mit-tabakk għandha tkun imsaħħa u mkabbra, jekk ikun hemm bżonn; tali azzjoni tista' tinkludi leġiżlazzjoni ġdida jew emendata, infurzar imtejjeb u miżuri oħra biex jirriflettu evidenzi xjentifiċi ġodda u esperjenzi ta' studju ta' każijiet partikolari.

Definizzjonijiet

13. Fl-iżvilupp ta' leġiżlazzjoni, hu importanti li jkun hemm attenzjoni fid-definizzjoni ta' termini importanti. Diversirakkommandazzjonijiet kif għandhom ikunu ċerti definizzjonijiet, ibbażati fuq esperjenzi f'ħafna pajjiżi, huma mfassla hawnhekk. Id-definizzjonijiet f'din is-sezzjoni jissupplimentaw lil dawk diġà inklużi fil-Konvenzjoni ta' Qafas tad-WHO.

"Duħħan sekondaman tat-tabakk" jew "duħħan ambjentali mit-tabakk"

14. Diversi termini alternattivi jintużaw ta' spiss biex jiddeskrivu t-tip ta' duħħan indirizzat mill-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni ta' Qafas tad-WHO. Dawn jinkludu "duħħan sekondaman", "duħħan ambjentali mit-tabakk", u "duħħan mit-tipjip tal-oħrajn". Termini bħal "tipjip passiv" u "espożizzjoni involontarja għad-duħħan mit-tabakk" għandhom jiġu evitati, billi l-esperjenza fi Franza u pajjiżi oħra tindika lil-industrija tat-tabakk tista' tuża dawn it-termini biex tappoġġja pożizzjoni fejn espożizzjoni "volontarja" hija aċċettabbli. "Duħħan sekondaman mit-tabakk", xi drabi mqassar bħala "SHS", u "duħħan ambjentali mit-tabakk", xi drabi mqassar bħala "ETS", huma t-termini preferuti; dawn il-linji gwida jużaw "duħħan sekondaman mit-tabakk".

15. Duħħan sekondaman mit-tabakk jista' jiġi ddefinit bħala "id-duħħan li jiġi prodott minn sigarett jew minn prodotti oħra tat-tabakk ġeneralment f'kombinazzjoni mad-duħħan mitfugħ minn min ikun qiegħed ipejjep".

16. "Arja mingħajr duħħan" hi arja li tkun 100 % mingħajr duħħan. Din id-definizzjoni tinkludi, iżda mhix limitata għal, arja fejn id-duħħan mit-tabakk ma jkunx jista' jidher, jinxtamm, jinħass jew ikun ikkalkulat[23].

"Tipjip"

17. Dan it-terminu għandu jkun definit biex jinkludi l-pussess jew il-kontroll ta' prodott mit-tabakk mixgħul minkejja jekk id-duħħan ikunx qiegħed jinġibed jew jintefa' 'l barra jew le.

"Postijiet pubbliċi"

18. Filwaqt li definizzjoni preċiża ta' "postijiet pubbliċi" se tvarja bejn il-ġurisdizzjonijiet, hu importanti li leġiżlazzjoni tiddefinixxi dan it-terminu b'mod wiesa' kemm jista' jkun. Id-definizzjoni użata għandha tkopri l-postijiet kollha aċċessibbli mill-pubbliku ġenerali jew postijiet għal użu kollettiv, minkejja l-pussess tal-proprjetà jew id-dritt għall-aċċess.

"Fuq ġewwa" jew "fil-magħluq"

19. L-Artikolu 8 jeħtieġ protezzjoni mid-duħħan mit-tabakk f'postijiet tax-xogħol u postijiet pubbliċi "fuq ġewwa". Minħabba li hemm ostakoli potenzjali fid-definizzjoni ta' żoni "fuq ġewwa", l-esperjenzi ta' diversi pajjiżi fid-definizzjoni ta' dan it-terminu għandhom ikunu eżaminati b'mod speċifiku. Id-definizzjoni għandha tkun inklużiva u ċara kemm jista' jkun possibbli, u għandha tingħata attenzjoni fid-definizzjoni biex ikunu evitati listi ġodda fejn dan ikun interpretat bħalaterminu li jeskludi żoni "fuq ġewwa" potenzjalment relevanti. Hu rrakkommandat li żoni "fuq ġewwa" (jew "fil-magħluq") ikunu ddefiniti biex jinkludu kull spazju msaqqaf jew magħluq b'ħajt wieħed jew aktar ħitan jew ġnub, minkejja t-tip ta' materjal użat għas-saqaf, ħajt jew ġenb, u minkejja jekk l-istruttura tkunx permanenti jew temporanja.

“Post tax-xogħol”

20. "Post tax-xogħol" għandu jkun definit b'mod wiesa' bħala "kwalunkwe post użat min-nies waqt l-impjieg jew ix-xogħol tagħhom". Dan għandu jinkludi mhux biss xogħol magħmul għal kumpens, iżda wkoll għal xogħol volontarju, jekk ikun tat-tip li għalih normalment ikun imħallas kumpens. Barra minn hekk, "postijiet tax-xogħol" jinkludu mhux biss dawk il-postijiet fejn isir ix-xogħol, iżda wkoll il-postijiet kollha assoċjati li huma użati b'mod komuni mill-ħaddiema matul l-impjieg tagħhom, inkluż, pereżempju, kurituri, lifts, trombi tat-taraġ, swali, faċilitajiet konġunti, kafetteriji, tojlits, salotti, kmamar tal-ikel u anki bini ieħor fuq barra bħal barrakki u għarajjex. Vetturi użati waqt ix-xogħol huma postijiet tax-xogħol u għandhom ikunu identifikati tali b'mod speċifiku.

21. Konsiderazzjoni partikolari għandha tingħata għal postijiet tax-xogħol li huma wkoll id-djar jew il-postijiet ta' għixien tal-individwi, pereżempju, ħabsijiet, istituzzjonijiet għas-saħħa mentali u ċentri tal-kura. Dawn il-postijiet jagħmlu parti wkoll minn postijiet tax-xogħol għall-oħrajn, li għandhom ikunu protetti mill-espożizzjoni għad-duħħan mit-tabakk.

"Il-mezzi tat-trasport pubbliku"

22. Il-mezzi tat-trasport pubbliku għandhom ikunu definiti biex jinkludu kwalunkwe vettura użata għal-ġarr ta' membri tal-pubbliku, ġeneralment għall-qligħ jew gwadann kummerċjali. Dan jinkludi wkoll it-taksis.

L-ISKOP TA' LEĠIŻLAZZJONI EFFETTIVA

23. L-Artikolu 8 jirrikjedi l-adozzjoni ta' miżuri effettivi għall-protezzjoni tan-nies mill-espożizzjoni għad-duħħan mit-tabakk ġo (1) postijiet tax-xogħol fuq ġewwa, (2) postijiet pubbliċi fuq ġewwa, (3) trasport pubbliku, u (4) "kif xieraq" f'"postijiet pubbliċi oħra".

24. Dan joħloq obbligu għall-provvediment ta' protezzjoni universali billi kull post pubbliku fuq ġewwa, kull post tax-xogħol fuq ġewwa, kull mezz tat-trasport pubbliku u possibbilment kwalunkwe post pubbliku ieħor (fuq barra jew li jista' jkun ikkunsidrat fuq barra) ikunu ħielsa mill-espożizzjoni għad-duħħan sekondaman mit-tabakk. L-ebda eżenzjoni ma hija ġġustifikata fuq il-bażi ta' argumenti dwar is-saħħa jew legali. Jekk ikollhom jiġu kkunsidrati eżenzjonijiet fuq il-bażi ta' argumenti oħra, dawn għandhom ikunu minimi. Barra minn hekk, jekk xi Parti ma tkunx kapaċi tikseb kopertura universali immedjatament, l-Artikolu 8 joħloq obbligazzjoni kontinwa biex jitneħħew kwalunkwe eżenzjonijiet u l-protezzjoni ssir universali fl-inqas żmien possibbli. Kull Parti għandha taħdem biex tipprovdi protezzjoni universali fi żmien ħames snin mid-dħul fis-seħħ tal-Konvenzjoni ta' Qafas tad-WHO għal dik il-Parti.

25. L-ebda livelli ta' espożizzjoni għad-duħħan sekondaman ma huma bla periklu, u, kif diġà ġie rikonoxxut mill-Konferenza tal-Partijiet fid-Deċiżjoni FCTC/COP1(15), metodi ta' inġinerija, bħall-ventilazzjoni, skambju tal-arja u l-użu ta' żoni apposta għat-tipjip, ma jipproteġux kontra l-espożizzjoni għad-duħħan mit-tabakk.

26. Għandha tingħata protezzjoni f'kull post tax-xogħol fuq ġewwa jew fil-magħluq, inkluż vetturi bil-magna użati bħala postijiet tax-xogħol (pereżempju, taksis, ambulanzi jew vetturi tat-tqassim).

27. Il-lingwaġġ tat-trattat jirrikjedi miżuri ta' protezzjoni mhux biss fil-postijiet pubbliċi "fuq ġewwa" kollha, iżda wkoll f'dawk il-postijiet pubbliċi "l-oħra" (jiġifieri, ta' barra jew jistgħu jkunu kkunsidrati fuq barra). Fl-identifikazzjoni ta' dawk il-postijiet pubbliċi fuq barra jew li jistgħu jkunu kkunsidrati fuq barra fejn il-leġiżlazzjoni hi xierqa, il-Partijiet għandhom jikkunsidraw l-evidenza għall-perikli ta' saħħa possibbli f'diversi kuntesti u għandhom jaħdmu biex jadottaw l-aktar protezzjoni effettiva kontra l-espożizzjoni kull fejn l-evidenza turi li jeżisti xi periklu.

INFORMAZZJONI, KONSULTAZZJONI U INVOLVIMENT PUBBLIKU BIEX IKUN ŻGURAT APPOĠĠ U IMPLIMENTAZZJONI BLA XKIEL

28. It-tqajjim tas-sensibilizzazzjoni fost il-pubbliku u l-opinjonisti dwar ir-riskji tal-espożizzjoni għad-duħħan sekondaman mit-tabakk permezz ta' kampanji ta' informazzjoni l-ħin kollu huwa rwol importanti għall-aġenziji tal-gvernijiet, fi sħab mas-soċjetà ċivili, biex ikun assigurat li l-pubbliku jifhem u jappoġġja l-azzjoni leġiżlattiva. Il-partijiet interessati prinċipali jinkludu negozji, assoċjazzjonijiet tar-ristoranti u l-ospitalità, gruppi ta' min iħaddem, trejdunjins, il-mezzi tax-xandir u l-istampa, il-professjonisti tas-saħħa, organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw it-tfal u ż-żgħażagħ, istituzzjonijiet tat-tagħlim jew fidi, il-komunità tar-riċerka u l-pubbliku ġenerali. L-isforzi biex titqajjem sensibilizzazzjoni għandhom jinkludu konsultazzjoni man-negozji u organizzazzjonijiet oħra affettwati u ma' istituzzjonijiet matul l-iżvilupp tal-leġiżlazzjoni.

29. Il-messaġġi ewlenin għandhom jiffukaw fuq il-ħsara kkawżata mill-espożizzjoni għad-duħħan sekondaman mit-tabakk, il-fatt li l-eliminazzjoni tat-tipjip fuq ġewwa hi l-unika soluzzjoni bbażata fuq ix-xjenza biex tassigura protezzjoni kompleta mill-espożizzjoni, id-dritt tal-ħaddiema kollha li jkunu protetti ugwalment mil-liġi u l-fatt li ma jistgħux isiru kompromessi bejn l-ekonomija u s-saħħa, minħabba li l-esperjenza f'numru dejjem jikber ta' ġurisdizzjonijiet turi li ambjenti ħielsa mit-tipjip jibbenefikaw lit-tnejn. Il-kampanji ta' edukazzjoni pubblika għandhom jindirizzaw ukoll kuntesti fejn il-leġiżlazzjoni tista' ma tkunx vijabbli jew xierqa, bħal djar privati.

30. Konsultazzjoni wiesgħa mal-partijiet interessati hi wkoll neċessarja biex tkun edukata u mmobilizzata l-komunità u tiffaċilità l-appoġġ għal-leġiżlazzjoni wara li tkun ġiet imwaqqfa. Meta l-leġiżlazzjoni tkun adottata, għandu jkun hemm kampanja ta' edukazzjoni li twassal għall-implimentazzjoni tal-liġi, il-provvediment ta' informazzjoni għas-sidien tan-negozji u l-maniġers tal-bini bid-dettalji tal-liġi u r-responsabbiltajiet tagħhom u l-produzzjoni ta' riżorsi, bħal avviżi. Dawn il-miżuri għandhom iżidu ċ-ċans ta' implimentazzjoni bla xkiel u livell għoli ta' konformità volontarja. Messaġġi biex jingħata aktar poter lil dawk li ma jpejpux u jkunu rringrazzjati dawk li jpejpu talli jsegwu l-liġi għandhom jippromwovu l-involviment tal-pubbliku fl-infurzar u implimentazzjoni bla xkiel.

L-INFURZAR

Id-dmir tal-konformità

31. Leġiżlazzjoni effettiva għandha timponi responsabbiltajiet legali għall-konformità kemm fuq stabbilimenti tan-negozji affettwati u individwi li jpejpu, u għandha tipprovdi penali għal vjolazzjonijiet, li għandhom japplikaw għan-negozji u, possibbilment, għal dawk li jpejpu. L-infurzar għandu normalment jiffoka fuq stabbilimenti tan-negozji. Il-leġiżlazzjoni għandha tpoġġi r-responsabbiltà għall-konformità fuq is-sid, il-maniġerjew kwalunkwe persuna oħra fil-kontroll tal-post, u għandha tidentifika b'mod ċar l-azzjonijiet li għandhom jieħdu. Dawn id-dmirijiet għandhom jinkludu:

(a) dmir li jitpoġġew avviżi ċari f'entraturi u postijiet oħra xierqa fejn jindikaw li t-tipjip mhux permess. Il-format u l-kontenut ta' dawn l-avviżi għandu jkun iddeterminat minn awtoritajiet tas-saħħa jew aġenziji oħra tal-gvern u jistgħu jidentifikaw numru tat-telefown jew mekkaniżmi oħra għall-pubbliku biex jirrappurtaw vjolazzjonijiet u l-isem tal-persuna fi ħdan il-bini lil min għandhom jindirizzaw l-ilmenti tagħhom;

(b) dmir li jitneħħew l-ashtrays mill-bini;

(c) dmir ta' sorveljanza tal-osservazzjoni tar-regoli;

(d) dmir ta' teħid ta' passi speċifiċi raġonevoli biex ikunu skoraġġiti individwi milli jpejpu fil-bini. Dawn il-passi jistgħu jinkludu li min ipejjep jintalab biex ma jpejjipx, ma jitkompliex servizz, min ipejjep jintalab biex iħalli l-bini u tkun imsejħa l-aġenzija tal-infurzar tal-liġi jew xi awtorità oħra.

Il-Penali

32. Il-leġiżlazzjoni għandha tispeċifika multi jew penali oħra monetarji għal vjolazzjonijiet. Filwaqt li l-ammont ta' dawn il-multi se jirrifletti b'mod neċessarju l-prattiki u d-drawwiet speċifiċi ta' kull pajjiż, diversi prinċipji għandhom jiggwidaw lid-deċiżjoni. L-aktar importanti, il-penali għandhom ikunu suffiċjentament kbar biex inaqqsu l-vjolazzjonijiet jew inkella dawn jistgħu jkunu injorati minn min jiksirhom jew jiġu kkunsidrati biss bħala spejjeż biex isir in-negozju. Penali akbarhuma meħtieġa biex inaqqsu l-ksur tal-liġi min-negozjanti aktar milli lill-individwi li jpejpu, li ġeneralment ikollhom anqas riżorsi. Il-penali għandhom jiżdiedu għal vjolazzjonijiet ripetuti u għandhom ikunu konsistenti mat-trattament li l-pajjiż jagħti għal offiżi oħrajn, serji daqshom.

33. Barra mill-penali monetarji, il-leġiżlazzjoni tista' wkoll tippermetti sanzjonijiet amministrattivi, bħas-sospensjoni tal-liċenzji tan-negozju, b'mod konsistenti mal-prattika u s-sistema legali tal-pajjiż. Dawn "is-sanzjonijiet bħala l-aħħar rimedju" huma użati rarament, iżda huma importanti ħafna għall-infurzar tal-liġi kontra kwalunkwe negozju li jagħżel li jikser il-liġi aktar minn darba.

34. Penali kriminali għal vjolazzjonijiet jistgħu jkunu kkunsidrati għall-inklużjoni, jekk xierqa fil-kuntest legali u kulturali tal-pajjiż.

L-infrastruttura tal-infurzar

35. Il-leġiżlazzjoni għandha tidentifika l-awtorità jew awtoritajiet responsabbli għall-infurzar, u għandha tinkludi sistema kemm għall-monitoraġġ tal-konformità u anki għal-prosekuzzjoni ta' min jikser il-liġi.

36. Il-monitoraġġ għandu jinkludi proċess għall-ispezzjoni tan-negozju għall-konformità. Il-bżonn għall-ħolqien ta' sistema ta' spezzjoni ġdida għall-infurzar tal-leġiżlazzjoni kontra t-tipjip huwa rari. Minflok, il-konformità tista' tkun immonitorjata bl-użu ta' wieħed jew aktar mill mekkaniżmi diġà fis-seħħ għall-ispezzjoni tal-bini tan-negozju u l-postijiet tax-xogħol. Varjetà ta' għażliet ġeneralment teżisti għal dan il-għan. F'ħafna pajjiżi, spezzjonijiet għall-konformità jistgħu jiġu integrati fl-ispezzjonijiet tal-liċenzji tan-negozji, spezzjonijiet tas-saħħa u s-sanità, spezzjonijiet għas-saħħa u s-sigurtà fil-post tax-xogħol, spezzjonijiet tas-sikurezza tan-nar jew programmi simili. Jista' jkun ta' valur li jsir użu minn dawn it-tipi ta' sorsi ta' ġbir ta' informazzjoni fl-istess ħin.

37. Fejn possibbli, l-użu ta' spetturi jew aġenti tal-infurzar fuq livell lokali huwa rrakkommandat; dan għandu jżid ir-riżorsi ta' infurzar disponibbli u l-livell ta' konformità. Dan il-metodu jeħtieġ it-twaqqif ta' mekkaniżmu ta' koordinament nazzjonali biex ikun żgurat metodu konsistenti fil-pajjiż kollu.

38. Minkejja l-mekkaniżmu użat, il-monitoraġġ għandu jkun ibbażat fuq pjan ta' infurzar ġenerali, u għandu jinkludi proċess għal taħriġ effettiv tal-ispetturi. Monitoraġġ effettiv jista' jikkombina spezzjonijiet regolari ma' spezzjonijiet mingħajr avviż jew programm, kif ukoll spezzjonijiet minħabba rapporti li jkunu saru. Dawn l-ispezzjonijiet jistgħu jkunu ta' edukazzjoni fil-perjodu tal-bidu wara li l-liġi tidħol fis-seħħ, billi ħafna mill-ksur ikun sar b'mod involontarju. Il-leġiżlazzjoni għandha tawtorizza l-ispetturi biex ikunu jistgħu jidħlu fil-bini skont il-liġi u jiġbru kampjuni u evidenzi, dment li dawn il-poteri mhumiex diġà stabbiliti minn liġi eżistenti. B'mod simili, il-leġiżlazzjoni għandha tipprojbixxi n-negozji milli jostakolaw lill-ispetturi fix-xogħol tagħhom.

39. In-nefqa ta' monitoraġġ effettiv mhijiex eċċessiva. Mhemmx bżonn li jkunu impjegati numru kbir ta' spetturi, minħabba li l-ispezzjonijiet jistgħu jsiru permezz ta' programmi u persunal eżistenti, u minħabba li l-esperjenza turi li leġiżlazzjoni kontra t-tipjip issir awto-infurzanti malajr (jiġifieri tkun infurzata fil-biċċa l-kbira mill-pubbliku stess). Jekk il-leġiżlazzjoni tkun implimentata b'mod għaqli u jsiru sforzi attivi biex ikunu edukati n-negozji u l-pubbliku, ftit li xejn ikun hemm bżonn ta' prosekuzzjonijiet.

40. Għalkemm dawn il-programmi ma jinvolvux spejjeż kbar, hemm bżonn tar-riżorsi biex ikunu edukati n-negozji, jingħata taħriġ lill-ispetturi, jiġi kkoordinat il-proċess ta' spezzjoni u jkun ikkompensat il-persunal għall-ispezzjonijiet ta' negozji barra mill-ħin normali tax-xogħol. Mekkaniżmu ta' finanzjament għandu jiġi identifikat għal dan il-għan. Programmi ta' monitoraġġ effettivi użaw diversi sorsi ta' fondi, inkluż allokament mid-dħul tat-taxxi, ħlas tal-liċenzji tan-negozji u dħul allokat minn multi mħallsa minn dawk li jiksru l-liġi.

L-istrateġiji tal-infurzar

41. Metodi strateġiċi ta' infurzar jistgħu jżidu l-konformità, jissimplifikaw l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni u jnaqqsu l-livell ta' riżorsi għall-infurzar meħtieġa.

42. B'mod partikolari, attivitajiet relatati mal-infurzar fil-perjodu eżatt wara d-dħul fis-seħħ tal-liġi huma kritiċi għas-suċċess tal-liġi u għas-suċċess ta' monitoraġġ u infurzar fil-futur. Ħafna ġurisdizzjonijiet jirrakkomandaw perjodu inizjali ta' infurzar minimu, fejn dawk li jiksru l-liġi jkunu mwissija minflok jingħataw penali. Dan il-metodu għandu jkun konġunt ma' kampanja attiva biex ikunu edukati s-sidien tan-negozji dwar ir-responsabbiltajiet tagħhom skont il-liġi, u n-negozji għandhom jifhmu li l-perjodu ta' konċessjoni jew dħul gradwali se jkun segwit b'infurzar aktar strett.

43. Meta jibda l-infurzar attiv, ħafna ġurisdizzjonijiet jirrakkomandaw l-użu ta' prosekuzzjonijiet b'attenzjoni għolja bil-ħsieb ta’ kontribut għad-deterrenza. L-awtoritajiet ikunu jistgħu juru s-soluzzjonijiet u s-serjetà tal-liġi permezz tal-identifikazzjoni ta' nies prominenti li jkunu kisru l-liġi b'mod attiv jew li jkunu magħrufa fil-komunità, permezz ta' azzjoni serja u immedjata u permezz ta' sensibilizzazzjoni għolja tal-pubbliku dwar dawn l-attivitajiet. Dan iżid il-konformità volontarja u jnaqqas ir-riżorsi meħtieġa għal monitoraġġ u infurzar fil-futur.

44. Filwaqt li liġijiet kontra t-tipjip isiru awto-infurzanti, xorta hemm bżonn li l-awtoritajiet ikunu ppreparati biex jirrispondu malajr u b'mod iżjed deċiżiv għal kull każ iżolat ta' ksur tal-liġi. B'mod partikolari meta liġi tkun għadha dieħla fis-seħħ, okkażjonalment jista' jkun hemm xi ħadd li jipprova juri l-oppożizzjoni tiegħu kontra l-liġi. Tweġibiet ħarxa f'dawn il-każijiet jistabbilixxu aspettattiva ta' konformità li tagħmilha aktar faċli għal sforzi fil-futur, filwaqt li nuqqas ta' deċiżjoni tista' twassal malajr għal firxa ta' vjolazzjonijiet.

Il-mobilizzazzjoni u l-involviment tal-komunità

45. L-effettività ta' programm ta' monitoraġġ u infurzar hi mtejba permezz tal-involviment tal-komunità fil-programm. It-tħaddim tal-appoġġ tal-komunità u l-inkoraġġiment tal-membri tal-komunità biex jimmonitorjaw il-konformità u jirrappurtaw il-vjolazzjonijiet tkompli tkabbar ix-xogħol tal-aġenziji tal-infurzar u tnaqqas ir-riżorsi meħtieġa biex tinkiseb konformità. F'ħafna ġurisdizzjonijiet, l-ilmenti tal-komunità huma l-mezz ewlieni biex tkun assigurata l-konformità. Għal dan il-għan, il-leġiżlazzjoni kontra t-tipjip għandha tispeċifika li membri tal-pubbliku jistgħu jressqu ilmenti u għandhom jawtorizzaw kwalunkwe persuna jew organizzazzjoni mhux tal-gvern biex jibdew azzjoni biex tinkiseb il-konformità mal-miżuri li jirregolaw l-espożizzjoni għad-duħħan sekondaman. Il-programm ta' infurzar għandu jinkludi linja tat-telefown b'xejn jew sistema simili biex il-pubbliku jkun inkorraġġit jagħmel rapporti ta' vjolazzjonijiet.

IL-MONITORAĠĠ U L-EVALWAZZJONI TAL-MIŻURI

46. Il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-miżuri biex jitnaqqas l-espożizzjoni għad-duħħan sekondaman mit-tabakk huma importanti għal diversi raġunijiet, pereżempju:

(a) biex jiżdied l-appoġġ politiku u pubbliku biex jissaħħu u jikbru d-dispożizzjonijiet leġiżlattivi;

(b) biex ikun hemm dokumentazzjoni tas-suċċessi li se jinfurmaw u jassistu l-isforzi ta' pajjiżi oħra;

(c) biex ikunu identifikati u ppubbliċizzati l-isforzi li saru mill-industrija tat-tabakk biex ikun hemm xkiel fil-miżuri tal-implimentazzjoni.

47. Il-kobor u l-kumplessità tal-monitoraġġ u l-evalwazzjoni se jvarjaw bejn il-ġurisdizzjonijiet, skont l-esperjenza u r-riżorsi disponibbli. Madankollu, hu importanti li jkun evalwat ir-riżultat tal-miżuri implimentati, b'mod partikolari, fuq l-indikatur ewlieni ta' espożizzjoni għad-duħħan sekondaman fil-postijiet tax-xogħol u l-postijiet pubbliċi. Jista' jkun hemm metodi ta' kif jitnaqqsu l-ispejjeż għal dan il-għan, pereżempju permezz tal-użu ta' dejta jew informazzjoni miġbura permezz ta' attivitajiet ta' kuljum bħal spezzjonijiet fil-post tax-xogħol.

48. Hemm tmien indikaturi ewlenin tal-proċess u r-riżultat li għandhom ikunu kkunsidrati[24]:

Il-proċessi

(a) Għarfien, attitudnijiet u appoġġ għal politiki kontra t-tipjip fost il-popolazzjoni ġenerali u possibilment gruppi speċifiċi, pereżempju, ħaddiema f'barijiet;

(b) infurzar ta' u konformità ma' politiki kontra t-tipjip;

Ir-riżultati

(a) tnaqqis fl-espożizzjoni ta' impjegati għad-duħħan sekondaman mit-tabakk fil-postijiet tax-xogħol u postijiet pubbliċi;

(b) tnaqqis fil-kontenut ta' duħħan sekondaman mit-tabakk fl-arja fil-postijiet tax-xogħol (b'mod partikolari f'ristoranti) u postijiet pubbliċi;

(c) tnaqqis fil-mortalità u l-morbożitá mill-espożizzjoni għad-duħħan sekondaman mit-tabakk;

(d) tnaqqis fl-espożizzjoni għad-duħħan sekondaman mit-tabakk fi djar privati;

(e) tibdil fil-prevalenza tat-tipjip u fl-aġir relatat mat-tipjip;

(f) l-impatti ekonomiċi.[pic][pic][pic][pic][pic][pic][pic][pic][pic][pic][pic][pic][pic][pic][pic][pic][pic][pic][pic][pic][pic][pic][pic][pic]

[1] It-tabakk jew is-saħħa fl-Unjoni Ewropea: il-Passat, il-preżent u l-ġejjieni, Konsorzju ASPECT, Ottubru 2004.

[2] Kirurgu Ġenerali (2006). Atlanta, Ga, l-Istati Uniti. Dipartiment tas-Saħħa u tas-Servizzi għall-Bniedem, Ċentri ta’ Kontroll u ta' Prevenzjoni tal-Mard, Ċentru ta’ Koordinazzjoni għall-Promozzjoni tas-Saħħa, Ċentru Nazzjonali għall-Prevenzjoni tal-Mard Kroniku u l-Promozzjoni tas-Saħħa, Uffiċċju dwar Tipjip u Saħħa.

[3] Kirurgu Ġenerali (2006). op. cit.

[4] Foreman, M. G., D. L. DeMeo, et al. (2007). " European Respiratory Journal 30(6): 1124-1130.

[5] Kirurgu Ġenerali (2006). op. cit.

[6] The Smoke Free Partnership (2006). Lifting the smokescreen: 10 reasons for a smoke free Europe, Brussell, il-Belġju, is-Soċjetà Ewropea dwar ir-Respirazzjoni.

[7] COM(2007) 27 finali.

[8] ĠU C […], […], p. […].

[9] ĠU C […], […], p. […].

[10] ĠU C , , p. .

[11] ĠU C , , p. .

[12] The Smoke Free Partnership (2006). Lifting the smokescreen: 10 reasons for a smoke free Europe, Brussell, il-Belġju, is-Soċjetà Ewropea dwar ir-Respirazzjoni.

[13] ĠU C 189, 26.7.1989, p. 1.

[14] ĠU L 22, 25.1.2003, p. 31.

[15] ĠU L 183, 29.6.1989, p. 1.

[16] Ara s-Sentenza tal-Qorti fil-każ C-49/00 il-Kummissjoni v. l-Italja, paragrafi 10 sa 18

[17] COM(2004) 416 finali

[18] COM(2007) 27 finali

[19] [FCTC/COP2(7)] Linji gwida dwar il-protezzjoni mill-espożizzjoni għad-duħħan tat-tabakk, kif elaborati mill-grupp ta' ħidma konvenut skont id-Deċiżjoni FCTC/COP1(15) tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta' Qafas tal-WHO dwar il-Kontroll tat-Tabakk.

[20] ĠU L 194, 18.7.2001, p. 26.

[21] ĠU L 226, 10.9.2003, p. 24.

[22] ĠU L 226, 10.9.2003, p. 24.

[23] Jista' jagħti l-każ li jkun hemm elementi kostitwenti tad-duħħan mit-tabakk fl-arja li minħabba l-ammont żgħir tagħhom ma jkunux jistgħu jiġu mkejla. Għandha tingħata attenzjoni lill-possibbiltà li l-industrija tat-tabakk jew is-settur tal-ospitalità jistgħu jippruvaw jisfruttaw il-limiti ta' din id-definizzjoni.

[24] Il-pubblikazzjoni tal-": (Ġinevra, l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, 2007) tipprovdi referenzi u ħoloq għal studji ta' monitoraġġ immexxi fi bnadi oħra fuq dawn l-indikaturi kollha.

Top