Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009PC0122

    Proposta għal regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi pjan fit-tul għall-istokk ta' marlozz tat-Tramuntana u s-sajd li qed jisfrutta dak l-istokk {SEC(2009)300 {SEC(2009)301}

    /* KUMM/2009/0122 finali - CNS 2009/0039 */

    52009PC0122

    Proposta għal regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi pjan fit-tul għall-istokk ta' marlozz tat-Tramuntana u s-sajd li qed jisfrutta dak l-istokk {SEC(2009)300 {SEC(2009)301} /* KUMM/2009/0122 finali - CNS 2009/0039 */


    [pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

    Brussel 17.3.2009

    KUMM(2009) 122 finali

    2009/0039 (CNS)

    Proposta għal

    REGOLAMENT TAL-KUNSILL

    li jistabbilixxi pjan fit-tul għall-istokk ta' marlozz tat-Tramuntana u s-sajd li qed jisfrutta dak l-istokk {SEC(2009)300{SEC(2009)301}

    (preżentata mill-Kummissjoni)

    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    KUNTEST TAL-PROPOSTA |

    110 | Raġunijiet u għanijiet tal-proposta Ir-regolament propost jistabbilixxi pjan fit-tul għall-ġestjoni tal-istokk ta' marlozz tat-tramuntana u s-sajd li jisfrutta dan l-istokk. L-għan tal-pjan huwa li tinżamm il-bijomassa tal-istokk ta' marlozz tat-Tramuntana fuq livell li jippermetti l-isfruttament sostenibbli tiegħu skont l-ogħla rendiment sostenibbli, fuq il-bażi ta' pariri xjentifiċi, u waqt li jiġu fil-mira l-istabbilità u l-profitt fis-settur tas-sajd. Dawn l-għanijiet huma konformi mal-għanijiet tal-Politika Komuni dwar is-Sajd kif jinsabu fl-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 tal-20 ta' Diċembru 2002 dwar il-konservazzjoni u l-isfruttar sostenibbli ta’ riżorsi tas-sajd skont il-Politika Komuni dwar is-Sajd[1], u fil-paragrafu 30 tal-Pjan ta’ Implimentazzjoni tas-Samit Dinji dwar l-Iżvilupp Sostenibbli, f'Johannesburg, 2002. Il-pjan jibdel u jirrevoka r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 811/2004 tal-21.04.2004 li jistabbilixxi miżuri ta’ rkupru għall-istokk ta' marlozz tat-Tramuntana. L-elementi l-ġodda ewlenin li għandhom ikunu introdotti fil-pjan il-ġdid huma li ġejjin. Il-ħtieġa li jiġu riveduti l-għanijiet Il-pariri xjentifiċi juru li huwa xieraq li l-attenzjoni tinxteħet fuq il-kisba tal-aħjar rata ta' sfruttament li tiggarantixxi l-ogħla rendiment sostenibbli li l-kundizzjonijiet oċeanografiċi jippermettu. Aktar milli jkunu fil-mira livelli speċifiċi ta’ bijomassa ġie ppruvat li hu meħtieġ li wieħed jipprovdi għal sitwazzjoni fejn l-istokk jista' jitla' u jinżel b'mod imprevidibbli madwar il-mira ta' rkupru, u jiġu evitati pjanijiet separati ta' rkupru jew fit-tul. Għalhekk, hu propost li jiġi stabbilit l-għan li l-isfruttar tal-istokk isir fuq rata ta' mortalità mis-sajd ta' 0.17 fis-sena. Dan skont il-pariri xjentifiċi li s-sajd b'din ir-rata għandu jagħti l-ogħla rendimenti mill-istokk. L-adattament tal-pjan għall-kundizzjonijiet soċjali u ekonomiċi attwali Is-settur tas-sajd bħalissa għaddej minn perjodu ta' ristrutturazzjoni rapida kawża tal-prezzijiet għoljin tal-karburant fl-2008 u kawża ta' profitti baxxi. Il-pjan il-ġdid għandu jieħu kont ta' dawn it-tibdiliet u għandu jiffoka fuq livell aħjar ta' profitti fis-sajd fl-inqas żmien raġonevoli possibli. Il-provvediment għal regoli ta’ ġbir f’sitwazzjonijiet b’dejta li mhix suffiċjenti L-esperjenza reċenti dwar stokkijiet oħrajn uriet li d-dejta mhux dejjem tkun disponibbli biex isservi ta' parametri sabiex jiġi applikat il-pjan. Jeħtieġ li jkun hemm regoli ċari biex ikunu applikati meta u fejn ix-xjenzjati ma jkunux jistgħu jipprovdu stimi preċiżi tal-istat tal-istokkijiet. Il-ħtieġa li jitnaqqas ir-rimi tal-marlozz It-tnaqqis fir-rata ta' mortalità mis-sajd fejn jidħol il-marlozz biex tonqos għal dik meħtieġa għall-ogħla rendiment possibli għandu jwassal għal tnaqqis fir-rati tar-rimi, kemm tal-marlozz kif ukoll ta' speċijiet oħra li jinqabdu mal-marlozz. Ir-rata iktar baxxa ta' mortalità mis-sajd tippermetti l-akkumulazzjoni ta' ħut ikbar fid-daqs u fl-età fl-istokkijiet, biex b'hekk jinqabad anqas ħut mhux matur b'mod inċidentali li ma jistax jiġi evitat u li ma jistax jinbiegħ. Dispożizzjonijiet ta' kontroll Id-dispożizzjonijiet ta’ kontroll għandhom ukoll ikunu adattati għall-istruttura u d-dispożizzjonijiet il-ġodda. Minħabba t-tibdil propost għall-ġestjoni tal-marlozz, ċerti miżuri ta’ kontroll stabbiliti bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2847/93 tat-12 ta’ Ottubru 1993, li jistabbilixxi sistema ta’ kontroll li tapplika għall-politika tas-sajd komuni, għandhom jitjiebu biex tkun żgurata l-konformità mal-miżuri l-ġodda. |

    120 | Kuntest ġenerali Fl-2002, l-Istati Membri kienu firmatarji tal-Pjan ta’ Implimentazzjoni tas-Samit Dinji dwar l-Iżvilupp Sostenibbli (Johannesburg). Dak il-Pjan ta’ Implimentazzjoni jinkludi impenn għall-isfruttament ta’ żoni tas-sajd skont l-ogħla rendimenti sostenibbli (MSY – maximum sustainable yields) sal-2015. Barra minn hekk, matul ir-riforma tal-Politika Komuni dwar is-Sajd fl-2002, il-Kummissjoni u l-Kunsill qablu li jimplimentaw progressivament pjanijiet multiannwali u pjanijiet ta’ rkupru dwar riżorsi tas-sajd ta’ interess għall-Komunità. Ġew stabbiliti pjanijiet għall-parti l-kbira tal-istokkijiet tal-merluzz fl-ilmijiet komunitarji, żewġ stokkijiet tal-marlozz, żewġ stokkijiet tan-Nephrops, żewġ stokkijiet tal-lingwata u l-istokkijiet tal-barbun tat-tbajja’ u tal-lingwata fil-Baħar tat-Tramuntana. L-istokk tal-marlozz tat-Tramuntana kien it-tieni każ (wara l-merluzz) fejn kien implimentat pjan ta’ rkupru multiannwali. Il-pjan ta' rkupru tal-marlozz eżistenti stabbilixxa li meta d-daqs tal-istokk tal-marlozz kien iktar mill-mira ta' rkupru tiegħu għall-sentejn konsekuttivi, il-pjan ta' rkupru għandu jinbidel għal pjan ta' ġestjoni. Fl-2007, pariri xjentifiċi indikaw li l-mira kienet intlaħqet u wara dan ingħata bidu għall-preparazzjoni tal-proposta. Pariri xjentifiċi iktar reċenti indikaw li l-istat tal-istokk inbidel u li l-istokk ma jistax jiġi kkunsidrat bħala wieħed li hu iktar mill-mira ta' rkupru għal sentejn konsekuttivi. Ġie ppruvat li hu meħtieġ li wieħed jipprovdi għal sitwazzjoni fejn l-istokk jista' jitla' u jinżel b'mod imprevedibbli madwar il-mira ta' rkupru, u jiġu evitati pjanijiet separati ta' rkupru jew fit-tul. Għalhekk huwa xieraq li l-pjan ta' rkupru jiġi sostitwit minn pjan li huwa applikabbli meta l-istokk huwa jew ogħla jew iktar baxx mill-livell immirat. Pjan bħal dan għandu jkun konformi mal-għanijiet tal-MSY. Dan għandu jinvolvi regoli għall-istabbiliment tat-TAC f'sitwazzjonijiet fejn l-istokk huwa jew ogħla jew aktar baxx mil-livell ta' prekawzjoni tal-bijomassa tal-ħut matur ta' 140 000 tunnellata kif ukoll għas-sitwazzjoni fejn il-bijomassa tista' tinżel inqas mil-livell minimu ta' 100 000t. |

    130 | Dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam tal-proposta Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 tal-20 ta' Diċembru 2002 dwar il-konservazzjoni u l-isfruttar sostenibbli ta’ riżorsi tas-sajd skont il-Politika Komuni dwar is-Sajd jistipula l-qafas ġenerali għall-isfruttar sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd. Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 811/2004 tal-21 ta' April 2004 li jistabbilixxi l-miżuri għall-irkupru tal-ħażna [l-istokk] ta’ marlozz tat-tramuntana jistabbilixxi r-regoli għall-istabbiliment tat-TACs għall-istokk tal-marlozz tat-tramuntana, li l-mira tagħhom li li jġibu l-istokk għal livell ogħla mil-livell ta' prekawzjoni. |

    140 | Il-konsistenza mal-politiki u mal-għanijiet l-oħrajn tal-Unjoni L-għan tal-proposta għal żvilupp sostenibbli hija konsistenti mal-politika ambjentali tal-Komunità, l-aktar mal-elementi ta’ dik il-politika li jittrattaw il-ħarsien tal-ħabitati naturali u l-preservazzjoni tar-riżorsi naturali. |

    KONSULTAZZJONI MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT |

    Konsultazzjoni mal-partijiet interessati |

    211 | Metodi ta’ konsultazzjoni, is-setturi ewlenin fil-mira, u l-profil ġenerali tal-parteċipanti Il-proposta hija bbażata fuq bosta konsultazzjonijiet ma’ Stati Membri, kif ukoll ma’ rappreżentanti ta’ partijiet interessati fil-Kumitati Konsultattivi Reġjonali. Il-Kummissjoni pprovdiet dokument tekniku informali għall-RACs u għall-Istati Membri fi Frar 2008. Dan id-dokument eżamina diversi metodi u l-konsegwenzi ta' mixja gradwali mill-isfruttar tal-istokk lejn ġestjoni sostenibbli li hi konsistenti mal-impenji ta Johannesburg tal-2002. Tnaqqis fil-mortalità mis-sajd iwassal (wara perjodu ta' tranżizzjoni) lejn qabdiet iktar stabbli, inqas rimi u għandu jikkontribwixxi lejn tnaqqis ta' sajd bla kontroll ta' speċijiet oħra fl-istess żona u li jinqabdu waqt l-istess sajd. Saret referenza għall-pariri xjentifiċi attwali ta' dak iż-żmien li kienu identifikaw l-mortalità mis-sajd konsistenti mal-ogħla rendiment sostenibbli bħala F=0.17. Huwa improbabbli li jirriżultaw benefiċċji fi żmien raġonevoli jekk ma japplikax tnaqqis minimu annwali ta' 10% fil-mortalità mis-sajd. It-tipi ta' rkaptu użat biex jinqabad il-marlozz kif irrappurtat mill-Istati Membri ġew deskritti flimkien ma' xi tipi importanti ta' bastimenti użati mill-istati membri rilevanti fil-qabda tal-marlozz. L-industrija kienet ikkonsultata fuq diversi alternattivi dwar il-mezzi biex titnaqqas il-mortalità mis-sajd, inkluż: kif jistgħu jittejbu l-kontroll u l-infurzar; il-pass tat-tnaqqis fil-mortalità mis-sajd; tibdil fil-metodi tas-sajd biex tiġi evitata l-qabda ta' ħut iżgħar, inkluż daqs tal-malji akbar f'sajd differenti ; il-ġestjoni tas-sajd permezz tal-jiem fuq il-baħar jew il-limitu ta' jiem kW flimkien mat-TACs; l-irtirar ta' bastimenti; Id-dokument ta' konsultazzjoni kien indirizzat lill-Kunsill Reġjonali Konsultattiv tal-Majjistral u lil dak tal-Lbiċ. Dawn il-korpi huma stabbiliti mill-Komunità Ewropea biex tagħti ċans lir-rappreżentanti tas-setturi tal-industrija tal-qbid u tal-ipproċessar, tal-organizazzjonijiet ambjentali mhux governattivi, tas-sajjieda dilettanti u ta' gruppi oħra varji biex jagħtu pariri lill-Kummissjoni Ewropea. |

    212 | Sommarju tar-reazzjonijiet u kif tqiesu |

    Ġbir u użu tal-għarfien espert |

    221 | Oqsma xjentifiċi/ta' għarfien espert ikkonċernati L-ICES u l-STECF intalbu jagħtu pariri xjentifiċi dwar il-ġestjoni fit-tul tal-marlozz. L-STECF ta r-rapport tiegħu f'laqgħa bejn l-4 u t-8 ta' Ġunju 2007[2]. Rapport fuq l-impatti ekonomiċi ġie ppreparat waqt laqgħa f'Diċembru 2007[3]. |

    2249 | Sommarju tal-pariri li ngħataw u ntużaw L-elementi ewlenin huma: L-STECF huwa tal-parir li hemm benefiċċji sostanzjali fit-tul jekk ikun hemm bidla mir-rata ta' prekawzjoni ta' mortalità mis-sajd speċifikata fil-pjan tar-rkupru (F=0.25) għar-rata ta' mortalità mis-sajd assoċjata mal-ogħla rendiment sostenibbli (F=0.17). Madankollu, hemm tnaqqis ta' tranżizzjoni fil-qbid matul il-bidla għar-rata aktar baxxa. Filwaqt li STECF huwa wkoll tal-parir li r-rendimenti jistgħu jitjiebu jekk jinbidlu t-tipi ta' tagħmir għas-sajd biex jonqos il-qbid ta' ħut iżgħar, il-membri tal-RAC ma jaqblux li jitkabbar id-daqs tal-malji fix-xbieki li huma użati fis-sajd fejn jinqabad il-marlozz. L-RACs qablu li hemm il-ħtieġa li tonqos il-mortalità mis-sajd u l-isforz tas-sajd, iżda kkunsidraw li dan għandu jsir b'konformità mal-aġġustamenti strutturali fil-kapaċità tas-sajd u mhux permezz tal-ġestjoni tal-jiem kW jew tal-jiem fuq il-baħar. L-RACs ma appoġġjawx l-introduzzjoni ta' żoni magħluqa ġodda. Din il-proposta hija msejsa fuq il-pariri riċevuti. |

    225 |

    226 | Mezzi li ntużaw biex l-għarfien espert ikun disponibbli pubblikament Il-pariri tal-ICES u l-STECF jistgħu jinkisbu mill-pubbliku mis-siti elettroniċi rispettivi tagħhom (www.ices.dk u fishent.jrc.it/web/stecf ). |

    230 | Valutazzjoni tal-impatt Il-valutazzjoni tal-impatt hija bbażata l-aktar fuq tliet tipi ta’ kontribut: L-analiżi bijoloġika, magħmula l-aktar mill-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd tal-KE (STECF) li analizza alternattivi bijoloġiċi dwar l-rati fil-mira alternattivi ta' mortalità mis-sajd u metodi kif jintlaħqu dawn ir-rati; Analiżi ekonomika, ukoll magħmula mill-STECF, li tqis it-tibdil possibli fl-ispejjeż u fid-dħul tal-flotot rilevanti skont l-alternattivi differenti; Il-konsultazzjonijiet mal-partijiet interessati, prinċipalment il-parir konġunt tal-RACs tal-Ilmijiet tal-Majjistral u tal-Ilmijiet tal-Lbiċ. Il-valutazzjoni tal-impatt hija disponibbli fuq: http://ec.europa.eu/governance/impact/practice_en.htm |

    ELEMENTI ġURIDIċI TAL-PROPOSTA |

    310 | Bażi legali Il-bażi legali biex jiġu stabbiliti pjanijiet fit-tul hija l-Artikolu 37 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea. |

    329 | Prinċipju ta' sussidjarjetà Il-proposta taqa’ taħt il-kompetenza esklussiva tal-Komunità. Għalhekk il-prinċipju ta’ sussidjarità ma japplikax. |

    Prinċipju ta' proporzjonalità Il-proposta hija konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità. |

    331 | Meta mqabbla mal-pjan ta' rkupru eżistenti, ir-Regolament propost jimplimenta biss tibdil suffiċjenti biex jiżgura li l-istokk jiġi sfruttat f'konformità mal-ogħla rendiment sostenibbli u f'konformità mal-pariri xjentifiċi reċenti. |

    IMPLIKAZZJONI GħALL-BAġIT |

    409 | Il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni fuq il-baġit Komunitarju. |

    TAGħRIF ADDIZZJONALI |

    Klawżola ta’ valutazzjoni/reviżjoni/terminazzjoni |

    531 | Il-proposta tinkludi dispożizzjoni li tipprovdi għal evalwazzjoni ta’ miżuri ta’ ġestjoni kull tliet snin mid-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament. |

    532 | Ir-rati fil-mira proposti ta’ mortalità mis-sajd huma bbażati fuq pariri xjentifiċi mingħand l-STECF u l-ICES u jirriflettu s-sitwazzjoni bijoloġika attwali. Fil-proposta hemm inkluża klawsola ta’ evalwazzjoni biex ikun żgurat li r-rati fil-mira ta’ mortalità mis-sajd ikunu jistgħu jiġu emendati skont il-każ fid-dawl ta’ informazzjoni u pariri xjentifiċi ġodda. |

    2009/0039 (CNS)

    Proposta għal

    REGOLAMENT TAL-KUNSILL

    li jistabbilixxi pjan fit-tul għall-istokk ta' marlozz tat-Tramuntana u s-sajd li qed jisfrutta dak l-istokk

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 37 tiegħu,

    Wara li kkunsidra il-proposta mill-Kummissjoni[4],

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew[5],

    Billi:

    (1) Minħabba l-Pjan ta' Implimentazzjoni adottat fis-Samit Dinji tan-NU dwar l-Iżvilupp Sostenibbli adottat f'Johannesburg fl-2002, il-Komunità Ewropea hija impenjata inter alia sabiex iżżomm jew treġġa' lura l-istokkijiet għal livelli li jistgħu jipproduċu l-ogħla rendiment sostenibbli, bl-għan li dawn l-għanijiet jinkisbu b'urġenza għall-istokkijiet eżawriti, u fejn hu possibbli mhux aktar tard mill-2015. .

    (2) Sabiex jitjieb l-istat tal-istokk tal-marlozz tat-Tramuntana, li kien viċin il-kollass, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 811/2004 tal-21 ta' April 2004 li jistabbilixxi l-miżuri għall-irkupru tal-ħażna (stokk) ta’ marlozz tat-tramuntana[6] kien adottat. Filwaqt li dan il-pjan irriżulta f'ċertu titjib fl-istat tal-istokk konċernat, l-għanijiet ta' dan il-pjan mhumiex biżżejjed biex jintlaħqu l-għanijiet imsemmija fil-premessa 1.

    (3) Sabiex l-istokk ta' marlozz tat-Tramuntana jitreġġa' lura għal-livell li jista' jipproduċi l-ogħla rendiment sostenibbli, huwa meħieġ li jiġi adottat pjan fit-tul għall-ġestjoni tal-istokk ta' marlozz tat-Tramuntana li jipprovdi għall-għanijiet u l-proċeduri biex jiġu deċiżi l-limiti tal-qbid u l-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd fost l-Istati Membri u biex jissostitwixxi ir-Regolament (KE) Nru 811/2004.

    (4) Skont l-informazzjoni disponibbli, il-livelli fit-tul ta' bijomassa mixtieqa ma jistgħux jiġu stabbiliti bi preċiżjoni. Għalhekk, kull għan ta' pjan fit-tul irid jiġi espress bħala mira tar-rata ta' mortalità mis-sajd aktar milli bħala mira ta' bijomassa.

    (5) Il-pariri mill-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF) jindikaw li l-ogħla rendiment fit-tul jista' jintlaħaq waqt l-isfruttar tal-istokk b'rata ta' mortalità mis-sajd ta' 0.17.

    (6) L-STECF mhux dejjem ikun jista' jagħti pariri fuq il-limiti tal-qbid minħabba nuqqas ta' informazzjoni preċiża u rappreżentattiva biżżejjed. Għalhekk, iridu jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet biex jiġi żgurat li l-limiti ta' qbid ikunu jistgħu jiġu stabbiliti b'mod konsistenti anke meta hemm f'każi ta' dejta fqira.

    (7) L-istabbiliment u l-allokazzjoni ta' opportunitajiet ta' sajd u l-iffissar ta' livelli minimi u ta' prekawzjoni ta' stokkijiet u tal-livell tar-rata ta' mortalità mis-sajd huma miżuri ta' importanza ewlenija fil-Politika Komuni tas-Sajd u għandhom impatt dirett fuq is-sitwazzjoni soċjo-ekonomika tal-flotot tas-sajd tal-Istati Membri. Huwa xieraq li l-Kunsill jirriserva għalih innifsu d-dritt li jeżerċita poteri diretti ta' implimentazzjoni fejn jidħlu dawn il-każijiet speċifiċi.

    (8) Bil-ħsieb li tiġi żgurata l-konformità mal-miżuri kif stabbiliti f'dan ir-Regolament, għandhom jiġu adottati miżuri speċifiċi ta' kontroll flimkien ma' dawk misjuba fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2847/93 tat-12 ta' Ottubru 1993 li jistabbilixxi sistema ta’ kontroll li tapplika għall-politika komuni dwar is-sajd [il-Politika Komuni tas-Sajd][7].

    (9) Huwa xieraq li tiġi żgurata valutazzjoni perjodika tal-pjan. Fejn din il-valutazzjoni turi li l-livelli minimi u ta' prekawzjoni jew li l-livelli ta' mortalità mis-sajd kif stabbiliti mill-pjan m'għadhomx xierqa, għandu jiġi żgurat l-adattatament tal-pjan.

    (10) Għall-iskopijiet tal-punti (i) u (iv) tal-Artikolu 21(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1198/2006 tas-27 ta' Lulju 2006 dwar il-Fond Ewropew għas-Sajd[8] il-pjan għandu jkun pjan ta' rkupru skont it-tifsira tal-Artikolu 5 Regolament (KE) Nru 2371/2002 tal-20 ta' Diċembru 2002 dwar il-konservazzjoni u l-isfruttar sostenibbli ta’ riżorsi tas-sajd skont il-Politika Komuni dwar is-Sajd[9] fejn l-istokk jinsab taħt il-livell ta' prekawzjoni tal-bijomassa riproduttiva, u pjan ta' ġestjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 6 tal-aħħar Regolament fis-sitwazzjonijiet l-oħra kollha.

    (11) Ir-Regolament (KE) Nru 811/2004 għandu għalhekk jiġi mħassar u ssostitwit b'Regolament ġdid.

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    KAPITOLU I SUĠĠETT, AMBITU U DEFINIZZJONIJIET

    Artikolu 1

    Suġġett

    Dan ir-Regolament jistabbilixxi pjan fit-tul għall-konservazzjoni u l-ġestjoni tal-istokk ta' marlozz tat-Tramuntana (minn issa 'il quddiem 'il-pjan').

    Artikolu 2

    Ambitu

    Dan ir-Regolament għandu japplika għall-istokk ta' marlozz li jinsab fiż-żoni li ġejjin:

    (a) Is-subdiviżjoni tal-ICES IIIa u l-ilmijiet tal-Komunità Subdiviżjonijiet tal-ICES IIIb, IIIc u IIId,

    (b) L-ilmijiet tal-Komunità Subdiviżjoni tal-ICES IIa u tal-ICES Diviżjoni IV,

    (c) Id-diviżjoni tal-ICES VI u VII, l-ilmijiet tal-Komunità Subdiviżjoni tal-ICES Vb u l-ilmijiet internazzjonali Subdiviżjonijiet tal-ICES XII u XIV,

    (d) Is-subdiviżjonijiet tal-ICES VIIIa, VIIIb, VIIId u VIIIe.

    Artikolu 3

    Definizzjonijiet

    Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom jgħoddu d-definizzjonijiet li ġejjin:

    (a) "TAC" tfisser il-kwantità tal-istokk tal-marlozz li kull sena tista' tittieħed u tinħatt f'kull żona msemmija fl-Artikolu 2;

    (b) "livell minimu tal-bijomassa" tfisser livell tal-bijomassa ta' riproduzzjoni ta' 100 000 tunnellata;

    (c) "livell ta' prekawzjoni tal-bijomassa" tfisser livell tal-bijomassa ta' riproduzzjoni ta' 140 000 tunnellata;

    (d) "bijomassa attwali" tfisser id-daqs tal-istokk tal-marlozz fl-1 ta' Jannar tas-sena ta' applikazzjoni tat-TAC.

    KAPITOLU IIGĦAN GĦAL ĠESTJONI FIT-TUL

    Artikolu 4

    Għan tal-pjan

    L-għanijiet tal-pjan għandhom ikunu:

    (a) biex tinżamm il-bijomassa tal-istokk tal-marlozz f'livell li jippermetti l-isfruttar sostenibbli tiegħu fuq il-bażi tar-rata mmirata ta' mortalità mis-sajd li tagħti ċans lill-istokk biex jipproduċi l-ogħla rendiment sostenibbli, u

    (b) biex jipprovdi għall-ġestjoni ta' dak l-istokk sabiex jinżamm ogħla mil-livell ta' prekawzjoni ta' bijomassa.

    KAPITOLU III

    REGOLI DWAR IL-QBID

    Artikolu 5

    Proċedura għall-fissazzjoni tat-TACs

    1. Sabiex jiġi milħuq l-għan kif stabbilit fl-Artikolu 4, kull sena l-Kunsill, permezz ta' maġġoranza kwalifikata fuq il-bażi ta' proposta mill-Kummissjoni u wara konsultazzjoni mal-STECF, għandu jiddeċiedi fuq it-TACs tal-istokk tal-marlozz għas-sena ta' wara għaż-żoni msemmija fl-Artikolu 2.

    2 It-TACs għandhom jiġu stabbiliti skont dan il-Kapitolu.

    Artikolu 6

    Tneħħija totali prevista

    1. L-STECF għandha tipprevedi għas-sena ta' wara it-tneħħija totali ta' marlozz skont ir-rati ta' mortalità mis-sajd stabbiliti skont il-paragrafi 2, 3 u 4.

    2. Jekk id-daqs tal-istokk tal-marlozz fl-1 ta' Jannar tas-sena ta' applikazzjoni tat-TACs hu previst mill-STECF bħala wieħed ogħla jew daqs il-livell ta' prekawzjoni ta' bijomassa, ir-rata ta' mortalità mis-sajd applikabbli għandha tkun ta' 0.17 medja fil-faxex ta' età minn 2 sa 6;

    3. Jekk id-daqs tal-istokk tal-marlozz fl-1 ta' Jannar tas-sena ta' applikazzjoni tat-TACs hu previst mill-STECF bħala wieħed li hu inqas mil-livell minimu ta' bijomassa, ir-rata ta' mortalità mis-sajd applikabbli għandha tkun ta' 0.085 medja fil-faxex ta' età minn 2 sa 6;

    4. Jekk id-daqs tal-istokk tal-marlozz fl-1 ta' Jannar tas-sena ta' applikazzjoni tat-TACs hu previst mill-STECF bħala wieħed ogħla jew daqs il-livell minimu ta' bijomassa u inqas mil-livell ta' prekawzjoni ta' bijomassa, ir-rata ta' mortalità mis-sajd applikabbli fil-faxex ta' età minn 2 sa 6 għandha tkun ir-riżultat tal-formula li ġejja:

    0.085 + (il-bijomassa attwali – il-livell minimu ta' bijomassa)*(0.17-0.085)/(il-livell ta' prekawzjoni ta' bijomassa – il-livell minimu ta' bijomassa).

    Artikolu 7

    Kalkolu tat-TACs

    1. It-TACs għandhom ikunu kkalkulati billi jitnaqqsu l-kwantitajiet li ġejjin mit-tneħħija totali ta' marlozz prevista, kif imsemmi fl-Artikolu 6:

    (a) kwantità ta’ ħut ugwali għar-rimi mistenni ta’ marlozz mill-istokk ikkonċernat, u

    (b) kif xieraq, kwantità li tikkorrispondi ma' sorsi oħra rilevanti ta' mortalità ta' marlozz.

    2. Minkejja l-paragrafu 1, il-varjazzjoni annwali fit-TAC għal kull waħda miż-żoni konċernati għandha tkun limitata għal 10% tat-TACs applikabbli fis-snin 2010, 2011 u 2012, u għal 20% għat-TACs applikabbli minn hemm 'il quddiem.

    Artikolu 8

    Proċedura għall-iffissar ta’ TACs f’kundizzjonijiet ta’ dejta fqira

    Fejn, minħabba nuqqas ta’ informazzjoni preċiża u rappreżentattiva biżżejjed, l-STECF ma jkunx jista’ jagħti pariri li jippermettu lill-Kunsill jiddeċiedi fuq it-TAC skont l-Artikolu 6, it-TACs għandhom jiġu deċiżi kif ġej:

    (a) fejn l-STECF jagħti parir li l-qbid tal-marlozz għandu jitnaqqas għall-aktar livell baxx possibbli, it-TAC għandu jkun iffissat skont tnaqqis ta’ mill-inqas 25% imqabbel mat-TAC fis-sena ta’ qabel;

    (b) fil-każijiet l-oħra kollha it-TAC għandu jkun iffissat skont tnaqqis ta’ mill-inqas 15% imqabbel mat-TAC fis-sena ta’ qabel.

    Artikolu 9

    Adattament ta' miżuri

    Fil-każ li l-STECF jagħti parir li l-livelli minimi u ta’ prekawzjoni ta' bijomassa jew ir-rati ta’ mortalità mis-sajd indikati fl-Artikolu 6(2), (3) jew (4) ma jkunux aktar tajbin biex ir-riskju li l-istokkijiet jitbattlu jinżamm baxx u biex jinżamm l-ogħla rendiment sostenibbli, il-Kunsill għandu jiddeċiedi dwar valuri ġodda għal dawn il-livelli.

    KAPITOLU IV

    MONITORAĠĠ, SPEZZJONI U SORVELJANZA

    Artikolu 10

    Relazzjoni mar-Regolament (KEE) Nru 2847/93

    Il-miżuri ta' kontroll imsemmija f'dan il-Kapitolu għandhom japplikaw flimkien ma' dawk preskritti bir-Regolament (KEE) Nru 2847/93 u f'Kapitolu V tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u r-regoli ta' implimentazzjoni tagħhom.

    Artikolu 11

    Verifiki tal-ġurnal ta’ abbord

    1. Għal bastimenti b’sistema ta’ monitoraġġ tal-bastimenti (VMS – vessel monitoring system), l-Istati Membri għandhom jivverifikaw li l-informazzjoni li tasal fiċ-ċentri ta’ monitoraġġ tas-sajd (FMC – fishing monitoring centres) tkun taqbel mal-attivitajiet reġistrati fil-ġurnal ta’ abbord billi jużaw dejta tal-VMS. Dawk l-ispezzjonijiet għandhom jiġu reġistrati f’forma li tinqara mill-kompjuter għal perjodu ta’ tliet snin.

    2. Kull Stat Membru għandu jżomm u jara li jkunu jistgħu jinkisbu mis-sit elettroniku uffiċjali tiegħu d-dettalji tal-kuntatt għas-sottomissjoni ta’ ġurnali ta’ abbord u dikjarazzjonijiet tal-ħatt.

    Artikolu 12

    Użin ta' marlozz li jinħatt l-ewwel darba

    1. Il-kaptan ta’ bastiment tas-sajd għandu jiżgura li kull kwantità ta’ marlozz maqbud fiż-żoni msemmija fl-Artikolu 2 u li jinħattu f’port tal-Komunità għandha tintiżen fuq il-bastiment jew fil-port fejn tinħatt qabel il-bejgħ jew qabel ma tinġarr band’oħra. Il-miżien li jintuża għall-użin għandu jiġi approvat mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. Iċ-ċifra li tirriżulta mill-użin għandha tintuża għad-dikjarazzjoni msemmija fl-Artikolu 8 tar-Regolament (KEE) Nru 2847/93.

    2. Permezz ta' deroga mill-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jippermettu li l-użin tal-marlozz isir f'irkant tal-ħut fit-territorju tal-Istat Membru sakemm il-ħatt tal-ħut ikun ġie suġġett għal spezzjoni fiżika u sakemm il-ħut kien ġie ssiġillat qabel ma ġie trasportat direttament għall-irkant tal-ħut u jibqa' ssiġillat sakemm jintiżen. Id-dokument tat-trasport għandu jindika d-dettalji tal-ispezzjoni li tkun saret waqt il-ħatt.

    Artikolu 13

    Projbizzjoni ta' trażbord

    It-trażbord tal-marlozz fuq il-baħar għandu jkun ipprojbit fiż-żoni msemmija fl-Artikolu 2.

    Artikolu 14

    Notifika minn qabel

    1. Il-kaptan ta' bastiment tas-sajd Komunitarju, jew ir-rappreżentant tiegħu/tagħha, qabel id-dħul f'kull port jew kull lokalità ta' żbark ta' Stat Membru li jkun qed iġorr aktar minn tunnellata waħda ta' marlozz abbord għandu/ha jinforma/tinforma lill-awtoritajiet kompetenti ta' dan l-Istat Membru, mill-anqas erba' sigħat qabel id-dħul, bi:

    (a) l-isem tal-port jew tal-lokalità ta' żbark;

    (b) il-ħin previst tal-wasla f'dan il-port jew fil-lokalità ta' żbark;

    (c) il-kwantitajiet f'kg ta' piż ħaj tal-ispeċijiet kollha li minnhom aktar minn 50 kg ikun miżmum abbord.

    2. L-awtoritajiet kompetenti ta' Stat Membru li fih aktar minn tunnellata waħda ta' marlozz tkun se tinħatt jistgħu jeħtieġu li l-ħatt tat-tagħbija ħut miżmuma abbord ma jibdiex qabel jiġi awtorizzat minn dawn l-awtoritajiet.

    3. Il-kaptan ta' bastiment tas-sajd Komunitarju, jew ir-rappreżentant tiegħu/tagħha, li jkun jixtieq jittrażborda/tittrażborda jew jiskarika/tiskarika fil-baħar kull kwantità miżmuma abbord jew iħott/tħott f'port jew f'lokalità tal-ħatt f'pajjiż terz għandu/ha jinnotifika/tinnotifika lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tal-bandiera, minn tal-inqas 24 siegħa qabel it-trażbord jew l-iskariku fil-baħar jew il-ħatt f'pajjiż terz, bl-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1.

    Artikolu 15

    Portijiet deżinjati

    1. Fejn aktar minn żewġ tunnellati ta' marlozz ikunu se jinħattu fil-Komunità minn bastiment tas-sajd Komunitarju, il-kaptan tal-bastiment għandu jiżgura li dan il-ħatt isir biss fil-portijiet deżinjati.

    2. Kull Stat Membru għandu deżinjati il-portijiet li fihom ikunu se jinħattu aktar minn żewġ tunnellati ta' marlozz.

    3. Kull Stat Membru għandu jibgħat lill-Kummissjoni fi żmien 15-il ġurnata mid-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament il-lista tal-portijiet ddeżinjati u, fi żmien 30 ġurnata wara, il-proċeduri assoċjati ta' spezzjoni u sorveljanza għal dawn il-portijiet, inkluż it-termini u l-kundizzjonijiet għall-irrekordjar u r-rappurtar tal-kwantitajiet ta' marlozz li jinħattu. Il-Kummissjoni għandha twassal din l-informazzjoni lill-Istati Membri kollha.

    Artikolu 16

    Marġni ta’ tolleranza fl-estimi ta’ kwantitajiet irrappurtati fil-ġurnal ta' abbord tal-bastiment

    Permezz ta' deroga mill-Artikolu 5(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2807/83 tat-22 ta' Settembru 1983 li jistabbilixxi regoli dettaljati sabiex jiġi reġistrat it-tagħrif dwar il-qbid ta' ħut mill-Istati Membri[10], il-marġni ta' tolleranza permess, fl-istima ta' kwantitajiet f'kg miżmuma abbord, għandu jkun 5 % tal-figura fil-ġurnal ta' abbord.

    Artikolu 17

    Stivar separat tal-marlozz

    Għandha tiġi pprojbita ż-żamma abbord bastiment tas-sajd Komunitarju fi kwalunkwe kontenitur kwalunkwe kwantità ta' marlozz imħallat ma' kwalunkwe speċi oħra ta' organiżmu tal-baħar. Kontenituri bil-marlozz għandhom jitqiegħdu fl-istiva b'mod separat minn kontenituri oħra.

    Artikolu 18

    Trasport tal-marlozz

    1. L-awtoritajiet kompetenti ta' Stat Membru jistgħu jeħtieġu li kwalunwke kwantità ta' marlozz maqbuda f'waħda miż-żoni speċifikati fl-Artikolu 2 u l-ewwel imwassla f'dak l-Istat Membru tintiżen fil-preżenza ta' kontrolluri qabel ma tiġi trasportata x'imkien ieħor mill-port tal-ewwel wasla. Għal marlozz li jinħatt l-ewwel f'port indikat fl-Artikolu 15, kampjuni rappreżentattivi, li jammontaw għal mill-inqas 20 % tal-għadd li jkun inħatt, għandhom jintiżnu fil-preżenza ta' kontrolluri awtorizzati mill-Istati Membri qabel ma jiġu offerti għall-ewwel bejgħ u jinbigħu. Għal dan l-għan, l-Istati Membri għandhom jissottomettu lill-Kummissjoni, fi żmien xahar mid-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, dettalji tar-reġim tat-teħid tal-kampjuni li jkun se jiġi applikat.

    2. Permezz ta' deroga mill-Artikolu 13 tar-Regolament (KEE) Nru 2847/93, il-kwantitajiet kollha ta' marlozz ta' aktar minn 50 kg li jiġu trasportati lejn post li mhux dak fejn inħattu jew ġew importati l-ewwel darba għandhom ikunu akkumpanjati minn kopja ta' waħda mid-dikjarazzjonijiet ipprovduti fl-Artikolu 8(1) ta' dak ir-Regolament relatati mal-kwantitajiet ta' marlozz trasportati. L-eżenzjoni prevista bl-Artikolu 13(4)(b) ta’ dak ir-Regolament m’għandhiex tapplika.

    Artikolu 19

    Programmi nazzjonali ta' azzjoni għall-kontroll

    1. L-Istati Membri b'bastimenti milqutin minn dan ir-Regolament għandhom jiddefinixxu programm ta’ azzjoni ta’ kontroll nazzjonali skont l-Anness I.

    2. Qabel il-31 ta’ Jannar ta’ kull sena, l-Istati Membri b’bastimenti milqutin minn dan ir-Regolament għandhom jagħmlu disponibbli lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri oħra milqutin minn dan ir-Regolament fuq is-sit elettroniku uffiċjali tagħhom il-programmi ta’ azzjoni ta’ kontroll nazzjonali tagħhom flimkien ma’ skeda ta’ implimentazzjoni.

    3. Mill-inqas darba fis-sena, il-Kummissjoni għandha ssejjaħ laqgħa tal-Kumitat tas-Sajd u l-Akkwakultura biex tevalwa l-applikazzjoni u r-riżultati tal-programmi nazzjonali ta’ azzjoni għall-kontroll.

    Artikolu 20

    Punti ta’ referenza għall-Ispezzjoni

    Il-programmi nazzjonali ta' azzjoni għall-kontroll imsemmija fl-Artikolu 19 għandhom jistabbilixxu punti ta' referenza speċifiċi għall-ispezzjoni. Tali punti ta’ referenza għandhom jiġu riveduti perjodikament wara li tkun saret analiżi tar-riżultati miksubin. L-ispezzjoni ta’ punti ta’ referenza għandha tevolvi progressivament sakemm il-punti ta’ referenza fil-mira u definiti fl-Anness II jintlaħqu.

    Artikolu 21

    Programmi speċjali ta’ kontroll u spezzjoni,

    Permezz ta' deroga mill-Artikolu 34c(1) tar-Regolament (KEE) Nru 2847/93, il-programmi speċifiċi ta' kontroll u spezzjonar għall-istokk tal-marlozz jistgħu jdumu sejrin aktar minn tliet snin mid-data tad-dħul fis-seħħ tagħhom.

    KAPITOLU VAZZJONI TA’ SEGWITU

    Artikolu 22

    Evalwazzjoni tal-pjan

    Il-Kummissjoni għandha, fuq il-bażi ta' pariri mill-STEFC u wara konsultazzjoni mal-Kunsill Konsultattiv Reġjonali rilevanti, tevalwa l-impatt tal-pjan fuq l-istokk tal-marlozz u fuq is-sajd li qed jisfrutta dak l-istokk, mhux aktar tard mit-tielet sena tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament u wara f'kull tielet sena suċċessiva tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament u, fejn xieraq, tipproponi miżuri rilevanti biex temenda l-pjan.

    KAPITOLU VIDISPOŻIZZJONIJIET FINALI

    Artikolu 23

    Assistenza permezz tal-Fond Ewropew għas-Sajd

    1. Għal dawk is-snin li fihom l-istokk ikun taħt il-livell ta' prekawzjoni ta' bijomassa, il-pjan għandu jitqies bħala pjan ta' rkupru fit-tifsira tal-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002, u għall-fini tal-Artikolu 21(a)(i) tar-Regolament (KE) Nru 1198/2006.

    2. Għal dawk is-snin li fihom l-istokk ikun fil-livell jew ogħla mil-livell ta' prekawzjoni ta' bijomassa, il-pjan għandu jitqies bħala pjan ta' ġestjoni fit-tifsira tal-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002, u għall-fini ta-Artikolu 21(a)(iv) tar-Regolament (KE) Nru 1198/2006.

    Artikolu 24

    Revoka

    1. Ir-Regolament (KE) Nru 811/2004 għandu jiġi revokat.

    2. Referenzi għar-Regolament revokat għandhom jitqiesu bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw skont it-tabella ta' korrelazzjoni mogħtija fl-Anness III.

    Artikolu 25

    Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin ġurnata mill-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell,

    Għall-Kunsill

    Il-President

    ANNESS I

    Kontenut tal-programmi nazzjonali ta' azzjoni ta' kontroll

    Il-programmi ta’ azzjoni ta’ kontroll nazzjonali għandhom ikollhom bħala mira, fost oħrajn, li jispeċifikaw dan li ġej:

    1. MEZZI TA’ KONTROLL

    Riżorsi umani

    1.1. L-għadd ta’ spetturi fuq l-art u fuq il-baħar u l-perjodi u ż-żoni fejn ser jiġu mobilizzati.

    Riżorsi tekniċi

    1.2. L-għadd ta’ bastimenti u inġenji tal-ajru għas-sorveljanza u l-perjodi u ż-żoni fejn ser jiġu mobilizzati.

    Riżorsi finanzjarji

    1.3. L-allokazzjoni tal-baġit għall-mobilizzazzjoni tar-riżorsi umani, il-bastimenti u l-inġenji tal-ajru għas-sorveljanza.

    2. REĠISTRAZZJONI U RAPPORTAR ELETTRONIKU TA’ INFORMAZZJONI MARBUTA MAL-ATTIVITAJIET TAS-SAJD

    Deskrizzjoni tas-sistemi implimentati biex jiżguraw konformità mal-Artikoli 11, 12, 15 u 16.

    3. DEŻINJAZZJONI TA’ PORTIJIET

    Fejn rilevanti, lista tal-portijiet ddeżinjati għall-ħatt tal-marlozz skont l-Artikolu 15.

    4. NOTIFIKAZZJONI QABEL IL-ĦATT

    Deskrizzjoni tas-sistemi implimentati biex jiżguraw konformità mal-Artikolu 14.

    5. KONTROLL TA’ ĦATT L-ART

    Deskrizzjoni ta’ kwalunkwe faċilità u sistemi implimentati biex tiġi żgurata konformità mad-dispożizzjonijiet fl-Artikoli 12, 14, 15, 16 u 18.

    6. PROĊEDURI TA’ SPEZZJONI

    Il-programmi nazzjonali ta’ azzjoni għall-kontroll għandhom jispeċifikaw il-proċeduri li għandhom jiġu segwiti:

    (a) waqt li jsiru spezzjonijiet fuq il-baħar u fl-art;

    (b) għall-komunikazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti ddeżinjati minn Stati Membri oħra bħala responsabbli għall-programm nazzjonali ta' azzjoni għall-kontroll tal-marlozz;

    (c) għal sorveljanza konġunta u skambju ta' spetturi, inkluż speċifikazzjoni ta' poteri u awtoritajiet ta' spetturi li joperaw f'ilmijiet ta' Stati Membri oħra.

    ANNESS II

    PUNTI TA’ REFERENZA SPEĊIFIĊI GĦALL-ISPEZZJONI

    Għan

    1. Kull Stat Membru għandu jistipula punti ta’ referenza speċifiċi għall-ispezzjoni skont dan l-Anness.

    Strateġija

    2. L-ispezzjoni u s-sorveljanza tal-attivitajiet tas-sajd għandhom jikkonċentraw fuq bastimenti li x’aktarx jistadu għall-marlozz. Spezzjonijiet aleatorji tat-trasport u l-kummerċjalizzazzjoni tal-marlozz għandhom jintużaw bħala mekkaniżmu komplementari ta’ kontro-eżami biex tkun ittestjata l-effikaċja tal-ispezzjoni u s-sorveljanza.

    Prijoritajiet

    3. Tipi differenti ta’ rkaptu għandhom ikunu soġġetti għal livelli differenti ta’ prijoritizzazzjoni skont il-punt sa fejn il-flotot ikunu affettwati mil-limiti fuq l-opportunitajiet tas-sajd. Minħabba f’hekk, kull Stat Membru għandu jistabbilixxi prijoritajiet speċifiċi.

    Punti ta’ referenza fil-mira

    4. Mhux aktar tard minn xahar mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, l-Istati Membri għandhom jimplimentaw l-iskedi ta’ spezzjoni tagħhom filwaqt li jqisu l-miri stabbiliti hawn taħt.

    L-Istati Membri għandhom jispeċifikaw u jiddeskrivu liema strateġija ta’ teħid ta’ kampjuni għandha tiġi applikata.

    Fuq talba, il-Kummissjoni jista’ jkollha aċċess għall-pjan ta’ teħid ta’ kampjuni li jintuża mill-Istat Membru.

    (a) Livell ta’ spezzjoni fil-portijiet

    Bħala regola ġenerali, il-preċiżjoni li għandha tinkiseb għandha tkun mill-anqas ekwivalenti għal dak li għandu jinkiseb b’metodu sempliċi u każwali ta’ teħid ta’ kampjuni, fejn spezzjonijiet ikopru 20 % tal-ħatt kollu bl-użin ta’ marlozz fi Stat Membru.

    (b) Livell ta’ spezzjoni tal-kummerċjalizzazzjoni

    Spezzjoni ta’ 5 % tal-kwantitajiet ta’ marlozz offruti għall-bejgħ b’irkant.

    (c) Livell ta’ spezzjoni fuq il-baħar

    Punt ta’ referenza flessibbli: għandu jiġi stabbilit wara analiżi dettaljata tal-attività tas-sajd f’kull żona. Il-punti ta’ referenza fuq il-baħar għandhom jirreferu l-għadd ta’ ġranet ta’ għassa fuq il-baħar fiż-żoni ta’ ġestjoni tal-marlozz, possibbilment b’punt ta’ referenza separat għall-ġranet ta’ għassa ta’ żoni speċifiċi.

    (d) Livell ta’ sorveljanza mill-ajru

    Punt ta’ referenza flessibbli: irid jiġi stabbilit wara analiżi dettaljata tal-attività tas-sajd imwettqa f'kull żona u b'kont meħud tar-riżorsi disponibbli għad-disposizzjoni ta l-Istat Membru.

    ANNESS IIITabella ta’ korrelazzjoni.

    IR-REGOLAMENT(KE) NRU 811/2004 | DAN IR-REGOLAMENT |

    ARTIKOLU 1 | ARTIKOLU 1 |

    ARTIKOLU 2 | ARTIKOLU 4 |

    ARTIKOLU 3 | - |

    ARTIKOLU 4 | ARTIKOLU 5 |

    ARTIKOLU 5 | ARTIKOLI 6, 7 |

    ARTIKOLU 6 | ARTIKOLU 8 |

    ARTIKOLU 7 | - |

    ARTIKOLU 8 | ARTIKOLU 14 |

    ARTIKOLU 9 | ARTIKOLU 15 |

    ARTIKOLU 10 | ARTIKOLU 16 |

    ARTIKOLU 11 | ARTIKOLU 17 |

    ARTIKOLU 12 | ARTIKOLU 18 |

    ARTIKOLU 13 | ARTIKOLU 21 |

    [1] ĠU L 358, 31.12.2002, p. 59

    [2] Il-pjanijiet ta' ġestjoni fit-tul tal-marlozz tat-Tramuntana. Liżbona, mill-4 sat-8 ta' Ġunju 2007 Rapport tal-laqgħa tas-Sotto-Grupp dwar il-Bilanċ bejn ir-Riżorsi u l-Isfruttar tagħhom tal-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd.

    [3] L-evalwazzjoni tal-impatt tal-pjan ta' ġestjoni fit-tul tal-marlozz tat-Tramuntana. Is-Sotto-Grupp dwar il-Bilanċ bejn ir-Riżorsi u l-Isfruttar tagħhom tal-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd.

    [4] ĠU C, p.

    [5] ĠU ...

    [6] ĠU L 150, 30.4.2004, p.1.

    [7] ĠU L 261, 20.10.1993, p. 1.

    [8] ĠU L 223, 15.8.2006, p. 1.

    [9] ĠU L 358, 31.12.2002, p. 59.

    [10] ĠU L 276, 10.10.1983, p. 1.

    Top