Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009IP0240

    Approċċ integrat għat-trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa fil-qafas tal-ħidma tal-kumitati u d-delegazzjonijiet Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat- 22 ta' April 2009 dwar l-appoġġ integrat għat-trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa fil-qafas tal-ħidma tal-kumitati u d-delegazzjonijiet (2008/2245(INI))

    ĠU C 184E, 8.7.2010, p. 18–20 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    8.7.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    CE 184/18


    L-Erbgħa, 22 ta’ April 2009
    Approċċ integrat għat-trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa fil-qafas tal-ħidma tal-kumitati u d-delegazzjonijiet

    P6_TA(2009)0240

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-22 ta' April 2009 dwar l-appoġġ integrat għat-trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa fil-qafas tal-ħidma tal-kumitati u d-delegazzjonijiet (2008/2245(INI))

    2010/C 184 E/04

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 3(2), 13 u 141(4) tat-Trattat tal-KE,

    wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar il-Ħarsien tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, il-Karta Soċjali Ewropea riveduta u l-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem,

    wara li kkunsidra l-ħidma tad-Direttorat Ġenerali għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Affarijiet Legali tal-Kunsill tal-Ewropa, u b'mod partikolari tal-Kumitat ta' tmexxija tiegħu għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel,

    wara li kkunsidra d-Direttiva 2002/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Settembru 2002 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 76/207/KEE dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju tat-trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa għal dak li għandu x'jaqsam mal-aċċess għall-impjiegi, taħriġ professjonali, promozzjoni, u kundizzjonijiet tax-xogħol (1),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Marzu 2003 dwar approċċ integrat għall-ugwaljanza tan-nisa u l-irġiel (integrazzjoni sistematika) fil-Parlament Ewropew (2),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta'Jannar 2007 dwar l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fix-xogħol tal-Kumitati (3),

    wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A6-0198/2009),

    A.

    billi t-trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa huwa prinċipju fundamentali tad-dritt Komunitarju u li skont l-Artikolu 2 tat-Trattat, dan jagħmel parti mill-missjonijiet tal-Komunità,

    B.

    billi l-Artikolu 3(2) tat-Trattat jistabbilixxi l-prinċipju tal-approċċ integrat għat-trattament indaqs filwaqt li jistipula, li fl-azzjonijiet kollha tagħha, il-Komunità tfittex li telimina l-inugwaljanzi u tippromwovi t-trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa,

    C.

    billi l-perċentwal ta' Membri nisa fil-Parlament żdied b'mod kostanti minn 17,5 % fl-1979 għal 31,8 % fl-2009,

    D.

    billi hemm numru żgħir ta' Membri li għandhom karigi għolja fl-organi tal-Parlament (Presidenza jew membri tal-kumitati jew ta' delegazzjonijiet, pereżempju),

    E.

    billi fid-Direttorati Ġenerali tal-politiki interni u tal-politiki esterni tal-Parlament, in-nisa għandhom rappreżentanza għolja u jiffurmaw rispettivament is-66,5 % u s-66 % tal-persunal, filwaqt li jinnota l-progress konsiderevoli miksub dan l-aħħar fid-Direttorat Ġenerali tal-politiki interni, li wassal għall-għoti tal-“prempju għall-ugwaljanza 2007 – l-aħjar prassi” kemm għall-ħolqien ta' ambjent ta' xogħol favur l-ugwaljanza u għall-approċċ integrat tal-ugwaljanza kif ukoll għaż-żieda konsiderevoli tan-numru ta' nisa li jokkupaw karigi għolja ta' tmexxija ( in-numru ta' nisa li huma kapijiet ta' unità pereżempju, żdied minn 5 % għal 30 % wara l-2005),

    F.

    billi l-maġġoranza tal-Kumitati parlamentari b'mod ġenerali tagħti ċerta importanza għall-approċċ integrat għat-trattament ugwali bejn in-nisa u l-irġiel (pereżempju fil-qafas tal-ħidmiet leġiżlattivi tagħhom, tar-relazzjonijiet uffiċjali mal-kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi jew l-iżvilupp ta' pjan ta' Azzjoni għall-Ugwaljanza) filwaqt li minoranza tal-Kumitati dan jinteressahom rarament jew qatt,

    G.

    Jenfasizza l-fatt li l-użu ta' netwerk inkarigat mill-approċċ integrat tal-ugwaljanza fil-kumitati u li jkun magħmul minn Membri u minn membri tal-persunal tas-segretarjat, sa issa għadu ma ħalliex riżultati,

    H.

    Jenfasizza l-fatt li l-Grupp ta' Livell Għoli dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u d-Diversità ppropona l-ħolqien ta' netwerk simili ta' delegazzjonijiet interparlamentari bil-għan li l-kwistjonijiet dwar l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa jkunu integrati fir-relazzjonijiet esterni tal-Unjoni Ewropea,

    1.

    Jenfasizza li t-talba għat-trattament ugwali bejn in-nisa u l-irġiel għandha tissarraf f'approċċ prattiku li ma jpoġġix lin-nisa kontra l-irġiel;

    2.

    Jenfasizza li l-approċċ integrat għat-trattament ugwali jikkostitwixxi żvilupp pożittiv għan-nisa kif ukoll għall-irġiel;

    3.

    Jenfasizza li l-approċċ integrat għat-trattament ugwali jipprevedi r-riorganizzazzjoni, it-titjib, l-iżvilupp u l-evalwazzjoni tal-politiki biex fil-livelli u l-istadji kollha, l-atturi li normalment ikunu marbuta mad-deċiżjonijiet politiċi jinkludu l-perspettiva tat-trattament ugwali fil-politiki kollha;

    4.

    Ifakkar fil-ħtieġa li tiġi adottata u applikata strateġija adegwata b'miri konkreti għal approċċ integrat għat-trattament ugwali bejn in-nisa u l-irġiel fil-politiki tal-Komunità rigward il-kumitati u d-delegazzjonijiet parlamentari;

    5.

    Jenfasizza l-importanza tal-mandat tal-Grupp ta' Livell Għoli dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u d-Diversità u jistiednu biex ikompli jħeġġeġ u jippromwovi dan il-proċess fil-Parlament kollu, kif ukoll fir-relazzjonijiet u l-kollaborazzjoni mal-Kummissjoni, mal-Kunsill u mal-istituzzjonijiet l-oħra;

    6.

    Jifraħ lill-kumitati parlamentari li fil-ħidma tagħhom l-approċċ integrat tat-trattament ugwali għamluh operattiv, u jitlob lill-kumitati l-oħra u lid-delegazzjonijiet biex jagħmlu l-istess;

    7.

    Jitlob li r-rikors għal netwerk inkarigat mill-approċċ integrat tal-ugwaljanza jkun imsaħħaħ f'dak li jirrigwarda d-delegazzjonijiet interparlamentari u l-missjonijiet ta' osservazzjoni tal-elezzjonijiet;

    8.

    Iħeġġeġ lis-Segretarju Ġenerali biex jagħti prijorità lit-taħriġ għall-approċċ integrat għat-trattament ugwali tal-uffiċjali fil-livelli kollha tal-kumitati u d-delegazzjonijiet parlamentari; itenni t-talba tiegħu biex jingħata taħriġ dwar it-trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa lill-Membri kollha tal-Parlament, u dan sa mill-bidu tal-leġiżlatura li jmiss;

    9.

    Jissokta jħeġġeġ in-netwerking tal-uffiċjali tas-Segretarjati tal-kumitati tal-Parlament u tad-delegazzjonijiet interparlamentari tad-Direttorati Ġenerali tal-politiki interni u l-politiki esterni mħarrġa b'mod speċjali dwar l-approċċ integrat tal-ugwaljanza tal-ġeneri sabiex ikun hemm skambju regolari ta' prattiki tajba;

    10.

    Jenfasizza l-ħtieġa li, fil-kumitati u d-delegazzjonijiet tal-Parlament, jkun hemm disponibbli l-għodod adegwati għall-għarfien tajjeb tal-approċċ integrat għat-trattament ugwali, bħalma huma indikaturi, data u statistika maqsuma skont il-ġeneru, kif ukoll it-taqsim tar-riżorsi tal-baġit mill-aspett tat-trattament ugwali bejn in-nisa u l-irġiel;

    11.

    Jenfasizza li l-implimentazzjoni tal-approċċ integrat għat-trattament ugwali għandu jikkunsidra l-ispeċifiċità ta' kull kumitat jew delegazzjoni tal-Parlament; jitlob li l-kumitati u d-delegazzjonjiet jipparteċipaw b'mod attiv fl-evalwazzjonijiet li regolarment jitwettqu taħt il-patroċinju tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi, fuq il-bażi tal-kwestjonarju li jitressaq lill-Presidenti u lill-Viċi Presidenti responsabbli tal-approċċ integrat għat-trattament ugwali bejn in-nisa u l-irġiel, filwaqt li jiġu inklużi n-nuqqasijiet f'dan il-kuntest fil-ħidma tal-kumitati u d-delegazzjonijiet kif ukoll il-progress tal-istabbiliment tal-approċċ integrat għat-trattament ugwali f'kull Kumitat;

    12.

    Jenfasizza l-importanza għall-kumitati u d-delegazzjonijiet tal-Parlament li l-irwol u r-responsabbiltajiet tagħhom fil-qasam tal-approċċ integrat għat-trattament ugwali bejn ġeneri jkunu speċifikati tajjeb;

    13.

    Jenfasizza l-importanza ta' kollaborazzjoni effikaċi u koordinata bejn il-Grupp ta' Livell Għoli dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u d-Diversità u n-netwerk inkarigat mill-approċċ integrat tal-ugwaljanza fil-kumitati parlamentari u d-delegazzjonijiet interparlamentari kif ukoll mal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi;

    14.

    Jistieden lis-Segretarju Ġenerali biex isegwi l-implimentazzjoni tal-istrateġija integrata li għandha l-għan li tikkonċilja l-ħajja familjali mal-ħajja professjonali u li tiffaċilita l-iżvilupp tal-karriera tal-uffiċjali nisa;

    15.

    Jistieden lill-gruppi politiċi biex jikkunsidraw l-objettiv ta' parteċipazzjoni bilanċjata bejn l-irġiel u n-nisa meta jinħatru l-persuni f'karigi għoljin u ta' responsabilità;

    16.

    Jistieden lill-Bureau tal-Parlament biex jenfasizza, fil-kuntatti tiegħu mal-Parlamenti tal-Istati Membri, l-esperjenza pożittiva tal-Grupp ta' Livell Għoli dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u d-Diversità;

    17.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Kunsill tal-Ewropa.


    (1)  ĠU L 269, 5.10.2002, p. 15.

    (2)  ĠU C 61 E, 10.3.2004, p. 384.

    (3)  ĠU C 244 E, 18.10.2007, p. 225.


    Top