Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009IP0156

    L-aħjar prattiki fil-qasam tal-politika reġjonali u l-ostakli għall-użu tal-Fondi Strutturali Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal- 24 ta’ Marzu 2009 dwar l-aħjar prattiki fil-qasam tal-politika reġjonali u l-ostakli għall-użu tal-Fondi Strutturali (2008/2061(INI))

    ĠU C 117E, 6.5.2010, p. 38–46 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    6.5.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    CE 117/38


    It-Tlieta, 24 ta’ Marzu 2009
    L-aħjar prattiki fil-qasam tal-politika reġjonali u l-ostakli għall-użu tal-Fondi Strutturali

    P6_TA(2009)0156

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta’ Marzu 2009 dwar l-aħjar prattiki fil-qasam tal-politika reġjonali u l-ostakli għall-użu tal-Fondi Strutturali (2008/2061(INI))

    2010/C 117 E/07

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra l-Programm URBACT, imwettaq bħala parti mill-inizjattiva URBAN, li qed jiffaċilita u jiżviluppa prattiki tajbin u skambji ta’ esperjenza li jinvolvu iktar minn 200 belt tal-Unjoni Ewropea,

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta’ Ottubru 2008 dwar il-governanza u s-sħubija fuq livelli nazzjonali u reġjonali u bażi għal proġetti fl-isfera tal-politika reġjonali (1),

    wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 tal-11 ta’ Lulju 2006 li jistipula dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta’ Koeżjoni (2),

    wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1080/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2006 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (3),

    wara li kkunsidra l-Artikoli 158 u 159 tat-Trattat KE,

    wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-23 u l-24 ta’ Marzu 2000 f’Liżbona,

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Ġunju 2008 intitolata “Il-Ħames Rapport ta’ Progress dwar il-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali: Reġjuni li jikbru, Ewropa li tikber” (COM(2008)0371),

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta’ Ottubru 2008 bit-titolu “Green Paper dwar il-Koeżjoni Territorjali: Nibdlu d-diversità territorjali f’vantaġġi” (COM(2008)0616),

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta’ Novembru 2006 bit-titolu “Reġjuni lejn bidla ekonomika” (COM(2006)0675),

    wara li kkunsidra l-istudju mid-Dipartiment tal-Politika għall-Politiki Strutturali u ta’ Koeżjoni bit-titolu “Il-prattika tajba fil-qasam tal-politika reġjonali u ostakoli fl-użu tal-fondi strutturali”,

    wara li kkunsidra s-seduta ta’ smigħ pubblika tas-17 ta’ Lulju 2008 organizzata mill-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali tal-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Baġits (A6-0095/2009),

    A.

    billi l-politika ta’ koeżjoni hi fost l-oqsma ta’ politiki l-aktar importanti fl-Unjoni Ewropea, mhux biss mil-lat baġitarju iżda wkoll u b’mod partikolari għax hija pilastru essenzjali fil-proċess tal-integrazzjoni Ewropea u minħabba l-importanza tagħha għall-koeżjoni soċjali, ekonomika u territorjali tal-Unjoni Ewropea u għall-iżvilupp tal-268 reġjun tagħha, filwaqt li tnaqqas l-iżbilanċi u d-differenzi fl-iżvilupp u ttejjeb il-ħajja għaċ-ċittadini kollha tal-UE;

    B.

    billi r-reġjuni tal-Unjoni Ewropea huma kkonfrontati bi sfidi bejn wieħed u ieħor simili, minkejja li l-impatt tagħhom hu differenti ħafna bejn reġjun u ieħor, minħabba l-ispeċifiċitajiet tagħhom fir-rigward tal-karattru (pereżempju, reġjuni gżejjer jew muntanjużi) u tal-popolazzjoni: il-globalizzazzjoni u r-ristrutturazzjoni ekonomika aċċellerata li din iġġib magħha, il-ftuħ ta’ relazzjonijiet kummerċjali, il-konsegwenzi tar-rivoluzzjoni teknoloġika, il-bidla fil-klima, l-iżvilupp ta’ ekonomija bbażata fuq l-għarfien, il-bidliet demografiċi, id-depopolazzjoni u ż-żieda fl-immigrazzjoni;

    C.

    billi l-aħjar riżultati, li jsaħħu l-bażi tal-għarfien u jtejbu l-kompetizzjoni, ħafna drabi jinkisbu fil-proġetti permezz ta’ koperazzjoni bejn is-settur pubbliku, in-negozji, is-settur edukattiv u partijiet interessati lokali;

    D.

    billi l-politika ta’ koeżjoni ma tistax tiżviluppa l-potenzjal sħiħ tagħha biex tilħaq dawn l-isfidi waqt li persuni li potenzjalment japplikaw għall-għajnuna huma ffaċċjati b'ostakli kbar biex jutilizzaw il-fondi strutturali tal-Unjoni Ewropea, inklużi:

    burokrazija eċċessiva

    ħafna regolamenti kumplessi, li f’ċertu każijiet huma disponibbli on-line biss, u għalhekk jeskludu ħafna benefiċjarji potenzjali ta’ dawn il-fondi minn aċċess għal dawn ir-riżorsi

    tibdil frekwenti, minn ċertu Stati Membri, tal-kriterji tal-eliġibiltà u d-dokumentazzjoni meħtieġa

    nuqqas ta’ trasparenza fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet u fl-iskemi ta’ kofinanzjament, u d-dewmien tal-ħlasijiet

    amministrazzjoni kajmana u kumplessa amministrata ċentralment fl-Istati Membri, u l-applikazzjoni ta’ regoli b’tali mod li jżid mal-burokrazija eżistenti, kif ukoll provvista inadegwata ta’ informazzjoni

    kapaċita amministrattiva diċentralizzata inadegwata u mudelli differenti ta’ amministrazzjoni reġjonali fl-Istati Membri, li b’riżultat ma tippermettix li jkun hemm data kumparattiva u l-iskambju tal-aħjar prattiki

    arranġamenti inadegwati għall-koordinazzjoni interreġjonali

    nuqqas ta’ skema ta’ koperazzjoni li tiffunzjona bejn l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali;

    E.

    billi għadd ta’ żbalji attwali fil-qasam tal-politika ta’ koeżjoni jistgħu jkunu kkawżati minn dawn l-ostakli attwali,

    F.

    billi d-dewmien fl-implimentazzjoni tal-politika strutturali huma dovuti parzjalment minħabba r-riġidità eċċessiva tal-proċeduri u billi, konsegwentement, għandha tkun ikkunsidrata s-simplifikazzjoni ta’ dawk il-proċeduri u d-diviżjoni ċara ta’ responsabiltajiet u kompetenzi bejn l-UE, l-Istati Membri u l-awtoritajiet reġjonali u lokali,

    1.

    jenfasizza li, minkejja li għandu jitqies il-valur miżjud tat-tixrid tal-aħjar prattiki fost il-pubbliku f’termini ta’ komunikazzjoni mtejba u ta’ benefiċċju meta mqabbel mal-ispejjeż, it-tentattivi għall-introduzzjoni ta’ dawn il-prattiki fil-politika reġjonali tal-UE għandhom jiġu diretti prinċipalment lill-Awtoritajiet Maniġerjali, jiggwidawhom jistipulaw regoli li jirregolaw l-aċċess għar-riżorsi strutturali, biex l-iskambji ta’ informazzjoni u esperjenza jistgħu jikkontribwixxu għal titjib fil-kwalità tal-proġetti, billi jipprovdu soluzzjonijiet għal problemi konġunti u jagħżlu intervenzjonijiet aktar effettivi u mmirati;

    2.

    Jindika l-bżonn ta’ simplifikazzjoni tal-proċeduri li jirregolaw l-implimentazzjoni ta’ proġetti u programmi tal-Fondi Strutturali, b’mod partikolari rigward sistemi ta’ amministrazzjoni u ta’ kontroll; jilqa’ b’sodisfazzjon, għaldaqstant, ir-reviżjoni regulatorja tal-pakkett tal-Fondi Strutturali bħala risposta għall-kriżi finanzjarja attwali; jistenna b’ħerqa l-proposti ulterjuri tal-Kummissjoni f’dan il-qasam, li għandhom jitħabbru fix-xhur li ġejjin;

    Tneħħija tal-ostakoli

    3.

    Jistieden lill-Kummissjoni, bil-għan li tneħħi l-ostakli msemmija hawn fuq, fost affarijiet oħra:

    sabiex tindirizza l-kriterji ta’ evalwazzjoni għall-proġetti kofinanzjati mill-Fondi Strutturali tal-Unjoni Ewropea għal tul ta’ żmien;

    sabiex ma tevalwax proġetti innovattivi billi tuża l-istess kriterji ta’ evalwazzjoni li japplikaw għal tipi oħra ta’ proġetti, imma li tiżviluppa kriterji ta’ evalwazzjoni speċifiċi - magħmula skont in-natura innovattiva tal-proġetti - li fil-prattika jippermettu għal rata ta’ falliment akbar;

    biex tnaqqas il-perjodu massimu li għalih dokumenti ta’ proġett għandhom ikunu merfugħa, għall-finijiet ta’ monitoraġġ mill-Kummissjoni, mill-għaxar snin attwali għal tliet snin;

    sabiex tfassal miżuri tal-politika speċjali u indikaturi kwalitattivi ġodda għal reġjuni b’karatteristiċi ġeografiċi speċifiċi, bħal dawk muntanjużi u b’livell baxx ta’ popolazzjoni, u r-reġjuni ultra-periferiċi, konfinali u gżejjer, u skont dan biex tadatta l-iskala territorjali tal-interventi tal-politika, bl-għan li tippromovi l-koeżjoni territorjali fl-Unjoni Ewropea;

    sabiex tissimplifika s-sistema ta’ kontrol u tipprova tintroduċi sistema ta’ kontroll waħda;

    biex tadatta l-istandards fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi bl-iskop ta’ simplifikazzjoni u armonizzazzjoni;

    biex tikkoordina r-regoli dwar l-eliġibiltà tal-ispejjeż mal-Istati Membri;

    biex tiżgura kemm jista’ jkun il-ħlas minn quddiem lil benefiċjarji;

    biex ittejjeb il-koordinazzjoni ta’ miżuri mwettqa u ko-finanzjali skond il-politika ta’ Koeżjoni u skond il-CAP II (Żvilupp ta’ zoni rurali);

    biex tagħmel il-programmi ta’ għajnuna teknika iktar flessibbli;

    biex tintroduċi mekkaniżmi sabiex tippromovi koperazzjoni fin-netwerk u tiffaċilita l-amministrazzjoni tal-proġetti tal-grupp;

    biex tnaqqas il-piż amministrattiv maħluq minn dawn il-proġetti u żżommu proporzjonali mad-daqs ta’ progett;

    biex tissimplifika, tiċċara u taċċellera l-prattiki tal-proġetti u tagħmilhom iktar orjentati lejn ir-riżultati;

    biex tħeġġeġ b’mod attiv lill-Istati Membri biex iwaqqfu sistema effettiva ta’ koperazzjoni u kondiviżjoni tar-responsabiltà bejn il-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali;

    biex tiffaċilita l-aċċess għal fondi permezz ta’ koperazzjoni iktar mill-qrib ma’ gvernijiet nazzjonali sabiex tnaqqas il-ħin ta’ pproċessar.

    biex tipprepara kalendarju sabiex tieħu passi attivi sabiex tneħħi l-ostakli u ttejjeb l-aċċessibiltà għall-fondi;

    4.

    Jirrakkomanda lill-Kummissjoni li tkompli tiżviluppa approċċ miftiehem u ġeneralment aċċessibbli għall-iskambju interreġjonali tal-aħjar prattiki, bil-għan li tippermetti l-parteċipanti involuti fil-politika ta’ koeżjoni li jgawdu mill-esperjenzi ta’ oħrajn;

    5.

    Jindika espliċitament li l-identifikazzjoni tal-aħjar prattiki m’għandhiex twassal għal aktar burokrazija għal applikanti u dawk li jippromovu l-proġetti;

    6.

    Jitlob li l-burokrazija fl-użu tal-Fondi Struttruali tinżamm kemm jista’ jkun minima, u mhux tiżdied bla bżonn permezz ta’ kundizzjonijiet individwali imposti mill-Istati Membri;

    7.

    Itenni l-appoġġ tiegħu għall-prattika bil-għan li kull Stat Membru jagħmel dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni nazzjonali annwali li tkopri il-fondi komunitarji fit-tmexxija kondiviża, u jitlob li din il-prattika tkun ġeneralizzata;

    Kriterji ġenerali u speċifiċi għas-suġġett għall-identifikazzjnoi tal-aħjar prattiki

    8.

    Jilqa' b'sodisfazzjon il-metodu mniżżel fil-kuntest tal-inizjattiva Reġjuni għal Bidla Ekonomika, l-ewwel nett, biex ikunu identifikati u ppubbliċizzati l-aħjar prattiki permezz tal-premju annwali “REGIO STARS” u, t-tieni nett, biex twaqqaf website għall-aħjar prattiki; jiġbed l-attenzjoni għall-effettività limitata ta’ sit tal-Internet biss;

    9.

    Jikkritika n-nuqqas ta’ trasparenza fl-bażijiet oġġettivi tal-Kummissjoni biex ikunu identifikati l-aħjar prattiki;

    10.

    Jistieden lill-Kummissjoni, fid-dawl tal-użu mifrux tat-terminu “l-aħjar prattiki”, u wkoll l-użu frekwenti u parallel tat-termini “l-aħjar prattiki” jew “stejjer ta’ suċċess”, biex tfassal ġabra ta’ kriterji magħmula speċifikament għall-politika ta’ koeżjoni li tippermetti dawn “l-aħjar prattiki” li jkunu magħżula minn dawk li japplikaw għal proġetti oħra;

    11.

    Jirrakkomanda lill-Kummissjoni biex tqis il-punti li ġejjin fl-identifikazzjoni tal-aħjar prattiki:

    il-kwalità tal-proġett

    il-garanzija tal-prinċipju ta’ sħubija

    is-sostenibilità tal-miżuri konċernata

    kontribuzzjoni pożittiva għal opportunitajiet indaqs u l-integrazzjoni sistematika tal-ġeneri

    l-innovattività tal-proġett

    approċċ integrat bejn il-politiki settorali u territorjali tal-UE

    l-użu effiċjenti tar-riżorsi

    t-tul ta’ żmien tal-proġett qabel l-implimentazzjoni

    l-implimentazzjoni fil-ħin, u skont il-pjan, tal-proġett

    forza mexxejja sinjifikanti għar-reġjun jew għall-UE b’mod ġenerali

    impatt fuq l-impjiegi

    faċilitajiet għall-SMEs

    il-faċilitazzjoni ta’ netwerking u koperazzjoni territorjali bejn ir-reġjuni

    it-trasferibilità tal-proġett, jiġifieri l-kapaċità tal-proġett li jiġi implimentat f'reġjuni oħra tal-Unjoni Ewropea

    valur miżjud tal-attivitajiet, skont il-politiki tal-Unjoni Ewropea

    impatt pożittiv tal-proġett fuq iċ-ċittadini, fuq ir-reġjuni, fuq l-Istati Membri u fuq is-soċjetà kollha kemm hi;

    12.

    Jenfasizza li l-kriterji kollha li jenfasizzaw l-aħjar prattiki jridu jkunu jistgħu jitkelju b’mod ċar u jkunu affidabbli, sabiex ikun evitat il-kunflitt, l-effetti mhux mixtieqa u d-deċiżjonijiet suġġettivi li jistgħu jdgħajfu l-proċedura kollha ta’ gradazzjoni tal-proġett ibbażata fuq dawn il-kriterji; jitlob, għalhekk, lill-Kummissjoni biex b’mod ċar jiddeskrivi l-kontenut ta’ dawn il-kriterji kif ukoll il-mod ta’ kif għandhom ikunu implimentati;

    13.

    Jirrakkomanda li, fuq il-bażi ta’ analiżi ta’ numru kbir ta’ proġetti mill-ħafna reġjuni tal-UE, jistgħu jitqiesu fatturi addizzjonali għall-identifikazzjoni tal-aħjar prattiki fl-oqsma tal-politika ta’ koeżjoni li huma ta’ importanza partikolari għall-iżvilupp ta’ reġjuni speċifiċi u tal-UE kollha kemm hi u li juru varjetà kbira ta’ metodi għall-implimentazzjoni;

    14.

    Jirrakkomanda li jitqiesu l-fatturi li ġejjin għall-qasam “Riċerka u żvilupp/innovazzjoni”:

    investiment sinjifikanti mil-lat kwalitattiv fix-xjenza u fir-riċerka

    rabtiet bejn l-industrija, l-akkademiċi u l-istituti ta’ riċerka b’enfasi speċjali fuq it-tisħiħ tal-SMEs, mhux l-inqas bħala mezz ta’ tisħiħ tal-iżvilupp territorjali

    rabtiet bejn ix-xjenza u l-istituti tar-riċerka

    l-iżvilupp u/jew innovazzjoni rigward teknoloġiji li jħarsu ’l quddiem u/jew l-applikazzjonijiet prattiċi għalihom

    l-użu ta’ teknoloġiji ġodda fis-setturi tradizzjonali

    applikazzjoni għad-dinja tal-kummerċ

    soluzzjonijiet f’setturi ewlenin tal-UE per eżempju l-ambjent l-enerġija;

    15.

    Jirrakkomanda li jitqiesu l-fatturi li ġejjin għall-qasam “Politika għall-ambjent, il-klima u l-enerġija sostenibbli”:

    miżuri protettivi għal zoni partikolarment mhedda, magħmula apposta għal dawk l-oqsma (sensittività) b’mod partikulari l-inħawi akwatiċi

    konservazzjoni u użu effiċjenti ta’ riżorsi skarsi

    strateġija responsabbli għall-użu tar-riżorsi

    miżuri li jindirizzaw il-faqar enerġetiku

    żieda sinjifikanti fl-effiċjenza enerġetika

    tnaqqis sinjifikanti fil-konsum enerġetiku

    sehem akbar ta’ sorsi ta’ enerġija li tiġġedded

    miżuri għal tnaqqis fl-emissjonijiet ta’ CO2

    metodi u/jew proċeduri li jikkonservaw riżorsi skarsi jew fil-periklu;

    16.

    Jirrakkomanda li jitqiesu l-fatturi li ġejjin għall-qasam “Il-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità għolja”:

    titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol

    żieda fl-għadd ta’ impjiegi ta’ kwalità għolja

    ħolqien ta’ xogħlijiet sostenibbli li jħarsu ‘l quddiem

    garanzija ta’ aċċess ugwali għas-suq tax-xogħol għaż-żewġ sessi

    żieda fil-produttività

    titjib fil-kompetittività

    ħolqien ta’ xogħlijiet li ma jkunux marbuta ma post partikulari, bħan-negozju-e

    miżuri biex tinkiseb speċjalizzazzjoni akbar tal-ħaddiema

    użu tal-mezzi moderni tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni

    rikonċiljazzjoni tal-ħajja tal-familja u x-xogħol

    miżuri għall-iktar setturi vulnerabbli tal-popolazzjoni (żgħażagħ, nisa, persuni b’diżabiltà, immigranti, dawk li ilhom qegħda għal żmien twil, nies qegħda li għandhom iktar minn 45 sena, nies mingħajr ebda edukazzjoni formali)

    titjib fl-aċċessibiltà u disponibiltà tas-servizzi tat-trasport, telekomunikazzjonijiet, edukazzjoni u tas-saħħa;

    17.

    Jirrakkomanda li jitqiesu l-fatturi li ġejjin għall-qasam “Tagħlim tul il-ħajja”:

    titjib kwalitattiv tal-istandards tat-taħriġ u żieda kwantitattiva tat-taħriġ li jkun qed jiġi offrut, b’mod partikulari rigward l-opportunitajiet għal setturi tal-popolazzjoni li huma l-aktar żvantaġġati jew f’riskju (pereżempju żgħażagħ, nisa, persuni b’diżabilità, immigranti, dawk li ilhom qiegħda għal żmien twil, persuni qiegħda li għandhom iktar minn 45 sena, persuni mingħajr skola)

    rabta mill-qrib bejn l-edukazzjoni, it-taħriġ u l-ħajja tax-xogħol

    proġetti ta’ taħriġ imfassla skont il-ħtiġijiet, mil-lat ta’ kwalità kif ukoll ta’ kwantità

    introduzzjoni u użu ta’ teknoloġi u proċeduri moderni

    miżuri biex jistimulaw u jżommu r-rieda biex isir taħriġ

    żieda fit-teħid ta’ opportunitajiet ta’ taħriġ

    taħriġ fil-lingwi matul il-ħajja kollha;

    18.

    Jirrakkomanda li jitqiesu l-fatturi li ġejjin għall-qasam “Żvilupp integrat urban”:

    politika integrata fuq medda twila taż-żmien għat-trasport pubbliku lokali, dawk li jkunu miexja fit-triq, ċiklisti u l-użu tal-karozzi, bl-iskop ta’ integrazzjoni effettiva bejn il-mezzi differenti tat-trasport, kemm dawk pubbliċi kif ukoll privati

    amministrazzjoni effiċjenti tat-traffiku

    promozzjoni tal-iżvilupp ekonomiku tal-bliet

    jiżdied l-investiment intraprenditorjali, miżuri li jistimulaw u jiżguraw l-impjiegi – b’enfasi speċjali fuq l-impjieg u l-intraprenditorija taż-żgħażagħ - u biex itejbu l-ħajja soċjali

    ir-riġenerazzjoni u l-integrazzjoni ta’ kwartieri mġarrfa u zoni dijindustrijalizzati

    kwalità tal-ħajja aħjar fiz-zoni urbani; pereżempju d-disponibiltà u l-aċċessibiltà għas-servizzi pubbliċi

    il-ħolqien ta’ spazji ħodor u zoni ta’ rikreazzjoni u żieda fl-effiċjenza tal-ilma u l-enerġija, b’mod partikulari fis-settur tad-djar

    faċilitajiet għal persuni b’diżabiltà

    il-promozzjoni ta’ azzjonijiet bl-għan li jgħaqqdu l-popolazzjoni, b’mod partikolari ż-żgħażagħ, mal-bliet tagħhom

    kunsiderazzjoni tal-ambjent ta’ għejxien: l-ambjent urban, suburban u l-ambjent rurali fil-qrib

    tnaqqis fl-użu eċċessiv tal-art permezz ta’ ħafna aktar żvilupp mill-ġdid ta’ art mhix użata u li tiġi evitata l-espansjoni urbana anarkika

    aċċessibiltà aħjar għal faċilitajiet urbani u ta’ trasport għal persuni b’mobilità mnaqqsa

    żieda fl-interazzjoni bejn il-bliet żgħar u z-zoni rurali

    applikazzjoni ta’ approċċ integrat;

    19.

    Jirrakkomanda li jitqiesu l-fatturi li ġejjin għall-qasam “Il-bidla demografika”:

    aċċess universali għas-servizzi

    miżuri msaħħa biex jattiraw ħaddiema tas-sengħa

    involviment akbar tas-setturi l-aktar vulnerabbli permezz ta’ titjib fl-edukazzjoni u t-taħriġ

    miżuri dwar ħinijiet tax-xogħol flessibbli

    miżuri li jiffaċilitaw il-ħajja ta’ ġenituri li jaħdmu u li jippermettu r-rikonċiljazzjoni tal-ħajja tal-familja u dik tax-xogħol

    miżuri li jippromovu l-integrazzjoni bla xkiel tal-migranti

    il-bżonnijiet speċjali ta’ persuni b’diżabiltà u l-anzjani

    kontribut lejn iż-żamma tal-livelli tal-popolazzjoni (f’zoni li jbatu minn dipopolazzjoni);

    20.

    Jirrakkomanda li jitqiesu l-fatturi li ġejjin għall-qasam “Koperazzjoni transkonfinali”:

    żieda fil-kwalità u fil-kwantità tal-kuntatti transkonfinali

    ħolqien ta’ netwerks permanenti jew skemi ta’ koperazzjoni fuq medda twila ta’ żmien

    armonizzazzjoni ta’ sistemi u proċeduri differenti

    involviment ta’ msieħba ġodda

    l-istabbiliment ta’ indipendenza finanzjarja

    trasferimenti u skambji transkonfinali permanenti tal-għarfien

    sfruttament konġunt tal-potenzjal f’reġjunijiet imsieħba

    konnessjonijiet infrastrutturali bejn reġjuni msieħba;

    21.

    Jirrakkomanda li jitqiesu l-fatturi li ġejjin għall-qasam “Ftehimiet ta’ sħubija pubbliċi-privati”:

    titjib kwalitattiv fl-implimnetazzjoni ta’ proġetti f'termini ta’ effettività u tal-qligħ li jħallu

    implimentazzjoni b’aktar ħeffa tal-proġetti

    mekkaniżmu trasparenti tat-taqsim tar-riskju

    ġestjoni aħjar tal-proġetti

    żieda fil-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet u atturi lokali u reġjonali fi sħubiji pubbliċi-privati

    regoli ċari u trasparenti dwar il-kondotta rigward l-attivitajiet ta’ korpi u intrapriżi tas-settur pubbliku;

    22.

    Jistieden lill-Kummissjoni biex tqis il-bżonn li tippromwovi l-aħjar prattiki fl-oqsma tal-istrutturi finanzjarji, b'mod partikulari dawk tas-sieħba pubbliċi/privati u dawk li għandhom appoġġ mill-Bank Ewropej tal-Investiment u tal-Fondi Ewropew tal-Investiment;

    23.

    Huwa konxju li hu diffiċli ħafna biex proġett jissodisfa l-kriterji kollha hawn fuq imsemmija; jistieden lill-Kummissjoni, għaldaqstant, sabiex qabel ma tapplika dawn il-kriterji, telenkahom skont il-prijorità u sabiex tiddetermina dawn li għandhom prijorità akbar, sabiex ikun aktar faċli li wieħed jinnomina proġetti notevoli bħala l-aħjar prattiki; jenfasizza l-ħtieġa li l-kriterji dwar l-aħjar prattiki li ġew miftehma b’mod komuni jintużaw b’mod miftuħ u trasparenti, li ser jippermetti ġestjoni, aċċettazzjoni u kumparabilità aqwa tal-aħjar prattiki u jevita l-konfużjoni ma’ termini oħra simili;

    24.

    Jistieden lill-Kummissjoni, bil-għan tal-użu ġejjieni tat-termini “l-aħjar prattiki”, “prattiki tajba” u “stejjer ta’ suċċess”, biex tfassal suddiviżjoni jew gradazzjoni ċara u effiċjenti ta’ dawn it-termini, għall-finijiet ta’ deskrizzjoni ta’ proġett;

    Skambju tal-aħjar prattiki

    25.

    Jistieden lill-Kummissjoni biex torganizza u tikkoordina l-iskambju tal-aħjar prattiki permezz ta’ netwerk ta’ reġjuni, u biex toħloq website pubbliku li jkun jiġbor fih it-tagħrif ewlieni dwar il-proġetti bil-lingwi kollha tal-UE għal dan l-iskop;

    26.

    Jirrakkomanda li l-Kummissjoni, fi ħdan il-qafas amministrattiv attwali, twaqqaf uffiċċju speċifiku fid-Direttorat Ġenerali għall-Politika Reġjonali biex torganizza, b'koperazzjoni man-netwerk għar-reġjuni, l-evalwazzjoni, il-ġbir u l-iskambju tal-aħjar prattiki u biex tagħmel lilha nnifisha punt ta’ kuntatt permanenti kemm għall-parti tal-provvista u kemm tad-domanda, bil-għan li tistabbilixxi skambju fit-tul, kontinwu, affidabbli u ta’ suċċess għall-aħjar prattiki fil-qasam tal-politika ta’ koeżjoni; jitlob lill-Kummissjoni biex ixxerred din il-kultura tal-aħjar prattiki fid-dipartimenti kollha tagħha;

    27.

    Jipproponi f’dan il-qafas li l-mekkaniżmi ta’ evalwazzjoni għandhom jistudjaw u jikkunsidraw metodoloġiji stabbiliti li diġà kienu implimentati; jemmen li għandu jingħata enfasi partikolari lil koperazzjoni ma’ netwerk ta’ awtoritajiet reġjonali u aġenziji speċjalizzati li huma s-sors ewlieni għall-materjal primarju tal-aħjar prattiki għal evalwazzjoni;

    28.

    Jindika li, filwaqt li l-Unjoni Ewropea tipprovdi finanzjament u prattiki tajba, l-uffiċjali nazzjonali, reġjonali u lokali għandhom jikkapitalizzaw fuqhom; jilqa’ b’sodisfazzjon f’dan ir-rigward l-istabbiliment ta’ programm Erasmus għal rappreżentanti eletti lokali u reġjonali;

    29.

    Jirrakomanda li l-Kummissjoni tuża l-għodda disponibbli tal-Kumitat tar-Reġjuni, b’mod partikolari l-Pjattaforma ta’ Monitoraġġ tal-Istrateġija ta’ Lisbona u n-Netwerk tal-Monitoraġġ tas-Sussidjarjetà sabiex ikun hemm skambju tal-aħjar prattiċi bejn ir-reġjuni u l-Istati Membri bl-iskop li jidentifikaw u jiddeterminaw b’mod konġunt l-għanijiet, u sussegwentement jippjanaw l-azzjonijiet u, finalment, iwettqu evalwazzjoni kumparattiva tar-riżultati tal-politika ta’ koeżjoni;

    *

    * *

    30.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.


    (1)  Testi adottati, P6_TA(2008)0492.

    (2)  ĠU L 210, 31.7.2006, p. 25.

    (3)  ĠU L 210, 31.7.2006, p. 1.


    Top