Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009IP0125

    Karrieri aħjar u aktar mobilità: Sħubija Ewropea għar-riċerkaturi Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat- 12 ta’ Marzu 2009 dwar karrieri aħjar u aktar mobilità: Sħubija Ewropea għar-riċerkaturi (2008/2213(INI))

    ĠU C 87E, 1.4.2010, p. 116–121 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    1.4.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    CE 87/116


    Il-Ħamis, 12 ta’ Marzu 2009
    Karrieri aħjar u aktar mobilità: Sħubija Ewropea għar-riċerkaturi

    P6_TA(2009)0125

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta’ Marzu 2009 dwar karrieri aħjar u aktar mobilità: Sħubija Ewropea għar-riċerkaturi (2008/2213(INI))

    2010/C 87 E/20

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta’ Mejju 2008 bit-titolu “Karrieri aħjar u aktar mobilità: Sħubija Ewropea għar-riċerkaturi”(COM(2008)0317) flimkien mad-dokumenti ta’ ħidma mill-persunal tal-Kummissjoni, jiġifieri l-Valutazzjoni tal-Impatt (SEC(2008)1911) u s-Sommarju Eżekuttiv (SEC(2008)1912) li jakkumpanjawha,

    wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/973/KE tad-19 ta’ Diċembru 2006 dwar il-programm speċifiku “Nies (People)” li jimplimenta s-Seba’ Programm ta’ Qafas tal-Komunità Ewropea għall-attivitajiet ta’ riċerka, żvilupp teknoloġiku u dimostrazzjoni (2007 sal-2013) (1),

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tat-3 ta’ Diċembru 2008 (2),

    wara li kkunsidra l-Komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Ġunju 2001 bit-titolu “Strateġija ta’ mobilità għaż-Żona Ewropea ta’ Riċerka” (COM(2001)0331), u tat-18 ta’ Lulju 2003 bit-titolu “Ir-Riċerkaturi fiż-Żona Ewropea ta’ Riċerka: professjoni waħda, bosta karrieri”(COM(2003)0436), u r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2005/251/KE tal-11 ta’ Marzu 2005 dwar il-Karta Ewropea għar-Riċerkaturi u dwar l-Kodiċi ta’ Kondotta għar-Reklutaġġ tar-Riċerkaturi (3),

    wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli tal-Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali u tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (A6-0067/2009),

    A.

    billi l-Ewropa teħtieġ aktar riċerkaturi li jkollhom, inter alia, il-kapaċità li jiżviluppaw riċerka fuq il-fruntieri tal-għerf, minħabba li huma indispensabbli għaż-żieda fil-produttività u l-kompetittività, u jikkontribwixxu għall-kisba tal-għanijiet strateġiċi ta’ Liżbona,

    B.

    billi, bħala għajnuna biex jiżdied l-għadd ta’ riċerkaturi, hu meħtieġ li x-xjenzati Ewropej li jaħdmu barra l-Unjoni jitħajru jerġgħu lura, u biex jitħaffef id-dħul ta’ xjenzati minn pajjiżi terzi li jridu jaħdmu fl-Unjoni Ewropea,

    C.

    billi, sabiex tiġi żgurata d-disponibilità ta’ riżorsi umani bi kwalifiki għolja u biex jiġu attirati dawn ir-riżorsi minn pajjiżi terzi, huwa ta’ importanza kbira li jiġu ffaċilitati karrieri attraenti għar-riċerkaturi fl-Unjoni Ewropea,

    D.

    billi huwa meħtieġ li l-Unjoni Ewropea tissielet kontra x-xejriet ekonomiċi negattivi billi tiffoka fuq l-edukazzjoni u r-riċerka u għalhekk għandha twettaq kull sforz biex tiżgura l-impjiegi, is-sigurtà u l-mobilità tar-riċerkaturi sabiex dawn jibqgħu fl-Unjoni Ewropea,

    E.

    billi l-mobilità tar-riċerkaturi hija waħda mill-fatturi ewlenin sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni sħiħa taż-Żona Ewropea ta’ Riċerka (ERA),

    F.

    billi, sabiex l-Ewropa tkun tista’ tiżgura l-iżvilupp sodisfaċenti tas-settur tar-riċerka, il-moviment liberu tar-riċerkaturi għandu jkun iggarantit; billi f’dan ir-rigward huwa kruċjali li jkun hemm koperazzjoni armonizzata bejn l-Istati Membri, kif ukoll fost is-settur pubbliku u dak privat,

    G.

    billi d-disponibilità tal-informazzjoni dwar l-opportunitajiet ta’ impjiegi għar-riċerkaturi f’ħafna każijiet hija limitata minħabba li ħafna konkorsi jsiru internament fl-istituzzjonijiet tar-riċerka,

    H.

    billi l-medja tal-età tal-ħaddiema fir-riċerka fl-Ewropa qiegħda tikber u għaldaqstant hemm ħtieġa urġenti għal inizjattivi sabiex il-karrieri fir-riċerka jsiru aktar disponibbli u attraenti għaż-żgħażagħ, speċjalment għan-nisa,

    I.

    billi s-sistema tal-promozzjoni xjentifika f’ħafna istituzzjonijiet tar-riċerka għadha riġida u bbażata fuq l-anzjanità minflok fuq ir-riżultati miksuba mir-riċerkaturi,

    J.

    billi l-proċeduri kkumplikati għall-applikazzjonijiet u n-nuqqas ta’ kompetenzi amministrattivi, flimkien ma’ kwistjonijiet bħall-mili tal-formoli tal-applikazzjoni b’lingwa barranija u r-reġistrazzjoni ta’ brevetti, jiskoraġġixxu lir-riċerkaturi milli jieħdu sehem fi proġetti ta’ mobilità,

    K.

    billi ħafna universitajiet għadhom ma jagħrfux l-importanza tal-qsim tat-tagħrif mal-industrija, mal-komunità tan-negozju u mas-soċjetà, u dan iwassal għal nuqqas ta’ kollegamenti mad-dinja tan-negozju u jdgħajjef il-kompetittività fl-Unjoni Ewropea,

    L.

    billi l-ħiliet lingwistiċi għandhom rwol importanti fil-mobilità tar-riċerkaturi, minħabba li jinkoraġġixxu l-mobilità lejn pajjiżi fejn il-lingwa tal-post hija aktar mifruxa, u b’hekk pajjiżi oħra jibqgħalhom ftit opportunitajiet biex jibbenefikaw mix-xogħol tar-riċerkaturi li jkunu mobbli,

    M.

    billi l-mobilità hija parti essenzjali mill-edukazzjoni dottorali peress li tippermetti esperjenzi aktar wesgħin ta’ riċerka u aktar opportunitajiet għall-iżvilupp tal-karriera,

    N.

    billi l-mobilità hija importanti biex tgħin xi Stati Membri jegħlbu d-diffikultajiet fit-taħriġ tar-riċerkaturi żgħażagħ tagħhom f’oqsma mingħajr massa kritika ta’ studenti dottorali jew infrastruttura adegwata ta’ riċerka,

    O.

    billi l-koperazzjoni fost l-istituzzjonijiet tar-riċerka, in-negozji u l-industrija għandha tittejjeb sabiex jiġi żgurat li jkun hemm skambji ta’ tagħrif, innovazzjoni mtejba u użu aktar effiċjenti tal-fondi,

    P.

    billi l-parteċipazzjoni fil-programmi ta’ riċerka tal-UE hija mod eċċellenti biex jiġu promossi l-karrieri tar-riċerkaturi, minħabba li tippermetti l-kompetizzjoni fuq livell internazzjonali, l-aċċess għal networks ta’ riċerka multinazzjonali u aktar finanzjament għat-titjib tal-faċilitajiet ta’ riċerka tagħhom,

    Q.

    billi n-nisa għad mhumiex irrappreżentati biżżejjed fil-biċċa l-kbira tal-oqsma tax-xjenza u tal-inġinerija kif ukoll fil-pożizzjonijiet maniġerjali,

    Reklutaġġ miftuħ u l-portabilità tal-għotjiet

    1.

    Jilqa’ b’sodisfazzjon u jappoġġja l-inizjattiva tal-Kummissjoni għal Ftehima ta’ Sħubija Ewropea għar-Riċerkaturi u jqis li l-miżuri proposti għandhom ikunu effettivi biex jitneħħew l-ostakli biex tinħoloq ERA;

    2.

    Jenfasizza li biex ikun hemm sistema ta’ riċerka Ewropea ta’ klassi dinjija permezz ta’ sħubija inklużiva bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri, is-sieħba kollha fuq il-livell reġjonali, nazzjonali u Ewropew iridu jagħtu l-kontribut tagħhom bis-sħiħ;

    3.

    Jisħaq fuq il-ħtieġa li jkun hemm impenn għall-inizjattiva proposta bl-adozzjoni ta’ proposti konkreti, u biex ikun żgurat li jkun hemm kontinwazzjoni bla dewmien tal-għanijiet tal-programm speċifiku “Nies (People)” imsemmi aktar ’il fuq;

    4.

    Jitlob biex ikun hemm disponibilità u trasparenza mtejba tal-informazzjoni dwar l-opportunitajiet ta’ reklutaġġ għar-riċerkaturi u li l-proċeduri ta’ reklutaġġ mill-istituzzjonijiet pubbliċi jsiru aktar bil-miftuħ; jikkunsidra li l-informazzjoni dwar ir-reklutaġġ għandha tkun ippubblikata fuq il-websajt tal-istituzzjonijiet ta’ riċerka rispettivi u fuq il-websajt tal-EURAXESS;

    5.

    Jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li fil-ġejjieni jiġi definit u stabilit mudell uniku ta’ karriera fl-UE fil-qasam tar-riċerka u biex tidħol sistema integrata ta’ informazzjoni dwar offerti ta’ impjieg u kuntratti għar-rekluti fil-qasam tar-riċerka fl-Unjoni Ewropea, billi dan jitqies bħala essenzjali għall-ħolqien ta’ suq uniku tal-impjiegi għar-riċerkaturi;

    6.

    Jisħaq, barra minn hekk, u fil-kuntest tal-ħtieġa ta’ kontribut mis-sieħba kollha, fuq l-importanza, minn naħa waħda, tad-determinazzjoni tal-Istati Membri li jipparteċipaw fil-proċess u, min-naħa l-oħra, tar-responsabilità tal-Kummissjoni biex tgħin fil-proċess u fl-azzjoni bejn is-sieħba kollha, billi tipproduċi u tqassam materjal ta’ għajnuna u tagħrif preċiż kif ukoll biex ikun jista’ jsir l-iskambju tal-aħjar prattiki;

    7.

    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżviluppaw standards għall-għarfien reċiproku tal-kwalifiki ta’ riċerka u, b’mod partikulari, tal-kwalifiki mhux formali;

    8.

    Itenni l-importanza tar-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2008 dwar it-twaqqif tal-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki għat-tagħlim għal matul il-ħajja (4) (EQF), u jistieden lill-Kummissjoni biex tinkoraġġixxi u tassisti lill-Istati Membri biex ifasslu l-Oqfsa Nazzjonali ta’ Kwalifiki tagħhom sabiex jikkonformaw mal-EQF sal-2010;

    9.

    Iħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex iġeddu l-isforzi tagħhom biex jimplimentaw il-prinċipji stipulati fil-Karta Ewropea għar-Riċerkaturi u fil-Kodiċi ta’ Kondotta għar-Reklutaġġ tar-Riċerkaturi msemmija aktar ’il fuq;

    10.

    Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet ta’ riċerka pubblika biex joffru s-servizzi ta’ appoġġ meħtieġa għar-riċerkaturi billi jissimplifikaw il-proċeduri ta’ applikazzjoni u billi jiffaċilitaw l-aċċess tar-riċerkaturi għall-fondi, inter alia, permezz ta’ għotjiet lill-individwi li jippromwovu l-libertà tar-riċerkaturi li jkomplu jaħdmu fuq it-temi ta’ riċerka li jagħżlu huma; jistieden, f’dan ir-rigward, lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jiggarantixxu li jkun hemm uniformità fil-formoli tal-applikazzjoni għall-mobilità tar-riċerkaturi;

    11.

    Jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jikkunsidraw l-programmi ta’ mobilità u ta’ sħubija ma’ pajjiżi terzi, bħall-Erasmus Mundus, fil-kuntest tal-interazzjoni tal-karrieri u r-rekwiżiti tal-mobilità tar-riċerkaturi kollha li jieħdu sehem;

    12.

    Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni sabiex jirrevedu l-kundizzjonijiet meħtieġa biex tidħol il-portabilità tal-għotjiet individwali għar-riċerka meta dan jippermetti lill-korpi ta’ finanzjament li jissodisfaw aħjar il-ħtiġijiet tagħhom ta’ riċerka, u lir-riċerkaturi li jkollhom aċċess għal faċilitajiet ta’ riċerka li ma jkunux disponibbli fl-istituzzjonijiet ta’ pajjiżhom; jikkunsidra li r-reviżjoni għandha, b’mod partikulari, tindirizza l-konsegwenzi tal-portabilità għall-istituzzjonijiet ta’ riċerka fl-Istati Membri u t-theddida tal-“allokazzjoni mhux ugwali tar-riċerkaturi” fl-Unjoni Ewropea, kif ukoll minn u lejn pajjiżi terzi;

    13.

    Jikkunsidra li ż-żieda fil-mobilità tar-riċerkaturi u t-tisħiħ tar-riżorsi ta’ dawk l-istituzzjonijiet li jiġbdu riċerkaturi minn Stati Membri oħra jkattru ċentri ta’ eċċellenza u din l-eċċellenza tinfirex ukoll fl-Unjoni Ewropea kollha.

    14.

    Jisħaq fuq l-importanza li l-proċessi għall-għażla u l-promozzjoni tar-riċerkaturi rġiel u nisa jkunu miftuħa u trasparenti għal kollox; jistieden lill-Istati Membri biex jiżguraw li jkun hemm bilanċ aħjar bejn l-irġiel u n-nisa fil-korpi responsabbli għall-impjieg u l-promozzjoni tar-riċerkaturi;

    15.

    Jikkunsidra li l-mobilità tar-riċerkaturi fl-Ewropa għandha tingħata prijorità sabiex ikun żgurat li l-għerf jinfirex u li r-riċerka innovattiva fuq il-fruntieri tal-għerf f’dixxiplini differenti tiġbed lejha riċerkaturi ddedikati u kompetenti kif ukoll aktar riżorsi finanzjarji.

    16.

    Jitlob li l-iskambji ma’ xjenzati u riċerkaturi minn pajjiżi terzi jiġu ffaċilitati permezz tad-dħul ta’ arranġamenti bħal viżi speċjali għar-riċerkaturi;

    17.

    Jikkunsidra li ż-żieda fil-mobilità għandha tinkiseb bit-tisħiħ tal-interessi u l-benefiċċji għall-istituzzjonijiet tar-riċerka u l-universitajiet li jospitaw riċerkaturi minn Stati Membri oħra permezz ta’ skema ta’ “vouchers ta’ riċerka”; jikkunsiddra li dawn il-vouchers ta’ riċerka jittrasferixxu flus lir-riċerkaturi u jsegwu lil dawk li jieħdu sehem fl-istituzzjonijiet ta’ riċerka fl-Istati Membri barra dak tagħhom; jikkunsidra ukoll li dan l-appoġġ għall-mobilità tar-riċerkaturi għandu jiżdied mal-iskemi ta’ finanzjament attwaliu li dawn il-vouchers ta’ riċerka se jservu wkoll ta’ inċentiv għall-Istati Membri u għall-istituzzjonijiet ta’ riċerka biex jikkompetu u jiġbdu x-xjenzati bl-akbar talenti.

    Biex jintlaħqu l-ħtiġijiet tas-sigurtà soċjali u tal-pensjoni supplimentari tar-riċerkaturi mobbli

    18.

    Iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jesploraw il-possibilità li jinħoloq Fond Ewropew għall-Pensjonijiet għar-riċerkaturi, ikun kemm ikun it-tul tal-kuntratt ta’ riċerka;

    19.

    Ifakkar li Stat Membru ma jistax ifassal Pjan ta’ Azzjoni Nazzjonali komprensiv li jwassal għal sħubija Ewropea komprensiva jekk mhux bl-inklużjoni tal-ideat tar-riċerkaturi, tal-istituzzjonijiet ta’ riċerka nazzjonali u ta’ dawk kollha interessati fil-politika tar-riċerka;

    Impjiegi u kundizzjonijiet tax-xogħol attraenti

    20.

    Jistieden lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet pubbliċi ta’ riċerka sabiex jipprovdu s-servizzi kollha meħtieġa għar-riċerkaturi li jkunu ġejjin minn pajjiżi oħra, inkluż l-aċċess għal akkomodazzjoni, skejjel u faċilitajiet għall-kura tat-tfal; jikkunsidra li dawn is-servizzi għandhom jiġu rreklamati fil-websajts kollha tar-reklutaġġ tar-riċerkaturi;

    21.

    Jitlob għal aktar flessibilità fil-kundizzjonijiet tax-xogħol kemm għar-riċerkaturi nisa kif ukoll għall-irġiel sabiex jitħallew jgħaqqdu x-xogħol mal-ħajja tal-familja, u jitlob biex titneħħa d-differenza fil-pagi bejn ir-riċerkaturi nisa u rġiel;

    22.

    Jistieden lill-Istati Membri biex jieħdu passi sabiex jiffaċilitaw l-għaqda tal-familja meta ż-żewġ konjuġi jkunu riċerkaturi;

    23.

    Iħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex, bil-ħsieb li jevitaw li jkun hemm it-telf intern tal-aqwa mħuħ fl-UE, jużaw aħjar l-opportunitajiet offruti mill-iskemi ta’ finanzjament tal-programm speċifiku “Nies (People)” imsemmi aktar ’il fuq; jistieden lill-Istati Membri jgħinu biex ir-ritorn tar-riċerkaturi lejn l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżhom isir aktar attraenti għalihom billi jżidulhom is-salarji jew joffrulhom benefiċċji addizzjonali sabiex ikun żgurat li l-kundizzjonijiet ekonomiċi jkunu jaqblu ma’ dawk li huma jkunu gawdew fil-perjodu ta’ mobilità;

    24.

    Jistieden lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet pubbliċi ta’ riċerka sabiex itejbu l-karrieri tar-riċerkaturi billi jippromwovu riformi bil-għan li s-suq tax-xogħol tar-riċerkaturi jsir aktar kompetittiv u anqas ristrett mill-affiljazzjonijiet istituzzjonali; jikkunsidra li, mal-ħatra, ir-riċerkaturi għandhom ikunu jistgħu jiksbu rikonoxximent għall-perjodu tagħhom ta’ riċerka fl-istituzzjoni edukattiva barranija;

    25.

    Huwa mħasseb bin-nuqqas ta’ flessibilità offruta fil-kuntratti tar-riċerkaturi ta’ esperjenza jew li jkunu waslu fi tmiem il-karriera, ċirkostanza li tfixkel il-mobilità u ttellef l-iskambju xieraq tat-tagħrif u tal-esperjenza; jiddispjaċih li s-settur privat xi drabi ma jkollux arranġamenti simili għal dawk tas-settur pubbliku għat-trattament u l-ġestjoni tal-istaff;

    26.

    Jistieden lill-Istati Membri biex jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni fis-Seba’ Programm ta’ Qafas għall-attivitajiet ta’ riċerka, ta’ żvilupp teknoloġiku u ta’ dimostrazzjoni (2007-2013) (5) billi jiżguraw servizzi effiċjenti ta’ appoġġ, b’mod partikulari punti ta’ kuntatt nazzjonali, sabiex isir użu aħjar mill-opportunitajiet tal-kofinanzjament;

    27.

    Jistieden lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet pubbliċi tar-riċerka sabiex jipprovdu inċentivi għall-mobilità, bħall-mobilità li titqies bħala rakkomandazzjoni qawwija għall-ħatra kif ukoll għall-avvanzi fil-karriera għar-riċerkaturi li jerġgħu lura wara li jkunu għaddew żmien fi Stati Membri oħra;

    28.

    Jikkunsidra li l-Istati Membri jridu jkomplu jżidu r-riżorsi baġitarji allokati għar-riċerka, bil-għan li jinħolqu impjiegi ta’ kwalità li jikkonformaw mal-prinċipji etiċi bażiċi u mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea;

    Titjib fil-kapaċitajiet tat-taħriġ u tal-esperjenza tar-riċerkaturi Ewropej

    29.

    Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri sabiex jagħrfu l-esperjenza tar-riċerkaturi fil-qasam tal-industrija bħala kwalità ta’ valur għall-avvanz fil-karrieri tagħhom, bil-għan li titjieb il-mobilità bejn il-qasam privat u dak pubbliku;

    30.

    Jistieden lill-Istati Membri biex jinvestu fir-riċerka applikata, b’mod li jiġi żgurat li jkun hemm kollaborazzjoni aktar mill-qrib bejn l-universitajiet, l-istituzzjonijiet tar-riċerka u s-settur privat;

    31.

    Iħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex itejbu l-opportunitajiet ta’ karrieri għar-riċerkaturi żgħażagħ, pereżempju, billi jżidu l-fondi u billi jippermettu l-avvanz fil-karriera bbażat fuq il-mertu aktar milli fuq l-anzjanità, bħall-kapaċita’ għall-innovazzjoni u perjodi ta’ taħriġ f’impriżi;

    32.

    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jirrevedu l-istatus legali tal-istudenti tal-PhD fl-Istati Membri sabiex tinstab il-possibilità li jiddaħħal status uniformi għall-istudenti tal-PhD fil-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri dwar l-impjiegi;

    33.

    Iħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex jippromwovu t-tisħiħ tal-prospetti għall-karriera ta’ riċerkaturi żgħażagħ billi, fost l-oħrajn, jappoġġjaw taħriġ interdixxiplinarju kif ukoll billi jagħrfu l-valur tal-mobilità interdixxiplinarja;

    34.

    Jistieden lill-Istati Membri biex jiffaċilitaw l-innovazzjoni bil-promozzjoni tal-mobilità interdixxiplinarja, pluridixxiplinarja u internazzjonali tar-riċerkaturi anzjani, inter alia bħala mezz li jgħin fil-progress tat-tagħlim ta’ riċerkaturi żgħażagħ;

    35.

    Jirrakkomanda bis-saħħa li jkun hemm taħriġ aħjar għar-riċerkaturi matul il-karriera tagħhom sabiex itejbu l-possibilitajiet tagħhom ta’ impjieg u ta’ promozzjoni;

    36.

    Jenfasizza li l-pedament għal riċerka ta’ kwalità eċċellenti f’soċjetà bbażata fuq l-għerf jissejjes fl-iskejjel; jistieden lill-Istati Membri għalhekk biex jonoraw il-wegħdiet baġitarji tagħhom fil-qasam tal-edukazzjoni;

    37.

    Jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex itejbu l-profil tar-riċerka xjentifika fil-baġit ġenerali, skont l-impenji mwiegħda sabiex jinkiseb tkabbir ta’ 3 % u biex jitħarrġu 600 000 riċerkatur ieħor, bħala medja, sal-2010;

    38.

    Jenfasizza li trid tingħata attenzjoni speċjali lill-istudenti tal-PhD għaliex b’mod ġenerali dan jirrappreżenta l-bidu tal-karrieri fir-riċerka; jikkunsidra li l-mobilità tar-riċerkaturi żgħażagħ, speċjalment f’networks ta’ eċċellenza, iżżidilhom il-potenzjal biex jagħtu kontribut għall-iżvilupp fir-riċerka Ewropea;

    39.

    Iħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex jappoġġjaw rabtiet u mobilità aħjar bejn il-komunità akkademika u l-industrija billi jippromwovu skemi ddedikati, bħall-iskema Franċiża “Conventions Industrielles de Formation par la Recherche” (CIFRE);

    40.

    Huwa tal-fehma li l-intensifikazzjoni tal-iskambji fil-programmi rilevanti li jikkonċernaw l-edukazzjoni għolja Ewropea, b’attenzjoni partikulari fuq ir-riċerka, tipprepara l-ġenerazzjonijiet tar-riċerkaturi Ewropej tal-ġejjieni u tagħmel is-settur tar-riċerka aktar dinamiku;

    *

    * *

    41.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.


    (1)  ĠU L 400, 30.12.2006, p. 269.

    (2)  ĠU C 175, 28.7.2009, p. 81.

    (3)  ĠU L 75, 22.3.2005, p.67.

    (4)  ĠU C 111, 6.5.2008, p. 1.

    (5)  ĠU L 412, 30.12.2006, p. 1.


    Top