This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52009IP0073
Alleged use of European countries by the CIA for the transportation and illegal detention of prisoners European Parliament resolution of 19 February 2009 on the alleged use of European countries by the CIA for the transportation and illegal detention of prisoners
L-użu allegat ta’ pajjiżi Ewropej mis-CIA għat-trasport u d-detenzjoni illegali ta’ priġunieri Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad- 19 ta’ Frar 2009 dwar l-użu allegat ta’ pajjiżi Ewropej mis-CIA għat-trasport u d-detenzjoni illegali ta’ priġunieri
L-użu allegat ta’ pajjiżi Ewropej mis-CIA għat-trasport u d-detenzjoni illegali ta’ priġunieri Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad- 19 ta’ Frar 2009 dwar l-użu allegat ta’ pajjiżi Ewropej mis-CIA għat-trasport u d-detenzjoni illegali ta’ priġunieri
ĠU C 76E, 25.3.2010, p. 51–54
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
25.3.2010 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
CE 76/51 |
Il-Ħamis, 19 ta’ Frar 2009
L-użu allegat ta’ pajjiżi Ewropej mis-CIA għat-trasport u d-detenzjoni illegali ta’ priġunieri
P6_TA(2009)0073
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta’ Frar 2009 dwar l-użu allegat ta’ pajjiżi Ewropej mis-CIA għat-trasport u d-detenzjoni illegali ta’ priġunieri
2010/C 76 E/11
Il-Parlament Ewropew,
wara li kkunsidra l-istrumenti internazzjonali, Ewropej u nazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali u dwar il-projbizzjoni tad-detenzjoni arbitrarja, l-għajbien furzat u t-tortura, bħall-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tas-16 ta’ Diċembru 1966 u l-Konvenzjoni tan-NU kontra t-Tortura u Trattament jew Kastigi oħra Krudili, Inumani jew Degradanti tal-10 ta’ Diċembru 1984, u l-protokolli relevanti tagħhom,
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta’ Frar 2007 dwar l-użu allegat ta’ pajjiżi Ewropej mis-CIA għat-trasportazzjoni u d-detenzjoni illegali ta’ priġunieri (1), kif ukoll rapporti oħra u riżoluzzjonijiet li jqajmu l-kwistjoni, inkluż ix-xogħol tal-Kunsill tal-Ewropa dwar dan is-suġġett,
wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta’ Frar 2009 dwar ir-ritorn u r-rilokazzjoni tal-priġunieri tal-faċilità ta’ detenzjoni ta’ Guantánamo (2),
wara li kkunsidra l-ittra mibgħuta mill-President tiegħu lill-parlamenti nazzjonali dwar is-segwitu mogħti mill-Istati Membri għar- mir-Riżoluzzjoni tal-Parlament tal-14 ta’ Frar 2007,
wara li kkunsidra l-Artikolu 103(4) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
A. |
billi mir-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta’ Frar 2007 dwar l-użu allegat ta’ pajjiżi Ewropej mis-CIA għat-trasportazzjoni u d-detenzjoni illegali ta’ priġunieri indirizza sensiela ta’ rakkomandazzjonijiet dettaljati lill-Istati Membri, lill-Kummissjoni u lill-Kunsill, |
B. |
billi, mill-adozzjoni tar-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta’ Frar 2007, seħħew għadd ta’ żviluppi fl-Istati Membri, inklużi:
|
C. |
billi fit-3 ta’ Frar 2009 l-Kummissarju għal-Ġustizzja, il-Libertà, u s-Sigurtà u stqarr fil-Parlament li ħa għadd ta’ azzjonijiet biex ikunu implimentati r-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament, inklużi ittra lill-awtoritajiet tal-Polonja u r-Rumanija biex jitlobhom jipprovdu kjarifika sħiħa dwar il-pożizzjoni dwar l-eżistenza allegata ta’ ħabsijiet sigrieti fit-territorju tagħhom u l-ħruġ ta’ komunikazzjoni li tipproponi miżuri ġodda fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili, |
D. |
billi l-konsenja straordinarja u d-detenzjoni sigrieta jmorru kontra l-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, kontra l-Konvenzjoni tan-NU kontra t-tortura, kontra l-Konvenzjoni Ewropea għal-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali kontra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u billi l-awtoritajiet tal-Istati Uniti bħalissa qed jirrevedu dawn il-prattiki, |
E. |
billi dawk li nħatfu f’xi Stati Membri taħt il-programm ta’ konsenja straordinarja ttieħdu Guantánamo jew fi Stati oħra mill-awtoritajiet tal-Istati Uniti fuq titjiriet militari jew tas-CIA, li spiss taru minn fuq it-territorju tal-UE u f’xi każi anke għamlu waqfiet f’ċerti Stati Membri tal-UE; billi dawk li ttieħdu f’pajjiżi terzi ġew ittorturati f’ħabsijiet lokali, |
F. |
billi xi Stati Membri avviċinaw lill-awtoritajiet tal-Istati Uniti u talbu r-rilaxx u r-ripatrijazzjoni ta’ persuni li għaddew minn rendiment straordinarju u li huma ċittadini tagħhom jew li qabel kienu residenti fit-territorju tagħhom; billi uffiċjali ta’ xi Stati Membri kellhom aċċess għall-priġunieri fi Guantánamo jew f’faċilitajiet ta’ detenzjoni oħra, u interrogawhom biex jivverifikaw l-atti ta’ akkuża miġjuba kontrihom mill-awtoritajiet tal-Istati Uniti, u b’hekk illeġittimaw l-eżistenza ta’ faċilitajiet ta’ detenzjoni ta’ dan it-tip, |
G. |
billi r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta’ Frar 2007 tiddikjara, u l-avvenimenti sussegwenti kkonfermaw, li bosta Stati Membri kienu involuti jew ikkoperaw b’mod attiv jew passiv mal-awtoritajiet tal-Istati Uniti fit-trasport illegali u/jew fid-detenzjoni ta’ priġunieri mis-CIA u mill-awtoritajiet militari tal-Istati Uniti fi Guantánamo u f’“ħabsijiet sigrieti” rikonoxxuti mill-President Bush - kif pruvat minn informazzjoni żvelata reċentement rigward l-awtorizzazzjonijiet tal-gvernijiet għat-talbiet tal-Istati Uniti biex isiru titjiriet minn fuq il-pajjiżi kkonċernati u minn informazzjoni tal-gvern dwar il-ħabsijiet sigrieti - u li l-Istati Membri għandhom sehem partikulari fir-responsabilità politika, morali u legali għat-trasportazzjoni u għad-detenzjoni tal-persuni miżmuma fi Guantánamo u fil-faċilitajiet sigrieti ta’ detenzjoni, |
H. |
billi s-Senat tal-Istati Uniti rratifika l-ftehim bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar l-Estradizzjoni u l-Għajnuna Legali Reċiproka, ratifikata mill-Istati Membri kollha ħlief l-Italja, |
I. |
billi l-ordnijiet eżekuttivi maħruġa mill-President Obama fit-22 Jannar 2009, għalkemm pass kbir 'il quddiem, ma jidhirx li jindirizzaw bis-sħiħ il-kwistjonijiet ta’ detenzjoni sigrieta u ħtif jew dik tal-użu tat-tortura, |
1. |
Jikkundanna n-nuqqas ta’ azzjoni li ttieħdet s’issa mill-Istati Membri u mill-Kunsill sabiex jitfgħu dawl fuq il-programm ta’ konsenji straordinarji u biex jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament; imaqdar il-fatt li ma ngħatawx tweġibiet sodisfaċenti mill-Kunsill lill-Parlament fit-3 ta’ Frar 2009; |
2. |
Jistieden lill-Istati Membri, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jimplimentaw b’mod sħiħ ir-rakkomandazzjoni tal-Parlament fir- r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta’ Frar 2007 u biex jikkollaboraw biex tinstab il-verità billi jinfetħu inkjesti jew jikkollaboraw mal-organi kompetenti billi jiżvelaw u jipprovdu l-informazzjoni relevanti kollha u billi jiżguraw skrutinju parlamentari effettiv tal-azzjoni tas-servizzi sigrieti; jitlob lill-Kunsill biex jiżvela l-informazzjoni relevanti kollha dwar it-trasport u d-detenzjoni illegali tal-priġunieri, inkluż fil-qafas tal-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Liġi Pubblika Internazzjonali (COJUR); jistieden lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet tal-UE biex jikkooperaw mal-organi internazzjonali kompetenti kollha, inklużi n-NU u l-Kunsill tal-Ewropa, u biex jagħtu lill-Parlament kwalunkwe informazzjoni relevanti, u kwalunkwe rapport jew sentenza ta’ inkjesta parlamentari; |
3. |
Jistieden lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Uniti biex isaħħu d-djalogu transatlantiku dwar approċċ komuni ġdid biex ikun affrontat it-terroriżmu, approċċ ibbażat fuq valuri komuni ta’ osservanza tal-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt, f’qafas ta’ kooperazzjoni internazzjonali; |
4. |
Jemmen li l-ftehim bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar l-Estradizzjoni u l-Assistenza Legali Reċiproka jikkostitwixxu għodda relevanti għall-infurzar tal-liġi solida legalement u l-koperazzjoni ġudizzjarja fil-ġlieda kontra t-terroriżmu; jilqa’, għaldaqstant, ir-ratifika tagħhom mis-Senat tal-Istati Uniti u jistieden lill-Italja biex tirratifikahom malajr kemm jista’ jkun; |
5. |
Jilqa’ l-fatt li l-President Obama ħareġ tliet ordnijiet eżekuttivi biex jingħalaq iċ-ċentru ta’ detenzjoni ta’ Guantánamo, biex jitwaqqfu l-proċedimenti tal-kummissjonijiet militari, biex jintemm l-użu tat-tortura u biex jingħalqu l-ħabsijiet sigrieti barra l-pajjiż; |
6. |
Jenfasizza, madankollu, il-fatt li għad fadal xi ambigwitajiet rigward il-kontinwazzjoni limitata ta’ numri ta’ skemi ta’ konsenja u ta’ faċilitajiet ta’ detenzjoni sigrieta, u għandu fiduċja li se jsiru kjarifiki dwar l-għeluq u l-projbizzjoni tal-faċilitajiet kollha ta’ detenzjoni sigrieta mmaniġġjati direttament jew indirettament mill-awtoritajiet tal-Istati Uniti fl-Istati Uniti jew barra minnhom; ifakkar li d-detenzjoni sigrieta fiha nnifisha tikkostitwixxi ksur serju tad-drittijiet bażiċi tal-bniedem; |
7. |
Jafferma għal darb’oħra li, skont l-Artikolu 14 tal-Konvenzjoni tan-NU kontra t-Tortura, kwalunkwe vittma ta’ att ta’ tortura għandu jedd li jista’ jiġi infurzat għal rimedju u għal kumpens ġust u xieraq; |
8. |
Jilqa’ b’sodisfazzjon iż-żjara li se ssir fl-Istati Uniti fis-16 u s-17 ta’ Marzu 2009 mill-Kummissarju għal-Estradizzjoni u l-Għajnuna Legali Reċiproka, mill-Presidenza tar-Repubblika Ċeka u mill-Koordinatur Kontra t-Terroriżmu tal-UE u jistieden lir-rappreżentanti tal-UE biex iqajmu l-kwistjoni ta’ konsenji straordinarji u faċilitajiet ta’ detenzjoni sigrieti, minħabba li dan huwa ksur serju tal-liġi internazzjonali u tal-liġi Ewropea dwar id-drittijiet tal-bniedem; jistieden lill-Kunsill tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni tas-26 ta’ Frar 2009 biex jieħu pożizzjoni ferma dwar dan, u biex jiddiskuti l-kwisjoni tal-għeluq ta’ Guantanamo u l-istabbilizzazzjoni mill-ġdid tal-prigunieri, b’kunsiderazzjoni xierqa għar-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-4 ta’ Frar 2009 dwar dan is-suġġett; |
9. |
Jistieden lill-Unjoni Ewropea, lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet tal-Istati Uniti biex jinvestigaw u jiċċaraw kompletament l-abbużi u l-ksur tal-liġi internazzjonali u nazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, il-libertajiet fundamentali, il-projbizzjoni tat-tortura u t-trattament ħażin, l-għejbien infurzat u d-dritt għal smigħ xieraq b’konnessjoni mal-“gwerra kontra t-terroriżmu” sabiex tkun stabbilita r-responsabilità għaċ-ċentri ta’ detenzjoni sigrieti, inkluż Guantánamo, u għall-programm ta’ konsenji straordinarji, u biex ikun żgurat li ksur bħal dan ma jerġax isir fil-futur u li l-ġlieda kontra t-terroriżmu ssir billi jiġu rrispettati d-drittijiet tal-bniedem, il-libertajiet fundamentali, id-demokrazija u l-istat tad-dritt; |
10. |
Jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, u lill-Koordinaturtal-UE kontra t-terroriżmu biex, wara ż-żjara tad-delegazzjoni tal-UE fl-Istati Uniti, jirrappurtaw lill-Parlament dwar l-applikazzjoni tal-ftehim dwar l-Estradizzjoni u l-Għajnuna Legali Reċiproka, kif ukoll dwar il-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Istati Uniti fil-qasam tal-ġlieda kontra t-terroriżmu filwaqt li jkun żgurat rispett sħiħ għad-drittijiet tal-bniedem, sabiex il-kumitat kompetenti jkun jista’ jindirizza dawn il-kwistjonijiet f’rapport imħejji inter alia fuq il-bażi tal-paragrafu 232 tar-riżoluzjoni tiegħu tal-14 ta’ Frar 2007; |
11. |
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Għoli għall-Politika Estera u ta’ Sigurta’ Komuni, lill-Koordinatur tal-UE Kontra t-Terroriżmu,lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-NATO, lis-Segretarju Ġenerali u lill-President tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u lill-President u lill-Kungress tal-Istati Uniti tal-Amerika. |
(1) ĠU C 287 E, 29.11.2007, p. 309.
(2) Testi adottati, P6_TA(2009)0045.