Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009IP0060

    Post Speċjali għat-Tfal fl-Azzjoni Esterna tal-UE Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad- 19 ta’ Frar 2009 dwar post Speċjali għat-Tfal fl-Azzjoni Esterna tal-UE (2008/2203(INI))

    ĠU C 76E, 25.3.2010, p. 3–11 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    25.3.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    CE 76/3


    Il-Ħamis, 19 ta’ Frar 2009
    Post Speċjali għat-Tfal fl-Azzjoni Esterna tal-UE

    P6_TA(2009)0060

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta’ Frar 2009 dwar post Speċjali għat-Tfal fl-Azzjoni Esterna tal-UE (2008/2203(INI))

    2010/C 76 E/02

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta’ Frar 2008 bit-titolu “Post speċjali għat-tfal fl-azzjoni esterna tal-UE” (COM(2008)0055),

    wara li kkunsidra d-Dokument ta’ Ħidma tal-Istaff tal-Kummissjoni tal-5 ta’ Frar 2008 intitolat “Tfal f’Sitwazzjonijiet ta’ Emerġenza u ta’ Kriżi” (SEC (2008) 0135),

    wara li kkunsidra d-Dokument ta’ Ħidma tal-Istaff tal-Kummissjoni tal-5 ta’ Frar 2008 bit-titolu “Il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Unjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tat-Tfal f’Azzjoni Esterna” (SEC (2008) 0136),

    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-9 t’April 2008 intitolata “l-UE sieħba globali għall-iżvilupp ngħaġġlu l-progress lejn il-Miri għall-Iżvilupp għall-Millenju” (COM(2008)0177),

    wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal fl-azzjoni esterna tal-Unjoni Ewropea – id-dimensjoni tal-iżvilupp u d-dimensjoni umanitarja tas-26 ta’ Mejju 2008,

    wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tad-19 u l-20 ta’ Ġunju 2008,

    wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-Unjoni Ewropea għall-Promozzjoni u l-Protezzjoni tad-Drittijiet tat-Tfal, adottata mill-Kunsill f’Diċembru 2007,

    wara li kkunsidra l-Linji Gwida dwar it-Tfal u l-Kunflitti Armati, adottata mill-Kunsill f’Diċembru 2003 u aġġornata f’Ġunju 2008,

    wara li kkunsidra l-Lista ta’ Kontroll għall-Integrazzjoni tal-Protezzjoni tat-Tfal li huma milquta mill-Kunflitti Armati fl-Operazzjonijiet tal-Politika Ewropea ta’ Sigurtà u ta’ Difiża, adottata mill-Kunsill f’Mejju 2006,

    wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal (CRC), adottata mill-Assemblea Ġenerali tal-20 ta’ Novembru 1989, u l-protokolli mhux obbligatorji tagħha,

    wara li kkunsidra l-Aġenda tal-UE għall-Azzjoni dwar l-MDGs adottata mill-Kunsill fit-18 ta’ Ġunju 2008,

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tan-NU Nru 1612 (2005) dwar it-tfal u l-kunflitti bl-armi, adottata mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU fil-5235 laqgħa tiegħu tas-26 ta’ Lulju 2005,

    wara li kkunsidra l-Konvenzjonijiet tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) Nru 138 dwar “L-età minima” adottata f’Ġinevra fis-26 ta’ Ġunju 1973 u Nru 182 dwar “il-Projbizzjoni u l-Azzjoni Immedjata għall-Eliminazzjoni tal-Agħar forom ta’ Xogħol mit-Tfal” adottata f’Ġinevra fis-17 ta’ Ġunju 1999,

    wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Millennju tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) adottata mill-Assemblea Ġenerali fit-8 ta’ Settembru 2000,

    wara li kkunsidra d-dokument li ħareġ mis-Sessjoni Speċjali tan-NU dwar it-Tfal li saret fil-kwartieri ġenerali tan-NU f’Mejju 2002, intitolat “Dinja Tajba għat-Tfal”,

    wara li kkunsidra l-Istudju tas-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar il-Vjolenza kontra t-Tfal, ippreżentat lill-Assemblea Ġenerali tan-NU fil-11 ta’ Ottubru 2006,

    wara li kkunsidra r-rapport “It-tfal u l-Ghanijiet għall-Iżvilupp tal-Millennju” ippreparat mill-Fond tan-Nazzjonijiet Uniti għat-Tfal (UNICEF) għan-Nazzjonijiet Uniti f’Diċembru 2007,

    wara li kkunsidra r-rapport “l-Istat tat-tfal tad-dinja 2008” ippubblikat mill-UNICEF f’Diċembru 2007,

    wara li kkunsidra r-Rapport dwar l-Għanijiet għall-Iżvilupp tal-Millennju (MDGs) tal-2008 ippubblikat mid-Dipartiment għall-Affarijiet Ekonomiċi u Soċjali tan-NU f’Awissu 2008,

    wara li kkunsidra l-Impenji ta’ Pariġi biex jiġu protetti t-tfal minn reklutaġġ kontra l-liġi jew użu mill-forzi armati jew gruppi armati u l-Prinċipji ta’ Pariġi u l-Linji Gwida dwar it-Tfal Assoċjati mal-Forzi Armati jew Gruppi Armati, adottati mill-Ministri u r-rappreżentanti ta’ pajjiżi li nġabru f’Pariġi fil-5 u 6 ta’ Frar 2007,

    wara li kkunsidra l-Karta Afrikana dwar id-Drittijiet u l-Benesseri tat-Tfal adottata mill-Organizzazzjoni tal-Unità Afrikana (OAU) fl-1990, li daħlet fis-seħħ fid-29 ta’ Novembru 1999,

    wara li kkunsidra l-Ftehima ta’ Cotonou (1) kif emendata (2), l-aktar l-Artikolu 9 dwar “L-elementi essenzjali dwar id-drittijiet tal-bniedem, il-prinċipji demokratiċi u l-istat tad-dritt, u l-element fundamentali dwar tmexxija tajba” u l-Artikolu 26 dwar il-“Kwistjonijiet dwar iż-żagħżagħ”,

    wara li kkunsidra ir-Riżoluzzjoni tal-Assemblea Konġunta tal-Parlament tal-ACP-UE dwar id-drittijiet tat-Tfal u dwar it-tfal suldati (3), adottata f’Addis Ababa fid-19 ta’ Frar 2004,

    wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Assemblea Parlamentari Konġunta dwar il-konsegwenzi soċjali tal-impjieg tat-tfal u dwar l-istrateġiji biex jiġi miġġieled l-impjieg tat-tfal, li ġiet adottata f’Port Moresby fit-28 ta’ Novembru 2008,

    wara li kkunsidra t-Trattat ta’ Liżbona, li jemenda t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Unjoni Ewropea, iffirmat fit-13 ta’ Diċembru 2007 f’Liżbona, u l-verżjonijiet ikkonsolidati tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari l-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, li jgħid li l-Unjoni Ewropea “għandha tiġġieled l-esklużjoni soċjali u d-diskriminazzjoni, u għandha tippromwovi l-ġustizzja soċjali u l-protezzjoni, l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, is-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet u l-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal”, u li, fir-relazzjonijiet tagħha mal-bqija tad-dinja, l-UE għandha “tikkontribwixxi għall-paċi, għas-sigurtà, għall-iżvilupp sostenibbli tad-Dinja, għas-solidarjetà u r-rispett reċiproku bejn il-popli, għall-kummerċ ħieles u ġust, għall-qerda tal-faqar u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, b’mod partikolari id-drittijiet tat-tfal”,

    wara li kkunsidra l-Istqarrija Konġunta tal-Kunsill u r-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri mlaqqa’ fil-Kunsill, fil-Parlament Ewropew u fil-Kummissjoni dwar il-Politika għall-Iżvilupp tal-Unjoni Ewropea, “Il-Konsensus Ewropew” (4) u, b’mod partikolari, ir-rekwiżit li d-drittijiet tat-tfal ikunu integrati fl-implimentazzjoni tal-politika tal-iżvilupp tal-Komunità,

    wara li kkunsidra l-Istqarrija Konġunta mill-Kunsill u r-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri mlaqqa’ fil-Kunsill, fil-Parlament Ewropew u fil-Kummissjoni Ewropea, “Il-Konsensus Ewropew dwar l-Għajnuna Umanitarja” (5); b’mod partikolari ir-rekwiżit biex tingħata attenzjoni speċjali lit-tfal u biex jiġu indirizzati l-bżonnijiet speċifiċi tagħhom,

    wara li kkunsidra il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari l-Artikolu 24 dwar id-drittijiet tat-tfal,

    wara li kkunsidra l-programm ta’ azzjoni stabbilit mid-Deċiżjoni Nru 293/2000/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Jannar 2000 dwar l-adozzjoni ta’ programm ta’ azzjoni Komunitarja (il-programm Daphne) (2000 sa 2003) dwar miżuri preventivi biex tiġi miġġielda l-vjolenza kontra t-tfal, persuni żgħażagħ u nisa (6),

    wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni politika adottata f’Berlin fl-4 ta’ Ġunju 2007 fil-Forum Ewropew dwar id-Drittijiet tat-Tfal, itenni b’mod sistematiku ix-xewqa li jiġu kkunsidrati d-drittijiet tat-Tfal fil-politika interna u esterna tal-Unjoni Ewropea,

    wara li kkunsidra “Il-Qafas għall-Protezzjoni, il-Kura u l-Appoġġ għall-Orfni u t-Tfal Vulnerabbli li Jgħixu f’Dinja li fiha l-HIV u l-AIDS”, ippubblikat mill-Forum tas-Sieħba Globali f’Lulju 2004,

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tat-3 ta’ Lulju 2003 dwar “It-traffikar tat-tfal u t-tfal suldati” (7),

    wara li kkunsidra ir-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta’ Lulju 2005 dwar “L-esplojtazzjoni tat-tfal f’pajjiżi li qed jiżviluppaw, b’fokus partikolari fuq ix-xogħol mit-tfal” (8),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta’ Jannar 2008 dwar “Lejn strateġija tal-UE dwar id-drittijiet tat-tfal” (9),

    wara li kkunsidra r-Regola 45 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, il-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni u l-Kumitat dwar id-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A6–0039/2009),

    A.

    billi t-twettiq tad-drittijiet tat-tfal huwa element prinċipali għall-opportunitajiet fil-ħajja individwali tagħhom kif ukoll biex isir progress biex jinqered il-faqar,

    B.

    billi r-rwoli tas-sessi li s-soċjetà tagħti lit-tfal tagħha għandhom effetti determinanti fuq il-futur tagħhom: l-aċċess tagħhom għall-ikel u l-edukazzjoni, il-parteċipazzjoni fis-suq tal-impjieg, l-istatus tagħhom fir-relazzjonijiet u s-saħħa fiżika u psikoloġika tagħhom,

    C.

    Billi l-għanijiet stabbiliti mill-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal għadhom ‘il bogħod milli jitwettqu,

    D.

    billi minn 2.2 biljun tifel u tifla fid-dinja, 1.9 biljun (86 %) jgħixu f’pajjiżi li qed jiżviluppaw, u aktar minn 98 % tat-tfal li jgħixu f’faqar estrem jgħixu f’pajjiżi li qed jiżviluppaw,

    E.

    billi kull ġurnata, aktar minn 26 000 tifel u tifla taħt il-ħames snin imutu madwar id-dinja, l-aktar minn kawżi li setgħu ġew evitati u, skont ix-xejriet attwali, l-għan tal-MDG biex jitnaqqsu l-imwiet b’żewġ terzi mhux se jintlaħaq qabel l-2045,

    F.

    wara li kkunsidra l-punt 9 tal-programm ta’ azzjoni adottata mir-Raba’ Konferenza Dinjija dwar in-Nisa (li seħħet f’Beijing mill-4 sal-15 ta’ Settembru 1995), li huwa wkoll prinċipju fundamentali stabbilit fil-konferenzi internazzjonali kollha li jikkonċernaw id-drittijiet tat-tfal fl-għaxar snin ta’ qabel,

    G.

    billi jekk it-Trattat ta’ Liżbona jiġi rratifikat mill-Istati Membri kollha, il-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal se ssir objettiv speċifiku tal-politika esterna tal-Unjoni,

    H.

    billi l-Kummissjoni kellha l-mandat mill-Kunsill biex tanalizza l-impatt tal-inċentivi pożittivi dwar il-bejgħ ta’ prodotti li ġew immanifatturati bla ma kien użat ix-xogħol mit-tfal, u biex tiġi eżaminata u rrappurtata l-possibilità ta’ miżuri addizzjonali dwar prodotti li ġew immanifatturati bl-użu tal-agħar forom tax-xogħol mit-tfal,

    I.

    billi d-dritt tat-tfal għall-edukazzjoni mhuwiex negozjabbli u t-taħriġ edukattiv u vokazzjonali għandu rwol importanti fl-istrateġija għall-eliminazzjoni gradwali tal-impjieg tat-tfal,

    J.

    billi l-isfruttament kummerċjali tat-tfal hu vjolazzjoni gravi tad-dinjità tagħhom bħala bnedmin u jmur kontra l-prinċipji tal-ġustizzja soċjali,

    K.

    billi x-xerrejja ta’ prodotti mill-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw jinsabu f’pożizzjoni prinċipali biex jindunaw u biex jirrifjutaw li jixtru prodotti li jkunu kompletament jew parzjalment magħmula mill-impjieg tat-tfal, u b’hekk jistgħu jagħmlu pressjoni ekonomika diretta u effettiva,

    1.

    Jilqa’ b’sodisfazzjoni il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni msemmija hawn fuq dwar “Post Speċjali għat-Tfal fl-Azzjoni Esterna tal-UE” u Dokumenti ta’ Ħidma supplimentari tal-Istaff, kif ukoll il-Konklużjonijiet tal-Kunsill assoċjati magħhom, bħala passi importanti ’l quddiem lejn strateġija tal-UE dwar id-drittijiet tat-tfal;

    2.

    Jirrikonoxxi li l-istituzzjonijiet tal-UE qed jagħtu aktar importanza għad-drittijiet tat-tfal iżda jenfasizza li jrid isir iżjed biex l-impenji politiċi jitpoġġew fil-prattika, u jenfasizza li l-ebda pjan ma jista’ jsir qabel ma jkun disponibbli finanzjament adegwat;

    3.

    Jenfasizza l-importanza biex jintlaħqu l-MDGs dwar l-isforzi biex jitħarsu d-drittijiet tat-tfal, u jħeġġeġ lill-Istati Membri biex iżommu l-wegħdiet tagħhom li jipprovdu finanzjament adegwat u li jista’ jitbassar permezz ta’ għajnuna baġitarja skedata imfassla biex jintlaħqu l-punti ta’ riferenza tal-2010;

    4.

    Jistieden lill-Unjoni sabiex taħdem bil-qawwa favur l-eliminazzjoni tal-forom kollha ta’ diskriminazzjoni kontra l-bniet (sa mill-wild) u sabiex tiddedika biżżejjed riżorsi biex jiġu miġġielda d-diskrepanzi li jirriżultaw minn dan;

    5.

    Jilqa’ b’sodisfazzjoni l-erba’ prinċipji ta’ gwida tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-Kummissjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal f’Azzjoni Esterna li jinkludu approċċ olistiku u koerenti bbażat fuq id-drittijiet tat-tfal;

    6.

    Jirrikonoxxi li approċċ ibbażat fuq id-drittijiet tat-tfal huwa bbażat fuq in-normi u l-prinċipji definiti fil-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal u mmirat lejn it-twettiq tagħhom;

    7.

    Jistieden lill-Komunità Ewropea sabiex taderixxi għall-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u konvenzjonijiet oħra li jikkonċernaw it-twettiq tad-drittijiet tat-tfal, l-adozzjoni, l-isfruttament sesswali, ix-xogħol mit-tfal, il-protezzjoni tat-tfal f’kunflitti armati u l-abbuż mit-tfal;

    8.

    Jitlob lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex iħeġġu l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal u l-protokolli tagħha, u biex iżidu l-appoġġ mogħti għar-riformi tas-sistemi legali ta’ pajjiżi terzi li jkunu mfassla biex jipproteġu t-tfal;

    9.

    Jenfasizza li kwalunkwe azzjoni favur id-drittijiet tat-tfal għandha tirrispetta l-irwol ewlieni tal-ġenituri tat-tfal u tal-familjari l-aktar qrib kif ukoll il-persuni prinċipalment responsabbli mit-tfal u mill-kustodja tagħhom u, b’mod partikolari l-ħtieġa li tittejjeb il-pożizzjoni tal-ommijiet;

    10.

    Jirrimarka, madankollu, li jista’ jkun fl-interess tat-tifel jew tifla bi problemi d-dar li dan jinfired għal xi żmien mill-familja tiegħu jew tagħha bħala miżuri protettiva, l-aktar meta l-ġenituri jkollhom problemi psikoloġiċi jew psikjatriċi jew ikun hemm evidenza ta’ vjolenza fid-dar, trattament ħażin jew abbuż sesswali;

    11.

    Jenfasizza l-bżonn urġenti li tingħata attenzjoni speċjali lill-bniet u s-subien li huma l-aktar vulnerabbli u li huma esklużi soċjalment, inkluż tfal b’diżabilità, tfal migranti, tfal minn minoranzi, tfal li ġew separati jew mhux akkumpanjati u tfal mingħajr il-kura tal-ġenituri;

    12.

    Jenfasizza li biex l-approċċ ibbażat fuq id-drittijiet tat-tfal jitpoġġa fil-prattika, l-UE trid tagħmel analiżi fil-fond tad-drittijiet tat-tfal, idealment meta jiġu adottati jew riveduti d-Dokumenti ta’ Strateġija Tematika tal-Pajjiż u dawk Reġjonali, fuq il-bażi ta’ liema azzjonijiet u programmi mmirati lejn il-kwistjonijiet tat-tfal li jistgħu jintgħażlu; f’dan ir-rigward, jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi lill-Parlament, mill-aktar fis possibbli jew waqt ir-reviżjonijiet ta’ nofs it-terminu tal-programmi ta’ żvilupp, idea ġenerali tal-azzjonijiet li għandhom x’jaqsmu mat-tfal u tal-allokazzjonijiet finanzjarji;

    13.

    Jenfasizza li d-drittijiet tat-tfal iridu jiġu inklużi sistematikament fid-djalogu politiku tal-UE u fid-diskussjonijiet ta’ politika mal-pajjiżi sħab;

    14.

    Jistieden lill-Kummissjoni biex tfassal rapport li jeżamina jekk fil-ftehimiet internazzjonali bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi terzi, hemmx diġà klawsola li torbot legalment fuq il-ħarsien tad-drittijiet tat-tfal u, jekk dan mhux il-każ, klawsola bħal din tistax tiddaħħal fil-ftehimiet;

    15.

    Jemmen li l-parteċipazzjoni tat-tfal għandha tkun istituzzjonalizzata u jkollha finanzjament aħjar f’pajjiżi sħab u fil-livell tal-UE;

    16.

    Jappoġġja l-bini ta’ netwerks eżistenti taż-żagħżagħ u tfal bħala pjattaformi sostenibbli biex jiġu attirati u kkonsultati t-tfal, u jistieden lill-Kummissjoni biex b’mod sistematiku tistieden dawn in-netwerks biex jikkontribwixxu fid-diskussjonijiet dwar id-Dokumenti ta’ Strateġija tal-Pajjiż, kif ukoll biex tinkoraġġixxi l-involviment tagħhom fl-iżvilupp ta’ strumenti ta’ ppjanar nazzjonali;

    17.

    Jistieden lill-Kummissjoni biex tgħin lill-pajjiżi sħab jadottaw baġitjar favur it-tfal, b’mod speċjali meta l-Unjoni Ewropea tkun qed tipprovdi għajnuna baġitarja, u biex jiżviluppaw Pjanijiet ta’ Azzjoni Nazzjonali għat-Tfal li jkunu komprensivi u integrati b’punti ta’ referenza ċari, b’miri li jistgħu jitkejlu, b’kalendarji u b’mekkaniżmi ta’ reviżjoni u ta’ rappurtaġġ dwar d-drittijiet tat-tfal;

    18.

    Jinsisti li l-appoġġ baġitarju ġenerali tal-UE għandu jinkludi fondi għall-bini ta’ kapaċitajiet għall-ministeri relevanti (bħall-Ministeri tas-Sigurtà Soċjali, tas-Saħħa, tal-Edukazzjoni u tal-Ġustizzja) biex jiżgura li jkollhom il-politiki u l-għodda xierqa biex jiffinanzjaw u jimplimentaw servizzi għat-tfal;

    19.

    Jenfasizza li, fl-azzjonijiet esterni tagħha, l-UE għandha tħeġġeġ bil-qawwa lill-gvernijiet ta’ pajjiżi terzi biex jikkonformaw mal-istandards internazzjonali tad-drittijiet tat-tfal, b’mod partikolari fir-rigward tal-għoti ta’ servizzi bażiċi ta’ assistenza soċjali lit-tfal, bħat-tqassim tal-ikel bla ħlas fl-iskejjel u fil-kindergardens u l-aċċess għall-kura tas-saħħa; fl-istess ħin, jenfasizza li l-garanzija ta’ aċċess ekwu għall-edukazzjoni għal tfal f’sitwazzjonijiet ta’ kunflitt armat u f’sitwazzjonijiet ta’ wara kunflitt tikkostitwixxi investiment importanti fil-prevenzjoni tal-kunflitti;

    20.

    Jinnota li minkejja l-iżviluppi pożittivi riċenti fil-livell tal-UE r-riżorsi tal-istituzzjonijiet tal-UE u tal-istaff iddedikati għad-drittijiet tat-tfal jibqgħu mhux adegwati;

    21.

    Jirrakkomanda li biex jiġi żgurat li jkun hemm viżibilità u t-tmexxija dwar id-drittijiet tat-tfal, għandu jiġi appuntat Rappreżentant Speċjali tal-UE;

    22.

    Jikkunsidra li r-responsabilità għall-kwistjonijiet tat-tfal għandha tingħata lil individwu f’kull delegazzjoni tal-Kummissjoni, u jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex jiżguraw li l-istaff kollu fil-Kwartieri Ġenerali u l-Missjonijiet/Delegazzjonijiet ikun imħarreġ b’mod xieraq u fornut b’noti ta’ gwida ta’ kif jintegraw id-drittijiet tat-tfal f’azzjonijiet esterni, u ta’ kif jagħmlu ġestjoni sigura u effikaċi tal-parteċipazzjoni tat-tfal;

    23.

    Jitlob li l-ħarsien tad-drittijiet tat-tfal, skont il-Konvenzjoni tan-NU għad-Drittijiet tat-Tfal, ikollu post ċentrali, fil-qafas pluriennali tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali; jemmen li din l-aġenzija għandha twaqqaf netwerk ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali, mal-ombudsman tat-tfal u ma’ organizzazzjonijiet mhux governattivi, sabiex tieħu vantaġġ mill-għarfien u l-esperjenza tagħhom;

    24.

    Jilqa’ b’sodisfazzjon l-impenn tal-Kummissjoni biex tindirizza l-ksur tad-drittijiet tat-tfal bħal ma hu x-xogħol mit-tfal, it-traffikar tat-tfal, suldati tfal, tfal milquta mill-kunflitti bl-armi u kull forma ta’ vjolenza kontra t-tfal, inkluża l-esplojtazzjoni sesswali u prattiki tradizzjonali li jagħmlu l-ħsara; jinsisti, madankollu, li l-mira għandha tkun fuq il-kawżi fundamentali u l-prevenzjoni tal-ksur tad-drittijiet tat-tfal;

    25.

    Jitlob lill-Kummissjoni biex tinkludi l-ġlieda kontra l-impunità fl-azzjonijiet esterni u r-relazzjonijiet tagħha ma’ pajjiżi terzi, bħala miżura importanti għall-prevenzjoni tal-ksur tad-drittijiet tat-tfal;

    26.

    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jagħmlu bħala priorità l-iżvilupp ta’ strateġiji u sistemi nazzjonali li jipproteġu t-tfal f’pajjiżi sħab li jistgħu jipprovdu lit-tfal u lill-familji b’servizzi ta’ għajnuna qabel ma ssir ħsara lit-tfal;

    27.

    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jappoġġjaw strutturi istituzzjonali fil-pajjiżi msieħba biex jipproteġu u jippromwovu d-drittijiet tat-tfal, inklużi l-ombudspersons indipendenti;

    28.

    Jemmen li għandu jkun hemm sforzi wkoll biex ikun hemm aktar għarfien u rispett għad-drittijiet tat-tfal bejn il-ġenituri u dawk li jieħdu ħsiebhom, kif ukoll għal dawk li jaħdmu mat-tfal bħall-għalliema u l-ħaddiema fis-settur tas-saħħa;

    29.

    Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jagħmlu r-reġistrazzjoni uffiċjali tat-twelid bħala parti mill-politika ta’ koperazzjoni għall-iżvilupp bħala dritt bażiku u mezz importanti biex ikunu protetti d-drittijiet tat-tfal;

    30.

    Jirrikonoxxi li l-kura fl-istadji bikrija tat-tfulija u l-edukazzjoni huwa d-dritt tat-tfal - ikluż it-tilqim, li jkollhom ġenituri, l-aċċess għall-kindergartens u għall-iskejjel tat-tfal żgħar - u jirrikonoxxi li l-bidu tat-tfulija huwa żmien ta’ żvilupp sinifikanti u li nutrizzjoni ħażina u nuqqas ta’ kura jistgħu jwasslu kemm għal ħsara fiżika kif ukoll għal dik intelletwali;

    31.

    Jenfasizza li l-kisba tal-MDG 2 dwar l-edukazzjoni primarja universali u tal-MDG 3 dwar il-parità sesswali huma ċentrali biex ma jkunx hemm ksur tad-drittijiet tat-tfal;

    32.

    Jenfasizza li jinħtieġu interventi ffokati speċifikament fuq il-bniet biex jingħatawlhom l-istess opportunijiet bħas-subien biex jattendu l-iskola, biex jiksbu ikel biżżejjed, biex jitħallew jesprimu l-opinjonijiet tagħhom u ikollhom aċċess għall-kura tas-saħħa;

    33.

    Iħeġġeġ lill-Unjoni sabiex tipprijoritizza d-dritt għall-edukazzjoni, speċjalment għat-tfal bniet, fil-programmi ta’ għajnuna u fid-djalogu politiku ma’ pajjiżi sħab; Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi miġġielda d-diskriminazzjoni persistenti f’familji fqar li ma jifilħux iħallsu l-miżati tal-iskejjel għal uliedhom kollha u jagħżlu li jibagħtu l-iskola lis-subien a skapitu tal-bniet;

    34.

    Jenfasizza li l-faċilitajiet u l-programmi edukattivi jeħtieġ li jkunu “favur il-bniet”, u joffru, pereżempju, forom alternattivi ta’ edukazzjoni barra mill-istituzzjonijiet formali, jew sigħat flessibbli biex jipprovdu għall-bniet li jieħdu ħsieb ħuthom;

    35.

    Jenfasizza li meta wieħed jinvesti fl-edukazzjoni tal-bniet huwa jkun qiegħed jagħmel investiment li jkollu l-akbar impatt f’termini ta’ eradikazzjoni tal-faqar, ta’ tnaqqis taż-żieda fil-populazzjoni, ta’ mortalità aktar baxxa tat-trabi u tat-tfal, ta’ malnutrizzjoni anqas imxerrda, ta’ attendenza ogħla fl-iskejjel u ta’ titjib tas-saħħa;

    36.

    Jenfasizza li l-edukazzjoni ta’ kwalità għandha tkun ta’ prijorità inkluż f’sitwazzjonijiet ta’ kunflitt u ta’ fraġilità, u jilqa’ b’sodisfazzjon il-pjan tal-Kummissjoni biex tindirizza l-edukazzjoni fl-operazzjonijiet ta’ għajnuna umanitarja tagħha; jenfasizza l-ħtieġa ta’ linji gwida operattivi li jġiegħlu lill-UE tinkludi l-edukazzjoni f’kull stadju tar-risposta umanitarja tagħha, skont l-istandards minimi mfassla mill-Interagency Network for Education in Emergencies, u jappella għal fondi u għal staff suffiċjenti f’livell tal-UE għall-implimentazzjoni tal-impenn ta’ politika ġdid;

    37.

    Jinsisti li l-ebda tifel jew tifla m’għandu jiġi mċaħħad mid-dritt fundamentali għall-edukazzjoni minħabba nuqqas ta’ riżorsi ekonomiċi u jerġa’ jitlob lill-gvernijiet tal-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw biex ifasslu skeda ċara għat-tneħħija malajr tal-miżati diretti jew indiretti tal-iskola għal edukazzjoni bażika, waqt li fl-istess ħin iżommu livell għoli ta’ edukazzjoni;

    38.

    Jenfasizza li, fir-relazzjonijiet tal-UE ma’ pajjiżi terzi, huwa tal-akbar importanza li jkun hemm proġetti għall-iżvilupp tal-kompetenzi soċjali tat-tfal, tat-tolleranza, tas-solidarjetà u u tar-responsabilità għall-ambjent tagħhom, speċjalment fil-kuntest tal-ġlieda kontra l-bidla fil-klima;

    39.

    Ifakkar li impenn politiku biex isiru għażliet ta’ politika koerenti fl-oqsma tat-tnaqqis tal-faqar, tal-edukazzjoni ta’ kwalità u tad-drittijiet tal-bniedem, huwa fundamentali biex jitnaqqsu l-inċentivi għax-xogħol mit-tfal;

    40.

    Jistieden lill-Komunità Ewropea u lill-Istati Membri sabiex jipprovdu aktar appoġġ għall-kummerċ ġust u għal inizjattivi li jikkonċernaw l-ittikkettar li jħeġġu lill-kumpaniji sabiex ma jużawx ix-xogħol mit-tfal; jirrakkomanda li l-konformità mal-kodiċijiet volontarji ta’ kondotta dwar id-drittijiet fundamentali tax-xogħol għandha tkun kkontrollata aħjar u tkun trasparenti għall-konsumaturi Ewropej; jemmen li l-kuntratti ta’ akkwist pubbliku għandhom ikunu suġġetti għall-konformità mal-istandards internazzjonali tax-xogħol mit-tfal;

    41.

    Jilqa’ l-inizjattiva tal-Kunsill li tniedi studju dwar l-impatt ta’ inċentivi posittivi fuq il-bejgħ ta’ prodotti mingħajr ma kien hemm impjieg tat-tfal u dwar il-possibiltà ta’ miżuri oħra, inklużi miżuri li jirrigwardaw il-kummerċ; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tinforma lill-Parlament dwar it-tfassil, l-implimentazzjoni u l-eżitu ta’ dan l-istudju;

    42.

    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tagħmel proposta għal metodu uniformi għall-ittikkettar tal-prodotti impurtati fl-Unjoni Ewropea sabiex ikun aċċertat li dawn ikunu nħadmu mingħajr l-użu tal-impjieg tat-tfal fi kwalunkwe stadju fil-katina tal-produzzjoni, pereżempju, permezz tat-tqegħid tal-indikazzjoni “mingħajr l-impjieg tat-tfal” fuq il-pakkett tal-prodotti kkonċernati u għalhekk jaċċertaw li din is-sistema tkun skont ir-regoli kummerċjali internazzjonali tad-WTO;

    43.

    Jenfasizza l-MDG 4 dwar it-tnaqqis tal-imwiet fit-tfal u l-MDG 6 dwar il-ġlieda kontra l-HIV/AIDS, il-malarja u mard ieħor, u jħeġġeġ lil-Komunità u donaturi oħra biex isaħħu s-sistemi tas-saħħa pubblika li joffru servizzi effettivi f’sens ta’ nefqa lil popolazzjonijiet sħaħ fir-rigward tas-saħħa materna, is-saħħa tat-trabi tat-twelid u s-saħħa tat-tfal, u li jkun hemm l-integrazzjoni ta’ interventi speċifiċi għal marda, bħal ma hi l-provvista ta’ xbieki għas-sodda kontra l-malarja u pilloli antiretrovirali, f’dawn is-servizzi tas-saħħa;

    44.

    Jiddeplora l-pressjoni li teżisti biex jiddgħajfu l-politiki dwar id-drittijiet tas-saħħa sesswali u dik riproduttiva, li qed tirriżulta fiż-żieda ta’ tqaliet mhux mixtieqa u aborti perikolużi għan-nisa żgħażagħ, u jħeġġeġ lill-UE biex iżomm il-livelli ta’ finanzjament għal firxa sħiħa ta’ servizzi ta’ saħħa marbuta mas-sess u r-riproduttività biex jintlaħqu l-MDG 5 dwar it-tisħiħ tas-saħħa materna;

    45.

    Jinnota l-effetti partikularment ħżiena tal-kriżi tal-prezzijiet tal-ikel fuq it-tfal, u jenfasizza l-ħtieġa ta’ strateġiji wiesgħa biex isaħħu s-sigurtà tan-nutrizzjoni, u dan ma jfissirx biss li jkun hemm aċċess għal ikel adegwat, imma li jkun hemm ukoll aċċess għal mikronutrijenti xierqa, ilma tajjeb, iġjene u kundizzjonijiet sanitarji tajbin, kura tas-saħħa u kura tat-tfal adegwata u ambjent li jagħti s-saħħa;

    46.

    Jirrikonoxxi l-qafas ta’ politika impressjonanti tal-Unjoni Ewropea biex tiffaċċja t-traġedja ta’ tfal milquta minn konflitt bl-armi, u jitlob għal monitoraġġ imsaħħaħ, it-tkabbir tal-għarfien u mekkaniżmi ta’ taħriġ biex jiġi żgurat li din tiġi implimentata b’mod xieraq fuq il-post;

    47.

    Jemmen li l-konsulent tal-protezzjoni tat-tfal għandu jkun parti mill-missjonijiet ESDP kollha, u jsostni li t-taħriġ għall-istaff tal-missjoni tal-ESDP għandu jkopri kwistjonijiet ta’ protezzjoni tat-tfal;

    48.

    Jenfasizza li l-programmi ta’ Diżarm, Demobilizzazzjoni u Riitengrazzjoni appoġġjati mill-missjonijiet tal-ESDP għandhom iqisu l-ħtiġijiet speċifiċi tat-tfal;

    49.

    Jappella li tiġi mogħtija attenzjoni speċjali lill-bżonnijiet tal-ommijiet li għadhom żgħar li jinsabu f’sitwazzjonijiet ta’ kunflitt u postkunflitt u tar-refuġjati u bniet mċaqilqa internament, kif ukoll tal-bniet li huma vittmi ta’ stupru u vjolenza sesswali;

    50.

    Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tinvesti fi programmi li għandhom l-għan li jipprevedu l-vjolenza sesswali u l-vjolenza bbażata fuq is-sess fuq il-bniet u s-subien, jew li għandhom l-għan ta’ intervent f’każ li dawn isseħħu, li għandhom jinkludu l-għoti ta’ kits ta’ profilassi ta’ wara l-esponiment (PEP) li jipprevjenu l-infezzjoni tal-HIV, appoġġ għall-irkupru u għas-servizzi ta’ integrazzjoni soċjali mill-ġdid, u mekkaniżmi tar-rappurtaġġ ta’ natura kunfidenzjali;

    51.

    Jenfasizza li l-UE għandha tappoġġja wkoll miżuri biex tegħleb l-istigma u d-diskriminazzjoni, minħabba li ta’ spiss bniet vulnerabbli u nisa żgħażagħ – bħal dawk li huma infettati bl-HIV, li huma vittmi ta’ stupru jew ta’ vjolenza sesswali, li kellhom tfal minħabba stupru, jew li wettqu abort – jigu mwarrba mill-komunitajiet tagħhom;

    52.

    Jiġbed l-attenzjoni għas-sitwazzjoni partikolarment diffiċli tat-tfal infettati bl-HIV, tfal bl-AIDS u orfni tal-AIDS; jikkundanna b’mod partikulari, l-istupru ta’ nisa u bniet minħabba l-idea li relazzjoni sesswali ma’ mara verġni tista’ tfejjaq l-AIDS, u jappella għal kampanji lokali ta’ informazzjoni biex tinqered din l-idea żbaljata u b’hekk tingħata protezzjoni akbar, partikolarment lill-bniet;

    53.

    Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi rrispettata l-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Ħarsien tad-Drittijiet tal-Ħaddiema Migranti kollha u tal-Membri kollha tal-Familja tagħhom, sabiex jitħarsu d-drittijiet tat-tfal ta’ familji migranti;

    54.

    Jistieden lill-UE biex tuża l-programm tematiku dwar l-ażil u l-migrazzjoni, li jifforma parti mill-Istrument ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp, biex tappoġġja l-gruppi partikolarment vulnerabbli, bħat-tfal tal-migranti u t-tfal li jgħixu fil-faqar;

    55.

    Jistieden lill-Unjoni Ewropea biex, fl-azzjoni esterna tagħha, tagħti attenzjoni speċifika għas-sitwazzjoni ta’ tfal li jħabbtu wiċċhom mad-diskriminazzjoni, inklużi dawk it-tfal f’kunflitt mal-liġi u t-tfal imċaħħda mil-libertà tagħhom u mitfugħin f’istituzzjonijiet magħluqa; jenfasizza li t-tfal għandu jkollhom aċċess aktar faċli għall-ġustizzja u għall-assistenza speċjalizzata u li l-età tagħhom għandha tiġi kkunsidrata matul il-proċedimenti ġudizzjarji permezz ta’ miżuri ta’ protezzjoni speċjali;

    56.

    Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex, meta jkunu qed ifasslu programmi ta’ għajnuna u jinnegozjaw pjanijiet ta’ azzjoni dwar il-ġustizzja u l-affarijiet interni ma’ pajjiżi terzi, jindirizzaw il-kwistjoni tal-ġustizzja tal-minorenni, filwaqt li jqisu mhux biss ir-ratifika tal-istandards relevanti internazzjonali u reġjonali iżda wkoll l-implimentazzjoni effettiva tagħhom;

    57.

    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jippromwovu il-koerenza fil-politika fi kwistjonijiet li jikkonċernaw it-tfal, u li tiddaħħal il-kunsiderazzjoni tad-drittijiet tat-tfal f’oqsma ewlenin oħra ta’ politiki, bħal ma hi s-sigurtà, il-bidla fil-klima, il-migrazzjoni u l-effikaċja tal-għajnuna;

    58.

    Jappella sabiex kull politika tal-UE, li għandha xi effett fuq it-tfal fil-pajjiżi terzi, tkun suġġetta għal studju konsistenti ta’ impatt fuq id-drittijiet tat-tfal qabel ma tkun adottata, kif ukoll għal evalwazzjonijiet sussegwenti; jenfasizza li t-tfal għandhom jitqiesu bħala grupp separat u distint minħabba li huma ma jiġux affettwati bl-istess mod bħall-adulti;

    59.

    Jilqa’ l-inizjattiva mnedija fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill imsemmija hawn fuq biex ittejjeb il-koordinazzjoni u biex issaħħaħ it-tqassim tax-xogħol fil-qasam tad-drittijiet tat-tfal, permezz tal-identifikazzjoni tal-politiki u tal-attivitajiet attwali tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri fil-pajjiżi pilota;

    60.

    Jinsab imħasseb li l-pajjiżi pilota għadhom ma ntgħażlux, u jistieden lill-Istati Membri biex jaħdmu mill-qrib mal-Kummissjoni biex jiżguraw li dan l-eżerċizzju jiġi implimentat mill-aktar fis possibbli;

    61.

    Jistieden lill-Kummissjoni biex tiżviluppa proċeduri, punti ta’ riferenza u indikaturi biex tiżgura li d-drittijiet integrati tat-tfal ma jitneħħewx mill-aġenda, u jaqbel mal-idea tal-Kummissjoni li minbarra l-integrazzjoni tad-drittijiet tat-tfal, jinħtieġu wkoll azzjonijiet speċifiċi taħt il-fondi ġeografiċi u l-Fond għall-Iżvilupp Ewropew, possibilment f’setturi mhux fokali;

    62.

    Jemmen li jista’ jkollu rwol aktar koordinat u sistematiku fil-monitoraġġ tal-impenji tal-UE dwar it-tfal, permezz, pereżempju, tar-Rapport Annwali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem;

    63.

    Jissuġġerixxi li l-assembleji interparlamentari (ACP-EU JPA, Eurolat, Assemblea Parlamentari Ewro-Mediterranja) jistiednu lill-organizzazzjonijiet tat-tfal tal-pajjiż ospitanti fil-laqgħat tagħhom, u jappoġġja l-ħolqien ta’ forums ta’ żgħażagħ interreġjonali, bħal Pjattaforma taż-Żgħażagħ tal-UE-Afrika;

    64.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u lill-Ko-Presidenti tal-Assemblea Parlamentari Konġunta tal-ACP-UE.


    (1)  Ftehima ta’ Sħubija bejn il-membri tal-Gruppi ta’ Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku fuq naħa, u l-Komunità Ewropea u l-Istati membri tagħha fuq in-naħa l-oħra, iffirmata f’Cotonou fit-23 ta’ Ġunju 2000 (ĠU L 317, 15.12.2000, p.3).

    (2)  ĠU L 209, 11.8.2005, p. 27.

    (3)  ĠU C 26, 29.1.2004, p. 17.

    (4)  ĠU C 46, 24.2.2006, p. 1.

    (5)  ĠU C 25, 30.1.2008, p. 1.

    (6)  ĠU L 34, 9.2.2000, p. 1.

    (7)  ĠU C 74 E, 24.3.2004, p. 854.

    (8)  ĠU C 157 E, 6.7.2006, p. 84.

    (9)  Testi adottati, P6_TA(2008)0012.


    Top