This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52009DC0709
Report from the Commission to the Council and the European Parliament Pursuant to Article 16 of Regulation (EC) No 273/2004 of the European Parliament and of the Council of 11 February 2004 and to Article 32 of Council Regulation (EC) No 111/2005 on the implementation and functioning of the Community legislation on monitoring and control of trade in drug precursors (Text with EEA relevance)
Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew Skont l-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 273/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Frar 2004 u l-Artikolu 32 tar-regolament tal-Kunsill (KE) Nru 111/2005 dwar l-implimentazzjoni u t-tħaddim tal-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar il-monitoraġġ u l-kontroll tal-kummerċ tal-prekursuri tad-drogi (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew Skont l-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 273/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Frar 2004 u l-Artikolu 32 tar-regolament tal-Kunsill (KE) Nru 111/2005 dwar l-implimentazzjoni u t-tħaddim tal-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar il-monitoraġġ u l-kontroll tal-kummerċ tal-prekursuri tad-drogi (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
/* KUMM/2009/0709 finali */
Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew Skont l-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 273/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Frar 2004 u l-Artikolu 32 tar-regolament tal-Kunsill (KE) Nru 111/2005 dwar l-implimentazzjoni u t-tħaddim tal-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar il-monitoraġġ u l-kontroll tal-kummerċ tal-prekursuri tad-drogi (Test b'rilevanza għaż-ŻEE) /* KUMM/2009/0709 finali */
[pic] | IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ | Brussel 7.1.2010 KUMM(2009)709 finali RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW Skont l-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 273/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Frar 2004 u l-Artikolu 32 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 111/2005 dwar l-implimentazzjoni u t-tħaddim tal-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar il-monitoraġġ u l-kontroll tal-kummerċ tal-prekursuri tad-drogi (Test b'rilevanza għaż-ŻEE) RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW Skont l-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 273/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Frar 2004 u l-Artikolu 32 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 111/2005 dwar l-implimentazzjoni u t-tħaddim tal-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar il-monitoraġġ u l-kontroll tal-kummerċ tal-prekursuri tad-drogi (Test b'rilevanza għaż-ŻEE) INTRODUZZJONI Il-prekursuri tad-drogi huma kimiċi li jintużaw għall-manifattura tad-drogi illeċiti. Fil-fatt, ma teżistix produzzjoni ta' drogi illeċiti mingħajr prekursuri. Madankollu, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet il-kimiċi użati bħala prekursuri tad-drogi għandhom prinċipalment diversi użi leġittimi u importanti (eż. fis-sinteżi tal-plastik, farmaċewtika, kożmetiċi, fwieħa, diterġenti, jew aromi). Il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra t-Traffiku Illeċitu tad-Drogi Narkotiċi u s-Sustanzi Psikotropiċi (minn hawn 'il quddiem imsemmija bħala l-Konvenzjoni tan-NU tal-1988), tinkludi fl-Artikolu 12 tagħha referenza speċifika għal miżuri biex jiġi evitat l-iżvijar ta' kimiċi prekursuri tad-drogi għall-użu fil-manifattura illeċita tad-drogi narkotiċi u s-sustanzi psikotropiċi. F'dan il-kuntest, l-UE daħħlet fis-seħħ sa mill-bidu tad-disgħinijiet leġiżlazzjoni biex tiżgura li l-iżvijar tal-prekursuri tad-drogi jiġi evitat permezz tal-kontroll u l-monitoraġġ tal-kummerċ leġittimu tagħhom. Storikament, l-UE kienet esportatur sinifikanti tal-prekursuri kif ukoll importatur tad-drogi illeċiti, iżda progressivament l-UE saret esportatur ewlieni tad-drogi sintetiċi mmanifatturati b'mod illeċitu u importatur tal-prekursuri meħtieġa biex jiġu mmanifatturati. Għaldaqstant, l-aktar leġiżlazzjoni riċenti tal-Komunità dwar il-monitoraġġ u l-kontroll tal-kummerċ tal-prekursuri tad-drogi, jiġifieri r-Regolament (KE) Nru 273/2004[1] u r-Regolament (KE) Nru 111/2005[2], kienet, għalhekk, imfassla biex issaħħaħ il-kontrolli fuq l-importazzjoni kif ukoll biex testendi r-rekwiżiti ta' monitoraġġ li kienu jeżistu qabel. L-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 273/2004 u l-Artikolu 32 tar-Regolament (KE) Nru 111/2005 jipprevedu li tliet snin wara d-dħul fis-seħħ tagħhom, għandha titwettaq valutazzjoni tal-implimentazzjoni u t-tħaddim tagħhom u tiġi rrapportata lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Fl-interess tal-effiċjenza, dan ir-rapport jippreżenta l-konklużjoni tal-valutazzjoni taż-żewġ Regolamenti. LEġIżLAZZJONI KOMUNITARJA DWAR IL-KONTROLL TAL-KUMMERċ TAL-PREKURSURI TAD-DROGI Is-sistema Komunitarja ta' kontroll tal-operaturi u/jew tat-tranżazzjonijiet tiddependi fuq il-kooperazzjoni mill-qrib bejn l-awtoritajiet kompetenti u l-operaturi ekonomiċi kkonċernati (prinċipalment il-manifatturi u l-kummerċjanti tal-kimika). B'mod partikolari, in-notifika tat-tranżazzjonijiet suspettużi mill-operaturi hi fundamentali biex jiġi evitat l-iżvijar tal-prekursuri filwaqt li tippermetti l-ġbir ta' informazzjoni biex jiġu identifikati t-traffikanti. Is-severità tal-kontrolli applikati għall-operaturi u/jew għat-tranżazzjonijiet tiddependi fuq is-sensittività tal-prekursuri tad-drogi regolati (l-hekk imsejħa sustanzi skedati), li huma kklassifikati fi tliet kategoriji li jinvolvu rekwiżiti differenti, u b'hekk tippermetti li jinkiseb bilanċ xieraq bejn il-mezzi kollha possibbli biex jiġi evitat li l-prekursuri tad-drogi jaslu fil-laboratorji tad-drogi illeċiti kif ukoll ma jinħolqux piżijiet bla bżonn għall-ħtiġijiet leġittimi tal-operaturi kollha. Biex tkompli tibni fuq din il-kooperazzjoni, qed titħaddem sistema ta' monitoraġġ volontarja għal sustanzi addizzjonali – l-hekk imsejħa sustanzi mhux skedati – li ta' spiss jinstab li ġew żvijati għall-manifattura tad-drogi illeċiti. Din tipprovdi l-flessibbiltà biex jiġu indirizzati l-evoluzzjonijiet rapidi tal-iżvijar, filwaqt li jiġu evitati piżijiet amministrattivi dejjem akbar għall-operaturi leġittimi. Il-qafas regolatorju attwali tal-Komunità għall-prekursuri tad-drogi hu magħmul mir-Regolament (KE) Nru 273/2004, li jistabbilixxi regoli armonizzati għall-kontroll u l-monitoraġġ intra-Komunitarju, u r-Regolament (KE) Nru 111/2005, li jistabbilixxi regoli għall-monitoraġġ ta' kummerċ fil-prekursuri ta' drogi bejn il-Komunità u pajjiżi terzi. IMPLIMENTAZZJONI TAL-LEġIżLAZZJONI KOMUNITARJA Ir-Regolament (KE) Nru 1277/2005[3] Ir-Regolament (KE) Nru 1277/2005 jistabbilixxi regoli dettaljati ta' implimentazzjoni għar-Regolament (KE) Nru 273/2004 u r-Regolament (KE) Nru 111/2005. Bl-għan li jiżgura implimentazzjoni aktar uniformi tal-qafas legali tal-Komunità mill-awtoritajiet kompetenti u mill-operaturi ekonomiċi, dan jistabbilixxi dispożizzjonijiet dwar il-liċenzjar tal-operaturi, l-għoti ta' informazzjoni mill-operaturi lill-awtoritajiet kompetenti, is-sistema ta' notifiki ta' qabel l-esportazzjoni, l-awtorizzazzjonijiet tal-esportazzjoni u l-importazzjoni kif ukoll il-kontroll tat-tranżitu u t-trażbordi. Gwida Biex tikkomplementa l-istrumenti legali, il-Kummissjoni żviluppat u qablet mal-Istati Membri u mal-operaturi dwar attivitajiet u dokumenti ta' gwida komprensivi biex tgħin lill-awtoritajiet kompetenti u lill-operaturi tal-industrija bil-ħidmiet tagħhom. - Mistoqsijiet u Tweġibiet Ġie mfassal dokument ta' gwida biex jipprovdi lill-operaturi ekonomiċi u lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri bi tweġibiet kunsenswali għall-mistoqsijiet ta' interpretazzjoni mqajma sa mill-2005 għall-implimentazzjoni armonizzata u bla xkiel ta' xi dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni Komunitarja. Dan jiġi aġġornat regolarment u hu disponibbli għall-pubbliku[4]. - Il-linji gwida tal-UE dwar il-kontroll tal-prekursuri tad-drogi għall-operaturi. Sabiex jiġu ffaċilitati s-sħubija u l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti u l-operaturi, fl-2006 ntlaħaq qbil dwar "Linji Gwida tal-UE dwar il-Kontroll tal-Prekursuri tad-Drogi għall-Operaturi". Dawn il-linji gwida jipprovdu sett ta' rakkomandazzjonijiet prattiċi (eż. indikaturi tar-riskju għall-identifikazzjoni ta' tranżazzjonijiet suspettużi) kif ukoll listi ta' sustanzi skedati u sustanzi mhux skedati (jiġifieri l-"lista tal-UE għal monitoraġġ volontajru") bl-għan li jgħinu lill-operaturi ekonomiċi jissodisfaw l-obbligi tagħhom b'kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet. Billi dawn il-Linji gwida fihom informazzjoni sensittiva, jitqassmu direttament mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri lill-operaturi ta' fiduċja biss. - Seminars Is-servizzi tal-Kummissjoni u l-Istati Membri organizzaw sensiela ta' seminars b'kooperazzjoni mill-qrib mal-operaturi ekonomiċi bl-għan li jżidu l-għarfien dwar il-leġiżlazzjoni ġdida tal-Komunità dwar il-prekursuri tad-drogi u jippromwovu aktar l-importanza tas-sħubija. - Round tables tal-esperti Is-servizzi tal-Kummissjoni u l-Istati Membri mexxew laqgħat ta' diskussjoni ad-hoc mal-esperti biex jindirizzaw kwistjonijiet speċifiċi rigward l-iżvijar u t-traffikar tal-prekursuri tal-eroina (anidride aċetiku) u tal-prekursuri tad-drogi sintetiċi użati biex issir l-amfetamina jew l-ecstasy (BMK, PMK). Għajnuna Amministrattiva Reċiproka Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 515/97 jipprovdi bażi legali għall-iskambju ta' informazzjoni, inklużi regoli ta' kunfidenzjalità, bejn l-Istati Membri, u bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni. Permezz tal-iskambju ta' informazzjoni dwar kunsinni suspettużi, il-prevenzjoni tal-iżvijar u l-qabdiet tal-prekursuri tad-drogi bejn l-Istati Membri kollha u l-Kummissjoni, jiġi żgurat approċċ ikkoordinat fi ħdan l-UE, l-investigazzjonijiet tal-Istati Membri huma appoġġjati u t-traffikanti jinżammu milli jqabblu l-prezzijiet biex isibu punti dgħajfa potenzjali fis-suq Intra-Komunitarju. Barra minn hekk, hu possibbli li tintalab jew tingħata għajnuna waqt inkjesti dwar irregolaritajiet li jkunu ġew ikkonstatati jew issuspettati marbuta ma' prekursuri tad-drogi lil pajjiżi terzi li magħhom l-UE kkonkludiet ftehimiet bilaterali dwar il-prekursuri tad-drogi. Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drogi[5] Il-miżuri biex jiġu miġġielda l-iżvijar u t-traffikar tal-prekursuri tad-drogi għadhom parti essenzjali tal-Pjan ta' Azzjoni ġdid tal-UE dwar id-Drogi 2009-2012[6], li ġie stabbilit fi ħdan l-Istrateġija tal-UE għad-Drogi li twaqqfet għall-perjodu 2005-2012. L-azzjoni 42 tal-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drogi għall-2009-2012 titlob li ssir evalwazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-prekursuri tad-drogi u li tiġi implimentata. Azzjonijiet taħt il-Programm Dwana 2013. Dwana 2013 huwa programm ta' kooperazzjoni tal-UE li jipprovdi l-amministrazzjonijiet nazzjonali bil-possibbiltà li joħloqu u jaqsmu l-informazzjoni u l-għarfien espert. Dan jippermetti l-iżvilupp u t-tħaddim fi sħubija tas-sistemi ewlenin trans-Ewropej tal-IT kif ukoll it-twaqqif ta' netwerks umani billi jgħaqqad flimkien l-uffiċjali nazzjonali minn madwar l-Ewropa[7]. Twettqu diversi attivitajiet biex isaħħu l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar il-prekursuri tad-drogi. F'Ġunju 2009 tnieda Kors ta' tagħlim elettroniku dwar il-Kontroll tal-Prekursuri tad-Drogi għall-Operaturi Ekonomiċi , żviluppat fuq il-bażi tal-"Linji gwida tal-UE dwar il-kontroll tal-Prekursuri tad-Drogi għall-operaturi". Qed jitħejja Kors ta' Tagħlim Elettroniku għad-Dwana b'kooperazzjoni mill-qrib bejn is-servizzi tal-Kummissjoni u l-esperti mill-Istati Membri tad-Dwana, il-Pulizija u awtoritajiet oħra kompetenti fil-qasam tal-leġiżlazzjoni dwar il-Prekursuri tad-Drogi. Twaqqaf Grupp ta' Proġett ta' esperti ta' kontrolli doganali operattivi biex jissaħħaħ ir-rendiment operattiv fl-identifikazzjoni ta' kunsinni suspettużi ta' prekursuri tad-drogi li jidħlu fit-territorju doganali tal-Komunità u/jew jitilqu minnu. Ġew organizzati diversi workshops operattivi għall-qsim tal-aħjar prassi. Ġie organizzat eżerċizzju ta' riflessjoni mal-uffiċjali tad-dwana operattivi biex jiġu stabbiliti l-kriterji ta' analiżi tar-riskju għal prekursuri tad-drogi li jidħlu u/jew iħallu l-Komunità. Ftehimiet bilaterali Il-Komunità kkonkludiet għaxar ftehimiet bilaterali ma' pajjiżi terzi biex issaħħaħ il-kontroll mal-parteċipanti ewlenin billi tindirizza kwistjonijiet speċifiċi ta' interess reċiproku fil-qasam tal-kontroll tal-prekursuri tad-drogi. Ftehimiet bħal dawn ġew konklużi mal-Bolivja, il-Kolombja, l-Ekwador, il-Perù u l-Venezwela[8], iċ-Ċilì[9], il-Messiku[10], l-Istati Uniti[11], it-Turkija[12] u ċ-Ċina[13]. Barra minn hekk, f'Marzu 2009, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tinnegozja ftehim bilaterali mal-Federazzjoni Russa. Dawn il-ftehimiet jimmiraw li jsaħħu l-kooperazzjoni regolatorja mal-pajjiżi terzi fuq il-bażi tal-istrumenti stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 111/2005, filwaqt li jattivaw il-mekkaniżmi tal-għajnuna reċiproka u joħolqu "Gruppi ta' Segwitu Konġunti" tal-partijiet kontraenti. Azzjonijiet fil-livell tan-Nazzjonijiet Uniti Il-Kummissjoni u l-Istati Membri kienu involuti mill-qrib fir-reviżjoni tal-kisbiet tal-miri stabbiliti mis-Sessjoni Speċjali tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1998 (UNGASS) u jipparteċipaw b'mod regolari u attiv fis-sessjoni annwali tal-Kummissjoni dwar id-Drogi Narkotiċi (CND), l-entità ċentrali tat-tfassil tal-politika tan-Nazzjonijiet Uniti fil-qasam tad-drogi. Waqt il-50 sessjoni tal-Kummissjoni dwar id-Drogi Narkotiċi (CND) tan-Nazzjonijiet Uniti, ġiet adottata proposta tal-Komunità bħala r-Riżoluzzjoni 50/10 dwar "Il-Prevenzjoni tal-iżvijar tal-prekursuri tad-drogi u sustanzi oħra użati għall-manifattura illeċita tad-drogi narkotiċi u s-sustanzi psikotropiċi"[14] . Ir-Riżoluzzjoni tippromwovi l-prinċipji ewlenin tal-kontroll tal-prekursuri tad-drogi fil-Komunità. Barra minn hekk, is-servizzi tal-Kummissjoni u l-Istati Membri jipparteċipaw b'mod attiv u jappoġġjaw inizjattivi operattivi speċifiċi mmexxija min-NU biex jindirizzaw sfidi partikolari dwar l-iżvijar u t-traffikar tal-prekursuri tad-drogi. B'mod partikolari, l-UE tipparteċipa fil-proġett "PRISM" biex tindirizza l-iżvijar tal-prekursuri tad-drogi sintetiċi u l-proġett "COHESION" biex titratta l-iżvijar u t-traffikar tal-prekursuri tal-eroina u l-kokaina, u l-operazzjonijiet speċifiċi relatati magħhom. VALUTAZZJONI Azzjonijiet tal-Kummissjoni meħuda biex jiġu vvalutati l-implimentazzjoni u t-tħaddim tal-leġiżlazzjoni Komunitarja Fl-2007, il-Kummissjoni talbet lill-Istati Membri biex jinformawha dwar il-miżuri nazzjonali li kienu adottaw kif previsti fil-leġiżlazzjoni Komunitarja (jiġifieri l-miżuri li jippermettulhom li jwettqu l-kompiti tagħhom ta' kontroll u monitoraġġ kif ukoll ir-regoli dwar il-penalitajiet applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti Komunitarji). Il-biċċa l-kbira adottaw miżuri adegwati, għajr tmien Stati Membri li kontrihom il-Kummissjoni bdiet proċeduri ta' ksur. Matul l-2008, il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri kkonċernati adottaw jew daħħlu fis-seħħ passi biex jiġu adottati l-miżuri meħtieġa u, għaldaqstant, il-miżuri nazzjonali kollha meħtieġa għandhom jiġu adottati qabel tmiem l-2009. Sabiex jiġi vvalutat it-tħaddim tal-leġiżlazzjoni Komunitarja, twaqqaf grupp ta' ħidma ta' esperti mill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali biex jgħinu lis-servizzi tal-Kummissjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ħatret kuntrattur estern biex jiġbor l-informazzjoni mill-partijiet kollha interessati (l-awtoritajiet kompetenti u l-operaturi industrijali) permezz ta' kwestjonarji, inkluża d-dejta kwantitattiva fejn disponibbli, kif ukoll biex janalizza l-impatt tad-dewmien ikkawżat mir-rekwiżiti leġiżlattivi imposti fuq il-kummerċ tal-prekursuri tad-drogi u biex jiġbor proposti għat-titjib tas-sistema fis-seħħ. L-Istati Membri kollha wieġbu b'mod sħiħ jew parzjali għas-snin 2006 u 2007. Saru intervisti dettaljati mal-awtoritajiet kompetenti f'kampjun tal-Istati Membri. Total ta' 72 kumpanija u tmien assoċjazzjoni tal-industrija (minn 10 Stati Membri differenti) pprovdew tweġibiet għall-istħarriġ tal-industrija. Ħamsa minnhom irrappreżentaw aktar minn 90 % tat-tweġibiet kollha. Ir-rapport dwar dan l-istudju ġie finalizzat fi tmiem Jannar 2009 u jinkludi preżentazzjoni dettaljata tar-riżultati tal-istħarriġ. Dan jiġbor fil-qosor il-konklużjonijiet ewlenin u jipproponi rakkomandazzjonijiet dwar id-dgħufijiet identifikati. Minħabba l-informazzjoni sensittiva li tinsab fir-rapport, l-informazzjoni mhijiex disponibbli għall-pubbliku. Minkejja l-isforzi konsiderevoli mill-kuntrattur, id-dejta miġbura kienet limitata u ma tistax titqies bħala rappreżentattiva għal kollox. Irriżulta li kien partikolarment diffiċli biex tinġabar dejta kwantifikata dwar l-ispejjeż imġarrba mill-awtoritajiet kompetenti jew mill-operaturi biex jiġu implimentati r-rekwiżiti legali. Billi r-Regolament (KE) Nru 111/2005 jpoġġi enfasi qawwija fuq il-kontrolli doganali, fl-2007 sar studju ulterjuri biex jiġi eżaminat jekk il-kontroll tal-prekursuri tad-drogi huwiex prijorità għad-dwana, jekk hemmx kapaċità biex isiru l-kontrolli u jekk il-kontrolli effettivament twettqux. Konklużjonijiet tal-valutazzjoni Xejriet ewlenin fl-iżvijar u fit-tentattivi ta' żvijar B'mod ġenerali, il-qafas legali tal-Komunità għall-kontroll tal-kummerċ tal-prekursuri tad-drogi jidher li qed jipprovdi miżuri proporzjonati biex jiġi evitat l-iżvijar tal-prekursuri tad-drogi għall-manifattura tad-drogi illeċiti. Sa mill-2005, il-qabdiet irrapportati u l-kunsinni bil-baħar imwaqqfa ta' sustanzi skedati u mhux skedati juru żieda ġenerali fin-numru tal-qabdiet u l-kunsinni bil-baħar imwaqqfa. Barra minn hekk, l-investigazzjonijiet li jmorru lura għas-sors tal-prodotti jippermettu li jiġu stmati a posteriori l-kwantitajiet ta' sustanzi li x'aktarx ġew żvijati. Din id-dejta turi min-naħa waħda li s-sistema qed taħdem sew iżda min-naħa l-oħra li t-traffikanti qed jippruvaw kontinwament jiżvijaw il-prekursuri tad-drogi mill-kummerċ leġittimu. Jidher li għadu ferm siewi għat-traffikanti li jużaw l-iżvijar miċ-ċirkuwiti leġittimi biex ikollhom aċċess għall-prekursuri tad-drogi. Għalkemm hemm nuqqas ta' evidenza kwantitattiva disponibbli li l-kontroll tal-kummerċ legali qiegħed tabilħaqq inaqqas b'mod globali l-iżvijar u t-traffikar tal-prekursuri tad-drogi, jidher ċar li s-sistema ta' kontroll fis-seħħ toħloq ostakli importanti għall-aċċess għall-prekursuri tad-drogi mit-traffikanti u tnaqqas b'mod globali d-disponibbiltà tal-prekursuri tad-drogi għall-manifattura illeċita tad-drogi. Jidher li t-tentattivi ta' żvijar li hawn bħalissa jiffokaw fuq numru limitat ta' sustanzi – kemm skedati kif ukoll mhux skedati: L- Anidride aċetiku , li huwa prekursur ewlieni għall-produzzjoni tal-eroina, għadu l-mira tat-traffikanti f'xi Stati Membri kif turi d-dejta tal-qabdiet u l-kunsinni bil-baħar imwaqqfa. L-għajnuna u l-kooperazzjoni bilaterali u reġjonali bejn l-awtoritajiet kompetenti kkonċernati kienu strumentali biex jiġi evitat l-iżvijar u/jew biex jinqabdu fl-2008, madwar 220 tunnellata ta' anidride aċetiku, li jirrappreżentaw aktar minn 15 % tal-kwantitajiet ta' anidride aċetiku li huma stmati li jinħtieġu għall-manifattura illeċita tal-eroina fl-Afganistan. L-awtoritajiet doganali fl-UE żiedu l-viġilanza fuq il-kontroll tal-kummerċ tal- efedrin u psewdoefedrin bil-massa jew meta jinsabu fi preparazzjonijiet farmaċewtiċi/prodotti mediċinali, speċjalment dawk li jgħaddu mill-UE, iżda li kultant jiġu wkoll esportati, lejn pajjiżi terzi fejn isseħħ il-produzzjoni illeċita tal-metamfetamina. Dan wassal għal żieda importanti fil-qabdiet, prinċipalment tal-preparazzjonjiet farmaċewtiċi li fihom il-psewdoefedrin. Sa mill-2005, ġew identifikati, maqbuda jew imwaqqfa kunsinni suspettużi ta' madwar 86 tunnellata ta' efedrin jew psewdoefedrin bil-massa jew f'forma ta' pilloli, u żammew milli jiġu manifatturati sa 65 tunnellata ta' metamfetamina (skont il-metodi ta' sinteżi użati) b'valur tas-suq stmat ta' USD 9,7 biljun. Gamma butyro lactone (GBL) hija sustanza mhux skedata inkluża fl-iskema ta' monitoraġġ volontarju fil-Komunità. Id-dejta disponibbli turi li l-kooperazzjoni mal-industrija permezz ta' monitoraġġ u notifika volontarji qed taħdem sew iżda wkoll li t-traffikanti għadhom interessati fl-iżvijar tal-GBL - kif ukoll sustanzi kimiċi oħra sottomessi għal kontroll inqas strett. Fl-2008, inkisbu t-tentattivi ta' żvijar jew il-qabdiet ta' 2 170 litru ta' GBL. Sa mill-2005, mhemm l-ebda evidenza li l-Komunità hija mmirata għall-iżvijar ta' prekursuri oħra importanti. Pereżempju, ma kien hemm l-ebda qabda kbira jew kunsinna bil-baħar imwaqqfa għall-permanganat tal-potassju, prekursur ewlieni għall-kokaina. Il-punti pożittivi u negattivi tal-leġiżlazzjoni Ta' min jinnota li l-perjodu ta' żmien previst fir-Regolamenti biex titwettaq valutazzjoni tat-tħaddim tagħhom kien pjuttost qasir biex jiġu identifikati l-effetti ċari. Dan ġie affettwat ukoll mill-fatt li ħafna Stati Membri ttardjaw biex jadottaw il-miżuri kollha meħtieġa biex jikkonformaw bis-sħiħ mal-obbligi tagħhom skont ir-Regolamenti. Madankollu, l-azzjonijiet kollha żviluppati sa mill-2005, bla dubju, ikkontribwew għall-implimentazzjoni u t-tħaddim tajjeb u armonizzat tal-leġiżlazzjoni Komunitarja. Barra minn hekk, l-adozzjoni progressiva mill-Istati Membri tal-miżuri nazzjonali u s-setgħat previsti fil-leġiżlazzjoni Komunitarja saħħet b'mod konsiderevoli l-kapaċità tagħhom li jaġixxu f'każ ta' ksur tal-leġiżlazzjoni Komunitarja. B'mod ġenerali, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 273/2004, ir-Regolament (KE) Nru 111/2005 u r-regoli ta' implimentazzjoni li jinsabu fir-Regolament (KE) Nru 1277/2005 jiffunzjonaw sew u jissodisfaw l-għan mixtieq, jiġifieri l-prevenzjoni tal-iżvijar mingħajr ma jinħolqu ostakli bla bżonn għall-attivitajiet kummerċjali leġittimi għall-prekursuri tad-drogi skedati. Il-kontroll u l-monitoraġġ jiffokaw fuq l-operaturi aktar milli fuq kull tranżizzjoni. Id-diviżjoni tas-sustanzi skedati fi tliet kategoriji wriet li hija mezz effiċjenti biex jiġi applikat approċċ modulat, skont is-sensittività tas-sustanzi u tal-kwantitajiet innegozjati b'mod leġittimu. Il-prinċipju ewlieni li jinsab fil-leġiżlazzjoni għall-kummerċ intra-Komunitarju u għall-kummerċ bejn il-Komunità u l-pajjiżi terzi – il-kooperazzjoni bejn l-operaturi ekonomiċi u l-awtoritajiet kompetenti - jaħdem sew. Din il-kooperazzjoni, għalkemm hi implimentata u użata b'mod differenti mill-Istati Membri, tiffaċilita n-notifiki obbligatorji jew volontarji tat-tranżazzjonijiet jew l-ordnijiet suspettużi, u tevita l-iżvijar kmieni ta' sustanzi skedati u mhux skedati filwaqt li tippermetti li l-kummerċ legali jaħdem mingħajr xkiel. Din hi għodda flessibbli, rapida u effiċjenti b'reazzjoni għax-xejriet dejjem jinbidlu tat-traffikar u l-interess akbar tat-traffikanti f'sustanzi inqas ikkontrollati. Il-"Linji gwida tal-UE dwar il-kontroll tal-prekursuri tad-drogi għall-operaturi" u l-kors ġdid ta' tagħlim elettroniku dwar il-kontroll tal-prekursuri tad-drogi għall-operaturi ekonomiċi jikkomplementaw b'suċċess il-leġiżlazzjoni. L-implimentazzjoni u t-tħaddim tas-sistema komuni ta' liċenzjar introdotta għall-kummerċ intra-Komunitarju u għall-kummerċ bejn il-Komunità u l-pajjiżi terzi għall-operaturi li jitrattaw il-prekursuri fil-Kategorija 1 (l-aktar sustanzi sensittivi) wrew li jaħdmu b'mod effiċejnti kemm mill-perspettiva tal-awtoritajiet kompetenti kif ukoll dik tal-industrija. Il-ħtieġa ta' reġistrazzjoni għall-operaturi li jitrattaw prekursuri xi ftit inqas sensittivi fil-Kategorija 2 kemm fir-rigward tal-kummerċ intra-Komunitarju kif ukoll tal-kummerċ bejn il-Komunità u l-pajjiżi terzi, tidher li mhijiex biżżejjed biex tippermetti l-kontroll adegwat mill-awtoritajiet kompetenti u l-prevenzjoni tal-iżvijar mill-volum importanti ta' kummerċ intra-Komunitarju ta' dawn is-sustanzi. Fil-fatt, l-utenti aħħarija tas-sustanzi tal-Kategorija 2, li ma jqiegħdux fis-suq is-sustanzi, la huma mitluba jirreġistraw u lanqas jirrapportaw il-kwantitajiet li jixtru għall-użu aħħari tagħhom. Għaldaqstant, dawn bilkemm jafu bihom l-awtoritajiet kompetenti. Hu ferm diffiċli wkoll għall-manifatturi jew is-sensara tas-sustanzi tal-Kategorija 2 li jeżerċitaw l-obbligu tagħhom li jiċċekkjaw il-leġittimità tal-klijenti tagħhom u tal-użu aħħari rrapportat tas-sustanza u b'konsegwenza li jinnotifikaw kif xieraq kull tranżazzjoni suspettuża lill-awtoritajiet kompetenti. Il-kontroll mill-awtoritajiet kompetenti tal-leġittimità tal-operaturi huwa diffiċli, speċjalment meta l-manifatturi/s-sensara u l-utenti aħħarija tas-sustanzi tal-Kategorija 2 ikunu stabbiliti fi Stati Membri differenti, u meta l-katina kummerċjali tinvolvi aktar minn żewġ entitajiet stabbiliti f'aktar minn Stat Membru wieħed. Dawn il-problemi ġew enfasizzati partikolarment għall-anidride aċetiku, prekursur ewlieni għall-manifattura illeċita tal-eroina. Il-valutazzjoni sabet interpretazzjoni differenti ta' xi dispożizzjonijiet leġiżlattivi li jeħtieġ ikunu indirizzati biex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni armonizzata korretta tagħhom fi ħdan il-Komunità. Dan jinkludi, b'mod partikolari, l-ispazji obbligatorji li jridu jimtlew fid-dikjarazzjoni tal-klijent, u l-kriterji biex jitqiesu l-prodotti li fihom sustanzi skedati bħala taħlitiet, l-applikazzjoni tal-limiti eżistenti għall-eżenzjoni tar-reġistrazzjoni għat-taħlitiet li fihom sustanzi tal-Kategorija 2 skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 273/2004, meta mqabbla mat-test tal-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 1277/2005. Id-dispożizzjonijiet rigward il-frekwenza tal-irrapportar mill-operatur lill-awtoritajiet kompetenti ma jipprovdux bażi suffiċjenti biex jitwettqu l-ħidmiet ta' kontroll u monitoraġġ. Ħarsa ġenerali lejn il-movimenti kummerċjali legali tikkostitwixxi strument importanti biex jiġu identifikati l-kunsinni suspettużi. L-istrumenti li jirregolaw il-kontroll tal-esportazzjonijiet u l-importazzjonijiet jippermettu lill-awtoritajiet kompetenti li jagħmlu verifiki minn qabel tal-għanijiet leċiti ta' tranżazzjoni u, għaldaqstant, jipprovdu l-mezzi biex jevitaw l-iżvijar fi stadju bikri. L-użu tas-sistema ta' notifika ta' qabel l-esportazzjoni jippermetti lill-pajjiżi terzi li talbu dan, li jivverifikaw it-tranżazzjoni maħsuba u b'hekk jinformaw lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jekk it-tranżazzjoni hijiex leċita jew le. Instab li l-enfasi aktar qawwija fuq il-proċeduri u l-kontrolli doganali kienet utli ħafna. Il-Komunità qed tħabbat wiċċha dejjem aktar mal-kunsinni żvijati mill-kanali ta' distribuzzjoni legali qabel id-dħul fit-territorju doganali tal-Komunità. Dan jeħtieġ attenzjoni akbar mid-dwana u mill-kontroll fuq il-fruntieri. Jidher li d-dispożizzjonijiet dwar il-kontroll tat-tranżitu jew it-trażbordi, sa ċertu punt, żiedu l-possibbiltà li jivverifikaw l-għanijiet leċiti ta' trażbordi bħal dawn, iżda madankollu, dawn ma jippermettux lill-awtoritajiet kompetenti li jivverifikaw l-għanijiet leċiti f'kull każ. L-istudju dwar il-kontrolli doganali tal-prekursuri tad-drogi fl-2007 identifika dgħufijiet marbuta mal-identifikazzjoni ta' kunsinni suspettużi li għalihom isiru dikjarazzjonijiet doganali foloz. Il-valutazzjoni żvelat livelli ta' eċċellenza f'ċerti aspetti, iżda wriet ukoll li ġeneralment jeħtieġ li jsir aktar titjib. B'mod partikolari, ir-rapport żvela nuqqas ta' prijorità għal-leġiżlazzjoni tal-prekursuri tad-drogi mill-amministrazzjonijiet doganali, nuqqas ta' għarfien u kompetenza kif ukoll riżorsi insuffiċjenti (eż. t-tagħmir tal-ittestjar). Il-preparazzjonijiet farmaċewtiċi / il-prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem li fihom prekursuri tad-drogi bħalissa huma esklużi mill-ambitu tal-leġiżlazzjoni dwar il-prekursuri tad-drogi. Il-manifattura, l-importazzjoni u d-distribuzzjoni bl-ingrossa ta' prodotti mediċinali, inklużi prodotti għall-esportazzjoni huma suġġetti għal awtorizzazzjoni, obbligi speċifiċi u spezzjonijiet regolari b'konformità mal-leġiżlazzjoni farmaċewtika tal-Komunità (id-Direttiva 2001/83/KE). Għaldaqstant jitqies li dawn l-attivitajiet għandom ikunu taħt kontroll sistematiku suffiċjenti mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri. Madankollu, dawn il-manifatturi, l-importaturi u d-distributuri bl-ingrossa mhumiex suġġetti għal rekwiżiti speċifiċi ta' qabel in-notifika mil-leġiżlazzjoni dwar il-prekursuri tad-drogi meta jkunu qed jesportaw dawk il-prodotti mediċinali li fihom il-prekursuri tad-drogi. Dan wassal għal sitwazzjoni fejn f'xi Stati Membri l-esportazzjonijiet u t-tranżitu/it-trażbordi ta' preparazzjonijiet farmaċewtiċi/prodotti mediċinali li fihom prekursuri tad-drogi - b'mod partikolari l-efedrin u l-psewdoefedrin – ma twaqqfux jew ma nqabdux għalkemm kien probabbli ħafna li dawn jintużaw ħażin għall-manifattura tad-drogi illeċiti. Jidher li hemm dgħufijiet żgħar ulterjuri marbuta mal-leġiżlazzjoni tal-prekursuri dwar il-kummerċ estern. Dawn jinkludu, b'mod partikolari, in-nuqqas ta' flessibbiltà għall-awtoritajiet kompetenti fir-rigward tal-perjodu meħtieġ biex jistennew ir-rispons għan-notifiki ta' qabel l-esportazzjoni, in-nuqqas ta' proċeduri ta' awtorizzazzjoni simplifikati għal kunsinni ripetittivi bejn l-operaturi magħrufa sewwa fil-Komunità u fil-pajjiżi tal-EFTA, u l-ħtieġa li jiġu armonizzati aktar il-proċeduri ta' awtorizzazzjoni mal-ambjent doganali elettroniku. RAKKOMANDAZZJONIJIET GħAT-TITJIB It-titjib tal-implimentazzjoni armonizzata tal-leġiżlazzjoni attwali Bħala l-ewwel miżura għat-titjib, il-qsim tal-aħjar prassi bejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri, inklużi d-dwana, u l-implimentazzjoni prattika ta' sħubija reali bejn l-awtoritajiet u l-operaturi ekonomiċi għandhom jiġu mħeġġa u ffaċilitati aktar. Il-qsim tal-aħjar prassi permezz ta' workshops, seminars, round tables u eżerċizzji ta' monitoraġġ dwar temi speċifiċi u/jew prekursuri tad-drogi speċifiċi jista' jiġi ffaċilitat f'livell Komunitarju, sabiex tinkiseb l-aħjar prassi fis-seħħ f'xi wħud mill-Istati Membi u fl-aħħar nett biex jissaħħu b'mod ġenerali s-sistemi ta' kontroll. L-interpretazzjoni armonizzata ta' xi dispożizzjonijiet leġiżlattivi attwali, eż. l-applikazzjoni tal-limiti għar-reġistrazzjoni meta jkun hemm sustanzi skedati fit-taħlitiet – b'mod partikolari l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 273/2004, meta mqabbla mat-test tal-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 1277/2005, jew kriterji uniformi għat-taħlitiet li fihom prekursuri tad-drogi, tista' tinkiseb billi tiġi aġġornata u kkomplementata l-gwida "Mistoqsijiet u Tweġibiet". Dan se jsaħħaħ l-implimentazzjoni tar-regoli Komunitarji filwaqt li jevita li t-traffikanti jiffokaw it-tentattivi tagħhom ta' żvijar fuq l-Istati Membri, fejn ir-regoli Komunitarji jidhru implimentati b'mod inqas strett u/jew il-penalitajiet jitqiesu bħala dgħajfa. It-tisħiħ tar-rapportar L-obbligi tar-rapportar kif definiti fl-Artikolu 19 tar-Regolament (KE) Nru 1277/2005 għandhom jiġu riveduti mill-ġdid biex tinkiseb ġabra ta' informazzjoni aktar eżatta u f'waqtha dwar in-notifiki mill-operaturi. Dan jista' jinkiseb billi tiżdied il-frekwenza tar-rapportar minn darba fis-sena għal darbtejn fis-sena jew darba kull tliet xhur filwaqt li jiġi ffaċilitat dan l-irrapportar billi jintużaw mezzi elettroniċi sikuri moderni ta' skambju tal-informazzjoni, inkluż, jekk xieraq, il-ħolqien ta' bażi ta' dejta Ewropea sikura. Il-modifikazzjoni ta' xi rekwiżiti għas-sustanzi tal-Kategorija 2 Fid-dawl tad-dgħufijiet identifikati, jidher li jinħtieġ li jiġu nfurzati mill-ġdid il-kontrolli għas-sustanzi kollha tal-Kategorija 2 jew speċifikament għall-anidride aċetiku (prekursur ewlieni fil-produzzjoni tal-eroina) biex jiġi żgurat li l-operaturi li jippossiedu jew li jinnegozjaw fil-qasam tas-sustanzi tal-Kategorija 2 – jew speċifikament l-anidride aċetiku – jkunu suġġetti għal kontroll adegwat sabiex wieħed jiskoraġġixxi t-tentattivi ta' żvijar. Dan jista' jinkiseb b’diversi modi: - Jiġi emendat ir-Regolament (KE) Nru 273/2004 biex tkun meħtieġa r-reġistrazzjoni għall-utenti aħħarija li jippossiedu s-sustanzi tal-Kategorija 2 għall-użu tagħhom stess, billi, pereżempju, tiġi emendata d-definizzjoni ta' "operatur" jew id-definizzjoni ta' "tqegħid fis-suq" jew jiġi emendat l-Artikolu 3.6 li jistabbilixxi s-sistema tar-reġistrazzjoni; - Jiġi emendat ir-Regolament (KE) Nru 1277/2005 biex jiddaħħlu kundizzjonijiet u proċeduri ta' reġistrazzjoni komuni; - Jiġi emendat l-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 273/2004 u għalhekk l-Anness tar-Regolament Nru 111/2005 biex l-anidride aċetiku jkun skedat mill-ġdid mill-Kategorija 2 għall-Kategorija 1. Il-garanzija ta' kontroll xieraq tal-preparazzjonijiet farmaċewtiċi/prodotti mediċinali li fihom l-efedrin jew il-psewdoefedrin Mingħajr ma jiġu rdoppjati d-dispożizzjonijiet amministrattivi fuq il-manifatturi, l-importaturi u d-distributuri bl-ingrossa tal-prodotti mediċinali, għandu jitqies l-infurzar tad-dispożizzjonijiet ta' kontroll tal-preparazzjonijiet farmaċewtiċi/prodotti mediċinali li fihom l-efedrin jew il-psewdoefedrin, li jiġu trażbordati jew li jgħaddu mill-UE. Fir-rigward tal-esportazzjonijiet tal-prodotti mediċinali, il-leġiżlazzjoni farmaċewtika diġà tinkludi d-dispożizzjonijiet. Għandhom isiru riflessjonijiet dwar jekk id-dispożizzjonijiet prattiċi armonizzati speċifiċi għall-esportazzjoni tal-prodotti mediċinali li fihom l-efedrin jew il-psewdoefedrin u s-superviżjoni tagħhom mill-awtoritajiet kompetenti għall-prodotti mediċinali, jkunux ta' benefiċċju jew jekk il-leġiżlazzjoni dwar il-prekursuri tad-drogi għandhiex tipprovdi l-possibbiltà li jitwaqqfu l-esportazzjonijiet ta' preparazzjonijiet farmaċewtiċi / prodotti mediċinali meta hemm raġunijiet raġjonevoli biex wieħed jissusspetta li s-sustanzi huma maħsuba għall-manifattura tad-drogi illeċiti. It-titjib u l-aġġustament tar-rekwiżiti proċedurali fir-rigward tar-riskju ta' żvijar Sabiex jintlaħaq livell ta' kontrolli proporzjonat mar-riskju ta' żvijar, il-proċedura fir-rigward tan-notifiki ta' qabel l-esportazzjoni għandha tiġi adattata biex l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jaġixxu fuq bażi ta' każ b'każ, għandhom jiġu introdotti proċeduri ta' awtorizzazzjoni simplifikati għal kunsinni ripetittivi bejn l-operaturi magħrufa sew fil-Komunità u dawk fil-pajjiżi tal-EFTA, u l-proċeduri ta' awtorizzazzjoni fl-ambjent doganali elettroniku għandhom jiġu ssimplifikati aktar. IL-PASSI LI JMISS Id-dgħufijiet identifikati jistgħu jiġu indirizzati b'mezzi differenti, li xi wħud minnhom jirrikjedu emendi fil-leġiżlazzjoni Komunitarja. Kull alternattiva magħżula trid tiġi eżaminata bir-reqqa b'mod partikolari fir-rigward tal-impatt tagħha fuq l-operaturi ekonomiċi li jinnegozjaw legalment dawn is-sustanzi għal skopijiet leġittimi u tal-effikaċja tagħha fil-prevenzjoni tal-iżvijar tagħhom għall-manifattura tad-drogi illeċiti. Billi l-leġiżlazzjoni attwali ilha operattiva b'mod sħiħ għal perjodu ta' żmien qasir biss, il-Kummissjoni se tappoġġja, torganizza u tiffaċilita prinċipalment il-miżuri li jimmiraw għal implimentazzjoni aħjar biex tibbenefika minnufih mill-aħjar prassi stabbilita. Madankollu, il-Kummissjoni se tkompli wkoll tiġbor l-informazzjoni meħtieġa bl-għan li tidentifika l-aħjar alternattivi biex tindirizza d-dgħufijiet possibbli li ġew identifikati fil-leġiżlazzjoni kif ukoll biex teżamina l-impatti tal-alternattivi magħżula kemm għall-awtoritajiet kompetenti kif ukoll għall-operaturi ekonomiċi. [1] ĠU L 47, 18.02.2004, p. 1 [2] ĠU L 22, 26.01.2005, p. 1 [3] ĠU L 202, 3.08.2005, p. 7 [4] http://ec.europa.eu/enterprise/chemicals/legislation/precursors/index_en.htm [5] COM (2008) 567/4 [6] GU C 326, 20.12.2008, p. 7-25 [7] ĠU L 154/25-31 [8] ĠU L 324, 30.12.95, p. 1 [9] ĠU L 336, 11.12.1998, p. 46 [10] ĠU L 77, 19.03.1997, p. 22. [11] ĠU L 164, 21.06.1997, p. 22 [12] ĠU L 64, 07.03.2003, p. 28. [13] ĠU L 56, 28.2.2009, p. 6. [14] Ir-Riżoluzzjoni 50/10, p. 42 tar-rapport tal-50 Kummissjoni dwar id-Drogi Narkotiċi (E/CN.7/2007/16/Corr.1) http://www.unodc.org/unodc/en/commissions/CND/session/50.html