Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009DC0699

Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew - Rapport annwali tal-2008 dwar l-implimentazzjoni tal-istrument għall-assistenza ta’ qabel l-adeżjoni (IPA) SEG(2009)1719

/* KUMM/2009/0699 finali */

52009DC0699

Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew - Rapport annwali tal-2008 dwar l-implimentazzjoni tal-istrument għall-assistenza ta’ qabel l-adeżjoni (IPA) SEG(2009)1719 /* KUMM/2009/0699 finali */


[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

Brussel 23.12.2009

KUMM(2009)699 finali

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW

RAPPORT ANNWALI TAL-2008 DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-ISTRUMENT GĦALL-ASSISTENZA TA’ QABEL L-ADEŻJONI (IPA)

SEG(2009)1719

Introduzzjoni

Mill-1 ta’ Jannar 2007, il-finanzjament tal-UE ta’ qabel l-adeżjoni kien indirizzat permezz ta’ strument uniku u unifikat, l-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA), imfassal biex jagħti appoġġ iffokat kemm lill-pajjiżi kandidati[1] kif ukoll lill-pajjiżi kandidati potenzjali[2]. L-IPA (Regolament tal-Kunsill Nru 1085/2006 tas-17 ta’ Lulju 2006) jieħu post l-istrumenti preċedenti ta’ qabel l-adeżjoni Phare[3], ISPA[4], SAPARD[5], l-istrument ta’ qabel l-adeżjoni tat-Turkija[6], kif ukoll l-istrument finanzjarju għall-Balkani tal-Punent, CARDS[7].

L-IPA huwa maħsub biex jipprovdi assistenza mmirata għall-pajjiżi kandidati jew kandidati potenzjali għal sħubija fl-UE. Sabiex l-objettivi ta’ kull pajjiż ikunu jistgħu jinkisbu bl-aktar mod effiċjenti, l-IPA jikkonsisti minn ħames komponenti differenti:

I. L-Assistenza għat-Tranżizzjoni u l-Bini tal-Istituzzjonijiet, maħsuba biex tiffinanzja l-miżuri tal-bini tal-istituzzjonijiet u l-investiment assoċjat.

II. Il-Kooperazzjoni Transkonfinali (CBC), maħsuba biex tappoġġja l-kooperazzjoni transkonfinali bejn il-pajjiżi kandidati/kandidati potenzjali u mal-pajjiżi tal-UE. Din tista’ wkoll tiffinanzja parteċipazzjoni rilevanti fi programmi ta’ kooperazzjoni transnazzjonali (Fondi Strutturali) u programmi tal-Baċin tal-Baħar (l-Istrument Ewropew għall-Viċinat u s-Sħubija - ENPI).

III. L-Iżvilupp Reġjonali, li jiffinanzja investimenti u assistenza teknika assoċjata f’oqsma bħat-trasport, l-ambjent u l-koeżjoni ekonomika.

IV. L-Iżvilupp tar-Riżorsi Umani, biex jissaħħaħ il-kapital uman u jgħin biex jiġġieled l-esklużjoni.

V. L-Iżvilupp Rurali, li jiffinanzja miżuri tat-tip ta’ żvilupp rurali u jikkontribwixxi għall-iżvilupp sostenibbli taż-żoni rurali. Dan jipprovdi wkoll assistenza għar-ristrutturar tal-agrikoltura u l-adattament tagħha għall-istandards Komunitarji fl-oqsma tal-ħarsien ambjentali, is-saħħa pubblika, is-saħħa tal-annimali u tal-pjanti, il-benesseri tal-annimali, kif ukoll is-sigurtà fuq il-post tax-xogħol.

Il-komponenti I u II huma miftuħin għall-benefiċjarji kollha. Il-komponenti III, IV u V huma miftuħin għall-pajjiżi kandidati biss, u huma mfasslin biex jirriflettu l-Fondi Strutturali, ta’ Koeżjoni u tal-Iżvilupp Rurali bħala preparazzjoni għall-ġestjoni ta’ dawn il-fondi mal-adeżjoni. Dan jitlob li l-pajjiż ikollu l-istrutturi u l-kapaċità amministrattiva biex jieħu r-responsabbiltà għall-ġestjoni tal-assistenza. Għall-pajjiżi kandidati potenzjali, sejrin jiġu implimentati miżuri reġjonali, tar-riżorsi umani u tal-iżvilupp rurali permezz tal-Komponent I.

Dan ir-rapport jittratta l-implimentazzjoni tal-IPA matul l-2008, sal-iskadenza tal-31 ta’ Diċembru 2008. Minħabba li l-implimentazzjoni tal-programmi tal-IPA tal-2007 u l-2008 bdiet biss dan l-aħħar, l-informazzjoni dwar il-monitoraġġ u l-valutazzjonijiet tar-riżultati miksuba permezz ta’ dawn il-programmi hija pjuttost limitata.

ANALIŻI TAS-SENA

Evoluzzjonijiet ewlenin tal-proċess ta’ tkabbir

Ir-riżultati miksuba fl-2008 fir-rigward tal-pajjiżi kandidati u l-pajjiżi kandidati potenzjali kienu ppreżentati fil-pakkett tat-tkabbir ta’ Novembru 2008. Il-Komunikazzjoni dwar l-istrateġija tat-tkabbir u l-isfidi ewlenin għall-2008-09 tiżviluppa l-mudell eżistenti tal-Unjoni Ewropea, fuq il-bażi tal-kunsens imġedded fuq it-tkabbir li sar qbil fuqu mill-Kunsill Ewropew ta’ Diċembru 2006.

Id-dokument ta’ strateġija jiddeskrivi l-approċċ tal-Kummissjoni għall-isfidi tat-tkabbir fil-ġejjieni u jidentifika l-miżuri li jgħinu lill-pajjiżi fit-triq tagħhom għas-sħubija. Dan id-dokument huwa akkumpanjat minn rapporti tal-progress dwar il-pajjiżi kandidati u l-pajjiżi kandidati potenzjali, li jivvalutaw il-progress magħmul minn kull pajjiż lejn l-issodisfar tal-kriterji tas-sħubija ta’ Kopenħagen. L-aktar partikolari, id-dokument ta’ strateġija tal-2008 ippreżenta lill-Kroazja bi pjan direzzjonali indikattiv u kondizzjonali biex tilħaq il-fażi finali tan-negozjati tekniċi sal-aħħar tal-2009. Minn dakinhar, il-pakkett tat-tkabbir kien milqugħ tajjeb ħafna mill-Kunsill[8] u ntlaqa’ tajjeb ħafna fil-pajjiżi tat-tkabbir.

L-importanza strateġika tat-Turkija għall-UE kompliet tiżdied f’oqsma ewlenin bħas-sigurtà tal-enerġija, il-prevenzjoni u r-riżoluzzjoni tal-kunflitti u s-sigurtà reġjonali fin-Nofsinhar tal-Kawkażu u l-Lvant Nofsani. L-involviment tal-pajjiż mal-UE, permezz tan-negozjati u r-riformi relatati li għaddejjin bħalissa, jagħmilha forza aktar b’saħħitha għall-istabbiltà f’reġjun li jiffaċċja ħafna sfidi. In-negozjati tal-adeżjoni mat-Turkija komplew jirriflettu l-pass tar-riforma. Fil-valutazzjoni tal-2008 tal-Kummissjoni, it-Turkija kkwalifikat għall-ewwel darba bħala ekonomija tas-suq li tiffunzjona f’dak li għandu x’jaqsam mal-kriterji ekonomiċi ta’ Kopenħagen.

Fir-rigward tal-kwistjoni Ċiprijotta, il-mexxejja tal-komunitajiet Griegi Ċiprijotti u Torok Ċiprijotti bdew negozjati awtorizzati b’mod sħiħ dwar ftehim komprensiv taħt l-awspiċji tan-Nazzjonijiet Uniti. Il-Kummissjoni kompliet tappoġġja l-isforzi tagħhom u tinsab lesta biex tipprovdi pariri tekniċi fuq kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-UE.

L-implimentazzjoni tal-proċess ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (SAp) għall-Balkani tal-Punent kompliet. Il-pajjiżi kollha kkonċernati ffirmaw ftehimiet ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (SAAs). Għal ħafna minnhom, daħal fis-seħħ il-Ftehim Interim korrispondenti u l-proċess tar-ratifikazzjoni tas-SAA kien għaddej. Ir-ratifikazzjoni tas-SAA tas-Serbja u d-dħul fis-seħħ tal-Ftehim Interim tagħha huma kondizzjonali fuq il-kooperazzjoni sħiħa tas-Serbja mat-Tribunal Kriminali Internazzjonali għall-ex Jugożlavja (ICTY). L-attivitajiet ta’ tad-DĠ Tkabbir fil-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent ikkontribwew biex tkompli tiġi żgurata l-istabilità fir-reġjun, inkluż fil-Kosovo[9], li ddikjara unilateralment l-indipendenza tiegħu fis-17 ta’ Frar 2008. Minn dakinhar, il-Kosovo adotta pjan għal Integrazzjoni Ewropea 2008-10, li jimmira li jiffaċilita l-implimentazzjoni tiegħu fl-SAp. Il-kooperazzjoni transkonfinali f’dan ir-reġjun kompliet tiżviluppa u l-pajjiżi kollha kkonċernati ġew ippreżentati bi pjanijiet direzzjonali li jispjegaw il-kundizzjonijiet għall-kisba ta’ sitwazzjoni ta’ vvjaġġar mingħajr il-bżonn ta’ visa lejn l-UE.

Saru sforzi importanti sabiex jiġi pprovdut appoġġ għall-inizjattivi ta’ kooperazzjoni reġjonali b’konformità mal-aġenda ta’ Tessaloniki. Diversi inizjattivi ġodda f’dan ir-rigward ġew deskritti f’Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Balkani tal-Punent f’Marzu 2008. Il-Kunsill tal-Kooperazzjoni Reġjonali (Regional Cooperation Council – RCC), li ġie stabbilit dan l-aħħar, beda jopera fl-2008.

Il-Montenegro applika għas-sħubija fl-UE f’Diċembru 2008. Il-Kummissjoni hija mħejjija sewwa biex tilqa’ l-isfidi li jirriżultaw hekk kif il-Kunsill jagħti l-mandat lill-Kummissjoni biex tfassal l-opinjoni relatata.

PROGRAMMAZZJONI U IMPLIMENTAZZJONI TAL-IPA: ĦARSA ĠENERALI

Ippjanar u Programmazzjoni Strateġiċi

Qafas Finanzjarju Indikattiv multiannwali (MIFF)

Il-MIFF huwa parti mill-pakkett tat-tkabbir annwali u huwa mfassal biex jipprovdi informazzjoni dwar it-tqassim indikattiv tal-pakkett ġenerali tal-IPA propost mill-Kummissjoni skont il-pajjiż u skont il-komponent għal perjodu ta’ implimentazzjoni ta’ tliet snin. Huwa jaġixxi bħala r-rabta bejn il-qafas politiku fil-pakkett tat-tkabbir u l-proċess baġitarju. Il-MIFF jiġi stabbilit u ppreżentat kull sena lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew, b’konformità mal-Artikolu 5 tar-Regolament tal-IPA (KE) Nru 1085/2006.

It-tabella li ġejja tipprovdi l-allokazzjonijiet tal-2008 tal-IPA f’miljuni ta’ euros għal kull pajjiż u għal kull komponent, kif ukoll għall-programmi reġjonali u ta’ bosta pajjiżi, kif aġġornati fil-MIFF 2010-2012 (COM(2008)705 adottata fil-5 ta’ Novembru 2008). Għalhekk, il-figuri jieħdu f’kunsiderazzjoni t-trasferimenti magħmula bejn il-komponenti I u II[10] matul l-2009, kif ukoll il-fondi addizzjonali allokati lill-Kosovo.

Tabella 1: Allokazzjonijiet tal-2008 skont il-pajjiż u l-komponent (f’€ miljun, lejn l-eqreb €100,000)

Komponent tal-IPA |L-Albanija |Il-Bożnija u Ħerzegovina |Il-Kroazja |L-ex Repubblika Jugożlava tal-Maċedonja |Il-Montenegro |Is-Serbja |Il-Kosovo* |It-Turkija |Programm multi-benefiċjarju | | Komponent I | 62.1 |69.9 |45.4 |41.1 |28.1 |179.4 |184.7 |256.1 |135.7 | | Komponent II | 8.6 |4.9 |14.7 |4.1 |4.5 |11.5 |0.0 |2.9 | | | Komponent III | | |47.6 |12.3 | | | |173.8 | | | Komponent IV | | |12.7 |6.0 | | | |52.9 | | | Komponent V | | |25.6 |6.7 | | | |53.0 | | | TOTAL |70.7 |74.8 |146 |70.2 |32.6 |190.9 |184.7 |538.7 |135.7 | | Dokumenti tal-Ippjanar Indikattiv Multiannwali (MIPDs)

Fuq il-bażi tal-allokazzjonijiet tal-MIFF, u fuq il-prijoritajiet identifikati fil-qafas politiku, qegħdin jitħejjew dokumenti tal-Ippjanar Indikattiv Multiannwali (MIPD) għal kull pajjiż u għall-programmi multibenefiċjarji. L-MIPD jirrappreżenta l-opinjoni tal-Kummissjoni dwar l-oqsma ewlenin tal-interventi u l-prijoritajiet prinċipali li l-pajjiż benefiċjarju mistenni jiżviluppa fid-dettall fid-dokumenti tal-programmazzjoni.

Il-preparazzjoni tal-MIPDs ibbażata fuq il-pajjiżi, kif ukoll tal-MIPD multibenefiċjarju li jkopri l-perjodu 2008-2010 saret matul l-2007 taħt ir-responsabbiltà tat-taqsimiet operattivi rilevanti tad-DĠ Tkabbir (DG ELARG). Saret konsultazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali dwar l-abbozz tal-MIPD u dawn kienu involuti mill-qrib ħafna fit-tħejjija tiegħu sabiex jiżguraw is-sjieda tal-proċess. Għal MIPDs għall-pajjiżi kandidati, id-DĠs għall-Politika Reġjonali (DG REGIO), għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Opportunitajiet Indaqs (DĠ EMPL) u għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali (DG AGRI) ipprovdew il-kontribut tagħhom għall-komponenti III, IV u V rispettivament. L-Istati Membri, l-Istituzzjonijiet Finanzjarji Internazzjonali (IFIs) u partijiet interessati rilevanti oħrajn (is-soċjetà ċivili) ġew ikkonsultati wkoll.

Il-MIPDs kollha tal-2008-2010 ġew ippreżentati għall-adozzjoni lill-Kumitat għat-Tmexxija tal-IPA[11] fl-ewwel nofs tal-2008: il-MIPDs għall-ex Repubblika Jugożlava tal-Maċedonja, il-Montenegro, il-Kosovo, it-Turkija u l-MIPD Multi-benefiċjarju ġew sottomessi f’Mejju 2008, il-MIPDs għall-Albanija, is-Serbja u l-Kroazja ġew sottomessi f’Ġunju, u l-MIPD għall-Bożnija u Ħerzegovina ġew sottomessi f’Lulju. Dawn ġew adottati kollha mid-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni fit-tieni simestru tal-2008.

Programmi tal-IPA fl-2008

Il-programmi annwali jew multiannwali huma mfasslin b’konformità mal-MIPDs rilevanti. Il-Komponent I huwa implimentat permezz ta’ programmi annwali, waqt li l-komponenti l-oħrajn huma implimentati permezz ta’ programmi multiannwali. Il-programmi jiġu adottati mill-Kummissjoni fuq il-bażi ta’ proposti mill-pajjiżi benefiċjarji, wara konsultazzjoni mal-partijiet interessati u d-donaturi, u wara l-opinjoni pożittiva tal-Kumitat għat-Tmexxija tal-IPA għall-Komponent I u II. Għall-Komponent III, il-programmi jiġu kkonsultati mill-Kumitat għall-Koordinazzjoni għall-Fondi (COCOF). Għall-Komponent IV, dawn jiġu kkonsultati mill-Kumitat għall-Fond Soċjali Ewropew (FSE) u għall-komponent V, mill-Kumitat għall-Iżvilupp Rurali (RDC).

Komponent I

L-assistenza għall-Komponent I tiġi pprogrammata mill-Kummissjoni fil-forma ta’ programmi nazzjonali annwali u programmi multi-benefiċjarji, ġestiti mill-Kummissjoni, mill-pajjiż benefiċjarju jew b’mod konġunt flimkien ma’ donaturi oħrajn, skont kif ikun xieraq. Il-programmi nazzjonali jikkonsistu minn Proposti ta’ Finanzjament imħejjija mill-Kummissjoni fuq il-bażi tal-Proġett Fiches sottomess mill-pajjiż benefiċjarju, jew imħejjija mill-Kummissjoni fil-każ ta’ programmi reġjonali u orizzontali.

L-implimentazzjoni tal-proġetti fl-oqsma tas-sigurtà nukleari, il-protezzjoni tar-radjazzjoni u l-edukazzjoni kienu ffinanzjati mill-allokazzjonijiet nazzjonali adottati fil-MIFF, iżda qegħdin jiġu implimentati ċentralment fuq bażi orizzontali; għaldaqstant, il-fondi għal dawn il-proġetti mhumiex inklużi fil-programmi nazzjonali taħt il-Komponent I. Aktar dettalji jistgħu jinstabu fis-sezzjoni tal-pajjiżi tal-anness tekniku.

Il-Programm Nazzjonali IPA 2008 għall- Albanija ġie adottat mill-Kummissjoni nhar id-19 ta’ Diċembru 2008. L-IPA 2008 jindirizza kwistjonijiet ewlenin bħar-riforma fl-amministrazzjoni pubblika u l-infurzar tal-istat tad-dritt, b’mod partikolari fl-oqsma tal-governanza tajba u ta’ kontra ll-korruzzjoni. Dan jirrifletti ż-żieda fil-fondi allokati lill-qasam tar-rekwiżiti politiċi skont l-MIPD 2008-2010. Barra minn hekk, il-programm jappoġġja lill-awtoritajiet Albaniżi fl-issodisfar tar-rekwiżiti tas-SAA billi jiffinanzja proġetti li jimmiraw li jsaħħu l-kapaċitajiet amministrattivi tal-Istituzzjonijiet Albaniżi. Il-programm jirrifletti wkoll il-ħtieġa li jkomplu jiġu appoġġjati r-riformi strutturali fil-pajjiż permezz ta’ investiment fl-iżvilupp reġjonali u fl-infrastruttura relatata mal- acquis .

Il-Programm Nazzjonali IPA 2008 għall- Bożnija u Ħerzegovina , maqsum f’żewġ partijiet, kien adottat mill-Kummissjoni fid-9 ta’ Ottubru u fil-5 ta’ Diċembru 2008 rispettivament. Il-programm jipprovdi appoġġ lill-pulizija u r-riformi ġudizzjarji bi proġetti mmirati biex jibnu l-kapaċitajiet tal-Qorti tal-Istat u l-Uffiċċju tal-Prosekutur jew il-kostruzzjoni ta’ Ħabs tal-Istat b’ħafna sigurtà. Huwa mmirat ukoll biex jiffaċilita l-progress tal-pajjiż lejn is-sħubija fl-UE permezz ta’ tqajjim ta’ għarfien dwar il-proċess ta’ integrazzjoni tal-UE u permezz ta’ għajnuna lill-awtoritajiet nazzjonali fl-ippjanar, il-programmazzjoni u l-implimentazzjoni tal-IPA. Il-Programm tal-2008 jipprovdi wkoll appoġġ għar-riformi fl-edukazzjoni u fis-sistema tal-kura tas-saħħa bħala mezz biex titjieb is-sitwazzjoni soċjo-ekonomika tal-pajjiż. L-IPA 2008 jgħin lill-Bożnija u Ħerzegovina jlaħħaq mar-rekwiżit li japprossimizzaw l- acquis Ewropew f’oqsma bħall-ambjent, il-kummerċ u l-metroloġija, l-agrikoltura u l-iżvilupp rurali jew il-ġestjoni integrata tal-fruntieri.

Il-programm Nazzjonali IPA 2008 għall- Kroazja ġie adottat fil-5 ta’ Novembru 2008. Skont il-kriterji politiċi, il-programm Nazzjonali IPA 2008 jindirizza r-riforma tas-sistema ġudizzjarja b’diversi proġetti f’dan il-qasam. Huwa jikkontribwixxi wkoll għall-progress fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u l-protezzjoni tal-minoranzi billi jseddaq il-kapaċitajiet tas-soċjetà ċivili u jiffaċilita l-parteċipazzjoni attiva u sħiħa tal-minoranza nazzjonali Roma fis-soċjetà Kroata. Fir-rigward tal-abbiltà li jiġu rrispettati l-obbligi tas-sħubija, l-assistenza skont l-IPA 2008 tikkonċentra fuq oqsma ta’ attività b’volum kbir ta’ leġiżlazzjonijiet li jridu jiġu trasposti u implimentati, il-preparazzjoni ta’ fondi strutturali u għall-iżvilupp rurali, kif ukoll ir-rekwiżiti ta’ investiment fl- acquis. Dan jikkonċerna setturi differenti bħas-sigurtà fl-ikel, il-politika veterinarja u fitosanitarja, is-sajd, it-trasport, l-enerġija, il-politika soċjali u l-impjieg jew l-ambjent.

Il-Programm Nazzjonali tal-2008 għall- ex Repubblika Jugożlava tal-Maċedonja ġie adottat mill-Kummissjoni fil-11 ta’ Diċembru 2008. Il-programm huwa mmirat biex isaħħaħ il-kapaċità amministrattiva tal-istituzzjonijiet rilevanti biex tiġi żgurata l-ġestjoni soda u effiċjenti tal-fondi tal-UE u biex isaħħaħ il-kapaċità amministrattiva ċentrali u lokali sabiex jiġi implimentat il-proċess tad-deċentralizzazzjoni. Huwa jappoġġja wkoll l-iżvilupp ta’ sistema ġudizzjarja indipendenti u effiċjenti, u jippromwovi settur tas-soċjetà ċivili attiv. Skont il-kriterji soċjo-ekonomiċi, l-għan huwa li tiġi rinforzata l-kapaċità istituzzjonali biex tirregola u tissorvelja l-istituzzjonijiet tas-sistemi tal-pensjonijiet iffinanzjati b’mod sħiħ u biex tippromwovi t-tranżizzjoni għall-ekonomija tas-suq. F’dak li għandu x’jaqsam mal-abbiltà li jiġu rrispettati l-obbligi tas-sħubija, il-programm tal-2008 jiffinanzja proġetti li jikkontribwixxu għall-moviment liberu tal-oġġetti, it-titjib tal-operazzjonijiet tad-dwana, jew l-iżvilupp tas-settur agrikolu.

Il-Programm Nazzjonali tal-2008 għall- Montenegro ġie adottat mill-Kummissjoni fit-2 ta’ Diċembru 2008. Skont il-kriterji Politiċi, il-Programm Nazzjonali IPA 2008 jiffoka fuq ir-riforma fl-amministrazzjoni pubblika, b’mod partikolari d-deċentralizzazzjoni u l-gvern lokali, l-appoġġ sostenibbli għar-refuġjati u l-persuni spostjati u l-mezzi tax-xandir. L-għajnuna tiġi pprovduta wkoll biex jittejjeb l-ambjent kummerċjali u biex jiġu ġġenerati l-impjiegi sabiex dawn jikkontribwixxu għal żvilupp reġjonali aktar bilanċjat, żieda fl-impjiegi u tnaqqis tal-faqar. Miżuri oħrajn, bħat-titjib tal-infrastruttura ambjentali, qegħdin ukoll jirċievu l-għajnuna fl-2008. L-IPA 2008 jgħin lill-Montenegro biex ilaħħaq mar-rekwiżit li jintroduċi u jimplimenta l- acquis Ewropew f’xi oqsma, inklużi s-swieq finanzjarji, l-iżvilupp rurali, is-sigurtà fl-ikel, is-servizzi veterinarji, l-amministrazzjoni tad-dwana, il-ġestjoni integrata tal-fruntieri u l-immigrazzjoni.

Il-Programm Nazzjonali tal-2008 għas- Serbja ġie adottat mill-Kummissjoni fid-19 ta’ Diċembru 2008. Skont il-kriterji politiċi, ingħatat prijorità lit-tisħiħ tal-istituzzjonijiet demokratiċi, l-implimentazzjoni ulterjuri tar-riforma fl-amministrazzjoni pubblika u s-separazzjoni tal-poteri u l-mezzi tax-xandir. Aspetti importanti oħrajn li jirċievu l-fondi huma l-ġlieda kontra l-korruzzjoni, it-tisħiħ tal-istat tad-dritt -, id-drittijiet tal-bniedem u r-rispett u l-protezzjoni tal-minoranzi. Skont il-kriterji ekonomiċi, il-programm sejjer jiffinanzja proġetti li jimmiraw għall-ġenerazzjoni tal-impjiegi, l-iżvilupp tal-SMEs u l-bini tal-kapaċità tas-Servizzi Nazzjonali tal-Impjiegi. Barra minn hekk, ir-riformi fis-setturi tas-saħħa u l-edukazzjoni jirċievu attenzjoni partikolari taħt il-programm tal-2008. Finalment, f’dak li għandu x’jaqsam mal-abbiltà li jiġu rispettati l-obbligi tas-sħubija, tingħata attenzjoni partikolari lill-iżvilupp u lill-implimentazzjoni ta’ politiki settorali u ta’ qafas regolatorju kompatibbli mal-istandards Ewropej, f’setturi ewlenin bħall-agrikoltura, l-ambjent, it-trasport jew il-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri.

Il-Programm Nazzjonali tal-2008 għat- Turkija kien adottat mill-Kummissjoni fil-15 ta’ Diċembru 2008. Skont il-kriterji politiċi, tingħata prijorità lir-riforma ġudizzjarja, ir-riforma fl-amministrazzjoni pubblika u t-tisħiħ tas-Soċjetà Ċivili. F’dak li għandu x’jaqsam mal-adozzjoni u l-implimentazzjoni tal- acquis u f’konformità mal-MIPD, il-proġetti ntgħażlu fuq il-bażi tal-prijorità tagħhom għall-preparazzjonijiet u n-negozjati tal-adeżjoni u fid-dawl tal-investimenti kbar ħafna meħtieġa għall-armonizzazzjoni u fejn il-volum ta’ leġiżlazzjonijiet li jridu jiġu armonizzati huwa kbir ħafna. Għaldaqstant, ingħatat prijorità għal proġetti fil-qasam tal-agrikoltura/kwistjonijiet veterinarji, il-ġustizzja, il-libertà u s-sigurtà, l-unjoni tad-dwana u l-ambjent. Madankollu, il-programm tal-2008 jinkludi wkoll proġetti f’oqsma ġodda bħas-saħħa, ir-riċerka u l-iżvilupp. Barra minn hekk, kien hemm erba’ proġetti li ntgħażlu fuq il-bażi tal-importanza tagħhom għall-kontinwazzjoni ta’ djalogu ċivili effikaċi u effettiv bejn l-UE u t-Turkija u fid-dawl tal-oqsma innovattivi u ġodda li qegħdin jiżviluppaw ta’ dak id-djalogu.

Il-Programm Annwali tal-IPA għall- Kosovo ġie adottat mill-Kummissjoni fis-6 ta’ Ottubru 2008 għall-ewwel parti u fid-19 ta’ Diċembru 2008 għat-tieni parti. Waħda mill-prijoritajiet tal-programm hija l-issodisfar tal-kriterji politiċi tal-UE u t-tisħiħ tal-istruttura istituzzjonali, amministrattiva u ġudizzjali tal-Kosovo, inkluż il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, il-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet tas-Serbi u l-minoranzi u l-promozzjoni tal-attivitajiet tas-soċjetà ċivili. Skont il-kriterji ekonomiċi, qiegħed jingħata appoġġ biex tiġi żviluppata l-ekonomija tal-Kosovo u biex jittejjeb l-ambjent soċjo-ekonomiku tal-komunitajiet kollha b’mod sostenibbli. L-IPA 2008 jgħin lill-Kosovo biex ilaħħaq mar-rekwiżit li jintroduċi u jimplimenta l- acquis Ewropew f’xi oqsma, fosthom kwistjonijiet ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, is-sigurtà fl-ikel, kwistjonijiet veterinarji u fitosanitarji u l-istatistika.

Il- Programm multibenefiċjarju huwa mfassal biex jikkumplimenta l-programmi nazzjonali u biex isaħħaħ l-esperjenzi multilaterali fil-pajjiżi Balkani tal-Punent u fit-Turkija. Huwa jipprovdi appoġġ permezz ta’ proġetti reġjonali u orizzontali. Attivitajiet ta’ importanza partikolari taħt il-programm tal-2008 jinkludu appoġġ lill-Kunsill għall-Kooperazzjoni Reġjonali (RCC) u lill-Uffiċċju tar-Rappreżentant Għoli (OHR) u t-twaqqif tal-Iskola Reġjonali tal-Amministrazzjoni Pubblika (ReSPA). Oqsma oħrajn koperti mill-programm tal-2008 huma t-Tnaqqis tar-Riskji tad-Diżastri, ir-ritorn tar-refuġjati fil-Balkani tal-Punent u l-iżvilupp ulterjuri tas-soċjetà ċivili permezz tal-Faċilità tas-Soċjetà Ċivili. Barra minn hekk, jiġi pprovdut ukoll appoġġ lill-programmi tal-edukazzjoni u ż-żgħażagħ (Tempus, Erasmus Mundus u ‘Iż-Żgħażagħ fl-Azzjoni’), istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali, id-dwana u t-tassazzjoni, l-istatistika u s-sigurtà nukleari u l-protezzjoni mir-radjazzjoni.

Komponent II

Il-kooperazzjoni transkonfinali tgħin fir-rikonċiljazzjoni u r-relazzjonijiet tajbin bejn il-pajjiżi ġirien, filwaqt li tiffaċilita wkoll l-integrazzjoni tal-pajjiżi benefiċjarji fl-UE. Dan huwa partikolarment rilevanti f’reġjun bi storja riċenti ta’ kunflitt.

Il-komponent tal-kooperazzjoni transkonfinali għandu jimmira li jsaħħaħ il-kooperazzjoni transkonfinali permezz ta’ inizjattivi lokali u reġjonali konġunti, li jikkombinaw l-għajnuna esterna u l-objettivi ekonomiċi u tal-koeżjoni soċjali. B’mod partikolari, il-kooperazzjoni għandha tkompli tippromwovi l-iżvilupp ekonomiku u soċjali sostenibbli fiż-żoni tal-fruntieri, billi dawn jaħdmu flimkien biex jindirizzaw sfidi komuni f’oqsma bħall-ambjent, il-wirt naturali u kulturali, is-saħħa pubblika u l-prevenzjoni tal-kriminalità organizzata, l-iżgurar ta’ fruntieri effikaċi u sikuri u l-promozzjoni ta’ azzjonijiet konġunti fuq skala żgħira li jinvolvu parteċipanti lokali mir-reġjuni tal-fruntieri.

Il-Komponent II tal-IPA dwar il-kooperazzjoni transkonfinali jinkludi żewġ fergħat: kooperazzjoni transkonfinali bejn il-pajjiżi kandidati/kandidati potenzjali u kooperazzjoni transkonfinali bejnhom u l-Istati Membri ġirien. Barra minn hekk, il-Komponent II tal-IPA jista’ jappoġġja wkoll finanzjarjament il-parteċipazzjoni tal-pajjiżi kandidati/kandidati potenzjali fi programmi ta’ kooperazzjoni transnazzjonali tal-Fondi Strutturali (iffinanzjati mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali – FEŻR, fil-kuntest tal-objettiv tal-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea) u fi programmi ta’ kooperazzjoni tal-Baċin tal-Baħar tal-ENPI.

L-għajnuna għal kooperazzjoni transkonfinali taħt il-Komponent II tingħata fil-qafas tal-programmi transkonfinali multiannwali li bħalissa qegħdin ikopru l-perjodu 2007-2009, imfassla b’mod konġunt mill-pajjiżi parteċipanti. L-għajnuna tal-IPA tingħata permezz ta’ deċiżjonijiet annwali dwar il-finanzjament.

Fir-rigward tal-parteċipazzjoni fi programmi transnazzjonali tal-FEŻR jew fi programmi tal-Baċin tal-Baħar tal-ENPI, l-assistenza tal-IPA tingħata permezz ta’ deċiżjonijiet annwali dwar il-finanzjament fuq bażi ta’ pajjiż b’pajjiż.

Il-Komponent II tal-IPA jappoġġja l-parteċipazzjoni tal- Albanija f’żewġ programmi transkonfinali bilaterali mal-pajjiżi kandidati/kandidati potenzjali ġirien: il-Montenegro u l-ex Repubblika Jugożlava tal-Maċedonja. Fir-rigward tal-kooperazzjoni transkonfinali mal-Istati Membri, il-Komponent II tal-IPA jiffinanzja programm bilaterali bejn l-Albanija u l-Greċja u l-parteċipazzjoni tal-Albanija fil-programm transkonfinali multilaterali "Adriatic", fejn l-Albanija, il-Bożnija u Ħerzegovina, il-Kroazja, il-Montenegro u s-Serbja jikkoperaw mal-Greċja, l-Italja u s-Slovenja tul il-Baħar Adrijatiku. Il-Komponent II tal-IPA jiffinanzja wkoll programm li jikkonċerna l-iżvilupp tar-reġjun Kukes fl-Albanija, li jmiss mal-Kosovo, kif ukoll il-parteċipazzjoni tal-Albanija fil-programm transnazzjonali “Ix-Xlokk tal-Ewropa” tal-FEŻR.

Fir-rigward tal- Bożnija u Ħerzegovina, il-Komponent II tal-IPA jappoġġja l-parteċipazzjoni tal-pajjiż fi tliet programmi transkonfinali bilaterali mal-Kroazja, il-Montenegro u s-Serbja. F’dak li għandu x’jaqsam mas-CBC mal-Istati Membri, il-Komponent II tal-IPA jiffinanzja l-parteċipazzjoni tal-Bożnija u Ħerzegovina fil-programm CBC Adriatic tal-IPA. Fl-aħħarnett, fl-2008, il-Komponent II tal-IPA jiffinanzja l-parteċipazzjoni tal-Bożnija u Ħerzegovina fil-programm transnazzjonali “Ix-Xlokk tal-Ewropa” tal-FEŻR.

Skont il-Komponent II tal-IPA, il- Kroazja tipparteċipa fi tliet programmi transkonfinali bilaterali ma’ pajjiżi kandidati potenzjali ġirien: il-Bożnija u Ħerzegovina, il-Montenegro u s-Serbja. Il-Kroazja hija nvoluta wkoll fi tliet programmi CBC tal-IPA ma’ Stati Membri ġirien: żewġ programmi bilaterali rispettivament mas-Slovenja u l-Ungerija, u l-parteċipazzjoni fil-programm transkonfinali multilaterali CBC Adriatic tal-IPA. Finalment, il-Komponent II tal-IPA jiffinanzja l-parteċipazzjoni tal-Kroazja f’żewġ programmi transnazzjonali tal-FEŻR "Ix-Xlokk tal-Ewropa" u "Il-Mediterran".

Bl-appoġġ tal-Komponent II tal-IPA, fl-2008, l-ex Repubblika Jugożlava tal-Maċedonja pparteċipat fi programm bilaterali mal-Albanija u f’żewġ programmi bilaterali mal-Istati Membri ġirien tal-Bulgarija u l-Greċja. Il-Komponent II tal-IPA jiffinanzja wkoll il-parteċipazzjoni tal-ex Repubblika Jugożlava tal-Maċedonja fil-programm transnazzjonali ta’ Kooperazzjoni Territorjali Ewropea tal-FEŻR "Ix-Xlokk tal-Ewropa".

Hekk kif ġara fl-2007, fl-2008 il-kundizzjonijiet għall-programmi taħt il-Komponent II fil- Kosovo ma ntlaħqux. Għalhekk, il-fondi għall-Komponent II ġew trasferiti għall-Komponent I.

Il-Komponent II tal-IPA fil- Montenegro jikkonsisti f’erba’ programmi transkonfinali bilaterali mal-pajjiżi ġirien tiegħu, il-Kroazja, is-Serbja, il-Bożnija u Ħerzegovina u l-Albanija, kif ukoll il-parteċipazzjoni fil-programm CBC Adriatic tal-IPA mal-Istati Membri. Fir-rigward tal-parteċipazzjoni fil-programmi transnazzjonali tal-FEŻR, il-Komponent II tal-IPA jiffinanzja l-parteċipazzjoni tal-Montenegro fil-programmi "Ix-Xlokk tal-Ewropa" u "Il-Mediterran".

Il-programmi CBC fis- Serbja jinkludu tliet programmi bilaterali mal-Montenegro, il-Kroazja u l-Bożnija u Ħerzegovina, tliet programmi bilaterali mal-Istati Membri ġirien, l-Ungerija, ir-Rumanija u l-Bulgarija, u l-parteċipazzjoni tas-Serbja fil-programm transkonfinali multilaterali "Adriatic" tal-IPA. Barra minn hekk, il-Komponent II tal-IPA jiffinanzja l-parteċipazzjoni tas-Serbja fil-programm transnazzjonali ta’ Kooperazzjoni Territorjali Ewropea tal-FEŻR "Ix-Xlokk tal-Ewropa".

Fl-2008, il-Komponent II tal-IPA appoġġja l-programm transkonfinali bejn it- Turkija u l-Bulgarija. Minbarra dan, ingħataw fondi tal-Komponent II tal-IPA lit-Turkija biex tipparteċipa fil-programm tal-Baċin tal-Baħar tal-ENPI.

Komponenti III u IV

Il-programmazzjoni tal-komponenti III u IV issir permezz ta’ programmi multiannwali, fil-bidu mħejjija għal tliet snin, li iżda mbagħad jistgħu jiġu estiżi biex ikopru snin addizzjonali. Fuq il-bażi tal-Istrutturi ta’ Koerenza Strateġika, il-pajjiżi kandidati benefiċjarji jagħmlu abbozzi ta’ programmi operattivi multiannwali għal kull komponent (komponent IV) jew għal kull tema (komponent III), f’konsultazzjoni mal-partijiet interessati rilevanti, li mbagħad jintlaħaq qbil dwarhom mill-Kummissjoni għal adozzjoni formali, wara l-konsultazzjoni tal-Kumitat tal-Istati Membri rilevanti: il-Kumitat għall-Koordinazzjoni għall-fondi (COCOF) għall-komponent III u l-COCOF u l-Kumitat għall-Fond Soċjali Ewropew (FSE) għall-komponent IV.

B’mod simili għall-Fondi Strutturali, il-programmi multiannwali taħt il-komponenti III u IV jipprovdu qafas finanzjarju stabbli fuq perjodu ta’ tliet snin. Dan huwa fundamentali għall-implimentazzjoni tal-istrateġiji tal-investiment fuq perjodu ta’ żmien medju fit-trasport, l-ambjent, il-kompetittività reġjonali u l-iżvilupp tar-riżorsi umani. B’mod simili għall-Fondi Strutturali, dan il-qafas finanzjarju fuq perjodu ta’ żmien itwal jimxi id f’id ma’ ġestjoni finanzjarja rigoruża, sabiex jiġi żgurat l-assorbiment sħiħ tal-fondi.

2.1.3.3.1. Komponent III

Il-Komponent III ikopri tliet oqsma distinti ta’ assistenza: it-trasport, l-ambjent u l-kompetittività reġjonali, li jirriflettu l-interventi tal-Fond ta’ Koeżjoni fl-Istati Membri. Għalhekk, il-Komponent III sejjer jiġi implimentat permezz ta’ programmi operattivi (OP) separati li jkopru kull waħda minn dawn it-temi (fil-każ tal-ex Repubblika Jugożlava tal-Maċedonja, għall-perjodu 2007-2009 sejjer jiġi implimentat programm wieħed biss għall-ambjent u t-trasport).

Fl-2007, ġew adottati tliet programmi operattivi multiannwali għall-perjodu 2007-2009 għall- Kroazja . L-OP għall-Kompetittività Reġjonali jikkonsisti minn 3 assi ta’ prijorità: it-Titjib tal-potenzjal tal-iżvilupp tar-reġjuni li baqgħu lura, it-Titjib tal-kompetittività tal-ekonomija Kroata, u l-Assistenza Teknika. L-OP għat-Trasport jikkonsisti minn 3 assi ta’ prijorità: it-Titjib fis-sistema tat-trasport bil-ferrovija tal-Kroazja, it-Titjib tas-sistema ta’ ilmijiet navigabbli interni tal-Kroazja, u l-Assistenza Teknika. L-OP għall-Ambjent jikkonsisti minn 3 assi ta’ prijorità: l-Iżvilupp ta’ Infrastruttura għall-Ġestjoni tal-Iskart għat-Twaqqif ta’ Sistema Integrata għall-Ġestjoni tal-Iskart, il-Ħarsien tar-Riżorsi tal-Ilma tal-Kroazja Permezz ta’ Provvista tal-Ilma Mtejba u Sistemi Integrati għall-Ġestjoni tal-Ilma Mormi, u Assistenza Teknika.

L-OP għall-Iżvilupp Reġjonali tal- ex Repubblika Jugożlava tal-Maċedonja għall-perjodu 2007-2009 ġie adottat mill-Kummissjoni fid-29 ta’ Novembru 2007. L-għan ġenerali tiegħu huwa li jappoġġja l-iżvilupp sostenibbli tal-pajjiż permezz tat-titjib fl-infrastruttura tat-trasport u l-ambjent. L-assistenza fis-settur tat-trasport għandha tiffoka fuq il-kontinwazzjoni tal-iżvilupp tan-Netwerk tat-Trasport Reġjonali Prinċipali tax-Xlokk tal-Ewropa (kurituri VIII u X). Il-prijoritajiet għandhom jinbidlu b’mod progressiv mill-kuritur X għall-kuritur VIII, kif ukoll mit-trasport bit-triq għal dak bil-ferrovija. Fir-rigward tal-assistenza fis-settur tal-ambjent, l-investimenti b’miri ċari għandhom jiffokaw fuq it-trattament tal-ilma mormi u fuq il-ġestjoni tal-iskart solidu, fejn l-impatt fuq il-popolazzjoni u l-ambjent naturali huwa kbir ħafna.

Il-programmi operattivi tat- Turkija ġew adottati mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni fid-29 ta’ Novembru 2007 (OPs għall-Kompetittività Reġjonali u l-Ambjent) u fis-7 ta’ Diċembru 2007 (OP għat-Trasport). L-OP għall-Kompetittività Reġjonali jikkonsisti minn tliet prijoritajiet: it-Titjib tal-ambjent kummerċjali, it-Tisħiħ tal-kapaċità tal-impriżi u l-inkoraġġiment tal-intraprenditorija u l-Assistenza Teknika. L-OP għat-Trasport jikkonsisti minn żewġ assi ta’ prijorità: it-Titjib tal-infrastruttura tal-binarji tal-ferrovija u t-Titjib tal-infrastruttura tal-portijiet. Fl-aħħarnett, l-OP għall-Ambjent jinkludi tliet prijoritajiet: titjib fis-servizzi tal-provvista tal-ilma, tad-drenaġġ u tat-trattament tal-ilma mormi, titjib fil-ġestjoni integrata tal-iskart solidu u Assistenza Teknika.

2.1.3.3.2 Komponent IV

Taħt il-Komponent IV, fis-7 ta’ Diċembru 2007 ġie adottat programm operattiv multiannwali dwar l-Iżvilupp tar-Riżorsi Umani għall- Kroazja . Dan jikkonsisti minn 4 assi ta’ prijorità: it-Titjib tal-aċċess għall-impjiegi u l-inklużjoni sostenibbli fis-suq tax-xogħol, ir-Rinforzar tal-inklużjoni soċjali tal-persuni fi żvantaġġ, it-Titjib tal-kapital uman u l-impjegabilità, u Assistenza Teknika.

Fl- ex Repubblika Jugożlava tal-Maċedonja , il-programm operattiv għall-Iżvilupp tar-Riżorsi Umani ġie adottat f’Diċembru 2007. Dan il-programm jikkonsisti minn tliet assi ta’ prijorità: l-Impjiegi – L-attrazzjoni u ż-żamma ta’ aktar nies fl-impjiegi, l-Edukazzjoni u t-Taħriġ – Investiment fil-kapital uman permezz ta’ edukazzjoni u ħiliet aħjar, u l-Inklużjoni Soċjali – il-Promozzjoni ta’ suq tax-xogħol inklużiv.

Il-programm operattiv multiannwali għall-Iżvilupp tar-Riżorsi Umani tat- Turkija ġie adottat mill-Kummissjoni fis-7 ta’ Diċembru 2007. Huwa jinkludi erba’ assi ta’ prijorità: l-Impjiegi, l-Edukazzjoni, l-Adattabilità permezz tal-Promozzjoni tat-Tagħlim tul il-Ħajja u l-Inklużjoni Soċjali.

2.1.3.4 Komponent V

Fuq il-bażi tal-approċċ użat għat-tħejjija tal-programmi tal-iżvilupp rurali għall-Istati Membri, l-assistenza tal-Komponent V tiġi pprogrammata fuq bażi multiannwali li tkopri l-perjodu 2007-2013. Madankollu, minħabba li l-pakkett finanzjarju, konformi mal-MIPD, kien speċifikat għas-snin 2007-2009 biss u huwa suġġett għal aġġornament ta’ kull sena sabiex jiġu nklużi s-snin sussegwenti, il-programmi tal-Komponent V jiġu mmodifikati kull sena biex tiġi kkunsidrata l-allokazzjoni finanzjarja l-ġdida, kif ukoll il-bidliet tekniċi meħtieġa. Wara konsultazzjonijiet mal-partijiet interessati, kemm il-programmi kif ukoll il-modifikazzjonijiet jiġu adottati mill-Kummissjoni wara konsultazzjoni tal-Istati Membri fil-Kumitat għall-Iżvilupp Rurali (RDC).

Fid-dawl taż-żmien meħtieġ biex titwaqqaf is-sistema ta’ implimentazzjoni deċentralizzata b’mod sħiħ u fuq il-bażi tal-esperjenza relatata mas-SAPARD[12], l-allokazzjonijiet finanzjarji għall-Komponent V isegwu approċċ f’fażijiet bit-trasferiment mis-snin l-imgħoddija ta’ fondi tal-Iżvilupp Rurali tal-IPA. Il-finanzjament għall-ewwel erba’ snin tal-perjodu tal-implimentazzjoni, 2007, 2008, 2009 u 2010 għalhekk jirrappreżenta perċentwal aktar baxx tal-allokazzjoni sħiħa tal-Komponent V, li mistennija tiżdied b’mod konsiderevoli fis-snin ta’ wara. Il-Kroazja tirrappreżenta l-unika eċċezzjoni għal din ir-regola minħabba li kienet l-uniku Pajjiż Kandidat li waqqaf is-sistema SAPARD biex japprofitta mill-fondi ta’ SAPARD qabel l-implimentazzjoni tal-komponent għall-Iżvilupp Rurali tal-IPA.

Nhar il-25 ta’ Frar 2008 ġie adottat OP multiannwali 2007–2013 għall-Iżvilupp Rurali għall- Kroazja mill-Kummissjoni[13]. Huwa jikkonsisti minn 3 assi ta’ prijorità: Titjib tal-effikaċja tas-suq u l-implimentazzjoni tal-istandards Komunitarji, Azzjonijiet ta’ tħejjija għall-implimentazzjoni tal-miżuri agro-ambjentali u l-istrateġiji lokali tal-iżvilupp rurali, u l-Iżvilupp tal-ekonomija rurali.

Fl- ex Repubblika Jugożlava tal-Maċedonja , fl-2008, ġie adottat programm multiannwali għall-Iżvilupp Rurali għall-perjodu 2007-2013[14]. Il-programm jikkonsisti fi 3 assi ta’ prijorità: Titjib tal-effikaċja tas-suq u l-implimentazzjoni tal-istandards Komunitarji, Azzjonijiet ta’ tħejjija għall-implimentazzjoni tal-miżuri agro-ambjentali u l-istrateġiji lokali tal-iżvilupp rurali, u l-Iżvilupp tal-ekonomija rurali.

Il-programm operattiv multiannwali għall-agrikoltura u l-iżvilupp rurali kien imħejji mit- Turkija fl-2007, u ġie adottat mill-Kummissjoni fil-25 ta’ Frar 2008[15]. Huwa jikkonsisti minn tliet assi ta’ prijorità: Titjib fl-effikaċja tas-suq u l-implimentazzjoni ta’ Standards Komunitarji, Azzjonijiet ta’ tħejjija għall-implimentazzjoni tal-miżuri agro-ambjentali u Leader, u l-Iżvilupp tal-ekonomija rurali.

Strutturi u Modalitajiet ta’ Implimentazzjoni

L-għan tal-IPA huwa li jittrasferixxi l-għarfien u l-esperjenza lill-pajjiżi benefiċjarji, billi jsaħħaħ is-sjieda u r-responsabbiltà tal-implimentazzjoni tal-assistenza fuq in-naħa tal-pajjiżi. Għalhekk huwa mistenni li matul il-perjodu li fih l-istrument idum iservi, l-amministrazzjoni deċentralizzata – jiġifieri l-awtoritajiet nazzjonali tal-pajjiżi benefiċjarji li jassumu s-sjieda sħiħa fil-programmazzjoni u l-implimentazzjoni – għandha ssir in-norma fil-ġestjoni tal-IPA. L-ilħuq fil-pront ta’ dan l-għan jiddependi fuq il-kapaċitajiet amministrattivi tal-pajjiżi riċevituri individwali, u fuq il-kapaċità tagħhom li jiżguraw li jkun hemm sistemi ta’ kontroll u ta’ ġestjoni adegwati. Għalhekk, kull pajjiż għandu jkollu strateġiji, pjanijiet ta’ azzjoni u skedi ta’ żmien speċifiċi sabiex ikun jista’ jilħaq dan l-għan, waqt li fl-istess ħin, l-awtoritajiet nazzjonali għandhom jitħejjew biex ikollhom il-kapaċità adegwata għaż-żieda fir-responsabbiltajiet relatati.

Il-programmi annwali għall- pajjiżi kandidati potenzjali taħt il-Komponenti I u II (bl-esklużjoni tal-programmi CBC mal-Istati Membri implimentati fil-ġestjoni kondiviża) jiġu implimentati l-aktar fuq bażi ċentralizzata, b’iffukar ċar fuq l-għoti ta’ għajnuna lill-pajjiżi sabiex gradwalment ikunu jistgħu jieħdu aktar responsabbiltà u jimxu ’l quddiem lejn ġestjoni deċentralizzata.

Fir-rigward tat-tħejjijiet għall-konferiment tal-poteri amministrattivi, il-pajjiżi kandidati potenzjali jinsabu fi stadji varji u wħud minnhom diġà bdew iwaqqfu l-istrutturi amministrattivi meħtieġa u ħejjew il-pjan direzzjonali tagħhom lejn il-ġestjoni deċentralizzata. Matul l-2008, l- Albanija u l- Bożnija u Ħerzegovina komplew bit-tħejjijiet tagħhom għall-ġestjoni deċentralizzata tal-fondi tal-IPA, waqt li l- Kosovo kien għadu fi stadju bikri ħafna f’dak li għandu x’jaqsam mat-twaqqif ta’ pjan direzzjonali għad-deċentralizzazzjoni. Ix-xogħol li jwassal għal sistema ta’ ġestjoni deċentralizzata b’kontrolli ex-ante kien miexi sewwa fil- Montenegro . Il-gvern waqqaf l-istituzzjonijiet għal ġestjoni deċentralizzata u nnomina l-kapijiet tal-funzjonijiet u l-istrutturi tagħhom. F’Jannar 2008, is-Serbja stabbilixxiet pjan direzzjonali dwar sistema ta’ ġestjoni deċentralizzata, waqt li f’April 2008, ħejjiet Strateġija għall-preparazzjoni ta’ akkreditament ta’ ġestjoni deċentralizzata. Il-partijiet involuti kollha fir-rigward tat-tħejjija tas-sistema fl-amministrazzjoni Serba nħatru.

Għall- pajjiżi kandidati kollha, l-objettiv fuq perjodu ta’ żmien medju huwa ġestjoni kompletament deċentralizzata, jiġifieri b’kontroll ex post tal-Kummissjoni biss. Ta’ min jinnota li l-assistenza tal-Komponent V tista’ tiġi implimentata biss b’mod deċentralizzat għal kollox sa mill-bidunett, mingħajr kontrolli ex ante .

F’April 2008, l-awtoritajiet Kroati nnotifikaw lill-Kummissjoni Ewropea dwar l-akkreditament nazzjonali tagħhom tal-istrutturi operattivi inkarigati mill-ġestjoni u l-implimentazzjoni tal-komponenti I sa IV tal-IPA. Dan irriżulta f’sitt Deċiżjonijiet dwar il-konferiment tal-poteri amministrattivi lill- Kroazja għall-ġestjoni deċentralizzata tal-komponenti I sa IV tal-IPA. Il-Kroazja qiegħda tipprevedi li timxi lejn deċentralizzazzjoni sħiħa fl-2010, jiġifieri mingħajr kontrolli ex ante . Fl-aħħar tas-sena, l-aħħar Deċiżjonijiet mistennija huma dwar l-għoti tal-poteri amministrattivi għall-komponent V (l-agrikoltura u l-iżvilupp rurali).

Fl-2008, il-Kummissjoni tat l-appoġġ tagħha, permezz ta’ CARDS, lill-awtoritajiet nazzjonali tal- ex Repubblika Jugożlava tal-Maċedonja fil-preparamenti tagħhom għal ġestjoni deċentralizzata. L-għajnuna ġiet ipprovduta lill-istrutturi u l-awtoritajiet kif definiti fl-Artikolu 21 tar-Regolament Implimentattiv tal-IPA biex iħejju għall-akkreditament ta’ sistema ta’ ġestjoni deċentralizzata. Sadanittant, il-programm annwali tal-IPA għall-2008 kien ġestit b’mod ċentralizzat.

Fl-2008, il-maġġoranza tal-isforzi tat- Turkija kkonċentraw fuq l-ikkompletar tal-proċessi interni għall-akkreditament għal ġestjoni deċentralizzata. Fil-każ tal-komponenti I u II tal-IPA, dawn il-proċessi ġew iffaċilitati mill-fatt li l-istrutturi u s-sistemi deċentralizzati kienu diġà jeżistu taħt l-assistenza ta’ qabel l-IPA. Il-Kummissjoni kkonferiet il-poteri tal-ġestjoni deċentralizzata għall-Komponent I lill-awtoritajiet Torok fid-29 ta’ Ottubru 2008, u għall-Komponent II dwar il-parteċipazzjoni tat-Turkija fil-programm tal-Baċin tal-Baħar l-Iswed tal-ENPI fl-1 ta’ Diċembru 2008. Il-programm għall-Iżvilupp Rurali sejjer jiġi implimentat bl-għoti ta’ poteri ta’ ġestjoni deċentralizzata mingħajr kontrolli ex ante lir-Repubblika Torka. Missjoni ta’ tiftix tal-fatti li saret mill-Kummissjoni f’Ottubru 2008 sabet li kien hemm dewmien serju fil-preparazzjoni tal-proċess ta’ akkreditament u l-ippjanar il-ġdid taż-żmien ippreveda li minflok, l-akkreditazzjoni tinkiseb fit-tieni nofs tal-2009, bil-konferiment tal-maniġment ma jkunx mistenni li jintlaħaq qabel l-2010. Il-Kummissjoni hija impenjata li tassisti dan il-proċess b’aktar missjonijiet ta’ konsulenza u bi gwida ad hoc kull meta jkun hemm bżonn.

Il- programmi multibenefiċjarji huma ġestiti permezz ta’ ġestjoni konġunta u ċentralizzata. Il-ġestjoni ċentralizzata primarjament tkun fil-forma ta’ implimentazzjoni mis-servizzi tal-Kummissjoni fil-Kwartieri Ġenerali. Il-ġestjoni konġunta hija kumplimentari għall-ġestjoni ċentrali, għall-fatt li l-Kummissjoni qiegħda tiġġestixxi l-fondi flimkien ma’ organizzazzjoni internazzjonali.

Ħarsa ġenerali lejn il-Programmi implimentati mill-IPA

Fl-2008, ingħataw b’kuntratt l-ewwel proġetti tal-IPA 2007 fl- Albanija , waqt li l-programm tal-2008 baqa’ ma ġiex implimentat. Fl-aħħar tal-2008, ir-rati tal-għoti tal-kuntratti għall-IPA 2007 laħqu l-15%. Taħt il-Komponent I, ingħataw b’kuntratt tliet proġetti tal-IPA 2007 u taħt il-Komponent II ma ngħata b’kuntratt ebda proġett tal-IPA 2007. Is-Sejħa għall-Proposti għax-Xlokk tal-Ewropa tal-FEŻR skont l-IPA 2007 CBC ġiet imnedija, iżda għadha ma ngħatatx b’kuntratt.

Fil- Bożnija u Ħerzegovina , il-Ftehim ta’ Qafas tal-IPA ġie ffirmat fl-20 ta’ Frar 2008 u daħal fis-seħħ fit-30 ta’ Lulju 2008 wara r-ratifikazzjoni mill-Presidenza tal-Bożnija u Ħerzegovina. Madankollu, id-dispożizzjonijiet tal-eżenzjoni tat-taxxi ta’ dan il-pajjiż ma ġewx implimentati fil-ħin sa Diċembru 2008, meta l-Kamra tal-Parlament tal-Bożnija u Ħerzegovina adottat l-emendi għal-Liġi relatata mal-eżenzjoni mill-VAT fuq il-fondi tal-IPA, li fetħu t-triq għall-implimentazzjoni tal-programmi tal-IPA. Skont il-komponent II, id-Deċiżjonijiet dwar il-Finanzjament għall-programmi ta’ Kooperazzjoni Transkonfinali tal-2008 ġew adottati, għalkemm il-Ftehimiet tal-Finanzjament relatati għal dawk il-programmi ma ġewx iffirmati fl-2008. Dan ifisser li matul is-sena 2008 ma kien hemm ebda implimentazzjoni tal-IPA għal kwalunkwe wieħed mill-komponenti.

Il-konferiment tal-poteri amministrattivi għall-ġestjoni deċentralizzata tal-komponenti I sa IV tal-IPA fil- Kroazja ngħata permezz tad-deċiżjonijiet rispettivi tal-Kummissjoni fl-aħħar tal-2008. Dawn id-deċiżjonijiet jikkostitwixxu l-fattur li jagħti bidu għall-utilizzar tal-assistenza skont il-komponenti I sa IV tal-IPA. Konsegwentement, il-ftehimiet tal-finanzjament għall-programmi tal-2007 relatati li joperaw taħt ġestjoni deċentralizzata ma setgħux jiġu ffirmati qabel ma jiġu adottati d-deċiżjonijiet. Effettivament dan ifisser li l-Kroazja ma bdietx tagħmel użu mill-assistenza tal-IPA matul l-2008.

Matul l-2008 ingħataw b’kuntratt l-ewwel proġetti tal-IPA 2007 taħt il-komponent I fl- ex Repubblika Jugożlava tal-Maċedonja , sabiex ir-rata tal-għoti tal-kuntratti laħqet il-25% fl-aħħar tas-sena. Taħt il-Komponent II, l-implimentazzjoni tal-programmi tal-IPA CBC kienet baqgħet lura. Lejn l-aħħar tal-2007 ġew adottati erba’ programmi, u l-Ftehimiet Finanzjarji rispettivi kollha ġew iffirmati fl-2008, iżda ma kienx għad ma hemm l-istrutturi tal-ġestjoni konġunta fis-seħħ, għalhekk ma setgħet tiġi mnedija ebda sejħa għall-proposti. Taħt il-Komponent III u IV, fl-2008 ma ġie implimentat ebda Proġett tal-IPA. Madankollu, bdew xi attivitajiet preparatorji għal żewġ proġetti ewlenin li jaqgħu taħt il-programm operattiv għall-Iżvilupp Reġjonali skont il-Komponent III. Skont il-Komponent V għall-iżvilupp rurali, is-sena 2008 kienet is-sena tal-preparazzjoni għall-akkreditazzjoni tal-istrutturi operattivi, għalhekk ma ġie implimentat ebda programm.

Skont il-Komponent I, l-Uffiċċju ta’ Kollegament tal-Kummissjoni Ewropea (ECLO) ħa azzjoni xierqa biex jiżgura l-implimentazzjoni effettiva tal-IPA 2007 fil- Kosovo , u l-mira ambizzjuża ħafna tal-impenn għall-2008 intlaħqet. Fl-2008, l-ECLO impenja 50% tal-programm IPA 2007 li għalih kien responsabbli.

Matul l-2008, beda jiġi implimentat il-programm IPA 2007 fil- Montenegro . Sal-aħħar tas-sena ngħataw b’kuntratt proġett ewlieni tat-toroq u riforma tal-ġustizzja, kif ukoll għajnuna għall-bini tal-kapaċità. Barra minn hekk, fl-2008 bdew ukoll attivitajiet preparatorji għall-implimentazzjoni tal-IPA 2008, kif ukoll l-ippjanar u l-preparazzjoni tal-IPA 2009. Minħabba li l-Ftehim tal-Finanzjament għall-Programm Nazzjonali tal-IPA 2007 ġie ffirmat f’April 2008 u għalhekk il-ksib pubbliku tal-proġetti tal-IPA seta’ jibda biss fit-tieni nofs tas-sena, l-implimentazzjoni proprja tal-programm tal-IPA għadha trid tibda.

Fl-2008 ma ġie implimentat ebda programm tal-IPA, minħabba li l-Ftehim ta’ Qafas ma kienx irratifikat mill-Parlament fit- Turkija u ma daħalx fis-seħħ qabel l-24 ta’ Diċembru 2008. Skont il-Komponent I, il-Ftehim tal-Finanzjament tal-2007 ġie ffirmat u daħal fis-seħħ nhar l-24 ta’ Diċembru 2008, biex b’hekk setgħet tibda l-implimentazzjoni ta’ dan il-programm. Skont il-Komponent II, il-Ftehim tal-Finanzjament tal-2007 dwar il-parteċipazzjoni tat-Turkija fil-programm tal-Baċin tal-Baħar l-Iswed tal-ENPI ġie ffirmat u daħal fis-seħħ fil-31 ta’ Diċembru 2008. L-implimentazzjoni hija marbuta mal-kundizzjonijiet stabbiliti msemmija fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar il-konferiment tal-poteri amministrattivi b’mod ekwivalenti għall-komponent I. F’dak li għandu x’jaqsam mal-komponenti li jifdal, l-implimentazzjoni proprja tal-programmi għadha ma bdietx minħabba li għadhom ma ġewx konklużi l-proċessi meħtieġa għall-konferiment tal-poteri tal-ġestjoni deċentralizzata.

MONITORAĠĠ U RIŻULTATI

Monitoraġġ

L-għan ġenerali tal-monitoraġġ huwa li jitjiebu r-rilevanza, l-effikaċja, l-effiċjenza, l-impatt u s-sostenibbiltà tal-assistenza lill-Balkani tal-Punent u t-Turkija. Il-monitoraġġ jipprovdi lill-Kummissjoni b’valutazzjonijiet analitiċi regolari tal-implimentazzjonijiet tal-proġetti u l-programmi.

Fil-każ ta’ amministrazzjoni deċentralizzata , il-pajjiż benefiċjarju għandu jwaqqaf kumitat ta’ monitoraġġ tal-IPA biex jiżgura l-koerenza u l-koordinazzjoni fl-implimentazzjoni tal-komponenti tal-IPA. Dan il-kumitat għandu jiltaqa’ mill-inqas darba f’sena. Il-kumitat għall-monitoraġġ tal-IPA jiġi assistit minn kumitati għall-monitoraġġ settorjali mwaqqfa taħt kull komponent jew programm tal-IPA. Il-kumitati għall-monitoraġġ settorjali għandhom jirrapportaw għand il-kumitat għall-monitoraġġ tal-IPA. L-ewwel Kumitati għall-Monitoraġġ iltaqgħu fl-2008 fil-Kroazja (fit-2 ta’ Lulju 2008, ippreċeduti f’Mejju/Ġunju bl-ewwel sessjonijiet tal-Kumitati Settorjali tal-IPA), fl-ex Repubblika Jugożlava tal-Maċedonja (fil-21 ta’ Novembru 2008) u fit-Turkija (fl-1 ta’ Lulju 2008).

Fil-każ tal-programmi taħt ġestjoni ċentralizzata jew konġunta , ir-Regolament implimentattiv tal-IPA jistipula li l-Kummissjoni tista’ twettaq kwalunkwe azzjoni li hija tqis bħala meħtieġa biex timmonitorja l-programmi kkonċernati. Fl-2008 ma sar ebda monitoraġġ tal-proġetti tal-IPA, minħabba li l-programmi IPA 2007 u 2008 bdew jiġu implimentati riċentament.

Riżultati tal-Evalwazzjoni

L-evalwazzjonijiet għandhom jimmiraw li jtejbu l-kwalità, l-effikaċja u l-konsistenza tal-assistenza mill-fondi tal-Komunità, kif ukoll l-istrateġija u l-implimentazzjoni tal-programmi. Id-dokumenti tal-ippjanar indikattiv multiannwali (MIPDs) għandhom ikunu soġġetti għal evalwazzjoni ex ante regolari, imwettqa mill-Kummissjoni.

Fl-2008 twettqet evalwazzjoni ex-ante interna tal-IPA b’enfasi fuq l-MIPDs. Din l-evalwazzjoni qabblet l-MIPDs tal-2007-2009 ma’ dawk tal-2008-2010, analizzat it-titjib fil-kwalità, ir-rilevanza u l-koerenza tat-tieni ġenerazzjoni tad-dokumenti tal-programmazzjoni, kif ukoll ipprovdiet rakkomandazzjonijiet dwar kif jistgħu jitjiebu l-kwalità u l-utilità ta’ dawn id-dokumenti.

Il-programmi sejrin ikunu soġġetti għal evalwazzjonijiet ex ante , kif ukoll għal evalwazzjonijiet interim u, fejn ikun rilevanti, ex post b’konformità mad-dispożizzjonijiet speċifiċi stipulati taħt kull komponent tal-IPA fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 718/2007. Matul il-perjodu tal-implimentazzjoni ta’ programm, għandha ssir mill-inqas evalwazzjoni interim waħda, u b’mod speċifiku meta l-monitoraġġ tal-programm juri li kien hemm diverġenzi sinjifikanti mill-miri stabbiliti fil-bidu. L-evalwazzjoni ex post tal-implimentazzjoni tal-assistenza għandha tinkludi riżultati identifikabbli speċifiċi għall-komponenti tal-IPA. F’każ ta’ ġestjoni konġunta, tista’ titwettaq evalwazzjoni ex post flimkien ma’ donaturi oħrajn.

Matul l-2008 ma saret ebda evalwazzjoni fuq il-livell tal-programmi, minħabba li l-implimentazzjoni tal-ewwel u t-tieni sena tal-IPA bdiet biss fl-2008, għalhekk ma tista’ tiġi identifikata ebda lezzjoni.

Rappurtaġġ

Skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 718/2007, il-koordinatur nazzjonali tal-IPA għandu jibgħat lill-Kummissjoni u lill-Uffiċjal Nazzjonali Awtorizzatur, wara eżami mill-kumitat għall-monitoraġġ tal-IPA, rapporti annwali u finali dwar l-implimentazzjoni tal-assistenza skont ir-Regolament IPA.

Fir-rigward tal- Kroazja, l-ewwel rapport Annwali tal-IPA ġie stabbilit f’Awwissu 2008 wara l-laqgħa tal-Kumitat għall-Monitoraġġ tal-IPA tat-2 ta’ Lulju 2008. F’dak li għandu x’jaqsam mar-rapporti annwali settorjali, l-ewwel rapport tas-sena tal-Kumitat għall-Assistenza għat-Tranżizzjoni u l-Bini tal-Istituzzjonijiet ġie stabbilit f’Ġunju 2008 wara l-laqgħa tal-Kumitat Settorjali tal-IPA għall-Assistenza Teknika u l-Bini tal-Istituzzjonijiet tas-26 ta’ Mejju 2008. L-ewwel rapporti dwar l-Implimentazzjoni Annwali Settorjali li jkopru l-attivitajiet tal-2007 fit-tliet programmi operattivi skont il-komponent III kienu sottomessi lill-Kummissjoni fl-2008. Fir-rigward tal- ex Repubblika Jugożlava tal-Maċedonja , l-abbozz tar-rapport Annwali tal-IPA kien għadu mhuwiex lest biex jintbagħat lill-membri tal-Kumitat għall-Monitoraġġ tal-IPA sabiex jiġi eżaminat.

Fir-rigward tat- Turkija , filwaqt li ma seta’ jiġi rrapportat ebda progress fl-implimentazzjoni tal-Assistenza Komunitarja, il-Kummissjoni bbażat il-valutazzjoni tagħha tal-IPA b’mod ġenerali fuq rapporti annwali settorjali, flimkien mal-istat attwali rrapportat fil-Kumitat għall-Monitoraġġ tal-IPA. Ir-Rapport dwar l-Implimentazzjoni Annwali Settorjali tal-komponent I tal-IPA ġie sottomess lill-Kummissjoni fid-dawl tal-laqgħa tal-Kumitat Settorjali tal-komponent I tal-IPA fit-12 ta’ Ġunju 2008. Għall-Komponent II, intlaħaq qbil li ma kien hemm bżonn ta’ ebda rapport dwar l-implimentazzjoni annwali settorjali għall-2007. Għall-Komponent III, it-tliet rapporti annwali settorjali li jkopru l-programmi operattivi għall-Kompetittività Reġjonali, it-Trasport u l-Ambjent ġew sottomessi lill-Kummissjoni sat-30 ta’ Ġunju 2008, wara d-diskussjoni u l-approvazzjoni uffiċjali tagħhom mill-Kumitati għall-Monitoraġġ Settorjali rispettivi. Fl-aħħarnett, għall-Komponent IV, ir-rapport annwali settorjali tal-2007 dwar l-implimentazzjoni tal-Programm Operattiv għall-Iżvilupp tar-Riżorsi Umani fit-Turkija ntbagħat lill-Kummissjoni fis-26 ta’ Ġunju 2008, wara li ġie eżaminat mill-Kumitat għall-Monitoraġġ Settorjali tal-HRD fil-laqgħa tiegħu tas-17 ta’ Ġunju 2008.

Fl-2008 ma kien hemm ebda rappurtaġġ dwar l-implimentazzjoni tal-programm skont il-Komponent V, minħabba l-fatt li l-implimentazzjoni kienet għadha ma bdietx.

KOORDINAZZJONI TA’ DONATURI MAL-ISTATI MEMBRI U DONATURI BILATERALI

Fit-23 u l-24 ta’ Ottubru 2008 ġiet organizzata Konferenza ta’ Koordinazzjoni tad-Donaturi fi Brussell. Il-Konferenza ta’ Koordinazzjoni tad-Donaturi ġiet organizzata mill-Kummissjoni Ewropea skont il-mandat li rċeviet skont ir-Regolament IPA biex tippromwovi l-koordinazzjoni tad-donaturi flimkien mal-Istati Membri.

L-għan ta’ din il-Konferenza kien li jintlaħaq qbil fuq serje ta’ rakkomandazzjonijiet fuq kif tista’ titjieb l-effikaċja tal-għajnuna permezz ta’ azzjonijiet konġunti mid-donaturi u l-pajjiżi benefiċjarji u dwar kif tista’ ssir il-promozzjoni tas-sjieda tal-pajjiż. Ingħatat attenzjoni sabiex jiġi evitat il-ħolqien ta’ strutturi ġodda u minflok nibnu fuq il-mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni u l-istrutturi eżistenti, filwaqt li ntejbu l-funzjonalità tagħhom.

Il-konklużjonijiet ewlenin tal-Konferenza ta’ Koordinazzjoni tad-Donaturi kienu l-affermazzjoni mill-ġdid tal-ħtieġa għal għan strateġiku komuni għall-assistenza fil-Balkani tal-Punent u t-Turkija, fejn hemm kunsens li l-ispirtu u l-prinċipji rilevanti tad-Dikjarazzjoni ta’ Pariġi dwar l-effikaċja tal-għajnuna għandhom jiggwidaw il-koordinazzjoni tad-donaturi (jekk il-ħames prinċipji kollha huma diġà mibnija fl-ipprogrammar tal-IPA u l-mekkaniżmi ta’ implimentazzjoni, hemm xi oqsma li jeħtieġ li jissaħħu) u l-ħtieġa għall-Pajjiżi Benefiċjarji li jiżviluppaw is-sjieda billi jsaħħu l-kapaċità amministrattiva tagħhom u s-sistemi finanzjarji u tal-akkwist pubbliku sabiex ikunu jistgħu jmexxu l-proċess tal-koordinazzjoni tad-donaturi. Il-Konferenza għamlet enfasi wkoll fuq il-kisba ta’ kooperazzjoni u sinerġiji bejn id-donaturi tal-Balkani tal-Punent u t-Turkija fuq il-bażi ta’ ħarsa ġenerali ċara u affidabbli tal-attivitajiet tad-donaturi fil-pajjiżi tal-IPA u l-ħtieġa li jieħdu abbord l-esperjenza tal-pajjiżi li ssieħbu fl-UE fl-2004 u fl-2007. Fl-aħħarnett, ġie konkluż li d-Dokumenti tal-Ippjanar Indikattiv Multiannwali tal-IPA għandhom isiru strument strateġiku għall-koordinazzjoni tad-donaturi fil-Balkani tal-Punent u t-Turkija, fuq livelli nazzjonali, reġjonali u tal-UE.

KOORDINAZZJONI MAL-BEI U L-IFIS

L-Istituzzjonijiet Finanzjarji Internazzjonali (IFIs) kienu strumentali biex jipprovdu aċċess għall-finanzi lill-pajjiżi kandidati u lil pajjiżi kandidati potenzjali u jippermettulhom li jibdew iwettqu investimenti meħtieġa. Fl-istess waqt, il-Benefiċjarji kienu obbligati li jadottaw linji politiċi fiskali u monetarji prudenti biex iżommu t-tkabbir ekonomiku. Illum, dan qiegħed iwassal għal sitwazzjoni fejn il-ħtiġijiet tal-investimenti għadhom għoljin, waqt li l-kapaċitajiet tal-Benefiċjarji biex jidħlu għal dejn estern dejjem jikber qegħdin jimxu lejn limitu. Għotjiet li ma għandhomx jitħallsu lura kemm mill-UE kif ukoll minn donaturi oħrajn, inklużi l-Istati Membri flimkien ma’ self tal-IFI, saru riżorsa kruċjali għall-iżvilupp tas-settur privat, l-investimenti fl-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, u r-rimedjazzjoni u t-titjib fl-infrastruttura mingħajr ma jitfgħu piż żejjed fuq il-Benefiċjarji bi djun eċċessivi.

Il-Kummissjoni hija impenjata f’koordinazzjoni mill-qrib mal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI), il-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (BERŻ), il-Bank tal-Iżvilupp tal-Kunsill tal-Ewropa (CEB) u IFIs oħrajn li jappoġġjaw il-modernizzazzjoni u l-iżvilupp fil-Balkani tal-Punent, b’mod partikolari permezz tal-Grupp Konsultattiv tal-Istituzzjonijiet Finanzjarji Internazzjonali (IFIs) li ġie stabbilit f’Marzu 2007 u li huwa ppresedut mill-Kummissjoni Ewropea (DĠ Tkabbir).

L-għan tal-Grupp Konsultattiv tal-IFI huwa li jappoġġja u jtejjeb il-kooperazzjoni globali bejn l-IFIs u l-Kummissjoni Ewropea fil-pajjiżi kandidati u fil-pajjiżi kandidati potenzjali, inkluża l-kooperazzjoni taħt l-IPA. Il-Grupp Konsultattiv tal-IFI jikkonsisti minn rappreżentanti tal-Kummissjoni Ewropea, il-Grupp tal-Bank Dinji (BERŻ / IFC), l-BEI, il-BERŻ, is-CEB, il-Bank Nordiku tal-Investiment, il-Korporazzjoni Nordika għall-Iffinanzjar Ambjentali, il-Bank tal-Kummerċ u l-Iżvilupp tal-Baħar l-Iswed u l-Kunsill tal-Kooperazzjoni Reġjonali. Il-ħidma tiegħu hija parti minn sforz globali biex tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni bejn il-pajjiżi tax-Xlokk tal-Ewropa u mal-UE permezz tat-teħid ta’ approċċ reġjonali aktar milli nazzjonali għall-iżvilupp tal-infrastruttura.

Fl-2008, il-programm ta’ ħidma ġie implimentat kif ippjanat. F’Ġunju 2008 saret sessjoni plenarja waħda u saru l-preparamenti biex f’Jannar 2009 tiġi organizzata t-tieni waħda li tkun iffokata fuq il-kriżi finanzjarja internazzjonali. L-erba’ Gruppi Tekniċi ta’ Ħidma (trasport, enerġija, ambjent u soċjali) komplew l-attivitajiet tagħhom fl-2008. Fl-aħħarnett, is-segretarjat tal-Grupp Konsultattiv tal-IFI ttieħed mill-Kummissjoni fl-aħħar tal-2008, kif previst wara l-għeluq tal-uffiċċju tal-Bank Konġunt tal-Kummissjoni u Dinji.

Skont il-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-14 ta’ Mejju 2008, il-Kummissjoni, il-BEI, il-BERŻ u s-CEB ħadmu biex jistabbilixxu Qafas ta’ Investiment tal-Balkani tal-Punent ma’ IFIs u donaturi oħrajn, bil-għan li jkomplu jtejbu l-armonizzazzjoni u l-kooperazzjoni fl-investimenti għall-iżvilupp soċjo-ekonomiku u jsaħħu t-tkabbir u l-istabbiltà fir-reġjun.

Matul l-2008 saru wkoll sforzi sinjifikanti biex tkompli l-implimentazzjoni tat-tliet fergħat ta’ kooperazzjoni mal-IFIs: l-intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju, l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u l-infrastruttura. L-iżvilupp tas-settur privat - Min-naħa tal-provvista, l-għajnuna tal-UE biex tippromwovi l-aċċess għall-finanzi għall-intrapriżi mikro u żgħar ngħaddiet lir-reġjun fil-passat permezz ta’ ftehimiet individwali ma’ diversi Istituzzjonijiet Finanzjarji Internazzjonali. Il-Fond Ewropew għax-Xlokk tal-Ewropa (EFSE), li ġie stabbilit fl-2005, wassal għall-konsolidazzjoni tal-bosta ftehimiet ta’ mikro-kreditu fir-reġjun kollu fi strument wieħed, ipprovda s-sostenibbiltà għall-finanzjament preċedenti u wassal għal profitti ta’ effiċjenza fil-ġestjoni. L-aktar karatteristika impressjonanti tal-EFSE hija l-fatt li l-kopertura tar-riskju tal-kontribuzzjoni tal-UE u l-Istati Membri hija intiża biex dawn jattiraw kapital privat sabiex ikunu jistgħu jinvestu fil-mikro-self. Sal-aħħar tal-2008, l-EFSE kien qiegħed jitnieda b’suċċess. L-effiċjenza fl-użu tal-enerġija - Din il-fergħa hija mmirata biex tippromwovi l-investimenti fl-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u l-enerġija li tiġġedded fl-SMEs u fis-setturi pubbliċi mill-kapitalizzazzjoni fuq azzjonijiet appoġġjati mill-programmi Nazzjonali, li jimmiraw li (i) iżidu l-għarfien pubbliku fir-rigward tal-effiċjenza fl-enerġija u l-potenzjal għall-iffrankar tal-enerġija; (ii) jimplimentaw leġiżlazzjoni fir-rigward tad-Direttiva dwar il-prestazzjoni tal-enerġija tal-bini u l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u s-servizzi tal-enerġija (inkluża l-enerġija li tiġġedded). Barra minn hekk, il-promozzjoni ta’ investimenti fl-effiċjenza tal-enerġija tissodisfa r-rakkomandazzjoni tal-Green Paper tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija li tħeġġeġ lill-Istituzzjonijiet Finanzjarji Internazzjonali biex jipprovdu finanzjament fit-tul bil-għan li jiġu ffinanzjati l-investimenti fl-effiċjenza tal-enerġija. Il-promozzjoni ta’ investimenti fl-infrastruttura – Netwerks ta’ infrastruttura adegwata u servizzi fit-trasport, l-enerġija, l-ambjent u s-settur soċjali huma kruċjali sabiex ikun żgurat l-iżvilupp soċjo-ekonomiku sostnut u l-istabbiltà fir-reġjun. Riżorsi finanzjarji insuffiċjenti u n-nuqqas ta’ esperjenza tal-Benefiċjarji fit-tħejjija ta’ proġetti addattati biex jiġu kkunsidrati mill-IFIs u minn donaturi oħrajn għall-finanzjament huma fost il-fatturi ewlenin li jfixklu fit-titjib tal-infrastruttura. Investiment adegwat fl-infrastruttura huwa essenzjali biex jiġi żgurat li ħafna servizzi indispensabbli bħall-ilma u s-sanità, it-tisħin, il-provvista tal-enerġija, it-trasport, is-saħħa u l-edukazzjoni jidħlu fis-seħħ sabiex jitjiebu l-kundizzjonijiet tal-ħajja tan-nies. Għal dan kollu, l-aċċess għall-finanzi huwa essenzjali. L-implimentazzjoni ta’ din il-faxxa tinkludi t-twaqqif ta’ Faċilità ta’ Proġetti Infrastrutturali multi-benefiċjarji u multi-settorjali, li tappoġġja l-istituzzjonijiet benefiċjarji fil-livell nazzjonali, reġjonali u muniċipali biex jippreparaw u jimplimentaw proġetti ta’ investiment infrastrutturali ffinanzjati mill-IFIs u / jew minn donaturi oħrajn. Din il-Faċilità saret operattiva għal kollox matul l-2008 u tgħin biex tilħaq l-ekonomiji ta’ skala fil-mobilizzazzjoni tal-kompetenza teknika meħtieġa biex jitħejjew u jiġu appoġġjati proġetti ta’ investiment infrastrutturali, tiffaċilita n-netwerking u l-iskambju tal-għarfien fost il-benefiċjarji, u tikkumpensa s-self tal-IFI li jikkomplimenta l-għotjiet nazzjonali tal-IPA. Il-Faċilità tal-Proġetti Infrastrutturali għandha żewġ komponenti, il-komponent tal-Assistenza Teknika u t-Tieqa Muniċipali, li jikkofinanzjaw, flimkien mal-IFIs, proġetti attwali ta’ investiment fil-Balkani tal-Punent. Il-komponent tal-Assistenza Teknika kien operattiv għal kollox fl-2008, fejn appoġġja 18-il proġett, waqt li l-komponent tat-Tieqa Muniċipali ġie approvat u l-ewwel sensiela ta’ proġetti ġew sottomessi għal evalwazzjoni fl-aħħar tal-2008.

[1] Il-Kroazja, it-Turkija u l-ex Repubblika Jugożslava tal-Maċedonja

[2] L-Albanija, il-Bożnija u Ħerzegovina, il-Montenegro, is-Serbja u l-Kosovo skont il-UNSCR 1244/99

[3] Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3906/89 tad-19 ta’ Diċembru 1989

[4] L-Istrument għal-Politiki Strutturali għal Qabel l-Adeżjoni, Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1267/1999 tal-21 ta’ Ġunju 1999

[5] Programm Speċjali ta’ Adeżjoni għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali, Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1268/1999 tal-21 ta’ Ġunju 1999

[6] Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2500/2001 tas-17 ta’ Diċembru 2001

[7] Assistenza Komunitarja għar-Rikostruzzjoni, l-Iżvilupp u l-Istabbilizzazzjoni, Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2666/2000 tal-5 ta’ Diċembru 2000.

[8] http://www.eu2008.fr/webdav/site/PFUE/shared/import/1208_CAGRE/Council_conclusions_on%20Enlargement_EN.pdf

[9] Skont ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti 1244/99

[10] Ċerti programmi CBC għadhom ma bdewx minħabba li baqgħu ma ntlaħqux il-kundizzjonijiet rilevanti. Għalhekk, l-ammonti li ġejjin kienu trasferiti mill-komponent II tal-enveloppi tal-pajjiżi għall-komponent I fl-istess pajjiżi: €1 miljun għall-Albanija; €1.2 miljun għall-ex Repubblika Jugożlava tal-Maċedonja; €2.7 miljun għall-Kosovo u €5.9 miljun għat-Turkija.

[11] Magħmul mir-rappreżentanti tal-Istati Membri, u ppresedut minn rappreżentant tal-Kummissjoni, il-Kumitat għall-IPA jassisti lill-Kummissjoni, b’mod partikolari fl-assigurazzjoni tal-koordinazzjoni u l-koerenza tal-assistenza.

[12] Programm ta’ Adeżjoni Speċjali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali

[13] Deċiżjoni tal-Kummissjoni C/2008/650

[14] Il-programm kien adottat mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C/2007/677 fil-25 ta’ Frar 2008.

[15] Deċiżjoni tal-Kummissjoni C/2008/691

Top