Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009DC0336

    Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Ottubru 2004 dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi (ir-Regolament dwar kooperazzjoni fil-protezzjoni tal-konsumaturi)

    /* KUMM/2009/0336 finali */

    52009DC0336

    Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Ottubru 2004 dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi (ir-Regolament dwar kooperazzjoni fil-protezzjoni tal-konsumaturi) /* KUMM/2009/0336 finali */


    [pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

    Brussel 2.7.2009

    KUMM(2009) 336 finali

    RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

    dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Ottubru 2004 dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi (ir-Regolament dwar kooperazzjoni fil-protezzjoni tal-konsumaturi)

    WERREJ

    1. Daħla 3

    1.1. Kuntest 3

    1.2. L-ambitu u l-metodoloġija 3

    2. Il-Qafas Istituzzjonali u ta’ Infurzar: it-twaqqif tan-Netwerk KPK 4

    2.1. It-twaqqif tan-Netwerk KPK: in-nomina tal-awtoritajiet 4

    2.2. L-iżvilupp tal-għodda tal-IT: is-Sistema ta’ Kooperazzjoni għall-Protezzjoni tal-Konsumatur 5

    2.3. Il-Kumitat KPK 5

    2.4. L-emendi għall-anness tar-Regolament 6

    3. It-tħaddim tan-Netwerk KPK – l-ewwel valutazzjoni 6

    3.1. Ġenerali 6

    3.2. L-għodda tal-IT 7

    3.3. It-tħaddim tan-Netwerk: in-nuqqasijiet prinċipali 7

    4. Il-qafas usa’ għall-kooperazzjoni 9

    4.1. L-attivitatjiet komuni u l-iskambju ta’ uffiċjali 9

    4.2. Il-kooperazzjoni ta’ infurzar ma’ pajjiżi terzi 9

    5. Konklużjonijiet 9

    5.1. Ġenerali 9

    5.2. Il-konsolidazzjoni tan-Netwerk KPK 10

    5.3. It-titjib tal-effiċjenza u tal-effettività tan-Netwerk 10

    5.4. It-tisħiħ tal-qafas għall-kooperazzjoni amministrattiva 11

    1. DAħLA

    1.1. Kuntest

    Ir-Regolament dwar il-Kooperazzjoni fejn tidħol il-Protezzjoni tal-Konsumaturi[1] (ir-"Regolament KPK") kien adottat fis-27 ta’ Ottubru 2004 u daħal fis-seħħ fid-29 ta’ Diċembru 2006 wara sentejn ta’ xogħol preparatorju intensiv mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri.

    Dan jistabbilixxi netwerk madwar l-UE ta’ awtoritajiet pubbliċi responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-konsumatur fl-Istati Membri (in-"netwerk KPK"), li bdiet topera f’Diċembru 2006. Fl-ambitu tiegħu, ir-Regolament KPK parzjalment jarmonizza l-poteri investigattivi u ta’ infurzar tal-awtoritajiet u jistabbilixxi l-mekkaniżmi għall-iskambju tat-tagħrif rilevanti u/jew it-teħid ta’ azzjoni ta’ infurzar biex iwaqqfu l-ksur f’sitwazzjonijiet transkonfinali[2]. Dan jobbliga lill-Istati Membri jaġixxu fuq talbiet ta’ assistenza reċiproka indirizzati lilhom permezz tan-Netwerk KPK u biex jiżguraw li biżżejjed riżorsi huma allokati għall-awtoritajiet tan-netwerk biex dawn l-obbligi jkunu onorati. Ir-Regolament jipprovdi ukoll qafas usa’ għall-iżvilupp ta’ inizjattivi ta’ kooperazzjoni amministrattiva li għalihom il-Kummissjoni tipprovdi fondi.

    Billi r-Regolament jifforma parti mill-Ftehim tal-EEA[3], l-istess regoli u mekkaniżmi japplikaw ukoll għall-pajjiżi tal-EFTA li qed japplikaw il-Ftehim tal-EEA. Dawn tal-aħħar huma integrati bis-sħiħ fl-attivitajiet tan-netwerk.

    Bil-provvista ta’ għodda effettiva għall-infurzar transkonfinali u qafas għall-iskambju tal-aħjar prattika u xogħol komuni, l-għan ewlieni tar-Regolament huwa li jiggarantixxi livell għoli kostanti ta’ ħarsien tal-konsumatur madwar l-UE u li jsaħħaħ il-kunfidenza tal-konsumatur fis-suq intern.

    1.2. L-ambitu u l-metodoloġija

    Dan ir-rapport huwa konformi mal-obbligu tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 21 tar-Regolment KPK li kull sentejn tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni tar-Regolment imsemmi.

    Dan ikopri l-ewwel sentejn operattivi tan-Netwerk KPK, jiġifieri l-2007 u l-2008. Fejn xieraq, qed issir referenza għax-xogħol prepratorju li sar qabel l-2007 biex ikun żgurat li n-netwerk saret operattiva f’Diċembru 2006 kif suppost.

    Ir-rapport jibni fuq ir-rapporti bijennali ppreparati mill-Istati Membri[4] biex jonorow l-obbligi ta’ rappurtaġġ tagħhom skont ir-Regolament kif ukoll fuq dejta ta’ statistika estratta mill-għodda tal-IT użata min-Netwerk KPK u l-esperjenza prattika miksuba permezz tas-sweeps tal-UE[5] inizjali kkoordinati mill-Kummissjoni.

    2. IL-QAFAS ISTITUZZJONALI U TA’ INFURZAR: IT-TWAQQIF TAN-NETWERK KPK

    Fl-ewwel żewġ kapitoli tiegħu ir-Regolament KPK jistipula l-elementi istituzzjonali u l-elementi oħrajn li kellhom ikunu f’posthom biex in-Netwerk KPK tkun imwaqqfa sal-aħħar tal-2006.

    2.1. It-twaqqif tan-Netwerk KPK: in-nomina tal-awtoritajiet

    Biex tkun imwaqqfa n-Netwerk KPK, ir-Regolamnet jirrikjedi li l-Istati Membri jinnominaw awtoritajiet ta’ infurzar (l-'awtoritajiet kompetenti') u Uffiċjal Uniku ta’ Kollegament biex jikkoordina l-applikazzjoni tar-Regolament fuq livell nazzjonali. Huma mitluba wkoll jiżguraw li dawn l-awtoritajiet ikollhom il-poteri investigattivi u ta’ infurzar minimi stabbiliti mir-Regolament u li jingħataw riżorsi adegwati biex jonoraw l-obbligi tagħhom.

    L-Istati Membri kollha kellhom jagħmlu sforzi sostanzjali biex jadattaw il-qafas leġiżlattiv nazzjonali tagħhom biex jirrispettaw ir-rekwiżiti tar-Regolament KPK, b’mod partikolari biex iwaqqfu l-istruttura neċessarja biex ikun jistgħu jindirizzaw il-kooperazzjoni transkonfinali. Il-bidliet kienu jikkonċernaw l-aktar modifiki għall-poteri investigattivi u ta’ infurzar mogħtija lill-awtoritajiet nazzjonali tal-konsumatur sabiex ikun hemm konformità mar-rekwiżiti ta' poteri minimi stipulati fl-Artikolu 4 tar-Regolament. F’xi każijiet madankollu, kellhom jinħolqu awtoritajiet ġodda u s-sistema ta’ infurzar nazzjonali kellha tkun emendata biex ikun żgurat li l-awtorijatiet pubbliċi jingħataw poteri ta’ infurzar skont ir-Regolament.

    Sal-aħħar tal-perjodu ta’ rappurtaġġ, l-Istati Membri kollha kienu nnotifikaw lill-Kummissjoni bil-lista ta’ awtoritajiet minbarra żewġ Stati Membri li kien għad iridu jinnofikaw lill-awtoritajiet responsabbli mill-infurzar bid-Direttiva dwar il-Prattiċi Kummerċjali Inġusti (id-Direttiva UCP - Unfair Commercial Practices)[6].

    Skont l-Artikolu 5 tar-Regolament, il-lista ta’ awtoritajiet innotifikati lill-Kummissjoni hija ppubblikata f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea [7].

    Il-Kummissjoni qed issegwi mill-qrib il-proċess ta’ notifika tal-awtoritajiet u esprimiet tħassib dwar l-effiċjenza tal-korpi amminstrattvi nazzjonali nnominati f’żewġ każijiet, minħabba n-numru kbir ta’ awtoritajiet involuti, u stiednet lill-Istati Membri biex jikkunsidraw mill-ġdid il-qafas ta’ infurzar innotifikat. Fiż-żewġ każijiet, kienet imressqa proposta alternattiva, iżda kienet għadha mhix implimentata, minħabba dewmien fil-proċeduri nazzjonali biex ikunu nnominati l-awtoritajiet il-ġodda.

    Fir-rigward tal-obbligazzjoni biex ikunu provduti riżorsi adegwati, huwa diffiċli li wieħed jistma bis-sħiħ is-sitwazzjoni abbażi tal-informazzjoni provduta fir-rapporti nazzjonali biss. Id-dejta f’dawn ir-rapporti rari tirrifletti b’mod esklużiv attivitajiet tal-KPK u mhijiex paragunabbli. Jidher li x-xogħol li jsir fil-qafas tar-Regolament KPK ġeneralment isir minn uffiċjali apparti x-xogħol regolari tagħhom u huwa għalhekk diffiċli li wieħed jistma r-riżorsi ddedikati għan-Netwerk. Għalkemm l-awtoritajiet kollha nnominaw tal-anqas persuna waħda ta’ kuntatt għall-kwistjonijiet relatati mal-KPK, jidher li hemm differenzi importanti fil-kapaċità amministrattiva tal-Istati Membri.

    2.2. L-iżvilupp tal-għodda tal-IT: is-Sistema ta’ Kooperazzjoni għall-Protezzjoni tal-Konsumatur

    L-Artikolu 10 tar-Regolament KPK jipprovdi għall-iżvilupp ta’ għodda tal-IT li l-awtoritajiet għandhom jużaw għall-iskambju tal-informazzjoni. L-iżvilupp u l-amministrazzjoni tas-Sistema ta’ Kooperazzjoni għall-Protezzjoni tal-Konsumatur (CPCS - Consumer Protection Cooperation System) jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Kummissjoni.

    Il-Kummissjoni involviet mill-qrib lill-Istati Membri f’dan il-proġett u stabbiliet grupp ta’ utenti prinċipali, li jipprovdi assistenza fix-xogħol analitiku ta’ qabel l-iżvilupp tal-funzjonijiet tas-CPCS u l-ittestjar ta’ verżjonijiet ġodda.

    L-ewwel verżjoni b’funzjonalità bażika kienet operattiva qabel ma n-Netwerk KPK kienet imnedija. Minn dakinhar, diversi verżjonijiet b' titjib kienu introdotti biex titjieb l-esperjenza tal-utenti fl-użu tal-għodda, biex titjieb il-funzjonalità eżistenti u għall-iżvilupp ta’ karatteristiċi ġodda.

    2.3. Il-Kumitat KPK

    Skont l-Artikolu 19 tar-Regolament, il-Kummissjoni hija megħjuna fil-ħidmiet tagħha tal-implimentazzjoni minn Kumitat magħmul minn rappreżentanti mill-Istati Membri (il-“Kumitat KPK”). Il-Kumitat huwa presedut mill-Kummissjoni.

    Waħda mill-ewwel ħidmiet tal-Kumitat kien l-istipular ta’ sett ta’ regoli għall-operat tal-Kumitat KPK, li jikkjarifikaw ftit mill-prinċipji stabbiliti mir-Regolament KPK. Dawn jinkludu dispożizzjonijiet dwar limiti ta’ żmien, rekwiżiti minimi mandatorji ta’ informazzjoni għat-talbiet u d-drittijiet differenti ta’ aċċess għall-informazzjoni skambjata permezz tal-għodda tal-IT. Il-Kummissjoni adottat ir-regoli tal-implimentazzjoni[8] f’Diċembru 2006 fi żmien propizju għat-tnedija tan-Netwerk.

    2.4. L-emendi għall-anness tar-Regolament

    Ir-Regolament KPK fih anness li jelenka l-atti legali li l-mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni huma applikabbli għalihom. L-anness jkopri prinċipalment il-liġijiet tal-ħarsien tal-konsumatur tal-UE iżda jinkludi wkoll xi setturi differenti oħrajn[9].

    L-anness kien emendat matul il-perjodu ta’ rappurtaġġ biex jinkludi d-Direttiva 2005/29/KE dwar il-Prattiċi Inġusti tal-Kummerċ. Tliet proposti biex l-anness tal-KPK ikun estiż aktar għadhom pendenti. Dawn jinkludu projbizzjoni fup l-ispam[10] u żewġ proposti dwar id-drittijiet tal-passiġġieri fl-oqsma tat-trasport bil-baħar u bix-xarabanks[11]. Filwaqt li hemm aktar proposti biex il-leġiżlazzjoni tal-UE tissaħħaħ permezz tan-Netwerk KPK, il-prijorità kurrenti tal-Kummissjoni hija li tikkonsolida n-Netwerk qabel tidħol għal aktar emendi għall-anness tar-Regolament.

    3. IT-TħADDIM TAN-NETWERK KPK – L-EWWEL VALUTAZZJONI

    3.1. Ġenerali

    Wara bidu relattivament kawtel, l-attività tan-Netwerk aċċelerat malajr u laħqet total ta’ 719 talba[12] għal assistenza reċiproka f’sentejn, li minnhom 327 talba nħolqu fl-2007 u 392 fl-2008. 40 % tat-talbiet għal tagħrif u 30 % tat-talbiet għall-infurzar kienu magħluqa mill-awtoritajiet matul l-istess perjodu.

    Il-maġġoranza tal-każijiet kienu talbiet għall-informazzjoni (39 % tan-numru totali tal-każijiet) u talbiet għal miżuri ta’ infurzar biex jitwaqqaf ksur ikkonfermat tal-leġiżlazzjoni (37 % tan-numru totali tal-każijiet). It-talbiet għall-infurzar kważi rduppjaw matul is-sentejn, u għalhekk irreġistraw l-akbar tkabbir.

    Barra minn hekk, in-Netwerk KPK nediet żewġ eżerċizzji konġunti ta’ sorveljanza u infurzar tas-suq ("sweeps") li saru fil-forma ta’ inkjesti permezz tal-internet: waħda fuq siti li jbiegħu biljetti tal-ajru fl-2007 u waħda fuq siti li joffru ring tones għat-telefon ċellulari fl-2008. Ix-xogħol ta’ infurzar għadu għaddej fir-rigrward tas-sweep tal-2008.

    Il-maġġoranza tal-ksur fis-CPCS kien jikkonċerna dispożizzjonijiet ta’ pubbliċità qarrieqa[13] (kważi terz mill-każijiet kollha) u prattiċi kummerċjali onlajn (internet u e-mail). F’termini ta’ setturi, iż-żewġ sweeps tal-UE ikkontribwew għat-tkabbir tan-numru ta’ talbiet għal assistenza reċiproka fis-setturi fejn l-awtoritajiet wettqu r-rikjesti tagħhom, jiġifiera t-'trasport' u l-'komunikazzjoni'. L-aktar sorprendenti kien in-nuqqas jew in-numru baxx ta’ każijiet[14] dwar ċerti direttivi[15].

    L-attivitajiet tan-Netwerk diġà qed jipproduċu riżultati tanġibbli għall-konsumaturi. Bħala eżempju, is-sweep dwar il-linji tal-ajru wasslet biex il-linji tal-ajru progressivament itejbu l-proċess ta’ riżervazzjoni onlajn u s-siti biex jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni tal-UE.

    3.2. L-għodda tal-IT

    In-numru dejjem akbar ta’ każijiet KPK u r-rispons tal-Istati Membri jikkonfermaw li l-għodda tal-IT qiegħda b’mod ġenerali tilħaq l-aspettattivi tal-awtoritajiet u sservi l-għan tagħha li tiffaċilita l-iskambju ta’ informazzjoni.

    Madankollu, hemm bżonn ta’ aktar titjib. B’mod partikolari, l-Istati Membri qajmu l-punti li ġejjin:

    ( Il-prezz għoli biex wieħed jaqbad mas-sistema TESTA b’mod sigur – in-netwerk użata mis-CPCS. Din hija kwistjoni b’mod partikolari għall-awtoritajiet li rari jużaw is-sistema minħabba n-numru żgħir ta’ każijiet fil-qasam ta’ kompetenza tagħhom;

    ( Id-dewmien fl-implimentazzjoni ta' verżjonijiet ġodda u ta’ verżjonijiet b’funzjonalità mtejba;

    ( In-nuqqas ta’ ċertu funzjonalità fl-għodda tal-IT, b’mod partikolari karatteristiċi li jappoġġjaw il-preparazzjoni u l-koordinazzjoni ta’ sorveljanza konġunta tas-suq u eżerċizzji ta’ infurzar skont l-Artikolu 9 ta-Regolament KPK.

    Sfida oħra hija li wieħed jiżgura li l-utenti kollha jkunu kapaċi jużaw l-għodda tal-IT kif meħtieġ, jiġifieri inkluż dawk li jaħdmu f’żoni fejn hemm ftit li xejn attività relatata mal-KPK. Xi Stati Membri jixtiequ li s-CPCA tinkludi interfaces f’diversi lingwi.

    3.3. It-tħaddim tan-Netwerk: in-nuqqasijiet prinċipali

    L-esperjenza akkwistata minn mindu n-Netwerk KPK twaqqfet tiżvela xi nuqqasijiet fil-mod kif l-awtoritajiet jaħdmu flimkien:

    ( Numru sinifikanti ta’ awtoritajiet innotifikati jew mhumiex imqabbda mas-sistema jew ma jużawx is-sistema b’mod attiv, jiġifieri mhumiex qed jagħmlu talbiet għal assistenza reċiproka, għalkemm din hija kundizzjoni li trid teżisti għat-tħaddim effettiv tan-Netwerk KPK. Terz mill-awtoritajiet li għandhom aċċess u password mhumiex qed jużaw is-CPCS b’mod attiv[16];

    ( It-talbiet qed jieħdu aktar u aktar żmien biex jingħalqu: eżempju ċar ta’ dan huwa l-fatt li, filwaqt li t-talbiet għal tagħrif kienu magħluqa f’medja ta’ 81 ġurnata sa Ġunju 2008, din il-medja telgħat għal 148 ġurnata sal-aħħar tal-2008. Dan jista’ jkun parzjalment spjegat minn żieda fil-kumplessità tal-każijiet transkonfinali, iżda dan huwa spiss indikatur ta’ nuqqas ta’ konformità mal-limiti ta’ żmien stabbiliti jew rekwiżiti operattivi oħrajn;

    ( L-awtoritajiet qed jużaw l-għodda tal-IT b’modi differenti, liema modi jista’ jkun li qed ikollhom impatt negattiv fuq l-isforzi ta’ kooperazzjoni tagħhom. L-użu ta’ twissijiet, pereżempju, qed joħloq diżgwid bejn il-membri tan-Netwerk li huma favur trażmissjoni wiesgħa lill-awtoritajiet kollha u dawk li jippreferu approċċ aktar selettiv. Il-kunsiderazzjonijiet dwar ir-riżorsi huma fiċ-ċentru ta’ din id-diskussjoni, billi l-awtoritajiet iridu jivverifikaw jekk il-ksur huwiex qed jaffettwa l-konsumaturi nazzjonali. Xi drabi l-informazzjoni importanti tkun nieqsa, u dan jikkostrinġi lill-awtoritajiet ifittxu kjarifikazzjoni ulterjuri u/jew jagħmlu inkjesti aktar fit-tul;

    ( Ir-regoli ta’ implimentazzjoni għandhom bżonn ikunu riveduti fid-dawl tal-esperjenza prattika miksuba fl-ewwel sentejn tat-tħaddim tan-Netwerk. Ir-regoli għall-kanċellazzjoni tal-każijiet (l-aktar twissijiet) mhumiex konsistenti u ċerti aspetti tal-protezzjoni tad-dejta hemm bżonn li jkunu kkjarifikati. Hemm bżonn ukoll ta’ verifika realistika fir-rigward ta’ ċerti dispożizzjonijiet, bħal-limiti ta’ żmien stipulati għat-trażmissjoni ta’ talbiet jew risposti.

    - ( Ir-Regolament 261/2004 dwar id-drittijiet tal-passiġġieri tal-ajru li huwa kopert bir-Regolament tal-KPK jipprovdi għall-ħatra tal-awtoritajiet nazzjonali ta’ infurzar tiegħu stess. Dawn l-awtoritajiet għandhom is-setgħa li jieħdu miżuri ta’ infurzar kontra l-operaturi, kemm dawk nazzjonali kif ukoll dawk li mhumiex, li jkunu jaħdmu fit-territorju tagħhom. Dan seta’ kkontribwixxa għal użu limitat tan-Netwerk tal-KPK f’dan is-settur.

    Ix-xogħol ta’ infurzar tan-Netwerk żvela ukoll li hemm kwistjonijiet ta’ natura aktar orizzontali li jridu jkunu indirizzati jekk in-Netwerk trid tilħaq il-potenzjal kollu tagħha.

    ( Hemm bżonn li jkun żviluppat ftehim komuni tal-fatturi rilevanti u interpretazzjoni komuni tar-regoli ta’ ħarsien tal-konsumatur tal-UE bħal, ngħidu aħna, definizzjoni tal-“interessi kollettivi tal-konsumatur”.. Diversi opinjonijiet ħarġu wkoll bħala riżultat tal-mod kif l-acquis tal-konsumatur jinteraġixxi ma’ biċċiet oħrajn ta’ leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE;

    ( Il-kwistjoni ta’ ġurisdizzjoni u l-liġi applikabbli meta l-awtoritajiet pubbliċi qed jeżerċitaw il-poteri tagħhom u sa liema punt japplika l-obbligu ta’ kooperazzjoni introdott mir-Regolament KPK;

    ( Biex ikollha l-aħjar impatt bix-xogħol tagħha u biex tiżviluppa f’saħħa diżważiva madwar l-UE, in-Netwerk għandha bżonn profil aktar għoli.

    4. IL-QAFAS USA’ GħALL-KOOPERAZZJONI

    4.1. L-attivitatjiet komuni u l-iskambju ta’ uffiċjali

    Apparti d-dispożizzjonijiet proċedurali ta’ kooperazzjoni, ir-Regolament KPK jimmira li jinkoraġġixxi l-iskambju tal-aħjar prattika u l-kooperazzjoni permezz ta’ ħidma flimkien fi proġetti komuni jew attivitatjiet konġunti kif ukoll skema għall-iskambju ta’ uffiċjali li għalihom il-Kummissjoni tipprovdi fondi. Il-firxa ta’ attivitajiet hija għalhekk wiesgħa ħafna: minn seminars, korsijiet ta’ taħriġ, miżuri biex iqajmu kuxjenza għal proġetti li jiżviluppaw standards komuni, metodoloġiji u metodi ta’ infurzar.

    In-Netwerk daħlet għal diversi minn dawn il-proġetti u skambji fl-ewwel sentejn operattivi tagħha, iżda għamlet użu limitat mill-mezzi finanzjarji li l-Kummissjoni pprovdiet fl-2008. Id-diffikultajiet prinċipali msemmija mill-Istati Membri huma:

    ( L-attivitjatjiet u l-iskemi mhumiex magħrufa sew mill-awtoritajiet;

    ( Jeżisti riskju ta’ telf ta’ riżorsi fuq diversi proġetti differenti liema riskju jista’ jnaqqas l-effettività tan-Netwerk

    ( Il-kumplessitajiet amministrattivi fil-proċedura ta’ applikazzjoni u d-dispożizzjonijiet tal-għotjiet, b’mod partikolari għall-mexxej(ja) tal-proġetti.

    4.2. Il-kooperazzjoni ta’ infurzar ma’ pajjiżi terzi

    L-Artikolu 18 tar-Regolament jistipula l-bażi legali biex wieħed jidħol fi ftehim ta’ kooperazzjoni ma’ awtoritajiet ta’ infurzar f’pajjiżi terzi.

    F’dinja dejjem aktar globalizzata, il-bażi għal kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn l-awtoritajiet ta’ infurzar tapplika wkoll għar-relazzjonijiet mal-awtoritajiet barra l-Unjoni Ewropea, b’mod speċjali ma’ dawk il-pajjiżi li diġà għandhom rabtiet ekonomiċi mal-Istati Membri. Il-kuntatti li jesploraw l-għażliet għall-kooperazzjoni mal-awtoritajiet tal-Istati Uniti u tal-Iżvizzera, li t-tnejn li huma kienu identifikati bħala prijoritajiet fid-diskussjonijet mal-Istati Membri, qed jingħataw aktar importanza.

    5. KONKLUżJONIJIET

    5.1. Ġenerali

    Ir-Regolament KPK wera li huwa għodda b’saħħitha ta’ infurzar li ssaħħaħ il-livell ta’ ħarsien tal-konsumatur madwar l-UE. Dan indirizza l-qabża li kienet teżisti billi ta lill-awtoritajiet ta’ infurzar nazzjonali mezz biex wieħed iġib fit-tmiem prattiċi kummerċjali li jagħmlu ħsara lill-konsumaturi f’sitwazzjonijiet transkonfinali u għamilha aktar faċli biex awtoritajiet diversi jaġixxu flimkien biex jinħoloq ambjent ta’ infurzar kredibbli fl-UE.

    In-Netwerk qed tipproduċi riżultati tanġibbli għall-konsumaturi. Il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet Spanjoli u Franċiżi pereżempju wasslet għall-arrest ta’ 87 persuna f’April 2008 u lotterija fittizzja operata minn Spanja ġiet imwaqqfa. L-isweeps tal-UE huma eżempju ċar ieħor ta’ kooperazzjoni simili.

    Il-valutazzjoni tal-ewwel sentejn ta’ operat tan-Netwerk madankollu turi li din għadha ma laħqitx il-potenzjal kollu tagħha u identifikat numru ta’ nuqqasijiet. Il-prijorità tal-Kummissjoni hija li taħdem mill-qrib fi sħab mal-Istati Membri biex tindirizza dawn il-kwistjonijiet fil-qafas legali eżistenti. Hija tirriserva d-dritt, bħala l-aħħar alternattiva, li tibda proċeduri ta’ ksur kontra l-Istati Membri li b’mod persistenti u sistematiku jonqsu milli jonoraw l-obbligi tagħhom skont ir-Regolament.

    5.2. Il-konsolidazzjoni tan-Netwerk KPK

    Il-Kummissjoni se tkompli bl-isforzi tagħha biex tikkonsolida n-Netwerk billi tiżgura li l-awtoritajiet kollha indikati mill-Istati Membri jużaw is-sistema tal-IT b’mod attiv. L-għodda tal-IT qed tkun żviluppata aktar, b’mod partikolari fir-rigward tal-iżvilupp ta’ karatteristiċi ġodda u żieda fil-faċilità ta’ użu tal-utenti. Il-kapaċità ta’ taħriġ kienet imtejba permezz tal-ħolqien ta’ Netwerk ta’ persuni nazzjonali li jipprovdu taħriġ fl-aħħar tal-2008.

    Waħda mill-kwistjonijiet prinċipali f’dan il-kuntest hija li jkun żgurat li jkunu allokati riżorsi agedwati lill-awtoritajiet filwaqt li jkunu kkunsidrati r-restrizzjonijiet li jirriżultaw mill-kriżi ekonomika kurrenti. Kwistjoni oħra se tkun l-identifikazzjoni u l-indirizz tar-raġunijiet għan-nuqqas ta’ użu tal-mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni tal-KPK mill-awtoritajiet f’ċerti oqsma.

    5.3. It-titjib tal-effiċjenza u tal-effettività tan-Netwerk

    In-Netwerk KPK għandha tibbenefika minn titjib fl-effiċjenza tal-operat tagħha permezz ta’ serje ta’ miżuri li matul iż-żmien jistgħu jwasslu għal reviżjoni tar-Regolament KPK.

    ( Ir-regoli Implimentattivi se jkunu riveduti fl-2010 biex jindirizzaw nuqqasijiet, jirrevedu miżuri eżistenti fid-dawl ta’ għarfien miksub matul dawn l-aħħar sentejn u biex jiżguraw mod konsistenti u aktar veloċi biex wieħed jindirizza talbiet għal assistenza reċiproka.

    ( L-iskambju ta’ opinjonijiet, esperjenza u prattika tajba permezz tad-diskussjonijiet fil-Kumitat KPK u fil-laqgħat ta’ ħidma ddedikati se jkunu użati biex ikunu żviluppati standards u tekniki komuni, manwali u dokumenti oħrajn ta’ gwida għall-utenti tal-KPK bħal linji gwida u mistoqsijiet li jistaqsew spiss (FAQ);

    ( L-adozzjoni ta’ Pjan annwali ta’ Azzjoni ta’ Infurzar, introdott fl-2008, għandu jikkontribwixxi biex jiffoka aktar l-attivitajiet tan-Netwerk. Permezz tal-użu ta’ bażi ta’ evidenza aktar wiesgħa, permezz tal-użu ta’ dejta miġbura min-Netwerk ta’ Ċentri tal-Konsumatur Ewropej[17] u mit-Tabella tas-Swieq tal-Konsumatur[18], kif ukoll mit-tagħrif provdut mill-awtoritajiet nazzjonali, l-attivitajiet tan-Netwerk ikunu msaħħa u kkonċentrati aktar. Il-pjanijiet annwali għandhom eventwalment ikunu inklużi f’qafas ġenerali tal-prijoritajiet fuq medda twila ta’ żmien mal-Istati Membri;

    ( L-eżerċizzji konġunti, bħall-isweeps tal-UE, għandhom jibqgħu jiffurmaw parti importanti mill-attivitajiet tan-Netwerk KPK billi dawn jipprovdu l-perspettiva tal-UE lix-xogħol tal-awtoritajiet ta’ sorveljanza tas-suq u ta’ infurzar mitlub mis-suq intern. Hekk kif in-Netwerk ikollha aktar esperjenza, hija tibbenefika mill-eżaminar ta’ metodi ġodda ta’ kif issir sorveljanza tas-suq konġunta u/jew xogħol ta’ infurzar konġunt.

    ( In-Netwerk għandha taħdem lejn ftehim komuni tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-konsumatur. Il-Kummissjoni bdiet tiżviluppa gwida konsultattiva għall-awtoritajiet permezz ta’ diskussjoniet iddedikati f’seminars u f’laqgħat ta’ ħidma kif ukoll bil-promozzjoni ta’ għodod eżistenti bħall-Kompendju tal-Liġi tal-UE dwar il-Konsumatur[19] jew id-dejtabejż konsultattiv ippjanat li jiffoka fuq id-Direttiva UCP.

    ( Il-Kummissjoni flimkien mal-Istati Membri se tistipula l-aktar mezzi xierqa (pereżempju attivitajiet tal-midja immirati jew sit elettroniku KPK) biex tagħti aktar viżibbiltà lill-attivitajiet tan-Netwerk. Dan se jagħti messaġġ qawwi ta’ infurzar lis-swieq. L-attivitajiet li jqajmu l-kuxejnza tal-konsumatur se jikkontribwixxu wkoll għal dan il-għan.

    5.4. It-tisħiħ tal-qafas għall-kooperazzjoni amministrattiva

    In-Netwerk KPK għandha tibbenefika mill-iżvilupp ulterjuri tal-potenzjal għall-kooperazzjoni pprovdut mir-Regolament, inkluż proġetti tal-Kummissjoni biex jitjieb il-ġbir tad-dejta dwar kwistjonijiet tal-konsumatur u għall-iżvilupp ta’ sistema komuni ta’ klassifikazzjoni tal-ilmenti. Din it-tip ta’ attività toħloq ambjent favorevoli għat-tkattir ta’ fiduċja bejn l-awtoritajiet u għall-iskambju ta’ għarfien, għarfien espert u l-aħjar prattiċi, u b’hekk ittejjeb il-kwalità u l-effettività tax-xogħol ta’ infurzar madwar l-UE.

    Għaldaqstant, l-inkoraġġiment ta’ dawn l-azzjonijiet konġunti permezz ta’ kontribuzzjonijiet finanzjarji għadu prijorità tal-Kummissjoni, b’mod partikolari f’attivitajiet li jikkontribwixxu għat-tijib tax-xogħol tan-Netwerk fil-forma ta’ manwali, standards komuni jew metodoloġiji (pereżempju il-manwal dwar kif isiru sweeps żviluppat fl-2008 minn grupp ta’ awtoritajiet li se jkun ittestjat fl-eżerċizzju tal-2009). Il-laqgħat preparatorji għall-azzjonijiet konġunti għandhom jikkontribwixxu biex id-diffikultajiet amministrattivi li qed jaffaċċjaw l-awtoritajiet meta japplikaw għal fondi mill-UE jkunu megħluba.

    ANNESS I

    1. Numru totali ta’ talbiet għal assistenza reċiproka

    Sena | Twissijiet (Art. 7) | Talbiet għal Tagħrif (Art. 6) | Talbiet ta’ Infurzar (Art. 8) | TOTAL Stati Membri biss | TOTAL Inkluż it-talbiet tal-pajjiżi taż-ŻEE |

    2007 | 71 | 161 | 95 | 317 | 327 |

    2008 | 100 | 122 | 170 | 384 | 392 |

    TOTAL | 171 | 283 | 265 | 701 | 719 |

    2. Talbiet għal assistenza reċiproka għal kull direttiva miksura (2007 – 2008)

    Art. 6 Tagħrif | Art. 7 Twissijiet | Art. 8 Infurzar | TOTAL |

    2007 | 2008 | 2007 | 2008 | 2007 | 2008 |

    Direttiva 2005/29/KE dwar prattiċi kummerċjali żleali | 1 | 86 | 0 | 40 | 4 | 73 | 204 |

    Direttiva 84/450/KEE dwar reklamar qarrieqi | 48 | 0 | 34 | 0 | 35 | 0 | 117 |

    Direttiva 2000/31/KE dwar il-kummerċ elettroniku | 3 | 9 | 7 | 20 | 15 | 48 | 102 |

    Direttiva 93/13/KE dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumaturi | 21 | 10 | 15 | 7 | 10 | 14 | 77 |

    Direttiva 97/7/KE dwar kuntratti li jsiru mill-bogħod | 11 | 4 | 4 | 11 | 9 | 22 | 61 |

    Direttiva 97/55/KE li jemenda d-Direttiva 84/450/EEC dwar reklamar qarrieqi sabiex tinkludi reklamar komparattiv | 40 | 0 | 4 | 0 | 3 | 0 | 47 |

    Direttiva 94/47/KE dwar timesharing | 27 | 0 | 1 | 1 | 0 | 0 | 29 |

    Direttiva 85/577/KE dwar kuntratti nnegozjati barra mil-lok tan-negozju | 1 | 10 | 0 | 6 | 1 | 0 | 18 |

    Direttiva 2001/83/KE dwar prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem | 2 | 0 | 3 | 2 | 6 | 2 | 15 |

    Direttiva 1999/44/KE dwar il-bejgħ ta’ oġġetti tal-konsum u garanziji assoċjati magħhom | 2 | 1 | 1 | 3 | 3 | 4 | 14 |

    Regolament (KE) Nru 261/2004 dwar imbarkazzjoni miċħuda u kanċellazzjoni jew dewmien twil fit-titjiriet | 1 | 1 | 1 | 2 | 3 | 4 | 12 |

    Direttiva 98/6/KE dwar l-indikazzjoni tal-prezzijiet | 0 | 0 | 0 | 1 | 2 | 3 | 6 |

    Direttiva 90/314/KE dwar il-vjaġġi kollox kompriż (package travel), il-vaganzi kollox kompriż u t-tours kollox kompriż | 2 | 1 | 0 | 2 | 1 | 0 | 6 |

    Direttiva 2002/65/KE dwar it-tqegħid fis-suq b’distanza ta’ servizzi finanzjarji tal- konsumaturi | 0 | 0 | 1 | 3 | 1 | 0 | 5 |

    Direttiva 87/102 dwar il-kreditu lill-konsumatur | 1 | 0 | 0 | 1 | 0 | 0 | 2 |

    Direttiva 89/552 dwar l-attivitjiet tax-xandir tat-televiżjoni | 0 | 0 | 1 | 1 | 0 | 0 | 2 |

    3. Talbiet għal assistenza reċiproka għal kull settur (2007 – 2008)

    2007 | 2008 | Total |

    Art 6 | Art 8 | Art 7 | Art 6 | Art 8 | Art 7 |

    Ilbies u żraben | 1 | 0 | 0 | 0 | 5 | 0 | 6 |

    Komunikazzjoni | 0 | 2 | 1 | 4 | 25 | 15 | 47 |

    Edukazzjoni | 1 | 0 | 0 | 0 | 2 | 0 | 3 |

    Ikel u xorb mhux alkoħoliku | 1 | 1 | 1 | 2 | 0 | 0 | 5 |

    Għamara, tagħmir tad-dar u manutenzjoni ta’ rutina tad-dar | 0 | 1 | 0 | 1 | 1 | 1 | 4 |

    Saħħa | 6 | 11 | 6 | 5 | 14 | 6 | 48 |

    Akkomodazzjoni, ilma, elettriku, gass u karburanti oħrajn | 0 | 0 | 0 | 1 | 0 | 0 | 1 |

    Servizzi u oġġetti mixxellanji | 30 | 10 | 9 | 8 | 24 | 12 | 93 |

    Mhux klassifikabbli | 10 | 9 | 4 | 59 | 39 | 35 | 156 |

    Rikreazzjoni u kultura | 35 | 13 | 4 | 15 | 13 | 17 | 97 |

    Ristoranti u lukandi | 5 | 2 | 1 | 19 | 0 | 8 | 35 |

    Trasport | 72 | 46 | 45 | 8 | 47 | 6 | 224 |

    TOTAL | 161 | 95 | 71 | 122 | 170 | 100 | 719 |

    4. Numru ta’ jiem (medja) biex talba għal assistenza reċiproka tkun magħluqa fis-CPCS

    Ġunju 2008 | Ottubru 2008 | Diċembru 2008 |

    Talbiet għal tagħrif (art. 6) | 81 | 132 | 148 |

    Talbiet għal Infurzar (art. 8) | 123 | 173 | 177 |

    5. Talbiet għal assitenza reċiproka maħruġa minn kull Stat Membru fl-2007

    Talbiet għal Tagħrif Art. 6 | Twissijiet Art. 7 | Talbiet għal Infurzar Art. 8 | TOTAL |

    Il-Belġju | 42 | 51 | 35 | 128 |

    Il-Bulgarija | 4 | 0 | 8 | 12 |

    Ir-Repubblika Ċeka | 1 | 0 | 1 | 2 |

    Id-Danimarka | 12 | 0 | 0 | 12 |

    Il-Ġermanja | 1 | 2 | 2 | 5 |

    L-Estonja | 1 | 1 | 6 | 8 |

    L-Irlanda | 0 | 0 | 0 | 0 |

    Il-Greċja | 0 | 0 | 0 | 0 |

    Spanja | 0 | 0 | 0 | 0 |

    Franza | 19 | 7 | 14 | 40 |

    L-Italja | 0 | 2 | 0 | 2 |

    Ċipru | 0 | 0 | 0 | 0 |

    Il-Latvja | 0 | 1 | 3 | 4 |

    Il-Litwanja | 0 | 0 | 0 | 0 |

    Il-Lussemburgu | 0 | 0 | 0 | 0 |

    L-Ungerija | 68 | 2 | 0 | 70 |

    Malta | 0 | 0 | 0 | 0 |

    L-Olanda | 3 | 0 | 0 | 3 |

    L-Awstrija | 1 | 0 | 1 | 2 |

    Il-Polonja | 0 | 0 | 1 | 1 |

    Il-Portugall | 0 | 0 | 0 | 0 |

    Ir-Rumanija | 0 | 0 | 0 | 0 |

    Is-Slovenja | 0 | 0 | 0 | 0 |

    Is-Slovakkja | 0 | 0 | 2 | 2 |

    Il-Finlandja | 5 | 0 | 0 | 5 |

    L-Iżvezja | 3 | 0 | 4 | 7 |

    Ir-Renju Unit | 0 | 5 | 9 | 14 |

    TOTAL | 160 | 71 | 86 | 317 |

    6. Talbiet għal assitenza reċiproka maħruġa minn kull Stat Membru fl-2008

    Talbiet għal Tagħrif Art. 6 | Twissijiet Art. 7 | Talbiet għal Infurzar Art. 8 | TOTAL |

    Il-Belġju | 28 | 43 | 48 | 119 |

    Il-Bulgarija | 0 | 0 | 2 | 2 |

    Ir-Repubblika Ċeka | 0 | 0 | 0 | 0 |

    Id-Danimarka | 0 | 1 | 13 | 14 |

    Il-Ġermanja | 3 | 2 | 7 | 12 |

    L-Estonja | 10 | 0 | 2 | 12 |

    L-Irlanda | 0 | 0 | 0 | 0 |

    Il-Greċja | 0 | 0 | 0 | 0 |

    Spanja | 0 | 0 | 8 | 8 |

    Franza | 7 | 0 | 9 | 16 |

    L-Italja | 1 | 1 | 0 | 2 |

    Ċipru | 0 | 0 | 0 | 0 |

    Il-Latvja | 0 | 1 | 10 | 11 |

    Il-Litwanja | 0 | 0 | 0 | 0 |

    Il-Lussemburgu | 0 | 0 | 0 | 0 |

    L-Ungerija | 6 | 4 | 20 | 30 |

    Malta | 0 | 0 | 0 | 0 |

    L-Olanda | 2 | 4 | 7 | 13 |

    L-Awstrija | 1 | 1 | 1 | 3 |

    Il-Polonja | 2 | 0 | 7 | 9 |

    Il-Portugall | 0 | 1 | 0 | 1 |

    Ir-Rumanija | 0 | 0 | 0 | 0 |

    Is-Slovenja | 0 | 0 | 0 | 0 |

    Is-Slovakkja | 0 | 0 | 3 | 3 |

    Il-Finlandja | 0 | 20 | 11 | 31 |

    L-Iżvezja | 15 | 10 | 8 | 33 |

    Ir-Renju Unit | 43 | 12 | 10 | 65 |

    TOTAL | 118 | 100 | 166 | 384 |

    7. Talbiet għal assitenza reċiproka rċevuti minn kull Stat Membru fl-2007

    Talbiet għal Tagħrif Art. 6 | Twissijiet Art. 7 | Talbiet għal Infurzar Art. 8 | TOTAL |

    Il-Belġju | 7 | 54 | 0 | 67 |

    Il-Bulgarija | 2 | 55 | 0 | 57 |

    Ir-Repubblika Ċeka | 4 | 55 | 0 | 59 |

    Id-Danimarka | 7 | 55 | 2 | 64 |

    Il-Ġermanja | 10 | 55 | 7 | 72 |

    L-Estonja | 2 | 53 | 2 | 57 |

    L-Irlanda | 7 | 56 | 9 | 72 |

    Il-Greċja | 2 | 55 | 1 | 58 |

    Spanja | 10 | 52 | 10 | 72 |

    Franza | 6 | 56 | 3 | 65 |

    L-Italja | 3 | 54 | 2 | 59 |

    Ċipru | 3 | 56 | 1 | 60 |

    Il-Latvja | 5 | 54 | 4 | 63 |

    Il-Litwanja | 2 | 54 | 1 | 57 |

    Il-Lussemburgu | 4 | 56 | 2 | 62 |

    L-Ungerija | 4 | 55 | 4 | 63 |

    Malta | 1 | 54 | 0 | 55 |

    L-Olanda | 27 | 60 | 15 | 102 |

    L-Awstrija | 4 | 56 | 7 | 67 |

    Il-Polonja | 3 | 55 | 3 | 61 |

    Il-Portugall | 5 | 55 | 0 | 60 |

    Ir-Rumanija | 3 | 49 | 1 | 53 |

    Is-Slovenja | 2 | 54 | 1 | 59 |

    Is-Slovakkja | 8 | 55 | 2 | 65 |

    Il-Finlandja | 3 | 54 | 1 | 58 |

    L-Iżvezja | 6 | 54 | 5 | 65 |

    Ir-Renju Unit | 18 | 63 | 9 | 90 |

    TOTAL | 158 | *) | 92 | *) |

    *) It-twissijiet huma mibgħuta lil diversi awtoritajiet fl-istess ħin. In-numru totali ta’ twissijiet irċevuti mill-Istati Membri għaldaqstant jinkludi l-istess twissija diversi drabi.

    8. Talbiet għal assitenza reċiproka rċevuti minn kull Stat Membru fl-2008

    Talbiet għal Tagħrif Art. 6 | Twissijiet Art. 7 | Talbiet għal Infurzar Art. 8 | TOTAL |

    Il-Belġju | 9 | 70 | 6 | 85 |

    Il-Bulgarija | 0 | 63 | 0 | 63 |

    Ir-Repubblika Ċeka | 2 | 63 | 1 | 66 |

    Id-Danimarka | 1 | 64 | 1 | 66 |

    Il-Ġermanja | 13 | 68 | 20 | 101 |

    L-Estonja | 0 | 64 | 7 | 71 |

    L-Irlanda | 2 | 63 | 19 | 84 |

    Il-Greċja | 5 | 63 | 0 | 68 |

    Spanja | 29 | 59 | 10 | 98 |

    Franza | 5 | 65 | 18 | 88 |

    L-Italja | 3 | 51 | 8 | 62 |

    Ċipru | 0 | 64 | 0 | 64 |

    Il-Latvja | 1 | 63 | 2 | 66 |

    Il-Litwanja | 1 | 63 | 3 | 67 |

    Il-Lussemburgu | 1 | 68 | 1 | 70 |

    L-Ungerija | 3 | 55 | 3 | 61 |

    Malta | 1 | 54 | 0 | 55 |

    L-Olanda | 24 | 59 | 37 | 120 |

    L-Awstrija | 3 | 66 | 3 | 72 |

    Il-Polonja | 1 | 63 | 1 | 65 |

    Il-Portugall | 1 | 63 | 4 | 68 |

    Ir-Rumanija | 0 | 53 | 0 | 53 |

    Is-Slovenja | 1 | 64 | 2 | 67 |

    Is-Slovakkja | 4 | 63 | 5 | 72 |

    Il-Finlandja | 1 | 74 | 0 | 75 |

    L-Iżvezja | 2 | 72 | 5 | 79 |

    Ir-Renju Unit | 8 | 65 | 11 | 84 |

    TOTAL | 121 | *) | 167 | *) |

    *) It-twissijiet huma mibgħuta lil diversi awtoritajiet fl-istess ħin. In-numru totali ta’ twissijiet rċevuti mill-Istati Membri għaldaqstant jinkludi l-istess twissija diversi drabi.

    9. Konnessjonijiet mas-CPCS u l-kontroll tal-użu

    Numru ta’ awtoritajiet responsabbli li qatt ma talbu aċċess | Numru ta’ awtoritajiet li qatt ma użaw is-CPCS minkejja li għandhom aċċess | Numru totali ta’ awtoritajiet responsabbli li għandhom aċċess għas-CPCS |

    Novembru 2008 | 12 | 127 | 252 |

    Frar 2009 | mhux applikabbli | 78 | 252 |

    [1] Ir-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Ottubru 2004 dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi (ir-Regolament dwar kooperazzjoni fil-protezzjoni tal-konsumaturi); ĠU L 364, 9.12.2004, p. 1.

    [2] In-netwerk taġixxi biex tħares l-interess kollettiv tal-konsumaturi u għaldaqstant ma tindirizzax ilmenti individwali tal-konsumaturi.

    [3] Deċiżjoni tal-kumitat konġunt taż-ŻEE Nru 92/2006 tas-7 ta' Lulju 2006.

    [4] Ir-rapporti bijennali tal-Istati Membri huma ppubblikati fuq is-sit Europa

    [5] Is-sweeps tal-UE huma eżerċizzji ta’ sorveljanza u infurzar tas-suq komuni mnedija mill-awtoritajiet tan-Netwerk.

    [6] Id-Direttiva 2005/29/KE tal-11 ta’ Mejju 2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern, ĠU L 149, 11.6.2005, p. 22-39.

    [7] ĠU C 40, 23.2.2007 u ĠU C 286, 28.11.2007. Bħalissa qed isiru l-preparamenti għal aġġornament li jinkludi t-tibdil innotifikat minn Ġunju 2007 ’lil hawn.

    [8] Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta’ Diċembru 2006 li timplimenta r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet għall-ħarsien tal-konsumatur fir-rigward tal-assistenza reċiproka kif emendata l-aħħar mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/282/KE tas-17 ta’ Marzu 2008; ĠU L 32, 6.2.2007 u ĠU L 89, 1.4.2008.

    [9] Setturi oħrajn koperti jinkludu: Ir-Regolament (KE) Nru 261/2004 dwar id-drittijiet tal-passiġġieri tal-ajru, ĠU L 46, 17.2.2004; Id-Direttiva 2000/31/KE dwar il-kummerċ elettroniku, ĠU L 178, 17.7.2000;

    [10] Id-Direttiva 2002/58/EC tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-dejta personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika: L-Artikolu 13 rigward il-ħarsien tal-konsumaturi (ĠU L 2001, 31.07.2002, p.37).

    [11] Proposta għal Regolament dwar id-drittijiet tal-passiġġieri meta jivvjaġġaw bil-baħar jew fuq l-ilmijiet interni navigabbli u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi [COM(2008)816]

    Proposta għal Regolament dwar id-drittijiet tal-passiġġieri fuq xarabanks pubbliċi u privati u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi [COM(2008)817]

    [12] Skont il-mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni tal-KPK, l-awtoritajiet jistgħu jew sempliċiment jibagħtu messaġġ ta’ avviż (‘twissija’) lill-awtoritajiet l-oħrajn, jitolbu tagħrif rilevanti biex jappoġġjaw l-investigazzjonijiet tagħhom jew ix-xogħol ta’ infurzar (‘talbiet għal tagħrif’) jew jitolbu awtorità oħra tieħu miżuri xierqa biew twaqqaf prattika li hija fi ksur tal-liġi (‘talbiet ta’ infurzar’)

    [13] Dawn kienu ksur fir-rigward tad-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE dwar pubbliċità qarrieqa sal-aħħar tal-2007, meta d-dispożizzjonijiet dwar pubbliċità qarrieqa fir-rigward ta’ kummerċ għar-relazzjonijiet tal-konsumatur bdew jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tad-Direttiva tal-Prattiċi Inġusti tal-Kummerċ 2005/29/KE.

    [14] jiġifieri anqas minn 10 talbiet f’sentejn, li ħafna minnhom kienu twissijiet

    [15] Ara l-Anness 1 għal aktar dettalji.

    [16] Ara t-taqsima rilevanti fl-Anness 1

    [17] L-ECC-Net hija inizjattiva konġunta tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri, li tipprovdi lill-konsumaturi b’tagħrif prattiku, pariri dwar id-drittijiet tagħhom u assistenza dwar ilmenti transkonfinali.

    [18] L-Ewwel edizzjoni tat-Tabella tas-Swieq tal-Konsumatur COM (2008) 31 finali u t-Tieni edizzjoni tat-Tabella tas-Swieq tal-Konsumatur COM (2009) 25/3

    [19] Il-Kompendju jgħaqqad l-acquis tal-Konsumatur, il-ġurisprudenza tal-QEĠ, il-miżuri ta’ traspożizzjoni nazzjonali u l-każistika nazzjonali

    Top