Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009DC0302

Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-programmi GNSS u dwar l-isfidi tal-ġejjieni skont l-Artikolu 22 tar-Regolament (KE) Nru 683/2008

/* KUMM/2009/0302 finali */

52009DC0302

Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-programmi GNSS u dwar l-isfidi tal-ġejjieni skont l-Artikolu 22 tar-Regolament (KE) Nru 683/2008 /* KUMM/2009/0302 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 26.6.2009

KUMM(2009) 302 finali

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMMI GNSS U DWAR L-ISFIDI TAL-ĠEJJIENI skont l-Artikolu 22 tar-Regolament (KE) Nru 683/2008

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMMI GNSS U DWAR L-ISFIDI TAL-ĠEJJIENIskont l-Artikolu 22 tar-Regolament (KE) Nru 683/2008

1. Daħla

Skont l-Artikolu 22 tar-Regolament (KE) Nru 683/2008 dwar l-implimentazzjoni ulterjuri tal-programmi Ewropej ta' navigazzjoni bis-satellita (EGNOS u Galileo), (minn issa 'l quddiem 'ir-Regolament GNSS’)[1] u b’referenza għall-programm ta' ħidma tal-GNSS adottat fl-2008, il-Kummissjoni b'dan tippreżenta l-ewwel rapport annwali dwar l-implimentazzjoni tal-programmi u dwar l-isfidi ewlenin quddiemna.

Ir-Regolament GNSS jiddefinixxi mill-ġdid il-programmi GNSS Ewropej billi jistabbilixxi qafas legali u finanzjarju għall-perjodu 2008-2013. Ġie adottat mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill fuq proposta li ppreżentat il-Kummissjoni Ewropea f’Settembru 2007, b'riżultat tad-deċiżjoni sabiex jintemmu n-negozjati għall-konklużjoni tal-kuntratt ta' konċessjoni mas-settur privat f'konformità mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 876/2002[2] u f'konformità mal-Konklużjonijiet tal-Kunsill ta’ Novembru 2007 dwar il-ħtieġa li l-Programmi Ewropej għas-Sistemi tan-Navigazzjoni Globali bis-Satellita jiġu ristrutturati.

2. Implimentazzjoni tal-Programmi

2.1. Punti importanti ewlenin

Fir-rwol il-ġdid tagħha bħala mexxejja tal-programm, il-Kummissjoni varat inizjattivi importanti sabiex jintlaħqu l-punti importanti meħtieġa biex ikomplu jintlaħqu l-għanijiet tal-programmi u dawn il-punti importanti, il-Kummissjoni laħqithom b'suċċess. B’hekk, il-Kummissjoni żgurat l-istabbiliment ta' l-qafas meħtieġ sabiex tkompli bil-passi li jmiss fl-implimentazzoni tal-programmi .

Għall- EGNOS , dan ifisser li l-Kummissjoni żgurat kontinwazzjoni bla intoppi tal-operazzjonijiet wara li s-sistema għaddiet f’idejn il-Kummissjoni mill-Aġenzija Spazjali Ewropea (minn issa ‘l quddiem l-ESA) fl-1 ta’ April 2009 billi:

- ħadet f’idejha s-sjieda, f’isem il-Komunità, tas-sistema EGNOS, mill-ESA (b’arranġamenti mal-ESA u l-EOIG, l-Operaturi u l-Grupp ta’ Infrastruttura tal-EGNOS.[3]

- stabbiliet kuntratt ta’ operazzjoni mal-ESSP SaS (il-fornituri tas-Servizzi Satellitari EGNOS) li se jiggarantixxi l-operazzjonijiet sa Ottubru 2009, u warajh għandu jsir kuntratt fit-tul li jkopri l-perjodu sal-2013.

- laħqet qbil mal-ESA li se tieħu fuqha r-responsabbiltà għad-disinn u l-akkwist tal-appart tal-EGNOS u għat-tiġdid tas-softwer (fil-qafas ta' ftehim tad-delegazzjoni, abbażi tal-Artikolu 54(2) tar-Regolament Finanzjarju[4], iffirmat fil-31 ta’ Marzu 2009).

- stabbiliet l-interfaċċji ewlenin ta’ ġestjoni fil-ġestjoni u l-esekuzzjoni tal-attivitajiet tal-programm EGNOS soġġetti għall-Ftehim ta’ Delegazzjoni, fi Pjan ta’ Ġestjoni tal-Programm żviluppat mal-ESA

- ħarġet b’kuntratt il-provvista ta’ trasponder speċjali tan-navigazzjoni tas-satelliti fuq satellita ġeostazzjonarja.

Għall- GALILEO dan ifisser li l-Kummissjoni ħadet il-passi kollha meħtieġa għall-akkwist tas-sistema Galileo, u

- iddelegat lill-ESA l-kompitu li takkwista l-infrastruttura Galileo, skont ir-regolament GNSS u r-regoli ta’ akkwist tal-UE (Ftehim ta’ Delegazzjoni ffirmat fid-19 ta’ Diċembru 2008)

- stabbilixxiet l-interfaċċji ewlenin ta’ ġestjoni fil-ġestjoni u l-esekuzzjoni tal-attivitajiet tal-programm Galileo soġġetti għall-Ftehim ta’ Delegazzjoni, fi Pjan ta’ Ġestjoni tal-Programm żviluppat mal-ESA

- varat il-proċedura kompetittiva tal-offerti għall-akkwist tal-infrastruttura Galileo, maqsuma f’sitt pakketti ta’ xogħol, f’Lulju 2008.

- ipprovdiet lill-ESA, permezz ta’ ftehim ta’ għotja, il-fondi meħtieġa biex tkopri spejjeż żejda imġarrba mill-ESA matul il-fażi ta' Valutazzjoni fl-Orbita (IOV).

2.2. Qafas Legali

Ir-Regolament GNSS jipprovdi l-qafas legali u finanzjarju għall-mobilitazzjoni tal-Programmi u jiddefinixxi struttura ta’ governanza bi rwoli ġodda għall-organizzazzjonijiet varji involuti abbażi ta’ żewġ prinċipji ewlenin:

- Diviżjoni stretta tar-responsabbiltajiet bejn il-Kummissjoni Ewropea, l-Aġenzija Spazjali Ewropea u l-Awtorità Superviżorja tal-GNSS, stabbilita mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1321/2004 tat-12 ta' Lulju 2004 dwar l-istabbiliment ta' strutturi għat-tmexxija tal-programmi Ewropej ta' radjunavigazzjoni bis-satellita[5] (minn issa 'l quddiem ir-Regolament GSA) fejn il-Kummissjoni għandha r-responsabbiltà aħħarija għall-ġestjoni tal-programm, ukoll għall-aspetti marbuta mas-sigurtà;

- Il-finanzjament sħiħ tal-fażi ta’ mobilitazzjoni Galileo (Kapaċità Operattiva Sħiħa – FOC) mill-2008 sal-2013 mill-baġit Komunitarju.

Barra minn hekk ,il-finanzjament Komunitarju se jkopri attivitajiet relatati mat-tlestija tal-fażi IOV tal-Galileo kif ukoll l-ispiża għat-tħaddim tal-EGNOS u attivitajiet preparatorji fir-rigward tal-isfruttar tal-programmi.

L-ammont totali allokat għal dawn l-attivitajiet huwa ta’ EUR 3405 miljun, li jinkludi EUR 400 miljun mis-Seba’ Programm Kwadru għar-Riċerka u l-Iżvilupp Teknoloġiku, l-istrument ewlieni tal-UE għall-finanzjament tar-riċerka fl-Ewropa għall-perjodu 2007-2013.

Dak ir-Regolament jistabbilixxi regoli dwar il-governanza ta’ kwistjonijiet ta’ sigurtà u l-applikazzjoni ta’ regolamenti dwar is-sigurtà. Jippreżenta wkoll prinċipji bażiċi li jirregolaw l-akkwisti fil-fażi ta’ mobilitazzjoni tal-Galileo, immirati lejn l-aċċess miftuħ u l-kompetizzjoni ġusta sabiex jinħolqu kundizzjonijiet ekwi għall-offerenti potenzjali. Il-proċedura tal-akkwist inqasmet f'sitt programmi ta' xogħol ewlenin, u l-entitajiet offerenti huma permessi jitfgħu l-offerti tagħhom għar-rwol ta’ kuntrattur ewlieni għal massimu ta’ tnejn minn dawn il-pakketti ta’ xogħol, filwaqt li għallinqas 40% tal-valur aggregat tal-attivitajiet għandu jkun soġġett għal sejħa kompetittiva għall-offerti fost entitajiet li ma jiffurmawx parti mill-entità li hi l-kuntrattur ewlieni.

Ir-Regolament GNSS jispeċifika li l-Komunità Ewropea ssir is-sid tas-sistemi GNSS u l-assi tal-programm, soġġetta għall-konklużjoni ta’ arranġamenti legali għat-trasferiment tas-sjieda. Jirrikjedi wkoll li l-mobilitazzjoni tal-konstellazzjoni sħiħa tal-Galileo tkun akkwistata skont ir-regoli tal-UE dwar l-akkwisti pubbliċi u r-Regolament Finanzjarju.

Jekk xieraq, il-Kummissjoni sejra, skont ir-Regolament, tħejji u tippreżenta, fl-2010, proposta li tkopri l-fondi pubbliċi u l-impenji meħtieġa għall-perjodu ta’ programmazzjoni dwar il-finanzjament li jibda fl-2014, u se tippreżenta xenarji għall-isfruttar tas-sistema Galileo.

L-attivitajiet imsemmija hawn taħt kienu passi importanti fil-faċilitazzjoni tal-kisbiet tal-għanijiet tar-Regolament GNSS u l-implimentazzjoni tal-istrutturi meħtieġa sabiex jiġi żgurat li l-Programmi GNSS jagħtu l-frott fis-snin li ġejjin.

2.3. Implimentazzjoni tal-istruttura l-ġdida tal-governanza

Waħda mill-prijoritajiet tal-Kummissjoni fir-rwol il-ġdid tagħha fil-ġestjoni tal-programmi GNSS kienet li jiġu implimentati l-istrutturi għat-teħid tad-deċiżjonijiet skont l-istruttura tal-governanza stabbilita mir-Regolament GNSS. Dan wassal biex:

- jiġi stabbilit il-Kumitat Ewropew għall-Programmi GNSS, previst fl-Artikolu 19 tar-Regolament GNSS, li l-għan tiegħu huwa li jgħin lill-Kummissjoni fil-ġestjoni tal-Programmi u li jassigura lill-Istati Membri li l-Programmi jiġu ġestiti kif xieraq. Fl-ewwel laqgħa li seħħet fl-10 ta’ Settembru 2008, il-Kumitat ta opinjoni favorevoli dwar il-Programm ta’ Ħidma 2008 tal-GNSS u l-Qafas Strateġiku tal-GNSS, żewġ dokumenti ċentrali għall-ippjanar, l-implimentazzjoni u l-operazzjoni tal-Galileo u l-EGNOS. Wara li l-Parlament Ewropew eżerċita d-dritt tiegħu tal-iskrutinju (dwar il-Qafas Strateġiku), il-Kummissjoni adottat iż-żewġ dokumenti li ppermettewlha tkun involuta fl-attivitajiet 2008 u l-krediti korrispondenti;

- il-ħolqien tal-Bord Interistituzzjonali Galileo (GIP), f’konformità mad-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni, mehmuża mar-Regolament GNSS. Il-GIP kellu l-ewwel laqgħa tiegħu f'nofs Frar tal-2009;

- il-ħolqien ta’ Bord tas-Sigurtà tal-GNSS (Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-Kummissjoni 2009/334/KE tal-20 ta April 2009 li twaqqaf grupp ta’ esperti dwar is-sigurtà tas-sistemi GNSS Ewropej[6]). Il-Bord eżistenti dwar is-sigurtà tal-Galileo, li ġie stabbilit mill-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 876/2002 tal-21 ta' Mejju 2002 li jistabbilixxi l-Impriża Konġunta Galileo[7] għandu jispiċċa gradwalment ladarba l-attivitajiet tiegħu ikunu tlestew jew trasferiti kif xieraq. Dwar dak is-suġġett, l-Artikolu 23 tar-Regolament dwar il-GNSS jipprovdi li l-Artikolu 7 tar-Regolament 876/2002 msemmi hawn fuq għandu jiġi revokat b'effett mill-25 ta' Lulju 2009;

- il-kjarifika tar-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-Aġenzija Spazjali Ewropea (ESA), b'mod partikolari permezz tal-ftehim multiannwali dwar id-delegazzjoni msemmi hawn fuq (abbażi tal-Artikolu 54(2) tar-Regolament Finanzjarju) li jkopri l-kompiti delegati u l-implimentazzjoni tal-baġit marbuta mal-implimentazzjoni tal-programm Galileo, b'mod partikolari fil-fażi tal-mobilitazzjoni. Dan ippermetta lill-ESA tiftaħ malajr il-proċedura tas-sejħa għall-offerti għall-infrastruttura tal-FOC, maqsuma f’sitt pakketti ta’ xogħol, f’isem u għall-Komunità Ewropea u b’rispett sħiħ tar-regoli u l-proċeduri dwar l-akkwisti pubbliċi tal-UE. Ġie ffirmat mal-ESA ftehim ta’ delegazzjoni separat li jkopri r-rwol tagħha bħala aġent tad-disinn matul l-operazzjonijiet tal-EGNOS sal-2013. L-attivitajiet se jinkludu l-implimentazzjoni u l-kwalifikazzjoni ta’ bidliet maqbula tad-disinn u ġabra ta’ attivitajiet ta’ ġestjoni li m’għadx hemm lokhom

- l-adozzjoni tal-proposta sabiex jiġi rivedut il-mandat tal-Awtorita Superviżorja Ewropea tal-GNSS (GSA) billi r-Regolament GSA jinġieb f’konformità mar-Regolament GNSS, li jispeċifika żewġ attivitajiet ċentrali għall-GSA, l-ewwel nett fl-akkreditazzjoni tad-dominju tas-sigurtà u l-isfruttar taċ-Ċentru tas-Sigurtà tal-Galileo u t-tieni nett fil-kontribuzzjoni għat-tħejjija għall-użu kummerċjali tas-sistemi, inkluża l-analiżi tas-suq meħtieġa;

- it-tisħiħ tal-proġett proprju tal-Kummissjoni u l-kapaċitajiet tal-ġestjoni tal-programm, partikolarment bit-tisħiħ tat-tim tal-Galileo permezz ta’ staff mill-Awtorità Superviżorja Ewropea tal-GNSS (GSA) u permezz tal-mobilitazzjoni interna mill-ġdid tar-riżorsi;

- l-ingaġġ b’kuntratt ta’ tim indipendenti ta' esperti fil-ġestjoni tal-proġetti sabiex tiġi evalwata l-implimentazzjoni tal-programmi u jsiru rakkomandazzjonijiet xierqa fuq bażi regolari. Dawn il-konsulenti indipendenti u esterni bdew xogħolhom f’Marzu 2009.

2.4. Varar tal-proċedura tal-akkwist għall-konstellazzjoni kollha Galileo

Il-proċedura tal-akkwist għall-mobilitazzjoni tal-konstellazzjoni kollha Galileo, punt kruċjali biex Galileo jerġa' jibda, infetħet f’Lulju 2008.

Filwaqt li l-fażi tal-validazzjoni fl-orbita (IOV) se tirriżulta fil-varar tal-ewwel 4 satelliti u fl-iżvilupp tal-ewwel parti tat-taqsima tal-art, il-kuntratti għall-kapaċità operazzjonali sħiħa (FOC) ta’ Galileo se jwasslu għall-konstellazzjoni sħiħa ta’ 30 satellita u l-pjattaformi rispettivi għall-varar tagħhom, l-infrastrutturi tal-art u l-operazzjonijiet inizjali tagħhom. B’kollox, ġew identifikati sitt pakketti ta’ xogħol fil-proċess tal-akkwist, li għalihom l-offerenti ġew mistiedna japplikaw (appoġġ għas-sistema, sistema tal-missjoni fuq l-art, sistema ta’ kontroll mill-art, satelliti, pjattaformi għall-varar u operazzjonijiet).

Il-fażi ta’ preselezzjoni bdiet bir-rilaxx tal-Pakkett ta’ Informazzjoni dwar is-Sejħa għall-Offerti (TIP) fl-1 ta’ Lulju 2008, segwit b’jum ta’ tagħrif fi Brussell fis-17 ta’ Lulju. It-TIP kien fih deskrizzjoni tal-proċedura tas-sejħa għall-offerti, u għal kull Pakkett ta’ Xogħol, ġabra ta’ rekwiżiti ta’ livell għoli, stqarrija tax-xogħol ta’ livell għoli, u linji gwida kuntrattwali.

Il-Bord tal-Evalwazzjoni tal-Offerti (TEB) inħoloq biex jappoġġa l-proċess kumplessiv tal-akkwisti tal-FOC billi jirrevedi d-dokumentazzjoni tal-offerti u jevalwa l-proposti industrijali. Il-presidenza tat-TEB tinqasam bejn il-Kummissjoni u l-ESA, u tinkorpora staff mill-Kummissjoni, il-GSA u l-ESA. Hija appoġġata minn esperti u bordijiet li jindirizzaw l-aspetti speċifiċi ta’ ġestjoni, legali u kuntrattwali, tekniċi u finanzjarji ta’ kull pakkett ta’ xogħol.

Wara l-preselezzjoni tal-kandidati xierqa, u t-tħejjija tal-pakkett tad-dejta, il-kandidati kollha ressqu l-proposti preliminari f’Novembru 2008. Saret sensiela ta’ laqgħat ta’ djalogu kompetittivi mal-kandidati, u din għaddejja kif meħtieġ sabiex jiġu indirizzati u ċċarati elementi tal-proposti u sabiex jiġu rfinati r-rekwiżiti.

Ġew stabbiliti speċifikazzjonijiet dettaljati f’konformità ma’ skeda taż-żmien għal kull pakkett ta’ xogħol u ntbagħtu lill-kandidati fi sejħiet dettaljati għall-offerti. Il-kandidati mbagħad huma mistennija jippreżentaw il-proposti raffinati tagħhom.

Dan il-proċess ta’ djalogu kompetittiv se jkun finalizzat matul l-2009, bil-għan li l-aqwa offerti u dawk finali jiġu ppreżentati u l-biċċa l-kbira tal-kuntratti konklużi qabel tmiem is-sena.

2.5. EGNOS

Fl-1 ta’ April 2009, il-Kummissjoni ħadet f’idejha s-sjieda tal-assi tal-EGNOS mill-ESA u ħadet ir-responsabbiltà għat-tħaddim tas-sistema. Għal dan l-għan ġie konkluż ukoll ftehim mal-EOIG (Il-Grupp tal-Operaturi u l-Infrastruttura EGNOS). L-EGNOS huwa, minn din id-data, imħaddem mill-ESSP SaS taħt kuntratt ta’ operazzjonijiet fuq perjodu qasir mal-Kummissjoni, li se jkun sostitwit minn kuntratt ta’ operazzjonijiet fit-tul f’Ottubru 2009.

B'hekk il-Kummissjoni żgurat kontinwazzjoni bla intoppi tal-EGNOS wara li s-sistema għaddiet minn idejn l-ESA.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni kkonkludiet kuntratt għas-sostituzzjoni ta’ tranponder GEO sa tmiem l-2011, filwaqt li x-xogħol għas-sostituzzjoni tat-tieni wieħed huwa mistenni li jitlesta matul l-ewwel semestru tal-2009.

Il-ftehim ta’ delegazzjoni konkluż mill-Kummissjoni mal-ESA jiddefinixxi r-rwol tal-ESA bħala aġent tad-disinn u tal-akkwisti fil-ftit snin li ġejjin għal finijiet ta' tiġdid tat-tagħmir u tas-softwer.

2.6. Applikazzjonijiet għall-Galileo

Ġew allokati sforzi dejjem akbar għall-espansjoni tas-swieq għall-applikazzjonijiet u s-servizzi minn tarf sa ieħor tal-EGNOS. Sforzi bħal dawn jimmiraw lejn is-sostenn ta’ ekosistema dejjem akbar ta’ kumpaniji Ewropej li huma kapaċi jipproduċu prodotti innovattivi bbażati fuq l-EGNOS u soluzzjonijiet ta’ servizzi għal għadd dejjem akbar ta’ taqsimiet tas-suq, u li jaġixxu bħala punt tranżitorju biex jiġu sfruttati kompletament il-kapaċitajiet ta’ Galileo meta jkunu disponibbli. Ġew segwiti żewġ linji ewlenin ta’ attività:

(i) il-promozzjoni tal-innovazzjoni permezz ta’ attivitajiet ta’ Riċerka u Żvilupp Teknoloġiku fi ħdan is-7 Programm Kwadru. B’riżultat tal-ewwel sejħa għall-proposti varati fl-2007, diġà ġew varati tletin proġett li jkopru firxa kbira ta’ applikazzjoni għas-swieq tal-prodotti bażiċi kif ukoll dawk speċjalizzati. Dawn għandhom ikunu kkomplementati permezz tat-tieni sett ta’ proġetti li għandhom jintagħżlu b’riżultat tat-tieni sejħa għall-proposti varati f’Diċembru 2008. Qegħdin isiru wkoll sforzi koordinati sabiex jiġi żgurat l-aqwa sfruttament possibbli tar-riżultati tal-proġetti mis-6 programm Kwadru (l-għan ewlieni komuni għal dawn il-proġetti tal-applikazzjonijiet, erbgħa fuq il-prototipi tas-servizzi u sittax fuq il-komunitajiet tal-utenti matul il-perjodu 2004-2008, kien li juru l-valur miżjud tal-EGNOS u Galileo, li joffru appoġġ fid-definizzjoni tal-missjoni ta’ Galileo u li jidentifikaw oqsma ta’ interess ewlenin għall-komunitajiet tal-utenti fejn ikollhom impatt l-applikazzjonijiet EGNOS/Galileo).

(ii) il-kontinwazzjoni tax-xogħlijiet preparatorji għal Pjan ta’ Azzjoni tal-Kummissjoni sabiex jitrawwem l-iżvilupp ta’ applikazzjonijiet u servizzi ġodda tal-GNSS, partikolarment dawk ibbażati fuq EGNOS u Galileo. Il-Pjan ta’ Azzjoni għandu jimmira lejn il-ħolqien ta’ qafas strateġiku ta’ miżuri b’diversi aspetti għall-promozzjoni u l-appoġġ, fosthom ġabra ta’ strumenti regolatorji u finanzjarji, għall-aċċellerazzjoni taż-żmien meħtieġ biex jintlaħaq is-suq u r-rata tal-penetrazzjoni tal-prodotti u servizzi Ewropej ibbażati fuq il-GNSS. L-għan strateġiku se jkun li jittejbu l-pożizzjoni kompetittiva u l-kapaċità tar-reazzjoni tal-industrija Ewropea, sabiex jinħolqu l-kundizzjonijiet għat-titjib tas-sehem tas-suq kemm fuq is-swieq stabbiliti, kif ukoll, b’mod aktar kruċjali dawk ta’ valur għoli u li qegħdin jiżviluppaw attwalment, relatati mal-GNSS.

Hekk kif l-iżvilupp tal-applikazzjonijiet GNSS jikseb l-importanza għall-isfruttament tal-EGNOS u Galileo, ir-riżorsi tas-7 Programm Kwadru għandhom jintużaw għall-appoġġ sostnut ta’ attivitajiet ta’ riċerka bħal dawn. L-analiżi ta’ nofs il-mandat tal-programm, li għandha ssir mill-Kummissjoni fl-2010 skont l-Artikolu 22 tar-Regolament GNSS, tista’ toffri din l-opportunità.

2.7. Attivitajiet internazzjonali

Bħala parti mill-analiżi tagħha tad-dimensjoni internazzjonali tal-Programmi GNSS, il-Kummissjoni rriformulat l-istrateġija internazzjonali tagħha sabiex tirrifletti l-fatt li l-Galileo u EGNOS jesiġu netwerk internazzjonali għall-parteċipazzjoni u l-kontribuzzjoni mill-pajjiżi li mhumiex tal-UE.

Atturi ewlenin oħra, bħal fornituri tas-sistema GNSS, huma l-Istati Uniti, iċ-Ċina u l-Federazzjoni Russa.

Fl-2008, il-Kummissjoni kellha diversi laqgħat ta’ gruppi ta’ ħidma mal-Istati Uniti bħala parti mill-ftehim bilaterali. Id-Department of State ospita laqgħa plenarja, fejn huwa qabel li jesegwixxi diversi azzjonijiet immirati lejn il-koordinament tal-pożizzjonijiet tal-UE u tal-Istati Uniti lejn sistemi terzi u l-inizjazzjoni ta’ gruppi ta’ ħidma oħra.

Saru wkoll diversi laqgħat ta’ livell għoli maċ-Ċina, fost l-oħrajn tal-Kumitat ta’ Direzzjoni, bħala parti mill-Ftehim Bilaterali ta’ Kooperazzjoni. Il-kompatibbiltà u l-interoperabbiltà bejn is-sistema Ċiniża li qiegħda tinbena, Compass, u Galileo, kienu punti importanti ta’ diskussjoni, u se jkomplu jiġu segwiti matul l-2009.

Saru xi laqgħat mal-Federazzjoni Russa, li wasslu għall-ħolqien ta’ grupp ta’ ħidma speċifiku dwar il-kooperazzjoni fil-qasam tal-kapaċitajiet tat-tiftix u s-salvataġġ tas-sistemi rispettivi (SAR).

3. Sfidi ewlenin fl-2009

Kif enfasizzat fir-reviżjoni tal-2009 tal-Programm ta’ Xogħol tal-GNSS, fl-2009 l-attivitajiet se jiffokaw fuq il-konklużjoni tal-akkwist tal-FOC, l-iffirmar tal-kuntratt tas-servizz tal-EGNOS, il-varar tal-istudji preparatorji għall-fażi ta’ wara l-2013 ta’ Galileo u l-pubblikazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni għall-applikazzjonijiet Galileo. Attivitajiet ewlenin oħra fl-2009 se jkunu r-reviżjoni tar-Regolament GSA, ir-reviżjoni tal-istrateġija internazzjonali ta’ kooperazzjoni u firxa ta’ miżuri ġenerali, fosthom il-ġestjoni tar-riskju, il-konsulenza teknika u l-komunikazzjoni.

Bosta minn dawn l-attivitajiet huma kruċjali kemm għall-Galileo kif ukoll għall-EGNOS, u għaldaqstant jeħtieġ li ssir tħejjija għall-isfidi fl-oqsma li ġejjin.

3.1. Spejjeż żejda tal-IOV

Meta l-ESA ppreżentat is-sitwazzjoni finanzjarja fil-programm GalileoSat lill-Istati Membri tagħha f’Settembru 2008, ħareġ biċ-ċar li l-ispejjeż tal-fażi tal-validazzjoni fl-orbita kienu żdiedu sostanzjalment meta mqabbla mal-pakkett finanzjarju. Id-diskussjonijiet sussegwenti mal-Istati Membri tal-ESA ma wasslux għal soluzzjoni għal ammont stmat ta’ EUR 376 miljun li bihom mistenni li jinqabeż il-baġit.

Fid-dawl tal-interdipendenzi bejn il-fażi tal-IOV u l-FOC, li għalihom issa hija responsabbli, il-Kummissjoni impenjat ruħha biex issib soluzzjoni għall-finanzjament bl-użu tal-baġit Komunitarju, fi qbil mal-Istati Membri tal-UE. Għalhekk ipproponiet li tuża r-riżerva ta’ ġestjoni tal-FOC sabiex tkopri parti mill-ispejjeż addizzjonali tal-IOV, soġġetti għal valutazzjoni indipendenti tal-eliġibbiltà tal-ispejjeż addizzjonali mġarrba, li għandha titlesta kmieni f’April 2009. Filwaqt li l-użu tar-riżerva tal-FOC biex ikunu koperti l-ispejjeż addizzjonali tal-fażi IOV solva problema urġenti li kienet thedded l-iskeda ta’ żmien u l-baġit tal-mobilitazzjoni ta’ Galileo, dan ovvjament joħloq restrizzjonijiet fuq l-implimentazzjoni tal-fażi ta' mobilitazzjoni nnifisha. Il-marġni finanzjarja fl-implimentazzjoni ta’ Galileo huwa żgħir għall-partijiet interessati tas-settur pubbliku u dak privat. Jeħtieġ li l-isforzi sabiex il-baġit ma jinqabiżx jiġu intensifikati. Il-Kummissjoni se tkompli tissorvelja s-sitwazzjoni u tirrapporta kif xieraq jekk il-kuntratturi jiffaċċjaw problemi tekniċi mhux mistennija jew problemi oħra bl-implimentazzjoni li jheddu l-iskeda u l-baġit.

3.2. Akkwist tal-FOC

Matul il-fażi tad-djalogu kompetittiv, se jkompli x-xogħol intensiv fuq l-ispeċifikazzjonijeit, l-offerti raffinati, u laqgħat oħra ta’ kjarifika, li se jirriżultaw fl-aqwa offerti, u dawk finali, l-evalwazzjoni u l-għoti tal-kuntratt. Se jsir kull sforz possibbli favur il-kompetizzjoni b’saħħitha. L-istess jgħodd għaż-żamma mal-iskeda tal-proċess tal-akkwist u l-passi differenti għall-pakketti varji ta’ xogħol. Se tkun sfida li l-kost tal-pakketti tax-xogħol jinżamm fil-limiti finanzjarji, bl-istess mod li se tkun sfida għall-industrija li timplimenta x-xogħol mal-iskeda. Il-Kummissjoni u l-ESA se jfittxu garanziji li l-industrija tkun kapaċi tindirizza problemi tekniċi imprevisti potenzjali u r-riskji bl-aktar mod xieraq u effikaċi u b’impatt minimu fuq l-iskeda.

It-tlestija tal-fażi IOV, li għandha timxi fl-istess żmien mal-fażi ta' mobilitazzjoni għal żmien konsiderevoli, u l-assimilazzjoni tar-riżultati IOV fl-attivitajiet ta' mobilitazzjoni tal-FOC, hija eżerċizzju delikat li jintlaqat ħażin minn dewmien ulterjuri li jista' jkun hemm fl-IOV. Fl-istess ħin, it-titjib tekniku meħtieġ matul l-IOV itejjeb il-profil tar-riskju tal-mobilitazzjoni tal-FOC u jikkontribwixxi għad-dixxiplina fiż-żamma mal-iskeda.

Is-sitwazzjoni tal-baġit għall-FOC, wara li jkunu koperti l-ispejjeż żejda tal-IOV, ftit li xejn tippermetti flessibbiltà fir-rigward tal-kost kumplessiv tal-FOC. Għaldaqstant, il-Kummissjoni se tissorvelja u tmexxi l-proċess bir-reqqa u tirrapporta lill-Kunsill u lill-Parlament jekk il-kost tal-kuntratti FOC ikun aktar minn dak li kien previst. F’każ bħal dan, il-Kummissjoni tippreżenta proposta sabiex tirrimedja s-sitwazzjoni.

3.3 EGNOS

Fl-2009 intlaħqu u se jkomplu jintlaħqu punti importanti, partikolarment il-bidu tal-operazzjonijiet taħt ir-responsabbiltà tal-Komunità fl-1 ta’ April 2009. Filwaqt li minn dik id-data ġie stabbilit kuntratt għall-medda l-qasira ma’ operatur għas-servizz tal-EGNOS, jeħtieġ xogħol ulterjuri biex tinkiseb soluzzjoni aktar permanenti sal-ħarifa tal-2009 u sabiex tinkiseb iċ-ċertifikazzjoni tal-EGNOS għall-avjazzjoni. Dan għandu jiġi konkluż sal-ewwel kwart tal-2010, b’konsiderazzjoni għar-rekwiżiti tar-regolament dwar l-Ajru Uniku Ewropew[8]. Bl-istess mod, se jkun jeħtieġ li tiġi żgurata l-konformità mar-rekwiżiti ta’ rendiment tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Avjazzjoni Ċivili (ICAO).

Kif jissemma fil-Programm ta’ Ħidma tal-2009, se jkun jeħtieġ li jsiru attivitajiet ta’ kummerċjalizzazzjoni sinifikanti għall-EGNOS, sabiex jiġu ffaċilitati l-aċċettazzjoni u l-użu tagħha mis-settur tal-avjazzjoni u oqsma oħra bħas-settur tat-toroq, tal-ferroviji, tat-tbaħħir u tal-agrikoltura. L-istess jgħodd għall-promozzjoni tas-Servizzi Kummerċjali għad-Distribuzzjoni tad-Dejta (CDDS)[9].

Ix-xogħol fuq il-kopertura sħiħa tal-EGNOS fl-Ewropa, u fuq estensjoni lil hinn mit-territorju Ewropew, partikolarment fl-Afrika, jibqa’ attività importanti fl-2009.

3.4 Studji ta’ wara l-FOC

Il-Kumissjoni se tvara analiżi komprensiva dwar il-fattibbiltà fl-2009 sabiex tidentifika u tiżviluppa l-aqwa għażla għall-operar u l-isfruttar tas-sistema Galileo. Fuq il-bażi tar-riżultati tal-analiżi, u f’konformità mar-regolament GNSS, il-Kummissjoni se tagħmel proposta lill-Kunsill u lill-Parlament is-sena d-dieħla.

Minħabba l-kobor u l-kumplessità tal-elementi involuti, ix-xogħol bikri fuq il-valutazzjoni tal-fattibbiltà se jkun importanti sabiex tinkiseb identifikazzjoni ċara u f’waqtha tax-xenarji u l-mezzi possibbli għall-operar u l-isfruttar wara l-2013. Bosta minn dawn l-elementi jeħtieġu perjodu twil ta’ tħejjija u jeħtieġ li jiġu solvuti ferm qabel l-FOC. Dan jinkludi l-aspetti kummerċjali kollha tal-isfruttar kif ukoll l-istrutturi legali, kuntrattwali u ta’ finanzjament tal-mudelli differenti tal-isfruttar.

3.5 Attivitajiet internazzjonali

L-isfidi ewlenin għall-attivitajiet internazzjonali tal-Programmi GNSS fl-2009 se jkunu li jiġu żgurati l-kompatibbiltà u l-interoperabbiltà ma’ Galileo, li jinkiseb aċċess għal riżorsi globali marbuta mal-GNSS u jiġu stabbiliti standards madwar id-dinja, li tiġi żgurata s-sigurtà tat-taqsima tal-ispazju u n-netwerk tal-istazzjonijiet fuq l-art, filwaqt li jiġi żgurat kontroll aktar strett ta’ teknoloġiji sensittivi tal-GNSS żviluppati permezz tal-finanzjament Ewropew, li ningħaqdu mal-isforz internazzjonali sabiex niżviluppaw applikazzjonijiet innovattivi u applikazzjonijiet speċjalizzati ta' interess suprareġjonali. Għan importanti se jkun li noħolqu l-opportunitajiet tas-suq għat-teknoloġija Ewropea tal-GNSS u l-industriji tal-applikazzjonijiet.

Il-kooperazzjoni maċ-Ċina se tgħaddi minn test liema bħalu fil-laqgħa li jmiss tal-kumitat ta' direzzjoni, imwaqqaf b'mod konġunt bħala punt ewlieni għall-valutazzjoni tal-progress fil-qafas ta' żmien 2008/2009 dwar il-kwistjoni kritika tal-kompatibbiltà COMPASS/Galileo. In-naħa Ewropea tistenna reazzjonijiet pożittivi fuq il-proposti li għamlu l-esperti. Jekk il-problema ma tissolviex malajr, ma jistax ikun eskluż li l-kooperazzjoni maċ-Ċina tieħu sura differenti ħafna.

3.6 Rimarki tal-għeluq

Ir-rapport jiġbed l-attenzjoni fuq l-istatus ta’ implimentazzjoni ta’ xi wħud mid-deċiżjonijiet imporanti li ttieħdu fl-2008 f’kooperazzjoni mill-qrib bejn il-Kummissjoni, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill. Il-Kummissjoni se tfittex li tiżgura l-involviment mill-qrib tal-istituzzjonijiet l-oħra, kif xieraq. L-appoġġ sostnut tagħhom għal implimentazzjoni ulterjuri tal-programmi, f’konformità mal-impenn komuni tagħhom, huwa ċentrali għas-suċċess tal-programmi.

[1] ĠU L196, 24 ta’ Lulju 2008, p.1

[2] ĠU L138, 28 ta’ Mejju 2002, p.1

[3] L-EOIG huwa kompost minn għadd ta’ fornituri Ewropej ta’ servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru li investew fil-programm EGNOS: Aena, CNES, DFS, DSNA, ENAV, NATS, NAV Portugal, NMA, Skyguide

[4] Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej ĠU L 248, 16 ta’ Settembru 2002, p. 1 kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kunsill Nru 1525/2007 tas-17 ta' Diċembru 2007 (ĠU L 343, 27 ta’ Diċembru 2007, p. 9.)

[5] ĠU L 246 tal-20 ta' Lulju 2004, p.1. Ir-Regolament kif emendat mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1942/2006 tat-12 ta’ Diċembru 2006, ĠU L 367 tat-22 ta’ Diċembru 2006, p.18.

[6] ĠU L 101 tal-21 ta’ April 2009, p. 22.

[7] ĠU L 138 tal-21 ta’ Mejju 2002, p.1 Ir-Regolament kif emendat mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1943/2006 tat-12 ta’ Diċembru 2006, ĠU L 367 tat-22 ta’ Diċembru 2006, p. 21.

[8] Ir-Regolament (KE) Nru 550/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta' Marzu 2004 dwar il-forniment ta' servizzi ta' navigazzjoni tal-ajru fl-ajru uniku Ewropew - ĠU L96 tal-31 ta’ Marzu 2004, p.10.

[9] Is-CDDS jikkonsiti fil-provvista ta’ messaġġi tal-EGNOS tal-awmentazzjoni fil-ħin reali u ta’ kejl ta' dejta mhux ipproċessata minn stazzjonijiet fuq l-art fil-ħin reali lill-klijenti awtorizzati (eż. fornituri ta’ applikazzjonijiet b’valur miżjud).

Top