Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009DC0250

    Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fir-rigward tal-qagħda attwali dwar il-kontroll tas-Salmonella li jkun hemm fl-ikel fl-l-UE

    /* KUMM/2009/0250 finali */

    52009DC0250

    Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fir-rigward tal-qagħda attwali dwar il-kontroll tas-Salmonella li jkun hemm fl-ikel fl-l-UE /* KUMM/2009/0250 finali */


    [pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

    Brussel 29.5.2009

    KUMM(2009) 250 finali

    KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

    fir-rigward tal-qagħda attwali dwar il-kontroll tas-Salmonella li jkun hemm fl-ikel fl-l-UE

    KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

    fir-rigward tal-qagħda attwali dwar il-kontroll tas- Salmonella li jkun hemm fl-ikel fl-l-UE

    L-GħAN

    L-għan ta' din il-Komunikazzjoni hi li tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-qagħda attwali tal-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Komunità maħsuba biex jikkontrollaw s- Salmonella u r-riżultati sa mill-adozzjoni tar-Regolament (KE) Nruº2160/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17ºta'ºNovembruº2003 fuq il-kontroll tas- Salmonella u aġenti Żoonotiċi oħra speċifiċi li jkun hemm ġewwa l-ikel[1] u tad-Direttivaº2003/99/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17ºta'ºNovembruº2003 dwar il-monitoraġġ taż-żoonożi u l-aġenti żoonotiċi[2]. Barra minn hekk, din il-Komunikazzjoni tkopri leġiżlazzjoni u attivitajiet Komunitarji oħra biex tiżgura/ittejjeb il-kontroll tas- Salmonella tul il-katina alimentari.

    INTRODUZZJONI

    Iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC) u l-Awtorità Ewropea dwar is-Sikurezza Alimentari (EFSA) irrappurtat 151 995 każ ta' salmonellosis fil-bnedmin fl-2007 fis-27ºStat Membru tal-Unjoni Ewropea (UE), li hi inċidenza ta' 31,1 għal kull 100 000 popolazzjoni[3]. Madankollu, huwa evidenti li n-numru ta' każijiet fil-bnedmin huwa serjament sottovalutat u hemm nuqqas kbir ta' rapporti dwaru[4].

    Parti mill-każijiet fil-bnedmin imsemmija hawn fuq ġiet skoperta fil-qafas ta' 3 131 tifqigħa li jkun hemm mill-ikel[5] li hija 64,5 % tan-numru totali tat-tifqigħat li jkun hemm mill-ikel ta' oriġini magħrufa. It-tifqigħat tas- Salmonella affettwat 22 705ºvittmi, li minnhom 14º% ddaħħlu l-isptar u 23ºmietu. Is- Salmonella Enteritidis u s- Salmonella Typhimurium kienu responsabbli għal 95 % tat-tifqigħat bis-serotip magħruf.

    Il-bnedmin jistgħu jieħdu l-infezzjoni tas- Salmonella permezz tal-konsum ta' ikel ikkontaminat (il-biċċa l-kbira tal-każijiet) jew ilma tax-xorb. Prodotti li joriġinaw mill-annimali, l-aktar (prodotti) tal-bajd u tal-ħalib huma rrappurtati bħala s-sorsi ewlenin tal-ikel, iżda prodotti tal-forn, frott, ħaxix u ċikkulata kkawżaw ukoll tifqigħat tas- Salmonella .

    Tħassib ieħor għas-saħħa pubblika huwa l-ħolqien ta' reżistenza antimikrobjali tas-salmonellosis fil-bnedmin li ġejja mill-użu ta' antimikrobjali fil-produzzjoni tal-annimali tal-irziezet[6].

    MONITORAġġ TAS- SALMONELLA

    Monitoraġġ fil-bnedmin

    Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/96/KE tat-22 ta' Diċembru 1999 dwar mard li jittieħed li għandu jiġi kopert b'mod progressiv fin-network tal-Komunità taħt id-Deċiżjoni Nru 2119/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[7] tistipula s-sorveljanza mandatorja tas-salmonellosis fil-bnedmin. Dawn id-dejta jinġabru mill-ECDC permezz tan-netwerks tagħha fl-Istati Membri.

    Monitoraġġ fl-għalf, oġġetti tal-ikel u l-annimali

    L-iskop tad-Direttivaº2003/99/KE hu li jiżgura li ż-żoonożi, aġenti żoonotiċi u r-reżistenza antimikrobjali tagħhom ikunu ssorveljati tajjeb u li tifqigħat li jkun hemm fl-ikel jirċievu investigazzjoni epidemjoloġika xierqa. Ir-riżultati mill-monitoraġġ fl-ikel, l-animali u l-għalf fl-Istati Membri huma sottomessi elettronikament lill-EFSA.

    Investigazzjoni ta' tifqigħat li jkun hemm fl-ikel flimkien ma' każijiet rari li jintużaw għall-attribuzzjoni tas-sors, tagħmilha possibbli biex tistabbilixxi prijoritajiet li jindikaw l-oġġetti tal-ikel u l-popolazzjonijiet tal-annimali li għandhom ikunu primarjament ikkunsidrati għal azzjoni biex tkun ikkontrollata s- Salmonella , sabiex ir-riskju għas-saħħa pubblika jonqos b'mod l-aktar rapidu u biex tkun garantita strateġija integrata. Kemm l-ECDC kif ukoll l-EFSA qed jallokaw riżorsi konsiderevoli għall-iżvilupp ta' għodda u rakkomandazzjonijiet biex itejbu investigazzjonijiet bħal dawn.

    Dejta dwar l-għalf, l-annimali, l-ikel u l-bnedmin jinġabru mill-EFSA fir-rapport annwali Komunitarju fil-qosor tagħha dwar iż-zoonosi. Barra minn hekk, il-Bord tal-EFSA dwar Perikli Bijoloġiċi janalizza r-rapport u jagħmel rakkomandazzjonijiet biex itejjeb il-monitoraġġ u biex jikkunsidra l-miżuri.

    Il-monitorraġġ tas- Salmonella ġie armonizzat b'mod progressiv b'teħid ta' protokolli komuni ta' kampjuni u metodi analitiċi stabbiliti fl-istudji bażi u programmi ta' kontroll (ara l-puntº5) fil-każ ta' annimali ħajjin u bi kriterji mikrobijoloġiċi komuni fil-każ ta' oġġetti tal-ikel (ara l-puntº6.2). Bħala riżultat, dejta ta' prevalenza saru komparabbli bejn l-Istati Membri u jistgħu jkunu previsti l-evalwazzjonijiet ta' riskji f'livell Komunitarju.

    Il-laboratorju Komunitarju ta’ Referenza għas- Salmonella ġie nnominat u jikkoordina netwerk ta' laboratorji ta’ referenza nazzjonali biex itejbu l-metodoloġija ta’ ttestjar u biex jiżguraw kwalità għolja ta' analiżi tal-laboratorju fl-Istati Membri kollha.

    Azzjoni: Għandha titħeġġeġ ir-riċerka, jew il-monitoraġġ fil-bnedmin għandu jitjieb, sabiex ikun hemm stima aħjar tal-prevalenza reali tas-salmonellosis fil-bnedmin u biex ikunu jistgħu jitqabblu aħjar il-prevalenzi bejn l-Istati Membri, u jekk possibbli, pajjiżi terzi.

    KONTROLL TAS- SALMONELLA FL-GħALF

    Proteini ta' annimali pproċessati għandhom ikunu konformi mal-kriterju tas- Salmonella stabbilit fir-Regolament (KE) Nruº1774/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3ºta’ºOttubruº2002 li jippreskrivi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal-annimali mhux maħsuba għall-konsum uman[8].

    Is- Salmonella nstabet ukoll f'numru sostanzjali ta' materjal tal-għalf veġetali bħas-soja mitħun u żerriegħa tar-rapa mitħuna ħoxna3. Il-miżuri stabbiliti fir-Regolament (KE) Nruº183/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12ºta'ºJannarº2005 li jistabbilixxi l-ħtiġijiet għall-iġjene tal-għalf[9], inkluża s-sistema HACCP, huma għaldaqstant kritiċi biex jipprevjenu jew jillimitaw il-konatminazzjoni tas- Salmonella waqt it-trasport, il-ħażna u l-ipproċessar ta' materjal tal-għalf.

    F'Ġunju 2008, il-Bord tal-EFSA dwar Perikli Bijoloġiċi pprovda Opinjoni fuq l-Evalwazzjoni tar-Riskju Mikrobijoloġiku fl-għalf għall-annimali li jipproduċu l-ikel. L-Opinjoni tirrakkomanda l-istipular tal-kriterji għal Salmonella fl-għalf (veġetali) sabiex jipprevjeni infezzjonijiet tal-annimali.

    Azzjoni : Konsiderazzjoni tal-kriterji tas- Salmonella fl-għalf. Qed jissokta skambju ta' fehmiet ma' Stati Membri u ma' partijiet interessati.

    KONTROLL TAS- SALMONELLA FIL-POPOLAZZJONIJIET TAL-ANNIMALI

    Skont id-dispożizzjonijiet fir-Regolament (KE) Nru 2160/2003, miri Komunitarji qed jiġu stabbiliti għat-tnaqqis fil-prevalenza tas- Salmonella fil-popolazzjonijiet tat-tjur u tal-ħnieżer. Qed tiġi segwita strateġija simili għal kull popolazzjoni:

    ( Inbdew studji ta' pedament dwar il-prevalenza tas- Salmonella skont id-Direttivaº2003/99/KE minn ftit xhur wara li għaxar Stati Membri oħra ssieħbu mal-UE fl-2004. B'dan il-mod, inġabret informazzjoni komparabbli dwar tiġieġ li jbidu u brojlers fil-25 Stat Membru. Riżultati minn studji ta' pedament dwar dundjani u ħnieżer għat-tbiċċir fis-27 Stat Membru kollha kienu disponibbli fl-ewwel sitt xhur tal-2008. Sar studju ta' pedament dwar is- Salmonella fil-ħnieżer għat-tgħammir fl-2008.

    ( Fil-popolazzjoni tat-tjur, l-istudji ta' pedament jipprovdu l-prevalenza ta' referenza għall-istipular ta' mira ta' tnaqqis għas- Salmonella skont ir-Regolament (KE) Nruº2160/2003. Huma jippermettu wkoll analiżi ta' fatturi ta' riskju bil-għan li jiżviluppaw programmi ta' kontroll. Finalment, huma ħeġġew lil Stati Membri bi prevalenza għolja biex iħaffu l-azzjoni tagħhom qabel mal-Komunità timponi rekwiżiti.

    ( Fil-popolazzjoni tal-ħnieżer, stħarriġ ta' pedament jipprovdi informazzjoni għal analiżi tal-ispejjeż/benefiċċji qabel ma tintuża d-dejta bħala l-prevalenza ta' referenza għall-istipular ta' mira ta' tnaqqis. Barra minn hekk, evalwazzjoni kwantitattiva tar-riskju mill-EFSA hija meħtieġa għal din l-analiżi tal-ispejjeż/benefiċċji. Popolazzjonijiet tat-tjur ingħataw deroga minn dawn l-analiżi tal-ispejjeż/benefiċċji.

    ( Kull darba li tkun inftiehmet mira għal tnaqqis qed jiġu ppreżentati programmi nazzjonali ta' kontroll lill-Kummissjoni mill-Istati Membri u pajjiżi terzi għall-approvazzjoni.

    ( Programmi ta' kontroll, inkluż monitoraġġ armonizzat tal-popolazzjoni japplikaw wara l-approvazzjoni u fi kwalunkwe każ fi żmien 18-il xahar wara li tkun ġiet stabbilita mira għal tnaqqis. It-tqegħid fis-suq ta' annimali ħajjin u bajd huwa ristrett jekk il-programmi ta' kontroll ikunu għadhom ma ġewx ippreżentati jew approvati, jew jekk ċerti serotipi ta' Salmonella jkunu ġew osservati.

    Tiġieġ tat-tgħammir ta' Gallus gallus

    Mira għal tnaqqis tas- Salmonella f'qatgħat ta' tiġieġ tat-tgħammir kienet stabbilita bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1003/25 tat-30 ta' Ġunju 2005 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 2160/2003[10]. Sal-aħħar tal-2009 massimu ta' 1 % ta' qatgħat ta' adulti għat-tgħammir jistgħu jkunu infettati minn wieħed mill-ħames serotipi ewlenin.

    Mill-bidu tal-programmi nazzjonali ta' kontroll fl-1 ta' Jannar 2007, l-Istati Membri kienu meħtieġu jieħdu kampjun tal-qatgħat jew l-imfaqqas kollha b'metodu armonizzat. Jekk is- Salmonella Enteritidis jew is- Salmonella Typhimurium tiġi osservata, bajd ta' tfaqqis ma jkunx jista' jiġi prodott aktar u t-tiġieġ jinqatlu b'mod li jevita kull periklu. Fl-2007, 1,2 % jew inqas ta' qatgħat fil-maġġoranza tal-Istati Membri kienu għadhom infettati minn wieħed mill-ħames serotipi, wara li kienet inkisbet jew kważi inkisbet il-mira. F'ħames Stati Membri l-perċentwali ta' qatgħat infettati kienet għadha bejn 4,2 u 15,4 %.

    Mill-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/843/KE tal-11 ta' Diċembru 2007 dwar l-approvazzjoni ta' programmi ta' kontroll tas- Salmonella f'qatgħat għat-tgħammir ta' Gallus gallus f'ċerti pajjiżi terzi[11], importazzjonijiet ta' bajd ta' tfaqqis u tjur ħaj intenzjonat għat-tgħammir huma permessi biss mill-Istati Uniti, il-Kanada, il-Kroazja, it-Tuneżija u l-Iżrael li huma l-uniċi pajjiżi li ppreżentaw programm ta' kontroll tas- Salmonella ekwivalenti għad-dispożizzjonijiet tal-UE.

    Tiġieġ li jbidu

    L-istudju ta' pedament enfasizza d-differenzi kbar fi prevalenza fil-qatgħat ta' tiġieġ li jbidu, fejn instabu minn 0 sa 'l fuq minn 50 % ta' qatgħat pożittivi għas- Salmonella . Minħabba din il-varjazzjoni u l-prevalenza għolja f'numru ta' Stati Membri, il-Kummissjoni ddeċidiet li tistabbilixxi mira ta' tnaqqis skont is-sena preċedenti sakemm il-prevalenza tinżel taħt it-2 % (ir-Regolament (KE) Nru 1168/2006[12]).

    Il-programm ta' kontroll tas- Salmonella f'qatgħat ta' tiġieġ li jbidu beda fl-Istati Membri kollha mhux aktar tard mill-1ºta'ºFrarº2008, inkluż il-monitoraġġ armonizzat fil-qatgħat kollha kull 15-il ġimgħa.

    B'żieda ma' dan, il-Kummissjoni adottat miżuri (ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1237/2007[13]) biex tirrestrinġi t-tqegħid fis-suq ta' dawn il-bajd tat-tfaqqis:

    - mill-1ºta'ºNovembruº2007 f'każijiet fejn il-qatgħa hi s-sors ta' tifqigħa ta' Salmonella fil-bnedmin

    - mill-1ºta'ºJannarº2009 jekk in-nuqqas ta' Salmonella Enteritidis jew Salmonella Typhimurium ma jintweriex mill-monitoraġġ.

    Abbażi tal-preżentazzjoni u l-approvazzjoni tal-programmi ta' kontroll ekwivalenti, l-Iżvizzera u l-Kroazja biss jistgħu jesportaw bajd tat-tfaqqis lejn l-UE. Dawn iż-żewġ pajjiżi biss u l-Istati Uniti qed jitħallew jesportaw tjur ħaj intenzjonat għal bajd.

    Brojlers

    Sar studju ta' pedament dwar il-qatgħat ta' brojler fl-Istati Membri bejn Ottubru 2005 u Settembru 2006. F'livell Komunitarju 23,7 % tal-qatgħat instabu pożittivi għas- Salmonella .

    Konsegwentament, mira tat-tnaqqis għal Salmonella Enteritidis u Salmonella Typhimurium ta' 1 % jew inqas tal-qatgħat li jibqgħu infettati ġiet stabbilita bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 646/2007 tat-12 ta' Ġunju[14].

    Il-programmi ta' kontroll tas- Salmonella għal qatgħat ta' brojlers bdew f'kull Stat Membru mhux aktar tard mill-1ºta'ºJannarº2009, u jinkludu l-monitoraġġ tal-qatgħat kollha qabel il-brojlers jintbagħtu għal tbiċċir.

    Skont ir-Regolament (KE) Nruº2160/2003, is- Salmonella għandha tkun “assenti f'25ºgramma” tal-laħam frisk tat-tjur mill-aħħar tal-2010 'l quddiem, iżda regoli dettaljati għandhom xorta jkunu stabbiliti mill-Kummissjoni.

    Garanziji ekwivalenti fuq esportazzjonijiet ta' tjur imbiċċra ngħataw biss mill-Iżvizzera. Brojlers li jkunu ilhom jum ħajjin jistgħu jiġu esportati lejn l-UE mill-Iżvizzera u mill-Istati Uniti biss.

    Azzjoni : Il-Kummissjoni se tadotta regoli dettaljati dwar il-kriterju tas-sikurezza alimentari tas- Salmonella għal-laħam frisk tat-tjur qabel l-aħħar tas-sena inklużi frekwenzi minimi ta’ teħid ta' kampjuni, pjanijiet armonizzati ta' teħid ta' kampjuni u metodi analitiċi. Se ssir evalwazzjoni ta' garanziji ekwivalenti għal pajjiżi terzi minn fejn l-esportazzjonijiet ta' laħam frisk tat-tjur huma attwalment permessi hekk kif jintlaħq qbil dwar id-dettalji għal kummerċ f'laħam frisk tat-tjur fl-UE.

    Dundjani

    Sar studju ta' pedament dwar id-dundjani bejn Ottubru 2006 u Settembru 2007 f'kull Stat Membru, inklużi l-Bulgarija u r-Rumanija. Il-Komunità osservat li l-prevalenza ta' qatgħat li huma pożittivi għas- Salmonella kienet ta' 13,6 % fid-dundjani għat-tgħammir u 30,7 % fid-dundjani għat-tismin.

    Abbażi tar-riżultati tal-istudju ta' pedament, ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 584/2008 tal-20 ta' Ġunju 2008[15] stabilixxa mira għat-tnaqqis għas- Salmonella Enteritidis u s- Salmonella Typhimurium ta' 1 % jew inqas tal-qatgħat li jibqgħu infettati.

    Il-Kummissjoni bħalissa qed tivvaluta l-programmi nazzjonali ta' kontroll ippreżentati mill-Istati Membri u pajjiżi terzi. Il-programmi ta' kontroll se japplikaw mill-bidu tal-2010.

    Mill-aħħar tal-2010 l-kriterju tas-sikurezza alimentari fuq laħam frisk tat-tjur se japplika mhux biss għal-laħam tal-brojler imma wkoll għal-laħam tad-dundjani.

    Azzjoni: Valutazzjoni u approvazzjoni possibbli tal-programmi ta' kontroll tal-Istati Membri u ta' pajjiżi terzi qabel l-aħħar tal-2009.

    Ħnieżer għat-tbiċċir

    Sar studju ta' pedament fuq ħnieżer għat-tbiċċir bejn Ottubru 2006 u Settembru 2007 f'kull Stat Membru, inklużi l-Bulgarija u r-Rumanija. F'livell Komunitarju 10,3 % tal-ħnieżer għat-tbiċċir instabu pożittivi għas- Salmonella .

    Il-Kummissjoni qed tagħmel analiżi tal-ispejjeż/benefiċċji kif meħtieġ mir-Regolament (KE) Nru 2160/2003 qabel ma’ tistabbilixxi mira Komunitarja. Din l-analiżi tinkludi evalwazzjoni kwantitattiva tal-fatturi ta' riskju u l-alternattivi ta' mitigazzjoni kif ukoll stima tal-benefiċċji għas-saħħa tal-bniedem. Din issir b'kollaborazzjoni mill-qrib mal-EFSA u għandha titlesta sa nofs l-2010.

    Azzjoni: Se tiġi stabbilita mira għal tnaqqis hekk kif l-analiżi tal-ispejjeż/benefiċċji titlesta. Minkejja d-dewmien tal-iffissar ta' mira għal tnaqqis minħabba l-bżonn ta' ġbir ta' dejta ta' prevalenza komparabbli fis-27 Stat Membru u l-ħtieġa ta' analiżi tal-ispejjeż/benefiċċji, il-qafas legali attwalment fis-seħħ, b'mod partikolari r-Regolamenti dwar iġjene (ara punt 6.1) u r-Regolament dwar kriterji mikrobijoloġiċi fl-oġġetti tal-ikel (ara punt 6.2), diġa' jistipula livell ogħli ta' sikurezza alimentari.

    Majjali għat-tgħammir

    Sar studju bażi dwar majjali għat-tgħammir minn Jannar sa Diċembruº2008 fis-27 Stati Membri kollha. Il-Kummissjoni se tagħmel analiżi tal-ispejjeż/benefiċċji simili għall-ħnieżer għall-qatla qabel ma’ tagħmel mira Komunitarja. Din l-analiżi tinkludi evalwazzjoni kwantitattiva tal-fatturi ta' riskju u l-alternattivi ta' mitigazzjoni kif ukoll stima tal-benefiċċju għat-tnaqqis tas- Salmonella fil-ħnieżer għat-tismin. Din hi magħmula b'kollaborazzjoni mill-viċim mal-EFSA u għandha titlesta sa nofs l-2010.

    Azzjoni: Mira għal tnaqqis għas- Salmonella f'majjali għat-tgħammir se tiġi stipulata immedjatament wara l-analiżi tal-ispejjeż/benefiċċji li hija aktar tard mid-data stabbilita fir-Regolamentº(KE)ºNruº2160/2003.

    KONTROLL TAS- SALMONELLA FL-OġġETTI TAL-IKEL

    Ir-Regolamenti dwar l-Iġjene

    Ir-Regolament (KE) Nruº852/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29ºta’ºAprilº2004 dwar l-iġjene tal-oġġetti tal-ikel[16] jistipula r-regoli ġenerali għal operaturi kummerċjali tal-ikel dwar l-iġjene tal-oġġetti tal-ikel. Dan jiżgura s-sikurezza alimentari matul il-katina alimentari billi jimplimenta proċeduri bbażati fuq l-HACCP u prattika tajba tal-iġjene.

    Ir-Regolament (KE) Nruº853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29ºta'ºAprilº2004 li jistabbilixxi ċerti regoli speċifiċi ta' iġjene għall-ikel li joriġina mill-annimali[17] jissupplimenta r-regoli stabbiliti fir-Regolament (KE) Nruº852/2004 fir-rigward ta' prodotti mhux proċessati u proċessati li joriġinaw mill-annimali. Ir-Regolament (KE) Nruº854/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29ºta’ºAprilº2004 li jippreskrivi regoli speċifiċi għall-organizzazzjoni ta' kontrolli uffiċjali fuq prodotti li joriġinaw mill-annimali maħsuba għall-konsum uman[18] jiżgura li jiġi implimentat b'mod korrett.

    Dawn ir-Regolamenti jipprovdu qafas ġenerali għal kundizzjonijiet tal-iġjene li jillimitaw il-preżenza tas- Salmonella fl-oġġetti tal-ikel. Rapport li jivvaluta l-implimentazzjoni tar-Regolamenti qed jiġi attwalment ippreparat.

    Ir-Regolament (KE) Nru 2073/2005 dwar il-kriterji mikrobijoloġiċi għall-oġġetti tal-ikel

    Ir-Regolament (KE) Nruº2073/2005 tal-15 ta' Novembru 2005[19] jistabbilixxi kriterji mikrobijoloġiċi għal ċerti mikro-organiżmi u r-regoli ta' implimentazzjoni li jridu jikkonformaw magħhom l-operaturi tan-negozju tal-ikel.

    Ir-Regolament jistabbilixxi kriterji tas-sikurezza alimentari għas- Salmonella fi 18-il grupp tal-oġġetti tal-ikel, inklużi l-ikkappuljat u preparazzjonijiet ta’ laħam, laħam separat bil-magni, prodotti tal-bajd, ġelat u formuli mnixxfa tat-trabi. Dawn il-kriterji jiddefinixxu l-aċċettabbiltà ta' oġġetti tal-ikel li jitqiegħdu fis-suq.

    Kriterji ta' proċess tal-iġjene għas- Salmonella fuq karkassi ta’ brojlers, dundjani, majjali, baqar, ngħaġ, mogħoż u żwiemel huma wkoll stabbiliti fir-Regolament. Huma stipulaw valur indikattiv li fuqu tinħtieġ azzjoni korrettiva sabiex iżomm l-igjene waqt l-ipproċessar.

    KONTROLL TA' REżISTENZA GħAL ANTIBIJOTIċI KONTRA S- SALMONELLA

    Fi ħdan l-UE

    Fi snin riċenti l-EFSA rrappurtat xejra dejjem tiżdied tal-iżolati ta' Salmonella fil-bniedem reżistenti għall-antibijotiċi[20].

    Ir-reżistenza fl-iżolati ta' Salmonella mill-majjali u l-baqar, u sa ċertu punt mill-brojlers, u l-laħam tagħhom, kienet tixbaħ ħafna dak li jiġri fil-bnedmin. Din turi biċ-ċar il-preżenza ta' ġabra ta' iżolati ta' Salmonella reżistenti għall-antibijotiċi f'annimali tar-razzett u l-ikel li joriġina minnhom.

    Mill-1 ta'ºJannarº2006, l-użu ta' antibijotiċi bħala addittivi tal-għalf, barra koċċidijostati u istomonostati, kien projbit fl-UE. B'żieda ma’ dan, l-antibijotiċi ma jistawx jiġu użati bħala metodu speċifiku biex jikkontrolla s-Salmonella fit-tjur ħlief taħt ċirkustanzi eċċezzjonali definiti b'mod ċar fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1177/2006 tal-1 ta' Awwissu 2006[21]. Meta wieħed iqis din il-projbizzjoni, programmi ta' kontroll biex inaqqsu s- Salmonella fil-popolazzjonijiet tal-annimali tar-razzett jistgħu jkunu l-aktar mod effiċjenti biex titnaqqas is-Salmonella reżistenti għall-antibijotiċi.

    Sabiex tinkiseb informazzjoni komparabbli minn kull Stat Membru, il-Kummissjoni adottat regoli armonizzati dwar il-monitoraġġ tar-reżistenza fl-iżolati ta' Salmonella [22].

    B'żieda ma’ dan, ġew stabbiliti l-laboratorju Komunitarju ta’ referenza u netwerk ta' laboratorji nazzjonali ta’ referenza għar-reżistenza antimikrobjali [23] biex itejbu l-metodoloġija ta' ttestjar u biex jiżguraw kwalità għolja ta' analiżi tal-laboratorju fl-Istati Membri kollha.

    Il-Kummissjoni bagħtet mandat lill-korpi xjentifiċi rilevanti SCENIHR[24], EFSA, EMEA[25] u ECDC biex tivvaluta r-riskju minn reżistenza antimikrobjali f'aġenti żoonotiċi inkluż is- Salmonella .

    Azzjoni: Il-Kummissjoni se tivvaluta l-evalwazzjoni tar-riskju SCENIR/EFSA/EMEA/ECDC sabiex jekk meħtieġ tikkunsidra alternattivi xierqa.

    Fil-livell internazzjonali

    Mill-2007, il-Komunita Ewropea ħadet ukoll ir-riedni f'idejha fl-iżvilupp tal-alternattivi ta' ġestjoni fi ħdan Task Force Intergovernattiva ad hoc dwar Reżistenza Antimikrobjali stipulata mill-Kummissjoni FAO/WHO Codex Alimentarius. Ix-xogħol preliminarju ta' Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali (OIE) qiegħed segwit mill-qrib.

    Azzjoni: Il-Kummissjoni se tkompli tappoġġja l-adozzjoni tal-linji ta' gwida tal-Codex dwar ir-reżistenza antimikrobjali sal-2011.

    GARANZIJI SPEċJALI

    Fiż-żmien tas-sħubija tagħhom il-Finlandja u l-Iżvezja ngħataw garanziji speċjali fir-rigward tas- Salmonella . Stati Membri oħra li jixtiequ jibagħtu laħam jew bajd lill-Finlandja u l-Iżvezja jridu jippruvaw li l-prodotti ma fihomx Salmonella , wara li jsegwu protokoll strett ta' kampjuni. Ir-raġuni għall-għoti ta' garanziji speċjali kienet is-sitwazzjoni favorevoli epidemjologika fil-Finlandja u l-Iżvezja u l-miżuri stretti li huma japplikaw fil-programmi ta' kontroll tagħhom.

    Kull Stat Membru jew reġjun ta' Stat Membru li għandu programm ta' kontroll rikonoxxut bħala ekwivalenti għal dawk approvati għal Finlandja u l-Iżvezja jistgħu jiksbu l-istess garanziji speċjali.

    Fl-2007 id-Danimarka ressqet talba għal garanziji speċjali fir-rigward tas- Salmonella fil-laħam tal-brojler u l-bajd, simili għall-garanziji mogħtija lill-Finlandja u lill-Iżvezja. Il-prevalenza tas- Salmonella fid-Danimarka, madankollu, ma kienetx għadha kkunsidrata baxxa biżżejjed biex tirċievi l-appoġġ tal-maġġoranza tal-Istati Membri.

    Azzjoni: Il-Kummissjoni se tikkunsidra mill-ġdid garanziji speċjali għad-Danimarka meta l-prevalenza tkompli tonqos u se tkompli tevalwa l-applikazzjonijiet tal-Istati Membri sabiex jiksbu garanziji speċjali.

    TAħRIġ DWAR IL-KONTROLL TAż-żOONOżI

    Fl-2007 kif ukoll fl-2008, kienu organizzati ħames sessjonijiet ta' erbat ijiem ta' taħriġ dwar il-monitoraġġ u l-kontroll taż-żoonożi fil-programm “Taħriġ aħjar għal ikel aktar sikur”. Il-kontroll tas- Salmonella hija l-kwistjoni ewlenija matul taħriġ bħal dan. L-għan ta' dan il-kors kien:

    - li jħejji madwar 200ºparteċipant minn awtoritajiet kompetenti b'tagħrif adegwat biex jippjanaw jew jaġġustaw programmi/pjanijiet nazzjonali għall-kontroll taż-żoonożi b'konformità mal-leġiżlazzjoni tal-UE.

    - biex jagħmlu deċiżjonijiet konsistenti mal-aspettattivi tal-UE fil-qafas ta' monitoraġġ u kontroll taż-żoonożi u l-applikazzjoni ta' kriterji mikrobijoloġiċi fl-oġġetti tal-ikel.

    It-taħriġ se jkun irrepetut fl-2009 u fl-2010 għall-partiċipanti l-oħra.

    Aktar taħriġ ġenerali dwar l-applikazzjoni tal-HACCP kien organizzat fl-2006, 2007 u 2008, li ġibed 'il fuq minn 1100 parteċipant minn kull Stat Membru u 15-il pajjiż li mhumiex membri tal-UE.

    LAQGħA TAT-TASK FORCE DWAR IL-KONTROLL TAS- SALMONELLA

    Il-Kummissjoni stabbiliet Task Force dwar il-kontroll u l-eradikazzjoni tal-mard tal-annimali biex tittejjeb l-effiċjenza tal-miżuri meħuda mill-Istati Membri kif ukoll biex ittejjeb il-proporzjon bejn spiża u benefiċċju tal-programmi ta' kontroll kofinanzjati mill-Komunità bħal dawk dwar is- Salmonella .

    Bejn Settembru 2007 u Marzu 2009, erbgħa laqgħat reġjonali kienu organizzati li indirizzaw speċifikament il-kontroll tas- Salmonella . Il-Kummissjoni u l-Istati Membri preżenti eżaminaw il-programmi nazzjonali ta' kontroll għat-tjur, esperjenza komuni fir-rigward tal-implimentazzjoni tagħhom u oqsma identifikati fejn huma meħtieġa aktar azzjonijiet.

    Azzjoni: Il-Kummissjoni se tkompli torganizza laqgħat speċifiċi ad hoc għal dawk l-Istati Membri li għandhom programmi approvati ta' kontroll kofinanzjati dwar is- Salmonella .

    PROGRAMMI TA' KONTROLL KOFINANZJATI TAL-KOMUNITÀ DWAR IS- SALMONELLA

    Taħt id-Deċiżjoni tal-Kunsillº90/424/KEE tas-26ºta'ºĠunjuº1990 dwar l-infiq fil-qasam veterinarju[26], programmi li jikkontrollaw is- Salmonella żoonotika jistgħu jkunu kofinanzjati mill-Komunità.

    Għall-2008 għoxrin Stat Membru ppreżentaw programmi ta' kontroll tas- Salmonella għal qatgħat ta' tiġieġ li jbidu ta' Gallus gallus li kienu kkunsidrati bħala eliġibbli għal kofinanzjament u 19-il Stat Membru rċevew appoġġ finanzjarju tal-Komunità għall-implimentazzjoni tal-programmi ta' kontroll tagħhom tas- Salmonella f'qatgħat tat-tgħammir tat-tjur. Miżuri kofinanzjati mill-Komunità jinkludu nfiq mill-awtoritajiet tal-Istati Membri fuq ittestjar batterjoloġiku, xiri ta' vaċċini u kumpens għall-qerda tal-qatgħat. It-total tal-finanzjament tal-Komunità ta' EUR 29 935 000 kien allokat għall-kontroll tas- Salmonella għall-2008.

    Għas-sena 2009 20 Stati Membri ressqu programmi ta' kontroll tas-Salmonella f'qatgħat għat-tgħammir tal- Gallus gallus , 22 applikazzjoni waslu biex jikkofinazjaw programmi ta' kontroll f'tiġieġ li jbidu ta' Gallus gallus u 16-il Stat Membru applikaw biex jiksbu l-iffinanzjar biex jimplimentaw programmi ta' kontroll tas- Salmonella fil-brojlers.

    Fis-sena 2009 l-ispiża tal-analiżi għall-verifika tal-effiċjenza tal-użu tad-diżinfettanti hija meqjusa bħala eliġibbli għall-ewwel darba.

    L-INVOLVIMENT TAL-PARTIJIET INTERESSATI

    Leġislazzjoni Komunitarja dwar il-kontroll tas- Salmonella hija intenzjonata biex iżżid is-sikurezza alimentari għall-konsumaturi. Tista' wkoll tpoġġi produtturi tal-ikel Ewropew f'qagħda aħjar għall-kummerċ internazzjonali minħabba li ċerti pajjiżi li jimpurtaw jagħtu ħafna attenzjoni lill-preżenza tas- Salmonella fl-ikel u diversi pajjiżi li bħalissa jesportaw jista' jkollhom diffikultajiet biex jissodisfaw ir-rekwiżiti stretti tal-UE.

    Fil-bidu ta' programm ta' kontroll meta l-prevalenza tkun għadha relattivament għolja, madankollu, l-impatt soċjali u ekonomiku tal-miżuri ma għandux ikun sottovalutat. Ir-rieda tal-partijiet interessati li jikkooperaw fil-programm ta' kontroll hi għaldaqstant essenzjali jekk iridu li dan ikun implimentat b'mod korrett u li jirnexxi.

    Il-Kummissjoni hi, għaldaqstant, kuntenta li l-partijiet interessati qed jiżviluppaw gwidi Komunitarji għal prassi tajba tal-iġjene. B'mod partikolari:

    - Il-Kumitat tal-Organizzazzjonijiet Agrikoli Professjonali fl-UE u l-Konfederazzjoni Ġenerali tal-Kooperattivi Agrikoli fl-UE (COPA/COGECA) u l-Unjoni Ewropea tal-Bejgħ bl-Ingrossa bil-Bajd, Prodotti tal-Bajd, Tjur u Kaċċa (EUWEP) qablu li jiżviluppaw gwida Komunitarja għal prassi t-tajba ta' iġjene fil-qatgħat tat-tiġieġ li jbidu;

    - COPA/COGECA u l-Assoċjazzjoni tal-Proċessuri tat-Tjur u n-Negozju tat-Tjur fl-UE (a.v.e.c) qablu li jiżviluppaw gwida Komunitarja għal prassi t-tajba għall-iġjene f'qatgħat ta' brojlers u fil-biċċerija.

    Iż-żewġ gwidi jiffokaw fuq il-kontroll tas- Salmonella .

    Azzjoni: Il-Kummissjoni se tkompli tħeġġeġ partijiet interessati involuti biex jiżviluppaw gwidi għal prassi t-tajba tal-iġjene b'mod partikolari fil-produzzjoni tal-laħam tal-majjal.

    L-ATTIVITAJIET TA' RIċERKA

    Numru sostanzjali ta' inizjattivi li għandhom bħala mira s-Salmonella u reżistenza antimikrjobjali tnedew u ġew appoġġjati mill-Kummissjoni taħt is-sitt u s-seba' Programm ta' Qafas ta' Riċerka (FP). Pereżempju, l-FP6 Netwerk ta' Eċċellenza MEDVETNET jikkonċentra fuq il-prevenzjoni u l-kontroll ta' żoonożi (l-aktar li jkun hemm fl-ikel). Kooperazzjoni xjentifika transatlantika dwar l-aħjar strateġiji biex jegħlbu ż-żoonożi tista' tkun utli.

    KONKLUżJONIJIET

    Il-punt fokali attwali tar-Regolament (KE) Nruº2160/2003 hu fuq il-kontroll tas- Salmonella fil-produzzjoni primarja ta' tjur u ħnieżer. Il-Kummissjoni kienet ta' suċċess fl-istipular tal-miri ta' tnaqqis għas- Salmonella b'konformità mar-rekwiżiti fil-leġiżlazzjoni. Fil-każ tal-ħnieżer biss hemm dewmien sinifikanti fl-istipular tal-mira, minħabba l-ħtieġa li tinġabar dejta ta' prevalenza komparabbli mis-27 Stati Membri kollha u minħabba r-rekwiżit li ssir analiżi tal-ispejjeż/benefiċċji. Analiżi komprensiva tal-ispejjeż/benefiċċji hija kkunsidrata neċessarja qabel ma jkun hemm mira għal tnaqqis fil-ħnieżer minħabba li tnaqqis bħal dan mhux evidenti abbażi ta' parir xjentifiku attwali u esperjenzi minn ċerti Stati Membri.

    Il-Kummissjoni ma llimitatx lilha nnfisha għall-adozzjoni ta' dispożizzjonijiet ta' implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 2160/2003, imma ħadet l-inizjattiva għall-azzjonijiet addizzjonali meħtieġa biex iżidu l-possibilità tas-suċċess tal-istrateġija tagħha, pereżempju:

    ( billi tipprovdi taħriġ lill-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri u pajjiżi terzi;

    ( billi tikkonvinċi organizazzjonijiet Ewropej interessati biex jippartiċipaw b'mod attiv;

    ( billi tipprovdi appoġġ finanzjarju lill-Istati Membri.

    Il-kontroll tas- Salmonella kien integrat ukoll fi strateġija wiesgħa biex tikkontrolla patoġeni matul il-katina alimentari kollha, b'konformità mal-istrateġija ta' “mir-razzett sal-platt” tal-Kummissjoni u tqis effetti sekondarji negattivi possibbli bħaż-żieda tar-reżistenza antimikrobjali.

    Il-Kummissjoni żiedet il-monitoraġġ tas- Salmonella sabiex tivverifika r-riżultati tal-isforzi tagħha stess u tal-isforzi mill-Istati Membri billi tiġbor valuri ta' referenza fi studji ta' pedament, billi toħloq netwerking tal-laboratorji u billi tarmonizza l-protokoll tal-kampjuni.

    Minn meta ġie adottat ir-Regolament (KE) Nruº2160/2003 dwar il-kontroll taż-żoonożi, l-għarfien u l-motivazzjoni ta' awtoritajiet kompetenti u partijiet interessati biex jegħlbu s-Salmonella żdiedu b'mod sinifikanti, li ta' sikwit jirriżulta f'azzjoni qabel ma d-dispożizzjonijiet tal-Komunità jsiru mandatorji. L-effett fuq is-saħħa pubblika diġa' qed jidher fix-xejra tas-salmonellosis fil-bnedmin mill-2004 sal-2007 fl-Istampa 1. Aktar minn hekk, tnaqqis sinifikanti jista' jkun mistenni mill-2009 (restrizzjonijiet fuq il-bajd tat-tfaqqis) u mill-2011 (kriterju tas-sikurezza alimentari fuq laħam tat-tjur).

    Stampa 1: Numru ta' salmonellosis irrapurtat fil-25 pajjiż tal-UE mill-2004 sal-2007

    [pic]

    [1] ĠU L 325, 12.12.2003, p. 1.

    [2] ĠU L 325, 12.12.2003, p. 31.

    [3] Ir-Rapport Komunitarju fil-Qosor dwar ix-Xejriet u s-Sorsi ta' Żoonożi u Aġenti Żoonotiċi fl-Unjoni Ewropea fl-2007 ( Il-Ġurnal tal-EFSA (2009) 223).

    [4] L-Opinjoni Xjentifika tal-Bord dwar Perikli Bijoloġiċi fuq evalwazzjoni kwantitattiva tar-riskji mikrobijoloġiċi fuq Salomnella fil-laħam: Attribuzzjoni tas-sors għal salmonellosis fil-bnedmin mil-laħam. Il-Ġurnal EFSA (2008), 625, 1-32.

    [5] Tifqigħa tfisser tnejn jew aktar każijiet fil-bnedmin konnessi mal-istess sors; tifqigħat bħal dawn jattiraw l-attenzjoni tal-mezzi tal-massa filwaqt li każijiet individwali ma jattirawhiex.

    [6] Ara: www.who.int/foodborne_disease/resistance

    [7] ĠU L 28, 3.2.2000, p. 50.

    [8] ĠU L 273, 10.10.2002, p. 1.

    [9] ĠU L 35, 8.2.2005, p. 1.

    [10] ĠU L 170, 1.7.2005, p. 12.

    [11] ĠU L 332, 18.12.2007, p. 81.

    [12] ĠU L 211, 1.8.2006, p. 4.

    [13] ĠU L 280, 24.10.2007, p. 5.

    [14] ĠU L 151, 13.6.2007, p. 21.

    [15] ĠU L 162, 21.6.2008, p. 3.

    [16] ĠU L 139, 30.4.2004, p. 1; kif ikkoreġut mill-ĠU L 226, 25.6.2004, p. 3.

    [17] ĠU L 139, 30.4.2004, p. 55; kif ikkoreġut mill-ĠU L 226, 25.6.2004, p. 22.

    [18] ĠU L 139, 30.4.2004, p. 206; kif ikkoreġut mill-ĠU L 226, 25.6.2004, p. 83.

    [19] ĠU L 338, 22.12.2005, p. 1.

    [20] Ir-Rapport Komunitarju fil-Qosor dwar ix-Xejriet u s-Sorsi ta' Żoonożi, Aġenti Żoonotiċi, Reżistenza Antimikrobali u Tifqigħat li jinġarru fl-Ikel fl-Unjoni Ewropea fl-2006, Il-Ġurnal tal-EFSA (2007) 130.

    [21] ĠU L 212, 2.8.2006, p. 3.

    [22] Deċiżjoni 2007/407/KE tat-12 ta' Jannar 2007 dwar il-monitoraġġ armonizzat tar-reżistenza antimikrobjali fis- Salmonella fit-tjur u l-ħnieżer, ĠU L 153, 14.6.2007, p. 26.

    [23] Ir-Regolament (KE) Nru 776/2006 tat-23 ta' Mejju 2006 li jemenda l-Anness VII mar-Regolament (KE) Nru 882/2004 dwar il-laboratorji Komunitarji ta' referenza, ĠU L 136, 24.5.2006, p. 3.

    [24] Kumitat Xjentifiku għar-Riskji tas-Saħħa Emerġenti jew Reċentement Identifikati.

    [25] L-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini.

    [26] ĠU L 224, 18.8.1990, p. 19.

    Top