Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009DC0137

Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill li jivvaluta l-progress irrapportat mill-Italja lill-Kummissjoni u lill-Kunsill dwar l-irkupru ta' imposta addizzjonali mill-produtturi tal-ħalib għall-perjodi 1995/96 sal-2001/02 (skont l-Artikolu 3 tad-deċiżjoni tal-Kunsill Nru 2003/530/KE)

/* KUMM/2009/0137 finali */

52009DC0137

Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill li jivvaluta l-progress irrapportat mill-Italja lill-Kummissjoni u lill-Kunsill dwar l-irkupru ta' imposta addizzjonali mill-produtturi tal-ħalib għall-perjodi 1995/96 sal-2001/02 (skont l-Artikolu 3 tad-deċiżjoni tal-Kunsill Nru 2003/530/KE) /* KUMM/2009/0137 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 26.3.2009

KUMM(2009) 137 finali

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL

li jivvaluta l-progress irrapportat mill-Italja lill-Kummissjoni u lill-Kunsill dwar l-irkupru ta' imposta addizzjonali mill-produtturi tal-ħalib għall-perjodi 1995/96 sal-2001/02 (skont l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 2003/530/KE)

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL

li jivvaluta l-progress irrapportat mill-Italja lill-Kummissjoni u lill-Kunsill dwar l-irkupruta' imposta addizzjonali mill-produtturi tal-ħalib għall-perjodi 1995/96 sal-2001/02(skont l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 2003/530/KE)

Dan ir-rapport ta' valutazzjoni qed isir mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 2003/530/KE tas-16 ta' Lulju 2003 dwar il-kompatibbiltà ta' għajnuna li r-Repubblika Taljana beħsiebha tagħti lill-produtturi tal-ħalib tagħha mas-suq komuni [traduzzjoni mhux uffiċjali].

Skont l-Artikolu 1 ta' dik id-Deċiżjoni, l-għajnuna, li tikkonsisti fil-ħlas, min-naħa tar-Repubblika Taljana nfisha, tal-ammont li għandu jitħallas lill-Komunità mill-produtturi tal-ħalib minħabba l-imposta addizzjonali għall-perjodu mill-1995/96 sal-2001/02 u l-permess lil dawn il-produtturi li jħallsu d-dejn tagħhom fil-forma ta' ħlas diferit fuq għadd ta' snin mingħajr imgħax, hija meqjusa eċċezzjonalment kompatibbli mas-suq komuni, dejjem jekk:

- il-ħlas lura jkun ħlas sħiħ min-naħa tal-produtturi ta' ammonti li jkunu ndaqs li jsir bin-nifs ta' kull sena, u

- il-perjodu ta' ħlas lura ma jdumx iktar minn 14-il sena, li jibdew mill-1 ta' Jannar 2004.

Skont l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni, l-għajnuna tingħata biss jekk l-Italja tiddikjara l-imposta addizzjonali kollha għall-perjodi konċernati lill-FAEGG (Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanzija) u jekk tnaqqas, permezz ta' tliet ħlasijiet annwali bin-nifs ta' ammonti li jkunu ndaqs, id-dejn li jifdal min-nefqa ffinanzjata mill-FAEGG għal Novembru 2003, Novembru 2004 u Novembru 2005 rispettivament.

Id-dikjarazzjoni tal-Italja, tal-imposta addizzjonali kollha għall-perjodi konċernati twettqet kif xieraq permezz ta' ittra fis-26 ta' Awwissu 2003.

It-tnaqqis tad-dejn li jifdal min-nefqa ffinanzjata mill-FAEGG għal Novembru 2003, 2004 u 2005 wkoll sar kif xieraq.

L-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni jirrikjedi li l-awtoritajiet kompetenti Taljani jirrapportaw lill-Kummissjoni u lill-Kunsill kull sena l-progress li jkunu qed jagħmlu fl-irkupru tal-ammont li għandu jitħallas mill-produtturi minħabba l-imposta addizzjonali għall-perjodu mill-1995-96 sal-2001-02.

L-awtoritajiet Taljani ressqu r-raba' rapport skont din id-dispożizzjoni lill-Kummissjoni permezz ta' ittra mill-AGEA (Agenzia per le erogazioni in agricoltura) tat-3 ta' Ottubru 2008 li tikkonċerna l-ħlas bin-nifs tal-2007. Dan ir-rapport kien sussegwentement aġġornat mill-awtoritajiet Taljani, u dan wassal għal tibdil f'għadd ta' elementi li għandhom x'jaqsmu ma' dan ir-rapport.

Il-ħlas tal-imposta skont il-faċilità tal-ħlas bin-nifs.

Minn total ta' 23 460 produttur li għad iridu jħallsu l-imposti għas-7 perjodi koperti bid-Deċiżjoni tal-Kunsill, imma li ngħataw ordni mill-qrati nazzjonali li jwaqqfu l-ħlasijiet sakemm tittieħed deċiżjoni finali, 15 355 minnhom għażlu li jħallsu permezz tal-iskema tal-ħlas bin-nifs. L-għażla li jħallsu permezz tal-iskema tal-ħlas bin-nifs fissret li kull tilwima pendenti ġiet irtirata. Barra minn hekk, jekk produttur jonqos milli jħallas xi wieħed mill-ħlasijiet annwali bin-nifs jiġi eskluż mill-iskema u, bħala riżultat ta' dan, jiġi f'qagħda fejn jitteħidlu l-ammont kollu li għandu jagħti bl-imgħax dovut.

Il-15 355 produttur li kienu qegħdin jieħdu sehem kellhom b'kollox dejn ta' madwar EUR 345 miljun fl-2004 qabel sar l-ewwel ħlas, li jirrappreżenta madwar terz tat-total tal-ammont dovut f'imposta fil-livell tal-produtturi. Għalhekk jidher li l-ikbar għadd ta' produtturi responsabbli mill-iżgħar livelli ta' għotjiet individwali eċċessivi għażlu li jidħlu fl-iskema, mill-banda l-oħra, il-produtturi b'għotjiet individwali eċċessivi iktar sinifikattivi, (madwar 8000 produttur li għandhom iħallsu dejn ta' madwar EUR 680 f'imposta dovuta fuq seba' perjodi) ippreferew li minflok ikomplu bit-tilwim quddiem il-qrati Taljani. Madankollu jekk jogħġbok innota li 150 applikant ġdid għal ħlasijiet bin-nifs, irċevew mill-awtoritajiet Taljani, bejn wieħed u ieħor EUR 3 miljuni matul l-2007.

Ir-raba' ħlas bin-nifs, li b'kollox jammonta għal total ta' EUR 25 074 413,99 kellu jitħallas minn 12 426 produttur qabel il-31 ta' Diċembru 2007. Il-verifiki li twettqu mill-awtoritajiet Taljani juru li 12 183 produttur ħallsu kif suppost l-ammont totali ta' EUR 25 006 160.19 matul l-2007. Dan ifisser li 98 % tal-produtturi ħallsu 99.7 % tal-imposti fil-ħin għar-raba' ħlas bin-nifs. Qabel, kien irreġistrat ħlas fil-ħin għall-ewwel, it-tieni u t-tielet ħlas bin-nifs ta' 99.6 %, 97.9 % u 99.5 % tal-ammonti dovuti rispettivament. Għalhekk, l-imposta totali miġbura fl-ewwel erba' ħlasijiet bin-nifs tammonta għal madwar EUR 103 miljun (99.2 % tal-ammont totali dovut).

Filwaqt li dawn il-livelli juru b'mod ċar impenn min-naħa tal-produtturi li qed jieħdu sehem fl-iskema sabiex iwettqu l-obbligi tagħhom, il-Kummissjoni tqis li l-azzjoni meħuda f'dawk il-każijiet fejn il-ħlas ma sarx fil-limitu taż-żmien stipulat huwa sinjal ċar tal-livell ta' impenn min-naħa tal-awtoritajiet sabiex jiżguraw li jitħarsu l-kundizzjonijiet tal-iskema b'mod korrett u li fl-aħħar nett isir il-ġbir kollu tal-imposta dovuta.

Għar-raba' perjodu tal-ħlas bin-nifs 63 produttur kien għadhom ma ħallsux pagamenti li ammontaw għal EUR 68 253.80 fl-aħħar tal-2007. Skont informazzjoni li waslet mill-awtoritajiet Taljani dawn il-każijiet kienu nnotifikati mill-awtoritajiet ċentrali lill-awtoritajiet reġjonali rilevanti sabiex jiġi infurzat il-pagament tal-ammont sħiħ (inklużi l-interessi).

Madankollu, f'dan ir-rigward il-Kummissjoni tinnota li bħas-sena l-oħra, ir-raba' rapport Taljan jonqos milli jipprovdi kwalunkwe indikazzjoni tal-ammonti ta' imposti miġbura attwalment wara l-kontrolli u l-isforzi ta' infurzar li saru min-naħa tal-awtoritajiet Taljani. Minkejja dan, xi informazzjoni addizzjonali li waslet għand l-awtoritajiet Taljani f'Diċembru 2008 turi li EUR 1 204 511.18 (jiġifieri 15 % tat-total tal-ammont dovut) kienu nġabru sa dak iż-żmien u kienu jikkonċernaw imposti ta' produtturi li ma ħallsux fil-ħin xi wieħed mill-ewwel erba' pagamenti bin-nifs. Għalhekk dawn il-produtturi kellhom iħallsu d-dejn dovut kollu tagħhom bl-interessi u ġew esklużi milli jieħdu sehem iktar fl-iskema tal-14-il sena. Dan ifisser li EUR 6 878 274.31 (jiġifieri 85 % tat-total tal-ammont dovut) għad iridu jinġabru mingħand produtturi li ġew esklużi mill-iskema ta' ħlas bin-nifs minħabba li kienu ħallsu tard.

L-imposta dovuta għall-perjodi mill-1995-96 sal-2001-02 li ma ddaħħlitx fl-iskema ta' ħlas bin-nifs u li għadha qed tiġi kkontestata quddiem il-qrati Taljani

Saret referenza għar-rata relattivament baxxa ta' adozzjoni tal-faċilità tal-ħlas bin-nifs f'termini tal-ammont ta' imposta mdaħħla. Dan ifisser li kompla x-xkiel, maħluq mill-ordni mogħtija mill-qrati nazzjonali li jitwaqqfu l-ħlasijiet sakemm tittieħed deċiżjoni finali, għall-ġbir immedjat tal-imposta mingħand madwar 8 000 produttur li nħarġilhom kont ta' madwar € 680 miljun bħala imposta dovuta u li għażlu li jkomplu bit-tilwima tagħhom.

Fir-rapporti ta' valutazzjoni tagħha mressqa lill-Kunsill fl-2006 u fl-2007, il-Kummissjoni esprimiet il-ħsieb li r-rapporti annwali futuri mressqin mill-Italja għandhom jittrattaw b'mod speċifiku t-tilwima marbuta mas-seba' perjodi konċernati u għandhom jagħtu dettalji li jikkonfermaw il-ħlas min-naħa tal-produtturi li ma rebħux it-tilwima tagħhom. Mingħajr dawn l-indikazzjonijiet il-Kummissjoni ma kinitx f'qagħda li timmonitorja sewwa l-progress fil-ġbir ta' dik il-parti tal-imposta li ma ddaħħlitx fil-faċilità tal-ħlas bin-nifs.

Bħala tweġiba għal din it-talba, ir-rapport Taljan ipprovda lista tal-ammonti ta' imposti li dwarhom hemm tilwima u li huma marbutin mas-seba' perjodi konċernati u li dwarhom il-qrati Taljani qatgħuha favur l-amministrazzjoni matul is-snin 2005 u 2006, li jammontaw għal EUR 1 533 584.36 u li minnhom jidher li kienu rreġistrati biss EUR 346 833.70 bħala mħallsa fid-data meta sar ir-rapport. Wara li talbet ftit iktar informazzjoni dwar dan, il-Kummissjoni rċeviet informazzjoni komplimentari f'Diċembru 2008 li tikkorrispondi wkoll mal-ġudizzji tal-qorti mogħtija fl-2007 u fl-2008. Din l-informazzjoni tal-aħħar turi li l-ammont totali ta' EUR 4 108 523.39 ta' imposti (li jinkludu l-EUR 1 533 584.36 imsemmija hawn fuq) ġew deċiżi favur l-amministrazzjoni matul l-2005-2008 (jiġifieri 0.6 % tat-total tal-ammont dovut). Madankollu, EUR 314 960.15 biss jidhru li nġabru mill-awtoritajiet Taljani sa Diċembru 2008 (jiġifieri 7.7 % tal-ammont deċiż favur l-amministrazzjoni).

Wara spjegazzjonijiet addizzjonali mill-awtoritajiet Taljani ġie ċċarat ukoll li l-ammont ta' imposti deċiż favur l-amministrazzjoni msemmija hawn fuq jinkludu każijiet fejn hemm possibbiltà ta' appell. Dan jista' jispjega parzjalment għaliex l-ammonti miġbura huma pjuttost baxxi. Il-Kummissjoni esprimiet l-opinjoni li rapporti annwali futuri ppreżentati mill-Italja għandhom jispeċifikaw l-ammont ta' imposti li finalment ġew deċiżi favur l-amministrazzjoni sabiex tingħata stampa iktar ċara tal-progress li sar f'dan ir-rigward. Skont il-Kummissjoni jkun xieraq li jintbagħtu wkoll figuri tal-każijiet, jekk ikun hemm, fejn il-produtturi tal-ħalib rebħu l-kontestazzjonijiet tal-imposti quddiem il-qrati Taljani.

Il-Kummissjoni tinnota li l-progress fil-ġbir ta' dik il-parti tal-imposta li ma ddaħħlitx fil-faċilità tal-ħlas bin-nifs qed isir bil-mod. Dan jiġri kemm minħabba t-tul taż-żmien tal-proċedimenti legali (madwar EUR 4 miljuni biss minn EUR 680 miljun ġew deċiżi sa issa) kif ukoll it-tul taż-żmien biex jinġabru l-ħlasijiet fejn it-tilwim spiċċa (madwar EUR 300 000 minn EUR 4 miljuni). Fuq kollox, fir-rigward ta' ġudizzji mogħtija matul is-snin 2005 u 2006, tidher anomalija li l-maġġoranza tad-dejn konfermat kien għadu ma nġabarx f'Diċembru 2008.

Konklużjoni

Il-Kummissjoni tqis li l-progress li sar mill-awtoritajiet Taljani fl-irkupru tal-ammonti dovuti mill-produtturi li għażlu li jissieħbu mal-iskema ta' ħlas bin-nifs approvata mill-Kunsill fl-2003 għall-perjodi mill-1995-96 sal-2001-02 turi mmaniġġjar xieraq ta' dan l-irkupru. Madankollu, il-Kummissjoni tixtieq tisħaq li, l-indikazzjoni tal-ammonti attwalment miġbura mill-ftit produtturi li qed jieħdu sehem fl-iskema li naqsu milli jagħmlu l-ħlasijiet bin-nifs u li għalhekk ġew esklużi milli jkomplu jieħdu sehem fiha, turi li għandha titjieb id-diliġenza użata jew il-progress li sar fil-ġbir tal-imposti korrispondenti.

F'dak li għandu x'jaqsam mal-ammont ta' imposti li ma ddaħħalx fl-iskema tal-ħlas bin-nifs, u li dwaru hemm għaddejja tilwima quddiem il-qrati Taljani, il-Kummissjoni turi dispjaċir li l-progress qed isir bil-mod u tqis li l-irkupru tal-imposti b'dan il-mod mhuwiex sodisfaċenti.

Top