This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52009DC0001
Report from the Commission to the European Parliament and the Council on the ex-post evaluation of the community statistical programme 2003-2007 {SEC(2009)14}
Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-valutazzjoni ex-post tal-programm statistiku komunitarju 2003-2007 {SEC(2009)14}
Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-valutazzjoni ex-post tal-programm statistiku komunitarju 2003-2007 {SEC(2009)14}
/* KUMM/2009/0001 finali */
Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-valutazzjoni ex-post tal-programm statistiku komunitarju 2003-2007 {SEC(2009)14} /* KUMM/2009/0001 finali */
[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ | Brussel 13.1.2009 KUMM(2009) 1 finali RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL DWAR IL-VALUTAZZJONI EX-POST TAL-PROGRAMM STATISTIKU KOMUNITARJU 2003-2007 {SEC(2009)14} RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL DWAR IL-VALUTAZZJONI EX-POST TAL-PROGRAMM STATISTIKU KOMUNITARJU 2003-2007 1. INTRODUZZJONI Id-Deċiżjoni Nru 2367/2002/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-programm tal-istatistiċi fil-Komunità bejn l-2003 sa l-2007 (CSP) kienet adottata fis-16 ta’ Diċembru 2002[1]. Il-programm kellu jkun iggwidat mill-prijoritajiet politiċi Komunitarji prinċipali ta' unjoni ekonomika u monetarja, it-tkabbir u l-kompetittività tal-Unjoni Ewropea, l-iżvilupp sostenibbli u l-aġenda soċjali. Huwa kien strutturat madwar l-għanijiet tal-istqarrija tal-missjoni tal-Eurostat, ta' statistika ta' kwalità għolja għall-finijiet kollha tal-politika tal-UE u tal-użu effiċjenti tar-riżorsi u l-implimentazzjoni baġitarja. L-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni jgħid: "Fl-aħħar tal-perjodu ta’ dan il-programm, il-Kummissjoni, wara konsultazzjoni mal-Kumitat tal-Programm tal-Istatistika, se tippreżenta rapport xieraq ta’ evalwazzjoni fuq l-implimentazzjoni tal-programm, u se tqis ukoll il-pariri ta’ esperti indipendenti. Dak ir-rapport għandu jkun lest sal-aħħar tal-2008 biex imbagħad jiġi mogħti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill."[2] Dan id-dokument jikkostitwixxi r-rapport ta' valutazzjoni u jindirizza l-obbligu mnaqqax fir-Regolament Finanzjarju[3] u r-Regoli ta' Implimentazzjoni[4] tiegħu li l-programmi jridu jkunu suġġetti għal valutazzjoni f'termini ta' riżorsi umani u finanzjarji u r-riżultati miksuba biex jiġi vverifikat li kienu konsistenti mal-għanijiet stabbiliti. Il-valutazzjoni ta' dan il-programm għandha tipprovdi kontribuzzjoni siewja għall-iżvilupp futur tal-programmi statistiċi ta' ħames snin futuri u għat-twaqqif ta' sistema ta' monitoraġġ għas-segwitu tagħhom. Ir-rapport huwa bbażat fuq il-valutazzjoni ta' nofs it-terminu mħejji mill-Eurostat fl-2006 u fuq rapport ipprovdut minn kumpanija ta' valutazzjoni esterna kif mitlub mill-Artikolu 4 tas-CSP. Il-Kapitolu 2 jiġbor fil-qosor is-sejbiet ewlenin li jikkonċernaw il-kisbiet tal-għanijiet imsemmija fil-programm u jagħti ħarsa ġenerali tal-kwistjonijiet trażversali u inizjattivi ġodda li ma jkunux oriġinarjament koperti mill-programm. Il-Kapitolu 3 jippreżenta r-rakkomandazzjonijiet ewlenin għal ippjanar u implimentazzjoni futuri tal-programm. Ir-rapport finali tal-konsulenti esterni jinsab fid-dokument ta' ħidma anness tal-Kummissjoni. 2. IL-KISBIET EWLENIN TAL-PROGRAMM Dan il-kapitolu jiffoka fuq il-kisbiet miksuba matul il-programm għall-oqsma statistiċi kollha taħt it-Titoli tal-programm u l-għanijiet orizzontali elenkati fl-istrateġiji ta' implimentazzjoni. Huwa jirrapporta wkoll dwar l-attivitajiet u l-inizjattivi li kienu, parzjalment, mhux inklużi bħala għanijiet espliċiti fis-CSP, dwar oħrajn li jkunu ta' natura trażversali u dwar l-użu ta' riżorsi umani u finanzjarji. TAQSIRA Abbażi tal-kisbiet dettaljati rrappurtati hawn taħt skont it-Titolu[5] tal-programm jista' jingħad li ntlaħqu kważi l-għanijiet kollha. Ta' min jenfasizza l-kapaċità ppruvata tas-Sistema Statistika Ewropea (SSE) biex jiġi żgurat li bżonnijiet politiċi ġodda u emerġenti jkunu mehmuża ma' tagħrif statistiku addizzjonali kif kien il-każ pereżempju għal bżonnijiet ta' dejta fil-kuntest tat-tkabbir tal-UE li jikkonċerna l-Istati Membri li ngħaqdu mal-UE fl-2004 u 2007 rispettivament, statistika tal-enerġija, statistika tal-ambjent, statistika tal-ażil u l-migrazzjoni, statistika dwar affiljati barranin, stimi HICP u tal-PGD immedjati, kontijiet tas-settur Ewropew, indikaturi li jirrigwardaw l-ħarsien soċjali u l-oħrajn. Barra minn hekk, tħejja programm multiannwali dwar il-modernizzazzjoni tal-istatistika Ewropea dwar l-Intrapriża u l-Kummerċ. Dan il-progress kien possibbli anke minħabba x-xogħol intensiv dwar il-ħruġ ta' leġiżlazzjoni ġdida jew riveduta (eż. speċjalment fl-oqsma tal-istatistika ekonomika, soċjali u tan-negozju) imma terġa' iżjed minħabba l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' metodoloġiji u għodod ġodda. Dan joħroġ partikolarment mill-fatt li l-għadd konsiderevoli ta' attivitajiet għall-produzzjoni ta' statistika ġdida kienet kważi daqs dawk li jkopru produzzjoni ta' dejta ta' rutina. Għadd relattivament kbir ta' attivitajiet ikkonċentrati fuq l-assikurazzjoni tal-kwalità u fuq l-iżvilupp tas-SSE li juru l-kapaċità tagħha biex tipprova tavvanza u titjieb iktar. Dan il-fokus huwa kkonfermat mill-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-Kodiċi ta' Prattika, il-ftuħ ta' aċċess liberu għal dejta statistika tal-Eurostat fuq il-websajt tagħha kif ukoll l-azzjonijiet marbuta ma' prijoritizzazzjoni aħjar u tnaqqis tal-piż tar-reazzjoni. KISBIET F'OQSMA STATISTIċI Il-Moviment Liberu tal-Meranzija: Ġiet żviluppata leġiżlazzjoni ġdida kemm għall-Intrastat u kemm għall-Extrastat bl-għan li żżid il-limiti ta' rappurtar, iktar użu effiċjenti tat-tagħrif eżistenti u allinjament tas-sistemi statistiċi u interni, b'hekk jitnaqqas il-piż minn fuq l-intrapriżi. Agrikultura: L-Istati Membri ngħataw appoġġ sostanzjali biex itejbu iktar l-indikaturi dwar l-agriambjent u l-iżvilupp rurali kif ukoll għall-progress fir-reġistri tal-irziezet. Ġiet żviluppata leġiżlazzjoni ġdida fil-qasam tal-istħarriġ dwar l-istruttura tal-irziezet bl-għan li jitnaqqas il-piż fuq ir-rappurtar. Il-Moviment Liberu tal-Persuni, tas-Servizzi u tal-Kapital: Ġew żviluppati leġiżlazzjoni ġdida u manwal metodoloġiku korrispondenti u l-ewwel ġbir ta' dejta implimentat fil-qasam tal-Istatistika dwar l- Affiljati Barranin ("FATS 'il ġewwa u 'l barra"). Rigward il-qasam tas- soċjetà tal-informazzjoni ġie żviluppat regolament qafas segwit minn ġbir annwali ta' dejta inkluża sezzjoni fissa u oħra varjabbli għall-mistoqsijiet li b'hekk twassal għal reazzjoni iktar mgħaġġla għal bżonnijiet ġodda ta' dejta. Viżi, Refuġju, Immigrazzjoni u Politika oħra relatati mal-Moviment Liberu tal-Persuni: Ġie adottat Regolament ġdid dwar l-istatistika Komunitarja dwar il-migrazzjoni u l-protezzjoni internazzjonali fl-2007. Il-kontenut u l-istruttura tad-dejta dwar il-permessi ta' residenza kienu riveduti f'dan il-kuntest u nżammu diskussjonijiet intensivi dwar l-armonizzazzjoni tad-definizzjonijiet statistiċi u r-riżultati kif ukoll il-metadejta mal-Istati Membru biex tiġi żgurata kompatibilità aħjar għad-dejta tal-migrazzjoni u l-ażil. Trasport: Ittejbu l-kopertura u kwalità tad-dejta għall-modi tat-trasport kollha u saru sforzi biex tiġi pprovduta u mtejba regolarment il-kwalità ta' bosta indikaturi bħat-traffiku fit-toroq, it-trasport intermodali u r-rendiment. Il-Politika Ekonomika u Monetarja: Fil- kontijiet nazzjonali l-implimentazzjoni tar-Regolament dwar is-Sistema Ewropea tal-Kontijiet (ESA95) seħħet permezz tal-aġġornament tat-trażmissjoni u l-konformità mal-monitoraġġ. Ġew prodotti stimi immedjati tal-PGD skont l-iskeda, u ġew ippubblikati l-kontijiet tas-settur annwali u ta' kwart is-sena għall-ewwel darba fl-2006 u 2007 rispettivament. Kompla x-xogħol ta' validazzjoni fuq l-istatistika tar-riżorsi proprji tad-DGN u l-VAT. Inbdiet reviżjoni tal-metodoloġija bażi dwar il-metodoloġija nazzjonali fil-kuntest internazzjonali u dak Ewropew. Il-qafas metodoloġiku relata mal- proċedura ta' żbilanċ eċċessiv , u b'mod iktar ġenerali, l-istatistika tal-finanzi pubbliċi ġew żviluppati iktar u tqassmet statistika tal-finanzi tal-gvern integrata fuq bażi annwali u ta' kwart is-sena. Statistika u metdejta korrispondenti dwar l- Investiment Barrani Dirett, Kummerċ Internazzjonali fis-Servizzi u Bilanċ ta' Ħlas (BoP) , inkluża dejta ta' kwart is-sena għal dan tal-aħħar tqassmu u ġew prodotti rapporti ta' kwalità. Is-sistema ta' ġbir ta' dejta għall-istatistika BoP ġiet riveduta u tqiesu l-limiti rrappurtati ta' dejta mibdula għall-banek. Barra minn hekk, l-abbozzar tal-Bilanċ tal-Ħlasijiet tal-IMF u l-Manwal tal-Pożizzjoni tal-Investiment Internazzjonali (BPM6) kien appoġġjat b'kontribuzzjoni konsiderevoli. Rigward l- istatistika għall-medda qasira taż-żmien ir-Regolament kien emendat u d-disponibilità u l-puntwalità tal-indikaturi żdiedu b'mod sinifikanti. Ittieħdu sforzi ulterjuri biex jitwaqqfu u jittejbu l-kopertura, it-tul tas-sensiela u l-puntwalità għall-Indikaturi Ekonomiċi Ewropej Ewlenin. Fl- istatistika tal-prezzijiet xogħol metodoloġiku u gwida strateġika mtejba wasslu għal puntwalità mtejba aktar u kwalità tad-dejta dwar l-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet tal-Konsumatur. Regolament dwar il-paritajiet tas-setgħa tax-xiri ġie adottat fl-2007. Impjiegi: Twaqqfu elementi kruċjali tas-sistema integrata ta' qligħ u spejjeż tax-xogħol, inkluż l-indiċi tal-ispiża tax-xogħol ta' kwart is-sena u l-istħarriġ strutturali dettaljat ta' kull erba' snin dwar l-ispejjeż u l-qligħ tax-xogħol. L-Istħarriġ tal-Forza tax-Xogħol kontinwu ta' kwart is-sena kien implimentat fl-Istati Membri kollha, ġie adottat regolament ġdid dwar l-istatistika tal-postijiet tax-xogħol vakanti mill-Kummissjoni Ewropa u ġiet żviluppat aktar il-bażi tad-dejta tal-politika tas-suq tax-xogħol. Politika Kummerċjali Komuni: Inbdew bosta azzjonijiet għat-titjib tal-kwalità ta' dejta BoP u ġie aġġornat sett ta' indikaturi tal-iżvilupp sostenibbli relatati mal-kummerċ barrani. Sar progress fl-armonizzazzjoni tal-istatistika BoP ma' kontijiet nazzjonali u statistika tal-kummerċ barrani. Il-Politika Soċjali, l-Edukazzjoni, it-Taħriġ Vokazzjonali u ż-Żgħażagħ: Indikaturi dwar l-inklużjoni soċjali u l-ħarsien soċjali ġew riveduti u ħafna mid-dejta korrispondenti ġiet ipprovduta. Ġie adottat Regolament Qafas dwar l-edukazzjoni u l-istatistika tat-tagħlim tul il-ħajja u ġie implimentat l-istħarriġ tat-taħriġ vokazzjonali b'dejta ppubblikata fl-2007 kif ukoll stħarriġ pilota dwar l-edukazzjoni tal-adulti. Tnediet it-tħejjija tal-Istħarriġ Ewropew dwar id-Djar, b'dan ikun programm integrat ta' statistika soċjali mmirat lejn ir-razzjonalizzazzjoni ta' sħarriġiet soċjali Ewropej eżistenti u ppjanati u jirreaġixxi għall-bżonnijiet politiċi permezz ta' moduli ad-hoc . Tħejja Regolament Qafas dwar iċ-ċensimenti dwar il-popolazzjoni u d-djar u ġew ipprovduti tbassir tal-popolazzjoni fil-livelli nazzjonali u reġjonali. Kultura: Ġew ippubblikati rapport metodoloġiku u ktejjeb inklużi bosta dimensjonijiet tal-istatistika kulturali. Is-Saħħa Pubblika: Proposta għal Regolament Qafas dwar is-saħħa pubblika u sikurezza fuq ix-xogħol kienet adottata mill-Kummissjoni Ewropea u bdew l-attivitajiet għall-produzzjoni ta' indikaturi tas-Saħħa tal-Komunità Ewropea. Inbeda stħarriġ ta' Intervista dwar is-Saħħa Ewropea kif ukoll tħejjew moduli differenti dwar l-istat tas-saħħa. Ġew ippubblikati l-ewwel settiijiet ta' dejta għal sistema ta' kontijiet tas-saħħa u l-Istatistika Ewropea dwar l-Inċidenti fuq ix-Xogħol u l-istatistika dwar il-Mard ġej mix-Xogħol Ewropew tjiebu. Il-Ħarsien tal-Konsumatur: Ġew ippubblikati bosta pubblikazzjonijiet dwar il-konsumaturi fl-Ewropa u dejta dwar is-sikurezza fl-ikel saret disponibbli. Ġew definiti indikaturi għas-sorveljanza tal-politika ta' nutriment u tas-sikurezza fl-ikel u ġew ivvalutati sorsi ta' dejta biex tiġi identifikata dejta rilevanti tal-UE. L-Industrija: L-iżvilupp iffoka fuq is-settur tas-servizzi u l-istatistika relatata mal-intraprenditorjat. Bl-abbozzar mill-ġdid tal-bażi ġuridika għall-istatistika tan-negozju strutturali ġew inklużi d-demografija tan-negozju u s-servizzi tan-negozju, tħassru rekwiżiti ta' inqas importanza u ġew introdotti moduli ad-hoc u l-approċċ tal-kampjun Ewropew. Ir-Regolament il-ġdid dwar ir-Reġistru tan-Negozju ġie adottat u nbdew ix-xogħlijiet dwar il-ħolqien ta' reġistru Komunitarju ta' gruppi ta' intrapriżi multinazzjonali. Ġew adottati klassifikazzjonijiet ġodda dwar l-attivitajiet ekonomiċi u l-prodotti. Saru negozjati intensivi biex jitħejja regolament dwar l-istatistika tal-enerġija. Barra minn hekk, sar l-abbozzar mill-ġdid tad-direttiva tat-trasparenza tal-prezzijiet, twaqqfu obbligi ta' rappurtar dwar Tisħin u Elettriku Magħqudin u ġew ipprovduti kontribuzzjonijiet importanti għar-rappurtar tal-inventarju tas-CO2 annwali tal-UE. Koeżjoni Ekonomika u Soċjali: Ir-reviżjoni tal-klassifikazzjoni territorjali NUTS tlestiet wara t-tkabbir u tnieda ġbir ta' dejta msaħħaħ għall-Verifika Urbana. Ġiet ipprovduta dejta mitluba għar-rapport ta' koeżjoni. Riċerka u Żvilupp Teknoloġiku: Tlestew u nbdew bosta proġetti metodoloġiċi u ta' riċerka, bħal dwar metodi għall-kontroll ta' żvelar statistiku, linji gwida għal aġġustament staġjonali, metodoloġija għall-integrazzjoni ta' sorsi differenti fis-SSE, filwaqt li xi wħud minn dawk użaw strumenti ta' kooperazzjoni stabbiliti. Ġew implimentati bosta stħarriġiet dwar l-innovazzjoni Komunitarja, l-iżvilupp tal-karriera ta' min għandu dottorat u riċerka u żvilupp u aċċess u twessa' l-aċċess tad-dejta. Ambjent: Tqassmet dejta dwar l-istatistika tal-iskart għall-ewwel darba skont regolament. Ġie żviluppat strument ta' monitoraġġ għall-politika Komunitarja l-ġdida dwar il-kimika flimkien ma' servizzi oħra. Ġiet finalizzata reviżjoni sħiħa tal-lista ta' indikaturi tal-iżvilupp sostenibbli. Ġew implimentati bosta ġabriet ta' dejta biex jiġu prodotti kontijiet ambjentali, u sar xogħol metodoloġiku korrispondenti. Kooperazzjoni fl-iżvilupp (u Azzjonijiet Esterni oħra): Firxa wiesgħa ta' parir u appoġġ tekniku għall-pajjiżi tal-Viċinat Ewropew ġie provdut permezz tas-servizzi rilevanti tal-Kummissjoni. Għal attivitajiet ewlenin ta' kooperazzjoni statistika fil-livell reġjonali fil-pajjiżi tal-AKP, l-Ażja u l-Amerika Latina. L-Eurostat ipprovda parir tekniku lis-servizzi tal-Kummissjoni u pparteċipa f'kumitati ta' tmexxija u laqgħat statistiċi oħra ta' livell għoli. Xi wħud mill-għanijiet tal-programm ma ntlaħqux għal kollox. Dan jikkonċerna l-istatistika awdjoviżiva, b'dan ikun abbundunat minħabba bdil fil-politika, l-istatistika kulturali, fejn l-għan ma ntlaħaqx għal kollox minħabba limitazzjonijiet ta' riżorsi u appoġġ metodoloġiku għal korrimenti d-dar, li r-responsabilità tagħhom kienet trasferita għal servizz ieħor tal-Kummissjoni. KISBIET F'OQSMA ORIZZONTALI L-għanijiet orizzontali jirrelata ma' li l-Eurostat tkun għas-servizz tal-Kummissjoni, tal-Istituzzjonijiet Ewropej u l-komunità usa' tal-utenti, filwaqt li tikkontribwixxi għall-manteniment u l-iżvilupp tas-Sistema Statistika Ewropea (SSE), iżżid il-motivazzjoni u s-sodisfazzjon tal-persunal, ittejjeb il-kwalità tal-prodotti u s-servizzi tagħha u żżid il-produttività interna. L-għanijiet kienu nkisbu primarjament permezz ta' żvilupp fl-infrastruttura tal-IT, tfassil u implimentazzjoni ta' qafas ta' assikurazzjoni tal-kwalità, titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol li jsegwu stħarriġiet tal-opinjoni tal-persunal, tnedija ta' Programm ta' Taħriġ Statistiku Ewropew, żvilupp ta' tagħrif intern u strateġiji ta' tixrid estern u tisħiħ tal-istruttura ta' governanza tas-SSE. KISBIET DWAR KWISTJONIJIET TRAżVERSALI Tkabbir Matul il-perjodu tal-programm l-integrazzjoni tal-Istati Membri l-ġodda fil-mekkaniżmi statistiċi Komunitarji, kemm f'termini ta' ġbir/tqassim ta' dejta u strutturi tax-xogħol intlaħqet sew. Ġiet ipprovduta għajnuna teknika b'mod effiċjenti biex tissaħħaħ din l-integrazzjoni imma wkoll biex pajjiżi kandidati ta' issa jitħejjew biex jappoġġjaw il-proċess ta' negozju b'dejta statisitika rilevanti u għal adeżjoni futura. Tnaqqis tal-Piż tar-Reazzjoni Ġew implimentati bosta attivitajiet li jiffukaw fuq programmazzjoni statistika annwali mtejba, iffissar ta' prijoritajiet u dwar il-kejl tal-piż u l-ispejjeż f'oqsma statistiċi magħżula (l-istatistika tat-trasport, l-istatistika għal medda qasira ta’ żmien, Intrastat, l-istatistika tan-negozju). Ir-riżultati ta' dan ix-xogħol wasslu għall-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar it-tnaqqis tal-piż tar-reazzjoni, simplifikazzjoni u ffissar tal-prijorità fil-qasam tal-istatistika Komunitarja, ippubblikata f'Novembru 2006. Il-kejl tal-piż u l-ispejjeż kompla billi tnieda eżerċizzju li jkopri l-Istati Membri u l-atti ġuridiċi kollha attwalment fis-seħħ u permezz ta' inizjattivi oħra f'oqsma statistiċi magħżula (użu aħjar ta' dejta eżistenti, kampjuni Ewropej). L-ewwel riżultati miksuba fil-kuntest tar-regolamentazzjoni aħjar jindikaw ukoll li l-piż amministrattiv li ġej mir-rappurtar statistiku huwa relattivament baxx. Żvilupp tas-SSE Fl-2006 l-Eurostat u l-Istati Membri ddeċidew li jniedu eżerċizzju ta' riflessjoni li jikkonċerna l-funzjonament tas-SSE (il-Pjan ta' Azzjoni ta' Krakovja) li għandu fil-mira l-qafas ġuridiku u istituzzjonali, l-isfidi statistiċi u l-programmazzjoni u l-ġestjoni tar-riżorsi tas-SSE. Twaqqfu task forces ta' livell għoli. L-ewwel riżultat wassal għal proposta għal liġi statistika Ewropea riveduta. Barra minn hekk, ġie stabbilit mekkaniżmu ta' netwerk ġdid biex ilaqqa' l-għarfien mar-riżorsi fis-SSE, s-SSEnets. Huma jinkludu xogħol li sar minn xi Stati Membri, bir-riżultati jkunu disponibbli għall-użu mill-imsieħba kollha tas-SSE. Implimentazzjoni tal-Kodiċi ta' Prattika L-iżgurar ta' prattiċi, riżorsi u kapaċitajiet adegwati għall-produzzjoni ta' statistika ta' kwalità għolja bil-ħsieb li jissaħħu l-indipendenza, l-integrità u l-kontabilità tal-uffiċċji nazzjonali tal-istatistika u l-Eurostat huwa l-fundazzjoni li fuqha ġie adottat il-Kodiċi ta' Prattika tal-Istatistika Ewropew fl-2005. Awtovalutazzjonijiet komprensivi ġew ikkomplementati minn reviżjonijiet tal-pari mwettqa matul il-perjodu 2006-2008, b'tal-aħħar jindirizzaw speċifikatament l-ambjent istituzzjonali u l-prattiċi ta' tqassim u l-funzjoni ta' koordinament tal-NSIs fis-sistemi nazzjonali tal-istatistika. Riżultati mir-reviżjonijiet kollha nġabru fil-qosor f'rapport mill-Kummissjoni. It-twaqqif ta' Entità Konsultattiva tal-Governanza Statistika Ewropea biex jara li tlestiet l-implimentazzjoni tas-CoP. Ġestjoni tal-Kwalità Ġiet implimentata firxa wiesgħa ta' attivitajiet, bħall-konferenzi ta' kwalità li jinżammu regolarment u l-inizjattivi dwar il-ġestjoni tal-kwalità fis-SSE, inkluż żvilupp tal-lista ta' kontroll tal-valutazzjoni għall-proċessi statistiċi u r-riżultati (DESAP) u tal-ktejjeb dwar il-metodi u l-għodod tal-valutazzjoni ta' kwalità tad-dejta (DATQAM), għalkemm il-monitoraġġ tal-aspetti ta' kwalità tad-dejta u l-armonizzazzjoni ta' rappurtar tal-kwalità jista' jissaħħaħ iktar. Ingħata appoġġ lill-Istati Membri għall-inizjattivi ta' kwalità tagħhom, u tqassmu l-prattiċi tajba riżultanti tagħhom. Djalogu mal-Utent u Tqassim Kisba maġġuri kienet il-bidu ta' tqassim liberu ta' dejta statistika tal-Eurostat fuq il-websajt sa mill-1 ta’ Ottubru 2004. Minħabba f'hekk, kienet osservata żieda sinifikanti fl-aċċess għall-portal, rikonoxximent ħafna ikbar fil-mezzi tax-xandir u kopertura sħiħa tal-metadejta. Il-programm ta' pubblikazzjoni u l-kalendarju ta' meta jinħarġu ttejbu u ġew implimentati tipi differenti ta' stħarriġiet tal-utenti. Ġiet żvluppata skema ta' kooperazzjoni għall-appoġġ lill-utent fl-Istati Membri u ġew monitorizzati regolarment ir-reazzjonijiet tal-utenti. Fl-aħħar nett, twaqqaf il-Kumitat Konsultattiv Statistiku Ewropew (ESAC) biex jippromwovi djalogu mal-utenti. Żvilupp tal-Infrastruttura Infetħet websajt ġdida u ġiet implimentata bażi tad-dejta ta' referenza riveduta għat-titjib fl-aċċess għad-dejta u l-funzjonalitajiet tal-websajt. Sar żvilupp fl-infrastruttura b'tali mod li l-Punt ta' Dħul Uniku ntuża iktar u iktar mill-Istati Membri għat-trażmissjonijiet tagħhom tad-dejta, b'hekk żiedu l-effiċjenza u s-sikurezza tagħhom. Barra minn hekk, l-inizjattiva għall-iżvilupp ta' standards komuni u linji gwida għall-iskambju ta' dejta elettronika u metadejta (SDMX) fil-kuntest internazzjonali bbenefikat mir-rwol ewlieni tal-Eurostat. L-UżU TA' RIżORSI UMANI U FINANZJARJI Fir-rigward tar-riżorsi umani, matul il-perjodu kien hemm żieda stabbli ta' madwar 15 % l-iktar minħabba t-tkabbir. Madwar 82 % tar-riżorsi umani huma involuti fil-produzzjoni statistika, bil-bqija jkunu impjegati għal appoġġ amministrattiv u politiku. Dan il-proporzjon baqa' relattivament stabbli matul is-snin, b'żieda ċkejkna fis-snin reċenti. Il-baġit totali għall-implimentazzjoni tal-programm għall-perjodu jammonta għal EUR 220.6 miljun. Is-sitwazzjoni tar-riżorsi kienet b'mod ġenerali sodisfaċenti matul il-perjodu tal-programm minħabba li ħidmiet statistiċi ġodda, bħat-tkabbir u domandi politiċi ġodda, kienu bbilanċjati minn kisbiet ta' produttività u provvediment limitat ta' riżorsi żejda. 3. RAKKOMANDAZZJONIJIET GħALL-ĠEJJIENI Ir-rakkomandazzjonijiet elenkati fir-rapport ta' valutazzjoni ex-post dwar is-CSP 1998-2002 intlaqgħu fil-biċċa l-kbira fl-implimentazzjoni tas-CSP ittrattat hawnhekk. Kien hemm żewġ rakkomandazzjonijiet fejn ix-xogħol inbeda u ma tlestiex. Dawn jikkonċernaw ir-rakkomandazzjoni biex jitjieb il-kejl tar-rendiment tal-Eurostat u r-rakkomandazzjoni biex jiġu identifikati u ġestiti l-ħiliet u l-għarfien fil-livell tas-SSE. Ir-rakkomandazzjonijiet li ġejjin tfasslu mill-esperti indipendenti matul il-valutazzjoni ta' din is-CSP (jistgħu jinsabu iktar dettalji fir-rapport anness). TITJIB TAR-RABTA BEJN IS-CSP U L-PROGRAMMI TA' ħIDMA ANNWALI Is-CSP huwa mfassal biex ikun programm qafas li jifformula viżjoni strateġika għal ħames snin u jiżgura, flimkien mal-programmi ta' xogħol annwali, il-flessibilità u r-rilevanza tas-CSPs matul il-perjodu sħiħ. Fl-użu tas-CSP bħala referenza, il-programmi ta' xogħol annwali għandhom isemmu espliċitament is-CSP rispettiv u jkunu bbażati fuqu. Għanijiet kruċjali inklużi fis-CSP għandhom ikunu riflessi fl-għanijiet ġerarkiċi korrispondenti fil-programmi annwali. Dan se jagħmilha possibbli li jintuża l-potenzjal sħiħ taż-żewġ tipi ta' programm u jiżgura monitoraġġ aħjar tal-għanijiet strateġiċi. TITJIB FIL-MONITORAġġ TAL-IMPLIMENTAZZJONI TAS-CSP Għadd ta' strumenti ta' monitoraġġ diġà jeżistu fl-Eurostat, bħall-monitoraġġ ta' kwalità tad-dejta, il-websajt, il-konformità mal-atti ġuridiċi, stħarriġiet ta' sodisfazzjon tal-utent u stħarriġiet tal-opinjoni tal-persunal. Madankollu, dawn l-istrumenti għadhom mhumiex parti mis-sistema integrata u, barra minn hekk; m'hemm l-ebda monitoraġġ tas-CSP f'termini tal-għanijiet. Monitoraġġ ġenerali tas-CSP għandu jkun implimentat billi jiġi definit sett kruċjali ta' indikaturi li jipprovdu tagħrif suffiċjenti dwar il-ksib tal-għanijiet operattivi u strateġiċi matul il-perjodu tal-programm. Attivitajiet ta' monitoraġġ fis-seħħ għandu jkun issemplifikat u integrat fis-sistema ta' monitoraġġ. BILANċJAMENT TAD-DOMANDA MAR-RIżORSI L-Eurostat għandu r-rwol ta' intermedjarju bejn l-utenti ewlenin fil-livel Ewropew (l-iktar servizzi oħra tal-Kummissjoni) u NSIs u fornituri oħrajn tat-tagħrif nazzjonali. Flimkien ma' dawk, iddaħħlu ħafna strumenti biex iżidu l-effiċjenza ta' ħidmiet flimkien. Id-domanda għal dejta dettaljata u frekwenti espressa mill-utenti se jiżdiedu fil-ġejjieni minħabba t-tnedija ta' politiki ġodda u l-bżonnijiet ta' monitoraġġ għall-implimentazzjoni u valutazzjoni ta' politiki li għaddejjin. Madankollu, hemm limitu għall-użu ta' kisbiet ta' produttività ulterjuri fis-SSE biex tibqa' tiġi sodisfatta kontinwament id-domanda dejjem tikber għal dejta sofistikata u kumplessa. Din is-sitwazzjoni teħtieġ riflessjoni strateġika rigward id-domanda, flimkien mal-modernizzazzjoni tas-sistemi ta' produzzjoni u l-armonizzazzjoni ulterjuri tal-proċessi u possibilment żieda fir-riżorsi (umani u finanzjarji) fis-SSE kollha. Għandu jkun hemm sforzi biex tiġi indirizzata l-isfida mas-SSE kollha billi jitjieb it-tfassil tal-prijoritajiet, tiġi ssimplifikata l-leġiżlazzjoni, jiġu vvalutati l-impatti ta' domanda ġdida bil-quddiem u jiġu riveduti l-bżonnijiet tar-riżorsi. TISħIħ ULTERJURI TAL-FIDUċJA U S-SħUBIJA FIS-SSE Fiduċja u sħubija bejn il-partijiet interessati huma kruċjali għat-tħaddim sew tas-SSE. L-Eurostat bħala l-intermedjarju bejn l-NSIs u s-servizzi tal-Kummissjoni huwa ffaċċjat b'interessi li xi kultant ikunu kunfliġġenti mill-atturi differenti fis-sistema. Jeżistu bosta entitajiet u strumenti istituzzjonalizzati biex jistimulaw djalogu fost l-atturi kollha u b'hekk joħolqu fiduċja u jrawmu sħubija. Din il-fiduċja u sħubija jifformaw il-qofol tas-sistema u l-Eurostat għandha tkompli ssaħħaħhom fil-ġejjieni. [1] ĠU L 358, 16.12.2002 [2] ĠU L 358, 16.12.2002, p. 2. [3] Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1995/2006 tat-13 ta’ Diċembru 2006. [4] Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 478/2007 tat-23 ta’ April 2007 li jemenda r-Regolament (KE, Euratom) Nru 2342/2002 [5] Skont it-Trattati