Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009AR0224

    Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar Il-faċilità mikrofinanzjarja Progress

    ĠU C 79, 27.3.2010, p. 71–77 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    27.3.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 79/71


    Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Il-faċilità mikrofinanzjarja ‘Progress’”

    (2010/C 79/12)

    I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

    IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

    Il-Ħtieġa ta’ azzjoni

    1.

    Jappoġġja l-azzjoni immedjata tal-Kummissjoni u tal-BEI sabiex jiżguraw li, f’dan iż-żmien ta’ nuqqas ta’ likwidità, ir-riżorsi tal-UE jintużaw b’mod effettiv sabiex jgħinu lin-negozji u jenfasizza li l-kriżi finanzjarja riċenti wasslet għal credit crunch għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju u għall-mikrointrapriżi u li din twassal kemm sabiex ir-ritmu ekonomiku jkompli sejjer għall-agħar kif ukoll ixxekkel kull rilanċ sussegwenti;

    2.

    Jagħraf li l-perspettivi finanzjarji 2007-2013 jillimitaw il-possibilità tal-Kummissjoni li talloka finanzjament ġdid għall-proposta l-ġdida dwar il-Faċilità Finanzjarja “Progress”;

    3.

    Juri t-tħassib li r-riallokazzjoni ta’ EUR 100 miljun mill-programm PROGRESS għall-faċilità mikrofinanzjarja ta’ progress ġdida tista’ tikkomprometti l-għanijiet, l-impatt u l-effettività ta’ dak il-programm u jitlob lill-Kummissjoni sabiex tikkunsidra alternattivi oħra ta’ finanzjament adatti għall-implimentazzjoni tal-faċilità;

    4.

    Jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni għall-fatt li l-EUR 100 miljun previsti għall-Faċilità Mikrofinanzjarja “Progress” mhux ser ikunu biżżejjed sabiex jipprovdu l-EUR 500 miljun f’fondi addizzjonali li hemm bżonn sabiex jagħmlu tajjeb għal-limitazzjonijiet ta’ self attwali, jixprunaw il-provvista tal-mikrofinanzi kif ukoll ilaħħqu mal-livelli attwali tad-domanda;

    5.

    Jilqa’ l-konsistenza tal-Faċilità Mikrofinanzjarja “Progress” mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, u għaldaqstant tikkumplimenta d-dispożizzjoni ta’ faċilitajiet ta’ mikrokreditu mill-Istati Membri jew mill-awtoritajiet lokali u reġjonali;

    6.

    Jiġbed l-attenzjoni li aktar minn 90 % tal-intrapriżi fl-UE huma mikrointrapriżi u li l-akbar ostaklu għall-innovazzjoni ta’ dawk l-intrapriżi joħroġ mill-aċċess limitat għall-mikrokreditu;

    7.

    Jaqbel li l-parti l-kbira tal-mikrokreditu għall-persuni żvantaġġati fl-UE huwa pprovdut minn istituzzjonijiet mikrofinanzjarji mhux kummerċjali u li dawn il-fornituri jeħtieġu sostenn akbar sabiex ilaħħqu mad-domanda attwali;

    8.

    Jemmen li l-isforz tal-Kummissjoni sabiex ikun żviluppat il-mikrokreditu fl-UE ser ikun strument utli li jippermetti lil dawk li huma esklużi mis-suq tal-kreditu konvenzjonali, sabiex jibdew intrapriżi ġodda u jsostnu l-ħolqien tal-impjiegi;

    9.

    Jiddispjaċih li r-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-impatt fuqhom mhux qed ikun ikkunsidrat b’mod sħiħ mill-evalwazzjoni “ex ante” li qed tagħmel il-Kummissjoni.

    Fokus fuq il-kisbiet

    10.

    Jitlob lill-Kummissjoni sabiex tiffoka fuq il-mikrointrapriżi innovattivi, l-aktar dawk li huma msejsa fuq l-għarfien, sabiex jippromovu l-innovazzjoni u l-produttività fl-UE;

    11.

    Jitlob lill-Kummissjoi sabiex tissemplifika l-inizjattivi attwali tal-UE kif ukoll sabiex tikkjarifika l-koerenza bejn il-faċilità mikrofinanzjarja ta’ progress u strumenti oħra finanzjarji tal-UE, speċjalment il-PROGRESS, il-FSE, il-JEREMIE u s-CIP (1);

    12.

    Jirrakkomanda li l-Kummissjoni tiddistingwi b’mod aktar preċiz bejn gruppi speċifiċi mmirati u tikkunsidra l-persuni qiegħda u żvantaġġjati, li jinkludu ż-żgħażagħ, in-nisa, persuni ta’ età aktar avvanzata u l-komunitajiet tal-minoritajiet etniċi bħala gruppi mmirati u tagħti lil dawn il-gruppi pożizzjoni speċifika u adatta fil-programmi u l-inizjattivi marbuta mal-mikrokrediti;

    13.

    Jitlob lill-Kummissjoni sabiex tenfasizza l-importanza ta’ miżuri wiesa’ ta’ appoġġ kummerċjali flimkien mal-provvediment finanzjarju għall-ħolqien ta’ negozji ġodda u negozji eżistenti. Il-provvista ta’ finanzjament għan-negozji ġodda u eżistenti għandha tkun ikkumplimentata minn mekkaniżmi ta’ appoġġ għan-negozju bħalma huma l-iggwidar, it-taħriġ, il-konsulenza u l-iżvilupp tal-kapaċitajiet flimkien mas-sostenn tar-rata tal-interessi mill-programm tal-FSE sabiex jinkoraġġixxu t-tkabbir sostenibbli tan-negozji u jiżguraw li jkun hemm tnaqqis fir-rata tan-negozji li jfallu;

    14.

    Jinnota li l-kundizzjonijiet għall-provvista u d-domanda tal-mikrokreditu jvarjaw ħafna madwar l-Ewropa u jitlob lill-Kummissjoni sabiex tiżgura li l-mikrokreditu jkun disponibbli wkoll f’dawk iż-żoni li ma jibbenefikawx mill-fondi strutturali, minħabba li jistgħu jeżistu nħawi deprivati u żvantaġġati anki fiz-zoni l-aktar għonja;

    15.

    Ifakkar lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-imsieħba lokali u reġjonali, li l-faċilità mikrofinanzjarja ta’ EUR 100 miljun trid tkun ikkunsidrata fil-kuntest ta’ programmi u inizjattivi oħra. Speċifikament, ir-riżorsi limitati tal-faċilità ser ikunu aċċessibbli għas-27 Stat Membru matul l-erba’ snin li ġejjin. Minħabba f’hekk, il-fondi għandhom ikunu allokati skont kriterji li jħallu l-akbar impatt;

    16

    fakkar fl-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Pjan Ewropew għall-Irkupru Ekonomiku u r-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali” (CdR 12/2009) li talbet lill-Kummissjoni sabiex “tressaq proposta għal regoli dwar l-għoti tal-mikrokreditu fi ħdan l-UE…[u] biex jiġu stabbiliti parametri għall-għoti tal-mikrokreditu.”

    Il-komunikazzjoni

    17.

    Ifakkar lill-Kummissjoni u lill-Grupp tal-BEI li s-suċċess ta’ din il-faċilità jiddependi fuq li l-imsieħba, l-istituzzjonijiet finanzjarji u l-benefiċjarji potenzjali jkunu konxji għal kollox tal-iskema;

    18.

    Jinsisti li l-Kummissjoni u l-Grupp tal-BEI jkunu proattivi u jikkomunikaw ir-rwol tagħhom u l-metodi għall-aċċess tal-finanzjament taħt il-programmi differenti, bi sħab mal-awtoritajiet lokali u reġjonali;

    19.

    Jitlob lill-Kummissjoni u l-Grupp tal-BEI sabiex jiċċaraw il-valur miżjud tal-faċilità mikrofinanzjarja ta’ progress u l-komplimentaritajiet tagħha ma’ inizjattivi eżistenti ta’ sostenn lin-negozji fil-livelli Ewropej, nazzjonali, reġjonali u lokali.

    20.

    Jenfasizza li l-Kumitat kien diġà talab lill-Kummissjoni u l-Grupp tal-BEI sabiex ikunu aktar proattivi fil-komunikazzjoni tar-rwol, il-valur miżjud u l-opportunitajiet li joffru programmi oħra ta’ sostenn lin-negozji, jiġifieri il-JEREMIE, is-SIP (ara l-opinjoni dwar l-Att dwar in-negozji ż-żgħar għall-Ewropa, CdR 2008/246).

    Il-koordinazzjoni tar-realizzazzjoni

    21.

    Ifakkar lill-Kummissjoni u l-Grupp tal-BEI li l-faċilità mikrofinanzjarja tkun aktar effettiva jekk tkun ikkoordinata u implimentata flimkien mal-istrumenti finanzjarji Ewropej eżistenti kif ukoll programmi lokali u reġjonali fl-Istati Membri;

    22.

    Ifakkar fl-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “l-Istrateġija ta’ Lisbona għat-Tkabbir u l-Impjiegi” (CdR 245/2008) li saħqet fuq il-ħtieġa ta’ “koordinazzjoni bejn il-Fondi Strutturali u programmi rilevanti Ewropej oħrajn … sabiex jiġi sfruttat il-valur miżjud Ewropew u jiġu involuti l-awtoritajiet reġjonali u lokali”;

    23.

    Jipproponi li l-Kummissjoni tibni fuq il-flessibilità tal-faċilità li qed titwassal permezz tal-istituzzjonijiet mhux finanzjarji billi, fejn ikun adatt, taħdem mal-awtoritajiet lokali u reġjonali bħala l-fornituri tal-mikrofinanzi;

    24.

    Jitlob lill-Kummissjoni, l-Istati Membri, l-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-korpi fdati bl-implimentazzjoni tal-Faċilità sabiex jagħtu s-sostenn lill-benefiċjarji potenzjali matul l-applikazzjoni għall-fondi ta’ self, jimminimizzaw il-burokrazija meħtieġa għall-applikazzjoni, l-ipproċessar u l-ġbid tal-fondi u joffru aktar sostenn sabiex titnaqqas il-burokrazija li tirriżulta wara li jirċievu l-fondi.

    Il-valutazzjoni u l-monitoraġġ

    25.

    Jipproponi li l-Kummissjoni għandha tagħmel valutazzjonijiet interim u finali fuq inizjattiva proprja, permezz ta’ kooperazzjoni mill-qrib mal-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali u konsultazzjoni mal-awtoritajiet lokali u reġjonali kif ukoll il-benefiċjarji finali. Il-valutazzjoni finali għandha, b’mod partikulari, teżamina safejn il-faċilità b’mod sħiħ tkun laħqet l-għanijiet tagħha u kkumplimentat strumenti finanzjarji eżistenti tal-UE, pereżempju il-PROGRESS, l-FSE, il-JASMINE, il-JEREMIE u s-CIP. Il-valutazzjoni finali għandha tinkludi analiżi tad-distribuzzjoni tal-fondi fost is-27 pajjiż tal-UE;

    26.

    Jipproponi li filwaqt li l-faċilità mikrofinanzjarja hija miżura temporanja fl-istess qafas baġitarju attwali, il-Kummissjoni u l-BEI għandhom jikkunsidraw li jkomplu l-programm lil hinn mill-2013 jekk din tkun suċċess.

    II.   RAKKOMANDAZZJONIJIET SABIEX JITRESSQU EMENDI

    Emenda 1

    Artikolu 2 ta’ COM (2009) 333

    Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

    Emenda tal-KtR

    1.

    Il-Faċilità għandha tipprovdi riżorsi Komunitarji biex jiżdied l-aċċess għall-mikrokreditu għal:

    (a)

    persuni li tilfu jew li qegħdin fir-riskju li jitilfu l-impjieg tagħhom u li jixtiequ jibdew il-mikrointrapriża tagħhom, inkluż impjieg għal rashom;

    (b)

    persuni żvantaġġati, inkluż iż-żgħażagħ, li jixtiequ jibdew jew jiżviluppaw aktar il-mikrointrapriża tagħhom, inkluż impjieg għal rashom;

    (c)

    mikrointrapriżi fl-ekonomija soċjali li jimpjegaw persuni li tilfu l-impjieg tagħhom jew li jimpjegaw persuni żvantaġġati, inkluż iż-żgħażagħ.

    1.

    Il-Faċilità għandha tipprovdi riżorsi Komunitarji biex l-aċċess għall-mikrokreditu għal:

    (b)

    persuni żvantaġġati, inkluż iż-żgħażagħ, li jixtiequ jibdew jew jiżviluppaw aktar il-mikrointrapriża tagħhom, inkluż impjieg għal rashom;

    (c)

    mikrointrapriżi fl-ekonomija soċjali li jimpjegaw persuni li tilfu l-impjieg tagħhom jew li jimpjegaw persuni żvantaġġati ..

    Raġuni:

    i)

    Ftit hemm definizzjoni u ftehim komuni tat-terminu “qegħdin fir-riskju li jitilfu l-impjieg tagħhom”. Għaldaqstant huwa meħtieġ li ssir referenza għad-definizzjoni mogħtija fir-Regolament li jistabbilixxi Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (Nru 1927/2006) li ġew emendati dan l-aħħar.

    ii)

    Flimkien maż-żgħażagħ, hemm numru ta’ gruppi żvantaġġati li jeħtieġ li jkunu msemmija speċifikament.

    iii)

    Ir-referenza lejn iż-żgħażagħ inqatgħet minn paragrafu (c) minħabba li l-gruppi żvantaġġati diġà huma definiti taħt paragrafu (b).

    Emenda 2

    Artikolu 4 ta’ COM (2009) 333

    Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

    Emenda tal-KtR

    1.

    Il-Faċilità se tkun implimentata bl-użu tat-tipi ta' azzjonijiet li ġejjin, kif xieraq:

    (a)

    strumenti ta’ garanziji u ta’ qsim tar-riskju;

    (b)

    strumenti ta’ ekwità;

    (c)

    strumenti ta’ dejn;

    (d)

    miżuri ta’ appoġġ, bħal attivitjaiet ta’ komunikazzjoni, monitoraġġ, kontroll, verifika u evalwazzjoni li huma neċessarji b’mod dirett għall-implimentazzjoni effettiva u effiċjenti ta' din id-Deċiżjoni u għall-kisba tal-għanijiet tagħha.

    2.

    Il-Faċilità għandha tkun miftuħa għall-korpi pubbliċi u privati stabbiliti fl-Istati Membri li jipprovdu mikrofinanzjamenti lill-persuni u mikrointrapriżi fl-Istati Membri.

    1.

    Il-Faċilità se tkun implimentata bl-użu tat-tipi ta' azzjonijiet li ġejjin, kif adatt:

    (a)

    strumenti ta’ garanziji u ta’ qsim tar-riskju;

    (b)

    strumenti ta’ ekwità;

    (c)

    strumenti ta’ dejn;

    (d)

    miżuri ta’ appoġġ, bħal attivitjajiet ta’ komunikazzjoni, monitoraġġ, kontroll, verifika u evalwazzjoni li huma neċessarji b’mod dirett għall-implimentazzjoni effettiva u effiċjenti ta’ din id-Deċiżjoni u għall-kisba tal-għanijiet tagħha.

    2.

    Il-Faċilità għandha tkun miftuħa għall-korpi pubbliċi u privati stabbiliti fl-Istati Membri li jipprovdu mikrofinanzjamenti lill-persuni u mikrointrapriżi fl-Istati Membri.

    Raġuni:

    i)

    Minħabba l-fondi limitati disponibbli, kif ukoll sabiex ikun żgurat li l-benefiċċji mill-faċilità jkunu massimizzati, huwa mportanti li jkunu stabbiliti kriterji ċari ta’ eliġibilità u li dawn il-kriterji jkunu applikati b’mod konsistenti fis-27 Stat Membru.

    ii)

    Kriterji ċari ta’ eliġibilità jsostnu l-komunikazzjoni effettiva u jsostnu d-differenzazzjoni bejn, u l-koordinazzjoni ma’ programmi oħra.

    Emenda 3

    Artikolu 5 ta’ COM (2009) 333

    Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

    Emenda tal-KtR

    1.

    Il-Kummisssjoni għandha tamministra l-Faċilità skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002.

    2.

    Biex timplimenta l-azzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4 (1), minbarra l-miżuri ta' appoġġ imsemmija f'punt (d) tal-Artikolu 4 (1), il-Kummissjoni għandha tikkonkludi ftehim mal-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali, b'mod partikolari mal-Bank Ewropew għall-Investiment (BEI) u mal-Fond Ewropew għall-Investiment (FEI), skont l-Artikolu 53d tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 u l-Artikolu 43 tar-Regolament tal-Kummisssjoni (KE, Euratom) Nru 2342/2002. Dawn il-ftehimiet għandhom jinkludu dispożizzjonijiet iddettaljati għall-implimentazzjoni tal-biċċiet ta’ xogħol fdati lilhom, inkluż il-bżonn li tkun żgurata addizjonalità mal-iskemi nazzjonali.

    3.

    Il-flus mill-ħlas lura lill-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali msemmija fil-paragrafu 2, inkluż dividend u rimborżi, jistgħu jkunu investiti mill-ġdid f'azzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4 (1) (a), (b), u (c) għal perjodu ta' 6 snin wara l-bidu tal-Faċilità. Wara l-għeluq tal-Faċilità, il-bilanċ li jifdal jitħallas lill-Komunitajiet Ewropej għandu jitħallas lill-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej.

    4.

    L-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali msemmija fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu għandhom jikkonkludu ftehimiet bil-miktub mal-fornituri pubbliċi u privati tal-mikrofinanzjament msemmija fl-Artikolu 4 (2) li jistabbilixxu l-obbligi ta' użu tar-riżorsi li jkunu pprovduti mill-Faċilità skont l-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 2 u biex jipprovdu informazzjoni għat-tfassil ta' rapporti annwali msemmija fl-Artikolu 8 (1).

    5.

    Il-baġit għall-miżuri ta' appoġġ msemmija fl-Artikolu 4 (1) (d) għandu jkun amministrat mill-Kummissjoni.

    1.

    Il-Kummisssjoni għandha tamministra l-Faċilità skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002.

    2.

    Biex timplimenta l-azzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4 (1), minbarra l-miżuri ta' appoġġ imsemmija f'punt (d) tal-Artikolu 4 (1), il-Kummissjoni għandha tikkonkludi ftehim mal-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali, b'mod partikolari mal-Bank Ewropew għall-Investiment (BEI) u mal-Fond Ewropew għall-Investiment (FEI), skont l-Artikolu 53d tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 u l-Artikolu 43 tar-Regolament tal-Kummisssjoni (KE, Euratom) Nru 2342/2002. Dawn il-ftehimiet għandhom jinkludu dispożizzjonijiet iddettaljati għall-implimentazzjoni tal-biċċiet ta’ xogħol fdati lilhom, inkluż il-bżonn li tkun żgurata addizjonalità mal-iskemi nazzjonali, .

    3.

    Il-flus mill-ħlas lura lill-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali msemmija fil-paragrafu 2, inkluż dividend u rimborżi, jistgħu jkunu investiti mill-ġdid f'azzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4 (1) (a), (b), u (c) għal perjodu ta' 6 snin wara l-bidu tal-Faċilità. Wara l-għeluq tal-Faċilità, il-bilanċ li jifdal jitħallas lill-Komunitajiet Ewropej għandu jitħallas lill-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej.

    4.

    L-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali msemmija fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu għandhom jikkonkludu ftehimiet bil-miktub mal-fornituri pubbliċi u privati tal-mikrofinanzjament msemmija fl-Artikolu 4 (2) li jistabbilixxu l-obbligi ta' użu tar-riżorsi li jkunu pprovduti mill-Faċilità skont l-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 2 u biex jipprovdu informazzjoni għat-tfassil ta' rapporti annwali msemmija fl-Artikolu 8 (1).

    5.

    Il-baġit għall-miżuri ta' appoġġ msemmija fl-Artikolu 4 (1) (d) għandu jkun amministrat mill-Kummissjoni.

    Raġuni:

    Huwa mportanti li jkun enfasizzat li l-Faċilità Mikrofinanzjarja “Progress” tkun aktar effettiva jekk tkun ikkoordinata flimkien ma’ skemi nazzjonali, reġjonali u lokali.

    Emenda 4

    Artikolu 9 ta’ COM (2009) 333

    Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

    Emenda tal-KtR

    1.

    Il-Kummissjoni għandha tagħmel valutazzjonijiet interim u finali fuq l-inizjattiva tagħha b'kooperazzjoni mill-qrib mal-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali msemmija fl-Artikolu 5 (2). Il-valutazzjoni interim trid tkun lesta erba' snin wara l-bidu tal-Faċilità u l-valutazzjoni finali mhux aktar tard minn sena wara t-tmiem tal-mandat(i) mogħtija lill-istituzzjonijiet finanzjari internazzjonali msemmija fl-Artikolu 5 (2). Il-valutazzjoni finali għandha, barra minn hekk, teżamina sa fejn il-Faċilità laħqet l-għanijiet tagħha.

    2.

    Ir-riżultati tal-valutazzjoni se jkunu trasmessi, bħala informazzjoni, lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u, lill-Kumitat tar-Reġjuni.

    1.

    Il-Kummissjoni għandha tagħmel valutazzjonijiet interim u finali fuq inizjattiva tagħha b'kooperazzjoni mill-qrib mal-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali msemmija fl-Artikolu 5 (2), . Il-valutazzjoni interim trid tkun lesta erba' snin wara l-bidu tal-Faċilità u l-valutazzjoni finali mhux aktar tard minn sena wara t-tmiem tal-mandat(i) mogħtija lill-istituzzjonijiet finanzjari internazzjonali msemmija fl-Artikolu 5 (2). Il-valutazzjoni finali għandha, barra minn hekk, teżamina sa fejn il-Faċilità laħqet l-għanijiet tagħha .

    2.

    Ir-riżultati tal-valutazzjoni se jkunu trasmessi, bħala informazzjoni, lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u, lill-Kumitat tar-Reġjuni.

    Raġuni:

    i)

    Ir-realizzazzjoni tal-Faċilità Mikrofinanzjarja “Progress” għandha ssir bi sħab mal-awtoritajiet lokali u reġjonali. Konsegwentement, kull valutazzjoni għandha ssir wara konsultazzjoni mal-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-benefiċjarji finali minħabba li huma jinsabu fl-aħjar pożizzjoni sabiex jagħtu pariri dwar l-impatt ġenerali u l-effettività tal-faċilità mikrofinanzjarja ta’ progress.

    ii)

    Din il-faċilità tkun effettiva biss jekk tikkumplimenta strumenti finanzjarji eżistenti tal-UE, għaldaqstant il-livell li din tkun laħqet għandu jkun parti mill-qafas ta’ valutazzjoni.

    Brussell, 7 ta’ Ottubru 2009

    Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

    Luc VAN DEN BRANDE


    (1)  Il-Programm tal-Komunità Ewropea għall-Impjiegi u s-Solidarjetà Soċjali (PROGRESS), il-Fond Soċjali Ewropew (FSE), l-Azzjoni Konġunta għall-Appoġġ tal-Istituzzjonijiet ta’ Mikro-Finanza fl-Ewropa (JASMINE), ir-Riżorsi Ewropej Konġunti għall-Intrapriżi Mikro u Medji (JEREMIE), il-Programm ta’ qafas għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (CIP).


    Top