This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52009AE0636
Opinion of the European Economic and Social Committee on the Communication from the Commission to the Council, the European Parliament, the Committee of the Regions and the European Economic and Social Committee: Green Paper on Territorial Cohesion. Turning territorial diversity into strength
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, il-Parlament Ewropew, il-Kumitat tar-Reġjuni u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew: Green Paper dwar il-Koeżjoni Territorjali Nibdlu d-diversità territorjali f’vantaġġi
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, il-Parlament Ewropew, il-Kumitat tar-Reġjuni u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew: Green Paper dwar il-Koeżjoni Territorjali Nibdlu d-diversità territorjali f’vantaġġi
ĠU C 228, 22.9.2009, p. 123–129
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
22.9.2009 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 228/123 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, il-Parlament Ewropew, il-Kumitat tar-Reġjuni u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew: Green Paper dwar il-Koeżjoni Territorjali Nibdlu d-diversità territorjali f’vantaġġi
COM(2008) 616 finali
2009/C 228/24
Nhar is-6 ta’ Ottubru 2008, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar
“il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, il-Parlament Ewropew, il-Kumitat tar-Reġjuni u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew – Green Paper dwar il-Koeżjoni Territorjali: Nibdlu d-diversità territorjali f’vantaġġi”
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-5 ta’ Marzu 2009. Ir-rapporteur kien is-Sur OLSSON.
Matul l-452 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fl-24 u l-25 ta’ Marzu 2009 (seduta tal-25 ta’ Marzu), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni bi 88 vot favur, l-ebda vot kontra u 11-il astensjoni.
1. Sfond
1.1 Sa mill-bidu nett tal-ħolqien tagħha, l-Unjoni Ewropea ngħatat il-missjoni li tiżgura l-iżvilupp armonjuż tal-ekonomiji billi tnaqqas l-inugwaljanzi reġjonali (1).
1.2 Din il-ħidma, li baqgħet pjuttost mistura fl-ewwel għexieren ta’ snin tal-integrazzjoni Ewropea, kisbet importanza kbira bis-saħħa tar-riforma tal-1988 imnedija minn Jacques Delors, b’riżultat tal-adozzjoni tal-Att Uniku li waqqaf il-politika ta’ koeżjoni ekonomika u soċjali.
1.3 It-Trattat ta’ Amsterdam, iffirmat fl-1997, inkluda l-koeżjoni soċjali u territorjali flimkien mas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali bħala espressjonijiet tal-valuri Ewropej (2).
1.3.1 It-Trattat ta’ Amsterdam jistipula li “l-Komunità għandu jkollha l-iskop li tnaqqas id-diverġenzi bejn il-livelli ta’ żvilupp tar-reġjuni varji u r-ritard ta’ dawk ir-reġjuni jew gżejjer li huma naqas favoriti, inklużi ż-żoni rurali”.
1.4 Jekk il-proċedura tar-ratifika tat-Trattat ta’ Liżbona tasal fi tmiemha, l-Unjoni Ewropea tingħata għan ġdid: il-promozzjoni tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali (3).
1.5 Ser tingħata attenzjoni partikolari “lil żoni rurali, lil żoni milquta minn transizzjoni industrijali, u lil reġjuni li jbatu minn żvantaġġi naturali jew demografiċi gravi u permanenti bħal pereżempju r-reġjuni tat-tramuntana mbiegħda b’densità ta’ popolazzjoni baxxa ħafna, u reġjuni insulari, reġjuni transkonfinali u reġjuni muntanjużi” (4).
1.6 F’Mejju 2007, il-Kunsill informali tal-ministri responsabbli mill-iżvilupp urban u l-koeżjoni territorjali adotta l-Aġenda Territorjali. F’dan id-dokument, is-27 Stat Membru jimpenjaw ruħhom li jikkooperaw bejniethom, u mal-Kummissjoni u mal-istituzzjonijiet Ewropej l-oħra biex iħeġġu l-iżvilupp territorjali poliċentriku tal-UE u użu aħjar tar-riżorsi disponsibbli fir-reġjuni (5).Adottaw ukoll programm ta’ ħidma sal-2011.
2. Kummenti ġenerali
2.1 Fis-6 ta’ Ottubru 2008, il-Kummissjoni ppubblikat “Green Paper dwar il-Koeżjoni Territorjali: Nibdlu d-diversità territorjali f’vantaġġi” (6). F’dan id-dokument qasir hija tibda billi tippreżenta l-koeżjoni ekonomika u soċjali minn perspettiva territorjali; imbagħad tidentifika l-vantaġġi u l-isfidi tad-diversità territorjali Ewropea, fid-dawl ta’ 3 tipi ewlenin ta’ rispons politiku – il-konċentrazzjoni, il-kollegament u l-kooperazzjoni – kif ukoll xi karatteristiċi ġeografiċi speċifiċi, bħar-reġjuni muntanjużi, ir-reġjuni gżejjer u r-reġjuni b’popolazjoni baxxa. Hija tissuġġerixxi li l-aħjar approċċ biex jintlaħaq l-għan tal-koeżjoni territorjali huwa li tittejjeb il-koordinazzjoni tal-politiki settorjali u titwessa’ s-sħubija f’diversi livelli.
2.1.1 Il-konsultazzjoni tispiċċa b’lista ta’ 15-il mistoqsija miġbura f’6 temi. Il-KESE se jsegwi l-ordni li bih saru l-mistoqsijiet. Madanakollu, jinnota li kull darba l-mistoqsijiet huma ppreċeduti minn sentenza, li f’xi każijiet għandha tiġi diskussa.
2.1.2 Il-Green Paper tagħti opportunità lill-KESE biex jippreċiża l-kummenti tiegħu dwar il-koeżjoni territorjali billi jaqdi r-rwol speċifiku li ngħatalu mit-Trattati, u dwar il-kompożizzjoni tiegħu u l-għarfien tal-membri tiegħu.
2.1.3 Biex isaħħaħ id-dibattitu, il-KESE se jintrabat li jagħti wkoll il-kontribut tiegħu għad-diskussjonijiet tal-korpi Komunitarji l-oħra u mhux jappoġġjahom biss.
2.1.4 Ta’ min jinnota li d-dimensjoni territorjali tal-azzjoni Komunitarja u tal-politiki settorjali, u l-approċċ territorjali tal-koeżjoni ekonomika u soċjali, ġew indirizzati f’diversi opinjonijiet tal-KESE, u dan huwa sors ta’ ispirazzjoni siewi ħafna.
2.1.5 Għaldaqstant, għall-KESE l-koeżjoni territorjali għandha tkun għan komuni, li għandu jintlaħaq bil-ħidma tal-livelli ġeografiċi kollha filwaqt li jiġi rispettat il-prinċipju tas-sussidjarjetà; dan l-għan jintlaħaq b’mod effettiv biss jekk il-livelli kollha jerfgħu r-responsabbiltà tagħhom b’mod ikkoordinat u komplementari.
2.2 Il-KESE għandu rwol essenzjali x’jaqdi biex jiffavorixxi adeżjoni u parteċipazzjoni ikbar tas-soċjetà ċivili organizzata fil-proġett Ewropew u, f’dan il-każ, biex jiffaċilita l-implimentazzjoni tal-politiki u tal-azzjonijiet li jippromovu l-koeżjoni territorjali. Jenfasizza li biex dan iseħħ tinħtieġ demokrazija parteċipattiva, li hija rikonoxxuta bħala wieħed mill-prinċipji demokratiċi tal-Unjoni (7).
2.2.1 Fil-fatt, it-tendenza li jiżdiedu l-inugwaljanzi ekonomiċi u soċjali, li ta’ sikwit jakkumulaw f’ċerti territorji, issarraf f’element ta’ riskju politiku sinifikattiv. Din it-tendenza tista’ żżid l-isfiduċja taċ-ċittadini fil-konfront tal-gvernijiet tagħhom, b’mod ġenerali, u tal-integrazzjoni Ewropea b’mod partikolari.
2.2.2 Iżda, min-naħa l-oħra, il-koeżjoni territorjali tista’ tikkontribwixxi għall-preservazzjoni u l-iżvilupp tal-kapital soċjali. Fil-fatt, l-għadd sabiħ ta’ relazzjonijiet bejn il-membri ta’ grupp jew ta’ komunità f’livell lokali, li huma garanzija ta’ dinamiżmu u innovazzjoni fil-livell soċjali, ekonomiku, politiku u kulturali, jiddependu ħafna mill-preżenza ta’ kundizzjonijiet tal-għajxien armonjużi u possibbiltajiet ta’ skambji mat-territorji l-oħra.
2.3 Il-KESE jagħti prijorità partikolari lil approċċ imsejjes fuq il-ħtiġijiet u l-istennijiet taċ-ċittadini. Il-kundizzjonijiet tal-għajxien tal-persuni, b’mod partikolari dawk l-iktar żvantaġġati, iridu jkunu fiċ-ċentru tad-dibattiti u għandhom ikunu wkoll għan fundamentali tal-koeżjoni territorjali. Il-progress soċjali mirfud mill-iżvilupp ekonomiku huwa l-bażi fundamentali biex jitnaqqsu l-inugwaljanzi bejn iċ-ċittadini jew bejn it-territorji.
2.4 Peress li l-bniedem u ċ-ċittadinanza għandhom ikunu fiċ-ċentru tal-politiki u l-azzjonijiet Komunitarji, il-KESE jisħaq fuq l-implimentazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Bniedem bħala strument essenzjali tal-koeżjoni territorjali.
2.4.1 Il-KESE huwa tal-fehma li l-koeżjoni territorjali għandha tkun ibbażata fuq kuntratt ġdid maċ-ċittadini u s-soċjetà ċivili organizzata, li jippermetti l-interazzjoni bejn proċeduri parteċipattivi minn isfel għal fuq, inklużi d-djalogu ċivili u l-inizjattivi tal-UE.
2.4.2 Għalhekk iħeġġeġ it-tħaddin tal-prinċipju “L-ewwel aħseb fiż-żgħir” bil-għan li jitfasslu politiki settorjali li jirriflettu l-ħtiġijiet taċ-ċittadini u tal-partijiet soċjoekonomiċi fl-iżgħar livell territorjali.
2.5 Il-KESE jippromovi mudell soċjali Ewropew ibbażat fuq valuri u għanijiet komuni Ewropej li jintegraw l-iżvilupp ekonomiku u l-progress soċjali. Il-politika soċjali u l-politika ekonomika jiddependu minn xulxin u jsaħħu lil xulxin u ħafna drabi ikollhom impatt konkret fil-livell territorjali.
2.5.1 Il-KESE jfakkar li l-kunċett tal-koeżjoni territorjali ilu stipulat fit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea iktar minn għaxar snin, flimkien mas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali. Għalhekk jitlob lill-Kummissjoni tikkunsidra bir-reqqa l-applikazzjoni fil-prattika ta’ dan l-Artikolu mil-lat legali u ekonomiku, minn mindu daħal fis-seħħ it-Trattat ta’ Amsterdam.
2.5.2 Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-kunċett ta’ territorju mhuwiex biss ġeografiku; jinkludi wkoll dimensjoni tal-identità. Għalhekk, il-koeżjoni territorjali hija marbuta mas-sens ta’ appartenenza, u tinkludi l-elementi kollha tal-ħajja individwali u kollettiva.
2.5.3 Għal xi wħud, it-territorju joħloq sens pożittiv u huwa sors ta’ kburija, pereżempju fil-każ ta’ raħal, belt jew reġjun b’passat prestiġjuż, b’wirt naturali konsiderevoli jew li jkun magħruf għad-dinamiżmu kulturali jew ekonomiku tiegħu. Bil-maqlub, għal oħrajn inissel sens negattiv minħabba li jassoċjawh ma għadd ta’ żvantaġġi, ma’ post ta’ tbatija ekonomika, privazzjonijiet u vjolenza soċjali, pereżempju fil-każ ta’ okalitajiet urbani żvantaġġati.
2.5.4 L-azzjoni favur il-koeżjoni territorjali trid għaldaqstant tkun kemm multidimensjonali kif ukoll multidirezzjonali; Xi minn daqqiet għandu jkollha l-għan li tiffaċilita u tappoġġja l-aspetti pożittivi, u xi minn daqqiet oħra li ssewwi jew timpedixxi l-aspetti negattivi.
2.6 Il-KESE huwa tal-fehma li jinħtieġ li tingħata forma konkreta lill-għan tal-koeżjoni territorjali u jsir operattiv, billi jiġi definit pjan direzzjonali ċar. Fil-fatt, fil-passat, l-istrateġija tal-“pjan direzzjonali” dejjem tat riżultati effikaċi ħafna, pereżempju l-hekk imsejjaħ għan tat-92 għas-suq uniku, l-istadji tal-unjoni ekonomika u monetarja, u n-negozjati għall-adeżjoni mal-pajjiżi tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant. Għaldaqstant jirrakkomanda li fit-tmiem tal-konsultazzjoni jiġu stabbiliti kemm skeda kif ukoll proposti marbuta mal-istrumenti u l-metodi ta’ azzjoni.
2.6.1 F’dan ir-rigward, jixtieq ifakkar li l-baġit Ewropew attwali ma jiżgurax l-implimentazzjoni xierqa tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali fl-Ewropa (8). Barra minn hekk, jikkundanna l-fatt li ta’ spiss l-imprattikabilità u l-kumplessità tal-proċeduri jxekklu l-aċċess tal-utenti finali – iċ-ċittadini u l-intrapriżi – għall-fondi.
2.6.2 Il-KESE jilqa’ l-Green Paper bħala pass ieħor fil-mixja lejn l-integrazzjoni Ewropea u jilqa’ wkoll il-ftuħ ta’ dan id-dibattitu. Jagħraf li dan l-għan il-ġdid jista’ joħloq ostakli materjali u oppożizzjoni politika. Madanakollu, il-KESE jiddispjaċih li dan id-dokument jagħti ftit wisq informazzjoni dwar l-azzjonijiet ta’ koordinazzjoni u kooperazzjoni li diġà jeżistu, u li ma jipproponix biżżejjed metodi ta’ azzjoni.
3. Tweġibiet għall-mistoqsijiet
3.1 Liema hija l-aħjar definizzjoni għall-koeżjoni territorjali?
3.1.1 |
Il-KESE jiddispjaċih li l-Kummissjoni ma ġabritx id-diskussjonijiet li diġà saru fuq dan is-suġġett fil-Green Paper, għalkemm diġà pproponiet xi definizzjonijiet fir-Rapporti ta’ Koeżjoni tagħha. |
3.1.2 |
Huwa jaqbel mal-analiżi li għamlet il-Kummissjoni fit-Tielet Rapport dwar il-Koeżjoni, li f’termini ta’ politika, l-għan huwa li jinkiseb żvilupp iktar bilanċjat billi jitnaqqsu l-inugwaljanzi li jeżistu, billi jiġu evitati l-iżbilanċi territorjali u billi kemm il-politiki settorjali li għandhom impatt territorjali kif ukoll il-politika reġjonali jsiru iktar koerenti. Il-preokkupazzjoni hi wkoll li tittejjeb l-integrazzjoni u tiġi mħeġġa l-kooperazzjoni bejn ir-reġjuni, u biex, ikunu x’ikunu d-diffikulatjiet li jifaċċaw, il-kundizzjoni fundamentali tal-koeżjoni territorjali tkun aċċess ugwali għat-tagħmir bażiku, is-servizzi l-aktar essenzjali u l-għarfien – l-hekk imsejħa servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali – għal kulħadd, ikunu fejn ikunu joqogħdu. |
3.1.3 |
Fid-dawl tal-opinjonijiet preċedenti tiegħu, il-KESE huwa tal-fehma li l-koeżjoni territorjali għandha tippermetti li tiġi adottata viżjoni komuni tat-territorju Ewropew (9). Iqis li l-iżvilupp bilanċjat u sostenibbli tat-territorji tal-UE (10) għandu jservi biex jirrikonċilja l-kompetittività, il-koeżjoni ekonomika u soċjali, il-prestazzjoni ekonomika bbażata fuq l-għarfien (11) mal-għanijiet tas-solidarjetà u l-ekwità soċjali (12). |
3.1.4 |
Il-KESE huwa tal-fehma li ċ-ċittadini jħaddnu tabilħaqq il-kunċett tal-koeżjoni territorjali jekk dan ikollu sinifikat ġenwin għalihom u jekk ikollhom sehem fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni tiegħu. Fl-aħħar mill-aħħar, il-KESE iħaddan id-definizzjoni tal-koeżjoni territorjali li tenfasizza l-“benefiċċji” mill-perspettiva taċ-ċittadini u tal-atturi soċjoekonomiċi fil-livell lokali: il-koeżjoni territorjali għandha tiggarantixxi ugwaljanza fl-opportunitajiet u kundizzjonijiet tal-għajxien indaqs lill-Ewropej kollha, kullimkien. |
3.2 Liema elementi addizzjonali kieku toffri l-koeżjoni territorjali tista’ lill-mod kif l-Unjoni Ewropea bħalissa timplimenta l-koeżjoni ekonomika u soċjali?
3.2.1 |
Il-KESE huwa tal-fehma li l-koeżjoni territorjali tenfasizza l-ħtieġa li tkun żgurata sinerġija bejn il-koeżjoni ekonomika u soċjali. Fil-kuntest attwali, ikkaratterizzat minn sensiela ta’ kriżijiet – finanzjarji, ekonomiċi u dawk marbuta mal-ikel, mas-suq tal-proprjetà u mal-klima – il-koeżjoni territorjali tixħet dawl fuq in-natura mhux sostenibbli tal-mudell ta’ żvilupp li ilna nużaw dawn l-aħħar 50 sena. |
3.2.2 |
Il-KESE huwa tal-opinjoni li t-tliet dimensjonijiet soċjali, ekonomiċi u territorjali għandhom ikunu promossi simultanjament, waqt li jiġi mħeġġeġ il-ħolqien ta’ mudell ta’ żvilupp aktar sostenibbli. |
3.2.3 |
Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li fit-Tielet Rapport dwar il-Koeżjoni, il-Kummissjoni fasslet tliet aspetti għal politika ta’ koeżjoni territorjali, u t-tlieta li huma importanti ndaqs: l-ewwel wieħed huwa korrettiv u jimmira għat-tnaqqis tal-inugwaljanzi li jeżistu, it-tieni aspett preventiv ifisser titjib tal-koerenza tal-politiki settorjali li għandhom impatt territorjali u t-tielet aspett jipprovdi inċentiv bis-saħħa tal-integrazzjoni territorjali billi tiġi mħeġġa l-kooperazzjoni. |
3.2.4 |
Din id-dimensjoni tripla tidher raġonevoli għall-KESE, li madanakollu jixtieq jenfasizza li l-koeżjoni territorjali ma tista’ fl-ebda ċirkustanza tkun limitata li żżid biss komponent wieħed mal-politika attwali ta’ koeżjoni ekonomika u soċjali. Fil-fatt, għandha titfassal strateġija territorjali, li trid tiġi definita fil-livell Ewropew, nazzjonali, reġjonali u anke lokali li tħaddan l-oqsma ta’ politika kollha (13). |
3.2.5 |
F’dak li għandu x’jaqsam mal-politiki strutturali tal-Unjoni (kif definiti fil-Green Paper), huwa jitlob li l-fondi jkunu integrati aħjar, u dan għandu jinvolvi aktar minn sempliċi koordinazzjoni bażika. |
3.3 L-iskala u l-ambitu tal-azzjoni territorjali
3.3.1 |
Il-KESE jistagħġeb li l-Kummissjoni tippreżenta l-gvernanza f’diversi livelli bħala eventwalità jew possibbiltà biss, għax fil-fehma tiegħu hija ħtieġa li uriet l-effikaċja tagħha u li gradwalment qed tikkostitwixxi prinċipju ta’ tmexxija fl-Unjoni Ewropea. |
3.3.2 |
Jappoġġja l-proposta dwar strateġija integrata, iżda jemmen, kif imsemmi qabel, li din trid tissarraf b’mod konkret f’miżuri preċiżi, bħall-integrazzjoni tal-fondi marbuta mal-politiki strutturali tal-Unjoni. Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt spjaċevoli li l-prattika attwali għadha lura ħafna meta mqabbla mal-perjodi ta’ programmazzjoni ta’ qabel. Fil-fatt, il-kumplessità dejjem tiżdied tar-regoli tal-kontabilità, dawk finanzjarji u dawk dwar il-verifika (auditing) wasslu għal żieda fil-kontrolli amministrattivi, u dan iwassal għal proċeduri aktar kumplessi għall-benefiċjarji finali. |
3.4 Hemm rwol għall-Unjoni Ewropea fil-promozzjoni tal-koeżjoni territorjali? Kif jista’ jiġi definit dan ir-rwol fl-isfond tal-prinċipju tas-sussidjarjetà?
3.4.1 |
Fl-opinjoni tal-KESE, l-aspett prinċipali tal-koeżjoni territorjali effikaċi jikkonsisti qabel kollox fl-identifikazzjoni ta’ sistemi ta’ gvernanza adegwati bl-għan li s-sitwazzjonijiet kumplessi jkunu jistgħu jiġu ġestiti b’mod integrat, li jikkunsidraw l-elementi kollha li ġejjin:
|
3.4.2 |
Approċċ minn isfel għal fuq ibbażat fuq ċittadini responsabbli jiffavorixxi l-integrazzjoni tal-politiki Komunitarji u nazzjonali, b’mod partikolari għax is-soċjetà ċivili organizzata normalment tadotta strateġija olistika fir-rigward tal-politiki u l-azzjonijiet, għall-kuntrarju tal-awtoritajiet inkarigati mill-politiki settorjali fil-livell nazzjonali u Ewropew. Din l-istrateġija hija kompatibbli bis-sħiħ mas-sussidjarjetà fil-forom kollha tagħha. |
3.4.3 |
Il-KESE jtenni t-talba tiegħu għal skeda preċiża li tiġbor fiha l-għanijiet u l-azzjonijiet fuq perjodu qasir, medju u twil (14) u li tinkludi l-iskadenzi u l-azzjonijiet li l-istituzzjonijiet u l-partijiet interessati diġà ntrabtu magħhom jew ipproponew, l-iktar fil-livell Ewropew u nazzjonali. |
3.5 Kemm tista’ tvarja l-iskala territorjali tal-intervenzjoni politika skont in-natura tal-problemi indirizzati?
3.5.1 |
Għall-KESE wieħed mill-aktar modi konkreti importanti biex titħaddem fil-prattika l-koeżjoni territorjali hija li ċ-ċittadini Ewropej kollha jingħataw garanzija tal-aċċess għall-hekk imsejħa SGIs u SGEIs (15), ikunu fejn ikunu joqogħdu jew jaħdmu. Dan huwa qasam li jeħtieġ livell għoli ta’ koerenza tal-politiki u gvernanza f’diversi livelli li tkun effikaċi. Is-sitwazzjoni attwali għadha mhix sodisfaċenti, b’mod partikolari għat-territorji l-iktar dgħajfa u għar-residenti jew l-atturi ekonomiċi u soċjali tagħhom. |
3.5.2 |
Il-KESE jtenni t-talba tiegħu biex ikunu definiti fil-livell Komunitarju “n-normi komuni għas-servizzi ta’ interess ġenerali kollha (ekonomiċi u mhux ekonomiċi), inklużi s-servizzi soċjali ta’ interess ġenerali, li għandhom jinżammu f’direttiva qafas, adottat bil-proċedura ta’ ko-deċiżjoni, fejn ikun jista’ jiġi stabbilit qafas Komunitarju marbut mal-partikolaritajiet tagħhom” (16). |
3.6 Żoni b’karatteristiċi ġeografiċi speċifiċi jeħtieġu miżuri politiċi speċjali? Jekk iva, liema?
3.6.1 |
Bl-għan jinħolqu opportunitajiet ugwali ġenwini bejn it-territorji, il-KESE huwa favur l-adozzjoni ta’ politika speċifika għar-reġjuni bi żvantaġġi permanenti, inklużi r-reġjuni ultraperiferiċi, fuq il-bażi tal-prinċipji tal-permanenza (miżuri previdibbli fuq perijodu twil), id-diskriminazzjoni pożittiva (fir-rigward tar-riżorsi baġitarji u ċerti derogi legali għall-prinċipji komuni) u l-proporzjonalità (l-iskala tal-miżura u l-impatt tagħha għandhom jiġu adattati skont il-każ ikkonċernat) biex jiġu kkunsidrati s-sitwazzjonijiet kollha differenti (17). |
3.6.2 |
F’dawn ir-reġjuni, li jeħtieġu ħidma aktar sfiqa b’rabta mal-ippjanar tal-iżvilupp u t-tħejjija ta’ proġetti finanzjarji, l-UE m’għandhiex tissostitwixxi l-awtoritajiet u l-imsieħba soċjoekonomiċi fil-livell lokali u reġjonali, iżda tħeġġiġhom bis-sħiħ biex jikkonsultaw u jikkooperaw ma’ xulxin. |
3.7 Kooperazzjoni mtejba
3.7.1 |
Il-KESE huwa tal-fehma li l-kooperazzjoni tikkostitwixxi wieħed mill-pilastri tal-mudell soċjali Ewropew u tirrappreżenta strument essenzjali ta’ integrazzjoni. |
3.7.2 |
Iqis li l-kooperazzjoni territorjali qed tiġi mxekkla minħabba r-riluttanza tal-awtoritajiet pubbliċi livelli differenti li jikkooperaw u jaqsmu l-kompetenzi tagħhom. L-UE għandha tippromovi kultura ta’ kooperazzjoni fir-reġjuni, billi tiffaċilita u tissemplifika l-istrumenti eżistenti bħal pereżempju s-sħubija. |
3.7.3 |
Il-KESE jirrikonoxxi l-kontribut tal-ewwel żewġ komponenti tal-għan tal-kooperazzjoni territorjali, il-kooperazzjoni transkonfinali u l-kooperazzjoni transnazzjonali. Madanakollu, huwa jisħaq fuq l-importanza tal-kooperazzjoni bejn ir-reġjuni – kwistjoni li l-Kummissjoni Ewropea naqset li tindirizza fil-Green Paper – li hija strument notevoli għall-iskambju ta’ esperjenzi u prattiki tajbin bejn it-territorji li ma jmissux ma’ xulxin iżda jaqsmu l-istess għanijiet. |
3.8 Liema rwol għandu jkollha l-Kummissjoni fit-tħeġġiġ u l-appoġġ tal-kooperazzjoni territorjali?
3.8.1 |
Il-KESE huwa tal-fehma li l-koeżjoni territorjali għandha tkun opportunità għall-atturi u l-persuni li ġejjin mit-territorji l-inqas għonja biex iħaddmu l-istrateġija ta’ żvilupp tagħhom huma stess u ma jispiċċawx biss f’sitwazzjoni ta’ dipendenza u jibqgħu jistennew biex forsi jingħataw kumpens finanzjarju. Sabiex ikunu mħeġġa jużaw ir-riżorsi tagħhom bis-sħiħ u jibnu l-proġetti tagħhom, għandu jkollhom aċċess għal netwerks speċifiċi ta’ innovazzjoni u ta’ skambju ta’ prattiki tajbin, bi sħab ma’ atturi oħra minn territorji li jiffaċċjaw l-istess sfidi ġeografiċi, klimatiċi u demografiċi. |
3.8.2 |
Għaldaqstant il-KESE jitlob lill-Kummissjoni tenfasizza aktar l-innovazzjoni territorjali, soċjali u politika fl-istrument ta’ kooperazzjoni interreġjonali INTERREG IV C, issaħħaħ il-kooperazzjoni fid-dawl tar-raba’ komponent tal-FAEŻR (Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali) iddedikat lill-programm LEADER, u toħloq skemi ġodda biex tiffaċilita l-użu tal-fondi disponibbli. |
3.9 Hemm ħtieġa għal għamliet ġodda ta’ kooperazzjoni territorjali?
3.9.1 |
Il-KESE huwa favur it-twaqqif (mill-ġdid) ta’ programmi ta’ inizjattiva Komunitarja ladarba ssir ir-reviżjoni f’nofs it-term tal-politiki strutturali. It-tneħħija ta’ programmi li taw prova tal-effikaċja tagħhom, bħall-programmi URBAN, EQUAL, Interprise u oħrajn, kienet ta’ telf għall-kooperazzjoni territorjali tematika u l-innovazzjoni soċjali, minħabba li dan ir-rwol la ttieħed fil-“mainstreaming” tal-fondi u lanqas xi mkien ieħor. |
3.9.2 |
Il-KESE jenfasizza li l-forom normali ta’ kooperazzjoni territorjali għandhom jiġu adattati fil-każ tar-reġjuni tal-UE li minħabba li huma ġirien ta’ reġjuni dinjija kbar, għandhom karatteristiċi ġeografiċi speċifiċi, bħar-reġjuni ultraperiferiċi fil-Karibew jew l-Oċean Indjan u r-reġjuni fil-fruntiera tal-Lvant tal-Unjoni. |
3.10 Hemm ħtieġa għall-iżvilupp ta’ għodod leġiżlattivi u amministrattivi ġodda biex jiffaċilitaw il-kooperazzjoni, inkluż fuq il-fruntieri esterni?
3.10.1 |
Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ it-twaqqif ta’ Raggruppamenti Ewropej ta’ Kooperazzjoni Territorjali. Jitlob li l-oqsfa legali nazzjonali jiġu adattati biex ikunu jistgħu jiġu użati fl-UE kollha. Peress li għadhom kemm ġew stabbiliti, il-KESE huwa tal-fehma li għadu kmieni wisq biex issir evalwazzjoni tas-sitwazzjoni u biex ikun hemm ħsieb li jinħolqu strumenti ġodda. Dan jista’ jseħħ fil-kuntest tal-pjan direzzjonali propost hawn fuq. |
3.11 Koordinazzjoni mtejba
3.11.1 |
Il-KESE huwa tal-fehma li t-titjib tal-koeżjoni territorjali jeħtieġ approċċ strateġiku tal-iżvilupp tat-territorji permezz ta’ koerenza ikbar tal-interventi, għax l-ebda politika waħedha ma tista’ ssewwi l-inugwaljanzi territorjali kollha kkawżati mill-politiki settorjali u minħabba l-fatt li l-mudell tal-iżvilupp attwali mhuwiex ikkontrollat. |
3.12 Kif tista’ titjieb il-koordinazzjoni bejn il-politiki territorjali u settorjali?
3.12.1 |
Il-KESE jenfasizza li l-politiki Ewropej kollha għandhom jippromovu l-għan tal-koeżjoni soċjali kif ukoll żvilupp ekonomiku iktar ibbilanċjat fit-territorji (18). |
3.12.2 |
Il-koeżjoni territorjali teħtieġ koordinazzjoni minn qabel tal-politiki settorjali kollha u d-diversi livelli ta’ gvernanza, minn dak lokali sa dak tal-UE. |
3.13 Liema politiki settorjali għandhom iqisu iktar l-impatt territorjali tagħhom fl-istadju tat-tfassil tagħhom? Liema għodod jistgħu jiġu żviluppati f’dan ir-rigward?
3.13.1 |
Il-Kumitat jaqbel mal-Parlament Ewropew li approċċ integrat tal-politiki Komunitarji li jinkludi d-dimensjoni territorjali huwa essenzjali, b’mod partikolari fil-politika tat-trasport, fil-politiki ambjentali u agrikoli u fil-politiki tal-enerġija, il-kompetizzjoni u r-riċerka. |
3.13.2 |
Jirrakkomanda li d-dibattitu dwar il-ġejjieni tal-politika agrikola jqis l-isfidi tal-koeżjoni territorjali, fid-dawl tal-importanza tal-politika agrikola fid-dimensjoni ekonomika, soċjali, ambjentali u tal-pajsaġġ tagħha fl-Ewropa. |
3.13.3 |
Il-leġiżlazzjoni, il-politiki u l-programmi tal-Unjoni Ewropea għandhom ikunu analizzati mill-perspettiva tal-konsegwenzi tagħhom fuq il-koeżjoni territorjali. Il-Kummissjoni għandha responsabbiltà partikolari f’din l-evalwazzjoni tal-impatt, li għandha tinvolvi mill-qrib l-atturi kollha kkonċernati. Għandhom jiġu stabbiliti kriterji ta’ kwalità għall-analiżi u l-evalwazzjoni meħtieġa (19). |
3.14 Kif tista’ tissaħħaħ il-koerenza tal-politiki territorjali?
3.14.1 |
Il-KESE jirrakkomanda li din il-koerenza tissaħħaħ u jipproponi li l-Kunsill tal-Ministri juża l-metodu miftuħ ta’ koordinazzjoni (20) għall-koeżjoni territorjali, b’linji gwida preċiżi segwiti minn kalibrazzjoni, evalwazzjoni bejn il-pari, skambji ta’ prattiki tajbin, indikaturi u l-parteċipazzjoni tal-atturi kollha kkonċernati. Jirrakkomanda li l-gvernanza f’diversi livelli u l-koordinazzjoni intersettorjali jiġu rikonoxxuti fost il-linji gwida ta’ dan il-metodu meta jiġi implimentat. |
3.14.2 |
It-twaqqif tal-metodu miftuħ ta’ koordinazzjoni jista’ wkoll jagħmel parti mill-pjan direzzjonali propost hawn fuq. |
3.15 Il-politiki Komunitarji u dawk nazzjonali kif jistgħu jingħaqdu aħjar biex jikkontribwixxu għall-koeżjoni territorjali?
3.15.1 |
Il-KESE jixħet dawl fuq il-progress li għamlu l-Istati Membri waqt il-laqgħat informali tal-ministri responsabbli għall-iżvilupp urban u għall-koeżjoni territorjali f’Leipzig, l-Azores u Marsilja. Jirrakkomanda li tinbeda koordinazzjoni volontarja tal-politiki nazzjonali u l-integrazzjoni tal-politiki settorjali, b’konformità mal-impenji stipulati fl-Aġenda Territorjali, u li l-awtoritajiet reġjonali u lokali jiġu mħeġġa japplikaw dawn il-prattiki fil-livell tagħhom. Il-Kumitat jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li, anke fin-nuqqas ta’ ċerti kompetenzi espliċiti, il-wirt kulturali u naturali jirrappreżenta sfida ewlenija għat-territorju Ewropew, u dan jeħtieġ approċċ ikkoordinat. |
3.16 Sħubijiet territorjali ġodda
3.16.1 |
Il-KESE huwa tal-fehma li l-parteċipazzjoni aktar wiesgħa tal-partijiet interessati waqt it-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politiki hija essenzjali għall-koeżjoni territorjali. |
3.16.2 |
Id-djalogu soċjali għandu jkun wieħed mill-pilastri prinċipali tal-gvernanza territorjali. Bl-għan li l-imsieħba soċjali jkunu involuti aktar, il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni tivvalorizza u tippromovi d-djalogu soċjali. |
3.16.3 |
Il-KESE jilqa’ sodisfazzjon il-pożizzjoni tal-ministri kkonċernati li fl-Ewwel Programm ta’ Azzjoni (21) saħqu dwar il-konvinzjoni tagħhom li l-gvernanza f’diversi livelli hija għodda fundamentali biex jiġi żgurat ippjanar spazjali bbilanċjat fl-UE u li pproponew li jiltaqgħu ma’ għadd ta’ atturi kkonċernati u mal-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jiddiskutu l-implimentazzjoni tal-prijoritajiet ippreżentati fl-Aġenda Territorjali. |
3.17 It-triq lejn il-koeżjoni tirrikjedi l-parteċipazzjoni ta’ atturi ġodda fit-tfassil tal-politika, bħar-rappreżentanti tal-ekonomija soċjali, il-partijiet interessati lokali, l-organizzazzjonijiet volontarji u l-NGOs?
3.17.1 |
Il-patti territorjali għall-iżvilupp joffru approċċ interessanti minħabba li d-diversità tas-sitwazzjonijiet u tal-isfidi konkreti teħtieġ il-mobilizzazzjoni tal-istrumenti u l-kompetenzi differenti, u b’mod partikolari l-partijiet interessati kollha, l-aktar l-imsieħba soċjali, l-ekonomija soċjali u l-NGOs li jaħdmu fl-oqsma soċjali u ambjentali u fl-oqsma tal-iżvilupp lokali, l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa u t-tagħlim tul il-ħajja. |
3.17.2 |
Fid-dawl tar-ristrutturazzjonijiet ikkawżati mill-kriżi finanzjarja u ekonomika, bħalissa huwa importanti aktar minn qatt qabel u saħansitra urġenti li jinħolqu patti ta’ dan it-tip fit-territorji kkonċernati. |
3.17.3 |
Il-KESE jappoġġja l-idea tal-KtR li s-sħubijiet bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali, minn naħa, u l-organizzazzjonijiet tal-ekonomija soċjali, min-naħa l-oħra, jistgħu jkunu strument importanti għall-iżvilupp soċjoekonomiku effikaċi tal-irħula, il-bliet u r-reġjuni u tal-livelli territorjali l-oħra u għall-promozzjoni tal-koeżjoni territorjali. Dan l-approċċ imsejjes fuq is-sħubija għandu jinkludi wkoll l-atturi kollha ġodda tas-soċjetà ċivili kkonċernati. |
3.17.4 |
Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-importanza tal-ekonomija soċjali minħabba li huwa stmat li 10 % tal-intrapriżi Ewropej joperaw f’dan il-qasam. Jisħaq ukoll dwar ir-rwol ta’ dan il-qasam fil-koeżjoni u l-iżvilupp sostenibbli minħabba li l-ekonomija soċjali tankra l-impjiegi fit-territorju, tagħti nifs ġdid liż-żoni rurali, toħloq kapital soċjali u tipparteċipa fil-proċess ta’ ristrutturazzjoni settorjali u territorjali (22). |
3.18 Kif jista’ jinkiseb il-livell mixtieq ta’ parteċipazzjoni?
3.18.1 |
Il-KESE huwa tal-fehma li konsultazzjonijiet strutturati sew jistgħu jwasslu għal sħubijiet effettivi ma’ atturi mhux governattivi u l-imsieħba soċjali fil-katina sħiħa tad-definizzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-koeżjoni territorjali (23). |
3.18.2 |
Gvernanza f’livelli diversi effettiva tfisser ukoll sħubijiet mas-soċjetà ċivili organizzata rappreżentattiva fil-livell reġjonali u lokali. Bis-saħħa tal-azzjoni tagħhom, dawn l-organizzazzjonijiet jistgħu jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta’ mudell inklużiv tas-soċjetà ċivili fil-ħolqien u l-implimentazzjoni ta’ politiki għat-tisħiħ tal-koeżjoni territorjali (24). |
3.18.3 |
Għaldaqstant, ikun tajjeb li s-soċjetà ċivili organizzata rappreżentattiva fil-livell reġjonali u lokali tingħata l-opportunità li tipparteċipa b’mod responsabbli u trasparenti fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-politiki u l-azzjonijiet tal-koeżjoni territorjali (25). |
3.19 Intejbu l-għarfien dwar il-koeżjoni territorjali
3.19.1 |
Biex il-koeżjoni territorjali tinftiehem aħjar miċ-ċittadini, il-KESE jenfasizza l-importanza li jiġi organizzat dibattitu permanenti fil-livelli kollha biex jiġu identifikati l-isfidi tal-ġejjieni u l-għażliet strateġiċi fil-qasam tal-koeżjoni territorjali. L-għan ta’ dan id-dibattitu għandu jkun li jikkontribwixxi biex jinstab kunsens ġdid dwar il-koeżjoni territorjali msejsa fuq l-impenn komuni tal-partijiet kollha kkonċernati, b’mod partikolari mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. |
3.20 Liema indikaturi kwantitattivi/kwalitattivi għandhom jiġu żviluppati fil-livell tal-UE biex jimmonitorjaw il-karatteristiċi u t-tendenzi fil-koeżjoni territorjali?
3.20.1 |
Il-KESE huwa tal-fehma li tajjeb jiġu stabbiliti indikaturi ġodda tal-“benesseri” li ma jkunux aktar marbuta mill-qrib mal-PGD/PGN iżda li jkunu jistgħu juru l-progress fil-qasam tal-kwalità tal-ħajja skont il-livell territorjali (26). |
3.20.2 |
Huwa tal-fehma li hemm bżonn urġenti li jinħolqu numru ta’ kriterji ta’ evalwazzjoni sabiex tiġi stabbilita mappa ġdida tal-koeżjoni Ewropea biex tiġi ddeterminata l-eleġibbiltà tar-reġjuni Komunitarji għall-għajnuna, għaliex il-kriterju tal-PGN per capita waħdu huwa sors ta’ diskriminazzjoni relattiva fejn għandha x’taqsam l-implimentazzjoni tal-politiki strutturali. Il-livell tal-kwalifiki tal-ħaddiema, l-inugwaljanzi rigward id-dħul, id-dgħufijiet tal-infrastruttura, inklużi l-livell tal-aċċess għas-servizzi ta’ interess ġenerali u l-ambitu tal-protezzjoni soċjali, id-distanza miċ-ċentru tal-gravità ekonomija Ewropea, l-istruttura demografika, eċċ. huma lkoll fatturi rilevanti li għandhom jiġu kkunsidrati (27). L-Eurostat, l-ESPON u l-kontropartijet nazzjonali tagħhom għandhom iħabirku biex jikkonsolidaw firxa ta’ għodod statistiċi aktar kompleti u preċiżi. Dawn il-kriterji ta’ evalwazzjoni u l-għodod statistiċi se jservu ta’ bażi għall-indikaturi fil-metodu miftuħ ta’ koordinazzjoni propost hawn fuq. |
3.20.3 |
Jeħtieġ ukoll li jiġu kkunsidrati l-metodi u jixterrdu prattiki tajbin stabbiliti mir-reġjuni nnifishom (28). |
Brussell, il-25 ta’ Marzu 2009.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Mario SEPI
(1) Preambolu tat-Trattat ta’ Ruma.
(2) L-Artikolu 14 tat-Trattat futur dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.
(3) L-Artikolu 3(3) tat-Trattat futur dwar l-Unjoni Ewropea.
(4) L-Artikolu 174 tat-Trattat futur dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.
(5) “Lejn Ewropa aktar kompetittiva u aktar sostenibbli magħmula minn reġjuni differenti”, l-Aġenda Territorjali tal-Unjoni Ewropea, laqgħa informali tal-Kunsill tal-Ministri responsabbli għall-iżvilupp urban u l-koeżjoni territorjali, Leipzig, 25.5.2007 (mhux disponibbli bil-Malti).
(6) COM(2008) 616 finali.
(7) L-Artikolu 11 tat-Trattat futur dwar l-Unjoni Ewropea.
(8) Opinjoni tal-KESE dwar “Ir-Raba’ Rapport dwar il-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali”, ĠU C 120, 16.5.2008, p. 73, punt 2.1.
(9) Opinjoni tal-KESE dwar “L-Aġenda Territorjali”, ĠU C 168, 20.7.2007, p. 16.
(10) Opinjoni tal-KESE dwar “It-tieni pilastru tal-PAK: il-perspettivi ta’ adattament tal-politika tal-iżvilupp tat-territorji rurali (Is-segwitu tal-konferenza ta’ Salzburg)”, ĠU C 302, 7.12.2004, p. 53, punt 2.4.
(11) Opinjoni tal-KESE dwar “Il-bidla industrijali u l-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali”, ĠU C 302, 7.12.2004, p. 41, punt 1.3.
(12) Opinjoni tal-KESE dwar “Perspettiva ta’ żvilupp tat-territorju Komunitarju (EDSP)”, ĠU C 407, 28.12.1998, punt 2.5. (mhux disponibbli bil-Malti).
(13) Opinjoni tal-KESE dwar “L-Aġenda Territorjali”, ĠU C 168, 20.7.2007, p. 16.
(14) Opinjoni tal-KESE dwar “Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew rigward Strateġija Tematika dwar l-Ambjent Urban”, ĠU C 318, 23.12.2006, p. 86, punt 2.3.7 (mhux disponibbli bil-Malti).
(15) Servizzi ekonomiċi ta’ interess ġenerali u Servizzi soċjali ta’ interess ġenerali.
(16) Opinjoni tal-KESE dwar “Ir-Raba’ Rapport dwar il-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali”, ĠU C 120, 16.5.2008, p. 73, punt 3.4.
(17) Opinjoni tal-KESE dwar “Kif tista’ tinkiseb integrazzjoni aħjar tar-reġjuni li jbatu minn żvantaġġi naturali jew strutturali permanenti”, ĠU C 221, 8.9.2005, p. 141 (mhux disponibbli bil-Malti).
(18) Opinjoni tal-KESE dwar “ L-Aġenda Territorjali”, ĠU C 168, 20.7.2007, p. 16, punt 7.2.
(19) Opinjoni tal-KESE dwar “Programm ta’ Azzjoni Soċjali Ewropew ġdid”, ĠU C 27, 3.2.2009, p. 99.
(20) Opinjoni tal-KESE dwar “L-Aġenda Territorjali”, ĠU C 168, 20.7.2007, p. 16.
(21) “L-ewwel programm ta’ azzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Aġenda Territorjali tal-Unjoni Ewropea”, 23 ta’ Novembru 2007 (mhux disponibbli bil-Malti).
(22) Ara r-“Rapport dwar l-Ekonomija Soċjali” tal-Parlament Ewropew (Rapporteur: Patrizia Toia, 2008/2250 (INI) u “L-ekonomija soċjali fl-Unjoni Ewropea”, rapport ippubblikat mill-KESE, 2007 (ir-rapport tal-KESE mhux disponibbli bil-Malti).
(23) Opinjoni tal-KESE dwar “Sħubija għall-implimentazzjoni tal-Fondi Strutturali”, ĠU C 10, 14.1.2004, p. 2 (mhux disponibbli bil-Malti); Opinjoni tal-KESE dwar “Il-governanza u sħubija fil-livelli nazzjonali u reġjonali, u bażi għal proġetti fil-qasam tal-politika reġjonali”, ĠU C …, punt 1.9 u punt 1.10. (ECO/228).
(24) Opinjoni tal-KESE dwar “Il-governanza u s-sħubija fil-livelli nazzjonali u reġjonali, u bażi għal proġetti fil-qasam tal-politika reġjonali”, ĠU C …, punt 1.2. (ECO/228).
(25) Il-kunċett tar-responsabbiltà territorjali soċjali (RST), li nħoloq min-Netwerk tal-Bliet u r-Reġjuni għall-Ekonomija (REVES) huwa mudell ta’ dan it-tip ta’ parteċipazzjoni attiva.
(26) Opinjoni tal-KESE dwar “Programm ta’ azzjoni soċjali Ewropew ġdid”, ĠU C 27, 3.2.2009, p. 99, punt 7.11.1.
(27) Opinjoni tal-KESE dwar “L-impatt u l-konsegwenzi tal-politiki strutturali fuq il-koeżjoni tal-Unjoni Ewropea”, ĠU C 93, 27.4.2007, p. 6, punt 1.3 (mhux disponibbli bil-Malti).
(28) Pereżempju l-kunċett tar-responsabbiltà territorjali soċjali (RST), li nħoloq min-Netwerk tal-Bliet u r-Reġjuni għall-Ekonomija (REVES).