Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008PC0897

    Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 251 (2) tat-Trattat tal-KE dwar il-pożizzjoni komuni tal-Kunsill fir-rigward tal-adozzjoni ta' Regolament li jemenda r-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-koordinazzjoni ta' sistemi ta' sigurtà soċjali, u li jiddetermina l-kontenut tal-Annessi tiegħu

    /* KUMM/2008/0897 finali/2 - COD 2006/0008 */

    52008PC0897

    Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 251 (2) tat-Trattat tal-KE dwar il-pożizzjoni komuni tal-Kunsill fir-rigward tal-adozzjoni ta' Regolament li jemenda r-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-koordinazzjoni ta' sistemi ta' sigurtà soċjali, u li jiddetermina l-kontenut tal-Annessi tiegħu /* KUMM/2008/0897 finali/2 - COD 2006/0008 */


    [pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

    Brussel 7.1.2009

    KUMM(2008)897 finali

    2006/0008 (COD)

    KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 251 (2) tat-Trattat tal-KE dwar

    il-pożizzjoni komuni tal-Kunsill fir-rigward tal-adozzjoni ta' Regolament li jemenda r-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-koordinazzjoni ta' sistemi ta' sigurtà soċjali, u li jiddetermina l-kontenut tal-Annessi tiegħu

    2006/0008 (COD)

    KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 251 (2) tat-Trattat tal-KE dwar

    il-pożizzjoni komuni tal-Kunsill fir-rigward tal-adozzjoni ta' Regolament li jemenda r-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-koordinazzjoni ta' sistemi ta' sigurtà soċjali, u li jiddetermina l-kontenut tal-Annessi tiegħu

    1. SFOND

    Id-data ta' trażmissjoni tal-proposti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill: - li tikkonċerna l-proposta (COM(2006) 7 finali (id-dokument 2006/0008/COD)) - li tikkonċerna l-proposta (COM(2007) 376 finali (id-dokument 2007/0129 (COD)) | l-24 ta' Jannar 2007 it-3 ta' Lulju 2007 |

    Id-data tal-opinjoni tal-Kumitat Ewropew Ekonomiku u Soċjali: | is-26 ta'Ottubru 2006 |

    Id-data tal-opinjoni tal-Parlament Ewropew, l-ewwel qari: | id-9 ta' Lulju 2008 |

    Id-data ta' trażmissjoni tal-proposta emendata ((COM(2008) 648 finali (id-dokument 2006/0008/COD) | il-15 ta' Ottubru 2008 |

    Id-data tal-adozzjoni tal-ftehim politiku: | il-5 ta' Novembru 2008 |

    Id-data tal-adozzjoni tal-pożizzjoni komuni: | is-17 ta' Diċembru 2008 |

    Fid-29 ta' April 2004, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw ir-Regolament (KE) Nru 883/2004[1] dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali maħsub li jieħu post ir-Regolament (KEE) Nru 1408/71[2].

    Ir-Regolament 883/2004 jinkludi Annessi li fihom dispożizzjonijiet fir-rigward tal-Istati Membri individwali. Il-kontenut ta' wħud minn dawn l-annessi ma kienx għadu ġie determinat meta r-Regolament ġie adottat.

    Ir-Regolament 883/2004 għalhekk jistipula li l-kontenut tal-Annessi II (id-dispożizzjonijiet tal-konvenzjonijiet li jibqgħu fis-seħħ), X (il-benefiċċji fi flus kontanti speċjali mhux kontributorji) u XI (id-dispożizzjonijiet speċjali għall-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri) għandu jiġi ddeterminat qabel id-data tal-applikazzjoni tar-Regolament.

    Xi wħud mill-Annessi tar-Regolament 883/2004 kellhom ukoll jiġu adottati biex jieħdu konsiderazzjoni tar-rekwiżiti tal-Istati Membri li ssieħbu mal-Unjoni Ewropea mill-adozzjoni tar-Regolament 'l hawn, kif ukoll ta' żviluppi li saru dan l-aħħar fi Stati Membri oħra.

    F'dan l-isfond, il-Kummissjoni adottat żewġ proposti għal Regolamenti fl-24 ta' Jannar 2006 u fit-3 ta' Lulju 2007, rispettivament.

    - Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-koordinazzjoni ta' sistemi ta' sigurtà soċjali, u li jiddetermina l-kontenut tal-Anness XI;

    - Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda l-annessi tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-koordinazzjoni ta' sistemi ta' sigurtà soċjali.

    Dawn il-proposti huma msejsa fuq l-Artikoli 42 u 308 tat-Trattat tal-KE u jeħtieġu l-unanimità.

    Il-Kummissjoni ressqet il-proposta emendata tagħha fil-15 ta' Ottubru 2008 fejn qieset l-emenda tal-Parlament Ewropew biex jingħaqdu ż-żewġ proposti oriġinali f'test wieħed. Il-proċedura li tikkonċerna l-proposta (Id-Dokument 2007/0129/COD) ġiet abbandunata minħabba fl-inkorporazzjoni tal-kontenut tagħha fil-proċedura relatata mal-ewwel proposta (Id-dokument 2006/0008/COD).

    2. L-GĦAN TAL-PROPOSTA TAL-KUMMISSJONI

    Il-proposta għal Regolament li jiddetermina l-kontenut tal-Anness XI tistipula dispożizzjoniijiet supplementari rigward aspetti speċifiċi tal-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri individwali biex ikun żgurat li r-Regolament 883/2004 jiġi applikat mingħajr tfixkil fl-Istati Membri kkonċernati. Skont l-għanijiet ġenerali ta' simplifikazzjoni, il-proposta hija iqsar mill-Anness VI korrespondenti fir-Regolament attwali (KEE) Nru 1408/71.

    L-Annessi II u X tar-Regolament 883/2004, li tħallew vojta, kellhom dispożizzjonijiet ekwivalenti fl-Annessi III u IIa tar-Regolament 1408/71. Il-bqija tal-Annessi, li ġew emendati minn din il-proposta, diġà fihom xi dispożizzjonijiet fir-rigward ta' bosta Stati Membri, iżda jridu jkunu kkomplementati biex iqisu dawk l-Istati Membir li ssieħbu mal-UE wara d-29 ta' April 2004, id-data tal-adozzjoni tar-Regolament 883/2004. Xi wħud minn dawn l-Annessi għandhom ukoll dispożizzjonijiet korrispondenti fir-Regolament 1408/71. Madankollu, l-Anness I Parti 1 (l-avvanzi ta' ħlasijiet ta' manteniment) u l-Annessi III u IV (regoli speċjali għall-benefiċċji tal-kura tas-saħħa) huma ġodda.

    3. KUMMENTI DWAR IL-POŻIZZJONI KOMUNI

    3.1. Osservazzjonijiet ġenerali

    Il-pożizzjoni komuni adottata mill-Kunsill fis-17 ta' Diċembru 2008 tqis il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew billi taċċetta 69 mis-77 emenda.

    Il-Kummissjoni aċċettat l-emendi kollha tal-Parlament Ewropew u l-proposta modifikata tiegħu. Madankollu, il-Kunsill ma aċċettax l-emendi 6, 11, 12, 20, 23, 24 fir-rigward tal-Anness III u78 rev.

    3.2. Kummenti fir-rigward tal-pożizzjoni komuni dwar l-emenda 20 u l-emendi derivati 6, 11, 12, 24 fir-rigward tal-Anness III

    L-Anness III tar-Regolament 883/2004 fih lista tal-Istati Membri li japplikaw ‘Restrizzjoni ta' drittijiet ta' benefiċċji mogħtija in natura għall-membri tal-familja ta' ħaddiem li jaħdem bejn il-fruntieri’ fl-Istat Membru kompetenti. Dan l-anness, minkejja t-titolu negattiv tiegħu ‘restrizzjonijiet’, fil-fatt jidher fih titjib għal ħafna mill-persuni kkonċernati meta mqabbla mal-qagħda attwali tagħhom skont ir-Regolament 1408/71. Skont ir-regoli attwali, membru ta' familja ta' ħaddiem transkonfinali, li b'definizzjoni ma joqgħodx fl-Istat Membru kompetenti (jiġifieri, fl-Istat Membru li qed jimpjegah li l-leġiżlazzjoni tiegħu tapplika fir-rigward tal-aċċess għall-benefiċċji għall-mard) mhuwiex intitolat għall-kura medika fl-Istat Membru kompetenti.

    Wara negozjati diffiċli ħafna dwar dan il-punt fl-2003, u wara li tqieset il-ħtieġa għal ftehim unanimu, instabet soluzzjoni li tieħu inkonsiderazzjoni tal-flessibbiltà murija minn ħafna mill-Istati Membri biex jingħata dritt ġdid, fuq naħa waħda, u biex ikunu akkomodati d-diffikultajiet tal-Istati Membri l-oħra li ma kinux fil-qagħda li jagħmlu dan, min-naħa l-oħra.

    Bis-saħħa ta' dan l-approċċ, l-Artikoli 18 (2) u 24 (2) tar-Regolament 883/04 jistipulaw li l-membri tal-familja ta' ħaddiem transkonfinali għandhom ikunu intitolati għal benefiċċji in natura matul il-perjodu li jqattgħu fl-Istat Membru kompetenti. Madankollu, huma stipulati xi eċċezzjonijiet għal dan il-prinċipju fl-Anness III.

    Għalkemm il-Kummissjoni kienet tippreferi riżultat differenti, hija aċċettat il-kompromess minħabba li dan jirrappreżenta progress tabilħaqq għall-membri tal-familji tal-ħaddiema transkonfinali. L-ebda approċċ ieħor ma kien se jikseb ir-rekwiżit tal-unanimità fil-Kunsill. Il-Kummissjoni tiġbed l-attenzjoni wkoll li dan l-approċċ għandu jippermetti lill-familji tal-ħaddiema transkonfinali li joqogħdu fi tmien Stati Membri biex jibbenefikaw minn dritt ġdid. Il-Parlament segwa wkoll l-istess approċċ fl-istess żmien, ħaġa li għamlet l-adozzjoni tar-Regolament 883/04 possibbli.

    Il-Kummissjoni tappoġġja l-emenda 20 tal-Parlament Ewropew li timmira li testendi d-dritt stipulat bl-Artikolu 18 tar-Regolament 883/2004 lill-Istati Membri kollha fi żmien ħames snin (l-Anness III għandu jitħassar wara ħames snin mill-Istati Membri kollha). Matul id-diskussjonijiet fil-Kunsill, xi wħud mill-Istati Membri saħqu, bħala kwistjoni ta' prinċipju u minħabba f'nuqqas ta' esperjenza fl-applikazzjoni tar-Regolament, li l-kompromess delikat li ntlaħaq skont ir-Regolament Nru 883/2004 ma għandux jinbidel. Il-maġġoranza tal-Istati Membri l-oħra kienu f'pożizzjoni li jaċċettaw l-emenda fi spirtu ta' kompromess. Barra minn hekk, sitt Stati Membri, imniżżla fl-Anness III, urew aktar flessibbiltà billi kienu lesti li jaċċettaw it-tħassir tal-Anness III wara erba' snin.

    Kontra dan l-isfond, il-pożizzjoni komuni tal-Kunsill tistipula li:

    - L-Artikoli 18(2) u 28(1) tar-Regolament 883/2004 ikunu jistgħu jiġu emendati biex jistqarru li l-Anness III għandu jkun rivedut ħames snin wara l-applikazzjoni tiegħu, u

    - Ikun jista' jiżdied paragrafu ġdid (10a) mal-Artikolu 87 tar-Regolament 883/2004 li jistipula li l-perjodu ta' validità ta' xi wħud mill-annotazzjoni fl-Anness III tal-Istati Membri għandu jkun limitat għal erba' snin.

    Il-Kummissjoni b'dispjaċir tinnota li ma kienx possibbli jinkiseb aktar progress dwar din il-kwistjoni fil-Kunsill. Madankollu, hija tirrikonoxxi l-isforzi tal-Presidenza f'dan ir-rigward. Il-Kummissjoni tqis li l-kompromess li ntlaħaq mill-Kunsill huwa l-bidu ta' proċess dinamiku li għandu jippermetti lill-Istati Membri jkunu allineati mal-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew. Il-Kummissjoni, li tikkondividi l-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew, se tagħmel ħilitha biex issegwi u biex tikkontribwixxi għal dan il-proċess. Għalissa, waqt li ssegwi strateġija pragmatika, il-Kummissjoni taċċetta l-kompromess billi huwa pass 'il quddiem meta mqabbel mas-sitwazzjoni attwali tal-Anness III.

    3.3. Kummenti fir-rigward tal-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-emenda 23

    L-emenda 23 tirrelata mal-Anness II tar-Regolament 883/2004 (Dispożizzjonijiet ta' Konvenzjonijiet li jibqgħu fis-seħħ u li, fejn applikabbli, huma ristretti għall-persuni li jkopru). Fil-punt 36 ta' dan l-Anness, skont l-annotazzjoni għall-Portugall – ir-Renju Unit, il-Parlament jinkludi referenza għall-Artikolu 2(1) tal-Protokoll dwar it-trattament mediku tal-15 ta' Novembru 1978 li huwa diġà kopert mill-Anness III tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71.

    Dan il-Protokoll ma jidhirx fl-Anness II tal-pożizzjoni komuni tal-Kunsill billi ż-żewġ Stati Membri kkonċernati urew li ddeċidew li ma japplikawx l-Artikolu 2(1) ta' dan il-Protokoll mill-1 ta' Settembru 2008 'l quddiem. Il-Kummissjoni tieħu nota tad-deċiżjoni taż-żewġ partiti ta' dan il-Ftehim u l-konsegwenzi tiegħu għall-aġġornament tal-Anness II tar-Regolament 883/2004.

    3.4. Kummenti fir-rigward tal-pożizzjoni tal-Kunsill rigward l-annotazzjonijiet fl-Anness IV, l-emenda 78 rev

    Pensjonant li ma joqgħodx fl-Istat Membru kompetenti (jigifieri dak li qed iħallas il-pensjoni u huwa responsabbli għall-ispejjeż tal-kura tas-saħħa tal-pensjonanti tiegħu fl-Istat Membru tar-residenza) huwa attwalment intitolat biss għall-benefiċċji tal-mard fl-Istat Membru ta' residenza tiegħu.

    Madankollu, skont ir-Regolament 883/04, meta Stat Membru huwa elenkat fl-Anness IV, pensjonant ikollu d-dritt li jmur lura lejn l-Istat Membru tiegħu u li jkollu aċċess għall-kura tas-saħħa bħala dritt addizzjonali. Dan ifisser li l-Istat Membru kompetenti mhux biss ikollu jħallas l-ispejjeż tal-kura tas-saħħa li għandhom jitħallsu lill-Istat Membru ta' residenza, iżda wkoll l-ispejjeż tal-benefiċċji tal-mard għall-istess persuna fit-territorju tagħha.

    L-Italja kienet fost l-annotazzjonijiet. Ftit biss wara l-adozzjoni tar-Regolament 883/2004, l-awtoritajiet Taljani evalwaw il-pożizzjoni tagħhom u ddeċidew li għalissa ma jistgħux jagħtu drittijiet addizzjonali lill-pensjonanti. Filwaqt li qieset dawn l-iżviluppi l-ġodda, il-Kummissjoni pproponiet li tħassar l-annotazzjoni għall-'Italja' mill-Anness IV. Fl-emenda 78 rev tiegħu, il-Parlament Ewropew jixtieq iżomm l-annotazzjoni għall-'Italja' fl-Anness IV tar-Regolament 883/2004.

    Waqt li tqis in-natura speċifika tal-Anness IV, il-Kummissjoni tikkonferma l-proposta tagħha li tħassar l-annotazzjoni għall-'Italja'. Il-Kummissjoni tqis li jekk ma tingħata l-ebda flessibbiltà lill-Istati Membri li jagħżlu f'ċertu punt li jagħtu drittijiet addizzjonali iżda li wara jkunu jeħtieġu jevalwaw mill-ġdid il-pożizzjoni tagħhom (billi huma responsabbli għall-organizzazzjoni u l-finanzjament tas-sistemi ta' sigurtà soċjali), l-annessi pożittivi għandhom mnejn jispiċċaw fil-ġejjieni.

    3.5. Bidliet oħra magħmula mill-Kunsill għall-proposta tal-Kummissjoni

    Il-pożizzjoni komuni tal-Kunsill fiha wkoll il-bidliet li ġejjin:

    - l-Artikolu 15 tar-Regolament 883/2004:

    It-terminu 'persunal awżiljarju' inbidel bit-terminu 'persunal kuntrattwali' fil-pożizzjoni komuni skont ir-Regolamenti tal-Persunal;

    Il-Kummissjoni tilqa' dan l-aġġornament tar-Regolament.

    - Trattament skedat fil-kuntest tal-inċidenti fuq ix-xogħol jew mard marbut max-xogħol; L-Artikolu 36 il-paragrafu 1 tar-Regolament 883/2004 u l-paragrafu 2:

    Il-pożizzjoni komuni tal-Kunsill tistipula li d-dispożizzjonijiet li għandhom x'jaqsmu mal-benefiċċji tal-mard (l-Artikoli 17, 18(1), 19(1) u 20(1)) għandhom japplikaw ukoll għall-benefiċċji marbutin ma' inċidenti fil-post tax-xogħol u ma' mard marbut max-xogħol.

    Il-Paragrafu 2 tal-Artikolu 36 kien parti mill-proposta tal-Kummissjoni għar-Regolament ta' implimentazzjoni tar-Regolament 883/04 (l-Artikolu 33). Huwa jikkonċerna l-kundizzjonijiet speċifiċi għall-awtorizzazzjoni ta' trattament skedat fil-kuntest ta' inċidenti fuq ix-xogħol jew mard marbut max-xogħol. Din id-dispożizzjoni, li hija favur il-persuni kkonċernati, ma kinetx inkluża fir-Regolament 883/04. Il-Kunsill qabel li jinkorpora din id-dispożizzjoni fir-Regolament bażiku aktar milli fir-Regolament ta' implimentazzjoni.

    Il-Kummissjoni tilqa' ż-żewġ dispożizzjonijiet billi huma favur il-persuni kkonċernati.

    - L-Artikolu 87(8) tar-Regolament 883/2004:

    Il-modifika introdotta fil-pożizzjoni komuni tal-Kunsill fil-paragrafu 8 tal-Artikolu 87 timmira li tiċċara l-mod kif din il-miżura tranżitorja tista' tiġi applikata lill-partijiet interessati kollha. Hija tipprovdi perjodu massimu ta' żmien ta' 10 snin li matulhom persuna tista' tibqa' suġġetta għal-leġiżlazzjoni ta' Stat Membru għajr dak determinat skont it-Titolu II tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71.

    Il-Kummissjoni tista' taċċetta din il-bidla, billi l-iffissar ta' perjodu massimu ta' żmien huwa intrinsikament marbut mal-idea ta' miżura tranżitorja. Perjodu ta' 10 snin jidher tul xieraq ta' żmien li matulu tista' tingħata l-opportunità kemm lill-persuni kkonċernati kif ukoll lill-istituzzjonijiet li jevalwaw mill-ġdid is-situazzjoni skont il-leġiżlazzjoni applikabbli.

    4. KONKLUŻJONI

    Il-Kummissjoni kienet partikolarment viġilanti biex tiżgura li d-drittijiet individwali ta' ċittadini mobbli jinżammu, pereżempju fil-qasam tal-mard marbut max-xogħol u l-inċidenti fuq ix-xogħol. Il-Kummissjoni tiġbed l-attenzjoni li l-pożizzjoni komuni tal-Kunsill tikkunsidra bis-sħiħ l-emendi tal-Parlament Ewropew.

    Fir-rigward ta' kwistjonijiet l-aktar sensittivi, il-Kummissjoni tqis li l-kompromess li ntlaħaq mill-Kunsill huwa l-bidu ta' proċess dinamiku li għandu jippermetti lill-Istati Membri jkunu allineati mal-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew. Il-Kummissjoni se tagħmel ħilitha biex issegwi u biex tikkontribwixxi għal dan il-proċess.

    Fl-aħħar, l-adozzjoni ta' dan ir-Regolament, li jimla l-vojt fl-annessi tar-Regolament 883/04 u tar-Regolament ta' implimentazzjoni, hija prerekwiżit li jagħmilha possibbli għar-Regolament 883/04 li jsir applikabbli fl-2010.

    Ir-Regolament 883/04 itejjeb id-drittijiet tas-sigurtà soċjali taċ-ċittadini li jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom għal moviment ħieles. Ladarba jkun fis-seħħ, ir-Regolament 883/04 ikollu impatt dirett fuq il-ħajja ta' kuljum ta' miljuni ta' ċittadini tal-UE.

    Fid-dawl ta' dan kollu, il-Kummissjoni tista' tagħti appoġġ ġenerali lill-pożizzjoni komuni tal-Kunsill.

    [1] ĠU L 166, 30.4.2004, il-verżjoni korretta fil-ĠU L 200, 7.6.2004, p. 1.

    [2] Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71 dwar l-applikazzjoni ta' skemi ta' sigurtà soċjali lil persuni impjegati, persuni li jaħdmu għal rashom u lill-membri tal-familji tagħhom li jinsabu fil-Komunità, ĠU L 149 tal-5.7.1971, p. 2. Ir-Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 1992/2006 (ĠU L 392, tat-30.12.2006, p. 1).

    Top