Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008PC0861

    Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill li tikkonkludi l-ftehim interim li jistabbilixxi qafas għal Ftehim ta' Sħubija Ekonomika bejn l-Istati Afrikani tal-Lvant u tan-Nofsinhar fuq naħa waħda u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha fuq in-naħa l-oħra

    /* KUMM/2008/0861 finali - AVC 2008/0251 */

    52008PC0861

    Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill li tikkonkludi l-ftehim interim li jistabbilixxi qafas għal Ftehim ta' Sħubija Ekonomika bejn l-Istati Afrikani tal-Lvant u tan-Nofsinhar fuq naħa waħda u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha fuq in-naħa l-oħra /* KUMM/2008/0861 finali - AVC 2008/0251 */


    [pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

    Brussel 16.12.2008

    KUMM(2008) 861 finali

    2008/0251 (AVC)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    li tikkonkludi l-ftehim interim li jistabbilixxi qafas għal Ftehim ta' Sħubija Ekonomika bejn l-Istati Afrikani tal-Lvant u tan-Nofsinhar fuq naħa waħda u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha fuq in-naħa l-oħra

    (preżentata mill-Kummissjoni)

    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    Il-proposta mehmuża tikkostitwixxi l-istrument legali għall-konklużjoni ta' ftehim interim li jistabbilixxi qafas għal Ftehim ta' Sħubija Ekonomika (EPA - Economic Partnership Agreement ) bejn l-Istati Afrikani tal-Lvant u tan-Nofsinhar (ESA - Eastern and Southern Africa States ) fuq naħa waħda u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha fuq in-naħa l-oħra:

    (i) Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill li tikkonkludi l-ftehim interim li jistabbilixxi qafas għal EPA.

    Kif imħabbar fil-Komunikazzjoni lill-Kunsill u l-Parlament Ewropew bid-data tat-23 ta' Ottubru 2007, il-ftehim interim li jistabbilixxi qafas għal EPA ġie nnegozjat biex ma jitħarbatx il-kummerċ mal-Komunità malli jiskadi r-reġim kummerċjali stipulat fl-Anness V tal-Ftehim ta' Cotonou fil-31 ta' Diċembru 2007 u r-rinunzja tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) li tkopri dak ir-reġim kummerċjali. Dawn in-negozjati ġew konklużi bil-inizjalar tal-ftehim interim li jistabbilixxi qafas għal EPA fit-28 ta’ Novembru 2007 mas-Seychelles, iż-Żambja u ż-Żimbabwe, fl-4 ta’ Diċembru 2007 mal-Mawrizju u fil-11 ta’ Diċembru 2007 mal-Komoros u l-Madagaskar.

    B’riżultat ta’ dan, ħamsa minn dawn is-sitt Stati ESA (il-Komoros, il-Madagaskar, il-Mawrizju, is-Seychelles u ż-Żimbabwe) ġew inklużi fil-lista ta’ pajjiżi fl-Anness 1 tar-Regolament dwar l-Aċċess tas-Suq tal-EPA adottat mill-Kunsill fl-20 ta’ Diċembru 2007[1] li bbenefikaw mill-offerta għall-aċċess tas-suq Komunitarju li saret fil-kuntest tal-EPA mill-1 ta’ Jannar 2008. L-inklużjoni tagħhom f’din il-lista se ssir permanenti mad-dħul fis-seħħ tal-ftehim interim li jistabbilixxi qafas għal EPA. Dan se jiżgura reġim kummerċjali armonizzat fejn l-UE tipprovdi aċċess aħjar għas-suq għall-Istati ESA kollha li inizjalaw, inkluż iż-żewġ pajjiżi rikonoxxuti bħala Pajjiżi l-Inqas Żviluppati min-Nazzjonijiet Uniti. Billi ż-Żambja ma ppreżentatx offerta għall-aċċess tas-suq, din ma ġietx inkluża fir-Regolament. Bħala wieħed mill-Pajjiżi l-Inqas Żviluppati, iż-Żambja għadha tgawdi mir-reġim EBA ( Everything But Arms – Kollox Minbarra l-Armi).

    L-ambitu tal-ftehim interim li jistabbilixxi qafas għal EPA bejn l-Istati ESA u l-Komunità u l-Istati Membri tagħha se jiġi estiż b'dak li joħroġ min-negozjati għal EPA komprensiv milħuq sa Diċembru 2008. Dan jinkludi l-miżuri kollha meħtieġa għall-istabbiliment ta’ Żona ta’ Kummerċ Ħieles kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu XXIV tal-GATT 1994[2]. Dan il-Ftehim fih ukoll dispożizzjonijiet dwar ir-regoli tal-oriġini, il-miżuri mhux tariffarji, il-miżuri ta' difiża kummerċjali, l-evitar u r-riżoluzzjoni tat-tilwim, u kif ukoll dispożizzjonijiet dwar is-sajd, l-iżvilupp u dispożizzjonijiet amministrattivi u istituzzjonali.

    In-negozjar ta' EPA sħiħ jissokta b'mod konsistenti mad-direttivi għal EPA mal-Istati tal-ACP adottati mill-Kunsill fit-12 ta' Ġunju 2002.

    Id-dispożizzjonijiet istituzzjonali jinkludu Kumitat tal-EPA magħmul minn rappreżentanti tal-Partijiet li għandhom ikunu responsabbli għall-amministrazzjoni tal-kwistjonijiet kollha li jaqgħu taħt il-ftehim.

    Sakemm jidħol fis-seħħ il-ftehim interim li jistabbilixxi qafas għal EPA, il-ftehim interim jipprevedi l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim.

    Il-Kummissjoni ddeterminat ir-riżultati tan-negozjati bħala sodisfaċenti u f’konformità mad-direttivi tan-negozjati mill-Kunsill, u titlob lill-Kunsill:

    - li jikkonkludi l-ftehim interim li jistabbilixxi qafas għal EPA bejn l-Istati ESA u l-Komunità u l-Istati Membri tagħha f’isem il-Komunità.

    Il-Parlament Ewropew se jissejjaħ biex jagħti l-kunsens tiegħu għall-konklużjoni tal-EPA.

    L-Istati Membri huma wkoll partijiet tal-Ftehim, li għalhekk jeħtieġlu jiġi rratifikat minnhom skont il-proċeduri interni tagħhom.

    2008/0251 (AVC)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    li tikkonkludi l-ftehim interim li jistabbilixxi qafas għal Ftehim ta' Sħubija Ekonomika bejn l-Istati Afrikani tal-Lvant u tan-Nofsinhar fuq naħa waħda u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha fuq in-naħa l-oħra

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 133 u 181 flimkien mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 300(3) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni[3],

    Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew[4]

    Billi:

    (1) Fit-12 ta’ Ġunju 2002 il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tibda negozjati għal Ftehimiet ta’ Sħubija Ekonomika (EPA) mal-pajjiżi tal-ACP.

    (2) Fit-28 ta’ Novembru 2007 ġew konklużi negozjati għal ftehim interim li jistabbilixxi qafas għal Ftehim ta' Sħubija Ekonomika (minn hawn 'il quddiem 'EPA interim') mas-Seychelles, iż-Żambja u ż-Żimbabwe. Fl-4 ta’Diċembru 2007, l-EPA interim ġie inizjalat mill-Mawrizju u fil-11 ta’ Diċembru 2007 mill-Komoros u l-Madagaskar.

    (3) Sakemm jidħol fis-seħħ l-EPA interim ilu jiġi applikat b’mod provviżorju minn [..].

    (4) L-EPA interim għandu jiġi konkluż f’isem il-Komunità Ewropea.

    IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

    Artikolu 1

    Il-ftehim interim li jistabbilixxi qafas għal Ftehim ta' Sħubija Ekonomika bejn l-Istati Afrikani tal-Lvant u tan-Nofsinhar u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha huwa b’dan konkluż f’isem il-Komunità.

    It-test tal-EPA interim huwa mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Il-President tal-Kunsill għandu jagħti n-notifika msemmija fl-Artikolu 62(2) tal-EPA interim f’isem il-Komunità.

    Magħmula fi Brussell, […]

    Għall-Kunsill

    Il-President

    […]

    DIKJARAZZJONI FINANZJARJA LEĠIŻLATTIVA GĦAL PROPOSTI LI GĦANDHOM IMPATT FUQ IL-BAĠIT LIMITAT ESKLUSSIVAMENT GĦAN-NAĦA TAD-DĦUL

    1. L-ISEM TAL-PROPOSTA:

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL li tikkonkludi l-ftehim interim li jistabbilixxi qafas għal Ftehim ta' Sħubija Ekonomika bejn l-Istati Afrikani tal-Lvant u n-Nofsinhar fuq naħa waħda u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha fuq in-naħa l-oħra

    2. IL-LINJI BAĠITARJI:

    Il-Kapitolu u l-Artikolu: 12/120

    L-ammont ibbaġitjat għas-sena kkonċernata: 16 431 900 000 (Il-Baġit 2008)

    3. L-IMPATT FINANZJARJU

    ( Il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni finanzjarja

    ( Il-proposta ma għandha l-ebda impatt finanzjarju fuq in-nefqa iżda għandha impatt finanzjarju fuq l-introjtu – l-effett huwa kif ġej:

    4. IL-MIŻURI KONTRA L-FRODI

    Biex jitħarsu l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet kontra l-frodi u irregolaritajiet oħra, il-Kummissjoni tista' twettaq kontrolli u spezzjonijiet fuq il-post skont l-Artikolu 22, tal-Ftehim bejn l-Istati ESA u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha u l-Artikolu 7 tal-Protokoll 2 mehmuż miegħu. Fejn ikun meħtieġ, għandhom jitwettqu investigazzjonijiet mill-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (l-OLAF) u dawn għandhom jiġu rregolati bir-Regolament (KE) Nru 1073/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Il-Kummissjoni għandha twettaq kontrolli regolari fuq il-post li jkunu bbażati fuq id-dokumenti.

    5. RIMARKI OĦRAJN

    It-tariffi doganali kollha li baqa' fuq il-prodotti li joriġinaw f’dawk ir-reġjuni tal-ACP jew stati li kkonkludew in-negozjati dwar il-Ftehimiet ta’ Sħubija Ekonomika jew ftehimiet li jinkludu arranġamenti kummerċjali kompatibbli mad-WTO tneħħew permezz tal-adozzjoni tar-Regolament tal-Kunsill 1528/2007. Għalhekk, ma hemm l-ebda impatt finanzjarju addizzjonali assoċjat ma' din il-proposta.

    [1] Ir-Regolament tal-Kunsill 1528/2007

    [2] Il-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ (1994).

    [3] ĠU C , , p.

    [4] ĠU C , , p.

    Top