Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008PC0546

Proposta għal regolament tal-Kunsill li jimponi dazju definittiv tal-anti-dumping fuq importazzjonijiet ta’ ċerti aċċessorji ta’ tubi u pajpijiet, tal-ħadid jew tal-azzar, li joriġinaw mir-Repubblika tal-Korea u mill-Malażja wara reviżjoni ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) Nru 384/96

/* KUMM/2008/0546 finali */

52008PC0546

Proposta għal regolament tal-Kunsill li jimponi dazju definittiv tal-anti-dumping fuq importazzjonijiet ta’ ċerti aċċessorji ta’ tubi u pajpijiet, tal-ħadid jew tal-azzar, li joriġinaw mir-Repubblika tal-Korea u mill-Malażja wara reviżjoni ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) Nru 384/96 /* KUMM/2008/0546 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 12.9.2008

KUMM(2008) 546 finali

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jimponi dazju definittiv tal-anti-dumping fuq importazzjonijiet ta’ ċerti aċċessorji ta’ tubi u pajpijiet, tal-ħadid jew tal-azzar, li joriġinaw mir-Repubblika tal-Korea u mill-Malażja wara reviżjoni ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) Nru 384/96

(preżentata mill-Kummissjoni)

MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

Il-kuntest tal-proposta |

Ir-raġunijiet għall-proposta u l-għanijiet tagħha Din il-proposta tikkonċerna l-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta’ Diċembru 1995 dwar il-ħarsien kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea, kif emendat l-aħħar mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2117/2005 tal-21 ta’ Diċembru 2005 (‘ir-Regolament bażiku’) fil-proċediment li jikkonċerna importazzjonijiet ta’ aċċessorji ta’ tubi u pajpijiet (għajr aċċessorji fonduti, flanġijiet u aċċessorji bil-kamin), tal-ħadid jew tal-azzar (ma jinkludix l-istainless steel), bl-akbar dijametru ta’ barra li ma jaqbiżx 609.6 mm, tat-tip li jiġi użat għall-issaldjar jew xi użi oħra, li joriġinaw mir-Repubblika tal-Korea u mill-Malażja. |

Il-kuntest ġenerali Din il-proposta hi magħmula fil-kuntest tal-implimentazzjoni tar-Regolament bażiku u hija r-riżultat ta’ investigazzjoni li twettqet skont ir-rekwiżiti sostantivi u proċedurali stabbiliti fir-Regolament bażiku. |

Id-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam tal-proposta Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1514/2002 li jimponi miżuri definittivi ta’ anti-dumping fuq importazzjonijiet ta’ ċerti aċċessorji ta’ tubi u pajpijiet tal-ħadid jew tal-azzar, li joriġinaw mir-Repubblika Ċeka, mill-Malażja, mir-Repubblika tal-Korea u mis-Slovakkja |

Il-konsistenza mal-politiki u l-għanijiet l-oħra tal-Unjoni Mhux applikabbli. |

Il-konsultazzjoni ma’ partijiet interessati u stima tal-impatt |

Il-konsultazzjoni ma' partijiet interessati |

Il-partijiet interessati kkonċernati mill-proċediment ingħataw il-possibbiltà li jiddefendu l-interessi tagħhom matul l-investigazzjoni, skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament bażiku. |

Il-ġbir u l-użu ta’ għarfien espert |

Ma kien hemm ebda ħtieġa għal għarfien espert estern. |

L-istima tal-impatt Din il-proposta hi r-riżultat tal-implimentazzjoni tar-Regolament bażiku. Ir-Regolament bażiku ma jipprevedix stima tal-impatt ġenerali iżda fih lista eżawrjenti ta’ kundizzjonijiet li jridu jiġu evalwati. |

L-elementi ġuridiċi tal-proposta |

Is-sommarju tal-azzjoni proposta Ir-reviżjoni ta’ skadenza attwali nbdiet fit-18 ta’ Awwissu 2007 fuq talba mressqa mill-Kumitat tad-Difiża tal-Industrija tal-iSteel Butt-Welding Fittings tal-Unjoni Ewropea. Il-miżuri definittivi kienu oriġinarjament imposti f’Awwissu 2002. Id-dazji anti-dumping fis-seħħ għall-Malażja huma: 59.2 % għal Anggerik Laksana Sdn Bhd u 75 % għall-kumpaniji l-oħra kollha; għar-Repubblika tal-Korea d-dazju huwa 44 % għall-kumpaniji kollha. Il-proposta mehmuża għal Regolament tal-Kunsill li jżomm il-miżuri msemmija hawn fuq hi msejsa fuq is-sejbiet definittivi dwar id-dumping, il-ħsara, il-kawżalità u l-interess Komunitarju. Għalhekk qiegħed jiġi propost li l-Kunsill jadotta l-proposta mehmuża għal Regolament li għandu jkun ippubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mill-aktar fis possibbli. |

Il-bażi ġuridika Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea, kif emendat l-aħħar mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2117/2005 tal-21 ta’ Diċembru 2005. |

Il-prinċipju ta’ sussidjarjetà Il-proposta taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Komunità. Għaldaqstant, il-prinċipju ta’ sussidjarjetà ma japplikax. |

Il-prinċipju ta’ proporzjonalità Il-proposta hija konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità għar-raġunijiet li ġejjin: |

Il-forma ta’ azzjoni hi deskritta fir-Regolament bażiku msemmi hawn fuq u ma jibqa’ ebda ambitu għal deċiżjoni nazzjonali. |

L-indikazzjoni ta’ kif il-piż finanzjarju u amministrattiv li jaqa’ fuq il-Komunità, il-gvernijiet nazzjonali, l-awtoritajiet reġjonali u lokali, l-operaturi ekonomiċi u ċ-ċittadini jiġi minimizzat u proporzjonali għall-għan tal-proposta mhix applikabbli. |

L-għażla ta' strumenti |

L-istrumenti proposti: regolament. |

Mezzi oħra ma jkunux adegwati għar-raġuni li ġejja: Ir-Regolament bażiku msemmi hawn fuq ma jipprevedix għażliet oħra. |

Implikazzjoni baġitarja |

Il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni fuq il-baġit Komunitarju. |

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jimponi dazju definittiv tal-anti-dumping fuq importazzjonijiet ta’ ċerti aċċessorji ta’ tubi u pajpijiet, tal-ħadid jew tal-azzar, li joriġinaw mir-Repubblika tal-Korea u mill-Malażja wara reviżjoni ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) Nru 384/96

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta’ Diċembru 1995 dwar il-ħarsien kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea[1], (ir-“Regolament bażiku”), u b’mod partikolari l-Artikoli 9 u 11(2) tiegħu,

Wara li kkonsulta l-Kumitat Konsultattiv,

Billi:

A. PROĊEDURA

1. Miżuri fis-seħħ

2. F’Awwissu 2002, il-miżuri definittivi tal-anti-dumping fuq importazzjonijiet ta’ ċerti aċċessorji ta’ tubi u pajpijiet (“ATP” jew “il-prodott ikkonċernat”) li joriġinaw, inter alia , mir-Repubblika tal-Korea u mill-Malażja (“il-pajjiżi kkonċernati”) ġew imposti mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1514/2002[2] (“l-investigazzjoni oriġinali”). Id-dazji anti-dumping fis-seħħ għall-Malażja huma: 59.2 % għal Anggerik Laksana Sdn Bhd u 75 % għall-kumpaniji l-oħra kollha; għar-Repubblika tal-Korea d-dazju huwa 44 % għall-kumpaniji kollha.

3. Barra mill-ambitu ta’ dan il-proċediment, bħalissa hemm fis-seħħ miżuri anti-dumping imposti mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 964/2003[3] fuq esportazzjonijiet mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (58.6 %) u mit-Tajlandja (58.9 %), bl-eċċezzjoni ta' żewġ kumpaniji fit-Tajlandja, u dawk ikkunsinnati mit-Tajwan, sew jekk iddikjarati li joriġinaw mit-Tajwan sew jekk le. Il-miżuri għall-prodott ikkonċernat li joriġina miċ-Ċina ġew estiżi għal importazzjonijiet tal-istess prodott ikkunsinnat mill-Indoneżja bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2052/2004[4], mis-Sri Lanka bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2053/2004[5], u mill-Filippini bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 655/2006[6], sew jekk iddikjarat li joriġina mill-Filippini, l-Indoneżja, is-Sri Lanka sew jekk le.

4. It-talba għal reviżjoni

5. Wara l-pubblikazzjoni ta’ avviż ta’ skadenza imminenti[7] tal-miżuri anti-dumping fis-seħħ fuq importazzjonijiet ta’ ATP li joriġinaw mir-Repubblika tal-Korea u mill-Malażja, il-Kummissjoni rċeviet talba biex tirrevedi dawn il-miżuri skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku.

6. It-talba kienet ippreżentata fit-23 ta’ Mejju 2007 mill-Kumitat tad-Difiża tal-iSteel Butt-Welding Fittings Industry tal-Unjoni Ewropea (“l-applikant”) f’isem il-produtturi li jirrappreżentaw proporzjon kbir, f'dan il-każ aktar minn 50 %, tal-produzzjoni totali tal-Komunità ta’ ċerti aċċessorji ta’ tubi u pajpijiet.

7. It-talba kienet imsejsa fuq ir-raġuni li l-iskadenza tal-miżuri x’aktarx li tirriżulta fi tkomplija jew rikorrenza ta’ dumping u ħsara lill-industrija Komunitarja.

8. Wara li ddeterminat, wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, li kien hemm biżżejjed evidenza għall-bidu ta’ reviżjoni, il-Kummissjoni bdiet investigazzjoni[8] skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku.

9. L-investigazzjoni

10. Il-Kummissjoni tat parir b’mod uffiċjali lill-produtturi Komunitarji applikanti, lill-produtturi Komunitarji l-oħra, lill-produtturi esportaturi fil-pajjiżi kkonċernati, lill-importaturi/kummerċjanti, utenti u l-assoċjazzjonijiet tagħhom li hu magħruf li huma kkonċernati, kif ukoll, lir-rappreżentanti tal-gvernijiet taż-żewġ pajjiżi esportaturi, dwar il-bidu tar-reviżjoni.

11. Il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarji lil dawn il-partijiet kollha u lil dawk li introduċew ruħhom fiż-żmien stipulat fl-avviż tal-bidu.

12. Il-Kummissjoni tat ukoll l-opportunità lill-partijiet interessati li jippreżentaw il-fehmiet tagħhom bil-miktub u li jitolbu seduta fil-limitu ta’ żmien stipulat fl-avviż tal-bidu.

13. Fid-dawl tal-għadd apparentament għoli ta’ produtturi esportaturi fir-Repubblika tal-Korea, importaturi/kummerċjanti tal-prodott ikkonċernat u produtturi Komunitarji, it-teħid ta’ kampjuni ġie mbassar fl-avviż tal-bidu, skont l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku. Biex tkun tista’ tiddeċiedi jekk it-teħid ta’ kampjuni għandux ikun neċessarju u, jekk dan huwa l-każ, biex tagħżel kampjun, il-Kummissjoni bagħtet formoli għat-teħid ta’ kampjuni fejn talbet tagħrif speċifiku dwar il-volum ta’ bejgħ u l-prezzijiet medji ta’ kull produttur Komunitarju, produttur esportatur u importatur ikkonċernat. Ma waslet tweġiba mill-ebda produttur esportatur Korean u waslu 11-il tweġiba mill-importaturi. Erba’ produtturi Komunitarji biss wieġbu għall-formola ta’ teħid ta’ kampjuni. Għaldaqstant ġie deċiż li t-teħid ta' kampjuni ma kienx meħtieġ.

14. Erba’ produtturi Komunitarji wieġbu l-kwestjonarju, iżda wieħed bagħat tweġiba parzjali u naqas li jwieġeb wara li kienet intbagħtet ittra ta' nuqqasijiet. Fir-rigward tal-Malażja, waslu żewġ tweġibiet għall-kwestjonarju, waħda minn kumpanija ġdida u l-oħra minn kumpanija li aktar tard irrifjutat iż-żjara ta’ verifika. L-ebda produttur esportatur Korean ma wieġeb il-kwestjonarju. Żewġ importaturi ppreżentaw tweġiba għall-kwestjonarju.

15. Il-Kummissjoni talbet u vverifikat it-tagħrif kollu li hi qieset neċessarju bl-għan li tistabbilixxi l-kontinwazzjoni jew ir-rikorrenza probabbli ta' dumping u ħsara kif ukoll l-interess komunitarju. Żjarat ta’ verifika twettqu fl-istabbilimenti tal-kumpaniji li ġejjin:

a) Produtturi Komunitarji applikanti

- Erne Fittings GmbH, Schlins, l-Awstrija

- Interfit S.A., Maubeuge, Franza

- Virgilio Cena & Figli S.p.A, Brescia, l-Italja

b) Produttur ġdid fil-Malażja

Pantech Steel Industries SDN. BHD., Selangor, il-Malażja

16. Il-perjodu ta’ investigazzjoni

17. L-investigazzjoni tal-kontinwazzjoni jew ir-rikorrenza ta’ dumping kopriet il-perjodu mill-1 ta' Lulju 2006 sat-30 ta' Ġunju 2007 (minn hawn ’il quddiem il-"PI"). L-eżami tax-xejriet rilevanti għal-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta' kontinwazzjoni jew rikorrenza tal-ħsara kopra l-perjodu mill-1 ta' Jannar 2002 sa tmiem il-PI (il-'perjodu meqjus').

B. PRODOTT IKKONĊERNAT U PRODOTT SIMILI

18. Il-prodott ikkonċernat

19. Il-prodott taħt reviżjoni huwa aċċessorji ta’ tubi u pajpijiet (għajr aċċessorji fonduti, flanġijiet u aċċessorji bil-kamin), tal-ħadid jew tal-azzar (ma jinkludix l-istainless steel), bl-akbar dijametru ta’ barra li ma jaqbiżx 609.6 mm, tat-tip li jiġi użat għall-issaldjar jew xi użi oħra, li joriġinaw mir-Repubblika tal-Korea u mill-Malażja (‘il-prodott ikkonċernat’), li bħalissa huma klassifikabbli fi ħdan il-kodiċi NM ex 7307 93 11, ex 7307 93 19, ex 7307 99 30 u ex 7307 99 90.

20. L-ATP huma mmanifatturati essenzjalment permezz tal-qtugħ u l-ifformar ta’ tubi u pajpijiet. Huma jintużaw biex jgħaqqdu t-tubi u l-pajpijiet u jistgħu jkunu ta’ għamliet differenti: liwjiet minkeb, forom ridotti, forom ta' 'T' u tappijiet, kif ukoll daqsijiet u gradi materjali differenti. Dawn jintużaw prinċipalment fl-industrija petrokimika, bini, ġenerazzjoni tal-enerġija, bini tal-bastimenti u stallazzjonijiet industrijali. Meta jinbiegħu biex jintużaw fl-industrija petrokimika, l-istandard globali użat huwa l-istandard ANSI. Għal għanijiet oħra, l-aktar standard komuni użat fil-Komunità huwa l-istandard DIN.

21. Prodott simili

22. Bħalma ġara fl-investigazzjoni oriġinali, l-investigazzjoni wriet li l-ATP prodotti fil-pajjiżi kkonċernati, mibjugħa fid-djar u/jew esportati lejn il-Komunità, għandhom l-istess karatteristiċi bażiċi fiżiċi, tekniċi u kimiċi u l-istess użi aħħarija bħall-prodotti mibjugħa fil-Komunità mill-produtturi Komunitarji applikanti u għalhekk jitqiesu li huma prodotti simili fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 1(4) tar-Regolament bażiku.

C. PROBABBILTÁ TA' KONTINWAZZJONI TA’ DUMPING

23. Skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, ġie eżaminat jekk l-iskadenza tal-miżuri x’aktarx li twassal għal kontinwazzjoni ta’ dumping jew le.

24. Rimarki preliminari

25. Kif imsemmi hawn fuq, fin-nuqqas ta’ kooperazzjoni minn kull produttur esportatur fil-Korea u fil-Malażja, għajr għal kumpanija ġdida waħda, dan l-eżami kellu jkun imsejjes fuq tagħrif disponibbli lill-Kummissjoni minn għejun oħra. F’dan ir-rigward, u skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, id-dejta tal-Eurostat li tirreferi għall-kodiċi NM bi tmien ċifri, imqabbla ma' għejun oħra, intużat biex tistabbilixxi l-kwantitajiet u l-prezzijiet tal-importazzjoni. Intużaw fatti disponibbli biex jiġi kkalkolat il-marġni ta’ dumping, jiġifieri f’dan il-każ it-tagħrif li jinsab fit-talba u l-istatistika tal-Istati Uniti.

26. Minħabba l-volum żgħir li hemm bħalissa ta' importazzjonijiet ta' ATP mill-Korea u mill-Malażja fl-UE, il-Kummissjoni kellha tuża dejta minn pajjiż ieħor. L-Istati Uniti tqiesu xierqa, billi s-suq huwa ta’ daqs simili, b’ħafna produtturi domestiċi iżda wkoll bi proporzjon kbir ta' importazzjonijiet, li jagħmlu dan is-suq wieħed kompetittiv ferm. Barra minn hekk, l-Istati Uniti huma d-destinazzjoni ewlenija għal esportazzjonijiet mill-Korea u mill-Malażja.

27. Id-dumping ta' importazzjonijiet matul il-perjodu ta' investigazzjoni

a) Valur normali

28. Skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, u fin-nuqqas ta’ xi kooperazzjoni mill-produtturi esportaturi Koreani jew Malażjani, għajr minn kumpanija ġdida waħda, il-valur normali kien imsejjes fuq id-dejta li ngħatat fit-talba, jiġifieri spiża stmata ta’ manifattura li magħha żdiedu 12.3 % u 15.1 % għal ĠAB (Ġenerali, Amministrattivi u Bejgħ) u 5.6 % u 6 % għal qligħ għall-Korea u l-Malażja rispettivament, espressa bħala perċentwali tal-fatturat. Jitqies li l-perċentwali ta’ hawn fuq huma pjuttost konservattivi.

b) Prezz tal-esportazzjoni

29. Skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, u fin-nuqqas ta’ kooperazzjoni kemm mill-produtturi esportaturi Koreani kif ukoll dawk Malażjani, għajr minn kumpanija ġdida waħda, il-prezz ta’ esportazzjoni ġie kkalkolat billi ntużaw il-prezzijiet ta’ esportazzjoni Koreani u Malażjani għall-prodott ikkonċernat lill-Istati Uniti, li ġejjin mill-istatistika ta' importazzjoni tal-Istati Uniti. Dawn iċ-ċifri ġew aġġustati skont it-tipi ta’ prodott proporzjonalment għat-tunnellaġġ ta’ kull tip ta’ prodott imsejjes fuq it-tagħrif mogħti fit-talba.

c) Tqabbil

30. Il-valur normali medju mwieżen kien imqabbel mal-prezz medju mwieżen tal-esportazzjoni tal-ATP, skont l-Artikolu 2(11) tar-Regolament bażiku, it-tnejn f’livell ta’ ex-works.

31. Bl-għan li jiġi żgurat tqabbil ġust bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni, tqiesu d-differenzi fil-fatturi li jaffettwaw il-prezzijiet u t-tqabbil tal-prezzijiet skont l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku. F'dan ir-rigward, ġew magħmula aġġustamenti għall-merkanzija fuq l-art u fuq il-baħar, l-assigurazzjoni, it-tqandil, it-tagħbija u l-ispejjeż anċillari.

d) Il-marġni ta’ dumping

32. It-tqabbil tal-valur normali kostrutt u tal-prezz ta’ esportazzjoni kostrutt juri l-eżistenza ta’ dumping fiż-żewġ pajjiżi kkonċernati, bil-marġni ta' dumping ikun ugwali għall-ammont li bih il-valur normali qabeż il-prezz ta' esportazzjoni. Il-marġni ta’ dumping li nstab, bħala perċentwali tal-prezz tal-importazzjoni fil-fruntieri tal-Komunità CIF, kien 15.1 % għall-Korea u 61.3 % għall-Malażja.

33. L-iżviluppi tal-importazzjonijiet f’każ li l-miżuri jiġu rrevokati

a) Rimarki preliminari

34. Wara l-analiżi tal-eżistenza ta' dumping matul il-PI, il-probabbiltà ta' kontinwazzjoni ta' dumping ġiet eżaminata wkoll. Fin-nuqqas ta’ kooperazzjoni minn kull produttur esportatur Korean u Malażjan, għajr għal kumpanija ġdida waħda, u minħabba n-nuqqas ta’ tagħrif disponibbli pubblikament dwar l-industrija ATP, il-konklużjonijiet ta’ hawn taħt jiddependu prinċipalment fuq il-fatti disponibbli skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, jiġifieri d-dejta tal-Eurostat, it-talba ta' reviżjoni, u l-Istatistika tal-Istati Uniti

b) Il-kapaċità ta’ produzzjoni Koreana u Malażjana

35. Il-kapaċità disponibbli kemm fil-Korea kif ukoll fil-Malażja hija stmata għal 35 300 tunnellata u l-kapaċità ta’ esportazzjoni tagħhom għal 20 000 tunnellata. Din tirrappreżenta aktar minn kwart tal-konsum Komunitarju.

c) Il-prezzijiet ta’ esportazzjoni Koreani u Malażjani lejn il-Komunità

36. Kif isemmi fir-rimarki preliminari, l-esportazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat miż-żewġ pajjiżi kkonċernati lejn is-suq Komunitarju huma kważi ineżistenti. Fir-rigward tal-esportazzjonijiet lejn pajjiżi terzi oħra, fit-talba huwa allegat li l-esportazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat lejn l-Istati Uniti saru bi prezzijiet iddampjati.

d) Konklużjoni dwar il-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni ta’ dumping

37. Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, jiġifieri l-marġnijiet għolja ta’ dumping, il-kapaċità żejda enormi li hi disponibbli f’dawn il-pajjiżi flimkien mal-kapaċitajiet għolja ta’ esportazzjoni tagħhom, jista’ jiġi konkluż li l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping lejn l-UE se jissoktaw jekk il-miżuri jitħallew jiskadu. Barra minn hekk, minkejja l-livell għoli ta’ dazji anti-dumping imposti fuq l-esportazzjonijiet tagħhom, li kważi waqfu għal kollox, l-ebda wieħed mill-produtturi esportaturi fil-Malażja ma talab reviżjoni interim. Barra minn hekk, wieħed għandu jżomm f’moħħu li l-kumpaniji esportaturi Koreani qatt ma kkooperaw fl-investigazzjoni oriġinali. In-nuqqas ta’ kooperazzjoni f’din l-investigazzjoni tissuġġerixxi wkoll li dawn il-produtturi esportaturi ma ridux jew ma setgħux juru li l-ebda dumping ma kien se jseħħ jekk il-miżuri jitħallew jiġu rrevokati.

D. DEFINIZZJONI TAL-INDUSTRIJA KOMUNITARJA

38. Tliet kumpaniji kkooperaw bis-sħiħ fl-investigazzjoni. Dawn il-kumpaniji jinsabu fi Franza (Interfit), fl-Awstrija (Erne Fittings) u fl-Italja (Virgilio Cena). Il-grupp Awstrijak ukoll għandu kumpanija relatata fil-Ġermanja (Siekmann Fittings). L-investigazzjoni stabbiliet li t-tliet produtturi Komunitarji li applikaw u li kkooperaw bis-sħiħ kienu jirrappreżentaw aktar minn 50 % tal-produzzjoni Komunitarja ta’ ATP u għalhekk jikkostitwixxu l-industrija Komunitarja fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 4(1) u 5(4) tar-Regolament bażiku.

E. IL-QAGĦDA FIS-SUQ KOMUNITARJU

39. Il-konsum fis-suq Komunitarju

40. Il-konsum Komunitarju kien imsejjes fuq il-volum ikkombinat ta’ bejgħ li sar mill-produtturi Komunitarji applikanti u produtturi Komunitarji oħra, ibbażat fuq it-talba, u fuq importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati u importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħra, it-tnejn ibbażati fuq l-Eurostat.

41. Fuq din il-bażi, matul il-perjodu meqjus, il-konsum Komunitarju żdied b'26 %, minn 58 561 tunnellata fl-2002 għal 73 519-il tunnellata matul il-PI. L-aċċessorji ta’ tubi u pajpijiet jintużaw prinċipalment fl-industrija petrokimika, bini, ġenerazzjoni tal-enerġija, bini ta' bastimenti u stallazzjonijiet industrijali li, flimkien mal-irkupru tal-industrija tal-azzar, jistgħu jispjegaw din iż-żieda.

42. TABELLA 1 - Il-konsum Komunitarju

Konsum Komunitarju | 2002 | 2003 | 2004 | 2005 | 2006 | PI |

Tunnellati | 58 561 | 62 122 | 64 480 | 56 255 | 65 667 | 73 519 |

Indiċi | 100 | 106 | 110 | 96 | 112 | 126 |

Xejra S/S | 100 | 6 | 4 | -14 | 16 | 13 |

Sors: L-EUROSTAT, it-talba, it-tweġibiet ivverifikati tal-kwestjonarju tal-industrija Komunitarja

43. L-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati

a) Volum u sehem fis-suq

44. Il-volumi importati mill-Malażja u mill-Korea naqsu b’mod drastiku minn 404 għal 11-il tunnellata. Dan jidher li huwa r-riżultat tal-miżuri anti-dumping fis-seħħ sa minn Frar 2002. Is-sehem tas-suq tagħhom huwa de minimis .

45. TABELLA 2 – Importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati

Importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati | 2002 | 2003 | 2004 | 2005 | 2006 | PI |

Tunnellati | 404 | 22 | 54 | 94 | 17 | 11 |

Indiċi | 100 | 5 | 13 | 23 | 4 | 3 |

Xejra S/S | 100 | -95 | 8 | 10 | -19 | -1 |

Sehem tas-suq f’% tal-Konsum Komunitarju | 1 % | 0.04 % | 0.08 % | 0.17 % | 0.03 % | 0.01 % |

Sors: EUROSTAT

b) Evoluzzjoni tal-prezz tal-importazzjonijiet u t-tnaqqis

46. Minħabba l-importazzjonijiet limitati ferm mill-pajjiżi kkonċernati u fid-dawl tal-varjetà kbira ta’ tipi differenti ta’ prodotti, il-prezzijiet fl-Eurostat ma jistgħux jitqiesu bħala sors affidabbli għal analiżi dettaljata.

47. Fin-nuqqas ta’ kooperazzjoni fil-pajjiżi kkonċernati, il-marġnijiet ta’ tnaqqis ġew ikkalkolati billi ntużat l-istess metodoloġija bħal fit-talba, jiġifieri, billi ġew imqabbla l-prezzijiet ta' esportazzjoni tal-pajjiżi kkonċernati mal-Istati Uniti u l-prezzijiet tal-applikanti mitluba fis-suq Komunitarju. Il-marġni ta’ tnaqqis huwa 25.2 % għall-Korea u 53.3 % għall-Malażja.

48. Il-qagħda ekonomika tal-industrija Komunitarja

a) Produzzjoni, kapacitá ta’ produzzjoni u kapaċità ta’ utilizzazzjoni

49. Il-produzzjoni tal-industrija Komunitarja żdied b’5 % matul il-perjodu meqjus, filwaqt li l-konsum Komunitarju żdied b’26 %.

50. TABELLA 3 - Volum ta' produzzjoni

Volum ta’ produzzjoni | 2002 | 2003 | 2004 | 2005 | 2006 | PI |

Tunnellati | 46 454 | 43 504 | 47 155 | 40 881 | 49 300 | 48 922 |

Indiċi | 100 | 94 | 102 | 88 | 106 | 105 |

Xejra S/S | 100 | -6 | 8 | -14 | 18 | -1 |

Sors: It-tweġibiet ivverifikati tal-kwestjonarju tal-industrija Komunitarja

51. Matul il-perjodu meqjus, il-kapaċità ta’ produzzjoni tal-industrija Komunitarja żdiedet b’6 %, minkejja tnaqqis żgħir fl-2003.

52. TABELLA 4 – Kapaċitá ta’ produzzjoni

Kapaċità ta' produzzjoni | 2002 | 2003 | 2004 | 2005 | 2006 | PI |

Tunnellati | 89 400 | 87 800 | 89 700 | 90 300 | 94 800 | 95 000 |

Indiċi | 100 | 98 | 100 | 101 | 106 | 106 |

Xejra S/S | 100 | -2 | 2 | 1 | 5 | 0 |

Sors: It-tweġibiet ivverifikati tal-kwestjonarju tal-industrija Komunitarja

53. Matul il-perjodu meqjus l-utilizzazzjoni tal-kapaċità naqset b’1 %.

54. TABELLA 5 – Kapaċità ta' utilizzazzjoni

Kapaċità ta' utilizzazzjoni | 2002 | 2003 | 2004 | 2005 | 2006 | PI |

% | 52 % | 50 % | 53 % | 45 % | 52 % | 51 % |

Indiċi | 100 | 95 | 101 | 87 | 100 | 99 |

Xejra S/S | 100 | -5 | 6 | -14 | 13 | -1 |

Sors: It-tweġibiet ivverifikati tal-kwestjonarju tal-industrija Komunitarja

b) Volum ta’ bejgħ u prezzijiet ta’ bejgħ

55. Il-bejgħ tal-industrija Komunitarja lill-klijenti mhux relatati fis-suq Komunitarju żdied bi 11 % bejn l-2002 u l-PI.

56. TABELLA 6 – Il-bejgħ tal-industrija Komunitarja lil partijiet mhux relatati

Il-bejgħ tal-industrija Komunitarja lil partijiet mhux relatati | 2002 | 2003 | 2004 | 2005 | 2006 | PI |

Tunnellati | 34 968 | 34 893 | 38 401 | 32 841 | 36 908 | 38 750 |

Indiċi | 100 | 100 | 110 | 94 | 106 | 111 |

Xejra S/S | 100 | -0,2 | 10 | -16 | 12 | 5 |

Sors: It-tweġibiet ivverifikati tal-kwestjonarju tal-industrija Komunitarja

57. Matul il-perjodu meqjus il-prezzijiet medji ta’ bejgħ applikati mill-industrija Komunitarja fis-suq Komunitarju żdiedu gradwalment. Iż-żieda totali bejn l-2002 u l-PI kienet ta’ 63 %. Din iż-żieda hija spjegata parzjalment miż-żieda fl-ispiża tal-materja prima ewlenija, it-tubi tal-azzar, u parzjalment minn bidla fl-ambitu ta' produzzjoni ta' żewġ produtturi Komunitarji biex jiffokaw fuq tipi speċjali aktar għaljin.

58. TABELLA 7 – Il-prezz ta’ bejgħ tal-industrija Komunitarja

Il-prezz ta’ bejgħ tal-industrija Komunitarja | 2002 | 2003 | 2004 | 2005 | 2006 | PI |

EUR/tunnellata | 1 553 | 1 652 | 1 783 | 2 133 | 2 217 | 2 528 |

Indiċi | 100 | 106 | 115 | 137 | 143 | 163 |

Xejra S/S | 100 | 6 | 8 | 23 | 5 | 20 |

Sors: It-tweġibiet ivverifikati tal-kwestjonarju tal-industrija Komunitarja

c) Is-sehem tas-suq

59. Is-sehem globali tas-suq miżmum mill-industrija Komunitarja mill-2002 sal-PI naqas b’seba’ punti perċentwali.

60. TABELLA 8 – Is-sehem tas-suq tal-bejgħ tal-industrija Komunitarja

Is-sehem tas-suq tal-bejgħ tal-industrija Komunitarja | 2002 | 2003 | 2004 | 2005 | 2006 | PI |

Perċentwali tas-suq | 60 % | 56 % | 60 % | 58 % | 56 % | 53 % |

Sors: L-EUROSTAT u t-tweġibiet ivverifikati tal-kwestjonarju tal-industrija Komunitarja

d) Tkabbir

61. Filwaqt li l-konsum tal-Komunità żdied b'26 % matul il-perjodu meqjus, il-volum ta' bejgħ tal-industrija Komunitarja fis-suq żdied bi 11 % biss u s-sehem tas-suq tal-industrija Komunitarja fis-suq naqas b’seba’ punti perċentwali. Għalhekk, ix-xejra li dejjem qed tikber fil-konsum Komunitarju ma kinitx segwita minn żieda korrispondenti fil-bejgħ tal-industrija Komunitarja.

e) Il-profittabilità u r-redditu fuq l-investimenti

62. Matul il-perjodu meqjus il-profittabilità, espressa bħala perċentwali tal-valur nett ta’ bejgħ għall-partijiet mhux relatati, żviluppat kif ġej:

63. TABELLA 9 – Profittabilità

Profittabilità | 2002 | 2003 | 2004 | 2005 | 2006 | PI |

Perċentwali tal-valur nett ta’ bejgħ | 2 % | 1 % | 4 % | 1 % | 6 % | 10 % |

Sors: It-tweġibiet verifikati tal-kwestjonarju tal-industrija Komunitarja

64. Il-profittabilità tal-industrija Komunitarja segwiet xejra pożittiva, b’konformità maż-żieda fil-prezzijiet ta’ bejgħ tal-industrija Komunitarja. Minkejja tnaqqis sinifikanti fl-2003 u fl-2005, il-profittabilità globali laħqet l-10 %. Dan kien minħabba bidla għall-produzzjoni ta’ prodotti b’valur miżjud ogħla matul il-perjodu meqjus, meta l-profitt medju li sar mill-industrija Komunitarja kien ta’ 4 %.

65. Ir-redditu mill-investimenti, espress bħala profitti/telf b’rabta mal-valur nett deprezzat tal-investimenti, segwa l-istess xejra bħall-profittabilità.

66. TABELLA 10 – Ir-redditu mill-investimenti

Ir-redditu mill-investimenti | 2002 | 2003 | 2004 | 2005 | 2006 | PI |

% | 6 % | 2 % | 11 % | 4 % | 18 % | 37 % |

Indiċi | 100 | 37 | 184 | 62 | 310 | 618 |

Xejra S/S | 100 | -63 | 147 | -122 | 248 | 309 |

Sors: It-tweġibiet verifikati tal-kwestjonarju tal-industrija Komunitarja

f) Likwidità

67. Kien hemm varjazzjonijiet konsiderevoli fil-likwidità bejn l-2002 u l-2005 u żieda drammatika fl-2006 u matul il-PI. Din iż-żieda ta’ likwidità tindika wkoll li l-industrija kienet qed tirkupra. Dan il-livell ta’ likwidità jippermetti lill-kumpaniji jerġgħu jinvestu fin-negozju tal-ATP wara perjodi baxxi.

68. TABELLA 11 – Likwidità

Likwidità | 2002 | 2003 | 2004 | 2005 | 2006 | PI |

EUR | 1 310 693 | 3 826 570 | 2 378 520 | 1 233 797 | 7 559 501 | 10040180 |

Indiċi | 100 | 292 | 181 | 94 | 577 | 766 |

Xejra S/S | 100 | 192 | -110 | -87 | 483 | 189 |

Sors: It-tweġibiet verifikati tal-kwestjonarju tal-industrija Komunitarja

g) L-investimenti u l-ħila li jinġabar kapital

69. L-industrija Komunitarja żiedet l-investimenti b’65 % matul il-perjodu meqjus. Ħafna minnhom kienu kkonċentrati fuq il-makkinarju biex iżidu l-produttività. L-ebda waħda mill-kumpaniji investigati ma semmiet xi diffikultà attwali biex tiġbor il-kapital.

70. TABELLA 12 – Investimenti

Investimenti | 2002 | 2003 | 2004 | 2005 | 2006 | PI |

EUR | 5 839 416 | 5 824 908 | 3 438 352 | 7 422 926 | 9 986 636 | 9 643 822 |

Indiċi | 100 | 100 | 59 | 127 | 171 | 165 |

Xejra S/S | 100 | -0,2 | -41 | 68 | 44 | -6 |

Sors: It-tweġibiet verifikati tal-kwestjonarju tal-industrija Komunitarja

h) Stokks

71. It-tabella hawn taħt turi li l-istokks tal-għeluq żammew kurva stabbli; madankollu, fil-perjodu meqjus hemm tnaqqis żgħir ta’ madwar 1 %.

72. TABELLA 13 – Stokks

Stokk tal-għeluq f’Volum | 2002 | 2003 | 2004 | 2005 | 2006 | PI |

Tunnellata | 7 233 | 7 115 | 7 449 | 7 206 | 7 580 | 7 190 |

Indiċi | 100 | 98 | 103 | 100 | 105 | 99 |

Xejra S/S | 100 | -2 | 5 | -3 | 5 | -5 |

Sors: It-tweġibiet verifikati tal-kwestjonarju tal-industrija Komunitarja

i) L-impjiegi, il-produttività u l-ispiża tax-xogħol

73. Wara tnaqqis ta’ 5 % fl-2003, matul il-perjodu meqjus l-għadd globali ta' ħaddiema naqas bi 2 %.

74. TABELLA 14 – Impjiegi

Impjiegi | 2002 | 2003 | 2004 | 2005 | 2006 | PI |

Numru ta' impjegati | 760 | 725 | 719 | 692 | 729 | 741 |

Indiċi | 100 | 95 | 95 | 91 | 96 | 98 |

Xejra S/S | 100 | -5 | -0,8 | -3 | 5 | 2 |

Sors: It-tweġibiet verifikati tal-kwestjonarju tal-industrija Komunitarja

75. B’konformità maż-żieda fil-produzzjoni u mat-tnaqqis fl-impjiegi, il-produttività tjiebet bi 8 % matul il-perjodu ta' investigazzjoni.

76. TABELLA 15 – Produttività

Produttività | 2002 | 2003 | 2004 | 2005 | 2006 | PI |

Tunnellati/ impjegat | 61 | 60 | 66 | 59 | 68 | 66 |

Indiċi | 100 | 98 | 107 | 97 | 111 | 108 |

Xejra S/S | 100 | -2 | 9 | -11 | 14 | -3 |

Sors: It-tweġibiet verifikati tal-kwestjonarju tal-industrija Komunitarja

77. Matul il-perjodu meqjus l-ispejjeż tax-xogħol tal-industrija Komunitarja żdiedu gradwalment. Iż-żieda totali fl-ispiża tax-xogħol għall-perjodu meqjus kienet ta’ 22 %. Iż-żieda ewlenija fl-ispejjeż tax-xogħol saret f'kumpanija li biddlet it-taħlita tal-prodott tagħha minn prodotti essenzjali għal prodotti speċjalizzati, li kienu jeħtieġu kwalifiki professjonali ogħla.

78. TABELLA 16 – Spejjeż tax-xogħol

Spejjeż tax-Xogħol/ Pagi | 2002 | 2003 | 2004 | 2005 | 2006 | PI |

EUR | 28 941 652 | 28 436 139 | 29 607 915 | 29 754 664 | 33 069 402 | 35 312 821 |

Indiċi | 100 | 98 | 102 | 103 | 114 | 122 |

Xejra S/S | 100 | -2 | 4 | 1 | 11 | 8 |

Sors: It-tweġibiet verifikati tal-kwestjonarju tal-industrija Komunitarja

79. Effett ta' fatturi oħra

a) Attività ta’ esportazzjoni tal-industrija Komunitarja

80. L-esportazzjonijiet tal-industrija Komunitarja ta’ aċċessorji ta’ tubi u pajpijiet matul il-perjodu meqjus ma kinux stabbli ħafna, filwaqt li wrew varjazzjonijiet b'saħħithom. B’mod ġenerali, il-livell ta’ esportazzjonijiet lejn pajjiżi terzi naqas bi 15 %, b’dan it-tnaqqis ikun dovut prinċipalment għar-rata tal-kambju EUR/USD mhux favorevoli.

81. TABELLA 17 – Esportazzjonijiet tal-industrija Komunitarja

L-esportazzjonijiet tal-industrija Komunitarja | 2002 | 2003 | 2004 | 2005 | 2006 | PI |

Tunnellati | 10 893 | 8 003 | 9 358 | 8 410 | 11 890 | 9 278 |

Indiċi | 100 | 73 | 86 | 77 | 109 | 85 |

Xejra S/S | 100 | -27 | 12 | -9 | 32 | -24 |

Sors: It-tweġibiet verifikati tal-kwestjonarju tal-industrija Komunitarja

b) Il-volumi u l-prezzijiet tal-importazzjoni minn pajjiżi terzi oħra

82. Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 964/2003 impona dazji anti-dumping fuq importazzjonijiet ta' ATP mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (58.6 %) u mit-Tajlandja (58.9 %). Il-miżuri huma applikabbli għall-prodott ikkonċernat li oriġina miċ-Ċina u ġie kkunsinnat minn wieħed mill-pajjiżi li ġejjin: il-Filippini, l-Indoneżja, is-Sri Lanka u t-Tajwan. Minkejja l-miżuri fis-seħħ kontra importazzjonijiet miċ-Ċina, l-esportazzjonijiet tagħhom lejn l-UE qed jiżdiedu b'mod kostanti.

83. It-total ta’ volumi ta’ importazzjoni ta’ ATP minn pajjiżi terzi għajr għall-pajjiżi kkonċernati aktar minn irdoppja matul il-perjodu meqjus, filwaqt li żdied minn 9 654 tunnellata fl-2002 għal 24 105 tunnellati fi tmiem il-PI.

84. Il-volumi ta’ importazzjoni ta’ ATP fil-Komunità minn pajjiżi għajr għall-Korea u l-Malażja żviluppaw kif ġej:

85. TABELLA 18 – L-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħra

Importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħra | 2002 | 2003 | 2004 | 2005 | 2006 | PI |

Tunnellati | 9 654 | 12 453 | 11 488 | 13 344 | 19 020 | 24 105 |

Indiċi | 100 | 129 | 119 | 138 | 197 | 250 |

Xejra S/S | 100 | 29 | -10 | 19 | 59 | 53 |

Sors: EUROSTAT

86. Is-sehem tas-suq ta’ importazzjonijiet li joriġinaw minn pajjiżi terzi għajr għall-pajjiżi kkonċernati laħaq it-33 % tal-konsum tal-UE. Dan ifisser żieda ta’ 99 % fil-perjodu meqjus minn 16 għal 33 %.

87. TABELLA 19 – Is-sehem tas-suq ta’ importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħra

Is-sehem tas-suq ta’ importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħra | 2002 | 2003 | 2004 | 2005 | 2006 | PI |

Perċentwali tas-suq | 16 % | 20 % | 18 % | 24 % | 29 % | 33 % |

Indiċi | 100 | 122 | 108 | 144 | 176 | 199 |

Xejra S/S | 100 | 22 | -14 | 36 | 32 | 23 |

Sors: L-EUROSTAT u t-tagħrif dwar is-suq mogħti mill-produtturi applikanti

88. TABELLA 20 – L-importazzjonijiet ewlenin lejn l-UE

Importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħra f’tunnellati | 2002 | 2003 | 2004 | 2005 | 2006 | PI |

Iċ-Ċina | 859 | 1428 | 1772 | 2236 | 5846 | 8339 |

It-Tajwan | 1101 | 2372 | 1894 | 2540 | 4774 | 5854 |

Il-Vjetnam | 1835 | 1214 | 767 | 694 | 1224 | 1475 |

L-Indja | 1522 | 1569 | 1537 | 1763 | 1552 | 2096 |

It-Tajlandja | 676 | 1508 | 778 | 558 | 1622 | 2334 |

c) L-irkupru mill-effetti ta' dumping

89. Kif muri mill-evoluzzjoni pożittiva tal-biċċa l-kbira tal-indikaturi elenkati hawn fuq, fis-snin 2002 sa nofs l-2007 il-qagħda ekonomika tal-industrija Komunitarja rkuprat b’mod parzjali mill-effett inġurjuż ta’ importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping li joriġinaw fiż-żewġ pajjiżi kkonċernati.

90. Il-konklużjoni dwar il-qagħda tal-industrija Komunitarja

91. Il-miżuri fis-seħħ wasslu għal irkupru parzjali tal-industrija Komunitarja sa mill-2002. L-industrija Komunitarja rnexxielha żżid il-volumi ta’ bejgħ tagħha u l-prezzijiet tagħha. L-indikaturi ta’ ħsara bħall-produzzjoni, il-kapaċità ta’ produzzjoni, il-profittabilità, l-investimenti, ir-redditu mill-investimenti u l-produttività wrew ukoll żvilupp pożittiv. Dan juri li l-industrija Komunitarja għamlet sforzi biex ittejjeb il-kompetittività tagħha. B’riżultat ta’ dan, il-bejgħ tal-industrija Komunitarja fil-Komunità kien ilu jagħmel profitt sa mill-2002.

92. Madankollu, l-industrija Komunitarja ma rnexxilhiex tieħu vantaġġ tat-tkabbir sinifikanti fil-konsum fil-Komunità u xi wħud mill-fatturi pożittivi huma wkoll ir-riżultat tal-għejbien ta’ produttur Komunitarju sinifikanti fir-Renju Unit, li l-attivitajiet tiegħu waqgħu f'idejn tnejn mill-kumpaniji li qed jappoġġjaw it-talba.

93. Madankollu wieħed jista’ jikkonkludi li l-introduzzjoni tal-miżuri kontra l-Korea u l-Malażja kellha impatt pożittiv fuq il-qagħda ekonomika tal-industrija Komunitarja.

94. Fid-dawl tal-irkupru tentattiv tal-industrija Komunitarja, il-kontinwazzjoni tal-ħsara kkawżata minn importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping ma setgħetx tiġi stabbilita. Għalhekk ġie eżaminat jekk kienx se jkun hemm rikorrenza ta' ħsara f'każ li l-miżuri jitħallew jiskadu.

F. IL-PROBABBILTÀ TA' RIKORRENZA TA' ĦSARA

95. Kif imsemmi hawn fuq, il-produtturi Koreani u Malażjani għandhom il-potenzjal li jindirizzaw mill-ġdid volumi kbar ta’ esportazzjoni lejn is-suq Komunitarju jekk il-miżuri jitħallew jiskadu. Skont it-talba, dawn il-pajjiżi jiddependu b’mod qawwi fuq is-swieq tal-esportazzjoni: 75 % għall-Korea u 84 % għall-Malażja. Barra minn hekk, jidher li swieq oħra ta' esportazzjoni, bħall-Istati Uniti u l-Ġappun, ma setgħux jassorbu l-kapaċità żejda, billi l-volumi ta' esportazzjoni lejn dawn il-pajjiżi diġà huma sinifikanti, u għalhekk dawn jiġu indirizzati lejn is-suq Komunitarju. Barra minn hekk, jidher li hemm kapaċità żejda ġenerali fis-suq Ażjatiku.

96. Fir-rigward tal-prezzijiet, instab mill-istatistika tal-Istati Uniti li l-prezzijiet tal-esportazzjoni Malażjani u Koreani lejn l-Istati Uniti kienu aktar baxxi minn dawk tal-industrija Komunitarja. Minkejja li ma setgħetx issir analiżi dettaljata minħabba l-ħafna tipi differenti ta’ prodotti, x’aktarx li dawn l-esportaturi se jallinjaw il-prezzijiet tagħhom ma’ dawk l-aktar baxxi mill-pajjiżi Ażjatiċi l-oħra biex jiksbu mill-ġdid is-sehem tagħhom tas-suq li kienu tilfu. Din l-imġiba fl-ipprezzar, kif muri min-nuqqas ta’ kooperazzjoni tagħhom flimkien mal-abilità tagħhom li jdaħħlu kwantitajiet sinifikanti tal-prodott ikkonċernat fis-suq Komunitarju, tissuġġerixxi impatt negattiv fuq l-industrija Komunitarja.

97. Barra minn hekk, wieħed għandu jżomm f’moħħu li l-industrija Komunitarja jeħtieġ li tibqa’ kompetittiva biex tipproduċi ċertu volum ta’ prodotti standard, li għalhekk huma f’kompetizzjoni diretta mal-importazzjonijiet mill-Korea u l-Malażja, biex jinħolqu ekonomiji ta’ skala.

98. Fid-dawl ta' dak li ntqal hawn fuq, huwa konkluż li jekk il-miżuri jitħallew jiskadu, dan x’aktarx jirriżulta f’rikorrenza ta’ ħsara lill-industrija Komunitarja kkawżata mill-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping.

G. L-INTERESS KOMUNITARJU

99. Daħla

100. Skont l-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku, ġie eżaminat jekk estensjoni tal-miżuri anti-dumping eżistenti tmurx kontra l-interessi tal-industrija Komunitarja kollha kemm hi. L-interess Komunitarju ġie stabbilit fuq il-bażi ta' stima tad-diversi interessi involuti kollha, jiġifieri dawk tal-industrija Komunitarja, tal-importaturi/negozjanti kif ukoll tal-utenti tal-prodott ikkonċernat. Ma waslet l-ebda sottomissjoni mill-utenti.

101. Biex tevalwa l-impatt li x’aktarx ikollha l-kontinwazzjoni jew in-nuqqas ta’ kontinwazzjoni tal-miżuri, il-Kummissjoni talbet tagħrif mill-partijiet kollha interessati msemmija hawn fuq. Il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarji tat-teħid ta' kampjuni lil 64 importatur tal-prodott ikkonċernat u rċeviet 11-il tweġiba. Il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarju lil dawn il-11-il kumpanija u rċeviet biss żewġ tweġibiet parzjali li ma jagħtu l-ebda evidenza li l-miżuri fis-seħħ kienu affettwawhom b'mod materjali. Jidher ċar li l-importaturi sabu għejun oħra ta’ forniment, kif jista' jidher mis-sehem sinifikanti tas-suq (33 %) miżmum minn pajjiżi terzi oħra, li wrew li l-kundizzjonijiet ta' kompetizzjoni fis-suq Komunitarju huma żgurati.

102. Barra minn hekk, il-fatt li l-investigazzjoni preżenti hija reviżjoni, li għalhekk qed tanalizza sitwazzjoni li fiha l-miżuri anti-dumping diġà kienu jeżistu, jippermetti stima ta’ kull impatt negattiv mhux meħtieġ fuq il-partijiet ikkonċernati bil-miżuri anti-dumping attwali.

103. Fuq din il-bażi, ġie eżaminat jekk, minkejja l-konklużjonijiet dwar il-kontinwazzjoni ta’ dumping u l-probabbiltà ta’ rikkorrenza ta’ ħsara, kinux jeżistu raġunijiet kompulsivi li jwasslu għall-konklużjoni li mhuwiex fl-interess tal-Komunità li jinżammu l-miżuri f’dan il-każ partikolari.

104. L-interessi tal-industrija Komunitarja

105. L-industrija Komunitarja wriet li hija industrija strutturalment vijabbli. Dan ġie kkonfermat mill-iżvilupp pożittiv tal-qagħda ekonomika tagħha fi żmien meta ġiet stabbilita mill-ġdid kompetizzjoni effettiva wara l-impożizzjoni tal-miżuri anti-dumping li jinsabu fis-seħħ bħalissa. Tabilħaqq, l-isforzi li saru mill-industrija Komunitarja biex tirrazzjonalizza l-produzzjoni tagħha u ssaħħaħ il-kompetittività tagħha wasslu għal profitt raġonevoli fl-aħħar sentejn tal-perjodu meqjus.

106. Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, jidher li jeħtieġ li jinżammu l-miżuri eżistenti biex jiġu evitati l-effetti negattivi tal-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping, li jistgħu jipperikolaw il-proċess ta’ rkupru tal-industrija Komunitarja u fl-aħħarnett l-eżistenza tagħha stess. Wieħed għandu jżomm f’moħħu li jekk tgħib l-industrija Komunitarja, ikun hemm ukoll impatt negattiv fuq l-industrija aktar ’l isfel fil-proċess, billi din tal-aħħar tara tnaqqis sinifikanti fl-għażla tagħha ta’ fornituri.

107. L-interessi tal-importaturi/negozjanti

108. Kif intqal hawn fuq, tnejn biss mill-64 importatur mhux relatat wieġbu l-kwestjonarju tal-Kummissjoni. Madankollu, ma esprimew l-ebda opinjoni negattiva fuq kontinwazzjoni possibbli tal-miżuri. In-nuqqas ta' kooperazzjoni huwa fih innifsu indikazzjoni li dan is-settur ma ġarrab l-ebda effett negattiv sostanzjali fuq il-qagħda ekonomika tiegħu b'riżultat tal-miżuri. Dan huwa kkonfermat mill-fatt li l-importaturi ssoktaw jinnegozjaw il-prodott ikkonċernat f’volumi sinfikanti, anki billi għollew il-volum importat matul il-perjodu meqjus.

109. Għaldaqstant ġie konkluż li l-qagħda ekonomika tal-importaturi tal-prodott ikkonċernat ma ġietx influwenzata b'mod negattiv bl-impożizzjoni tal-miżuri anti-dumping li jinsabu fis-seħħ bħalissa. Għall-istess raġunijiet, huwa wkoll improbabbli li kontinwazzjoni tal-miżuri tkun twassal għal deterjorament fil-qagħda ekonomika tagħhom fil-ġejjieni.

110. L-interessi tal-utenti

111. L-ebda utent ma introduċa ruħu fl-investigazzjoni attwali. L-utenti tal-prodott ikkonċernat huma prinċipalment l-industriji petrokimiċi u tal-bini. In-nuqqas ta’ kooperazzjoni tagħhom jidher li jikkonferma li l-aċċessorji ta’ tubi jew pajpijiet jirrappreżentaw parti żgħira ħafna tal-ispejjeż totali ta’ produzzjoni u li l-miżuri fis-seħħ ma jidhrux li kkawżaw xi telf ta’ kompetittività għalihom.

112. Ġie konkluż li ż-żamma tal-miżuri fl-istess livell ma tkun timplika l-ebda deterjorament fil-qagħda tal-utenti.

113. Konklużjoni dwar l-interess Komunitarju

114. L-investigazzjoni wriet li l-miżuri anti-dumping eżistenti ppermettew li l-industrija Komunitarja tirkupra sa ċertu punt. Jekk il-miżuri jitħallew jiskadu, dan jipperikola l-proċess ta’ rkupru u possibbilment iwassal għall-għejbien tal-industrija Komunitarja. Għaldaqstant, il-kontinwazzjoni tal-miżuri hija fl-interess tal-industrija Komunitarja.

115. Barra minn hekk, fil-passat, jidher li l-miżuri eżistenti ma kellhom l-ebda effett negattiv sinifikanti fuq il-qagħda ekonomika tal-utenti u tal-importaturi. Għaldaqstant ġie konkluż li mhemm l-ebda raġuni kompulsiva kontra l-kontinwazzjoni tal-miżuri anti-dumping eżistenti.

H. IL-MIŻURI ANTI-DUMPING

116. Il-partijiet kollha kkonċernati kienu mgħarrfa bil-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li fuq il-bażi tagħhom hemm l-intenzjoni li tiġi rrakkomandata ż-żamma tal-miżuri eżistenti. Huma ngħataw ukoll perjodu li fih setgħu jagħmlu rappreżentazzjonijiet wara l-iżvelar. Ma wasal l-ebda kumment mill-Korea; wasal kumment wieħed minn kumpanija Malażjana, iżda mhux tali li jbiddel il-konklużjonijiet ta’ hawn fuq.

117. Minn dak li ssemma hawn fuq jirriżulta li, kif previst mill-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, id-dazji anti-dumping fuq importazzjonijiet ta’ aċċessorji ta’ tubi u pajpijiet li joriġinaw mir-Repubblika tal-Korea u mill-Malażja, imposti mir-Regolament (KE) Nru 1514/2002, għandhom jinżammu.

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

118. Dazju definittiv tal-anti-dumping huwa hawnhekk impost fuq l-importazzjonijiet ta’ aċċessorji ta' tubi u pajpijiet (għajr aċċessorji fonduti, flanġijiet u aċċessorji bil-kamin), tal-ħadid jew tal-azzar (ma jinkludix l-istainless steel), bl-akbar dijametru ta’ barra li ma jaqbiżx 609.6 mm, tat-tip li jiġi użat għall-issaldjar jew xi użi oħra, li joriġinaw mir-Repubblika tal-Korea u mill-Malażja u li jaqgħu fi ħdan il-kodiċi NM ex 7307 93 11, ex 7307 93 19, ex 7307 99 30 u ex 7307 99 90 (Kodiċi TARIC 7307 93 11 91, 7307 93 11 93, 7307 93 11 94, 7307 93 11 95, 7307 93 11 99, 7307 93 19 91, 7307 93 19 93, 7307 93 19 94, 7307 9319 95, 7307 93 19 99, 7307 99 30 92, 7307 99 30 93, 7307 99 30 94, 7307 99 30 95, 7307 99 30 98, 7307 99 90 92, 7307 99 90 93, 7307 99 90 94, 7307 99 90 95, 7307 99 90 98).

119. Ir-rata tad-dazju definittiv tal-anti-dumping applikabbli għall-prezz nett u ħieles mal-fruntiera Komunitarja, qabel id-dazju, tal-prodotti deskritti fil-paragrafu 1 u manifatturati mill-kumpaniji mniżżla hawn taħt għandha tkun kif ġej:

Pajjiż | Kumpanija | Rata ta’ dazju (%) | Il-Kodiċi Addizzjonali TARIC |

Il-Malażja |

Anggerik Laksana Sdn Bhd, Selangor Darul Ehsan | 59.2 | A324 |

Il-kumpaniji l-oħra kollha | 75 | A999 |

Ir-Repubblika tal-Korea |

Il-kumpaniji kollha | 44 | - |

120. Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieћor, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet dwar id-dazji doganali li huma fis-seħħ.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea .

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u għandu japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Kunsill

Il-President [pic][pic][pic]

[1] ĠU L 56, 6.3.1996, p. 1, kif emendat l-aħħar mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2117/2005 (ĠU L 340, 23.12.2005, p. 17.)

[2] ĠU L 228, 24.08.2002, p. 1.

[3] ĠU L 139, 6.6.2003, p. 1, kif emendat l-aħħar mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1496/2004, (ĠU L 275, 25.08.2004, p. 1).

[4] ĠU L 355, 01.12.2004, p. 4.

[5] ĠU L 355, 01.12.2004, p. 9.

[6] ĠU L 116, 29.04.2006, p. 1.

[7] ĠU C 286, 23.11.2006, p. 8.

[8] ĠU C 192, 18.08.2007, p. 15.

Top