Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008PC0491

Proposta għal regolament tal-Kunsill li jestendi s-sospensjoni tad-dazju definittiv ta' l-anti-dumping li jidħol fis-seħħ bir-Regolament (KE) Nru 1420/2007 fuq l-importazzjonijiet tas-siliko-manganiż li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mill-Kazakistan

/* KUMM/2008/0491 finali */

52008PC0491




[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 29.7.2008

KUMM(2008) 491 finali

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jestendi s-sospensjoni tad-dazju definittiv ta' l-anti-dumping li jidħol fis-seħħ bir-Regolament (KE) Nru 1420/2007 fuq l-importazzjonijiet tas-siliko-manganiż li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mill-Kazakistan

(preżentata mill-Kummissjoni)

MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1) IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA |

Raġunijiet u għanijiet tal-proposta Din il-proposta tikkonċerna l-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea, kif l-aħħar emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE Nru 2117/2005 tal-21 ta’ Diċembru 2005 (‘ir-Regolament bażiku’). |

Il-kuntest ġenerali Din il-proposta hi magħmula fil-kuntest ta’ l-implimentazzjoni tar-Regolament bażiku u hija r-riżultat ta’ investigazzjoni li twettqet skond ir-rekwiżiti sostantivi u proċedurali stabbiliti fir-Regolament bażiku. |

Id-dispożizzjonijiet attwali fil-qasam tal-proposta Mhux applikabbli. |

Il-konsistenza ma' politiki u għanijiet oħra ta' l-Unjoni Mhux applikabbli. |

2) IL-KONSULTAZZJONI MA’ PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONI TA’ L-IMPATT |

Il-konsultazzjoni ma' partijiet interessati |

Il-partijiet interessati milquta mill-proċedura diġà kellhom il-possibbiltà li jiddefendu l-interessi tagħhom matul l-investigazzjoni, skond id-dispożizzjonijiet tar-Regolament bażiku. |

Il-ġbir u l-użu ta’ għarfien espert |

Ma kien hemm ebda ħtieġa għal għarfien espert estern. |

Il-Valutazzjoni ta' l-Impatt Din il-proposta hi r-riżultat ta’ l-implimentazzjoni tar-Regolament bażiku. Ir-Regolament bażiku ma jipprevedix stima ta’ l-impatt ġenerali iżda fih lista eżawrjenti ta’ kundizzjonijiet li jridu jiġu vvalutati. |

3) L-ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA |

Taqsira ta’ l-azzjoni proposta Il-miżuri dwar l-importazzjonijiet ta’ siliko-manganiż miċ-Ċina (8,2 %) u mill-Kazakistan (6,5 %) daħlu fis-seħħ fis-6 ta’ Diċembru 2007 bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1420/2007. B'riżultat ta' splużjoni temporanja fil-prezzijiet fis-suq u ta' titjib evidenti tas-sitwazzjoni ta' l-industrija Komunitarja f’terminu qasir, li seħħew wara l-PI oriġinali (minn nofs l-2006 sa nofs l-2007), il-miżuri ġew sospiżi fl-istess żmien, għal perjodu ta’ disa’ xhur, bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (2007/789/KE) li wkoll daħlet fis-seħħ fis-6 ta’ Diċembru 2007. Din id-Deċiżjoni se tiskadi fis-6 ta' Settembru 2008. B’segwitu għas-sospensjoni tad-dazji definittivi ta’ l-anti-dumping, il-Kummissjoni kompliet tissorvelja l-iżviluppi fis-suq. Ġie stabbilit li l-prezzijiet ta’ SiMn fis-suq Komunitarju komplew ikunu għoljin u li s-sitwazzjoni ta' l-industrija tal-Komunità baqgħet aħjar, u li bħalissa din ta’ l-aħħar mhux qed issirilha ħsara. Hu meqjus ukoll li mhux probabbli li l-ħsara kkawżata mill-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati terġa’ tfiġġ bħala riżultat ta’ l-estensjoni tas-sospensjoni. Għalhekk, huwa ssuġġerit li l-Kunsill jadotta l-proposta mehmuża għal Regolament. |

Il-bażi ġuridika Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea, kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2117/2005 tal-21 ta’ Diċembru 2005. |

Il-prinċipju ta’ sussidjarjetà Il-proposta taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Komunità. Il-prinċipju ta’ sussidjarjetà għalhekk ma japplikax. |

Il-prinċipju ta’ proporzjonalità Il-proposta hija konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità għar-raġunijiet li ġejjin: |

Il-forma ta’ azzjoni hi deskritta fir-Regolament bażiku msemmi hawn fuq u ma tħalli ebda ambitu għal deċiżjoni nazzjonali. |

L-indikazzjoni ta’ kif il-piż finanzjarju u amministrattiv li jaqa’ fuq il-Komunità, il-gvernijiet nazzjonali, l-awtoritajiet reġjonali u lokali, l-operaturi ekonomiċi, u ċ-ċittadini jiġi minimizzat u proporzjonali għall-għan tal-proposta mhix applikabbli. |

L-għażla ta' strumenti |

Strument propost: Regolament. |

Mezzi oħra ma jkunux adegwati għar-raġuni li ġejja: Mezzi oħrajn ma jkunux adegwati minħabba li r-Regolament bażiku ma jipprevedix għażliet oħrajn. |

4) L-IMPLIKAZZJONI BAġITARJA |

Il-proposta ma għandha ebda implikazzjoni fuq il-baġit Komunitarju. |

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jestendi s-sospensjoni tad-dazju definittiv ta' l-anti-dumping li jidħol fis-seħħ bir-Regolament (KE) Nru 1420/2007 fuq l-importazzjonijiet tas-siliko-manganiż li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mill-Kazakistan

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea[1] (‘ir-Regolament bażiku’), u b'mod partikolari l-Artikolu 14(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mressqa mill-Kummissjoni, wara li kkonsulta lill-Kumitat Konsultattiv,

Billi:

A. PROĊEDURA

(1) Il-Kunsill, bir-Regolament (KE) Nru 1420/2007[2], impona dazju definittiv ta' l-anti-dumping fuq l-importazzjonijiet tas-siliko-manganiż (inkluż il-ferro-siliko-manganiż) ('SiMn') li joriġina fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina ('RPĊ’) u l-Kazakistan, li jaqgħu fi ħdan il-kodiċijiet NM 7202 30 00 u l- ex 8111 00 11 (kodiċi TARIC 8111 00 11 10) ('il-prodott ikkonċernat'). Ir-rata ta' dazju ta' l-anti-dumping hija ta' 8,2 % u 6,5 % għall-importazzjonijiet ta’ prodotti li joriġinaw mir-RPĊ u l-Kazakistan rispettivament.

(2) Permezz tad-Deċiżjoni 2007/789/KE[3] (id-Deċiżjoni), il-Kummissjoni ssospendiet il-miżuri definittivi ta’ l-anti-dumping għal perjodu ta’ disa’ xhur, b’seħħ mis-6 ta’ Diċembru 2007.

B. RAĠUNIJIET GĦALL-ESTENSJONI TAS-SOSPENSJONI

(3) L-Artikolu 14(4) tar-Regolament bażiku jistipula li, fl-interess Komunitarju, il-miżuri ta’ l-anti-dumping jistgħu jiġu sospiżi minħabba li l-kundizzjonijiet tas-suq jkunu nbidlu temporanjament u li ma jkunx probabbli li l-ħsara terġa’ tfiġġ b’riżultat ta’ din is-sospensjoni, dejjem jekk l-industrija Komunitarja tkun ingħatat l-opportunità li tikkummenta u li dawn il-kummenti jkunu ġew ikkunsidrati. L-Artikolu 14(4) jispeċifika wkoll li s-sospensjoni tista' tiġi estiża għal perjodu li ma jeċċedix sena, ladarba l-Kunsill jiddeċiedi hekk, u billi jaġixxi fuq proposta mill-Kummissjoni. L-Artikolu 14(4) jispeċifika wkoll li l-miżuri kkonċernati jistgħu jerġgħu jiddaħħlu mill-ġdid, fi kwalunkwe ħin, jekk ir-raġuni ta' sospensjoni ma tibqax applikabbli.

(4) B’segwitu għas-sospensjoni tad-dazji definittivi ta’ l-anti-dumping, il-Kummissjoni, bi qbil mal-premessa (13) tad-Deċiżjoni, kompliet tissorvelja l-iżviluppi fis-suq, partikolarment bejn jidħol il-fluss ta’ l-importazzjonijiet u l-prezzijiet tas-SiMn. Barra minn din l-analiżi ta' l-importazzjonijiet, intbagħat ukoll kwestjonarju lill-produtturi Komunitarji li kkooperaw, fejn intalbet dejta ta’ kull xahar dwar il-produzzjoni, il-bejgħ fil-volum u l-valur fis-suq Komunitarju kif ukoll dwar il-profittabbiltà għall-aħħar tliet xhur ta’ l-2007 u l-ewwel tliet xhur ta’ l-2008.

(5) Fuq il-bażi ta’ l-informazzjoni miġbura, kien stabbilit li l-prezzijiet tas-suq tas-SiMn fis-suq Komunitaju komplew ikunu relattivament għoljin u kienu ferm ogħla milli kienu waqt il-perjodu ta’ investigazzjoni oriġinali (mill-1 ta’ Lulju 2005 sat-30 ta' Ġunju 2006). Żieda kontinwa tista’ tiġi osservata bejn is-seba' u d-disa' xahar ta' l-2006, bil-medja tal-prezz tkun dik ta' EUR 622/MT, b'medja ta' EUR 1 051/MT bejn is-seba' u d-disa' xahar ta’ l-2007, u b’medja ta’ EUR 1 189/MT fl-ewwel tliet xhur tas-sena 2008. Dawn it-tendenzi kienu osservati wkoll għal importazzjonijiet tas-SiMn lejn il-Komunità.

(6) Fejn jidħlu l-importazzjonijiet, bejn il-perjodu investigat għad-Deċiżjoni li ssospendiet il-miżuri (mill-1 ta’Ottubru 2006 sat-30 ta’ Settembru 2007) (il-“PI tad-Deċiżjoni”) u l-perjodu mill-1 ta’ Marzu 2007 sad-29 ta' Frar 2008 ("il-Perjodu ta' Sorveljanza"), is-sehem tas-suq ta' l-importazzjoni tas-SiMn li joriġina mir-RPĊ u mill-Kazakistan żdied biss marġinalment b’0,2 punti perċentwali għal 10 % tal-konsum globali fil-Komunità u baqa’ taħt is-sehem tas-suq rispettiv tagħhom waqt il-perjodu ta’ investigazzjoni oriġinali (10,4%). Il-konsum fil-KE baqa’ stabbli, madwar 20 % ogħla milli tul il-perjodu ta’ investigazzjoni oriġinali.

(7) Fejn tidħol l-industrija Komunitarja, is-sitwazzjoni baqgħet aħjar meta mqabbla mal-perjodu ta' investigazzjoni oriġinali (mill-1 ta’ Lulju 2005) sat-30 ta’ Ġunju 2006). Kif imsemmi fil-premessa (8) tad-Deċiżjoni, bejn il-perjodu ta' investigazzjoni oriġinali u l-perjodu mill-1 ta' Ottubru 2006 sat-30 ta' Settembru 2007, il-volumi ta' bejgħ u produzzjoni żdiedu bi 15 % u 19 % rispettivament u l-profittabbiltà ta' l-industrija Komunitarja laħqet it-42 % bejn is-seba’ u d-disa’ xahar tas-sena 2007. L-informazzjoni l-ġdida li nġabret uriet li bejn il-PI tad-Deċiżjoni u l-Perjodu ta’ Sorveljanza, il-bejgħ ta’ l-industrija Komunitarja reġa’ żdied b’9 % u s-sehem tagħhom tas-suq żdied b’25,4 %. B’riżultat tal-livelli għoljin ta’ prezzijiet tas-SiMn, li ma qatgħu xejn, fis-suq ta’ l-UE, il-profittabbiltà ta’ l-industrija Komunitarja baqgħet straodinarja, anki jekk waqgħet xi ftit fl-ewwl tliet xhur tas-sena 2008 għal 36 %, hekk li xorta baqgħet taqbeż b’mod sostanzjali l-5 % tal-livell ta’ profitt stabbilit bħala xieraq mill-investigazzjoni oriġinali.

(8) Kif jidher fil-premessi (157) sa (163) tar-Regolament (KE) Nru 1420/2007 u kif imsemmi fil-premessa (9) tad-Deċiżjoni, l-impożizzjoni tal-miżuri kkonċernati kienet mistennija li jkollha xi effetti negattivi għall-utenti, għalkemm limitati, fil-forma ta' żidiet fl-ispejjeż li ġejjin mill-ħtieġa possibbli ta' arranġamenti għal provvisti ġodda jew alternattivi. Meta titqies il-bidla temporanja fil-kundizzjonijiet tas-suq u li bħala konsegwenza l-industrija Komunitarja bħalissa mhix qiegħda ġġarrab ħsara, kull effett negattiv fuq l-utenti jista' jkompli jiġi eliminat billi tiġi estiża s-sospensjoni tal-miżuri. Għaldaqstant, wieħed jista’ jikkonkludi li l-estensjoni tas-sospensjoni hija fl-interess ġenerali tal-Komunità.

C. KONSULTAZZJONI MA’ L-INDUSTRIJA TAL-KOMUNITÀ

(9) Skond l-Artikolu 14(4) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni infurmat lill-industrija Komunitarja dwar l-intenzjoni tagħha li testendi s-sospensjoni tal-miżuri ta’ l-anti-dumping in kwistjoni. L-industrija Komunitarja ngħatat opportunità li tikkummenta u ma oġġezzjonatx għas-sospensjoni tal-miżuri ta’ l-anti-dumping.

D. KONKLUŻJONI

(10) Minn dak li jidher hawn fuq, wieħed iqis li, sostanzjalment, is-suq jinsab f’sitwazzjoni simili bħal meta l-miżuri kienu sospiżi. Tabilħaqq, meta titqies il-bidla temporanja fil-kundizzjonijiet tas-suq, u partikolarment il-livell għoli ta' prezzijiet tas-SiMn li hemm fis-suq Komunitarju, li huwa wisq ogħla mil-livell ta' prezz dannuż li nstab fl-investigazzjoni oriġinali, wieħed iqis li mhux probabbli li l-ħsara marbuta ma' l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat li joriġina mir-RPĊ u mill-Kazakistan terġa’ tibda b’riżultat ta’ l-estensjoni tas-sospensjoni.

(11) Fid-dawl tar-rivelazzjonijiet li ssemmew, huwa għalhekk suġġerit li s-sospensjoni tal-miżuri ta' l-anti-dumping fuq l-importazzjonijiet tas-siliko-manganiż (inkluż il-ferro-siliko-manganiż) terġa’ tiġi estiża għal sena skond l-Artikolu 14(4) tar-Regolament bażiku.

(12) Il-Kummissjoni se tkompli tissorvelja l-iżvilupp ta' l-importazzjoni u l-prezzijiet tal-prodott ikkonċernat. Jekk f’xi ħin tinħoloq sitwazzjoni fejn jerġa’ jkun hemm żieda fil-volumi bi prezzijiet iddampjati tal-prodott ikkonċernat mir-RPĊ u mill-Kazakistan u li, konsegwentement, tikkawża ħsara lill-industrija Komunitarja, il-Kummissjoni tieħu l-passi meħtieġa biex iddaħħal mill-ġdid id-dazju ta’ l-anti-dumping, filwaqt li tqis ir-regoli sostantivi li jirregolaw stima tad-danni. Jekk ikun xieraq, tista’ titnieda reviżjoni interim skond l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Is-sospensjoni tad-dazju definittiv ta’ l-anti-dumping li kien impost bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/789/KE hija b’dan estiża sas-6 ta' Settembru 2009.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea .

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u hu applikabbli direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmula fi Brussell,

Għall-Kunsill

Il-President

[1] ĠU L 56, 6.3.1996, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2117/2005 (ĠU L 340, 23.12.2005, p. 17).

[2] ĠU L 317, 5.12.2007, p. 5.

[3] ĠU L 317, 5.12.2007, p. 79.

Top