Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008PC0211

    Proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/66/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar batteriji u akkumulaturi u skart ta' batteriji u akkumulaturi fir-rigward ta' l-Artikolu 6(2) dwar it-tqegħid fis-suq ta’ batteriji u akkumulaturi

    /* KUMM/2008/0211 finali - COD 2008/0081 */

    52008PC0211

    Proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/66/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar batteriji u akkumulaturi u skart ta' batteriji u akkumulaturi fir-rigward ta' l-Artikolu 6(2) dwar it-tqegħid fis-suq ta’ batteriji u akkumulaturi /* KUMM/2008/0211 finali - COD 2008/0081 */


    [pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

    Brussel 16.4.2008

    KUMM(2008) 211 finali

    2008/0081 (COD)

    Proposta għal

    DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    li temenda d-Direttiva 2006/66/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar batteriji u akkumulaturi u skart ta' batteriji u akkumulaturi fir-rigward ta' l-Artikolu 6(2) dwar it-tqegħid fis-suq ta’ batteriji u akkumulaturi

    (preżentata mill-Kummissjoni)

    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1) Il-kuntest tal-proposta

    - Ir-raġunijiet u l-għanijiet tal-proposta

    L-għan ta’ din il-proposta huwa li jiċċara l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2006/66/KE.

    - Il-kuntest ġenerali

    L-Artikolu 6(2) jistipula li batteriji u akkumulaturi li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti tad-Direttiva 2006/66/KE ma għandhomx jitqiegħdu fis-suq jew għandhom jiġu rtirati minnu. Din id-dispożizzjoni tista’ tinftiehem li titlob li l-batteriji li jkunu tqiegħdu b’mod legali fis-suq qabel is-26 ta’ Settembru 2008, li jkunu għadhom fis-suq wara din id-data, u li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva, għandhom jiġu rtirati mis-suq ukoll.

    Jekk id-dispożizzjoni tad-Direttiva tiġi interpretata f’dan is-sens, dan ifisser li kwantità konsiderevoli ta’ batteriji li tqiegħdu b’mod legali fis-suq isiru skart qabel iż-żmien. Dan imur kontra l-prinċipju tal-minimizzazzjoni ta’ l-iskart. Dan jista’ jwassal ukoll biex ċertu tagħmir isir skart qabel iż-żmien. L-irtirar ta’ dawn il-batteriji mis-suq jew li jsiru konformi mad-Direttiva jista’ wkoll joħloq piż amministrattiv akbar kemm fuq l-Istati Membri kif ukoll fuq l-industrija. Jekk l-Artikolu 6(2) jibqa’ ma jinbidilx, il-batteriji li għadhom fis-suq u li mhumiex ittikkettjati bis-simbolu grafiku li jindika li huma skart u bis-simboli kimiċi jkollhom jiġu ttikkettjati jew irtirati mis-suq. Dan jimplika wkoll l-irtirar mis-suq ta' batteriji speċifiċi li jistgħu jinġarru u li jkollhom kontenut ta’ kadmju ogħla minn dak permess mill-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/66/KE, u ta’ tagħmir li ma jissodisfax ir-rekwiżit li jkollu batteriji li jinqalgħu, kif stipulat fl-Artikolu 11 ta’ din id-Direttiva.

    Il-kontenut ta’ l-Artikolu 6(2) diġà kien inkluż fil-proposta oriġinali tal-Kummissjoni[1] għad-Direttiva 2006/66/KE. L-intenzjoni tal-Kummissjoni ma kinetx li wara s-26 ta’ Settembru 2008 jiġu rtirati mis-suq dawk il-batteriji li jkunu tqiegħdu b’mod legali fis-suq qabel din id-data. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tipproponi li tiġi ċċarata din id-dispożizzjoni u b’hekk tingħata ċ-ċertezza legali f’dan l-ambitu sabiex ma jinqalgħux diverġenzi bejn is-sistemi legali ta’ l-Istati Membri li jwasslu għal problemi ta’ rikonoxximent reċiproku u ta’ diżordni fis-suq intern. Peress li din il-kjarifika għandha ssir qabel is-26 ta’ Settembru 2008, din il-proposta titqies bħala “azzjoni ta’ proċedura rapida” biex tnaqqas il-piż amministrattiv imsemmi hawn fuq.

    - Dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam tal-proposta

    Din il-proposta għandha l-għan li timmodifika l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2006/66/KE.

    - Konsistenza ma’ politiki u ma’ għanijiet oħra ta’ l-Unjoni

    Il-proposta hija meqjusa bħala azzjoni ta’ proċedura rapida skond il-“Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ta’ l-2008 dwar l-Azzjonijiet ta’ Proċedura Rapida biex jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi fl-Unjoni Ewropea”. [2]

    Il-proposta hija konsistenti mal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Navvanzaw l-użu sostenibbli tar-riżorsi: Strateġija Tematika dwar il-prevenzjoni u r-riċiklaġġ ta’ l-iskart"[3], fejn wieħed mill-għanijiet prinċipali huwa l-prevenzjoni ta’ l-iskart biex tiżdied l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi.

    2) Il-konsultazzjoni mal-partijiet interessati u l-valutazzjoni ta’ l-impatt

    - Il-konsultazzjoni mal-partijiet interessati

    Il-partijiet interessati ma ġewx ikkonsultati b'mod formali, minħabba l-urġenza tal-proposta u għaliex din il-proposta hija maħsuba biss biex tiċċara dispożizzjoni waħda tad-Direttiva 2006/66/KE.

    - Il-ġbir u l-użu ta' għarfien espert

    Ma kien hemm l-ebda ħtieġa ta’ għarfien espert estern.

    - Il-valutazzjoni ta’ l-impatt

    Għal din il-proposta, ma nħassitx il-ħtieġa għal tħejjija ta’ valutazzjoni ta’ l-impatt sħiħa, peress li l-proposta tiċċara biss dispożizzjoni waħda tad-Direttiva 2006/66/KE biex tagħti ċertezza legali dwar din il-miżura. Diġà saret valutazzjoni ta’ l-impatt bħala tħejjija għad-Direttiva 2006/66/KE[4] dwar il-batteriji.

    Jekk il-batteriji li jkunu tqiegħdu b’mod legali fis-suq qabel is-26 ta’ Settembru 2008 jkollhom jiġu rtirati mis-suq wara din id-data minħabba nuqqas ta’ konformità mad-Direttiva 2006/66/KE, dan iħalli impatt negattiv fuq l-ambjent, minħabba l-iskart addizzjonali li jinħoloq, flimkien mar-riżorsi ġodda u t-trasport addizzjonali li jsiru meħtieġa. L-ittikkettjar mill-ġdid u l-irtirar tal-batteriji mis-suq iħallu effett negattiv fuq l-ekonomija minħabba l-piż amministrattiv li joħolqu.

    Pereżempju, xi stimi jindikaw li jekk jitqiesu biss batteriji primarji li mhumiex konformi mar-rekwiżiti ta’ l-ittikkettjar u li jkollhom jiġu rtirati mis-suq, dawn waħidhom jiġġeneraw 123000 tunnellata ta’ skart qabel iż-żmien, fuq il-livell ta’ l-UE. L-istimi jindikaw li l-ittikkettjar mill-ġdid ta’ parti waħda biss mill-batteriji fl-UE li jistgħu jiġu ċċarġjati mill-ġdid, batteriji li jintużaw fil-laptops, għodda mħaddma bl-enerġija mingħajr fil u mowbajls, biex isiru konformi mar-rekwiżiti ta’ l-ittikkettjar tad-Direttiva 2006/66/KE jiswa 400 miljun ewro[5].

    Il-miżura proposta ma taffettwax ħażin l-għan ta' protezzjoni ta’ l-ambjent tad-Direttiva 2006/66/KE, peress li kull ma tagħmel hu li tiċċara l-intenzjoni oriġinali tagħha.

    3) L-elementi ġuridiċi tal-proposta

    - Sommarju ta’ l-azzjoni proposta

    Din il-proposta tiċċara l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2006/66/KE. Tiċċara li wara s-26 ta’ Settembru 2008, dawk il-batteriji li ma jkunux konformi mad-Direttiva 2006/66/KE ma għandhomx jitqiegħdu fis-suq. Jekk jitqiegħdu fis-suq wara din id-data, ikollhom jiġu rtirati mis-suq. B’hekk, il-proposta tiċċara li l-batteriji li jitqiegħdu b'mod legali fis-suq qabel is-26 ta' Settembru 2008 u li jkunu fis-suq wara din id-data iżda s’issa għadhom mhumiex konformi mad-Direttiva 2006/66/KE, ma għandhomx għalfejn jiġu rtirati mis-suq jew ittikkettjati mill-ġdid wara din id-data. Permezz tal-kjarifika ta’ din id-dispożizzjoni, il-proposta tagħti ċertezza legali dwar din il-kwistjoni.

    - Bażi ġuridika

    Il-proposta hija bbażata fuq l-Artikolu 95 tat-Trattat tal-KE, peress li l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2006/66/KE huwa bbażat fuq dan l-Artikolu.

    - Il-prinċipju tas-sussidjarjetà

    Il-prinċipju tas-sussidjaretà japplika sakemm il-proposta ma taqax taħt il-kompetenza esklussiva tal-Komunità. L-għan ta’ l-azzjoni proposta ma jistax jintlaħaq sew mill-Istati Membri, minħabba li huma meħtieġa sforzi armonizzati biex jiġi żgurat il-funzjonament bla xkiel tas-suq intern.

    - Il-prinċipju tal-proporzjonalità

    L-azzjoni proposta ma tmurx lil hinn min-neċessarju, peress li tillimita ruħha biss għall-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2006/66/KE. Għalhekk, il-proposta tirrispetta l-prinċipju tal-proporzjonalità.

    - L-għażla ta’ l-istrumenti

    Peress li l-proposta tindirizza l-modifika ta’ Artikolu ta’ Direttiva, l-istrument magħżul huwa Direttiva wkoll.

    4) L-implikazzjonijiet għall-baġit

    Il-proposta m’għandha l-ebda implikazzjoni għall-baġit Komunitarju.

    5) Informazzjoni addizzjonali

    - Simplifikazzjoni

    Din il-proposta tiċċara u tissimplifika l-proċeduri amministrattivi kemm għall-awtoritajiet pubbliċi kif ukoll għall-industrija. Tnaqqas il-piż amministrattiv meħtieġ għall-ittikkettjar mill-ġdid, bis-simbolu grafiku li jindika li huma skart u bis-simboli kimiċi, ta’ batteriji li jitqiegħdu b’mod legali fis-suq qabel is-26 ta’ Settembru 2008 u li jkunu għadhom fis-suq wara din id-data. Għall-awtoritajiet pubbliċi, din il-proposta tissimplifika l-infurzar tad-Direttiva dwar il-batteriji.

    - Iż-Żona Ekonomika Ewropea

    Il-proposta tikkonċerna kwistjoni taż-ŻEE u għalhekk għandha tkun estiża għaż-Żona Ekonomika Ewropea.

    2008/0081 (COD)

    Proposta għal

    DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    li temenda d-Direttiva 2006/66/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar batteriji u akkumulaturi u skart ta' batteriji u akkumulaturi fir-rigward ta' l-Artikolu 6(2) dwar it-tqegħid fis-suq ta’ batteriji u akkumulaturi

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 95 (1) tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni[6],

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[7],

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni[8],

    Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stipulata fl-Artikolu 251 tat-Trattat[9]

    Billi:

    (1) L-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2006/66/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[10] jeħtieġ li jiġi ċċarat sabiex il-batteriji u l-akkumulaturi li jitqiegħdu b’mod legali fis-suq fi kwalunkwe parti tal-Komunità qabel is-26 ta’ Settembru 2008 u li mhumiex konformi mad-Direttiva 2006/66/KE jkunu jistgħu jibqgħu fis-suq Komunitarju wara din id-data. Din il-kjarifika tagħti ċ-ċertezza legali fir-rigward ta’ batteriji li jkunu tqiegħdu fis-suq fi Stati Membri ta' l-UE u tiżgura l-funzjonament bla xkiel tas-suq intern. Il-kjarifika hija konsistenti mal-prinċipju tal-minimizzazzjoni ta’ l-iskart u għandha tnaqqas il-piż amministrattiv.

    (2) Id-Direttiva 2006/66/KE għalhekk għandha tiġi emendata skond dan.

    ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

    Artikolu 1

    Emenda għad-Direttiva 2006/66/KE

    L-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2006/66/KE jinbidel b’dan li ġej:

    "2. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li, wara s-26 ta’ Settembru 2008, ma jitqiegħdux fis-suq batteriji jew akkumulaturi li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti ta' din id-Direttiva.

    Jekk batteriji u akkumulaturi li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti ta' din id-Direttiva jitqiegħdu fis-suq wara din id-data għandhom jiġu rtirati."

    Artikolu 2 Traspożizzjoni

    1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jiġu konformi ma' din id-Direttiva sas-26 ta' Settembru 2008. Għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet u t-tabella ta’ korrelazzjoni bejn dawk id-dispożizzjonijiet u din id-Direttiva.

    Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom ikollhom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b’tali referenza dakinhar tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kif għandha ssir it-tali referenza.

    2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert b’din id-Direttiva.

    Artikolu 3

    Dħul fis-seħħ

    Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil- Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea .

    Artikolu 4

    Destinatarji

    Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Brussell,

    Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill

    Il-President Il-President

    [1] COM(2003) 723 finali

    [2] COM(2008)141

    [3] COM(2005) 666 finali

    [4] COM(2003) 723 finali

    [5] Dejta: Dokument ta’ pożizzjoni ta’ l-industrija (Recharge, Eicta, EPBA, EPTA AeA) tas-7 ta’ Marzu 2008 dwar il-Konformità mad-Direttiva 2006/66/KE dwar il-batteriji

    [6] ĠU C , , p. .

    [7] ĠU C , , p. .

    [8] ĠU C , , p. .

    [9] ĠU C , , p. .

    [10] ĠU L 266, 26.09.2006, p. 1. Direttiva kif emendata bid-Direttiva 2008/12/KE (ĠU L 76, 19.03.2008, p. 39).

    Top