EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008IP0521

Miżuri ta' sigurtà tal-avjazzjoni u body scannersRiżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' Ottubru 2008 dwar l-impatt tal-miżuri ta' sigurtà tal-avjazzjoni u body scanners fuq id-drittijiet tal-bniedem, il-privatezza, id-dinjità umana u l-protezzjoni tad-dejt

ĠU C 15E, 21.1.2010, p. 71–72 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

21.1.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 15/71


Il-Ħamis, 23 ta' Ottubru 2008
Miżuri ta' sigurtà tal-avjazzjoni u body scanners

P6_TA(2008)0521

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' Ottubru 2008 dwar l-impatt tal-miżuri ta' sigurtà tal-avjazzjoni u body scanners fuq id-drittijiet tal-bniedem, il-privatezza, id-dinjità umana u l-protezzjoni tad-dejta

2010/C 15 E/14

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (ECHR), il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, l-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, l-Artikolu 80(2) tat-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea, u r-Regolament (KE) Nru 300/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2008 dwar ir-regoli komuni fil-qasam tas-sigurtà tal avjazzjoni ċivili (1),

wara li kkunsidra l-Artikolu 108(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi l-Kummissjoni pproponiet abbozz ta' regolament tal-Kummissjoni li jissuplimenta l-istandards bażiċi komuni dwar is-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili, li jinkludi fost il-metodi permessi għal screening ta' passiġġieri fl-ajruporti tal-UE “body scanners”, i.e. magni li jipproduċu immaġini skenjata ta' persuni daqs li kieku kienu għarwenin, ekwivalenti għal tiftixa virtwali fuq persuna għarwiena,

B.

billi l-body scanners jistgħu jkunu waħda mis-soluzzjonijiet tekniċi mitluba biex jinżamm livell għoli ta' sigurtà fl-ajruporti Ewropej,

C.

billi qafas Ewropew biex jiggarantixxi d-drittijiet tal-passiġġieri Ewropej, fil-każ li jibdew jintużaw il-body scanners, hu essenzjali biex ikun evitat li kull ajruport japplika regolamenti differenti,

D.

billi dak l-abbozz ta' miżura, li żgur mhijiex biss teknika, għandha impatt serju fuq id-dritt tal-privatezza, id-dritt għall-protezzjoni tad-dejta u d-dritt għad-dinjità tal-persuna, u għalhekk teħtieġ li tkun akkumpanjata minn salvagwardji b'saħħithom u adegwati,

E.

billi l-abbozz ta' miżura ma kenitx akkumpanjata minn evalwazzjoni tal-impatt tal-Kummissjoni marbuta mad-drittijiet fundamentali kif mitlub mill-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta' April 2005 dwar il-konformità tal-proposti leġiżlattivi tal-Kummissjoni mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (COM(2005)0172); billi l-Kummissjoni ma kkonsultatx la lill-Kontrollur tal-Protezzjoni tad-Dejta Ewropew (EDPS) kif mitlub mill-Artikolu 28(2) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u korpi Komunitarji u dwar il-moviment ħieles ta' tali data (2), u lanqas lill-Grupp ta' Ħidma tal-Artikolu 29, jew l-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali (FRA), u billi ma sar l-ebda stħarriġ dwar l-impatt possibbli fuq is-saħħa tal-passiġġieri minn magni bħal dawn,

F.

billi, għar-raġunijiet imsemmija hawn fuq, jidħlu dubji fir-rigward tal-ġustifikazzjoni għal din il-miżura kif ukoll il-proporzjonalità u l-ħtieġa tagħha f'soċjetà demokratika,

G.

billi l-abbozz ta' din il-miżura dwar metodi ta' screening ta' passiġġieri, eżaminata permezz tal-proċedura regolatorja bi skrutinju (komitoloġija) se tkun segwita minn miżuri implimentattivi dwar rekwiżiti u proċeduri għal screening li se jkunu deċiżi permezz ta' proċeduri li taħthom il-Parlament ma għandu kważi l-ebda setgħa,

H.

billi ma sar l-ebda dibattitu wiesa', trasparenti u miftuħ li jinvolvi passiġġieri, persuni interessati u istituzzjonijiet f'livell ta' UE jew dak nazzjonali dwar dik li hi kwistjoni estremament delikata li taffettwa d-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini,

I.

billi hemm bżonn li tiġi żgurata s-sigurtà effettiva fis-settur tal-avjazzjoni,

J.

billi d-deċiżjoni tal-Kummissjoni biex gradwalment tneħħi l-projbizzjoni tal-likwidi sa mhux aktar tard minn April 2010 hija pass pożittiv 'il quddiem,

1.

Iqis li l-kundizzjonijiet għat-teħid ta' deċiżjoni għadhom ma ntlaħqux, minħabba li għad hemm informazzjoni essenzjali nieqsa, u jistaqsi lill-Kummissjoni, qabel l-iskadenza ta' tliet xhur, sabiex:

tagħmel evalwazzjoni tal-impatt dwar id-drittijiet fundamentali;

tikkonsulta mal-EDPS, mal-Artikolu 29 tal-Grupp ta' Ħidma u mal-FRA;

tagħmel evalwazzjoni xjentifika u medika tal-impatt possibbli ta' dawn it-teknoloġiji fuq is-saħħa;

tagħmel evalwazzjoni tal-impatt ekonomiku, kummerċjali u tal-benefiċċju meta mqabbel mal-ispejjeż;

2.

Jemmen li dan l-abbozz ta' miżura jista' jeċċedi s-setgħat implimentattivi previsti fl-istrument bażiku, minħabba li l-miżuri in kwistjoni ma jistgħux ikunu kkunsidrati sempliċement bħala miżuri tekniċi fir-rigward tas-sigurtà tal-avjazzjoni, imma għandhom impatt serju fuq id-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini;

3.

Iqis, f'dan ir-rigward, li l-miżuri kollha ta' sigurtà tal-avjazzjoni, kif ukoll l-użu ta' body scanners, għandhom jirrispettaw il-prinċipju ta' proporzjonalità kif ġustifikati u meħtieġa f'soċjetà demokratika, u għalhekk jitlob lill-EDPS, lill-Grupp ta' Ħidma tal-Artikolu 29 u lill-FRA, bħala kwistjoni ta' urġenza, li mingħajr telf ta' żmien jagħtu opinjoni dwar il-body scanners sal-bidu ta' Novembru 2008;

4.

Iżomm id-dritt li jivverifika mas-servizzi legali tal-UE dwar il-kompatibilità ta' dawn il-miżuri mad-drittijiet tal-bniedem u mal-libertajiet fundamentali, u li jieħu l-miżuri ta' segwitu meħtieġa;

5.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.


(1)  ĠU L 97, 9.4.2008, p. 72.

(2)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.


Top