Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008IP0424

    Allinjament ta' atti legali mad-Deċiżjoni l-ġdida dwar il-Komitoloġija Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat- 23 ta' Settembru 2008 li tinkludi rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar l-allinjament ta' atti legali mad-Deċiżjoni l-ġdida dwar il-Komitoloġija (2008/2096(INI))
    ANNESS GĦAR-RIŻOLUZZJONI: RAKKOMANDAZZJONIJIET DETTALJATI DWAR IL-KONTENUT TAL-PROPOSTA MITLUBA

    ĠU C 8E, 14.1.2010, p. 22–25 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    14.1.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    CE 8/22


    It-Tlieta, 23 ta' Settembru 2008
    Allinjament ta' atti legali mad-Deċiżjoni l-ġdida dwar il-Komitoloġija

    P6_TA(2008)0424

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' Settembru 2008 li tinkludi rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar l-allinjament ta' atti legali mad-Deċiżjoni l-ġdida dwar il-Komitoloġija ((2008/2096(INI))

    2010/C 8 E/05

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni (1), kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/512/KE (2) (minn issa 'l quddiem imsejħa t-tnejn bħala d-Deċiżjoni dwar il-Komitoloġija'),

    wara li kkunsidra l-Istqarrija tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar id-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-17 ta' Lulju 2006 li temenda d-Deċiżjoni 1999/468/KE li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni (2006/512/KE) (3),

    wara li kkunsidra l-Ftehima bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni dwar il-proċeduri għall-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni, kif emendata bid-Deċiżjoni 2006/512/KE (4),

    wara li kkunsidra l-Artikolu 192, it-tieni subparagrafu, u l-Artikolu 202 tat-Trattat KE,

    wara li kkunsidra l-Artikoli 290 u 291 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tiegħu tat-8 ta' Mejju 2008 dwar il-konklużjoni ta' ftehima interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni dwar il-proċeduri għall-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni, kif emendata bid-Deċiżjoni 2006/512/KE (5),

    wara li kkunsidra l-Artikoli 39 u 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A6-0345/2008),

    A.

    billi qed ikun hemm dejjem iżjed bżonn, għall-kwalità tal-leġiżlazzjoni, li jiġu ddelegati lill-Kummissjoni l-iżvilupp tal-aspetti mhux essenzjali u aktar tekniċi tal-leġiżlazzjoni u anke l-aġġustament immedjat tagħha biex jitqiesu l-progress teknoloġiku u l-bidla ekonomika; billi delegazzjoni ta' setgħat ta' dan it-tip trid tkun iffaċilitata billi lill-leġiżlatur jingħatawlu l-mezzi istituzzjonali biex jiskrutina l-eżerċitar ta' setgħat ta' dan it-tip,

    B.

    billi s'issa l-leġiżlatur tal-Unjoni ma kellu l-ebda għażla ħlief li juża l-Artikolu 202 tat-Trattat KE sabiex iwettaq delegazzjoni ta' dan it-tip; billi r-rikors li sar għal dik id-dispożizzjoni ma kienx sodisfaċenti għax tirreferi għas-setgħat ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni u għall-proċeduri ta' skrutinju li għalihom huma suġġetti setgħat ta' dan it-tip, peress li dawn il-proċeduri ġew deċiżi mill-Kunsill permezz ta' votazzjoni b'unanimità wara sempliċi konsultazzjoni tal-Parlament; billi dawn il-proċeduri ta' skrutinju huma essenzjalment ibbażati fuq l-azzjoni ta' kumitati magħmula minn uffiċjali tal-gvernijiet tal-Istati Membri, u l-Parlament Ewropew kien eskluż mill-proċeduri kollha bħal dawn sakemm ġiet adottata d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-28 ta' Ġunju 1999, kif emendata bid-Deċiżjoni 2006/512/KE,

    C.

    billi l-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni dwar il-Komitoloġija jintroduċi miżuri fejn strument legali bażiku adottat permezz ta' kodeċiżjoni jipprevedi miżuri b'qasam ta' applikazzjoni ġenerali mfasslin biex jiġu emendati l-elementi ta' dak l-istrument li ma jkunux essenzjali, inter alia, billi jitħassru wħud minn dawk l-elementi jew billi l-istrument jiġi ssupplimentat b'elementi ġodda li ma jkunux essenzjali; billi hija r-responsabilità tal-leġiżlatur tal-Unjoni biex jiddefinixxi, għal kull każ individwali, l-elementi essenzjali ta' kull att leġiżlattiv li jistgħu jiġu emendati biss permezz ta' proċedura leġiżlattiva,

    D.

    billi, permezz tad-Deċiżjoni dwar il-Komitoloġija, il-miżuri magħrufa bħala “kważi leġiżlattivi” saru suġġetti għal proċedura regolatorja bi skrutinju skond liema l-Parlament Ewropew hu kompletament assoċjat mal-kontroll ta' miżuri ta' dan it-tip u jista' jopponi l-abbozzi ta' miżuri proposti mill-Kummissjoni li jmorru lil hinn mis-setgħat ta' implimentazzjoni previsti fl-istrument bażiku jew abbozz li ma jkunx kumpatibbli mal-għan jew mal-kontenut tal-istrument bażiku jew ma jirrispettax il-prinċipji ta' sussidjarjetà jew ta' proporzjonalità,

    E.

    billi l-proċedura l-ġdida tiggarantixxi kontroll demokratiku ta' miżuri ta' implimentazzjoni meta jkunu kważi leġiżlattivi fin-natura tagħhom peress li tqiegħed liż-żewġ koleġiżlaturi, il-Parlament u l-Kunsill, f'livell ugwali, u b'hekk iġġib fi tmiemu wieħed mill-aktar aspetti serji tad-defisit demokratiku fl-Unjoni; billi d-Deċiżjoni dwar il-Komitoloġija tippermetti li l-aspetti l-aktar tekniċi tal-leġiżlazzjoni u l-aġġustament tagħha jiġu ddelegati lill-Kummissjoni, biex b'hekk jiġi żgurat li l-leġiżlatur jikkonċentra fuq l-aspetti essenzjali u fuq it-titjib tal-kwalità tal-liġi Komunitarja,

    F.

    billi l-proċedura regolatorja bi skrutinju l-ġdida mhijiex fakultattiva imma obbligatorja meta l-miżuri ta' implimentazzjoni jkollhom il-karatteristiċi speċifikati fl-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni dwar il-Komitoloġija,

    G.

    billi l-allinjament attwali tal-acquis mad-Deċiżjoni dwar il-Komitoloġija għadu mhux lest peress li għad hemm strumenti legali li jipprevedu miżuri ta' implimentazzjoni li għalihom għandha tiġi applikata l-proċedura regolatorja bi skrutinju l-ġdida,

    H.

    billi, apparti l-miżuri ta' implimentazzjoni li s'issa kienu suġġetti għall-proċedura regolatorja, anke wħud mill-miżuri suġġetti għall-proċeduri ta' mmaniġġjar jew konsultazzjoni jistgħu jaqgħu fil-qasam ta' applikazzjoni tar-rekwiżiti tal-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni dwar il-Komitoloġija,

    I.

    billi t-Trattat ta' Liżbona jintroduċi ġerarkija ta' normi u joħloq “l-att iddelegat”, jiġifieri meta “att leġiżlattiv … jiddelega lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti mhux leġiżlattivi ta' applikazzjoni ġenerali sabiex jissumplimentaw jew jemendaw ċerti elementi mhux essenzjali tal-att leġiżlattiv”; billi t-Trattat ta' Liżbona jittratta wkoll l-atti ta' implimentazzjoni b'mod ġdid u jaħseb b'mod partikulari għall-kodeċiżjoni bejn il-Parlament u l-Kunsill bħala l-proċedura għall-adozzjoni tar-regolament li se jistipula l-mekkaniżmi għall-kontroll mill-Istati Membri fuq l-atti ta' implimentazzjoni,

    J.

    billi l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet korrispondenti tat-Trattat ta' Liżbona se teħtieġ proċess intens u kumpless ta' negozjar interistituzzjonali, u billi l-proċess ta' allinjament attwali għandu għalhekk jitlesta malajr kemm jista' jkun u fi kwalunkwe każ qabel ma jidħol fis-seħħ it-Trattat ta' Liżbona,

    K.

    billi, fil-każ li t-Trattat ta' Liżbona jidħol fis-seħħ, se jkun hemm bżonn li jinbeda allinjament ġdid — aktar kumpless — tal-acquis għal mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea dwar id-delegazzjoni ta' leġiżlazzjoni; billi, għalkemm id-definizzjoni ta' “att iddelegat” fit-Trattat ta' Liżbona hija simili għall-kunċett ta' miżura “kważi leġiżlattiva” fid-Deċiżjoni reċenti dwar il-Komitoloġija, iż-żewġ kunċetti mhumiex l-istess u s-sistemi proċedurali stipulati f'dawk iż-żewġ strumenti huma kompletament differenti; konsegwentement, l-eżerċizzju ta' allinjament attwali ma jistax jitqies li jikkostitwixxi preċedent preċiż għall-ġejjieni,

    L.

    billi, għall-istess raġuni, ir-riżultati tal-allinjament attwalment għaddej f'dak li għandu x'jaqsam ma' kull istrument legali individwali ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala preċedent għall-ġejjieni,

    M.

    billi jidher utli li l-istituzzjonijiet jaqblu bejniethom dwar test standard għall-atti ddelegati li regolarment ikun inkluż fl-abbozz ta' att leġiżlattiv mill-Kummissjoni, għalkemm il-leġiżlaturi jibqgħu liberi li jemendawh; billi hemm bżonn li l-pass li jmiss ikun l-adozzjoni f'kodeċiżjoni tar-regolament li jistipula l-mekkaniżmi għall-kontroll mill-Istati Membri tal-atti ta' implimentazzjoni bi qbil mal-Artikolu 291 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    1.

    Jitlob lill-Kummissjoni biex, fuq il-bażi tal-Artikoli xierqa tat-Trattat KE, tippreżenta lill-Parlament proposti leġiżlattivi biex jitlesta l-allinjament ta' komitoloġija; jitlob li dawn il-proposti jitfasslu fid-dawl tad-diskussjonijiet interistituzzjonali u li jiġu ttrattati b'mod partikulari, l-atti leġiżlattivi elenkati fl-Anness li ġej;

    2.

    Jistieden lill-Kummissjoni biex tressaq il-proposti leġiżlattivi korrispondenti sabiex l-atti legali li fadal isiru konformi mad-Deċiżjoni dwar il-Komitoloġija, b'mod partikulari dawk elenkati fl-Anness li ġej;

    3.

    Jitlob lill-Kummissjoni, f'każ li l-proċeduri attwali ta' allinjament ma jitlestewx qabel ma jidħol fis-seħħ it-Trattat ta' Liżbona, biex tressaq il-proposti leġiżlattivi relevanti li huma meħtieġa biex ikunu adattati dawk l-atti legali li għadhom ma ġewx allinjati f'dak iż-żmien mas-sistema l-ġdida stipulata fl-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

    4.

    Jitlob lill-Kummissjoni biex, f'kull każ, wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Liżbona, tippreżenta l-proposti leġiżlattivi meħtieġa biex l-acquis communautaire kollu jiġi allinjat ma' dik is-sistema l-ġdida;

    5.

    Jitlob lill-Kummissjoni biex, kemm jista' jkun malajr, tippreżenta l-abbozz ta' proposta leġiżlattiva għar-regolament li jistabbilixxi minn qabel ir-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-mekkaniżmu għal kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċitar tas-setgħat ta' implimentazzjoni mill-Kummissjoni, skond l-Artikolu 291(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

    6.

    Jitlob li jingħataw aktar riżorsi fil-Parlament Ewropew għall-proċeduri kollha ta' komitoloġija, u mhux biss waqt il-perjodu tranżizzjonali attwali imma wkoll waqt il-preparazzjoni għall-każ li t-Trattat ta' Liżbona jidħol fis-seħħ, sabiex ikun żgurat li kull proċedura ta' komitoloġija bejn it-tliet istituzzjonijiet taħdem b'mod sodisfaċenti;

    7.

    Jikkonferma li r-rakkomandazzjonijiet jirrispettaw il-prinċipju ta' sussidjarjetà u d-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini;

    8.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni u l-lista li takkumpanjaha lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.


    (1)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.

    (2)  ĠU L 200, 22.7.2006, p. 11.

    (3)  ĠU C 255, 21.10.2006, p. 1.

    (4)  ĠU C 143, 10.6.2008, p. 1.

    (5)  Testi Adottati, P6_TA(2008)0189.


    It-Tlieta, 23 ta' Settembru 2008
    ANNESS GĦAR-RIŻOLUZZJONI:

    RAKKOMANDAZZJONIJIET DETTALJATI DWAR IL-KONTENUT TAL-PROPOSTA MITLUBA

    Il-Parlament jitlob lill-Kummissjoni biex tippreżenta l-proposti leġiżlattivi korrispondenti biex l-atti legali li fadal jiġu allinjati mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 kif emendata bid-Deċiżjoni 2006/512/EC, anke b'mod partikulari:

    Id-Direttiva 2000/15/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta' April 2000 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 64/432/KEE dwar il-problemi ta' saħħa li jaffettwaw kummerċ intra-Komunitarju f'annimali bovini u majjali (1);

    Id-Direttiva 2000/25/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2000 dwar l-azzjoni li għandha tittieħed kontra l-emissjonijiet ta' inkwinanti ta' gass u partikolati minn magni għat-tmexxija ta' tratturi għall-agrikoltura jew għall-forestrija u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 74/150/KEE (2);

    Ir-Regolament (KE) Nru 1760/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Lulju 2000 li jistabbilixxi sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-bhejjem tal-fart u dwar it-tikkettjar tal-laħam taċ-ċanga u tal-prodotti tal-laħam taċ-ċanga u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 820/97 (3);

    Id-Direttiva 2001/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Ġunju 2001 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 92/23/KEE li tirrigwarda t-tyres ta' vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom kif ukoll għat-twaħħil tagħhom (4);

    Id-Direttiva 2001/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 Lulju 2001 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 95/53/KE li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni tal-ispezzjonijiet uffiċjali fl-oqsma tan-nutrizzjoni tal-annimali u d-Direttivi 70/524/KEE, 96/25/KE u 1999/29/KE dwar in-nutrizzjoni tal-annimali (5);

    Id-Deċiżjoni Nru 676/2002/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Marzu 2002 dwar qafas regolatorju għall-politika dwar l-ispettru tar-radju fil-Komunità Ewropea (Deċiżjoni dwar l-Ispettri tar-Radju) (6);

    Id-Direttiva 2002/33/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2002 li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 90/425/KEE u 92/118/KEE rigward ħtiġiet ta' saħħa għal prodotti sekondarji ġejjin mill-annimali (7);

    Id-Direttiva 2004/3/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Frar 2004 li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 70/156/KEE u 80/1268/KEE dwar il-kejl tal-emissjonijiet ta' diossidu tal-karbonju u konsum ta' karburanti minn vetturi N1 (8);

    Id-Direttiva 2004/41/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' April 2004 li tirrevoka ċerti direttivi rigward iġene tal-ikel u kondizzjonijiet ta' saħħa għall-produzzjoni u sabiex ikunu mqiegħda fis-suq ċerti prodotti li joriġinaw mill-annimali intżi li għall-konsum mill-bniedem u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 89/662/KEE u 92/118/KEE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 95/408/KE (9);

    Id-Direttiva 2005/33/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Lulju 2005 li temenda d-Direttiva 1999/32/KE dwar il-kontenut ta' kubrit f'karburanti għal użu marittimu (10);

    Id-Direttiva 2005/64/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ottubru 2005 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta' vetturi bil-mutur fir-rigward tal-possibbiltajiet tal-użu mill-ġdid, tar-riċiklaġġ u tal-irkupru tagħhom, u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 70/156/KEE (11);

    Id-Direttiva 2006/40/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Mejju 2006 dwar emissjonijiet minn sistemi ta' kondizzjonament tal-arja f'vetturi bil-mutur li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 70/156/KEE (12);

    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 tal-11 ta' Lulju 2006 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta' Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1260/1999 (13);

    Ir-Regolament (KE) Nru 1905/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi strument ta' finanzjament tal-koperazzjoni għall-iżvilupp (14).


    (1)  ĠU L 105, 3.5.2000, p. 34.

    (2)  ĠU L 173, 12.7.2000, p. 1.

    (3)  ĠU L 204, 11.8.2000, p. 1.

    (4)  ĠU L 211, 4.8.2001, p. 25.

    (5)  ĠU L 234, 1.9.2001, p. 55.

    (6)  ĠU L 108, 24.4.2002, p. 1.

    (7)  ĠU L 315, 19.11.2002, p. 14.

    (8)  ĠU L 49, 19.2.2004, p. 36.

    (9)  ĠU L 157, 30.4.2004, p. 33.

    (10)  ĠU L 191, 22.7.2005, p. 59.

    (11)  ĠU L 310, 25.11.2005, p. 10.

    (12)  ĠU L 161, 14.6.2006, p. 12.

    (13)  ĠU L 210, 31.7.2006, p. 25.

    (14)  ĠU L 378, 27.12.2006, p. 41.


    Top