This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52008IP0194
EU Election Observation Missions #European Parliament resolution of 8 May 2008 on EU election observation missions: objectives, practices and future challenges (2007/2217(INI))
Missjonijiet tal-UE ta' osservazzjoni tal-elezzjonijiet
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat- 8 ta' Mejju 2008 dwar Missjonijiet tal-UE għall-Osservazzjoni tal-Elezzjonijiet: objettivi, prattika u sfidi futuri (2007/2217(INI))
Missjonijiet tal-UE ta' osservazzjoni tal-elezzjonijiet
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat- 8 ta' Mejju 2008 dwar Missjonijiet tal-UE għall-Osservazzjoni tal-Elezzjonijiet: objettivi, prattika u sfidi futuri (2007/2217(INI))
ĠU C 271E, 12.11.2009, p. 31–38
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
12.11.2009 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
CE 271/31 |
Il-Ħamis, 8 ta’ Mejju 2008
Missjonijiet tal-UE ta’ osservazzjoni tal-elezzjonijiet
P6_TA(2008)0194
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta’ Mejju 2008 dwar Missjonijiet tal-UE għall-Osservazzjoni tal-Elezzjonijiet: objettivi, prattika u sfidi futuri (2007/2217(INI))
2009/C 271 E/03
Il-Parlament Ewropew,
wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, b’mod partikulari l-Artikolu 25 tagħha,
wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea għall-Ħarsien tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali u l-impenji tal-OSCE li sar ftehim fuqhom f’Kopenħagen fl-1990 u fil-Laqgħa Għolja ta’ Istanbul fl-1999, li matulhom l-Istati parteċipanti kollha tal-OSCE impenjaw ruħhom li jistiednu osservaturi internazzjonali, u b’mod speċifiku lill-Uffiċċju tal-OSCE għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem (ODIHR) għall-elezzjonijiet tagħhom,
wara li kkunsidra l-Karta Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli u l-Konvenzjoni Amerikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem,
wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni dwar il-Prinċipji ta’ Missjonijiet Internazzjonali ta’ Osservazzjoni Elettorali u l-Kodiċi ta’ Kondotta għall-Osservaturi Elettorali Internazzjonali adottat fin-Nazzjonijiet Uniti fi New York fis-27 ta’ Ottubru 2005,
wara li kkunsidra l-ftehimiet kollha bejn l-UE u pajjiżi terzi u l-klawsoli dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija f’dawn il-ftehimiet,
wara li kkunsidra l-Artikoli 3, 6 u 11 tat-Trattat UE u l-Artikoli 3, 177, 179 u 181a tat-Trattat KE,
wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea mħabbra fi Strasburgu fit-12 ta’ Diċembru 2007 (1),
wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1889/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 dwar l-istabbiliment ta’ strument ta’ finanzjament għall-promozzjoni tad-demokrazija u tad-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja (2) (Strument Ewropew għad-Demokrazija u d-Drittijiet tal-Bniedem, EIDHR),
wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta’ April 2000 dwar l-Għajnuna u l-Osservazzjoni Elettorali tal-UE (COM(2000)0191),
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta’ Marzu 2001 dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni fuq l-Għajnuna u l-Osservazzjoni tal-UE waqt l-Elezzjonijiet (3),
wara li kkunsidra l-linji gwida tal-UE dwar l-osservazzjoni elettorali (4) u l-linji gwida tal-UE dwar kriterji komuni għall-għażla ta’ osservaturi elettorali (5),
wara li kkunsidra d-dokument tal-Kunisll dwar l-għajnuna u l-osservazzjoni elettorali (6),
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta’ April 2002 dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar is-sehem tal-Unjoni Ewropea fil-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u d-demokratizzazzjoni fil-pajjiżi terzi (7),
wara li kkunsidra r-Rapporti Annwali tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem,
wara li kkunsidra r-rapporti annwali tiegħu dwar id-drittijiet tal-bniedem fid-dinja,
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Parlamentari Konġunta tal-ACP-UE tal-21 ta’ Novembru 2007 dwar l-elezzjonijiet u l-proċess elettorali f’pajjiżi tal-ACP u tal-UE (8),
wara li kkunsidra d-deċiżjonijiet tal-Konferenza tal-Presidenti tat-8 ta’ Novembru 2001 li jwaqqfu Grupp għall-Koordinazzjoni ta’ Elezzjonijiet (ECG) (9), tat-12 ta’ Mejju 2005 dwar l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet li jamministraw il-missjonijiet ta’ osservazzjoni elettorali (10), tal-21 ta’ Settembru 2006 li jimplimentaw dispożizzjonijiet li jamministraw ix-xogħol tad-delegazzjonijiet (11) u tat-8 ta’ Ġunju 2006 dwar linji gwida għad-delegazzjonijiet tal-Parlament Ewropew dwar l-osservazzjoni elettorali (12),
wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet preliminari u r-rapporti finali tal-missjonijiet tal-UE għall-osservazzjoni tal-elezzjonijiet u r-rapporti tad-delegazzjonijiet għall-osservazzjoni tal-elezzjonijiet,
wara li kkunsidra r-Rapporti Annwali tal-ECG,
wara li kkunsidra r-Regola 45 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp (A6-0138/2008),
A. |
billi l-elezzjonijiet għandhom ikunu organizzati skond standards rikonoxxuti b’mod internazzjonali, |
B. |
billi d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tistabbilixxi li d-dritt li jiġu eletti rappreżentanti magħżula liberament u b’mod sigriet, minn żmien għal żmien f’elezzjonijiet ġenwini, fuq il-bażi ta’ vot dirett universali u ugwali, huwa dritt li kull ċittadin għandu jkollu, u dan l-istess dritt huwa wkoll inkluż fl-istrumenti internazzjonali u reġjonali ewlenin l-oħra kollha dwar id-drittijiet tal-bniedem kif ukoll huwa element essenzjali tad-demokrazija reali, li għalih l-UE hija impenjata fit-Trattati tagħha, |
C. |
billi l-osservazzjoni elettorali tikkontribwixxi għall-promozzjoni u l-protezzjoni ġenerali tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem, u b’mod iżjed speċifiku, tad-drittijiet ċivili u politiċi; u billi proċess elettorali ġenwinament demokratiku jeħtieġ ir-rispett għal-libertà tal-espressjoni u għall-midja ħielsa, il-konformità mal-istat tad-dritt, mad-dritt li jitwaqqfu partiti politiċi u li jikkompetu għat-tmexxija pubblika, in-nuqqas ta’ diskriminazzjoni u d-drittijiet ugwali għaċ-ċittadini kollha, u mad-drittijiet fundamentali tal-bniedem u libertajiet oħrajn li l-Istati parteċipanti tal-OSCE impenjaw ruħhom li jipproteġuhom u jippromwovuhom, |
D. |
billi l-osservazzjoni elettorali internazzjonali hija mmirata biex tissaħħaħ il-leġittimità tal-proċess elettorali, tiżdied il-fiduċja pubblika fl-elezzjonijiet, ikun skoraġġut u espost il-frodi elettorali fejn dan iseħħ u biex isiru analiżi, rapportaġġ u rakkomandazzjonijiet għat-titjib tal-aspetti kollha tal-proċess elettorali b’koperazzjoni sħiħa mal-pajjiż li jkun qed jospita, isir ftehim fuq it-tilwim li jista’ jinqala’, u jitħarsu d-drittijiet tal-bniedem u tad-demokrazija b’mod ġenerali, |
E. |
billi l-osservazzjoni elettorali f’demokraziji ġodda u emerġenti hija l-prijorità tal-UE, li turi l-impenn tagħha li tassisti demokraziji u pajjiżi ġodda biex javvanzaw lejn id-demokrazija ħalli jibnu strutturi demokratiċi sodi, |
F. |
billi, kif inhu dikjarat fir-riżoluzzjoni tal-Assemblea Parlamentari Konġunta tal-ACP-UE li ġiet adottata fl-1 ta’ April 1999 fi Strasburgu dwar il-koperazzjoni u l-involviment tal-ACP-UE fil-proċessi elettorali fil-pajjiżi tal-ACP u s-sehem tal-Assemblea Konġunta (13), it-tnaqqis tal-faqar, li huwa objettiv ċentrali tal-politika ta’ żvilupp tal-UE, jirrikjedi l-eżistenza ta’ demokrazija parteċipattiva kif ukoll gvernijiet responsabbli ħielsa mill-korruzzjoni, |
G. |
billi, kif enfasizzat fil-Ftehima ta’ Sħubija bejn il-membri tal-Grupp ta’ Stati tal-Afrika, tal-Karibew u tal-Paċifiku min-naħa l-waħda, u l-Komunita? Ewropea u l-Istati Membri tagħha min-naħa l-oħra, iffirmata f’Cotonou fit-23 ta’ Ġunju 2000 (14) (il-Ftehima ta’ Cotonou), is-sħubija bejn l-Istati tal-ACP u l-UE għandha tappoġġja b’mod attiv il-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, il-proċessi ta’ demokratizzazzjoni, il-konsolidazzjoni tal-istat tad-dritt, u t-tmexxija tajba, |
H. |
billi d-Dikjarazzjoni dwar il-Prinċipji ta’ Missjonijiet Internazzjonali ta’ Osservazzjoni Elettorali u l-Kodiċi ta’ Kondotta għall-Osservaturi Elettorali Internazzjonali ġew adottati taħt il-patroċinju tan-NU fl-2005, u ġew approvati kemm mill-Kummissjoni kif ukoll mill-Parlament, u wkoll minn 32 organizzazzjoni governattiva u non-governattiva internazzjonali oħra, |
I. |
billi l-prinċipji enfasizzati f’dik id-Dikjarazzjoni jinkludu r-rappurtaġġ sħiħ, l-indipendenza u l-imparzjalità, it-trasparenza u l-pubbliċità, il-professjonalità, l-analiżi u l-pariri, ir-rispett lejn is-sovranità tal-pajjiż ospitanti li jinkludi l-ħtieġa li jkun hemm stedina għal osservazzjoni, il-koperazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet ta’ osservaturi oħra, u n-non-leġittimizzazzjoni ta’ proċessi evidentement mhux demokratiċi, |
J. |
billi, mill-adozzjoni tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni msemmija hawn fuq tal-11 ta’ April 2000, intbagħtu iżjed minn 50 missjoni ta’ osservazzjoni elettorali tal-UE fi 32 pajjiż fl-Afrika, fl-Ażja u fl-Amerika Latina; billi huwa notevoli, madankollu, li ntbagħtu ferm inqas missjonijiet ta’ osservazzjoni elettorali tal-UE fil-pajjiżi tan-nofsinhar tal-Mediterran, |
K. |
billi taħt l-EDIHR ikunu disponibbli iżjed minn EUR 30 miljun kull sena għall- missjonijiet ta’ osservazzjoni elettorali tal-UE, |
L. |
billi, f’pajjiż fejn ikunu saru l-elezzjonijiet, parlament elett demokratikament ikollu valur limitat jekk dik l-istituzzjoni ma jkollha l-ebda setgħa sinifikanti u tkun iddominata mill-eżekuttiv, |
M. |
billi għad fadal diversi sfidi ewlenin li għad iridu jiġu kkunsidrati fil-qasam tal-osservazzjoni elettorali mill-UE, bħall-importanza li kull ma jmur qed tikber tal-votazzjoni b’mod elettroniku, |
N. |
billi l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta’ April 2000 fissret il-punt tal-bidla deċiżiva fl-approċċ tal-UE għall-osservazzjoni elettorali, li tistabbilixxi metodoloġija komprensiva, li tkopri l-proċess elettorali kollu, mill-fażi ta’ qabel l-elezzjoni sal-fażi ta’ wara l-elezzjoni, li wriet li kienet ta’ suċċess kbir u waslet biex l-UE ssir organizzazzjoni ewlenija fil-qasam tal-osservazzjoni internazzjonali tal-elezzjonijiet, |
O. |
billi t-tqassim tal-missjonijiet ta’ osservazzjoni elettorali tal-UE huwa element ewlieni tal-politika barranija tal-UE, u b’mod partikolari huwa, flimkien ma’ għajnuna waqt l-elezzjoni, għodda essenzjali għall-appoġġ elettorali fil-kuntest tal-impenn tal-UE għall-promozzjoni tal-valuri tad-demokrazija, tal-iżvilupp u tal-paċi, |
P. |
billi l-elezzjonijiet jistgħu jkunu suċċess biss fil-kuntest ta’ trawwim fit-tul ta’ valuri demokratiċi, filwaqt li titqies il-ħtieġa li jsir kunsens Ewropew dwar il-promozzjoni tad-demokrazija, fi ħdan soċjetà li tinkludi l-edukazzjoni tal-votanti u l-edukazzjoni ċivika, mekkaniżmi sodi għar-rispett lejn id-drittijiet tal-bniedem, l-eżistenza ta’ soċjetà ċivili indipendenti u pluralistika, u r-rispett lejn is-separazzjoni tal-leġiżlatura u l-eżekuttiv, |
Q. |
filwaqt li l-osservazzjoni elettorali huwa proċess fuq tul ta’ żmien li jiġbor fih tliet perjodi: il-fażi ta’ qabel l-elezzjoni, il-ġurnata tal-elezzjoni u l-fażi ta’ wara l-elezzjoni, u filwaqt li kull wieħed minn dawn il-perjodi għandu jkun analizzat b’mod rigoruż u imparzjali fuq il-bażi ta’ data diretta, |
R. |
billi għalkemm l-osservazzjoni ta’ dawn it-tliet perjodi tista’ ssir minn osservaturi differenti, hemm bżonn li tkun komplementari u kkoordinata sew, |
S. |
billi l-valur miżjud offrut mid-deputati u mill-ex-deputati f’osservazzjoni elettorali ma jistax ikun miċħud u jikkomplementa lil dak offrut mill-missjonijiet ta’ osservazzjoni elettorali tal-UE, iżda ma jistax, waħdu, jipprovdi ġudizzju rigoruż ta’ proċess elettorali, |
T. |
billi l-Parlament għandu rwol ewlieni fil-missjonijiet ta’ osservazzjoni elettorali tal-UE, b’mod li Membru tal-Parlament Ewropew (MPE) huwa maħtur bħala Osservatur Ewlieni u, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, delegazzjoni għall-osservazzjoni elettorali ta’ MPE tkun integrata kompletament fl-istruttura tal-missjonijiet ta’ osservazzjoni elettorali tal-UE, |
U. |
billi il-missjonijiet ta’ osservazzjoni elettorali tal-UE jeħtieġ li jkollhom segwitu aktar koerenti u komprensiv, kemm fuq livell tekniku kif ukoll fuq livell politiku, |
V. |
billi minkejja li huwa essenzjali li tinżamm il-politika li jintbagħtu missjonijiet ta’ osservazzjoni elettorali tal-UE f’kundizzjonijiet fejn ikun possibbli li l-ħidmiet li jkollhom jitwettqu b’mod imparzjali, komprensiv u bis-sigurtà għall-istaff involut, l-UE ma tistax tkun siekta fir-rigward ta’ mġiba f’elezzjonijiet li jsiru f’ċirkustanzi fejn ma jkunx hemm kundizzjonijiet bħal dawn, |
1. |
Jikkonferma d-determinazzjoni tiegħu li jagħti kontribut għat-tisħiħ mill-ġdid ta’ proċessi demokratiċi billi jtejjeb l-involviment tiegħu fl-osservazzjoni elettorali, fis-segwitu tal- missjonijiet ta’ osservazzjoni elettorali tal-UE u fit-tkattir tal-kapaċità parlamentari; |
2. |
Jikkunsidra li f’termini assoluti, li jsiru l-elezzjonijiet ma jistax jitqies bħala l-uniku indikatur ta’ demokrazija, iżda li, madankollu, dan għandu effett pożittiv fuq il-proċess ta’ demokratizzazzjoni, imkejjel permezz tat-titjib fil-libertajiet ċivili, sakemm ikun hemm garanzija ta’ pluraliżmu politiku, il-liberta? tal-assemblea u l-assoċjazzjoni, il-liberta? tal-espressjoni, l-aċċess ugwali għall-midja, il-votazzjoni sigrieta u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem; |
3. |
Jenfasizza li l-osservazzjoni tal-elezzjonijiet f’demokraziji ġodda u emerġenti għandha tibqa’ prijorità, peress li stati bħal dawn ġeneralment jibbenefikaw ħafna mill-osservazzjoni internazzjonali tal-elezzjonijiet u mir-rakkomandazzjonijiet li jirriżultaw minnhom; |
4. |
Jiddispjaċih li l-UE għad m’għandhiex strateġija komuni u komprensiva biex tippromwovi d-demokrazija u tħeġġeġ l-istituzzjonijiet kollha tal-UE u lill-Istati Membri sabiex ikomplu l-isforzi tagħhom sabiex tkun possibbli l-adozzjoni ta’ strateġija bħal din; f’dan ir-rigward, iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri kollha biex jaqblu li jwaqqfu Konsensus Ewropew dwar id-Demokrazija; |
5. |
Iqis li, fid-dawl ta’ dan, l-osservazzjoni elettorali hija biss l-ewwel pass lejn id-demokrazija u li hemm bżonn li tkun ikkomplementata minn attivitajiet oħra u minn miżuri għal wara l-elezzjoni, iffinanzjati b’mod xieraq għat-tmexxija tad-demokrazija, b’mod partikulari permezz tat-tkattir ta’ kapaċitajiet għall-parlamenti nazzjonali, għall-partiti politiċi, għas-servizz ċivili, għall-parteċipanti mhux Statali u għas-soċjetà ċivili, permezz tal-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tat-tmexxija tajba; għalhekk jitlob għaż-żamma tal-limitu baġitarju li sar ftehim fuqu mill-Kummissjoni ta’ madwar 25 % tal-EIDHR għall-missjonijiet ta’ osservazzjoni elettorali tal-UE fuq il-perijodu ta’ seba’ snin tal-Qafas Finanzjarju 2007-2013; jitlob lill-Kummissjoni biex twarrab, fi ħdan dan il-qafas baġitarju, allokazzjonijiet għal attivitajiet preparatorji bħala antiċipazzjoni tal-elezzjonijiet, inklużi t-taħriġ għall-osservaturi elettorali lokali, għall-edukazzjoni tal-votant u attivitajiet oħra li huma essenzjali għat-twaqqif fit-tul ta’ elezzjonijiet ħielsa u ġusti; |
6. |
Jagħti rikonoxximent lill-ODIHR li x-xogħol ta’ twittija tiegħu ispira b’mod qawwi l-metodoloġija tal-UE dwar l-osservazzjoni tal-elezzjonijiet; |
7. |
Jagħti tribut għall-parteċipazzjoni ta’ osservaturi minn pajjiżi terzi, bħall-Isvizzera, n-Norveġja u l-Kanada, fil-Missjonijiet ta’ osservazzjoni Elettorali; |
8. |
Jerġa’ jafferma l-irwol importanti tal-missjonijiet tal-osservazzjoni elettorali tal-ODIHR fiz-zona tal-OSCE, fejn l-UE bħala regola ma tibgħatx missjonijiet ta’ osservazzjoni; ifaħħar lill-ODIHR għall-kwalità tax-xogħol tagħha u għall-konformità tagħha ma’ standards għoljin ta’ trasparenza u indipendenza; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-istqarrijiet u l-azzjonijiet ta’ ċerti Stati parteċipanti tal-OSCE li jpoġġu f’dubju l-mandat tal-ODIHR u jxekklu l-effikaċja, il-finanzjament u l-indipendenza tal-missjonijiet tagħha; jitlob lill-Istati parteċipanti tal-OSCE u lill-Kunsill Ewropew biex jappoġġjaw il-pożizzjoni tal-ODIHR bħala l-korp prinċipali tal-monitoraġġ tal-elezzjonijiet fiz-zona tal-OSCE; b’mod partikulari jikkundanna l-impożizzjoni riċenti minn ċerti Stati parteċipanti tal-OSCE ta’ restrizzjonijiet fuq it-tul ta’ EOMs u r-rifjut tagħhom li joħorġu, jew idumu biex joħorġu, viżi għall-osservaturi, biex ma kienx possibbli li l-ODIHR iwettaq il-mandat tiegħu; |
9. |
Jiġbed l-attenzjoni għall-valur miżjud tal-parteċipazzjoni f’missjonijiet internazzjonali ta’ osservazzjoni ta’ elezzjonijiet fiz-zona tal-OSCE, flimkien mal-OSCE/ODHIR, mal-Assemblea Parlamentari tal-OSCE, mal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa u fejn xieraq mal-Assemblea Parlamentari tan-NATO; huwa tal-opinjoni li l-involviment tigħu f’dawn il-missjonijiet għandhom jitkomplew u anke jiżdiedu; jenfasizza l-importanza kruċjali ta’ koordinazzjoni politika dettaljata bejn l-entitajiet involuti, b’mod partikolari rigward id-diliġenza tal-evalwazzjoni tagħha, il-konformità ma’ standards indipendenti, il-konklużjonijiet ta’ osservaturi għal tul ta’ żmien twil u l-koerenza ta’ stqarrijiet pubbliċi; |
10. |
Jilqa’ bi pjaċir il-kontribuzzjoni pożittiva tal-missjonijiet ta’ osservazzjoni elettorali tal-UE fit-tisħiħ tal-proċessi demokratiċi, it-titjib fir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, tal-libertajiet fundamentali, tat-tmexxija tajba u tal-istat tad-dritt, u b’mod partikulari, fit-tisħiħ mill-ġdid tal-proċessi elettorali fid-dinja kollha; |
11. |
Ifakkar fil-konklużjonijiet tas-seminar tal-Kummissjoni/Parlament li sar fil-11 ta’ Settembru 2007 fejn ġie ddikjarat li, minħabba raġunijiet ta’ metodoloġija, identità u viżibilità, il-missjonijiet ta’ osservazzjoni elettorali tal-UE għandhom ikomplu joperaw indipendentement minn osservaturi internazzjonali u nazzjonali oħra; iqis li dan ma jeskludix, madankollu, koperazzjoni regolari u mill-qrib fil-post ma’ organizzazzjonijiet oħra ta’ osservaturi, u lanqas ma jeskludi aktar appoġġ mill-UE għat-tkattir tal-kapaċitajiet ta’ organizzazzjonijiet ta’ osservazzjoni nazzjonali u reġjonali; |
12. |
Jenfasizza s-suċċess tal-metodoloġija tal-UE, iżda jistieden lill-Kummissjoni sabiex ittejjibha u taġġornaha billi tinkludi prattiki stabiliti u tiffaċċja sfidi ġodda; |
13. |
Jenfasizza li dan is-suċċess għamel lill-UE l-organizzazzjoni ewlenija fil-qasam tal-osservazzjoni elettorali internazzjonali u li l-konċentrazzjoni fuq il-professjonalità tal-missjonijiet ta’ osservazzjoni elettorali tal-UE qed tagħmel kontribut importanti biex ħarġu numru sinifikanti ta’ esperti elettorali kkwalifikati ħafna u b’esperjenza; jenfasizza l-importanza ta’ reklutaġġ u taħriġ attiv għal osservaturi ġodda biex tkun żgurata kontinwità fil-ħila esperta tal-osservazzjonijiet tal-UE ta’ elezzjonijiet: jenfasizza, barra minn hekk, li l-professjonalità tal-missjonijiet ta’ osservazzjoni elettorali tal-UE ssaħħaħ il-kontribut tal-UE fit-trawwim fis-sod ta’ għarfien sostenibbli tal-elementi varji li jikkostitwixxu proċess elettorali demokratiku; iqis, f’dan ir-rigward, li l-esperjenza ta’ ex-MPE bħala osservaturi għal żmien qasir jew twil tista’ tiġi kkunsidrata; |
14. |
Jistieden lill-Kummissjoni biex tieħu l-miżuri xierqa biex tkompli ssaħħaħ il-parteċipazzjoni adegwata tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u tal-osservaturi lokali fil-proċessi elettorali; |
15. |
Jenfasizza l-importanza li l-osservaturi tal-UE, kemm jekk fuq perjodu ta’ żmien qasir kif ukoll jekk fuq perjodu ta’ żmien twil, jastjenu minn kwalunkwe mġiba li tista’ tiġi kkunsidrata mill-popolazzjoni lokali bħala patronizzanti, superjuri jew li turi diżrispett fir-rigward tal-kultura lokali; iqis li, f’dan il-kuntest, u fejn ikun xieraq, l-osservaturi tal-UE għandhom jistabbilixxu rabtiet ma’ osservaturi lokali; |
16. |
Jilqa’ bi pjaċir il-prattika stabbilita sew li l-MPE ikunu maħtura bħala Osservaturi Ewlenin tal-missjonijiet ta’ osservazzjoni elettorali tal-UE; jitlob li l-proċess tal-ħatra jkun ċar u trasparenti sabiex tkun żgurata l-kredibilità tal-Osservatur Ewlieni, u jenfasizza li, filwaqt li matul il-mandat tagħhom jaħdmu mill-qrib mal-Kummissjoni u ma’ istituzzjonijiet oħra tal-UE, għandhom dejjem iżommu indipendenza ċara u definita sew, mingħajr indħil; |
17. |
Jilqa’ l-politika tal-ugwaljanza bejn is-sessi li ġiet adottata bħala parti minn din il-metodoloġija fl-għażla tal-osservaturi, inkluż l-Osservatur Ewlieni, irrispettivament mid-diffikultà tal-missjoni; |
18. |
Huwa tal-fehma li l-għarfien tal-lingwa użata fil-pajjiż li jkunu qed isiru fih l-elezzjonijiet (per eżempju, l-Ispanjol fil-Bolivja) għandu jkun kriterju indikattiv fil-ħatra tal-osservaturi, minħabba li l-abilità li wieħed jikkomunika b’mod dirett man-nies tal-lokal jagħmilha iżjed faċli għall-osservaturi biex isiru midħla bis-sħiħ mas-sitwazzjoni soċjali u politika fil-pajjiż; |
19. |
Huwa tal-fehma li, fil-perjodu ta’ qabel l-elezzjoni, wara l-laqgħat mal-kandidati u mal-uffiċjali tal-kummissjoni elettorali, l-osservaturi għandhom ikunu jistgħu jiltaqgħu ma’ gruppi oħrajn fil-pajjiż li fih ikunu qegħdin isiru l-elezzjonijiet; |
20. |
Jilqa’ bi pjaċir l-esperjenza pożittiva tad-delegazzjonijiet tiegħu ta’ osservaturi elettorali fil-qafas tal-missjonijiet ta’ osservazzjoni elettorali tal-UE, li jingħatalhom valur miżjud importanti billi tingħata leġittimità lill-konklużjonijiet tagħhom u tissaħħaħ il-viżibilità u l-aċċettazzjoni tagħhom, iżda jenfasizza li l-kredibilità ta’ dawk il-konklużjonijiet tiddependi mill-applikazzjoni rigoruża tal-metodoloġija matul il-proċess kollu ta’ osservazzjoni; |
21. |
Jilqa’ l-ħidma mwettqa mill-Assoċjazzjoni tal-Ex Membri tal-Parlament Ewropew fit-twaqqif tal-Istitut Internazzjonali tal-Osservaturi Elettorali (International Election Monitors Institute — IEMI) b’mod konġunt mal-Ex Membri tal-Parlament Kanadiż u l-Assoċjazzjoni tal-Ex Membri tal-Kungress tal-Istati Uniti; jinnota li l-membri tal-IEMI osservaw numru ta’ elezzjonijiet, u jinnota wkoll li l-MEPs preżenti kollha xi darba se jkunu ex MEPs u li l-kompetenza tagħhom għandha tkun imprezzabbli għall-iżvilupp ulterjuri tal-proċess demokratiku; |
22. |
Jistieden lill-MPE kollha li jkunu qed jipparteċipaw f’delegazzjonijiet ta’ osservazzjoni elettorali sabiex ikomplu jsegwu l-linji gwida stabbiliti għal dan it-tip ta’ delegazzjonijiet; jenfasizza l-importanza tal-Kodiċi tal-Kondotta għall-Osservaturi Internazzjonali tal-Elezzjonijiet, li japplika wkoll għall-MPE; |
23. |
Jirrikonoxxi li f’numru ta’ okkażjonijiet id-delegazzjonijiet ta’ osservazzjoni tal-Parlament Ewropew kienu neqsin min-nies, u jemmen li f’dawn il-każi jista’ jkun utli li jiżdiedu ex MEPs biex jagħmlu tajjeb għan-nuqqasijiet fin-numri; iħeġġeġ lill-awtoritajiet politiċi rilevanti tal-Parlament Ewropew biex isegwu dan is-suġġeriment; |
24. |
Jenfasizza li delegazzjonijiet ta’ osservazzjoni mill-gruppi politiċi ma jirrappreżentawx il-Parlament, u jistieden lil dawk id-delegazzjonijiet sabiex joqogħdu lura milli jieħdu kwalunkwe azzjoni li tista’ xxekkel il-kredibilità u l-viżibilità tad-delegazzjonijiet uffiċjali ta’ osservazzjoni elettorali tal-Parlament Ewropew u ta’ dawk tal-missjonijiet ta’ osservazzjoni elettorali tal-UE; |
25. |
Jinnota li l-koordinazzjoni bejn l-istituzzjonijiet tal-UE u fi ħdan il-Kummissjoni kienet b’mod ġenerali pożittiva; madankollu jiddispjaċih li f’xi każijiet din sofriet minn nuqqas qawwi ta’ koeżjoni, u b’hekk għad hemm lok għal aktar titjib; |
26. |
Jisħaq, b’mod partikulari, fuq l-importanza li jkunu kkoordinati d-dikjarazzjonijiet pubbliċi kollha li għandhom x’jaqsmu mas-sejbiet tal-missjonijiet ta’ osservazzjoni elettorali tal-UE u li jiġi evitat il-ħruġ ta’ kwalunkwe stqarrija qabel il-missjoni ta’ osservazzjoni elettorati tal-UE tippreżenta l-istqarrija preliminari tagħha, u jisħaq fuq l-irwol ewlieni li għandha l-konferenza stampa f’termini ta’ viżibilità u kredibilità, fejn id-dikjarazzjoni preliminarja tkun ppreżentata għall-ewwel darba; jitlob biex kemm l-istqarrijiet għall-istampa kif ukoll ir-rapporti dwar is-sejbiet jinħarġu skond skeda li tqis is-sensittivitajiet elettorali fuq il-post; |
27. |
Jissuġġerixxi, bl-għan li jittejbu r-relazzjonijiet bejn il-Parlament u l-Kunsill, li l-Kunsill għandu jipparteċipa f’laqgħat tal-ECG u li l-Parlament għandu jingħata l-istatus ta’ osservatur fil-laqgħat tal-Grupp ta’ Ħidma tal-Kunsill dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, (COHOM); |
28. |
Jistieden lill-Kummissjoni biex tqis, fin-negozjati ta’ ftehimiet ta’ assoċjazzjoni jew ta’ sħubijiet strateġiċi, kif tista’ tinkludi l-fattibilità li tosserva l-proċessi elettorali fil-pajjiżi tan-nofsinhar tal-Mediterran u fil-pajjiżi tal-Lvant Nofsani; |
29. |
Iqis li segwitu għall-missjonijiet ta’ osservazzjoni elettorali tal-UE li jkun effettiv u orjentat biex jinkisbu r-riżultati jibqa’ l-isfida ewlenija li għandha tiġi ffaċċjata, u li għandha ssir distinzjoni bejn segwitu tekniku u ieħor politiku, fejn għandhom ikunu involuti fuq il-livelli kollha l-istituzzjonijiet kollha tal-UE kif ukoll l-Istati Membri; |
30. |
Jissuġġerixxi li l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet magħmula mill-missjonijiet ta’ osservazzjoni elettorali tal-UE jkunu segwiti mill-qrib, b’mod partikulari fejn ma tkunx provduta assistenza elettorali; |
31. |
Jitlob lill-istituzzjonijiet kollha tal-UE, b’mod partikulari lill-Kunsill u lill-gvernijiet tal-Istati Membri sabiex idaħħlu s-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-missjonijiet ta’ osservazzjoni elettorali tal-UE fid-djalogi politiċi tagħhom mal-pajjiżi kkonċernati, kif ukoll fid-“demarches”, fid-dikjarazzjonijiet, fir-riżoluzzjonijiet, fl-istqarrijiet u fl-azzjonijiet oħra; |
32. |
Jistieden, b’mod partikulari, lill-Kummissjoni biex tinkludi r-rakkomandazzjonijiet tal-missjonijiet ta’ osservazzjoni elettorali tal-UE fil-pjanijiet ta’ azzjoni kollha fir-rigward tal-pajjiżi tal-Politika Ewropea għall-Viċinat li jintbagħtu fihom il-missjonijiet ta’ osservazzjoni elettorali; |
33. |
Jistieden lill-Kummissjoni biex tagħmel użu sħiħ u fit-tul minn dawn ir-rakkomandazzjonijiet fil-qafas tat-tfassil tad-Dokumenti ta’ Strateġija tal-Pajjiż/Programmi ta’ Azzjoni Annwali skond il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp u skond l-istrumenti finanzjarji esterni tal-UE, b’mod speċifiku r-Regolament (KE) Nru 1905/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 li jwaqqaf strument finanzjarju għall-koperazzjoni ta’ żvilupp (15) u r-Regolament (KE) Nru 1638/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 2006 li jistipula d-dispożizzjonijiet ġenerali li jwaqqfu Strument Ewropew ta’ Viċinanza u Sħubija (16); |
34. |
Jikkundanna eżempji mill-passat ta’ prattiki li jkunu tal-attitudni fejn kollox jibqa’ għaddej lejn pajjiżi li dwarhom il-missjonijiet ta’ osservazzjoni elettorali tal-UE kienu kkritikaw ħafna l-proċessi elettorali; jiddispjaċih, mill-banda l-oħra, li l-elezzjonijiet demokratiċi mhux dejjem ikunu vvalidati mill-UE, u jemmen li dawn l-inkonsistenzi jxekklu l-idea fraġli tad-demokrazija f’dawn il-pajjiżi u l-impressjoni tal-UE mal-pubbliku; |
35. |
Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tevalwa bir-reqqa r-riżultat ta’ kull missjoni ta’ osservazzjoni elettorati tal-UE, sabiex tassorbi l-lezzjonijiet li jkunu ttieħdu u biex tiddikjara b’mod ċar fir-rapporti finali l-limitazzjonijiet metodoloġiċi ta’ kull missjoni ta’ osservazzjoni elettorati tal-UE; barra minn hekk, jitlob lill-Kummissjoni biex tagħmel kull sforz biex tiżgura li l-kisbiet demokratiċi tal-missjonijiet ta’ osservazzjoni elettorali tal-UE (metodoloġija, prattika teknika, mezzi baġitarji, strutturi elettorali, eċċ) ma jitpoġġewx f’dubju jew jintilfu wara li jkun intemm il-proċess elettorali; |
36. |
Jitlob lill-Kummissjoni sabiex tqis sew il-possibilità li missjonijiet speċjalizzati jkunu organizzati biex isegwu ċerti aspetti ewlenin tal-proċess elettorali bħal ma huma l-abbozzar tal-qafas legali tal-proċess elettorali, ir-reġistrazzjoni tal-votanti u l-ilmenti u l-appelli ta’ wara l-elezzjoni, li f’xi każijiet ma jkunux koperti biżżejjed mill-missjonijiet ta’ osservazzjoni elettorali tal-UE; |
37. |
Jirrakkomanda t-twaqqif ta’ djalogu politiku f’każijiet fejn ir-rakkomandazzjonijiet magħmula mill-missjonijiet ta’ osservazzjoni elettorali tal-UE ma jiġux implimentati; |
38. |
Jissuġġerixxi, b’konnessjoni mal-punt msemmi hawn fuq, li l-Parlament Ewropew għandu jkun preżenti fil-ftuħ ta’ parlament ġdid li l-elezzjoni għalih tkun ġiet osservata, u li għandha tissaħħaħ il-koperazzjoni ma’ parlamenti ġodda li jkunu ġew eletti; |
39. |
Jirrakkomanda l-introduzzjoni ta’ strateġija speċifika li tappoġġja parlamenti ġodda li jkunu ġew eletti demokratikament bil-ħsieb li jiġu msaħħa b’mod permanenti d-demokrazija, l-istat tad-dritt u t-tmexxija tajba; |
40. |
Jissuġġerixxi li, għal dan l-għan, il-Parlament Ewropew għandu jesplora modi u mezzi kif parlamenti li għadhom kif ġew eletti jistgħu jiġu megħjuna fit-twettiq tal-ħidma tagħhom, b’attenzjoni speċjali għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw; |
41. |
Jissuġġerixxi lill-Kummissjoni li għandha tistabbilixxi mekkaniżmi oħra għall-monitoraġġ ta’ proċessi elettorali f’każijiet fejn ma jkunx possibbli l-użu ta’ missjoni ta’ osservazzjoni elettorati tal-UE; jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex ikunu lesti jagħmlu stqarrijiet qawwija u f’waqthom rigward l-elezzjonijiet f’dawn iċ-ċirkostanzi; |
42. |
Huwa tal-opinjoni li, f’dak li hu segwitu tekniku, l-assistenza tal-elezzjonijiet tistabilixxi l-impenn strateġiku fuq żmien twil li hu meħtieġ fiċ-ċiklu elettorali li l-aħjar jaħdem mal-missjonijiet ta’ osservazzjoni elettorali tal-UE, u jqis li għandha tingħata attenzjoni speċjali biex tissaħħaħ l-indipendenza u l-leġittimità tal-oqsma ta’ tmexxija elettorali, kif ukoll biex jiġi appoġġjat it-twaqqif ta’ kummissjoni elettorali li tkun permanenti iżjed milli ad hoc; |
43. |
Jenfasizza li, bħala l-instituzzjoni Ewropea eletta demokratikament, il-Parlament għandu jkollu rwol speċjali fis-segwitu politiku tal-missjonijiet ta’ osservazzjoni elettorali tal-UE, u b’mod partikulari, fil-proċess tat-tkattir tal-kapaċità parlamentari; |
44. |
Jitlob li, fejn huwa prattiku, tingħata kunsiderazzjoni serja lill-valur miżjud tal-konsultazzjoni, tal-koperazzjoni u l-iskambju ta’ tagħrif bejn il-Parlament u d-delegazzjonijiet parlamentari u l-missjonijiet tal-ACP fil-kuntest usa’ tal-azzjoni esterna tal-UE, kif ukoll fir-rigward ta’ missjonijiet ta’ osservazzjoni nazzjonali u internazzjonali oħra; jipproponi li jitwaqqfu gruppi ta’ ħidma bil-ħsieb li jippermettu lill-imsieħba tal-Unjoni Afrikana li jibbenefikaw, bħala parti mill-istrateġija l-ġdida UE-Afrika, mill-kompetenza u mill-esperjenza tal-monitoraġġ elettorali, minħabba li l-UE bbenefikat mill-metodi ta’ ħidma u mill-esperjenza tal-ODIHR tal-OSCE; |
45. |
Jitlob li ssir analiżi tal-kundizzjonijiet li fihom ikunu jistgħu jiġu organizzati delegazzjonijiet ta’ osservazzjoni elettorali konġunti għal żmien qasir flimkien mal-membri korrispondenti tal-Assemblea Parlamentari Konġunta (JPA) tal-ACP-UE, l-Assemblea Parlamentari Ewro-Mediterranja u l-Assemblea Parlamentari Ewro-Latinamerikana; |
46. |
Jirrakkomanda li l-missjonijiet ta’ osservazzjoni elettorali konġunti ACP-UE jkunu organizzati perjodikament meta jsiru elezzjonijiet fl-UE; |
47. |
Iqis li l-votazzjoni b’mod elettroniku diġà għandha, u kull ma jmur se jkompli jkollha, irwol kruċjali fil-proċessi elettorali, u potenzjalment tagħti lok għal xorta ġdida ta’ qerq elettorali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tieħu l-miżuri adegwati biex ikun hemm osservazzjoni affidabbli ta’ votazzjoni bħal din, u biex tħarreġ lill-osservaturi għal dan l-għan; |
48. |
Jitlob lill-Parlament biex jadotta rapport annwali dwar il-missjonijiet ta’ osservazzjoni elettorali tal-UE; |
49. |
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummssjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Ko-Presidenti tal-Assemblea Parlamentari Konġunta tal-ACP-UE, lill-President tal-Assemblea Parlamentari Ewro-Mediterranja u lill-Ko-Presidenti tal-Assemblea Parlamentari Ewro-Latinamerikana, lill-President tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa, lill-President tal-Assemblea Parlamentari tal-OSCE u lid-Direttur tal-Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem. |
(1) ĠU C 303, 14.12.2007, p. 1.
(2) ĠU L 386, 29.12.2006, p. 1.
(3) ĠU C 343, 5.12.2001, p. 270.
(4) Deċiżjoni tal-Kunsill 9262/98 — PESC 157 — COHOM 6, 3.6.1998.
(5) Deċiżjoni tal-Kunsill 8728/99 — PESC 165 — COHOM 4, 28.5.1999.
(6) Dokument tal-Kunsill 9990/01 — PESC 236 — DEVGEN 103 — COHOM 17, 26.6.2001.
(7) ĠU C 131 E, 5.6.2003, p. 147
(9) PE 309/025/BUR.
(10) PE 349/329/CPG/DEF.
(11) PE 375/270/CPG/Rev1.
(12) PE 375/117/CPG.
(13) ĠU C 271, 24.9.1999, p. 57.
(14) ĠU L 317, 15.12.2000, p. 3.
(15) ĠU L 378, 27.12.2006, p. 41.
(16) ĠU L 310, 9.11.2006, p. 1.