Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008DC0725

Green Paper dwar il-Forza tax-Xogħol Ewropea għas-Saħħa

/* KUMM/2008/0725 finali */

52008DC0725




[pic] | IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussell, 10.12.2008

KUMM(2008) 725 finali

GREEN PAPER

dwar il-Forza tax-Xogħol Ewropea għas-Saħħa

WERREJ

1. Introduzzjoni 3

2. Il-Ħsieb wara l-Green Paper 4

3. Qafas Ġuridiku u bażi għal azzjoni fil-livell tal-UE 5

4. Fatturi li jinfluwenzaw il-forza tax-xogħol għas-saħħa fl-UE u l-kwistjonijiet ewlenin li jridu jiġu indirizzati 5

4.1. Demografija u l-promozzjoni ta' forza tax-xogħol tas-saħħa sostenibbli 5

4.2. Kapaċità tas-Saħħa Pubblika 7

4.3. Taħriġ 8

4.4. Ġestjoni ta' mobilità ta' ħaddiema tas-saħħa fi ħdan l-UE 8

4.5. Migrazzjoni Globali tal-Ħaddiema tas-Saħħa 11

4.6. Dejta li tappoġġja t-teħid tad-deċiżjonijiet 12

5. L-impatt tat-teknoloġiji l-ġodda: Intejbu l-effiċjenza tal-forza tax-xogħol tas-saħħa 13

6. Ir-rwol tal-intraprendituri professjonisti tas-saħħa fil-forza tax-xogħol 14

7. Politika ta’ koeżjoni 15

8. Konsultazzjoni 15

Il-Promozzjoni ta' Forza tax-Xogħol Sostenibbli għas-Saħħa fl-Ewropa

INTRODUZZJONI

Is-sistemi tas-saħħa tal-UE jridu att diffiċli ta' bilanċjament, l-ewwel nett bejn id-domandi dejjem jiżdiedu fuq is-servizzi tas-saħħa u l-provvista ristretta; it-tieni bejn il-bżonn biex iwieġbu għall-bżonnijiet tas-saħħa tan-nies lokalment imma wkoll li jkunu preparati għal kriżijiet maġġuri ta' saħħa pubblika.

Hemm għadd ta' sfidi li qegħdin jiġu ffaċċjati mis-sistemi tas-saħħa fl-Ewropa.

- Min ifassal il-politika u l-awtoritajiet tas-saħħa jridu jiffaċċjaw l-isfida li jaddattaw is-sistemi ta' lkura tas-saħħa tagħhom għal popolazzjoni li qiegħda tixjieħ. Bejn l-2008 u l-2060 il-popolazzjoni tal-UE-27 ta' 65 sena jew iktar hija mistennija tiżdied b'66.9 miljun u l-"anzjani nett" (80+) se jkunu l-iktar parti tal-popolazzjoni li se tikber malajr[1].

- L-introduzzjoni ta' teknoloġija ġdida qiegħda tagħmilha possibbli li tiżdied il-firxa u l-kwalità ta' kura tas-saħħa f'termini ta' dijanjosi, prevenzjoni u trattament - imma dan irid isir bi ħlas u hemm bżonn li l-persunal jitħarreġ biex jużaha.

- Hemm theddid għas-saħħa ġdid u li qed jerġa' jfeġġ, pereżempju minn mard li jittieħed.

- Dan kollu qiegħed iwassal għal infiq dejjem jiżdied fuq is-saħħa u qed joħloq kwistjonijiet maġġuri fuq medda itwal ta’ żmien għas-sostenibilità ta' sistemi tas-saħħa f'xi pajjiżi.

Biex jiġu milqugħa b’mod adegwat dawn l-isfidi hemm bżonn li s-sistemi tas-saħħa jkollhom forzi tax-xogħol effiċjenti u effettivi tal-ogħla kwalità peress li s-servizzi tas-saħħa huma intensivi ħafna fix-xogħol. Il-kura tas-saħħa hija wieħed mis-setturi l-iktar sinifikanti tal-ekonomija tal-UE, li jipprovdi impjieg għal wieħed minn kull għaxra tal-forza tax-xogħol tal-UE, u madwar 70 % tal-baġits tal-kura tas-saħħa huma allokati għal salarji u nfiq ieħor relatat direttament mal-impjiegi tal-forza tax-xogħol tas-saħħa[2].

Graff 1: Ambitu tal-Forza tax-Xogħol għas-Saħħa

[pic] |

IL-ĦSIEB WARA L-GREEN PAPER

L-istrateġija għas-saħħa tal-Kummissjoni Ewropea adottata f'Ottubru 2007 u ppubblikata fil-White Paper "Flimkien għas-Saħħa" ressqet approċċ ġdid biex tiżgura li l-UE qiegħda tagħmel dak kollu li tista' biex tittratta sfidi bħal theddid għas-saħħa, pandemiji, il-piż ta' mard relatati mal-istil ta' ħajja, inugwaljanzi, il-bdil fil-klima f'Ewropa mkabbra għal 27 Stat Membru. Hija għandha l-mira li trawwem is-saħħa f'Ewropa li qiegħda tixjieħ billi tippromwovi s-saħħa matul il-ħajja, billi tħares liċ-ċittadini minn theddid għas-saħħa u billi tappoġġja sistemi ta' saħħa dinamiċi u t-teknoloġiji l-ġodda.

Din il-Green Paper timmira li żżid il-viżibilità tal-kwistjonijiet li tiffaċċja l-forza tax-xogħol tas-saħħa tal-UE, biex tiġġenera stampa iktar ċara ta' kemm maniġers tas-saħħa lokali u/jew nazzjonali jiffaċċjaw l-istess sfidi u tipprovdi bażi aħjar biex jitqies x'jista' jsir fil-livell tal-UE biex dawn il-problemi jiġu indirizzati b'mod effettiv, u b'mod li ma jħallix impatt negattiv fuq is-sistemi tas-saħħa barra l-UE.

Il-Green Paper għandha l-mira li tiddeskrivi b'mod li jkun kemm jista' jkun preċiż l-isfidi ffaċċjati mill-forza tax-xogħol tas-saħħa tal-UE li huma komuni għall-Istati Membri kollha: il-kwistjoni tad-demografija (popolazzjoni globali li qed tixjieħ u forza tax-xogħol tas-saħħa li qed tixjieħ), li jfisser li hemm numru insuffiċjenti ta' żgħażagħ li ġejjin mis-sistema biex jieħdu post dawk li jitilqu; id-diversità tal-forza tax-xogħol tas-saħħa; il-fatt li l-varjetà wiesgħa ta' xogħlijiet marbuta mas-saħħa pubblika u l-kura tas-saħħa mhumiex attraenti biżżejjed għall-ġenerazzjonijiet il-ġodda; il-migrazzjoni ta' professjonisti tas-saħħa minn u lejn l-UE; il-mobilità inugwali fi ħdan l-UE - u b'mod partikolari l-moviment ta' xi professjonisti tas-saħħa minn pajjiżi ifqar jew ogħna fi ħdan l-UE, kif ukoll in-nixfa ta' mħuħ fis-settur tas-saħħa f'pajjiżi terzi.

It-tieni għan ta' din il-Green Paper hija li tgħin tidentifika fejn il-Kummissjoni temmen li tista' tittieħed azzjoni ulterjuri u li tniedi dibattitu dwar dan.

QAFAS ĠURIDIKU U BAżI GħAL AZZJONI FIL-LIVELL TAL-UE

L-Artikolu 152 tat-Trattat KE jgħid li "Azzjoni Komunitarja fil-qasam tas-saħħa pubblika għandha tirrispetta bis-sħiħ ir-responsabbiltajiet tal-Istati Membri għall-organizzazzjoni u l-għoti ta' servizzi tas-saħħa u l-kura medika." Madankollu, l-Artikolu jenfasizza wkoll li l-Komunità għandha tinkoraġġixxi kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u tippromwovi koordinament tal-politiki u l-programmi tagħha.

Azzjoni Komunitarja għalhekk hija maħsuba li tikkomplementa l-politiki nazzjonali. Ir-responsabilità prinċipali għall-organizzazzjoni u t-twassil tas-servizzi tas-saħħa hija tal-Istati Membri, imma l-UE għandha rwol importanti li tappoġġja l-Istati Membri u żżid il-valur bħal permezz ta' netwerking u t-tqassim ta' prassi tajba.

Barra minn hekk, it-Trattat KE u l-leġiżlazzjoni sekondarja jistipulaw regoli li jridu jiġu rispettati mill-Istati Membri meta jorganizzaw is-settur tas-saħħa tagħhom.

Fir-rigward tal-leġiżlazzjoni sekondarja, eżempji rilevanti jinkludu direttivi tal-liġi tax-xogħol tal-Komunità Ewropea bħad-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol, li tiffissa l-limiti massimi għall-ħin tax-xogħol, u timponi perjodi ta' serħan kuljum u fil-ġimgħa sabiex tħares is-saħħa u sigurtà tal-ħaddiema. Id-Direttiva tipprovdi rekwiżiti minimi komuni għall-Istati Membri kollha imma kull Stat Membru jibqa' liberu li japplika regoli li huma iktar favorevoli għall-ħarsien tal-ħaddiema, jekk ikun jixtieq.

Id-deċiżjonijiet tal-Qorti dwar ħin ta' disponibilità u serħan kompensatorju jqajmu mistoqsijiet importanti għas-servizzi tas-saħħa u l-kura[3]. Il-Kummissjoni diġà ressqet proposti leġiżlattivi[4] li bħalissa qegħdin jiġu diskussi mill-Kunsill u l-Parlament Ewropew[5].

FATTURI LI JINFLUWENZAW IL-FORZA TAX-XOGħOL GħAS-SAħħA FL-UE U L-KWISTJONIJIET EWLENIN LI JRIDU JIġU INDIRIZZATI

Demografija u l-promozzjoni ta' forza tax-xogħol tas-saħħa sostenibbli

Iċ-ċittadini qegħdin jgħixu għal iktar żmien u f'saħħa aħjar. Il-medja tal-għomor żdiedet konsistentement mis-snin 1950 b'madwar sentejn u nofs kull deċennju u mistennija li tkompli tiżdied.

[pic]

Graff 2: Tbassir tal-popolazzjoni 2008 - 2060

B'popolazzjoni li qed tixjieħ huwa kruċjali li n-nies jikbru b'saħħithom. Is-Snin ta' Ħajja B'Saħħa Tajba jridu jkunu massimizzati. Madankollu, peress li n-nies jgħixu iktar, huwa mistenni li jkun hemm numri dejjem jiżdiedu ta' anzjani b'diżabilità severa u fil-bżonn ta' kura fit-tul[6]. Peress li kundizzjonijiet kroniċi multipli huma iktar prevalenti f'età iktar avvanzata, dan se jkollu implikazzjonijiet għall-għoti tal-kura. Barra minn hekk, id-domanda għall-kura formali x'aktarx li tiżdied minħabba t-tnaqqis probabbli ta' disponibilità ta' kuraturi informali pereżempju b'riżultat ta' bdil fl-istrutturi tal-familja.

Bħal ma tixjiħ il-popolazzjoni, hekk ukoll tagħmel il-forza tax-xogħol. Bejn l-1995 u l-2000, l-għadd ta' tobba taħt l-età ta' 45 madwar l-Ewropa niżel għal 20 %, filwaqt li l-għadd ta' 'l fuq minn 45 sena żdied b'iktar minn 50 %. Għall-infermiera wkoll, l-etajiet medji qed jiżdiedu; f'ħames Stati Membri kważi nofs l-infermiera għandhom iktar minn 45 sena[7]. Hekk kif dan il-persunal joqrob lejn l-età tal-irtirar hemm bżonn ta' għadd suffiċjenti ta' rekluti iżgħar biex jieħdu posthom.

Il-parteċipazzjoni tan-nisa fil-forza tax-xogħol tas-saħħa storikament kienet sinifikanti u qiegħda tiżdied. Kumplessivament, tliet kwarti tal-forza tax-xogħol tas-saħħa fl-UE huma nisa u f'xi Stati Membri d-dħul ta' nisa fl-iskejjel mediċi issa huwa 'l fuq minn 50 %[8]. Il-promozzjoni ta' miżuri tal-ugwaljanza bejn is-sessi fl-istrateġiji tar-riżorsi umani hija għalhekk partikolarment importanti.

Il-pjan ta’ rotta għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel 2006-2010[9] jistabbilixxi għadd ta' azzjonijiet bil-ħsieb li tinkiseb indipendenza ekonomika ugwali fit-teħid tad-deċizjonijiet tan-nisa u l-irġiel u jipproponi miżuri biex titjieb ir-rikonċiljazzjoni tax-xogħol, il-familja u l-ħajja privata.

Il-qofol biex tinżamm forza tax-xogħol suffiċjenti, meta ffaċċjati mill-irtirar imminenti tal-ġenerazzjoni tal-"baby boom", huwa li jinżammu u jiġu edukati u reklutati tobba żgħażagħ filwaqt li jkun hemm investiment ġdid f'forza tax-xogħol matura.

Fatturi influwenti u oqsma fejn azzjoni hija possibbli: Stima tal-livelli ta' nfiq tal-forza tax-xogħol tas-saħħa L-iżgurar ta' kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar għall-ħaddiema tas-saħħa, Żieda fil-motivazzjoni u l-moral tal-persunal Kunsiderazzjoni għall-kampanji ta' reklutaġġ u taħriġ, b'mod partikolari biex jinkiseb vantaġġ mit-tkabbir tal-popolazzjoni ta' 'l fuq minn 55 sena fil-forza tax-xogħol u dawk li m'għadx għandhom impenji familjari L-organizzazzjoni ta' prassi ta' ġestjoni ta' mard kroniku u l-għoti ta' kura fit-tul eqreb għad-dar jew f'ambjent ta' komunità Provvediment għal stazzjonament iktar effettiv tal-forza tax-xogħol disponibbli Kunsiderazzjoni għal kampanji "lura għax-xogħol" biex tattira lil dawk li telqu mill-forza tax-xogħol tas-saħħa Il-promozzjoni ta' iktar diversità soċjali u etnika fir-reklutaġġ Qawmien ta' kuxjenza fl-iskejjel dwar il-firxa kbira ta' karrieri fis-setturi tas-saħħa u l-kura |

Kapaċità tas-Saħħa Pubblika

- Il-funzjoni tas-saħħa pubblika tikkonsisti f'firxa ta' attivitajiet diversi biex iħarsu u jtejbu s-saħħa tal-popolazzjoni ġenerali, jittrattaw inugwaljanzi fis-saħħa, u jindirizzaw il-bżonnijiet ta' gruppi żvantaġġati u vulnerabbli. Il-ħidmiet jinkludu t-twettiq ta' bżonnijiet tas-saħħa u valutazzjonijiet tal-impatt tas-saħħa għall-ippjanar tas-servizzi, il-prevenzjoni tal-mard, pereżempju permezz ta' tilqim u programmi ta' monitoraġġ u edukazzjoni, żgurar tal-forniment tad-demm, sorveljanza epidemjoloġika, u ppjanar u reazzjoni għat-theddid għas-saħħa minn tifqigħat ta' mard infettiv, pandemiji u diżastri naturali jew maħluqa mill-bniedem, inklużi dawk ġejjin mill-bdil fil-klima.

Il-promozzjoni tas-saħħa u l-prevenzjoni tal-mard mhumiex biss importanti fihom infushom, imma jistgħu jnaqqsu d-domanda futura għal trattament u servizzi ta' kura. Il-forza tax-xogħol tas-saħħa pubblika madwar l-UE jrid ikollha l-ħiliet meħtieġa u jkollha kapaċità biżżejjed biex tkun tista' twettaq dawn l-attivitajiet b'mod effettiv, u dan hemm bżonn li jiddaħħal fil-pjanijiet ta' taħriġ u reklutaġġ.

Is-saħħa relata mal-post tax-xogħol se teħtieġ fokus speċjali peress li kwistjonijiet tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol huma determinanti importanti tas-saħħa pubblika kumplessiva. Problemi bħal inċidenti fuq ix-xogħol se jkomplu jiġu indirizzati, imma kunsiderazzjonijiet ġodda bħall-bidliet fir-ritmi tax-xogħol, teknoloġiji ġodda fix-xogħol, l-ilħuq ta' bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja, il-mobilità tal-impjiegi u stress relatat mal-post tax-xogħol, jitolbu fokus speċjali fuq is-saħħa fix-xogħol bħala determinanti importanti ta' saħħa pubblika kumplessiva. L-istrateġija adottata reċentement dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol 2007-2012 (COM(2007) 62) tistabbilixxi sensiela ta' għanijiet ambizzjużi li l-Istati Membri tal-UE qablu li jilqgħu u jappoġġjaw. Madankollu, l-ilħuq ta' dawn l-għanijiet jiddependi bil-qawwi mid-disponibilità tal-ħaddiema tas-saħħa speċjalizzati neċessarji, bħal tobba tas-saħħa fuq ix-xogħol u infermiera u spetturi tas-saħħa u s-sigurtà.

Fatturi influwenti u oqsma fejn azzjoni hija possibbli: It-tisħiħ tal-kapaċità għal monitoraġġ, il-promozzjoni tas-saħħa u l-prevenzjoni tal-mard Il-ġbir ta' tagħrif aħjar dwar bżonnijiet potenzjali tas-saħħa tal-poplu sabiex jiġi ppjanat l-iżvilupp futur tal-forza tax-xogħol tas-saħħa pubblika. Il-promozzjoni ta' vokazzjonijiet xjentifiċi fl-iskejjel billi jiġu enfasizzati l-possibilitajiet ta' karriera f'xogħlijiet tas-saħħa pubblika inqas magħrufa (bijologi, epidemjologi, eċċ.) L-għoti ta' iktar viżibilità lill-Aġenzija għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq ix-Xogħol (OSHA) fl-Istati Membri billi tiġi ppubbliċizzata l-eżistenza tagħha direttament fil-postijiet tax-xogħol Il-promozzjoni tax-xogħol ta' tobba tas-saħħa fuq ix-xogħol u l-għoti ta' inċentivi lit-tobba biex jidħlu f'dan il-qasam. |

Taħriġ

- Il-kapaċità għat-taħriġ hija kwistjoni li trid titqies ukoll bħala parti tal-ippjanar tal-forza tax-xogħol. Jekk ikun hemm bżonn ta' iktar tobba u infermiera u persunal ieħor, ikun hemm bżonn ta' iktar postijiet fl-universitajiet u iktar skejjel ta' taħriġ kif ukoll iktar għalliema biex iħarrġuhom. Dan jeħtieġ kemm ippjanar u kemm investiment.

L-Istati Membri se jkollhom jivvalutaw x'tipi ta' ħiliet speċjalizzati se jkun hemm bżonn, meta jitqies li t-trattamenti tal-kura tas-saħħa jinbidlu mal-introduzzjoni ta' teknoloġija ġdida, l-effetti ta' popolazzjoni li qed tixjieħ fuq ix-xejra tal-mard, iż-żieda f'pazjenti anzjani b'kundizzjonijiet kroniċi multipli. Problema speċifika hija li iżjed vjaġġar u mobilità żiedu wkoll ir-riskju ta' tixrid ta' mard li qabel kienu iktar prevalenti f'pajjiżi tropikali. Dan qed joħloq rekwiżit ta' taħriġ ġdid għall-ħaddiema tal-klinika u għal dawk impjegati fis-sorveljanza tal-mard li jittieħed.

Fatturi influwenti u oqsma fejn azzjoni hija possibbli: L-iżgurar li l-korsijiet ta' taħriġ ikunu mfassla biex iqisu l-bżonnijiet speċjali ta' nies b'diżabilitajiet (dawn għandhom jirċievu l-istess kwalità ta' kura bħal pazjenti li m'għandhomx diżabilitajiet u jingħataw is-servizzi tas-saħħa speċifiċi li għandhom bżonn[10]). L-iffukar fuq l-iżvilupp professjonali kontinwu (CPD) tal-professjonisti tas-saħħa. L-aġġornament ta' ħiliet professjonali jtejbu l-kwalità ta' riżultati tas-saħħa u jiżguraw is-sigurtà tal-pazjenti. L-iżvilupp ta' korsijiet ta' taħriġ li jħeġġu r-ritorn tal-forza tax-xogħol ta' ħaddiema maturi. L-għoti ta' taħriġ ta' ġestjoni għall-professjonisti tas-saħħa It-trawwim ta' kooperazzjoni bejn l-Istati Membri fil-ġestjoni ta' numerus clausus għall-ħaddiema tas-saħħa u l-possibilità li jitħallew ikunu iktar flessibbli. L-iżvilupp ta' possibilitajiet għall-għoti ta' taħriġ tal-lingwa għal assistenza għal mobilità potenzjali Il-ħolqien ta' mekkaniżmu tal-UE eż. Osservatorju dwar il-forza tax-xogħol tas-saħħa li jgħin lill-Istati Membri fl-ippjanar futur ta' kapaċità ta' forza tax-xogħol, bżonnijiet ta' taħriġ u l-implimentazzjoni ta' żviluppi teknoloġiċi. |

Ġestjoni ta' mobilità ta' ħaddiema tas-saħħa fi ħdan l-UE

- Il-moviment liberu tal-persuni huwa wieħed mil-libertajiet fundamentali garantiti mil-liġi Komunitarja. Il-moviment liberu tal-ħaddiema huwa stipulat fl-Artikolu 39 KE u żviluppat iktar fir-Regolament 1612/68[11]: huwa jistipula d-dritt għaċ-ċittadini tal-UE biex jaħdmu fi Stat Membru ieħor bħala impjegati jew fiċ-ċivil. Id-dritt ta' stabbiliment huwa stipulat fl-Artikolu 43 li jipprovdi d-dritt li persuna taħdem għal rasha fi Stat Membru ieħor. L-Artikolu 49 inaqqax id-dritt ta' forniment liberu tas-servizzi. Ir-Regolament 1408/71 u r-Regolament implimentattiv 574/72[12] jikkoordinaw il-bosta skemi ta' sigurtà soċjali sabiex jiġi ffaċilitat id-dritt fundamentali tal-moviment liberu. Iċ-ċittadini tal-UE għandhom ukoll id-dritt biex jistudjaw fi Stati Membri oħra bl-istess kundizzjonijiet bħaċ-ċittadini ta' hemmhekk.

Id-Direttiva 2005/36/KE tistipula r-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali fid-dawl ta' stabbiliment fi Stat Membru ieħor u fid-dawl tal-iffaċilitar tal-forniment ta' servizzi transkonfinali fi Stat Membru barra dak ta' stabbiliment. Id-Direttiva introduċiet ukoll rekwiżit għall-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti u dak minn fejn ġej biex jiskambjaw tagħrif rigward azzjoni dixxiplinarja jew sanzjonijiet kriminali li ttieħdu jew kwalunkwe ċirkustanzi speċifiċi serji oħrajn. Barra mill-qafas regolatorju, xi inizjattivi marbuta mal-mobilità tal-professjonisti tas-saħħa ttieħdu minn organizzazzjonijiet professjonali bħall-inizjattiva Professjonisti tas-Saħħa Transkonfinali u l-inizjattiva pilota tal-karta professjonali li t-tnejn li huma għandhom il-mira li jtejbu l-aċċess għat-tagħrif meta titqajjem kwistjoni dwar il-kondotta. Il-progress ta' dawn l-inizjattivi jridu jinżammu taħt reviżjoni.

Il-moviment liberu tal-istudenti u l-ħaddiema jgħin biex jiżgura li l-professjonisti tas-saħħa jmorru fejn huma l-iżjed meħtieġa. Iżda l-professjonisti tas-saħħa jġorru għal varjetà ta' raġunijiet - biex jiksbu karriera u opportunitajiet ta' taħriġ aħjar jew għal paga u kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar. Il-Mobilità tista' għalhekk taffetwwa l-inugwaljanzi - b'mod pożittiv jew negattiv - fi ħdan u bejn il-pajjiżi. F'dan il-kuntest, xi Stati Membri jistgħu ma jkunux lesti li jirriskjaw investiment fit-taħriġ ta' iktar professjonisti tas-saħħa jekk ikun hemm ritenzjoni u ritorn mill-investiment fqar.

Ir-reazzjoni għat-trattament tal-effetti ta' iktar mobilità mhix li jiġu introdotti restrizzjonijiet legali għall-moviment liberu tal-istudenti jew il-ħaddiema, imma li jiġu indirizzati dawn il-kwistjonijiet permezz ta' politiki adatti u b'mod koordinat mal-awtoritajiet tal-UE u Stati Membri oħra. Il-mobilità miżjuda tal-forza tax-xogħol tista' għalhekk titlob lill-maniġers tal-forza tax-xogħol fil-livell lokali u/jew nazzjonali biex jirrevedu l-adegwatezza tal-miżuri ta' reklutaġġ u żvilupp professjonali tagħhom.

Iċ-ċittadini jgawdu wkoll id-drittijiet għal aċċess għall-kura tas-saħħa fi Stati Membri oħrajn. Id-Direttiva propost għal kura tas-saħħa transkonfinali għandha l-għan li tiżgura l-applikazzjoni ta' prinċipji komuni għal kura tas-saħħa transkonfinali fl-UE. Pilastru tad-Direttiva huwa li jiġi realizzat il-potenzjal tal-kooperazzjoni Ewropea f'oqsma fejn dan ikun utli, inkluż f'reġjuni fil-fruntiera, permezz ta' netwerks Ewropej ta' referenza ta' ċentri speċjalizzati, permezz ta' netwerk tal-UE għall-valutazzjoni tat-teknoloġija tas-Saħħa jew permezz ta' e-saħħa.

Fatturi influwenti u oqsma fejn azzjoni hija possibbli: It-trawwim ta' ftehimiet bilaterali bejn l-Istati Membri biex jieħdu vantaġġ minn kwalunkwe tobba u infermiera żejda. Investiment għat-taħriġ u r-reklutaġġ ta' persunal tas-saħħa suffiċjenti biex tintlaħaq l-awtosuffiċjenza fil-livell tal-UE. L-inkoraġġiment ta' ftehimiet transkonfinali dwar it-taħriġ u l-iskambji tal-persunal li jistgħu jgħinu l-ġestjoni tal-fluss 'il barra tal-ħaddiema tas-saħħa filwaqt li tiġi rispettata l-liġi Komunitarja. Il-promozzjoni ta' moviment "ċirkulari" tal-persunal (jiġifieri persunal li jġorr lejn pajjiż ieħor għal taħriġ u/jew biex jikseb esperjenza, u mbagħad imur lura lejn pajjiżu b'għerf u ħiliet addizzjonali). Il-ħolqien ta' forum jew pjattaforma mal-UE kollha fejn il-maniġers jistgħu jiskambjaw l-esperjenzi. |

Migrazzjoni Globali tal-Ħaddiema tas-Saħħa

- In-nuqqas ta' ħaddiema tas-saħħa huwa globali, imma l-problema hija akuta l-iżjed fl-Afrika ta' taħt is-Saħara, fejn il-problema laħqet livell ta' kriżi[13]. In-nuqqas qiegħed jeħżien minħabba żieda fid-domanda u fil-kompetizzjoni għall-persunal mediku u infermiera madwar id-dinja żviluppata.

L-azzjoni dwar is-saħħa fi ħdan l-UE wkoll għandha implikazzjonijiet politiċi importanti għall-politika esterna u ta' żvilupp tal-UE. Sakemm l-UE tieħu l-passi xierqa biex tipproduċi u żżomm numri suffiċjenti tal-ħaddiema tas-saħħa tagħha stess, l-impatt negattiv tal-migrazzjoni fuq is-sistemi tas-saħħa tal-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw mhux probabbli li tonqos[14].

L-Istrateġija tal-UE għal Azzjoni dwar il-Kriżi fir-Riżorsi Umani għas-Saħħa fil-Pajjiżi li Qegħdin Jiżviluppaw[15] adottata f'Diċembru 2005, u l-Programm Ewropew għal Azzjoni (PfA) biex jittratta n-nuqqas kritiku ta’ ħaddiema fis-settur tas-saħħa fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw (2007 – 2013)[16] adottat sena wara, għaraf li l-UE għandha responsabilità biex tieħu l-passi biex tilħaq l-għan tagħha biex tipprovdi kura tas-saħħa ta' kwalità għolja mingħajr impatt negattiv fuq il-qagħda f'pajjiżi mhux tal-UE.

L-UE qiegħda tiżviluppa politika ta' immigrazzjoni komuni[17] li tinkludi approċċi biex jiġi evitat xkiel għall-prospetti ta' żvilupp ta' pajjiżi terzi billi, pereżempju, tiħrax in-"nixfa ta' mħuħ", billi minflok tiġi promossa migrazzjoni ċirkulari. Dawn huma komponent parti mill-Approċċ Globali għall-Migrazzjoni[18]. Barra minn hekk, fl-2007, il-Kummissjoni pproduċiet proposta għal Direttiva għall-faċilitazzjoni tal-ammissjoni ta' migranti bi kwalifiki għolja fl-UE[19]. Fi ħdan din il-proposta, hija prevista klawżola li tirrikjedi speċifikatament reklutaġġ etiku f'setturi, bħas-settur tas-saħħa, li jesperjenzaw nuqqas ta' persunal.

Matul l-aħħar deċennju, ġew prodotti Kodiċi ta' Prassi għal reklutaġġ etiku li għandhom il-mira li jnaqqsu l-impatt negattiv ta' flussi ta' migranti fuq sistemi tas-saħħa vulnerabbli f'pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw. Ir-Renju Unit għandu Kodiċi ta' Prassi għal reklutaġġ Internazzjonali[20] u kemm in-Norveġja[21] kif ukoll l-Olanda[22] ppubblikaw strateġiji għall-forza tax-xogħol li jinkludu politiki ta' reklutaġġ etiku billi jiġu ffissati limiti għal reklutaġġ attiv tal-istat jew billi jiġi promoss ir-reklutaġġ permezz ta' ftehimiet bilaterali. Fil-livell tal-UE fl-2008, il-kumitat tad-djalogu Soċjali Ewropew fis-settur tal-Isptarijiet, magħmul minn HOSPEEM u EPSU li jaġixxu bħala msieħba soċjali Ewropej, adottaw "Kodiċi ta' Kondotta u segwitu għal Reklutaġġ u Ritenzjoni Transkonfinali Etiċi",[23] li għandu l-għan li jippromwovi mġiba etika u li jwaqqaf prattiċi mhux etiċi fir-reklutaġġ transkonfinali tal-ħaddiema tas-saħħa.

L-UE impenjat ruħha li tiżviluppa Kodiċi ta' Kondotta għar-reklutaġġ etiku ta' ħaddiema tas-saħħa minn pajjiżi mhux tal-UE u biex jieħu passi oħrajn biex jimminimizza l-impatti negattivi u jimmassimizza l-impatti pożittivi fuq il-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw li jirriżultaw mill-immigrazzjoni tal-ħaddiema tas-saħħa lejn l-UE[24]. Il-bżonn li dawn l-impenji jkunu miżmuma kien imtenni fir-rapport tal-Progress dwar l-implimentazzjoni tal-PfA adottat f'Settembru 2008.[25]

Fatturi influwenti u oqsma fejn azzjoni hija possibbli: It-twaqqif ta' sett ta' prinċipji biex jiggwidaw ir-reklutaġġ ta' ħaddiema tas-saħħa minn pajjiżi li qed jiżviluppaw u jintroduċu metodi għall-monitoraġġ Appoġġ lid-WHO f'xogħolha biex tiżvilupp kodiċi ta' kondotta globali għal reklutaġġ etiku Stimulu għal ftehimiet Bilaterali u Plurilaterali ma' pajjiżi sorsi u żvlupp ta' mekkaniżmi għall-appoġġ tal-migrazzjoni ċirkulari[26] |

Dejta li tappoġġja t-teħid tad-deċiżjonijiet

- Il-kwistjonijiet kollha deskritti jippreżentaw sfidi għall-pjanifikaturi, fornituri u maniġers tas-sistemi tal-kura tas-saħħa. Is-sitwazzjoni ssir iktar iebsa minħabba n-nuqqas ta' dejta u tagħrif aġġornati u paragunabbli, pereżempju dwar l-għadd ta' ħaddiema tas-saħħa impjegati u li qed jitħarrġu, l-ispeċjalizzazzjonijiet tagħhom, il-firxa ġeografika, l-età, is-sess u l-pajjiż ta' provenjenza tagħhom. Minħabba l-potenzjal li nuqqasijiet f'parti waħda tal-Ewropa jħallu impatt fi bnadi oħra, tagħrif mal-Ewropa kollha jkun importanti għall-ippjanar u l-forniment ta' servizzi tas-saħħa għall-awtoritajiet tas-saħħa kollha madwar l-UE.

Rapport tal-2006 prodott għad-WHO[27], li fih studji tal-każ ta' ħames pajjiżi – l-Estonja, il-Ġermanja, il-Litwanja, il-Polonja u r-Renju Unit – sab li l-ebda wieħed minnhom ma seta' jipprovdi tagħrif preċiż u komplet dwar il-flussi internazzjonali tal-professjonisti tas-saħħa. L-iktar miżura ta' fluss komuni hija miċ-ċertifikati maħruġa lill-awtoritajiet kompetenti ("verifiki"). Dan jagħti miżura annwali ġenerali tan-numru ta' professjonisti, li kkunsidraw li jġorru lejn pajjiż ieħor, imma effettivament ma jġorrux kollha kemm huma, u oħrajn japplikaw iktar minn darba. Pereżempju, ir-rapport tal-pajjiż tal-Estonja jinnota li 182 tabib biss effettivament emigraw mit-344 li ħadu ċ-ċertifikati.

Il-Kummissjoni Ewropea tiġbor dejta dwar id-deċiżjonijiet dwar ir-rikonoxximent ta' kwalifiki koperti mis-sistema settorjali ta' rikonoxximent. Din id-dejta hija miġbura fil-qosor fil-websajt li ġejja:

http://ec.europa.eu/internal_market/qualifications/regprof/index.cfm .

Hija turi moviment, jew l-intenzjoni ta' pprattikar, fi Stat Membru ieħor. Madankollu, peress li m'hemm l-ebda tagħrif ieħor dwar jekk il-professjonist ħax kariga fi Stat Membru ieħor, jekk il-professjonist ġarrx lejn pajjiż terz jew irritornax lejn pajjiżu, din id-dejta tista' tintuża biss bħala prokura fl-assenza ta' tagħrif iktar dettaljat.

Dejta oħra miġbura mill-EUROSTAT dwar l-għadd ta' professjonisti tas-saħħa tiddependi minn x'jiġbru Stati Membri differenti. Din id-dejta hija disponibbli fil-websajt li ġejja:

http://ec.europa.eu/health/ph_information/dissemination/echi/echi_en.htm .

Barra minn hekk jinsab għaddej proġett tal-OECD appoġġjat mill-UE dwar il-migrazzjoni tat-tobba u l-infermiera fil-pajjiżi tal-OECD/UE-25 u fil-ġejjieni se jinkludi wkoll professjonisti tas-saħħa oħrajn. Dan il-proġett se jipprovdi tagħrif utli, imma ma jistax jiżgura komparabilità sħiħa tad-dejta minħabba proċessi ta' reġistrazzjoni differenti u d-differenzi bejn l-Istati Membri fil-grad ta' ġbir ta' dejta ċentrali.

In-Netwerk Ewropew ta' Migrazzjoni (EMN)[28] għamel studju tal-migrazzjoni ġestita fis-settur tas-saħħa f'Novembru 2006 li involva 11 mill-punti ta' Kuntatt Nazzjonali tiegħu. Huwa sab li d-dejta, partikolarment dwar ħaddiema fis-saħħa nazzjonali minn pajjiżi terzi fl-UE, kienet limitata u spiss mqassma madwar bosta sorsi, anke fi ħdan l-istess Stat Membru.

Fatturi influwenti u oqsma fejn azzjoni hija possibbli: L-armonizzazzjoni jew standardizzazzjoni tal-indikaturi tal-forza tax-xogħol tas-saħħa It-twaqqif ta' sistemi li jimmonitorizzaw il-flussi tal-ħaddiema tas-saħħa L-iżgurar tad-disponibilità u l-komparabilità tad-dejta dwar il-forza tax-xogħol tas-saħħa bil-ħsieb li jiġu determinati l-movimenti preċiżi ta' gruppi partikolari tal-forza tax-xogħol tas-saħħa |

L-IMPATT TAT-TEKNOLOġIJI L-ġODDA: INTEJBU L-EFFIċJENZA TAL-FORZA TAX-XOGħOL TAS-SAħħA

- Il-progress fil-kura tas-saħħa jiddependi mill-avvanzi xjentifiċi u teknoloġiċi. It-teknoloġija l-ġdida taffettwa dak li jista' jintlaħaq u kif il-kura tas-saħħa hija organizzata u pprovduta. It-teknoloġiji l-ġodda issa qed jippermettu lill-ħaddiema tas-saħħa biex jaqsmu t-tagħrif b'mod eħfef u biex jaħdmu eqreb ma' xulxin, u b'hekk itejbu l-kura ġenerali. Għal ċerti mard u pazjenti, it-teknoloġija tista' tippermetti li tgħaddi l-biċċa l-kbira tal-kura mill-isptarijiet għal xenarji komunitarji u tal-kura primarja u anke għal djar il-pazjenti, li jista' jtejjeb il-kwalità tal-ħajja u tikkontribwixxi għal użu aħjar tar-riżorsi.

Fil-medda qasira taż-żmien, tekonoloġiji ġodda bħat-telemediċina, jistgħu jiżguraw kopertura għall-kura tas-saħħa aħjar f'żoni mbiegħda jew f'żoni b'nuqqas ta' ħaddiema tas-saħħa. Pereżempju, hemm oqsma fl-UE fejn it-telemediċina tippermetti servizzi dijanjostiċi mill-bogħod, u d-dijanjosi mill-bogħod ta' riżultati ta' eżami mammografiku jgħin biex jitjieb l-aċċess u s-servizzi għall-pazjenti.

L-introduzzjoni ta' teknoloġiji ġodda titlob li l-ħaddiema tas-saħħa jkunu mħarrġa sew, u jekk hemm bżonn jiġu mgħallma ħiliet ġodda, biex jużawhom. Barra minn hekk, se jkun hemm bżonn ukoll li tinkiseb l-aċċettazzjoni tal-forza tax-xogħol tas-saħħa għall-użu tagħhom, li xi kultant jista' jfixkel strutturi u metodi ta' xogħol stabbiliti. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar "It-telemediċina għall-benefiċċju tal-pazjenti, is-soċjetà u l-ekonomija" tipproponi qafas Ewropew biex jittratta xi wħud minn dawn l-isfidi.

Fatturi influwenti u oqsma fejn azzjoni hija possibbli: L-iżgurar ta' taħriġ adatt li jippermetti lill-professjonisti tas-saħħa biex jagħmlu l-aħjar użu mit-teknoloġiji l-ġodda It-teħid ta' azzjoni li tinkoraġġixxi l-użu ta' teknoloġiji tal-informazzjoni ġodda L-iżgurar ta' interoperabilità ta' teknoloġija tal-informazzjoni ġdida L-iżgurar ta' tqassim aħjar ta' teknoloġiji ġodda madwar l-UE. |

IR-RWOL TAL-INTRAPRENDITURI PROFESSJONISTI TAS-SAħħA FIL-FORZA TAX-XOGħOL

- Xi professjonisti tas-saħħa, bħal tobba, psikologi, dentisti, podjatristi, fiżjoterapisti u terapisti tax-xogħol, jaħdmu bħala intraprendituri li jmexxu l-uffiċċji jew iċ-ċentri mediċi tagħhom u jimpjegaw persunal. Il-politiki tal-Kummissjoni biex itejbu l-ambjent tan-negozju fl-Ewropa u jappoġġjaw u jinkoraġġixxu l-intraprenditorjat għandhom impatt fuq dawn l-attivitajiet. Ġiet ippubblikata Komunikazzjoni reċenti tal-Kummissjoni dwar "Intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) - Il-qofol biex ikun hemm iktar tkabbir u impjiegi. Reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-Politika Moderna għall-SMEs" (4 ta’ Ottubru 2007) tagħraf l-importanza tal-kontribuzzjoni tal-SMEs biex jintlaħqu l-miri tal-Istrateġija ta' Liżbona - biex jitrawwem it-tkabbir ekonomiku u jinħolqu xogħlijiet ġodda u aħjar. Intraprendituri bħal dawn jistgħu jikkontribwixxu għat-tisħiħ tat-tkabbir Ewropew u jaġixxu ta' mutur għall-innovazzjoni, l-iżvilupp lokali, it-taħriġ u l-impjiegi, kif ukoll jgħin għat-titjib tal-aċċess għall-kura tas-saħħa.

L-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar (SBA) huwa element kruċjali fl-Istrateġija tat-Tkabbir u l-Imjiegi tal-UE (Komunikazzjoni tal-Kummissjoni "Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir - Att dwar in-Negozji ż-Żgħar għall-Ewropa” - COM(2008) 394). Dan jinkludi sett ta' prinċipji komuni li jkunu ta' gwida għall-politika tal-SMEs kif ukoll azzjonijiet proposti biex il-prinċipju jiġu tradotti fil-prattika. Huwa jiffoka fuq il-promozzjoni tal-intraprenditorjat, u jankra l-prinċipju Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir fit-tfassil tal-politika u l-appoġġ għat-tkabbir tal-SMEs.

Fatturi influwenti u oqsma fejn azzjoni hija possibbli: Inkoraġġiment lil iktar intraprendituri biex jidħlu fis-settur tas-saħħa sabiex itejbu l-ippjanar tal-għoti tal-kura tas-saħħa u biex jinħolqu impjiegi ġodda Eżami tal-ostakli għal attività intraprenditorjali fis-settur tas-saħħa |

POLITIKA TA’ KOEżJONI

- Żvilupp tal-forza tax-xogħol tas-saħħa tal-UE huwa marbut mal-Politika ta' Koeżjoni. Skont il-qafas ġuridiku attwali huwa possibbli li jintużaw Fondi Strutturali biex tiġi żviluppata l-forza tax-xogħol tas-saħħa. Il-Linji Gwida Strateġiċi Komunitarji għall-Koeżjoni, li jiddefinixxu l-prijoritajiet għall-Fondi Strutturali għall-perjodu 2007-13, fihom sezzjoni li tiddeskrivi l-għan li tingħata "Għajnuna biex tinżamm forza tax-xogħol b'saħħitha". Ir-Regolament dwar il-Fond Soċjali Ewropew (FSE) ta' Lulju 2006 (ir-Regolament 1081/2006) jidentifika t-titwil tal-ħajjiet tax-xogħol u "saħħa aħjar" fost l-oqsma prijoritarji tal-FSE. F'dan il-kuntest xi Stati Membri (l-iktar il-ġodda) qed jippjanaw investiment maġġuri fl-edukazzjoni u t-taħriġ tal-professjonisti tas-saħħa billi jużaw il-FSE. Barra minn hekk, xi EUR 5.2 biljun se jkunu investiti fl-infrastruttura tas-saħħa mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali. L-użu effettiv tal-Fondi Strutturali biex jitjiebu l-ħiliet u l-kompetenzi tal-forza tax-xogħol tas-saħħa u l-iżvilupp tal-infrastruttura tas-saħħa jista' jikkontribwixxi b'mod effettiv għat-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u jżid il-kwalità tas-servizzi tas-saħħa, b'hekk inaqqas in-nuqqasijiet fis-saħħa u jsaħħaħ il-koeżjoni fi ħdan u bejn l-Istati Membri.

Fatturi influwenti u oqsma fejn azzjoni hija possibbli: Iktar użu mill-appoġġ offrut mill-fondi strutturali biex jitħarrġu u jiksbu ħiliet ġodda l-professjonisti tas-saħħa Titjib tal-użu mill-fondi strutturali għall-iżvilupp tal-forza tax-xogħol tas-saħħa Żieda fl-użu ta' fondi strutturali għall-infrastrutturi biex jitjiebu l-kundizzjonijiet tax-xogħol |

KONSULTAZZJONI

- Il-Kummissjoni Ewropea ssejjaħ lill-organizzazzjonijiet interessati kollha biex jibagħtu tweġibiet għall-kwistjonijiet imqajma minn din il-Green Paper, sa mhux iktar tard mill-31 ta’ Marzu 2009, preferibilment fl-indirizz elettroniku li ġej SANCO-health-workforce@ec.europa.eu

jew fl-indirizz li ġej:

Il-Kummissjoni Ewropea, B-1049, Brussell, il-Belġju

Sakemm min iwieġeb ma jagħmilx dikjarazzjoni bil-kontra, is-servizzi tal-Kummissjoni jassumu li dawn ma għandhom xejn kontra li t-tweġibiet tagħhom, jew partijiet minnhom, jiġu ppubblikati fil-websajt tal-Kummissjoni u/jew jiġu kkwotati f'rapporti li janalizzaw ir-riżultat tal-proċess ta' konsultazzjoni.

[1] Tbassir tal-popolazzjoni nazzjonali bbażata fl-2008, xenarju ta' konverġenza EUROPOP 2008.

[2] Dubois C, Mc Kee M, Nolte E (2006) Human Resources for Health in Europe, Open University Press, l-Ingilterra.

[3] Meta stqarret li l-ħin li professjonisti tas-saħħa qattgħu bħala ħin ta' disponibilità għandu jingħadd bħala ħin tax-xogħol, anke jekk ikunu qed jistrieħu u sakemm ikollhom jibqgħu fuq il-post tax-xogħol, il-Qorti għarfet li t-tobba, pereżempju, jaħdmu iktar minn 48 siegħa fil-ġimgħa f'ħafna Stati Membri. Biex jikkonformaw ruħhom ma' din id-deċiżjoni, xi Stati Membri jkollhom bżonn ta' sforzi ta' reklutaġġ maġġuri, li mhux dejjem ikun possibbli.

[4] COM(2004) 607 (proposta għall-emenda tad-Direttiva 2003/88/KE); COM(2005) 246 (proposta emendata, li tqis il-fehmiet tal-Parlament Ewropew).

[5] Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill, 15 ta' Settembru 2008; Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew dwar il-Pożizzjoni Komuni - COM(2008) 568.

[6] OECD: Trends in Severe Disability among Elderly People DELSA/HEA/WD/HWP (2007).

[7] Sensiela Politika Osservatorja tad-WHO 2006.

[8] Sensiela Politiki Osservatorji tad-WHO 2006.

[9] COM(2006) 92.

[10] Kif jgħid l-Artikolu 35 tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-drittijiet tal-persuni b’diżabilitajiet li kienet iffirmata mill-Istati Membri kollha u mill-Komunità Ewropea.

[11] Ir-Regolament (KEE) 1612/68 tal-Kunsill tal-15 ta' Ottubru 1968 dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità.

[12] Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1408/71 tal-14 ta’ Ġunju 1971 dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-siġurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità. Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 574/72 tal-21 ta' Marzu 1972 li jistipula l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 dwar l-applikazzjoni ta' skemi ta' sigurtà soċjali għal persuni impjegati u l-familji tagħhom li jiċċaqilqu fi ħdan il-Komunità

[13] Nuqqas kritiku tal-forza tax-xogħol tas-saħħa qiegħda tiġi esperjenzata f'57 pajjiż, li 36 minnhom jinsabu fl-Afrika.

[14] Mhumiex biss dawk f'pajjiżi li qed jiżviluppaw li jemigraw: hemm tobba u infermiera li jħallu l-UE biex jieħdu karigi pereżempju fl-Istati Uniti, il-Kanada, l-Awstralja jew New Zealand.

[15] COM(2005) 642.

[16] COM(2006) 870.

[17] Ara COM(2008) 359 dwar "Politika Komuni dwar l-Immigrazzjoni għall-Ewropa: prinċipji, azzjonijiet u strumenti".

[18] Ara COM (2006) 735 u COM (2007) 247.

[19] COM(2007) 637 finali. Fl-istess ħin, kienet adottata proposta (COM(2007) 638) għal direttiva oħra dwar proċedura ta' applikazzjoni unika u drittijiet komuni għall-ħaddiema nazzjonali ta' pajjiżi terzi residenti legalment kollha.

[20] www.nhsemployers.org

[21] (Reklutaġġ ta' Ħaddiema tas-Saħħa: lejn Solidarjetà Globali) 2007.

[22] Pjan ta' azzjoni "Naħdmu għall-Kura" 2007.

[23] www.hospeem.eu/content/download/313/1631/version/2/file/EPSU-

[24] Il-Parlament Ewropew: Strateġija tal-UE għal Azzjoni dwar il-Kriżi fir-Riżorsi Umani għas-Saħħa fil-Pajjiżi li Qed Jiżviluppaw, u COM(2006) 870, Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u l-Parlament Ewropew: programm għal azzjoni biex jittratta n-nuqqas kritiku ta’ ħaddiema tas-saħħa fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw (2007 - 2013)

[25] SEC(2008) 2476

[26] Migrazzjoni ċirkulari tirreferi għal -persunal li jġorr lejn pajjiż ieħor għal taħriġ u/jew biex jikseb esperjenza, u mbagħad imur lura lejn pajjiżu b'għerf u ħiliet addizzjonali. L-inċentivi jistgħu jieħdu l-forma ta' triq tal-karriera miftiehma, biex il-persuna li qiegħda tirritorna tmur lura f'kariga u tirċievi salarju li jirrikonoxxi l-esperjenza miksuba.

[27] Health Worker Migration in the European Region: Country Case Studies and Policy Implications Buchan J, Perfilieva G.

[28] http://emn.sarenet.es/

Top