Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008DC0604

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Integrazzjoni reġjonali għall-iżvilupp fil-pajjizi tal-AKP {SEC(2008) 2538} {SEC(2008) 2539}

/* KUMM/2008/0604 finali */

52008DC0604

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Integrazzjoni reġjonali għall-iżvilupp fil-pajjizi tal-AKP {SEC(2008) 2538} {SEC(2008) 2539} /* KUMM/2008/0604 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 1.10.2008

KUMM(2008) 604 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Integrazzjoni reġjonali għall-iżvilupp fil-pajjizi tal-AKP {SEC(2008) 2538}{SEC(2008) 2539}

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Integrazzjoni reġjonali għall-iżvilupp fil-pajjizi tal-AKP

1. KUNTEST LI DEJJEM JINBIDEL[1]

Il-globalizzazzjoni ġabret momentum u wasslet għal livell ġdid ta' interdipendenza ekonomika, li fiha l-pajjiżi tal-Afrika, Karibew u l-Paċifiku (AKP) qegħdin jieħdu sehem bis-sħiħ. L-integrazzjoni reġjonali qegħda dejjem iktar titqies bħala għodda biex jitgawdew il-benefiċċji u tilqa' kontra l-impatti negattivi tal-globalizzazzjoni.

L-Ewropa ilha tappoġġja l-inteġrazzjoni reġjonali fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, iżda l-aħħar darba li l-Kummissjoni stabbiliet il-qafas tal-viżjoni tagħha kien fl-1995[2]. Illum, mhux biss l-integrazzjoni reġjonali hija ankrata fis-sod fil-politika dwar l-iżvilupp tal-Unjoni Ewropea (UE)[3], iżda numru ta' iniżjattivi politiċi riċenti għandhom impatt dirett jew jiffukaw fuq l-integrazzjoni reġjonali fil-pajjiżi tal-AKP. B'mod partikolari f'dawn l-aħħar sentejn, żviluppi importanti kienu jinkludu l-programmazzjoni reġjonali tal-għaxar Fond Ewropew għall-Iżvilupp u fażi intensiva ta' neġozjazzjoni tal-Ftehimiet ta' Sħubija Ekonomika (EPAs) mar-reġjuni tal-AKP.

Madanakollu, jista' jsir iktar u aħjar. Hemm bżonn ta' evalwazzjoni, ta' reviżjoni tal-koerenza tal-azzjoni tal-UE u ta' indikazzjoni lejn fejn għandna mmorru. Din il-Komunikazzjoni tipprovdi viżjoni tal-integrazzjoni reġjonali tal-UE konsistenti, kompleta u aġġornata bħala mekkaniżmu prinċipali għall-iżvilupp sostenibbli tal-pajjiżi tal-AKP, tispeċifika r-rwol tal-kooperazzjoni politika reġjonali, u issejjaħ lill-Istati Membri biex jingħaqdu madwar viżjoni u prinċipji komuni.

2. KISBIET U SFIDI TAL-INTEGRAZZJONI REġJONALI FIL-PAJJIżI TAL-AKP

Sa minn nofs is-snin 90, kien hemm espansjoni kontinwa, fil-fond u l-wisa' tal-integrazzjoni reġjonali fl-AKP. L-iktar kisbiet importanti huma l-isforzi biex tkun maħluqa żona ta' kummerċ ħieles u unjoni doganali u monetarja. Madanakollu, "il-prezz tan-nuqqas ta' integrazzjoni" għadu għoli ħafna. L-isfidi speċifiċi huma differenti minn reġjun għal ieħor, iżda ġeneralment ħames kwestjonijet qegħdin kullimkien:

- In-nuqqas ta' approprijazzjoni u kapaċitajiet istituzzjonali fuq livell nazzjonali u reġjonali. Dan jinkludi nuqqasijiet fil-mandati, nuqqas ta' għodod legali u politiċi għall-implimentazzjoni effettiva tal-politika, u nuqqas ta' approprijazzjoni mill-partijiet interresat, b'mod partikolari s-soċjeta ċivili u l-amministrazzjonijiet nazzjonali.

- I l-bżonn li tkun megħluba l-frammentazzjoni tas-swieq reġjonali u li jkunu implimentati aħjar il-ftehimiet ta' integrazzjoni ekonomika. Dan għandu jsir flimkien mas-simplifikazzjoni ta' aġendi ta' integrazzjoni li huma imtennija u inkonsistenti, meta wieħed jikkunsidra l-ispeċifitajet ta' kull reġjun (b'mod partikolaru ir-reġjuni insulari).

- Nuqqas ta' diversifikazzjoni ekonomika : li tirriżulta f'dipendenza għolja fuq numru żgħir ta' prodotti għall-esportazzjoni u nuqqas ta' komplementarjità bejn l-ekonomiji nazzjonali.

- Interkonessjonijiet infrastrutturali ineffiċjenti li jiġġeneraw spejjeż eċċessivament għoljin għat-trasport u l-utilitajiet intra-reġjonali.

- Il-bżonn ta' politika reġjonali iktar effettiva biex tindirizza l-isfidi komuni biex tappoġġja s-sostenibilità billi timminimizza l-esternalitajiet negattivi tal-integrazzjoni ekonomika imtejba, iżżid kemm jista' jkun is-sinerġiji pożittivi bejn l-integrazzjoni ekonomika u t-tkabbir sostenibbli, u tifrex il-benefiċċji u l-ispejjeż tal-integrazzjoni reġjonali b'mod iktar indaqs.

3. IL-PERSPETTIVA TAL-UE DWAR L-INTEGRAZZJONI REġJONALI GħALL-IżVILUPP

Hija proposta d-definizzjoni wiesgħa tal-integrazzjoni reġjonali li ġejja, li tirrifletti l-Ftehim ta' Sħubija ta' Cotonou (CPA): l-integrazzjoni reġjonali hija l-proċess biex jintgħelbu l-ostakli politiċi, fiżiċi, ekonomiċi u soċjali, li jifirdu lill-pajjiżi minn dawk viċini tagħhom, bi ftehim komuni, u biex issir kollaborazzjoni fil-ġestjoni ta' riżorsi komuni u dawk fuq skala reġjonali.

L-esperjenza Ewropea hija punt ta' referenza għal ħafna reġjuni tal-AKP. L-għanijiet politiċi u l-objettivi speċifiċi tal-integrazzjoni reġjonali jixxiebħu. Madanakollu l-metodi użati fir-reġjuni tal-AKP spiss iserrħu fuq il-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni konsenswali iktar milli fuq is-supranazzjonaliżmu u t-tqassim tas-sovranità.

Jistgħu jiġu distinti tliet objettivi ewlenin għall-integrazzjoni reġjonali:

- L-istabilità politika li hija prerekwiżit għall-iżvilupp ekonomiku. L-organizzazzjonijiet reġjonali għandhom rwol dejjem ikbar biex jikkalmaw il-kunflitti fi u bejn pajjiżi u fil-promozzjoni tad-drittijiet umani. L-integrazzjoni reġjonali tgħin ukoll biex tinbena l-fiduċja, ittejjeb il-komprensjoni bejn il-gruppi u iżżid l-interdipendenza.

- L-Iżvilupp ekonomiku: Fi swieq ikbar u iktar armonizzati, il-moviment ħieles ta' prodotti, servizzi, kapital u persuni jippermetti l-ekonomika ta' skala u jistimula l-investiment, b'hekk jistimola t-tkabbir ekonomiku u jżid il-kummerċ nofsinhar-nofsinhar. It-taħlita ġusta ta' żieda gradwali fil-kompetizzjoni reġjonali u extrareġjonali u l-protezzjoni meqjusa jippermettu l-integrazzjoni faċilitata fis-sistema ta' kummerċ globali u jagħmlu l-integrazzjoni reġjonali mezz ta' tkabbir u ta' tnaqqis aċċellerat tal-povertà.

- Prodotti pubbliċi reġjonali : Il-kooperazzjoni bejn il-pajjiżi ġirien biss tista' tindirizza l-isfidi ta' dimenzjoni transnazzjonali bħal ma huma s-sigurtà tal-ikel, ir-riżorsi naturali, il-biodiversità, it-tibdil fil-klima u l-kontroll tal-mard u ta' organiżmi ta' ħsara.

Id-definizzjoni u l-viżjoni multidimenzjonali tal-integrazzjoni reġjonali għandha tkun ta' ggwida l-azzjonijiet[4] kollha tal-UE fl-appoġġ tal-proċessi ta' integrazzjoni tal-pajjiżi tal-AKP.

4. L-APPROċċ TA' APPOġġ TAL-UE PROPOST GħALL-INTEGRAZJZONI REġJONALI GħALL-IżVILUPP TAL-AKP.

B'risposta għall-ħames sfidi identifikati fis-Sezzjoni 2, l-UE għandha timpenja ruħha li tappoġġja l-ħames prijoritajiet ta' hawn taħt[5]. Dan għandu jsir fuq il-bażi tal-pjan ta' żvilupp strateġiku ta' kull reġjun, u djalogu li jirriżulta f'valutazzjoni konġunta tal-isfidi u għandu jiffoka, kif xieraq, fuq l-ispeċifitajiet u l-bżonnijet reġjonali.

4.1. It-tisħiħ tal-istituzzjonijiet reġjonali

L-UE għandha tappoġġja:

- Il-governanza u kooperazzjoni reġjonali għall-paċi u l-istablità , bejn l-istati kif ukoll fi ħdan l-istati, inkluża l-promozzjoni tad-drittijet umani.

- It-titjib tal-kapaċitajiet tal-istituzzjonijiet fuq livell reġjonali u nazzjonali , fi sforz ġdid biex jitqawwew il-kapaċitajiet nazzjonali biex ikunu implimentati l-politiki reġjonali.

- Is-simplifikazzjoni tal-arkitettura istituzzjonali u l-agendi ta' integrazzjoni.

- Sens ta' propjetà ikbar għall-proċessi ta' integrazzjoni reġjonali , b'diversità ikbar ta' persuni involuti fuq livelli kemm nazzjonali kif ukoll reġjonali.

4.2. Il-bini ta' swieq integrati reġjonali

L-UE għandha tkompli tappoġġja r-reġjuni f-dan il-qasam, inkluża:

- L-implimentazzjoni effettiva fl-impenji reġjonali fil-kummerċ u fil-prodotti , inkluża l-modernizzazzjoni tas-sistema tad-dwana u l-ġbir tad-dħul pubbliku.

- L-integrazzjoni tas-settur tas-servizzi u l-investiment bl-objettiv li tiżdied il-kompetizzjoni fis-swieq reġjonali, jitnaqqsu l-ispejjeż eċċessivi tas-servizzi u jkunu stabbiliti regoli ta' investiment reġjonali iktar trasparenti u iktar stabbli.

- L-ostakli tekniċi għall-kummerċ (TBT) u l-istandards sanitarji u fitosanitarji (SPS) . L-istandardizzazzjoni u l-armonizzazzjoni tal-istandards internazzjonali ineħħu l-bżonn tal-kontrolli ta' piż żejjed, itejbu s-sigurtà tal-ikel fuq livell reġjonali u jiffaċilitaw aċċess għas-swieq internazzjonali għall-prodotti magħmula fir-reġjun.

- Integrazzjoni monetarja: Numru ta' aġendi ambizzjużi għall-unjoni monetarja reġjonali fl-AKP għandhom jieħdu f'kunsiderazzjoni li l-progress bejn l-integrazzjoni monetarja u ekonomika għandhom jimxu flimkien. L-UE hija lesta li taqsam l-esperjenza tagħha ta' integrazzjoni u koordinazzjoni tal-politika mas-sħab tal-AKP. Il-kwestjoni tal-koordinazzjoni makroekonomika se tirċievi iktar attenzjoni fil-kuntent tad-djalogu dwar l-appoġġ tal-baġit ġenerali tal-KE fuq livell nazzjonali .

4.3. L-appoġġ għall-iżvilupp tan-negozju

L-UE għandha issaħħaħ id-dimenzjoni reġjonali tal-appoġġ tagħha għall-iżvilupp tan-negozju u l-bini tal-kapaċità produttiva fl-oqsma fejn azzjoni fuq livell reġjonali għandha valur miżjud.

- It-titjib tal-ambjent regolatorju (pereżempju l-liġijiet tan-negozju u tal-kumpaniji, l-istandards internazzjonali, ir-regoli dwar il-proprejtà intellettwali, il-liġi dwar il-kompetizzjoni u l-politika tat-taxxi, inklużi l-frodi tat-taxxi);

- It-tisħiħ tal-kapaċitajiet produttivi (l-iżvilupp ta' strateġiji industrijali u ta' esportazzjoni, istituzzjonijiet ta' taħriġ u riċerka reġjonali);

- L-iżvilupp tas-swieq finanzjarji reġjonali biex il-kapital estern u reġjonali jkun immobilizzat għall-iżvilupp tan-negozju, b'mod partikolari tal-SMEs.

- Il-promozzjoni tal-kooperazzjoni bjen l-impriżi biex jinħolqu netwerks ta' produzzjoni u ktajjen ta' forniment kif ukoll netwerks ta' assoċjazzjonijiet tan-negozju.

4.4. Il-konnessjoni ta' netwerks ta' infrastruttura reġjonali

L-UE għandha tappoġġja ż-żieda fl-istokk tal-infrastruttura, b'emfażi speċjali fuq it-tlestija tal-"ħoloq nieqsa" bejn in-netwerks nazzjonali tat-toroq, tal-enerġija u tat-telekomunikazzjoni. L-appoġġ tal-KE għall-infrastruttura, li jinkludi appoġġ għas-Sħubija dwar l-Infrastruttura tal-UE-Afrika se jiżdied b'50% bejn id-disa' EDF (2000-2007) u l-għaxar EDF (2008-2013). L-Istati Membri tal-UE għandhom jingħaqdu wkoll ma dawn l-isforzi.

4.5. L-iżvilupp ta' politiki reġjonali għall-iżvilupp sostenibbli

L-UE għandha tgħin fl-isforzi tar-reġjuni biex jimmaniġjaw sfidi komuni fejn il-valur miżjud għar-reġjun huwa l-iktar għoli għall-ħajja sostenibbli tal-popolazzjoni. Jiddependi fuq ir-reġjun, dan jista' jkopri:

- Is-sigurtà tal-ikel u l-produzzjoni agrikola: l-armonizzazzjoni tal-politiki u l-standards, is-sistemi ta' tagħrif reġjonali li jwasslu għall-ħidma tas-swieq reġjonali għall-ikel u l-prodotti agrikoli aħjar, il-ġestjoni ta' stokk ta' ikel reġjonali, u politiki kontra d-degradazzjoni u d-deżertifikazzjoni tal-art jistgħu jgħinu biex itejbu s-sigurtà tal-ikel.

- il-ġestjoni komuni tar-riżorsi naturali: Problemi ambjentali transkonfinali jistgħu jkunu indirizzati permezz ta' politiki reġjonali kompleti u effettivi. Il-KE, b'mod partikolari, se tappoġġja l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u t-telf tal-biodiversità kif ukoll il-ġestjoni sostenibbli tas-sajd, tal-foresti, tar-riżorsi enerġetiċi u tal-baċiri tal-ilma.

- Il-koeżjoni soċjali fil-livell nazzjonali: Il-Politiki ta' ridistribuzzjoni nazzjonali u reġjonali huma importanti għall-ispejjeż u l-benefiċċji biex l-integrazzjoni reġjonali tkun distribwita b'mod ekwu fil-pajjiżi u bejn pajjiż u ieħor.

Dan ta' hawn fuq se jkun appoġġjat ukoll bl-iżvilupp ta' kapaċitajiet tax-xjenza u t-teknoloġija biex itejjbu l-kontribuzzjoni tax-xjenza biex tindirizza problemi komuni u biex jitħeġġeġ it-tkabbir u tonqos il-povertà.

5. L-AħJAR UżU TAL-GħODOD TAL-UE BIEX TAPPOġġJA L-INTEGRAZZJONI REġJONALI FIL-PAJJIżI AKP.

L-appoġġ tal-UE għall-integrazzjoni reġjonali tal-AKP hija bbażata fuq il-prinċipji elementari tas-CPA: sens ta' proprjetà, djalogu u żvilupp sostenibbli. Għaldaqstant, l-UE tirrispetta l-għażliet magħmula mis-sħab tagħha dwar l-objettivi, id-disinn, il-veloċità u l-punt fokali tal-proċessi tal-integrazzjoni tagħhom. L-UE għandha tappoġġja l-għazliet li r-reġjuni jagħmlu għalihom infushom. Dan jitlob sforzi u responsabbilitajiet min-naħa tas-sħab tal-AKP ukoll.

Barra min dan, is-sussidjarjetà se tkun il-kunċett ta' gwida prinċipali. Huwa wkoll fl-interess tas-sħab tal-AKP li l-kwestjonijiet ikunu ttratati fuq il-livell li bih l-effiċjenza u l-effettività tal-attività tkun l-ogħla.

5.1. Is-sħubija politika UE-AKP għall-iżvilupp reġjonali

L-UE riċentament approfondiet djalogu politiku globali bejn l-istituzzjonijiet tagħha u r-reġjuni tal-AKP, li wassal għall-adozzjoni ta' strateġiji reġjonali għall-Karibew (Marzu 2006) u l-Paċifiku (Mejju 2006), u l-Istrateġija Konġunta UE-Afrika (Diċembru 2007.

Dan id-djalogu kontinwu jiffoka b'mod partikolari fuq il-paċi, is-sigurtà u l-prevenzjoni tal-kunflitti, kif ukoll fuq il-kondivizjoni tal-esperjenzi dwar l-integrazzjoni u l-politiki komuni. Billi l-UE hija, hija stess, reġjun integrat, dan id-djalogu għandu jevolvi lejn approċċ kompletament konġunt tal-UE.

Għalhekk huwa essenzjali li titjieb il-koerenza u l-effettività tal-istrumenti kollha disponibbli għall-UE, biex jitjieb l-impatt tagħhom fuq il-ħames prijoritajiet deskritti hawn fuq.

5.2. Il-koeżjoni soċjali fil-livell nazzjonali Inżommu mal-ispirtu ta' Cotonou

Biex jissaħħaħ id-djalogu fuq il-livell reġjonali, l-UE għandha:

- Ittejjeb id-djalogu dwar l-integrazzjoni reġjonali: Billi l-Kummissjoni tirrikonoxxi l-importanza kruċjali tal-livell nazzjonali għall-integrazzjoni reġjonali b'suċċess, din se tibda konsultazzjoni regolari dwar kwestjonijiet reġjonali mal-awtoritajiet nazzjonali u, fil-kuntest tal-monitoraġġ regolari tal-impenji ta' governanza meħuda mill-pajjżi tal-AKP, se tingħata attenzjoni partikolari għall-implimentazzjoni, mill-gvernijiet nazzjonali, tal-impenji ta' integrazzjoni reġjonali tagħhom.

L-UE għandha tappoġġja skambji ta' esperjenzi bejn ir-reġjuni u l-possibiltà ta' evalwazzjoni bejn il-pari dwar l-aġendi ta' integrazzjoni reġjonali. Fl-Afrika, dan l-iskambju għandu jinkludi l-Unjoni Afrikana.

Barra minn din, l-UE għandha taqsam l-esperenza tagħha mar-reġjuni tal-AKP fejn ir-reġjuni jemmnu li hi l-iktar relevanti. Numru ta' politiki tal-UE huma relevanti: il-koezjoni ekonomika u soċjali, is-saħħa, is-sigurtà tal-ikel, l-agrikoltura, it-trasport, l-ambjent u l-enerġija.

- Twessa' id-djalogu dwar l-integrazzjoni reġjonali: L-UE għandha tinkoraġġixxi l-ħolqien ta' fora dwar in-negozju reġjonali, u tappoġġja sistematikament il-ħolqien u l-infurzar mill-ġdid ta' fora tas-soċjeta ċivili reġjonali u kumitati parlamentari maħluqa biex isegwu l-integrazzjoni reġjonali.

L-UE għandha wkoll tinkoraġġixxi l-attivitajiet tal-istituzzjonijiet akkademiċi dedikati għall-analiżi tal-integrazzjoni reġjonali u, b'mod ġenerali, l-iniżjattivi dwar il-monitoraġġ tal-integrazzjoni reġjonali fil-pajjiżi tal-AKP – inklużi dawk relatati mal-EPA.

5.3. Politika ta’ żvilupp: Il-Kunsens tal-UE dwar l-Iżvilupp fil-Prattika

Mill-2008 sa l-2013, l-appoġġ għall-integrazzjoni reġjonali se tissaħħaħ permezz tal-għaxar EDF. L-Istati Membri tal-UE għandhom ukoll jaġġornaw l-attivitajiet tagħhom b'mod konsiderevoli.

5.3.1. L-għaqda tal-isforzi tal-UE: Lejn programmazzjoni konġunta

F'konformità mal-prinċipji tal-effettività tal-għajnuna, l-UE għandha tiżviluppa approċċ komuni lejn l-integrazzjoni reġjonali għall-iżvilupp tal-pajjiżi tal-AKP.

- L-UE hija impenjata għall-programmazzjoni konġunta u strateġiji konġunti fuq livell nazzjonali. Il-programmazzjoni reġjonali tal-KE għandha għalhekk tkun l-ewwel pass lejn il-programmazzjoni reġjonali tal-UE .

- Qegħda tkun ippjanata "L-għajnuna tal-UE għall-pakketti reġjonali tal-kummerċ" , li se timplimenta l-Istrateġija ta' Għajnuna għall-Kummerċ tal-UE u tinkludi appoġġ għall-implimentazzjoni tal-EPA. Waqt li tilqa' l-impenn qawwi tal-Kunsill u tal-Istati Membri, il-Kummissjoni ssejjaħ għal sforzi sostanzjalment akbar biex timplimenta dawn il-pakketti mill-aktar fis possibbli.

- L-organizzazzjonijiet reġjonali tal-AKP spiss jiddependu fuq il-kontribuzzjonijiet tad-donaturi. Billi l-għan għandu jkun is-sostenibilltà finanzjarja, il-mobilitazzjoni ta' riżorsi nazzjonali u reġjonali hija kruċjali, b'mod partikolari biex tappoġġja lill-pajjiżi inqas żviluppati fl-iżvilupp tal-proġetti reġjonali.

- Taħt it-tmexxija tar-reġjun, l-UE għandha ssaħħaħ il-koordinazzjoni tagħha ma' sħab ta' żvilupp oħra (bħal ma huma istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali u banek ta' żvilupp reġjonali), sakemm l-appoġġ tagħhom ikun konformi b'mod sħiħ mal-prinċipji ta' Pariġi.

5.3.2. Appoġġ imsaħħaħ tal-KE

L-appoġġ tal-EDF għall-proġetti li jiffokaw fuq ir-reġjun kien ta' €3.2 biljun fil-perjodu 1996-1997 (it-tmien u d-disa' EDF). Il-qasam prinċipali li ħa l-appoġġ kien l-iżvilupp sostenibbli b' €1.2 biljun, imbagħad l-iżvilupp tal-infrastruttura (€777 miljun) u l-iżvilupp tan-negozju (€524 miljun).

Fis-snin li ġejjin, l-għaxar program reġjonali EDG se jkun l-istrument prinċipali tal-appoġġ tal-KE għall-integrazzjoni reġjonali tal-AKP. Waqt li l-EDF b'mod ġenerali, żdied b'mod sostanzjali mid-disa' għall-għaxar EDF, l-allokazzjoni reġjonali irduppjat ukoll għal €1.78 biljun, u dan jirrifletti l-kunsens tal-UE-AKP dwar l-importanza tal-integrazzjoni reġjonali għall-iżvilupp.

Id-Dokumenti ta' Strateġija Reġjonali (RSPs) li għandhom joħorġu, flimkien mal-Progammi Indikattivi Reġjonali[6] (RIPs), li jinkludu analiżi tas-sitwazzjoni tal-integrazzjoni reġjonali u l-istrateġija ta' tweġiba, għandhom iservu għall-ħames prijoritajiet deskritti fis-sezzjoni 4. Dawn għandhom:

- Jipprovdu lir-reġjuni kollha b'appoġġ għall- mekkaniżmi reġjonali biex ikunu mħeġġa l-paċi u l-istabilità , jevitaw u jimmaniġġjaw il-kunflitti, u jiġġieldu t-theddid għas-sigurtà (bħal ma hija l-kriminalità organizzata), b'hekk ikomplu l-aġenda dwar is-sigurtà umana reġjonali iddefinita b'mod wiesgħa. Fl-Afrika tal-Punent, tan-Nofsinhar u tal-Lvant, l-appoġġ tal-EDF se jgħin biex isaħħaħ il-pilastru reġjonali tal-arkitettura panAfrikana tal-paċi u s-sigurtà.

- Jagħtu attenzjoni partikolari lill- integrazzjoni ekonomika reġjonali , bi kważi 75% tal-approprijazzjonijiet indikati (jiġifieri €1.3 biljun) wisq probabli se jingħataw lil dan il-qasam.

- Jiffukaw fuq il- prijoritajiet reġjonali speċifiċi , fi ħdan l-aġenda ta' integrazzjoni ekonomika reġjonali, b'enfażi fuq it-tlestija ta' swieq iktar integrati; l-iżvilupp ta’ kapaċitajiet produttivi; u t-titjib ta’ netwerks ta' infrastruttura u kooperazzjoni reġjonali aħjar għall-promozzjoni tal-politiki tal-enerġija sostenibbli. Se jiffukaw b'mod partikolari fuq il-miżuri ta' appoġġ tal-EPA: kważi nofs l-RIP tal-Karibew kienu allokati lill-impenji tal-EPA tagħhom.

- Jirriflettu d-diversità tar-reġjuni tal-AKP f'termini tal-prijoritajiet tagħhom għall-iżvilupp sostenibbli. Dan japplika b'mod partikolari għat-tieni settur ta' importanza għall-Paċifiku (is-sajd) u l-Afrika Ċentrali (il-forestrija). Huwa previst appoġġ għas-sigurtà tal-ikel u l-agrkoltura fl-Afrika tal-Punent, u għall-art, l-ilma u r-riżorsi tal-baħar fl-Afrika tal-Lvant.

- Jappoġġjaw il- governanza reġjonali tajba , b'emfażi fuq il-bini tal-kapaċità għall-partijiet mhux governattivi.

Fl- għaxar programm nazzjonali tal-EDF , se tingħata iktar importanza għall-kwestjonijiet reġjonali. 30% (€3.7 biljun) tal-allokazzjoni nazzjonali għandha x'taqsam mal-iżvilupp ekonomiku, bil-parti l-kbira jmorru għall-infrastruttura ekonomika (madwar €3 biljun, bil-punt fokali jkunu l-konnessjonijiet reġjonali) u ammont sinifikanti ta' appoġġ għas-settur tal-kummerċ u l-integrazzjoni reġjonali u l-produzzjoni, inkluża l-agrikoltura (madwar € 600 miljun).

L- allokazzjonijiet tal-EDF għall-AKP kollha se jikkontribwixxu biex isaħħu iktar l-integrazzjoni reġjonali fil-każi fejn approċċ trans-reġjonali jista' jkollu valur miżjud, jiġifieri:

- L-Iżvilupp tan-negozju: Il-KE se taħdem mal-Bank ta' Investiment Ewropew biex issaħħaħ is-sinerġiji bejn il-Faċilità ta' Investiment (l-EDF jikkontribwixxi sa € 3.5 biljun għaliha) u r-RIPs tal-għaxar EDF.

Il-missjoni u l-istruttura tat-tmexxija taċ- Ċentru għall-Iżvilupp tal-Impriżi (appoġġ tal-EDF ta' €18 miljun fis-sena bħala medja) għandu jkun addattat biex jinforza mill-ġdid b'mod deċiżiv l-effiċjenza tiegħu u jiffoka fuq l-appoġġ għan-negozju fl-isforzi tagħhom biex jieħdu vantaġġ mill-integrazzjoni reġjonali.

- In-Netwerks ta' infrastruttura: Il-Fond ta' Fiduċja tal-Infrastruttura UE-Afrika se jkun appoġġ ukoll bħala għodda innovattiva għall-implimentazzjoni tas-Sħubija ta' Infrastruttura UE-Afrika. Qegħdin ikunu kkunsidrati mekkaniżmi simili għall-Paċifiku u l-Karibew.

- Il-paċi u s-sigurtà fl-Afrika: Bħala parti mill-Istrateġija Konġunta Afrika-UE, l-UE se tkompli tappoġġja r-rwol tal-partijiiet reġjonali fi ħdan l-aġenda tal-paċi u s-sigurtà fl-Afrika u, b'mod partikolari, permezz tal-Fond għall-Paċi fl-Afrika.

Il-programmi mill-fondi tal-baġit tal-KE ukoll għandhom rwol importanti:

- L-Istrument ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp (programmi b'tema dwar is-Sigurtà tal-Ikel, l-Ambjet u l-Ġestjoni Sostenibbli tar-Riżorsi Naturali inklużi l-Enerġija u l-Investiment fil-Persuni) se jipprovdi appoġġ għall-attivitajiet reġjonali fl-oqsma tal-politika fejn hemm bżonn appoġġ katalitiku jew kumplimentari biex tkun żviluppata l-kooperazzjoni reġjonali.

- Il-"Faċilità speċjali bi tweġiba rapida għaż-żieda drammatika fil-prezzijiet tal-ikel fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw" proposta mill-Kummissjoni se tikkontriwixxi wkoll għall-appoġġ tal-politiki agrikoli u tas-sigurtà tal-ikel reġjonali.

- L-Istrument ta' Stablilità jikkontribwixxi għall-kapaċitajiet tal-stabilizzazzjoni tal-konsolidazzjoni tal-paċi reġjonali, inkluż permezz ta' azzjonijiet u miżuri ta' tweġiba għal kriżi mmirati biex jindirizzaw theddid għas-sigurtà transreġjonali għal żmien twil.

5.3.3. Il-metodu ta' implimentazzjoni iktar effettiv

Biex iż-żieda fl-appoġġ tinħass iktar, l-attivitajiet tal-UE fuq livell ta' program u proġett għandhom isiru iktar strateġiċi permezz ta':

- Lejn approċċ ibbażat fuq program (minflok proġett).

- Il-promozzjoni attiva ta' metodi ta' implimentazzjoni konġunta , bħal ma huma l-kofinanzjament, il-kooperazzjoni delegata u l-fondi miġmugħa. L-esperjenza tal-Fond ta' Fiduċja għall-Infrastruttura tal-UE fl-Afrika jista' jintuża bħala eżempju f'dan is-sens.

- Il-Fondi stabbiliti reġjonalment li għalihom għandhom jikkontribwixxu l-Istati Membri tal-UE u l-KE fil-kuntest tal-EPAs u l-Istrateġija ta' Għajnuna għall-Kummerċ tal-UE jistgħu wkoll ikunu strumenti biex iwasslu l-appoġġ tal-UE u ta' donaturi oħra għall-integrazzjoni reġjonali.

- Prijorità għall-proġetti b'dimenżjoni verament reġjonali , żgurar li l-proġetti u l-attivitajiet i) jappoġġjaw il-prijoritajiet reġjonali direttament, ii) għandhom dimenżjoni verament reġjonali, u iii) għandhom l-għan tal-aħjar riżultati possibbli għat-tkabbir reġjonali.

- It-tisħiħ tad-"dimenżjoni reġjonali" fuq livell nazzjonali , billi d-dimeżjoni reġjonali tkun inkluża b'mod aktar sistematiku fil-proġetti appoġġjati fuq livell nazzjonali.

Għandha tingħata attenzjoni speċjali għar-responsabbiltà u l-kapaċità neċessarja għall-implimentazzjoni effettiva, bl-organizzazzjonijiet reġjonali jingħataw is-setgħa kif xieraq mill-Istati Membri tagħhom biex jiżguraw amministrazzjoni finanzjarja soda tal-fondi tagħhom u tad-donaturi, kif ukoll biex jitneħħew id-djufigħiet tal-kapaċità ta' assorbiment tal-organizzazzjonijiet reġjonali u l-kapaċità tad-donaturi biex jagħmlu monitoraġġ tal-implimentazzjoni.

Fl-aħħar nett, l-integrazzjoni reġjonali tal-AKP għandha tkun appoġġjata f'sinerġija mal-ambjent immedjat tar-reġjuni. Dan ifisser li għandha tkun iffaċilitata l-kooperazzjoni bejn ir-reġjuni Afrikani, pereżempju permezz tal-kofinanzjament ta' proġetti relevanti għal żewġ RIPs jew aktar. Din tinkludi wkoll l-inkoraġġiment tal-kooperazzjoni bejn ir-reġjuni tal-AKP, ir-reġjuni l-aktar imbegħda tal-UE u l-Pajjiżi u Territorji Extra-Ewropej (OCTs), fejn jibqa' potenzjal għal aktar sinerġiji reġjonali[7].

5.4. Il-politika ta’ kummerċ: paradigma li qegħda tinbidel f'ambjent globali dejjem jinbidel

5.4.1. Ftehimiet ta' Partenarjat Ekonomiku

EPA reġjonali komplut ġie konkluż ma' ħmistax il-pajjiż CARIFORUM, waqt li fir-reġjuni oħra tal-AKP, l-UE u sħab tagħha jibqgħu impenjati bis-sħiħ biex jiksbu EPAs kompluti mal-pajjiżi kollha fir-reġjun, li fost l-oħrajn jinkludu dispożizzjonijiet dwar is-servizzi u l-investiment u sett ta' regoli relatati mal-kummerċ reġjonali li huma kompluti kemm jista' jkun.

EPAs reġjonali kompluti huma strument prinċipali fis-sħubija AKP-UE biex iħeġġu l-integrazzjoni reġjonali. Dawn għandhom jgħinu biex jimplimentaw l-iskemi ta' integrazzjoni, jikkonsolidaw is-swieq reġjonali u isaħħu l-politiki ta' governanza ekonomika soda billi iżommuhom fis-sod fi sħubija mal-UE. Partikolarment, l-EPAs reġjonali se:

- Jħeġġu l-implimentazzjoni effettiva tal-kummerċ reġjonali fl-approprijazzjonijiet tal-prodotti billi jappoġġjaw proġetti ta' integrazzjoni tal-kummerċ eżistenti jew ippjanati, inklużi ir-riformi tad-dwana neċessarji.

- J espandu l-kummerċ reġjonali fis-servizzi u jippromwovu l-investiment fi ħdan ir-reġjun u mal-UE (fejn ir-reġjuni jagħżlu li jinkludu dawn il-kwestjonijet fl-EPA) permezz ta' regoli reġjonali iktar trasparenti, stabbli u favur l-iżvilupp.

- Jikkonsolidaw set ta' regoli relatati mal-kummerċ reġjonali billi jindirizzaw kwestjonijiet regolatorji importanti, bħal ma huma l-faċilitazzjoni tal-kummerċ, TBTs (il-barrieri tekniċi għall-kummerċ) u SPS (sanitarji u fitosanitarji). Fejn ir-reġjun huwa lest għalihom, impenji u kooperazzjoni dwar il-kompetizzjoni, il-proprjetà intellettwali, l-aspetti soċjali u ambjentali u r-regoli ta' akkwist pubbliku, se jtejbu l-kundizzjonijiet tal-iżvilupp u n-negozju fuq livell nazzjonali u reġjonali.

L-EPA jesigu riformi fuq livell reġjonali u nazzjonali u fihom dispożizzjonijiet ta' kooperazzjoni ta' żvilupp dettaljati li jimpenjaw lill-UE biex tappoġġja dawn ir-reformi relatati mal-EPA biex ikun hemm l-ogħla benefiċċju u l-inqas spiża fl-iskema ta' kummerċ il-ġdida bejn ir-reġjuni AKP u l-UE.

Inkwiet u kwestjonijiet li baqgħu problematiċi għall-isħab tal-AKP se jkunu indirizzati b'mod flessibbli, b'konsistenza mar-regoli kummerċjali internazzjonali,, waqt li jkun żgurat li jsir proġress lejn EPA reġjonali kompleti. Il-bżonnijiet differenti, il-livelli ta' żvilupp tal-pajjiżi tal-AKP u l-istadji tal-proċessi ta' integrazzjoni reġjonali eżistenti se jkunu meħuda f'kunsiderazzjoni, billi l-EPAs għandhom bżonn jibnu fuq u jħeġġu l-proċessi ta' integrazzjoni reġjonali eżistenti. B'mod partikolari, id-differenzjazzjoni fil-proċessi ta' integrazzjoni reġjonali jistgħu iwasslu għall-ġometija differenti fi ħdan l-EPA.

5.4.2. Sfidi oħra tal-politika kummerċjali fil-pajjiżi tal-AKP

Il-pajjiżi tal-AKP jiffaċċjaw sfidi oħra tal-politika kummerċjali li għandhom ukoll ikunu integrati fis-sħubija tal-UE-AKP.

- L-integrazzjoni bejn ir-reġjonaliżmu u multilateraliżmu. L-UE għandha tafferma mill-ġdid li l-ftuħ reġjonali għandu bżonn ikun iddisenjat sew sabiex ikollu l-ogħla impatt fuq l-iżvilupp tiegħu. Barra minn hekk, l-impenn nazzjonali għall-integrazzjoni reġjonali għandu bżonn jiffaċċja sfidi bħall-kriżi attwali tal-preżżijiet tal-ikel, bil-bżonn ta' soluzzjonijiet politiċi fuq livell reġjonali iktar milli f'deċiżjonijiet nazzjonali li jpoġġu l-approprijazzjonijiet reġjonali fil-periklu.

- Ir-razzjonalizzazzjoni tal-aġendi tal-integrazzjoni kummerċjali fl-Afrika. L-Unjoni Afrikana nehdiet eżerċizzju ta' razzjonalizzazzjoni bil-għan li tiffaċilita l-objettiv tal-integrazzjoni kontinentali għal tul ta' żmien. L-UE għandha tappoġġja eżerċizzju ta' razzjonalizzazzjoni li isaħħaħ il-fondamenti ta' entità Afrikana eventwalment b'ekonomija waħda, waqt li jfittex li jnaqqas il-barrieri għall-kummerċ bejn ir-reġjuni Afrikani kemm jista' jkun. Fil-kuntest tal-Istrateġija Konġunta UE-Afrika, l-UE se tikkopera mal-Unjoni Afrikana u l-Kummissjoni tagħha għal dan il-għan.

6. KONKLUżJONI

L-integrazzjoni reġjonali għandha ssir prinċipju importanti tal-politika dwar l-iżvilupp tal-UE u r-relazzjonijiet UE-AKP. Hija mezz essenzjali għal iktar stabilità politika. Hija mezz biex taċċellera t-tkabbir permezz ta' riformi strutturali kooridinati u ftuħ għall-kummerċ gradwali. L-integrazzjoni reġjonali għalhekk, hija mezz essenzjali biex jintleħaq l-Għan ta' Żvlupp tal-Millenju biex titnaqqas il-faqar fir-reġjuni tal-AKP.

[1] Tagħrif ta' sfond addizzjonali tista' jinstab fid-Dokument ta' Ħidma tal-Istaff tal-Kummissjoni (SEC(2008) 2539 tal- 01.10.2008)

[2] Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-appoġġ tal-Komunità Ewropea għall-isforzi ta' integrazzjoni ekonomika reġjonali fost il-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, COM (1995) 219 finali, is-16 ta' Ġunju 1995.

[3] "Il-Kunsens Ewropew dwar l-Iżvilupp", http://ec.europa.eu/development/policies/consensus_en.cfm

[4] Inkluża s-Sħubija UE-Afrika dwar il-kummerċ u l-integrazzjoni reġjonali.

[5] Ara s-sezzjoni 5 dwar l-għodod.

[6] Id-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni "Id-Dokumenti ta' Strateġija Reġjonali u l-Programmi Indikattivi tal-għaxar Fond ta' Żvilupp Ewropew" (SEC(2008) 2538 tal-01.10.2008). RSPs qegħdin jiġu ffinalizzati. It-tagħrif ipprovdut hawn huwa bla ħsara għall-addozzjoni formali tal-programmi mill-Kummissjoni.

[7] Il- Green Paper tal-Kummissjoni dwar il-futur tar-relazzjonijiet UE-OCT, COM (2008) 383 finali tal-25.06.2008 u l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Istrateġiji għar-Reġjuni l-aktar Imbegħda: kisbiet u prospettivi, COM(2007) 507 finali tal-12.09.2007.

Top