Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008DC0570

Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill dwar is-settur tal-għalf imnixxef

/* KUMM/2008/0570 finali */

52008DC0570

Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill dwar is-settur tal-għalf imnixxef /* KUMM/2008/0570 finali */


[pic] | IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussell, 19.9.2008

COM(2008) 570 finali

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL

dwar is-settur tal-għalf imnixxef

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL

dwar is-settur tal-għalf imnixxef

INTRODUZZJONI

Skont l-Artikolu 184(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 (li ħa l-kontroll tal-obbligu pprovdut fl-Artikolu 23 tar-Regolament (KKE) Nru 1786/2003 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq fl-għalf niexef), il-Kummissjoni għandha, qabel it-30 ta’ Settembru 2008, fuq il-bażi ta’ evalwazzjoni tal-organizzazzjoni komuni tas-suq għall-għalf imnixxef, tippreżenta rapport lill-Kunsill dwar dan is-settur. Ir-rapport għandu jittratta b’mod partikolari l-iżvilupp ta’ żoni tal-legumi u għalf ieħor aħdar, il-produzzjoni tal-għalf imnixxef u l-iffrankar miksub fil-fjuwils fossili, u għandu jkun akkumpanjat, jekk meħtieġ, minn proposti xierqa.

Għal dan ir-rapport, il-Kummissjoni kkunsidrat rapport estern ta’ evalwazzjoni dwar is-settur tal-għalf imnixxef[1].

DESKRIZZJONI TAL-ISKEMA TA’ GħAJNUNA

Sfond

Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1067/74 stabbilixxa l-organizzazzjoni komuni tas-suq (OKS) għall-għalf imnixxef mill-1 ta’ April 1974, bil-għan li jżid il-provvista domestika ta’ l-għalf għall-annimali rikki fil-proteini. Ġie introdott livell uniformi ta’ għajnuna, bis-sena kummerċjali tibda fl-1 ta’ April u tispiċċa fil-31 ta’ Marzu kull sena. Biex jikkwalifika għall-għajnuna, l-għalf imnixxef prodott kellu jissodisfa standards tal-kwalità fir-rigward tal-kontenut ta’ indewwa u proteini.

Wara evalwazzjoni fl-1978, ġie adottat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1117/78. F’dan ir-Regolament, ġie stabbilit prezz gwida sabiex jiggarantixxi lill-produtturi qligħ ġust. Billi l-għalf imnixxef fix-xemx kien soġġett ukoll għal kompetizzjoni minn għalf tal-annimali minn pajjiżi terzi, kienet introdotta għajnuna għall-għalf imnixxef fix-xemx iżda f’livelli aktar baxxi mill-għalf deidrat.

Matul it-tmeninijiet, il-produzzjoni żdiedet b’mod stabbli. Dan irriżulta f’żidiet fin-nefqa totali li ma setgħux jiġu kkontrollati, billi ma kien tpoġġa l-ebda limitu fuq il-kwantitajiet li għalihom kellha titħallas għajnuna. Għalhekk, fl-1995, biex jiġu limitati l-ispejjeż u jkunu influwenzati l-livelli tal-produzzjoni fl-UE, ġie adottat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 603/95. Kienet introdotta Kwantità Garantita Massima (MGQ) ta’ 4 412 400 tunnellata għall-għalf deidrat u 443 500 tunnellata għall-għalf imnixxef fix-xemx.

Bir-riforma tal-2003, kif stipulata fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1786/2003 saru iżjed aġġustamenti fl-iskema.

L-iskema ta’ għajnuna preżenti

Mill-1 ta’ April 2008, l-OKS attwali għall-għalf imnixxef hija stipulata fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta' swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS). Ir-Regolament (KE) Nru 1234/2007 ħa post ir-Regolament tal-Kunsill (KE) preċedenti Nru 1786/2003 li stabbilixxa OKS għall-għalf imnixxef wara r-riforma tal-2003 u din ġiet implimentata mill-2005. Il-proċessuri huma mogħtija għajnuna ta’ €33 kull tunnellata kemm għall-għalf deidrat kif ukoll għall-għalf imnixxef fix-xemx. Biex tiġi kkontrollata n-nefqa, hija imposta MGQ ta’ 4 960 723 tunnellata kull sena kummerċjali għall-għalf deidrat u/jew għall-għalf imnixxef fix-xemx, maqsuma bejn l-Istati Membri. Jekk tinqabeż il-MGQ, l-għajnuna għall-Istat(i) Membru(i) kkonċernat(i) tiġi mnaqqsa bħala funzjoni tal-eċċess.

Sabiex ikun eliġibbli, l-għalf imnixxef irid jissodisfa kriterji tal-kwalità fir-rigward tal-kontenut tiegħu ta’ indewwa u proteini.

Wara r-riforma tal-2003, il-baġit annwali għall-għajnuna għall-ipproċessar tal-għalf imnixxef tnaqqas għal EUR 163 miljun [€33 x 4.96 miljun tunnellata (MGQ)], mil-livell tiegħu ta’ qabel ir-riforma ta’ EUR 300 miljun. In-nefqa proprja ammontat għal EUR 152 miljun fis-sena kummerċjali 2005/2006 u EUR 143 miljun fis-sena kummerċjali 2006/2007. Dan l-użu anqas tal-baġit jista’ jiġi attribwit għat-tnaqqis tal-għajnuna għal €33/t, li wassal għall-produzzjoni ta’ kwantità iżjed baxxa.

Mill-2005, EUR 133 miljun mill-baġit tal-għajnuna għall-ipproċessar tal-għalf imnixxef ġew separati u integrati fl-Iskema tal-Pagament Wieħed, bi drittijiet mogħtija lil min ikabbar, proporzjonati mal-forniment tagħhom ta’ għalf lill-proċessuri tul il-perjodu ta’ referenza 2000-2002.

B’valur kummerċjali medju ta’ €110 għal kull tunnellata, il-produzzjoni ta’ 4.5 miljun tunnellata tal-UE għandha valur kummerċjali totali ta’ €495. Il-livell ta’ għajnuna (EUR 143 miljun fl-2006/2007) jirrappreżenta madwar 30% tal-valur tal-produzzjoni kummerċjalizzata (EUR 495 miljun).

Jekk wieħed iħares lejn l-analiżi statistika tan-nefqa għal kull Stat Membru, l-għajnuna tintuża prinċipalmnet fi Spanja, Franza u l-Italja. Dawn it-tliet Stati Membri assorbew 86% tal-baġit 2006/2007. Il-Ġermanja, l-Olanda, id-Danimarka u r-Renju Unit bejniethom ħadu 10.5% tal-baġit. Fl-Istati Membri ġodda, is-settur tal-għalf imnixxef huwa żgħir: fl-2006, l-UE-10 ħadet biss 1.6% tal-baġit.

Il-kumplessità tal-iskema ta’ għajnuna għall-għalf imnixxef toħloq piż amministrattiv konsiderevoli għas-setturi pubbliċi u privati fl-Istati Membri. L-istimi tal-ispejjeż finanzjarji għall-amministrazzjoni jvarjaw minn Stat Membru għall-ieħor, minn €0.63/tunnellata fi Franza għal €4.42/tunnellata fl-Italja.

Evoluzzjoni tar-rekwiżiti dwar l-eliġibilità

Mill-1974 sal-1999, ir-regoli implimentattivi suċċessivi tal-Kummissjoni ffissaw it-temperatura fil-punt tad-dħul tad-drajer għal 93°C.

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 676/1999, li emenda r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 785/95 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 603/95 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq ta’ l-għalf imnixxef, daħħal temperatura minima ta’ 350° C fil-punt tad-dħul tad-drajer, sabiex jiggarantixxi l-karattru industrijali tal-prodotti. Dan ir-rekwiżit ta’ temperatura għolja rrappreżenta ostakolu tekniku effettiv (u ostakolu għal proċessuri ġodda). Naqqas ukoll l-iżvilupp ta’ pre-hay techniques u l-użu tal-bijomassa biex jitħaddmu d-drajers.

Wara r-riforma tal-2003, ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 382/2005 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1786/2003 naqqas it-temperatura medja tad-drajers għal 250° C biex jinkoraġġixxi metodi li jużaw inqas enerġija u jżid l-użu ta’ għalf aħdar inqas imxarrab. It-temperatura iżjed baxxa wasslet għal żieda fl-użu ta’ pre-hay techniques u ppermettiet l-użu tal-bijomassa, li l-enerġija kalorifika tagħha ma setgħetx tilħaq 350°.

Riċentement, bil-għan li jitwessa’ l-iskop għal applikazzjonijiet kummerċjali ġodda u jiġi faċilitat l-iżvilupp ta’ metodi ta’ manifattura iżjed effiċjenti u tajbin għall-ambjent, ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 382/2005, kif emendat mir-Regolament (KE) Nru 1388/2007, neħħa r-rekwiżiti tekniċi għan-nixxiefa fir-rigward tad-deidrazzjoni tal-għalf frisk (temperatura taż-żona fil-punt tad-dħul, iż-żmien ta’ residenza u l-fond tas-sodda ta’ kull saff).

L-ISTRUTTURA TAS-SETTUR TAL-GħALF IMNIXXEF

Wiċċ

Fl-UE, l-għalf aħdar jirrappreżenta madwar nofs il-kwantità tal-għalf kollu tal-annimali li jiġi kkunsmat. Dan jiġi jew imkabbar direttament jew jinkiseb billi tinqata’ u tiġi kkonservata mergħa permanenti jew temporanja u wċuħ annwali jew multi-annwali (xnien, silla, qamħirrun għall-ħżin f’sajlo, eċċ.).

Fit-tmien pajjiżi produtturi prinċipali (Spanja, Franza, l-Italja, l-Olanda, id-Danimarka, ir-Repubblika Ċeka, ir-Renju Unit u l-Ġermanja), li huma responsabbli għal 96% tal-Kwantità Massima Garantita, iż-żona taħt kuntratt għall-għalf imnixxef fis-sena kummerċjali 2005/2006 kienet ta’ 430 400 ettaru, jew 1% biss taż-żona totali bl-għalf aħdar tal-UE. Minn dawn, 80% jew 344 400 ettaru huma miżrugħa bix-xnien (b’mod speċifiku fi Franza, Spanja u l-Italja), u 86 000 ettaru huma art bil-ħaxix (l-aktar fil-Ġermanja, id-Danimarka u l-Olanda). Dan jirrappreżenta 24% taż-żona totali bix-xnien tal-UE u 0.24% taż-żona totali ta’ art bil-ħaxix, rispettivament.

Għalkemm m’hemmx data affidabbli disponibbli dwar iż-żona taħt kuntratt għall-produzzjoni tal-għalf imnixxef għall-aħħar snin, huwa stmat li din iż-żona naqset għal madwar 415 000 ettaru fl-2007/08 (tnaqqis ta’ 3,5% meta mqabbel mal-2005/06). B’kuntrast, iż-żona totali ta’ xnien (għalf tal-legumi) fl-UE baqgħet kostanti, filwaqt li ż-żona totali ta’ art bil-ħaxix fl-2006/07 żdiedet bi 2%, meta mqabbel mal-2005/06.

Produzzjoni

L-akbar tliet produtturi (Franza, Spanja u l-Italja) huma responsabbli għal 85% tal-produzzjoni tal-UE-27 sostnuta mill-OKS. Żewġ terzi tal-produzzjoni tal-UE hija kkonċentrata fi tliet żoni partikolari ta’ dawn l-Istati Membri: Champagne-Ardenne (80% tal-produzzjoni Franċiża), Aragon u Catalonia (75% tal-produzzjoni Spanjola), u Emilia Romagna u Venezia (75% tal-produzzjoni Taljana). Għal dawn it-tliet pajjiżi produtturi ewlenin, iż-żona taħt kuntratt għall-għalf imnixxef fis-sena kummerċjali 2005/2006 kienet primarjament miżrugħa bix-xnien (98% fi Franza, 97% fi Spanja u 75% fl-Italja). Mill-banda l-oħra, fil-pajjiżi tat-tramuntana, iż-żona taħt kuntratt għall-għalf imnixxef kienet prinċipalment magħmula minn art bil-ħaxix (93% fil-Ġermanja, 80% fid-Danimarka u 64% fl-Olanda). Fuq livell tal-UE, 80% taż-żona taħt kuntratt għall-għalf imnixxef hija miżrugħa bix-xnien.

Fit-tmien pajjiżi produtturi ewlenin[2], madwar 60 000 bidwi jkabbru għalf aħdar taħt il-kuntratt tal-għajnuna għall-ipproċessar. Hemm ukoll 300 impjant għall-ipproċessar, li terz minnhom qegħdin fi Spanja.

L-impjieg dirett fis-settur tal-ipproċessar fl-UE-27 huwa stmat għal 3 000 FTE (ekwivalenti ta’ impjiegi full-time ) u l-impjieg indirett għal 1 500 FTE.

Il-post tal-għalf imnixxef fl-industrija tal-għalf

L-4 439 000 tunnellata ta’ għalf imnixxef eliġibbli għall-għajnuna mill-UE fis-sena kummerċjali 2007/2008 hija ekwivalenti għal madwar 700 000 tunnellata ta’ proteina mhux maħduma u tirrappreżenta madwar 1% tal-proteina totali mhux maħduma kkunsmata mill-bhejjem tal-UE.

Madwar 30% tal-għalf imnixxef jintuża mill-industrija tal-għalf imħallat u s-70% l-ieħor jiġi kkunsmat direttament mill-annimali. Huwa stmat li nofs il-konsum dirett huwa fil-forma ta’ pritkuni (pellets), in-nofs l-ieħor bħala balal twal.

Madwar 20% tad-domanda għall-għalf imnixxef tirriżulta mill-kwalità speċifika tiegħu (eż. għas-setturi tal-ħalib u tal-fniek), filwaqt li t-80% l-oħra sservi bħala sors ta’ proteina u fibra u tista’ tiġi sostitwita minn sorsi oħra ta’ proteina u fibra. Għaldaqstant, l-għalf imnixxef irid jiġi offrut bi prezz kompetittiv meta mqabbel ma’ sorsi oħra ta’ proteina, bħalma huma l-fażola tas-sojja, iż-żerriegħa tal-ġirasol u d-dqiq taż-żerriegħa tal-kolza.

It-teknoloġija tat-tnixxif (deidrazzjoni / għalf imnixxef fix-xemx)

Żewġ tipi ta’ proċedura għat-tnixxif tal-għalf aħdar jibbenefikaw minn għajnuna taħt l-organizzazzjoni komuni tas-suq (OKS): id-deidrazzjoni u t-tnixxif fix-xemx.

Għalf deidrat

Id-deidrazzjoni, li hija proċess ta’ tnixxif b’temperatura għolja, hija l-metodu industrijali dominanti użat mill-impriżi megħjuna mill-OKS. It-teknika tikkonsisti fit-twaddib ta’ arja b’temperatura ta’ 250–900°C ġewwa nixxiefa li minnha jgħaddi l-għalf aħdar. Iż-żona sħuna tassigura tnixxif malajr ħafna, li jagħmilha possibbli li jiġu ppreservati l-proteini, il-valur tal-enerġija u l-lewn tal-għalf.

Ir-rata ta’ umdità inizjali tal-pjanti tista’ tvarja b’mod konsiderevoli, jiddependi mit-tekniki ta’ qabel it-trattament wara l-ħsad u skont ir-reġjun: tista’ tkun iżjed baxxa minn 40%, jekk l-għalf jibqa’ fl-art għal ftit sigħat wara l-qtugħ (Spanja, Italja), u tista’ tilħaq iżjed minn 75% fir-reġjuni tat-tramuntana fejn dan it-tnixxif minn qabel m’huwiex possibbli minħabba l-kundizzjonijiet tat-temp (id-Danimarka, l-Iżvezja).

Qabel ir-riforma tal-2003, l-għalf deidrat eliġibbli kien limitat għal Kwantità Massima Garantita ta’ 4 517 223 tunnellata għal kull sena kummerċjali.

Ix-xejriet fil-produzzjoni fuq livell nazzjonali huma diverġenti ħafna: Spanja u l-Italja raw żieda qawwija fl-għalf deidrat filwaqt li Stati Membri oħra bħal Franza, l-Olanda u l-Ġermanja raw tnaqqis.

Għalf imnixxef fix-xemx

Tradizzjonalment l-għalf tnixxef bix-xemx fl-għalqa. Il-ħuxlief prodott b’dan il-mod imbagħad jiġu kundizzjonat u jinħażen. Sabiex ikun eliġibbli għall-għajnuna, l-għalf imnixxef fix-xemx irid jintaħan f’impjant għall-ipproċessar. Din it-teknika ma kinitx alternattiva għad-deidrazzjoni minħabba allegat telf tal-kwalità fil-prodott lest: rata iżjed baxxa ta’ proteina (telf ta’ weraq fl-għalqa), kontenut iżjed baxx ta’ vitamini u minerali u kwalità sanitarja iżjed fqira minħabba temperatura iżjed baxxa tat-tnixxif.

Qabel ir-riforma tal-2003, l-għalf imnixxef fix-xemx eliġibbli kien limitat għal Kwantità Massima Garantita (MGQ) ta’ 443 500 tunnellata għal kull sena kummerċjali. Ħames Stati Membri biss ibbenefikaw mill-Kwantità Nazzjonali Garantita (GNQ) għall-għalf imnixxef fix-xemx. L-Italja u Spanja huma l-uniċi Stati Membri li għad għandhom livell sinifikanti ta’ produzzjoni. L-Istati Membri l-oħra għandhom livell baxx ta’ produzzjoni (Franza u l-Portugall) jew waqqfu l-produzzjoni għal kollox (Il-Greċja).

L- IMPATT TAL-GħAJNUNA GħALL-IPPROċESSAR

L-impatt fuq il-produzzjoni

L-evoluzzjoni tal-produzzjoni tal-għalf imnixxef fl-UE-15 turi żieda progressiva ta’ 2% fis-sena tul il-perjodu 1995-2005. B’riżultat tar-riforma tal-2003, li ġiet implimentata fl-2005, il-produzzjoni eliġibbli ta’ għalf deidrat fl-UE naqset b’madwar 17% fis-sena kummerċjali 2005/2006 u b’xi 23% fis-sena kummerċjali 2006/2007, meta mqabbel mas-sena kummerċjali 2004/2005 (ara l-Anness).

Fl-2006/2007 u fl-2007/2008, il-produzzjoni tal-għalf imnixxef stabbilizzat ruħha f’madwar 4.45 miljun tunnellata, li 3.9 miljun tunnellata minnhom hija deidrata u 0.55 miljun tunnellata mnixxfa fix-xemx.

Ir-riforma tal-2003 ma rriżultatx f’qalba sinifikanti minn produzzjoni deidrata għal produzzjoni mnixxfa fix-xemx.

L-impatt fuq il-bdiewa

Ġie identifikat titjib fid-dħul b’riżultat tar-riforma tal-2003, minħabba li parti mill-għajnuna preċedenti għall-ipproċessar ġiet trasformata fi ħlas separat lill-bdiewa. Iżda fir-rigward tal-profittabilità, il-marġini gross tal-għalf aħdar naqas, minħabba tnaqqis fil-prezz tal-bejgħ tal-produtturi fis-sena kummerċjali 2005/2006 meta mqabbel mas-sena kummerċjali 2004/2005.

Madankollu, diffiċli ħafna jiġu stabbiliti figuri medji li jirriflettu b’mod preċiż il-profittabilità tal-għalf aħdar, minħabba l-varjetà tas-sistemi li jintużaw għall-produzzjoni u t-tqegħid fis-suq.

Dwar il-ġestjoni tal-irziezet, l-evalwazzjoni turi wkoll li l-bdiewa qegħdin dejjem aktar jagħtu x-xogħol taż-żrigħ u l-ħsad u attivitajiet oħra tal-produzzjoni lill-industrija tal-ipproċessar. Ta’ min jinnota li l-evalwazzjoni ta’ AND International turi li l-uċuħ tar-raba’ li jiġu wara x-xnien fir-rotazzjonijiet jibbenefikaw mill-karatteristiċi agronomiċi tiegħu, li jwassal biex dawn il-prodotti jiksbu profitti akbar.

L-impatt fuq il-proċessuri

Il-forniment tal-materja prima lill-industrija jiddependi fuq li l-proċessuri jkunu kapaċi joffru lill-produtturi prezz għall-prodott mhux maħdum li jagħti marġinu ta’ profitt kompetittiv meta mqabbel ma’ uċuħ oħra (ċereali u żerriegħa taż-żejt). Minħabba l-livelli tal-prezzijiet tas-suq tal-prodott finali, kif ukoll l-ispejjeż tal-ipproċessar, il-prezzijiet kompetittivi għall-materja prima (xnien, ħaxix) jiddependu ħafna fuq l-għajnuna Komunitarja.

Il-pożizzjoni kompetittiva tal-għalf imnixxef meta mqabbel ma’ tipi oħra ta’ sorsi ta’ proteina tiddependi prinċipalment fuq l-ispejjeż tal-enerġija. Konsegwentement, is-sitwazzjoni tvarja b’mod konsiderevoli bejn ir-reġjuni tat-tramuntana tal-UE, fejn il-proċessuri jiffaċċjaw spejjeż għoljin għat-tnixxif, u r-reġjuni tan-nofsinhar, fejn ix-xnien jista’ jitnixxef minn qabel fix-xemx sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż tat-tnixxif.

Minħabba l-importanza tal-għajnuna fid-dħul totali tal-industrija, ħafna proċessuri, l-aktar fir-reġjuni tat-tramuntana, ikollhom jagħlqu u l-impjiegi relatati jintilfu kieku l-iskema kellha tiġi abolita.

L-impatt fuq l-ambjent

Il-ħamrija u l-ilma

Ix-xnien huwa partikolarment apprezzat fir-rotazzjonijiet biex tiġi evitata l-monokultura taċ-ċereali u huwa kkunsidrat iżjed pożittiv għall-ambjent minn uċuħ alternattivi (l-aktar il-qamħirrun, u f’miżura anqas il-qamħ), minħabba l-benefiċċji tiegħu għall-ħamrija, l-ilma, il-bijodiversità u l-pajsaġġ.

Ix-xnien itejjeb l-istruttura tal-ħamrija, jiżviluppa sistema ta’ għeruq fondi, jiksi l-art għal bosta snin, joħnoq il-ħaxix ħażin, jillimita l- eluviations u jnaqqas l-użu tal-pestiċidi. Il-kapaċità tal-uċuħ tal-legumi li jirranġaw in-nitroġenu miż-żona jirriżulta f’użu aktar baxx ta’ fertilizzant tan-nitroġenu. It-telf ta’ ħamrija mill-erużjoni huwa ferm aktar baxx għall-qamħirrun.

L-għalf aħdar jaqbad l-ilma b’mod iżjed effiċjenti minn uċuħ alternattivi; hemm inqas tnixxija mix-xita u l-ħamrija żżomm l-ilma aħjar. Minħabba inputs baxxi u kisja permanenti, ix-xnien għandu effett pożittiv fuq il-kwalità tal-ilma. F’każ ta’ tisqija, ix-xnien jeħtieġ 17% iktar ilma fis-sena mill-qamħirrun, iżda din il-ħtieġa titqassam fuq is-sena b’mod iżjed ugwali, li jevita livelli għoljin ħafna fis-sajf.

It-taħwil multi-annwali, it-tnaqqis tal-monokultura u d-diversifikazzjoni tal-abitati huma kollha kkunsidrati bħala pożittivi għall-bijodiversità u l-pajsaġġ.

Konsum tal-fjuwil fossili

L-ammont ta’ fjuwil fossili li jintuża għat-tnixxif tal-għalf huwa konsiderevoli. L-OKS tippermetti konsum għoli tal-enerġija mill-industrija, l-aktar mill-ħruq ta’ fjuwils fossili, li jirriżulta f’emissjonijiet qawwija ta’ gassijiet tas-serra.

Għas-sena kummerċjali 2004/2005, li kienet l-aħħar sena kummerċjali qabel l-applikazzjoni tar-riforma tal-2003, il-konsum tal-enerġija mill-produtturi fit-tmien pajjiżi produtturi ewlenin irrappreżenta madwar 526 000 tep (tunnellati ekwivalenti ta’ petroleum) – 90% minn fjuwils fossili.

Mis-sena kummerċjali 2005/2006, kien hemm tnaqqis fil-produzzjoni tal-għalf deidrat u, għalhekk, tnaqqis fil-konsum tal-fjuwil. Mis-sena kummerċjali 2004/2005 sas-sena kummerċjali 2006/2007, dan it-tnaqqis huwa stmat għal iżjed minn 127 000 tep, li l-fjuwils fossili jammontaw għal 114 500 tep minnhom.

Konsum tal-enerġija (8 pajjiżi ewlenin) |

Stat Membru | 2004/2005(1) | 2005/2006(1) | 2006/2007(2) |

Għalf imnixxef (miljun t) | tep | Għalf imnixxef (miljun t) | tep | Għalf imnixxef (miljun t) | tep |

Il-Ġermanja | 0,327 | 84 086 | 0,272 | 68 648 | 0,239 | 54 186 |

Id-Danimarka | 0,143 | 31 324 | 0,097 | 21 248 | 0,077 | 11 928 |

Spanja | 2,166 | 90 766 | 1,793 | 62 755 | 1,793 | 60 440 |

Franza | 1,175 | 195 833 | 1,163 | 193 833 | 1,004 | 205 669 |

L-Italja | 0,779 | 64 175 | 0,500 | 41 310 | 0,418 | 21 985 |

L-Olanda | 0,194 | 45 267 | 0,182 | 42 467 | 0,138 | 33 591 |

Ir-Renju Unit | 0,047 | 9 182 | 0,048 | 9 383 | 0,041 | 7 655 |

Ir-Repubblika Ċeka | 0,033 | 5 186 | 0,021 | 5 250 | 0,027 | 3 139 |

Total | 4,864 | 525 819 | 4,076 | 444 894 | 3,737 | 398 593 |

tep/t għalf imnixxef | 0,1081 | 0,1091 | 0,1067 |

Sors: (1) AND International, (2) DG AGRI. |

Il-proporzjon "tep/t għalf imnixxef" jidher li baqa’ kostanti tul il-perjodu mill-2004/2005 sal-2006/2007. Dan jimplika li għal kull tunnellata ta’ għalf imnixxef ma sar ebda ffrankar sinifikanti tal-enerġija b’riżultat tat-titjib fit-teknoloġija. Anki t-tnaqqis fit-temperatura minima tat-tnixxif jidher li ma kellu ebda effett fuq il-konsum tal-enerġija għal kull tunnellata ta’ għalf imnixxef. It-tnaqqis fil-konsum totali ta’ fjuwil huwa marbut direttament mat-tnaqqis fil-produzzjoni tal-għalf deidrat. Spanja u l-Italja juru l-aħjar proporzjon, iżda huma jgawdu minn kundizzjonijiet tat-temp. L-Olanda, il-Ġermanja u Franza jużaw iżjed fjuwil għal kull tunnellata ta’ għalf imnixxef minħabba kundizzjonijiet tat-temp inqas favorevoli. Fl-aħħar nett, ir-Renju Unit u d-Danimarka jidhru li jużaw teknoloġija aktar sostenibbli biex jipproduċu l-għalf imnixxef.

Emissjonijiet ta’ Gassijiet tas-Serra (GHG)

L-użu tal-enerġija mill-industrija tat-tnixxif għandu effetti sinifikanti fir-rigward tal-konsum ta’ riżorsi tal-fjuwil fossili u l-emissjonijiet tal-GHG. Minbarra l-impatt ambjentali tal-użu ta’ riżorsi li ma jiġġeddux, diversi gassijiet pollutanti u trab jiġu rilaxxati mill-kombustjoni ta’ dawn il-fjuwils. Fis-sena kummerċjali 2004/2005, il-kwantità globali ta’ GHG rilaxxati b’riżultat tal-kombustjoni tal-fjuwils fossili mill-impriżi tad-deidrazzjoni fl-UE ammontat għal 1 622 000 tunnellata ekwivalenti ta’ CO2.

It-tnaqqis fil-produzzjoni tal-għalf imnixxef wara r-riforma fil-OKS tal-2003 wassal għall-iffrankar ta’ iżjed minn 80 000 tunnellata ta’ fjuwil. Fis-sena kummerċjali 2005/2006 dan kien ugwali għal tnaqqis ta’ madwar 250 000 te CO2 fl-emissjonijiet ta’ GHG, bejn wieħed u ieħor tnaqqis ta’ 15% fuq l-emissjonijiet totali fis-sena kummerċjali preċedenti.

L-impatt fuq is-suq tal-għalf tal-annimali

L-għajnuna għall-għalf imnixxef kellha impatt limitat fuq il-produzzjoni min-naħa tal-UE ta’ proteina għall-għalf tal-annimali. Fis-sena kummerċjali 2005/2006, hija rrappreżentat madwar 1% tal-proteina totali mhux maħduma kkunsmata mill-bhejjem tal-UE. Wieħed jista’ jfakkar li t-tnixxif tal-għalf huwa sempliċement mezz biex jiġi ppreservat il-kontenut ta’ proteina.

Billi 25% biss tal-produzzjoni tax-xnien hija b’kuntratt għall-produzzjoni tal-għalf imnixxef, it-tneħħija tal-iskema ma tirriżultax fl-għajbien totali tal-prodott.

Id-dqiq tas-sojja jibqa’ s-sors primarju ta’ proteina għas-suq tal-għalf tal-annimali tal-UE, li jirrappreżenta iżjed minn 60% ta’ proteina veġetali. Id-dqiq tas-sojja għandu kontenut ogħla ta’ proteina (bejn 40% u 45%) mill-alternattivi. Għad-dqiq tas-sojja, l-UE tiddependi primarjament fuq l-importazzjoni: fil-fatt, il-produzzjoni domestika tas-sojja tirrappreżenta biss 2% tal-konsum tal-UE.

It-tieni sors ta’ proteina huwa d-dqiq taż-żerriegħa tal-kolza, li għandu kontenut ta’ proteina daqsxejn aktar baxx (bejn 30% u 35%) u li huwa prodott essenzjalment fl-Ewropa.

Billi 80% tad-domanda għall-għalf imnixxef tista’ tiġi sostitwita minn sorsi oħra ta’ proteina, l-aktar importati, l-iskema ta’ għajnuna tal-UE m’hijiex ikkunsidrata bħala effiċjenti.

RIMARKI FINALI

Vantaġġi tal-iskema preżenti | Żvantaġġi tal-iskema preżenti |

Il-produttur | Prezzijiet kompetittivi għall-materja prima | Il-prezz tal-materja prima jiddependi fuq l-għajnuna mill-Komunità |

L-industrija | Żamma tal-impjiegi (madwar 4 500 impjieg) Għajnuna = 22% tad-dħul totali | Il-vijabilità tal-biċċa l-kbira tal-industrija hija dipendenti fuq l-għajnuna mill-UE |

Il-konsumatur (sid il-bhejjem) | Prezzijiet kompetittivi għall-għalf imnixxef | 80% tad-domanda għall-għalf imnixxef tista’ tiġi sostitwita minn sorsi oħra ta’ proteina |

L-ambjent | Fuq il-livell tar-razzett: effetti pożittivi fuq – il-ħamrija – il-kwalità tal-ilma – il-bijodiversità. | Fuq livell globali: effetti negattivi fuq – il-bilanċ nett tal-fjuwil fossil (526 000 tep/sena fl-2004/2005) – il-bilanċ nett fl-emissjonijiet ta’ GHG (1 622 000 te C02 fl-2004/2005). |

Fis-suq tal-għalf, l-għalf imnixxef diġà huwa ta’ importanza limitata bħala sors ta’ proteina veġetali. L-iżviluppi fis-suq tal-għalf, bl-effiċjenza dejjem akbar fl-għalf, it-tkabbir iżjed bil-mod fil-produzzjoni tal-laħam u d-disponibilità ta’ prodotti sekondarji rħas rikki fil-proteina mill-produzzjoni tal-bijofjuwil ikomplu jikkontribwixxu għat-twarrib tal-għalf imnixxef.

Il-profittabilità tas-settur tiddependi ħafna fuq l-għajnuna. Il-valur miżjud tas-settur tal-għalf imnixxef jirrappreżenta 22% tad-dħul totali, li bejn wieħed u ieħor jiġi daqs il-baġit għall-għajnuna tal-UE.

Rigward it-tħassib ambjentali, il-konsum ta’ fjuwil fossili biex jiġi prodott l-għalf imnixxef huwa konsiderevoli u jirriżulta f’emissjonijiet konsiderevoli ta’ gassijiet tas-serra.

Fl-20 ta’ Mejju 2008, il-Kummissjoni adottat proposti leġiżlattivi dwar il-Kontroll tas-Saħħa tal-CAP [COM(2008) 306 finali], li jipprevedu fost affarijiet oħrajn is-separazzjoni sħiħa tal-għajnuna għas-settur tal-għalf imnixxef mill-1 ta’ April 2011 [Artikolu 8(c) tal-proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar modifiki għall-politika agrikola komuni bl-emenda tar-Regolamenti (KE) Nru 320/2006, (KE) Nru 1234/2007, (KE) Nru 3/2008 u (KE) Nru […]/2008]. Kif dikjarat fil-premessa (15) tiegħu "l-għajnuna għandha tiġi separata għalkemm għandu jiġi pprovdut perjodu transitorju qasir ta’ sentejn biex jippermetti lis-settur jaġġusta ruħu" .

Għalhekk, m’hemmx bżonn li dan ir-rapport ikun akkumpanjat minn xi proposti separati.

ANNESS

EVOLUZZJONI TAL-PRODUZZJONI ELIĠIBBLI TA’ GĦALF IMNIXXEF (tunnellati) |

Deidrat |GNQ |1995/96 |1996/97 |1997/98 |1998/99 |1999/00 |2000/01 |2001/02 |2002/03 |2003/04 |2004/05 |2005/06 |2006/07 | |BLEU |8 000 |4 043 |4 329 |4252 |2786 |1 941 |1 740 |1 088 |1 596 |2 743 |3 551 |0 |0 | |Id-Danimarka |334 000 |270 695 |206 784 |224 637 |266 204 |186 339 |168 062 |147 136 |147 337 |124 316 |142 690 |91 580 |76 862 | |Il-Ġermanja |421 000 |342 663 |300 088 |307 729 |320 637 |333 899 |356 535 |334 324 |348 011 |250 821 |327 449 |274 287 |239 365 | |Il-Greċja |32 000 |46 288 |30 026 |38 345 |46 195 |51 550 |43 637 |51 160 |57 833 |48 823 |49 611 |49 475 |34 668 | |Spanja |1 224 000 |1 261 548 |1 413 616 |1 571 256 |1 667 746 |1 769 309 |1 954 585 |1 812 214 |1 882 314 |2 058 269 |2 165 614 |1 793 801 |1 792 986 | |Franza |1 455 000 |1 307 201 |1 090 997 |1 263 874 |1 346 364 |1 303 912 |1 224 880 |1 166 802 |1 093 974 |1 193 269 |1 175 125 |1 156 929 |1 003 591 | |L-Irlanda |5 000 |4 677 |5 859 |6 288 |5 458 |4 941 |4 737 |4 908 |4 338 |4 953 |4 546 |3 974 |4 002 | |L-Italja |523 000 |526 344 |498 540 |561 078 |637 826 |674 152 |676 847 |658 562 |715 757 |661 845 |778 513 |474 112 |418 327 | |L-Olanda |285 000 |220 783 |176 387 |209 514 |223 312 |193 883 |214 347 |181 067 |203 311 |169 889 |194 215 |177 697 |137 576 | |L-Awstrija |4 400 |2 221 |1 959 |2 132 |1 847 |1 978 |2 057 |1 997 |2 688 |1 292 |1 794 |2 087 |1 783 | |Il-Portugall |5 000 |800 |1 936 |3 555 |2 507 |935 |2 209 |3 691 |104 |43 |263 |0 |0 | |Il-Finlandja |3 000 |1 785 |1 325 |1 056 |1 209 |495 |572 |518 |635 |964 |527 |463 |124 | |L-Iżvezja |11 000 |9 493 |7 146 |5 286 |6 615 |6 476 |6 004 |7 506 |8 659 |8 075 |6 196 |4 440 |6 443 | |Ir-Renju Unit |102 000 |71 810 |78 902 |83 572 |81 378 |69 527 |63 309 |50 035 |48 377 |45 262 |47 232 |48 936 |40 616 | | TOTAL UE-15 |4 412 400 |4 070 351 |3 817 894 |4 282 574 |4 610 084 |4 599 337 |4 719 521 |4 421 008 |4 514 934 |4 570 564 |4 897 326 |4 077 782 |3 756 342 | | Ir-Repubblika Ċeka |27 942 | | | | | | | | | |27 |32 522 |27 264 | |Il-Litwanja |650 | | | | | | | | | |1 |509 |856 | |L-Ungerija |49 593 | | | | | | | | | |57 |49 724 |36 405 | |Il-Polonja |13 538 | | | | | | | | | |5 |4 715 |4 168 | |Is-Slovakja |13 100 | | | | | | | | | |3 |3 026 |2 512 | | TOTAL UE-12 |104 823 | | | | | | | | | | 92 |90 495 |71 204 | |TOTAL UE-27 |4 517 223 | | | | | | | | | | 4 897 418 |4 168 277 |3 827 547 | | | | | | | | | | | | | | | | | Imnixxef fix-xemx |GNQ |1995/96 |1996/97 |1997/98 |1998/99 |1999/00 |2000/01 |2001/02 |2002/03 |2003/04 |2004/05 |2005/06 |2006/07 | |Il-Greċja |5 500 |2 550 |1 630 |114 |0 |0 |0 |0 |0 |0 |0 |0 |205 | |Spanja |101 000 |40 716 |36 628 |52 582 |92 814 |84 726 |108 250 |226 792 |104 955 |117 837 |95 197 |119 465 |119 256 | |Franza |150 000 |165 830 |86 048 |14 478 |3 725 |2 513 |2 742 |4 368 |2 585 |2 212 |2 675 |3 157 |3 087 | |L-Italja |162 000 |190 146 |124 520 |86 724 |53 462 |72 920 |90 018 |74 187 |107 352 |91 733 |66 787 |325 130 |395 741 | |Il-Portugall |25 000 |3 144 |3 996 |2 526 |1 365 |1 622 |1 555 |565 |934 |1 784 |1 742 |2 441 |1 717 | | TOTAL UE-27 |443 500 |402 386 |252 823 |156 424 |151 366 |161 781 |202 565 |305 912 |215 826 |213 566 |166 401 |450 193 |520 006 | |

[1] "Etude d’évaluation des mesures communautaires dans le secteur des fourrages séchés", ANDI, COGEA, Univ. Lleida, DACS, Settembru 2007http://ec.europa.eu/agriculture/eval/reports/fourrage/index_fr.htm

[2] Spanja, Franza, l-Italja, il-Ġermanja, l-Olanda, id-Danimarka, ir-Renju Unit u r-Repubblika Ċeka.

Top