Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008DC0447

    Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew - Lejn Partenarjat Strateġiku bejn l-UE u l-Messiku

    /* KUMM/2008/0447 finali */

    52008DC0447

    Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew - Lejn Partenarjat Strateġiku bejn l-UE u l-Messiku /* KUMM/2008/0447 finali */


    [pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

    Brussel 15.7.2008

    KUMM(2008)447 finali

    KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

    Lejn Partenarjat Strateġiku bejn l-UE u l-Messiku

    KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

    Lejn Partenarjat Strateġiku bejn l-UE u l-Messiku

    1. IL-MESSIKU FIX-XENA GLOBALI

    Il-Messiku huwa waħda mill-akbar żewġ ekonomiji fl-Amerika Latina, b’popolazzjoni ta’ 'l fuq minn 105 miljuni u dħul kull ras ta’ kważi $10 000. Il-Messiku ilu membru tal-Ftehim dwar il-Kummerċ Ħieles ta’ Amerika ta’ Fuq (NAFTA) sa mill-1994 u kkonkluda ġabra ta’ ftehimiet dwar il-kumnmerċ ħieles (FTA) ma’ l-imsieħba kummerċjali prinċipali tiegħu. Attwalment, dan il-pajjiż huwa wieħed mill-ftit pajjiżi li qed jiżviluppaw li għandhom FTA ma’ l-Istat Uniti ta’ l-Amerika, l-UE u l-Ġappun. Barra dan, għandu wkoll ftehimiet mal-parti l-kbira tal-pajjiża ta’ l-Amerika Latina, mal-pajjiżi ta’ l-EFTA u ma’ l-Iżrael. Dan in-netwerk ta’ ftehimiet kummerċjali jkopri parti kbira ħafna mill-kummerċ barrani tiegħu.

    Il-Messiku huwa l-uniku pajjiż ta’ l-Amerika Latina li hu msieħeb fl-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp fis-settur Ekonomiku (OECD), li tagħha ilu membru mill-1994. Bħala ekonomija li qed tiżviluppa, il-Messiku għandu rwol importanti fil-proċess ta' l-OECD fejn jidħlu t-tkabbir ekonomiku u l-involvilment imsaħħaħ bil-għan li jiġbed ekonomiji ġodda oħra għal ġewwa l-Proċess ta’ Djalogu globali ta’ Heiligendamm. Il-Messiku huwa wkoll membru attiv ta’ l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ.

    Il-bażi fundamentali makroekonomiku tal-Messiku huwa sod. Ir-relazzjonijiet tiegħu ma’ l-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali huma kważi "mudell" għall-Amerika Latina tallum. Il-Messiku huwa waħda mid-destinazzjonijiet ewlenin għall-flussi ta' investiment dirett barrani (FDI). Bħala pajjiż riċevitur, il-Messiku għandu l-ogħla stokks ta’ l-FDI fl-Amerika Latina (174bn EUR). Barra minn hekk, il-Messiku qed isir wieħed mill-ftit għejun ta’ l-FDI fl-Amerika Latina għall-pajjiżi terzi (26.7bn EUR), meta l-għejun ewlenin huma l-Istati Unitt ta’ L-Amerika, l-UE u xi pajjiżi magħżula fl-Amerika Latina.

    Il-Messiku għadda minn bidliet politiċi u soċjoekonomiċi kbar matul dawn l-aħħar għoxrin sena u wettaq proċess importanti ta’ modernizzazzjoni. Madankollu l-pajjiż għad għandu quddiemu numru ta' sfidi kbar. Partikolarment, dan il-pajjiż għad jonqsu jħabbat wiċċu ma’ problema storika ta' nuqqas ta' ugwaljanza u tqassim tal-ġid li mhuwiex ġust. Barra minn hekk, matul dawn l-aħħar għexieren ta’ snin twieldet differenza fir-rata ta’ tkabbir ekonomiku u fl-ammont ta’ dħul bejn in-Nofsinhar u t-Tramuntana tal-pajjiż. Din id-differenza qed tikkontribwixxi għall-ġenerazzjoni ta’ flussi importanti ta’ migrazzjoni interna u esterna, b’dawn ta’ l-aħħar prinċipalment diretti lejn l-Istati Uniti. B’mod aktar ġenerali, il-livell ta’ koeżjoni soċjali tal-pajjiż għad għandu bżonn jogħla. Barra minn dan, jeħtieġ li jinkiseb aktar progress f’oqsma bħal mhuma l-goveranza u l-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem fuq il-livell lokali. Il-Messiku qed iħabbat wiċċu wkoll ma’ problema ta’ sigurtà minħabba mewġa agressiva ta’ kriminalità organizzata u traffikar tad-droga rampanti. Fil-qasam ekonomiku, l-isfidi ewlenin jinsabu fil-qasam tal-kompetittività tas-swieq u l-kompetizzjoni, speċjalment fis-setturi ta’ netwerks ewlenin bħal mhuma t-telekomunikazzjonijiet, u fir-riformi fiskali ta’ eżekuzzjoni mmirati lejn it-tnaqqis tad-dipendenza fuq il-baġit ibbażat fuq id-dħul miż-żejt.

    Dawn il-problemi u sfidi attwali li l-Messiku jrid jiffaċċja m’għandhomx, madankollu, jnaqqsu mill-importanza tal-bidla li l-pajjiż diġà għadda minnha f’dawn l-aħħar għoxrin sena. Il-Messiku kiber b’mod konsiderevoli fuq il-livelli kollha u għad għandu potenzjal kbir biex jisfrutta l-possibbiltajiet li jeżistu biex b’hekk isir attur dejjem aktar rilevanti fix-xena globali.

    Wieħed mill-akbar assi li għandu l-Messiku fl-Amerika Latina huwa l-qagħda ġeografika strateġika tiegħu fil-fruntiera ma’ l-Istati Uniti. Il-Messiku huwa attur politiku, ekonomiku u kulturali sinifikanti fl-Amerika Latina u r-rwol tiegħu fil-kwistjonijiet globali mistenni jikber maż-żmien. L-ekonomija tiegħu hija integrata b’mod sħiħ fin-NAFTA u l-ilħna tal-kultura għanja tiegħu qed jidwu ma’ l-Amerika Latina kollha. Il-Messiku verament jifforma “pont” kulturali, politiku u fiżiku bejn l-Amerika ta’ Fuq u l-Amerika Latina u kif ukoll, sa ċertu limitu, bejn il-pajjiżi industrijalizzati u dawk li għadhom qegħdin jiżviluppaw. Il-pożizzjoni ta’ “pont” li għandu l-Messiku hija waħda mill-assi ewlenin tiegħu fil-kuntest ta’ komunità internazzjonali multilaterali u multikulturali. Issa li l-valuta ekonomika tal-pajjiż qiegħda dejjem toħroġ fid-dieher, il-Messiku qed isir aktar assertiv u qed jaspira biex ikollu rwol aktar attiv fl-ambjent internazzjonali tallum li qiegħed jinbidel b’ritmu mgħaġġel.

    Din l-attitudni ġdida assertiva hija żvilupp importanti b'paragun ma' l-imgħoddi, meta, għal raġunijiet storiċi u ġeopolitiċi, il-Messiku tradizzjonalment għażel li jadotta attitudni kawta fl-affarijiet internazzjonali. Madankollu, ukoll fl-imgħoddi, il-Messiku saħaq b’mod sistematiku dwar l-importanza tal-multilateraliżmu – pożizzjoni karatteristika li maż-żmien baqgħet dejjem tissaħħaħ. Konsistentement, il-Messiku kien membru attiv tan-NU – organizzazzjoni li dejjem appoġġja. Huwa l-għaxar l-ikbar kontributur għall-baġit tan-NU fid-dinja. Fil-fatt, il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Messiku lin-NU hija l-ikbar fl-Amerika Latina u waħedha tammonta għal madwar 50% tal-kontribuzzjoniet finanzjarji reġjonali totali li tirċievi l-organizzazzjoni.

    2. L-UE u l-Messiku

    F’nofs is-snin disgħin, l-Unjoni Ewropea nnegozjat Ftehim ta’ Partenarjat Ekonomiku, Koordinazzjoni Politika u Kooperazzjoni mal-Messiku, li ġie ffirmat fl-1997 u daħal fis-seħħ fis-sena 2000. Dan il-ftehim – minn hawn 'il quddiem imsejjaħ il-‘Ftehim Globali’ – ipprovda qafas adattat kemm biex japprofondixxi kif ukoll biex isaħħaħ ir-relazzjonijiet politiċi bejn l-UE u l-Messiku (ara ANNESS 1). Il-Ftehim jistrieħ fuq tliet pilasri ewlenin: id-djalogu politiku, il-kummerċ u l-kooperazzjoni. Huwa ppermetta wkoll lill-UE ssaħħaħ il-pożizzjonijiet ekonomiċi u kummerċjali tagħha fil-Messiku, li kienu jinsabu taħt pressjoni kbira minn mindu daħal fis-seħħ in-NAFTA fl-1994.

    Sa minn tard fl-2004, u fuq il-bażi tar-rabtiet ekonomiċi bejn l-UE u l-Messiku li baqgħu dejjem jikbru, l-Istituzzjonijiet ta’ l-UE u l-Messiku li jgħaqqdu l-isforzi tagħhom flimkien biex jintensifikaw il-kuntatti ta’ livell għoli. Dan il-proċess laħaq il-quċċata f’April 2007 meta, fil-Kunsill Konġunt UE-Messiku, il-partijiet ikkonċernati rrikonoxxew li kienet seħħet bidla kwalitattiva kbira fir-relazzjonijiet bilaterali ta’ bejniethom u li r-rabtiet reċiproċi tagħhom kienu ferm eqreb ta’ xulxin. Matul l-2007 u l-2008, seħħew għadd ta’ żjarat uffiċjali ta’ livell għoli fil-Messiku minn diversi rappreżentanti ta’ l-Istati Membri ta’ l-UE u l-Kummissjoni Ewropea, inkluża żjara f’Mejju 2008 mill-President tal-Kummissjoni Ewropea. Matul l-istess perjodu, il-President Calderón ivvjaġġa darbtejn lejn l-Ewropa u żar għadd ta’ kapitali Ewropej u għamel ukoll żjara komprensiva lill-Istituzzjonijiet ta’ l-UE fi Brussell f’Ġunju 2007. Għadd ta’ ministri Messikani marru għal żjarat estensivi fl-Ewropa.

    Minn mindu daħal fis-seħħ il-Ftehim Globali, u partikolarment matul l-aħħar ftit tas-snin, l-UE u l-Messiku żviluppaw djalogu politiku ġenwin dwar problemi ta’ interess reċiproku. Dan l-iżvilupp iġġenera atmosfera sana bejn l-UE u l-Messiku u ħoloq il-kundizzjonijiet politiċi xierqa għall-istabbiliment ta’ djalogu eqreb dwar kwistjonijiet globali. F’dan il-kuntest, inħasset il-ħtieġa tal-ħolqien ta’ qafas politiku usa’ u aktar ambizzjuż bejn l-UE u l-Messiku sabiex id-djalogu politiku jiġi tradott fi strument effettiv għall-koordinazzjoni tal-pożizzjonijiet dwar problemi globali, u kif ukoll dwar problemi oħra ta’ tħassib reċiproku, fl-ambitu ta’ fora multilaterali u istituzzjonijiet internazzjonali.

    Il-kooperazzjoni hija waħda mill-pilastri tal-Ftehim Globali u, konsegwentement, l-UE u l-Messiku qed jimplimentaw attivitajiet importanti u innovattivi ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp. Tnidew djalogi politiċi f’oqsma bħall-ambjent u t-tibdil fil-klima, u kif ukoll il-koeżjoni soċjali. Dawn id-djalogi jaspiraw għall-orjentament ta’ l-attivitajiet ta’ kooperazzjoni u, fl-istess ħin, iservu bħala mezz importanti għall-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Messiku fejn għandhom jaqsmu kwistjonijiet globali sensittivi. Fil-fatt, fir-rigward tal-kwistjoni tat-tibdil fil-klima, il-Messiku adotta pożizzjonijiet li huma qrib ħafna ta' dawk ta' l-UE. Sa tmiem din is-sena, ser ikun probabbli ħafna li jitnieda djalogu politiku dwar l-edukazzjoni u l-kultura, li ser jibni fuq il-programmi eżistenti fl-oqsma taż-żgħażagħ u l-edukazzjoni għolja, u fuq l-istrumenti ta’ kooperazzjoni li għadhom kemm jiġu żviluppati dan l-aħħar fil-qasam kulturali.

    Il-kapaċità xjentifika u teknoloġika kbira li għandu, kif ukoll id-diversità tan-nisġa ta’ l-għarfien tiegħu jagħmlu lill-Messiku sieħeb attrajenti għall-Ewropa fil-qasam tal-kooperazzjoni. Minn mindu daħal fis-seħħ il-ftehim settorjali dwar ix-Xjenza u t-Teknoloġija bejn l-UE u l-Messiku fl-2004, il-kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika bejn l-UE u l-Messiku kibret bil-bosta. B’mod parallel, tnedew għadd ta’ programmi u inċentivi f’oqsma bħad-drittijiet tal-bniedem, il-kultura , l-iżvilupp ta' l-SMEs, il-faċilitazzjoni kummerċjali, eċċ.

    It-tisħiħ progressiv tar-relazzjonijiet bilaterali bejn l-UE u l-Messiku wasslu saflaħħar lill-UE u lill-Mesiku biex jidentifikaw b’mod ċar il-ħtieġa tal-ħolqien ta’ rbit politiku bilaterali aktar mill-qrib u, b’od partikolari, il-ħolqien ta’ “Partenarjat Strateġiku”. Mill-perspettiva Messikana, ir-relazzjoni ma’ l-UE hija fattur fundamentali għad-diversifikazzjoni politika u għall-bilanċ fir-relazzjonijiet internazzjonali tiegħu.

    3. Raġunijiet favur Partenarjat Strateġiku bejn l-UE u l-Messiku

    Hemm għadd ta’ raġunijiet sodi favur li l-UE għandu jkollha lill-Messiku bħala sieħeb strateġiku. Il-Messiku huwa attur globali, huwa attiv fil-grupp G8 + G5 u għandu parti attiva fil-« Proċess Heiligendamm"[1]. Probabbilment, il-piż u l-influwenza tiegħu ser jikbru maż-żmien, ukoll lilhinn mill-Amerika Latina. L-UE tgawdi relazzjoni bilaterali b’saħħitha mal-Messiku, li wasslet għal riżultati u kisbiet importanti matul dawn l-aħħar snin. Barra dan, l-UE taqsam mal-Messiku ġabra ta’ valuri fundamentali ewlenin u tgawdi minn rabtiet storiċi u kulturali mill-qrib ma’ dan il-pajjiż.

    Filwaqt li l-Ftehim Globali hu strument bilaterali b’potenzjal qawwi, l-istatus ta’ sieħeb strateġiku huwa maħsub speċifikament biex joħroġ mill-kapaċità ta’ pajjiż sieħeb bil-għan li dan jeżerċita influwenza qawwija fuq kwistjonijiet globali. Konsegwentement, il-Kummissjoni Ewropea temmen li hija politika b’saħħitha li tikkunsidra lill-membri kollha tal-grupp G5 bħala sħab strateġiċi.

    F’termini purament politiċi, l-intensifikar tar-relazzjonijiet bilaterali għall-grad ta’ status ta’ sieħeb strateġiku jgħolli t-ton u l-livell tar-relazzjoni u jżid sors ġdid ta’ dinamiżmu għall-kooperazzjoni ta’ bejnietna. Madankollu, ir-raġuni prinċipali għall-ħolqien ta’ partenarjat strateġiku mal-Messiku hija l-opportunità biex il-koordinazzjoni ta’ bejnietna tkompli tagħqad fil-fora u l-istituzzjonijiet multilaterali ewlenin. Il-Partenarjat Strateġiku jkun ifisser kooperazzjoni aktar b’saħħitha fejn jidħlu kwistjonijiet globali. Il-koordinazzjoni mal-Messiku jaf ikollha riżultati partikolarment utli jekk jitqiesu l-karatteristiċi multidimensjonali ta’ dan il-pajjiż bħala “pont”. Il-Messiku żviluppa l-kapaċità biex jibbilanċja l-perċezzjonijiet OECD mat-tħassib ta’ pajjiżi li qed jiżviluppaw, u dan tabilħaqq jista’ jkun ta’ vantaġġ utli biex jintlaħaq kunsens f'livell globali. Relazzjoni aktar mill-qrib mal-Messiku tista’ wkoll tiffaċilita l-iżvilupp ta’ kunsens dwar kwistjonijiet reġjonali ewlenin bejn l-UE u sħabha Amerikani Latini.

    Fil-kuntest multilaterali, l-UE u l-Messiku għandhom għalhekk jimmiraw għal żvilupp ta’ ftehim komuni dwar kwistjonijiet globali u reġjonali u b’mod konġunt jieħdu passi prattiċi bi sforz ħalli l-globalizzazzjoni tissawwar b’mod aħjar.

    4. IL-PARTENARJAT STRATEġIKU: MEKKANIżMU FUQ żEWġ LIVELLI

    Meta jitqies dak li ntqal hawn fuq, l-għan ewlieni tal-Partenarjat Strateġiku hu li l-Messiku u l-UE jaġixxu bħala alleati globali fil-fora u l-istituzzjonijiet multilaterali ewlenin kollha.

    F’termini prattiċi, il-Partenarjat Strateġiku ser ikollu implikazzjonijiet fuq żewġ livelli. L-ewwel, ser isaħħaħ il-koordinazzjoni bejn l-UE u l-Messiku fuq il-livell multilaterali dwar kwistjonijiet globali. It-tieni, ser jagħti spinta politika addizzjonali lill-iżvilupp tar-relazzjonijiet u l-inizjattivi bilaterali.

    Konsegwentement, il-Partenarjat Strateġiku ser jiffunzjona fuq il-bażi ta’ mekkaniżmu fuq żewġ livelli għat-tisħiħ tiegħu nnifsu: id-djalogi u l-kooperazzjoni bilaterali ser jitmexxew bħala parti mill-qafas legali u operattiv tal-ftehim eżistenti, u ser jissaħħu permezz tal-qafas politiku ġdid li nħoloq u d-dinamika li se tirriżulta minnu. Dawn id-djalogi u l-kooperazzjoni se joħolqu prossimità u ser jiffaċilitaw skambji fost l-esperti, l-uffiċjali taċ-ċivil u l-ħallieqa tal-politika. Dan, min-naħa l-oħra, ser jippromwovi l-koordinazzjoni fuq kwistjonijiet globali fl-oqsma korrispondenti.

    Fil-kuntest politiku l-ġdid maħluq mill-Partenarjat Starteġiku, l-UE u l-Messiku ser ikollhom aktar opportunitajiet biex jittrattaw fil-fond problemi sensittivi, saħansitra dawk domestiċi. B’hekk il-partijiet ikkonċernati jkunu jistgħu jfittxu li jiksbu – b’enerġija mġedda – ħarsien tal-valuri komuni, bħal mhuma d-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija, l-istat ta’ dritt, il-governanza tajba u s-sigurtà legali.

    5. IL-VALUR MIżJUD: IL-KOORDINAZZJONI BEJN L-UE U L-MESSIKU FUQ KWISTJONIJIET GLOBALI

    Diġà jeżistu valuri, perċessjonijiet u viżjonijiet komuni bejn l-UE u l-Messiku. Mill-perspettiva ta’ l-UE, il-Messiku huwa “pajjiż li jaħsibha bħalha ». Fil-fora multilaterali, ħafna kienu l-okkażjonijiet li fihom il-Messiku wera tendenza li jadotta pożizzjonijiet li huma qrib ħafna ta’ dawk ta' l-UE. Il-Partenarjat Strateġiku għandu jgħin biex ikompli jsaħħaħ din it-tendenza billi jipprovdi qafas politiku b’saħħtu u b’hekk iqawwi l-djalogu u l-koordinazzjoni bejn l-UE u l-Messiku.

    Aktar milli jimmira biex joħloq aġenda komuni jew jipproduċi pjan ta’ azzjoni speċifiku, il-Partenarjat Strateġiku mal-Messiku ser jiffavorixxi l-adozzjoni ta’ metodoloġija għall-konsultazzjoni u l-koordinazzjoni. Huwa għandu jwassal għall-feġġ ta’ sensittività reċiproka ġdida, li ġġiegħel lill-partijiet ikkonċernati jagħtu attenzjoni xierqa għat-tħassib u l-interessi rispettivi tagħhom, f’kull okkażjoni fi fiha huma involuti pożizzjonijiet dwar kwistjonijiet globali.

    Fir-rigward tal-kwistjonijiet globali qed inħabbtu wiċċna ma’ aġenda li qed tevolvi. Matul dawn l-aħħar snin, il-komunità internazzjonali kellha tikkonfronta sensiela ta’ kwistjonijiet ta’ tħassib globali, minn problemi ta’ terroriżmu sa problemi ta’ tibdil fil-klima, minn problemi marbuta mal-volatilità tas-swieq finanzjarji internazzjonali għall-problemi dwar il-prezzijiet ta’ l-ikel u ż-żejt li dejjem tilgħin, eċċ. Pjuttost milli sempliċiment issir lista ta’ l-oqsma għall-kooperazzjoni, l-aktar li jgħodd f’dan l-istadju hu l-ikkultivar ta’ drawwa għall-konsultazzjoni u l-koordinazzjoni, u l-iżviluppar tar-riflessi biex jiġu kkunsidrati fehmiet u tħassib rispettivi matul l-elaborazzjoni u l-adottar ta’ pożizzjonijiet dwar kwistjonijiet globali speċifiċi. Hemm diversi kwistjonijiet globali li dwarhom diġà tinħass b’mod ċar il-ħtieġa ta’ koordinazzjoni effikaċi bejn l-UE u l-Messiku u fejn, f’diversi każi, diġà qed tiġi stabbilita skond il-Ftehim eżistenti. Madankollu, minħabba r-raġunijiet li tfissru aktar ’il fuq, din il-lista mhix u ma tistax tkun eżawrjenti. Fil-preżent, l-oqsma prinċipali li għandhom jiġu mmarkati għall-koordinazzjoni huma dawn li ġejjin:

    1. Kwistjonijiet politiċi, bħal mhuma l-multilateraliżmu, id-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem, id-djalogu kulturali, l-Amerika Latina, l-integrazzjoni reġjonali, il-Grupp Rio;

    2. Kwistjonijiet ta’ sigurtà , bħal mhuma l-ġlieda kontra t-terroriżmu, l-istati falluti, il-kriminalità organizzata, it-traffikar tad-droga u tal-persuni;

    3. Kwistjonijiet ambjentali , bħal mhuma t-tibdil fil-klima, id-diżastri naturali, il-ġlieda kontra l-esplojtazzjoni żejda tal-ħażniet tal-ħut;

    4. Kwistjonijiet soċjoekonomiċi , bħal mhuma l-politika ta’ l-iżvilupp, l-investiment u r-responsabbiltà soċjali, l-innovazzjoni u d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, is-swieq miftuħa, il-politika soċjali, il-ħarsien diċenti soċjali u tax-xogħol, il-migrazzjoni, il-faqar, l-istabbiltà makrofinanzjarja globali, il-governanza tajba fil-qasam fiskali, is-sigurtà ta’ l-enerġija, is-sostenibbiltà u l-effiċjenza mtejba, il-prezzijiet ta’ l-ikel, is-sajd, il-politika tal-baħar u l-governanza ta’ l-oċeani, u l-kwistjonijiet dwar it-trasport ta’ interess komuni.

    6. IMPATT POżITTIV FUQ KWISTJONIJIET BILATERALI

    Id-dinamiżmu politiku ġdid iġġenerat mill-ħolqien ta’ Partenarjat Strateġiku bejn l-UE u l-Messiku, hu mistenni wkoll li jkollu impatt pożittiv fuq kwistjonijiet bilaterali speċifiċi bejn l-UE u l-Messiku. B’mod partikolari għandu jkun mistenni progress f’oqsma bħall-kooperazzjoni soċjali u ekonomika, il-kooperazzjoni fis-settur tad-drittijiet umani, l-iskambji kulturali, il-kooperazzjoni fl-oqsma ta’ l-edukazzkjoni, il-kummerċ, il-kompetizzjoni u l-avjazzjoni ċivili. Dan id-dinamiżmu għandu wkoll iservi ta’ għajnuna biex jiġi sfruttat aħjar il-potenzjal fil-qasam tal-kummerċ u l-investimenti li joffri l-Ftehim Globali.

    7. Arranġamenti istituzzjonali

    L-istruttura istituzzjonali eżistenti stabbilita fil-qafas tal-Ftehim Globali bejn l-UE u l-Messiku wriet li kient vijabbli u effettiva. Inkisbu bosta avvanzi fl-ambitu ta’ din l-istruttura, li laħqu l-quċċata tagħhom fil-livell tajjeb attwali tar-relazzjonijiet.

    Il-Partenarjat Strateġiku għandu jinjetta spirtu ġdid fil-funzjonament tal-qafas eżistenti. Il-partijiet ikkonċernati għandhom jibqgħu lura milli joħolqu aktar kumitati u strutturi jekk ma jkunx hemm verament ħtieġa għalihom. Il- Kunsilli Konġunti u l- Kumitati Konġunti huma mekkaniżmi xierqa għall-koordinazzjoni. L-uniku tibdil li jiddaħħal wara d-dħul fis-seħħ tal-Partenarjat Strateġiku bejn l-UE u l-Messiku għandu jkun l-adattar ta’ l-aġendi sabiex jiġi ddedikat aktar spazju għall-koordinazzjoni fejn jidħlu kwistjonijiet globali rilevanti. Barra minn hekk, sabiex jiġu żgurati l-kontinwità u segwiment xieraq, għandu jinħoloq mekkaniżmu permanenti “bla xaħam” ta’ djalogu dirett fuq livell uffiċjali għoli fi ħdan il-Kumitat Konġunt. Għandha wkoll titħalla miftuħa l-possibbiltà għas-sejħa ta’ laqgħat ta’ koordinazzjoni ad hoc , kulmeta tinħass il-ħtieġa ta’ koordinazzjoni tal-pożizzjonijiet li jridu jiġu adottati f’fora internazzjonali.

    Is- Samits bejn l-UE u l-Messiku fuq livell Presidenzjali għandhom iservu bħala kontinwazzjoni tal-prattika eżistenti u jibqgħu jsiru darba kull sentejn, u għandhom ukoll jiġu istituzzjonalizzati. L-aġenda tagħhom u t-tul ta’ żmien li jieħdu għandhom jitwessgħu biex ikun jista’ jseħħ djalogu politiku u biex tiġi garantita koordinazzjoni politika xierqa fir-rigward tal-kwistjonijiet rilevanti attwali.

    Barra mill-istituzzjonalizzazzjoni tas-Samits UE-Messiku, il-bidla prinċipali li għandha tiddaħħal għandha tkun għalhekk l-iżvilupp ta’ skambji aktar ta’ spiss fuq il-livell operattiv. L-Ambaxxaturi ta’ l-UE u tal-Messiku għandhom jadottaw id-drawwa li jistabbilixxu kuntatti aktar spissi fil-pajjiżi ospitanti , ukoll meta jkunu stazzjonati barra mill-Amerika Latina jew mir-reġjuni Ewropej. L-Ambaxxaturi, il-Kapijiet tal-Missjonijiet u l-esperti stazzjonati fil-bliet kapitali tan-NU għandhom jikkonċernaw irwieħhom b’mod partikolari dwar il-koordinazzjoni mmirata lejn fora u dibattiti tan-NU. Maż-żmien, id-djalogu fuq il-livell ta’ l-ambaxxati bejn id-diplomatiċi u bejn l-esperti dwar kwistjonijiet speċifiċi, jiġġenera aktar għarfien u jwassal għall-adozzjoni ta’ approċċ “ta’ l-istess fehma” lejn il-problemi fuq medda twila ta’ żmien. Dan japplika wkoll għall-kuntatti u l-iskambji fuq il-livell ta’ l-uffiċjali taċ-ċivil jew ta’ l-esperti fil-qafas tal-kooperazzjoni eżistenti bejn l-UE u l-Messiku.

    8. KONKLUżJONI

    Fuq il-bażi tal-konsiderazzjonijiet u l-argumenti ppreżentati hawn fuq, il-Kummissjoni għaldaqstant tirrakkomanda l-ħolqien ta’ Partenarjat Strateġiku bejn l-Unjoni Ewropea u l-Messiku.

    ANNESS 1

    IL-QAFAS LEGALI, ISTITUZZJONALI U OPERATTIV

    TA’ L-UE U L-MESSIKU

    F’termini legali, ir-relazzjonijiet bilaterali huma ggvernati mill-Ftehim Globali, li jistituzzjonalizza djalogu politiku regolari ta' livell għoli. Il-Messiku u l-Unjoni Ewropea għandhom żewġ fora fejn ir-relazzjonijiet ta’ bejniethom jistgħu jiġu kkoordinati, sorveljati u xprunati politikament: il- Kunsilli Konġunti fuq livell Ministerjali, li jsiru kull sentejn u l- Kumitati Konġunti fuq il-livell Viċi-Ministerjali jew ta’ uffiċjal għoli, li jsiru darba fis-sena.

    Barra minn hekk, sabiex jitkabbar il-profil politiku tar-relazzjonijiet bilaterali ta’ bejniethom u jinżammu kuntatti regolari fuq l-ogħla livell, l-UE u l-Messiku ħolqu l-prattika li jorganizzaw Samits Presidenzjali darba kull sentejn.

    L-UE u l-Messiku stabilixxew ukoll djalogu attiv interparlamentari fil-qafas tal-Kumitat Konġunt Interparlamentari bejn l-UE u l-Messiku, li jiltaqa’ darbtejn fis-sena.

    Il-Ftehim Globali ħoloq żona komprensiva ta’ kummerċ ħieles bejn il-Messiku u l-UE, li tkopri l-kummerċ kemm ta’ l-oġġetti kif ukoll tas-servizzi. Fis-snin li segwew wara d-dħul fis-seħħ tal-ftehim, il-kummerċ bilaterali bejn l-UE u l-Messiku kiber b’aktar minn 100 %. Konsegwentement, il-Messiku sar wieħed mill-imsieħba kummerċjali l-aktar importanti ta’ l-UE fl-Amerika Latina, b’potenzjal kbir għal tkabbir ekonomiku. L-UE huwa t-tieni l-akbar imsieħeb kummerċjali tal-Messiku wara l-Istati Uniti ta’ l-Amerika.

    Minbarra l-kummerċ, il-Ftehim Globali bejn l-UE u l-Messiku jkopri firxa wiesgħa ta’ kwistjonijiet ekonomiċi. Il-flussi ta' investiment dirett barrani ta’ l-UE żdiedu b’120% u l-UE bħalissa hija t-tieni l-akbar investitur fil-Messiku wara l-Istati Uniti. Fl-2006 ġie ffirmat Ftehim Strutturali bejn il-Messiku u l-EIB li jipprovdi l-qafas għall-kooperazzjoni fl-oqsma ta’ l-infrastruttura u l-ambjent.

    Barra dan, il-Ftehim fih għadd ta’ klawżoli ta’ reviżjoni mmirati lejn liberalizazzjoni ulterjuri tar-relazzjonijiet kummerċjali bejn l-UE u l-Messiku fl-oqsma tas-servizzi, l-investimenti u l-oġġetti agrikoli. F’Novembru 2004, il-Partijiet ikkonċernati ftiehmu biex jibdew negozjati bil-għan li dawn l-arranġamenti jiġu implimentati. Hekk kif dawn in-negozjati jaslu fi tmiemhom ser jipprovdu ambjent aktar dinamiku għall-operaturi kummerċjali u ser jikkumplimentaw b'mod utli l-possibbiltajiet eżestenti għall-aċċess għas-suq.

    L-UE u l-Messiku stabbilixxew kooperazzjoni attiva għall-iżvilupp. Għall-perjodu 2007-2013, meta jitqies il-fatt li llum il-Messiku huwa pajjiż ta’ dħul medju superjuri, ġiet iffissata allokazzjoni indikattiva ta’ € 55 miljun taħt id-DCI (l-Istrument għall-Finanzjament ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp). Ġew identifikati tliet setturi prijoritarji ta’ kooperazzjoni: il-Koeżjoni Soċjali; l-Ekonomija Sostenibbli u l-Kompetittività; U l-Edukazzjoni u Kultura. Dawn it-tliet setturi prijoritarji huma marbuta ma’ diversi problemi tranżversali li jrid jiġi integrati, b’mod partikolari dawk relatati mad-Drittijiet tal-Bniedem, l-aspetti marbuta ma’ l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa u kif ukoll dawk tas-settur Ambjentali. Il-pern tal-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Messiku hu l-istrument innovattiv tad-djalogi dwar il-politiki u l-għan tiegħu li jipprovdi kontribuzzjoni kwalitattiva u sostenn għall-iżvilupp tal-Messiku permezz ta' l-iskambju u t-trasferiment ta' esperjenzi rilevanti u ta' l-aħjar prassi li jridu jiġu adattati għall-kundizzjonijiet speċifiċi lokali. Memorandum ta’ Ftehim (MoU) ġie ffirmat fis-6 ta’ Ġunju 2007 biex tkun tista’ ssir l-implimentazzjoni tal-kooperazzjoni għall-perjodu 2007-2013.

    ANNESS 2

    Isem uffiċjali: | L-Istati Uniti tal-Messiku |

    Kapitali: | Il-Belt tal-Messiku (Distrito Federal) |

    Arja tas-superfiċi: | 1,972,55 km2 |

    Popolazzjoni: | 105,790,725 (2007) |

    Lingwa uffiċjali: | L-Ispanjol / 56 lingwa indiġena |

    Munita: | Il-Peso |

    In-natura ta’ l-Istat: | Repubblika Federali |

    Diviżjonijiet amministrattivi: | 31 stat u distrett federali wieħed |

    Il-Kap tal-Gvern (il-President): | Felipe Calderón (PAN) |

    Elezzjonijiet presidenzjali u leġiżlattivi: | Leġiżlattivi Lulju 2009 – Presidenzjali Lulju 2012 |

    PGD per capita: | USD 9669 (2007) |

    PGD totali | 1022,93 biljun USD |

    Tkabbir tal-PGD: | 3.2 % |

    Inflazzjoni: | 3.8 % |

    [1] F’Heiligendamm il-mexxejja tal-G8 u l-mexxejja tal-Brażil, iċ-Ċina, l-Indja, il-Messiku u l-Afrika ta’ Isfel – magħquda flimkien taħt il-kappa Outreach 5 (qabel kienet l-O5, issa saret il-G5) iddeċidew li jniedu forma ġdida ta' djalogu tematiku b’mod formalizzat u strutturat. Dan id-djalogu li minn dakinhar beda jissejjaħ il- Proċess Heiligendamm għandu l-għan li jsaħħaħ ftehim komuni dwar oqsma kruċjali tal- governanza ekonomika globali u li jiżviluppa bażi komuni u passi prattiċi 'l quddiem fi sforz konġunt biex il-globalizzazzjoni tissawwar b’mod aħjar . Il-G8 + O5 iddeċidew dan il-proċess ta’ djalogu jittratta erba’ kwistjonijiet: l-Innovazzjoni u d-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali (il-promozzjoni u l-protezzjoni ta' l-innovazzjoni), l-Investiment u r-Responsabbiltà Soċjali (il-promozzjoni ta’ l-investiment transkonfinali u l-kondotta kummerċjali responsabbli); l-Iżvilupp (il-ftehim komuni, l-effikaċja ta’ l-għajnuna); l-Effiċjenza fl-Użu ta’ l-Enerġija (il-qsim ta’ l-għarfien għat-titjib fl-effiċjenza fl-użu ta’ l-enerġija u l-kooperazzjoni teknoloġika bil-għan li ssir kontribuzzjoni biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2).

    Top