This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52008DC0397
Communication from the Commission to the European Parliament, the Council, the European Economic and Social Committee and the Committee of the Regions on the Sustainable Consumption and Production and Sustainable Industrial Policy Action Plan {SEC(2008) 2110} {SEC(2008) 2111}
Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-Konsum u l-Produzzjoni Sostenibbli u l-Politika Industrijali Sostenibbli Pjan ta' Azzjoni {SEG(2008) 2110} {SEG(2008) 2111}
Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-Konsum u l-Produzzjoni Sostenibbli u l-Politika Industrijali Sostenibbli Pjan ta' Azzjoni {SEG(2008) 2110} {SEG(2008) 2111}
/* KUMM/2008/0397 finali */
Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-Konsum u l-Produzzjoni Sostenibbli u l-Politika Industrijali Sostenibbli Pjan ta' Azzjoni {SEG(2008) 2110} {SEG(2008) 2111} /* KUMM/2008/0397 finali */
[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ | Brussel 16.7.2008 KUMM(2008) 397 finali KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI dwar il-Konsum u l-Produzzjoni Sostenibbli u l-Politika Industrijali SostenibbliPjan ta' Azzjoni {SEG(2008) 2110}{SEG(2008) 2111} KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI dwar il-Konsum u l-Produzzjoni Sostenibbli u l-Politika Industrijali SostenibbliPjan ta' Azzjoni 1. INTRODUZZJONI L-Unjoni Ewropea ħadet passi importanti biex tilħaq l-għanijiet tagħha tat-tkabbir ekonomiku u ta’ l-impjiegi. L-Istrateġija ta’ Liżbona tat riżultati sinifikanti[1]. Inħolqu aktar minn sitt miljun impjieg f’dawn l-aħħar sentejn u l-qgħad naqas b’mod sinifikanti. L-industrija Ewropea hija globalment kompetittiva, waqt li tikkontribwixxi sostanzjalment għat-tkabbir ekonomiku u għall-impjiegi. Permezz tal-Politika ta’ l-Industrija tagħha, il-Kummissjoni kompliet tistabbilixxi l-kundizzjonijiet ta' qafas xierqa biex toħloq il-kummerċ fl-Ewropa. L-isfida issa hija li nintegraw is-sostenibbiltà f’din l-istampa. L-iżvilupp sostenibbli jimmira lejn it-titjib kontinwu tal-kwalità ta’ ħajja u tal-ġid għall-ġenerazzjonijiet presenti u futuri[2]. Huwa għan ewlieni ta’ l-Unjoni Ewropea. Madankollu, bidliet globali rapidi li dejjem qed jiżdiedu, mit-tidwib tal-kappi tas-silġ għad-domanda li qed tikber għall-enerġija u r-riżorsi, huma ta' sfida fir-rigward ta’ dan l-għan. L-isfidi huma marbuta direttament mal-mod ta’ ħajja tagħna. Il-mod kif nipproduċu u nikkunsmaw jikkontribwixxi għat-tisħin globali, għat-tniġġis, l-użu ta’ materjal u għall-qerda tar-riżorsi naturali[3]. L-impatti tal-konsum fl-UE jinħassu globalment, billi l-UE hija dipendenti fuq l-importazzjonijiet ta' l-enerġija u r-riżorsi naturali. Barra minn hekk, proporzjon li dejjem qed jiżdied ta' prodotti kkonsmati fl-Ewropa huma prodotti f’inħawi oħra tad-dinja. Il-ħtieġa li wieħed jersaq lejn mudelli tal-konsum aktar sostenibbli qegħda dejjem tagħfas aktar milli qatt qabel. Jista’ jsir ħafna għall-industrija u d-djar Ewropej, b’benefiċċji netti. Skond il-Panel Internazzjonali dwar il-Bidla fil-Klima, 30 % ta’ l-enerġija użata fil-bini tista’ titnaqqas b’benefiċċji ekonomiċi netti sa l-2030. Il-pressjoni globali biex jiżdiedu l-effiċjenza tar-riżorsi, u l-isforzi għat-titjib tas-sostenibbiltà tista’ ssir sors importanti għall-innovazzjoni u assi importanti għall-kompetittività ta’ l-industrija. Dan id-dokument jippreżenta l-istrateġija tal-Kummissjoni biex tappoġġja approċċ integrat fl-UE, u internazzjonalment, għal aktar konsum u produzzjoni sostenibbli u għall-promozzjoni tal-politika industrijali sostenibbli tagħha. Din l-istrateġija tikkomplementa l-linji politiċi eżistenti dwar l-użu ta’ l-enerġija, notevolment il-pakkett dwar l-enerġija u l-klima adottat mill-Kummissjoni f’Jannar 2008. Il- qalba tal-Pjan ta’ Azzjoni hija qafas dinamiku għat-titjib ta’ l-enerġija u l-prestazzjoni ambjentali tal-prodotti u għat-trawwim ta’ l-użu tagħhom mill-konsumaturi. Dan jinkludi t-twaqqif ta’ standards ambizzjużi fis-Suq Intern kollu kemm hu, filwaqt li jkun żgurat li l-prodotti huma mtejba permezz ta’ l-użu ta’ strateġija sistematika għal inċentivi u appalti, u t-tisħiħ tat-tagħrif għall-konsumaturi, permezz ta’ qafas ta’ tikkettjar aktar koerenti u sempliċi biex id-domanda tkun tista’ ssostni din il-politika. Din l-istrateġija għandha tindirizza prodotti li għandhom potenzjal sinifikanti fit-tnaqqis ta' l-impatti ambjentali. L-isfida hija li jinħoloq ċirku virtuż: it-titjib tal-prestazzjoni ambjentali ġenerali tal-prodotti matul iċ-ċiklu ta’ ħajja tagħhom, il-promozzjoni u l-istimolu tad-domanda għal prodotti u teknoloġiji ta' produzzjoni aħjar u għajnuna lill-konsumaturi biex jagħmlu għażliet aħjar permezz ta’ ttikkettjar aktar koerenti u simplifikat. Din l-isfida hija appoġġjata u amplifikata b’ inizjattivi biex il-produzzjoni ssir aktar effiċjenti u biex jiġu indirizzati l-aspetti internazzjonali. 2. QAFAS DINAMIKU TA’ POLITIKA GħAL KONSUM AKTAR GħAQLI U GħAL PRODOTTI AħJAR Teżisti medda ta’ linji politiċi stabbiliti biex itejbu l-enerġija u l-prestazzjoni ambjentali tal-prodotti. Id-Direttiva ta’ l-Eco-disinn (EuP)[4] tistabbilixxi qafas għall-iffissar ta’ rekwiżiti ta’ ekodisinn għal prodotti li jużaw l-enerġija.. Bosta atti oħra ta’ leġiżlazzjoni jindirizzaw aspetti speċifiċi taċ-ċiklu tal-ħajja ta' prodotti, bħal per eżempju l-iskart. L-iskemi ta’ ittikkettjar stipulati mid-Direttiva ta’ l-Ittikkettjar ta’ l-Enerġija[5], ir-Regolament ta’ l-Istilla[6] ta’ l-Enerġija (Energy Star)[7], ir-Regolament ta’ l-Ekotikketta u skemi oħra żviluppati mill-Istati Membri, il-bejjiegħa bl-imnut u operaturi ekonomiċi oħra jipprovdu lill-konsumaturi b’tagħrif dwar l-enerġija u l-prestazzjoni ambjentali tal-prodotti. L-Istati Membri qed jimplimentaw l-inċentivi u l-appalti pubbliċi biex jistimulaw prestazzjoni aħjar tal-prodotti. Ir-Regolament ta’ l-Istilla ta’ l-Enerġija jobbliga wkoll lill-istituzzjonijiet ta’ l-UE u lill-awtoritjiet ta' l-Istati Membri biex jixtru tagħmir ta’ l-uffiċċju li jilħaq ċerti livelli ta’ effiċjenza enerġetika. Madankollu , hemm għadd ta’ nuqqasijiet li qed ifixklu l-potenzjal ta' dawn il-linji politiċi. Bosta mill-leġiżlazzjoni tal-prodotti tindirizza biss aspetti speċifiċi ta' ċiklu ta' ħajja ta' prodott. Filwaqt li d-Direttiva ta’ l-Ekodisinn tieħu perspettiva taċ-ċiklu tal-ħajja, l-impatt ambjentali tal-prodotti li jużaw l-enerġija li huma attwalment koperti bid-Direttiva jipproduċu biss 31-36 % ta’ l-impatt ambjentali tal-prodotti[8]. It-tagħrif lill-konsumaturi skond il-politika ta’ l-UE jiffoka fuq l-effiċjenza ta’ l-enerġija għall-apparat tad-dar u t-tagħmir ta’ l-uffiċċju skond id-Direttiva ta' l-Ittikkettjar għall-Enerġija u l-Programm ta’ l-Istilla ta’ l-Enerġija, jew ikopri biss għadd limitat ta’ prodotti (bit-tikketta Ekoloġika). Fl-aħħar, l-azzjonijiet f’livell nazzjonali mhumiex koordinati. Ġeneralment, l-istrumenti voluntarji u regolatorji mhumiex marbutin biżżejjed flimkien u s-sinerġiji potenzjali bejn l-istrumenti differenti mhumiex qed jiġu sfruttati. L-implimentazzjoni mhijiex dinamika biżżejjed u ma tħarisx 'il quddiem biex ittejjeb il-prestazzjoni tal-prodotti. L-istrateġiji diverġenti nazzjonali u reġjonali jibgħatu sinjali ta’ konflitt lill-produtturi, u b’konsegwenza ta’ dan, il-potenzjal tas-Suq Intern mhux qed jiġi sfruttat bis-sħiħ. L-istrateġija tal-politika l-ġdida tgħaqqad il-potenzjal ta’ l-istrumenti differenti ta’ politika, u timplimentahom b’mod dinamiku . Tiġbor fiha dawn l-azzjonijet li ġejjin: - L-ambitu tad-Direttiva dwar l-Ekodisinn tal-prodotti li jużaw l-enerġija għandu jiġi estiż biex ikopri l-prodotti kollha relatati ma’ l-enerġija. Għandhom jiġu stipulati rekwiżiti minimi għall-prodotti b’impatti ambjentali sinifikanti, li jiffukaw fuq aspetti ambjentali ewlenin. Il-forniment tas-swieq b'tagħrif dwar prodotti li jmorru l-aħjar, il- livelli avvanzati tal-prestazzjoni ambjentali għandhom ukoll jiġu identifikati. Għandhom isiru reviżjonijiet perjodiċi ta’ rekwiżiti minimi u livelli avvanzati biex jadattaw is-swieq għall-bidla teknoloġika u jipprovdu n-negozji b’perspettiva fit-tul ta’ regolamentazzjoni futura għall-ambjent. - L- ittikkettjar tal-prodotti skond id-Direttiva ta’ l-Ittikkettjar għall-Enerġija u r-Regolament ta’ l-Ekotikketta għandu jiġi aktar żviluppat u wara reviżjoni tad-Direttiva ta' l-Ekodisinn fl-2012, ikkumplementat bħala xieraq minn Direttiva tat-Tikkettjar ta’ l-Ekodisinn biex jagħti t-tagħrif lill-konsumaturi dwar il-prestazzjoni enerġetika u/jew ambjentali tal-prodotti. - Il-kriterji ta’ effiċjenza ta’ l-enerġija u l-kriterji ambjentali taħt dawn l-iskemi ta' hawn fuq għandhom jintużaw biex jistabbilixxu sisien ta' armonizzazzjoni għall- appalti pubbliċi u għall- inċentivi pprovduti mill-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha. Dan għandu jirbaħ fuq il-frammentazzjoni attwali ta’ stimoli u inċentivi fis-Suq Intern. - Għandu jkun hemm impenn għal sensiela ta’ attivitajiet oħra li jwasslu għall- konsum aktar għaqli . B’mod partikolari, l-azzjoni għandha tiġi implimentata mal-bejjiegħa bl-imnut u mal-produtturi ta’ prodotti biex irendu l-attivitajiet tagħhom u l-katini ta’ forniment dejjem aktar ekoloġiċi, kif ukoll biex ikabbru l-għarfien tal-konsumaturi b’mod ġenerali u jżidu r-rwol proattiva tagħhom. Sensiela sħiħa ta’ sfidi ambjentali tista’ tiġi trattata permezz ta’ din il-politika. L-applikazzjoni ta’ din l-istrateġija għall-prodotti b’impatti ambjentali sinifikanti tista’ twassal għal qligħ ambjentali u ekonomiku sostanzjali. Per eżempju, l-azzjonijiet proposti jkunu jistgħu jżidu r-rati attwali ta’ manutenzjoni fid-djar li jagħmlu użu minn twieqi aħjar u iżolament aktar effiċjenti, li jwasslu għal tnaqqis fil-konsum ta’ l-enerġija fid-djar, it-tnaqqis ta’ l-emissjonijiet diretti u indiretti ta’ gassijiet b’effett serra u t-tnaqqis ta’ ħela fit-tisħin. L-azzjonijiet huma deskritti fid-dettall hawn taħt. 2.1. Id-Direttiva ta’ l-Ekodisinn Id-Direttiva ta’ l-Ekodisinn tistipula regoli għall-iffissar ta' rekwiżiti ta' ekodisinn għal prodotti li jużaw l-enerġija bl-għan li jkun żgurat il-moviment liberu ta’ dawn il-prodotti fi ħdan is-Suq Intern, filwaqt li tittieħed perspettiva taċ-ċiklu tal-ħajja. Filwaqt li ma tintroduċix direttament rekwiżiti li jorbtu għal prodotti speċifiċi, id-Direttiva tippermetti lill-Kummissjoni, megħjuna minn Kumitat, biex tadotta miżuri ta’ implimentazjoni dwar prodotti speċifiċi u l-aspetti ambjentali tagħhom (bħall-konsum ta’ l-enerġija, il-ġenerazzjoni ta’ l-iskart, il-konsum ta’ l-ilma, l-estensjoni ta' ħajjet il-prodott) wara li tkun segwiet l-istima ta' l-impatt u l-konsultazzjoni mal-partijiet interessati. Din id-Direttiva ta’ l-Ekodisinn bħalissa tapplika biss għal prodotti li jużaw l-enerġija. Bl-għan li jitkabbar il-qafas biex jinkludi prodotti oħra li huma sinifikanti għall-ambjent, l-ambitu għall-prodotti għandu jiġi estiż biex ikopri l-prodotti kollha relatati ma’ l-enerġija, filwaqt li tinżamm l-eċċezzjoni tal-mezzi tat-trasport, li diġà huma soġġetti għal linji politiċi u leġiżlazzjoni separati fir-rigward tat-tnaqqis ta’ l-impatti fuq l-ambjent. Prodotti relatati ma’ l-enerġija huma dawk il-prodotti li jkollhom impatt fuq il-konsum ta’ l-enerġija waqt li qed jintużaw Dan jinkludi prodotti li jużaw l-enerġija u prodotti oħra bħal frejms tat-twieqi, li l-proprjetajiet ta' iżolament tagħhom jinfluwenzaw l-enerġija meħtieġa għat-tisħin u t-tkessiħ tal-bini, u mezzi li jużaw l-ilma, li l-konsum ta’ l-ilma tagħhom jinfluwenza l-enerġija meħtieġa għat-tisħin. Dan għandu jistabbilixxi qafas Komunitarju wieħed għall-iffissar ta’ rekwiżiti ta’ ekodisinn għal dawk il-prodotti f’livell Komunitarju u jiżgura l-effiċjenza u l-konsistenza tal-leġiżlazzjoni bl-użu ta’ strateġija komuni. L-implimentazzjoni għandha ssegwi kif ġej: - Il-miżuri ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu żviluppati għal prodotti b’impatti sinifikanti fuq l-ambjent, b’potenzjal sinifikanti għat-titjib u b’volumi sinifikanti għall-bejgħ u l-kummerċ, filwaqt li titqies il-leġiżlazzjoni Komunitarja eżistenti jew l-awto-regolamentazzjoni. Għal prodotti li jużaw l-enerġija, kif kopert bid-Direttiva attwali, l-iżvilupp tal-miżuri ta’ implimentazzjoni ma għandhomx jiġu effettwati mill-Pjan ta’ Azzjoni. - Għal prodotti li attwalment mhumiex koperti, għandu jiġi żviluppat Programm ieħor ta' Ħidma skond id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva wara li tiġi emendata.. - Il-miżuri kollha ta’ implimentazzjoni huma soġġetti għal stimi dettaljati ta’ l-impatt u għal konsultazzjoni pubblika u għandhom jiġi msejsa fuq il-prinċipju ta’ newtralità tat-teknoloġija. Il-miżuri ta’ implimentazzjoni għandhom iqisu l-aspetti ambjentali ewlenin fuq iċ-ċiklu ta’ ħajja tal-prodotti. Għandhom b’mod partikolari jqisu l-użu ta’ l-enerġija u tar-riżorsi tal-prodotti. Aspetti oħra, bħall-ħtieġa għat-tnaqqis ta’ materjal ta’ riskju, u riżorsi rari , għandhom jitqiesu skond kif ikun xieraq. Għal kull grupp ta’ prodotti immirat, il-Miżuri ta’ Implimentazzjoni għandhom, skond id-dispożizzjonijiet eżistenti tad-Direttiva, jistipulaw żewġ livelli ta’ prestazzjoni: - rekwiżiti minimi li jeħtieġ li jinżammu mill-prodott biex dan ikollu aċċess fis-Suq Intern. Fejn possibbli, għandhom jintużaw standards armonizzati ta’ l-UE, idealment imsejsa fuq standards globali, biex jgħinu lil-manifatturi fl-applikazzjoni tal-miżuri. - livelli avvanzati ta’ prestazzjoni ambjentali, biex jipprovdu lis-swieq b’indikazzjoni minn kmieni ta’ prodotti bi prestazzjoni għolja disponibbli fis-suq u ta’ l-evoluzzjoni futura possibbli tar-rekwiżiti minimi. L-identifikazzjoni ta’ limiti hija diġà stipulata skond id-Direttiva attwali u għandu jibqa’ jissegwa b’mod sistematiku fil-ġejjieni. Bħala regola ġenerali, il-livelli għandhom jikkorrispondu mal-livell milħuq minn prodotti bl-aqwa prestazzjoni disponibbli fis-suq. Il-kisba ta’ livelli bħal dawn għandhom ikunu fuq bażi fakoltattiva għall-industrija. Biex ikun hemm titjib kontinwu fil-prodotti, il-miżuri ta’ implimentazzjoni għandhom jindikaw ukoll data għar-reviżjoni tar-rekwiżiti u l-livelli minimi fuq il-bażi tal-pass prevedibbli fil-bidla teknoloġika għall-grupp ta' prodotti kkonċernat. Dan għandu jiżgura li r-rekwiżiti u l-livelli minimi jibqgħu rilevanti maż-żmien u jipprovdu lin-negozji b’perspettiva fit-tul tar-regolazzjoni futura ta' l-ambjent. Ir-rekwiżiti minimi u l-livelli avvanzati tal-prestazzjoni ambjentali għandhom jiddaħħlu fl-iskema ta' l-ittikkettjar, kif deskritt hawn isfel. Għal dan l-għan, il-Miżuri ta’ Implimentazzjoni jistgħu wkoll jidentifikaw livelli intermedji ta’ prestazzjoni. 2.2. L-Ittikkettjar ta' prodotti Id-Direttiva ta’ l-Ittikkettjar għall-Enerġija għandha f’dan l-istadju tiġi estiża biex tkopri medda usa’ ta’ prodotti, li jinkludu l-prodotti li jużaw l-enerġija u prodotti oħra relatati ma’ l-enerġija. Għandhom jiġu stipulati kategoriji ta’ ittikkettjar skond ir-riżultat tal-proċedura taħt id-Direttiva ta’ l-Ekodisinn kif xieraq. Il-miżuri ta’ implimentazzjoni tad-Direttiva ta' l-Ittikkettjar għandhom jiddefinixxu, fejn xieraq, il-modalitajiet eżatti tat-tikketta. It-tikkettjar għandu jintuża biex jindika fuq naħa waħda, il-konsum/in-nuqqas ta' ħela ta’ enerġija fil-fażi ta’ l-użu, u fuq in-naħa l-oħra, l-parametri oħra ambjentali rilevanti u sinifikattivi tal-prodott. It-tikketta Ekoloġika għandha tikkumplementa t-tagħrif ipprovdut lill-konsumaturi bħala tabella fakoltattiva. Għandha taġixxi bħala “tikketta ta’ eċċellenza” biex tindika lill-konsumaturi dawk il-prodotti li l-prestazzjoni tagħhom tilħaq livelli eċċezzjonali jekk jitqiesu l-ħafna kriterji ambjentali matul iċ-ċiklu kollu tal-ħajja. Ir-Regolament ta’ l-Ekotikketta għandu jiġi rrevedut biex jissimplifika u jikkonforma l-proċess tal-kisba ta’ l-ekotikketta, u jestendi l-kopertura tal-prodott. Il-kriterji ta’ l-Ekotikketta għandhom ikomplu jkopru medda wiesgħa ta’ aspetti ambjentali. Barra minn hekk, il-kriterji ta’ l-Ekotikketta jistgħu jiġu żviluppati biex ikopru dawk il-prodotti li għalihom ir-rekwiżiti ta’ ekodisinn għandhom ma ġewx stipulati. B’mod indikattiv, il-kriterji tat-Tikketta Ekoloġika għal grupp partikolari ta’ prodotti għandhom jiġu stabbiliti b’tali mod li jilħquhom l-10 % tal-prodotti disponibbli fis-suq f’dak il-waqt. Fil-waqt li l-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjoni skond ir-Regolament ta’ l-Ekotikketta għandu jibqa’ distint minn dak tad-Direttiva dwar l-Ekodisinn u l-Ittikkettjar, l-implimentazzjonijiet ta’ l-iskemi għandhom ikunu marbuta mill-qrib biex jiżguraw li d-dejta u t-tagħrif xjentifiċi qed jintużaw b’mod effiċjenti u li t-tagħrif mogħti lill-konsumaturi huwa konsistenti. Notevolment, il-proċess ta’ iffissar ta’ kriterji taħt l-Ekotikketta għandu jipprovdi tagħrif lill-ħidma analitika mwettqa skond id-Direttiva ta' l-Ekodisinn għall-iffissar ta' rekwiżiti u livelli minimi tal-prestazzjoni ambjentali, u viċi-versa. Meta jiġu indirizzati l-istess gruppi ta’ prodotti, il-metodi ta’ evalwazzjoni u l-kalendarji ta’ reviżjoni għandhom ikunu konverġenti huma wkoll. 2.3. L-Inċentivi Għadd ta’ Stati Membri, f’konformità mat-Trattat u mar-regoli ta’ l-Għajnuna għall-Istat[9], diġà qed jipprovdu l-inċentivi għall-iżvilupp u l-kisba ta’ prodotti bi prestazzjoni enerġetika u ambjentali għolja u qed irendu l-prattika relattiva tagħhom għall-appalti dejjem iktar ekoloġika biex jitrawwem l-użu ta’ prodotti bħal dawn. Madankollu, il-kriterji li dawn il-prodotti jridu jilħqu biex jibbenefikaw mill-inċentivi jew mill-appalti pubbliċi jistgħu jvarjaw sostanzjalment minn pajjiż għal ieħor. Dan jista’ jirriżulta fil-frammentazzjoni ta’ l-inċentivi fis-Suq Intern għall-prodotti kkonċernati. Barra minn hekk, il-potenzjal ta’ l-appalti pubbliċi, ekwivalenti għal 16 % tal-PGD ta’ l-UE, ġie sfruttat biss marġinalment. Biex din il-frammentazzjoni tintrebaħ u biex jittejjeb l-użu ta’ prodotti bi prestazzjoni enerġetika u ambjentali għolja, id-Direttiva ta’ Tikkettjar, wara stima ta' l-impatt, għandha twaqqaf bażi armonizzata għal appalti u inċentivi pubbliċi forniti mill-UE u mill-Istati Membri tagħha, kif spjegat hawn isfel. Fir-rigward ta’ appalti pubbliċi , il-miżuri ta’ implimentazzjoni skond id-Direttiva ta’ l-Ittikkettjar għandhom jidentifikaw waħda mill-klassijiet ta’ ittikkettjar bħala limitu li taħtu l-awtoritajiet pubbliċi ma jkollhomx permess ifornu l-appalti. Dan il-limitu għandu jiġi stabbilit fuq il-bażi tar-riżultat ta’ l-istimi ta' l-impatt għal gruppi ta’ prodotti rilevanti, , li għalihom l-istabbiliment ta’ limitu bħal dan għandu jikkontribwixxi b'mod sinifikanti għall-ħolqien ta’ ekonomiji ta’ skala u għat-tnedija ta’ l-innovazzjoni. Il-limitu għandu jikkorrispondi għall-klassi li timmassimizza l-potenzjal ta’ l-appalti pubbliċi biex tistimola s-suq lejn prodotti bi prestazzjoni ogħla fir-rigward ta’ l-enerġija u l-ambjent, filwaqt li fl-istess ħin, ikun żgurat li qed jinżamm livell xieraq ta’ kompetizzjoni fis-suq waqt li titqies id-disponibbiltà tal-prodott , u jkun garantit li l-piż għall-finanzi pubbliċi b'mod ġenerali mhuwiex ogħla milli fil-prassi attwali (meta jitqies il-perjodu kollu ta’ ħajja tal-prodott). Fir-rigward ta’ inċentivi , l-Istati Membri se jkollhom il-libertà li jagħżlu jekk iridux, u f'liema forma jridu jipprovdu inċentivi biex jinkoraġġixxu l-ħolqien ta’ prodotti bi prestazzjoni enerġetika u ambjentali għolja, filwaqt li, fejn applikabbli, jirrispettaw id-dispożizzjonijiet tal-liġi Komunitarja, , b'mod partikolari r-regoli ta’ l-Għajnuna mill-Istat[10]. Madankollu, il-miżuri ta' implimentazzjoni skond id-Direttiva ta' l-Ittikkettjar, għandhom, skond ir-riżultat ta' stima ta' l-impatt, jidentifikaw waħda mill-klassijiet ta’ ittikkettjar bħala limitu li taħtu l-Istati Membri ma jitħallewx jistabbilixxu inċentivi. Dan il-livell se jiġi stipulat 'il fuq mir-rekwiżiti komunitarji applikabbli ta’ l-ambjent. Dan għandu japplika għal gruppi ta' prodotti li għalihom hemm evidenza li l-frammentazzjoni ta’ l-inċentivi jista’ jnaqqas l-effettività tagħhom. Fil-prinċipju, dan il-limitu għandu mnejn jikkorrispondi mal-limitu għall-appalti pubbliċi, li jaf ikabbar l-impatt tal-miżuri. Billi l-prezz huwa wieħed mill-fatturi ewlenin li jiddetermina l-għażliet ta’ xiri, l-istrumenti msejsa fuq is-suq jistgħu wkoll jgħinu biex il-prezzijiet ikunu xierqa u fl-internalizzazzjoni ta’ l-ispejjeż ta’ l-ambjent, u b’hekk jappoggjaw it-teħid ta’ l-enerġija u ta’ prodotti li huma effiċjenti għall-ambjent. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni qed teżamina, inter alia , l-għażliet għar-reviżjoni tal-qafas tat-tassazzjoni fuq l-enerġija. Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha tanalizza dawn il-vantaġġi u l-iżvantaġġi tal-mekkaniżmi ta’ inċentivi fiskali possibbli f'livell ta' l-UE. Dan għandu jipprovdi bażi li fuqu tista’ tiġi evalwata l-ħtieġa għal inizjattivi addizzjonali għall-prodotti li b’mod partikolari huma koperti mid-Direttiva ta' l-Ekodisinn u ta' l-Ittikkettjar jew ir-Regolament ta’ l-Ekotikketta. Dawn l-azzjonijiet għandhom jiġu amplifikati u appoġġjati minn: 2.4. Dejta u metodi konsistenti fir-rigward tal-prodotti Għall-implimentazzjoni ta’ din il-politika, jeħtieġu dejta u metodi konsistenti u affidabbli biex jevalwaw il-prestazzjoni ambjentali ġenerali tal-prodotti, il-penetrazzjoni tagħhom fis-suq u għas-sorveljanza tal-progress. Id-dejta dwar il-prodotti u impatti ambjentali relatati meħtieġa u miġbura taħt l-għodod differenti għandha tinqasam fejn utli. Metodi bħal dawn jeħtieġu wkoll li jqisu l-ispejjeż u li jkunu sempliċi fl-applikazzjoni tagħhom, kemm għal dawk li jfasslu l-politika kif ukoll għall-industrija. .Fejn possibbli, l-użu ta’ standards armonizzati Ewropej, idealment imsejsa fuq standards Internazzjonali għandhom jiġu studjati, biex jiżguraw żieda fil-kompetittività għall-industrija u relazzjoni tajba ma’ pajjiżi terzi u mal-manifatturi tagħhom. 2.5. Il-promozzjoni ta’ l-Ekoloġija fl-Appalti Pubbliċi L-Ekoloġija fl-Appalti Pubbliċi (EAP) għandha tissaħħaħ aktar permezz ta’ mizuri volontarji, li għandhom jaġixxu ta’ komplement għall-miżuri obbligatorji msemmija hawn fuq, konsistenti mar-regoli tas-Suq Intern. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi gwida u għodod għall-awtoritajiet pubbliċi biex jaħsbu fl-aspett ekoloġiku fil-prassi tagħhom, fir-rigward ta’ l-appalti. Dan jinkludi t-twaqqif ta’ miri indikattivi msejsa fuq il-livell ta’ l-Istati Membri bl-aħjar prestazzjoni u l-għoti ta’ mudelli ta’ speċifikazzjonijiet għall-offerti, li huma konformi mal-leġiżlazzjoni tas-Suq Intern. Jinkludi wkoll il-ħolqien ta’ proċess ta’ kooperazzjoni ma' l-Istati Membri biex jidentifikaw u jaqblu dwar kriterji komuni għall-ekoloġija fl-appalti pubbliċi għall-prodotti u s-servizzi għall-approvazzjoni fi pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali u ta' gwida dwar l-ekoloġija ta' appalti pubbliċi. Is-sorveljanza tal-miri għandha tissejjes fuq il-konformità ma' dawn il-kriterji. Għandhom jiġu stipulati kriterji komuni volontarji għall-ekoloġija fl-appalti pubbliċi għas-servizzi u għal dawk il-prodotti li għalihom mhumiex se jiġu stabbiliti jew għadhom ma ġewx stabbiliti livelli obbligatorji, kif previst fit-Tasima 2.3. Kriterji komuni għall-ekoloġija ta’ l-appalti pubbliċi għandhom jiġu msejsa fuq il-limiti tal-prestazzjoni ambjentali u t-tikketti rilevanti. Komunikazzjoni separata dwar l-Appalti Pubbliċi Ekoloġiċi tiddiskrivi dawn il-miżuri fid-dettall. 2.6. Il-ħidma mal-Bejjiegħa bl-Imnut u mal-Konsumaturi Il-bejjiegħa bl-imnut jinsabu f’qagħda tajba biex jinfluwenzaw konsum aktar sostenibbli permezz tal-ħidmiet tagħhom, tal-ktajjen tal-provvista u u l-imġiba tal-konsumatur. Il-bejjiegħa bl-imnut u l-produtturi qegħdin dejjem aktar jirrikonoxxu s-sostenibbiltà bħala opportunità konsiderevoli għat-tkabbir, il-kompetizzjoni u l-innovazzjoni fil-kummerċ tagħhom. Madankollu, jeħtieġ aktar sforz biex jitnaqqas il-pass ambjentali tas-settur ta’ l-imnut u tal-katina ta' provvista tieghu, għall-promozzjoni ta' prodotti aktar sostenibbli, u għal tagħrif aħjar lill-konsumatur. Biex jinkiseb dan, iridu jkunu involuti partijiet interessati oħra, bħal produtturi kif ukoll organizzazzjonijiet tal-konsumaturi u oħrajn mhux governattivi.. Qed jiġi stabbilit Forum dwar il-kummerċ bl-imnut. Għandu jservi ta’ pjattaforma biex: - jidentifika l-oqsma ewlenin li għandhom jiġu ttrattati u jiddefinixxi l-linja bażi ta’ inizjattivi eżistenti; - jaqsam l-aħjar prattika, jestendi l-kopertura ġeografika ta’ inizjattivi eżistenti u jfittex li jniedi inizjattivi ġodda; kif ukoll - jirrapporta dwar il-progress ta’ l-azzjonijiet tagħhom fuq bażi individwali. L-għan huwa li l-bejjiegħa bl-imnut kbar individwali jidħlu għall-impenn ta’ sensiela ta’ ambizzjonijiet u azzjonijiet konkreti b'għanijiet ċari, perjodi ta' żmien, fornimenti, u indikaturi ta' sorveljanza. Dawn l-impenji jwieġbu għas-sejħa tal-Kummissjoni dwar in-negozju biex tħaffef ir-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva, kif stipulat fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ta’ l-2006[11]. Il-politika tal-konsumatur ta’ l-UE tista’ tipprovdi l-għodod tas-suq biex issaħħaħ liċ-ċittadini, bħala konsumaturi, biex jagħmlu għażliet ambjentali sostenibbli. Il-Kummissjoni għandha għalhekk tappoġġja wkoll azzjonijiet biex iżżid l-għarfien tal-konsumaturi u tgħinhom jagħmlu għażliet aktar bil-għaqal. Dan jista’ jsir, per eżempju, permezz ta’ l-iżvilupp ta’ għodod li jgħarrfu liż-żgħażagħ u li jżidu l-għarfien tagħhom[12] u permezz ta’ moduli ta’ edukazzjoni onlajn għall-adulti[13] dwar il-konsum sostenibbli. 3. INRAQQU L-PRODUZZJONI Il-qafas regolatorju għall-proċessi ta' produzzjoni huwa stabbilit sew f’livell Ewropew. Dan jinkludi l-issettjar regolatorju bħal dwar l-emissjonijiet ambjentali mill-industri (id-Direttiva IPPC)[14] u l-Iskema ta’ l-Iskambju ta’ l-Emissjonijiet għal gassijiet b’effett serra[15]. Madankollu, jeħtieġ li tingħata aktar spinta fir-rigward tar-riżorsi ta’ proċessi ta’ produzzjoni effiċjenti u eko-innovattivi, għat-tnaqqis tad-dependenza fuq il-materja prima u biex tinkoraġixxi l-aħjar użu ta’ riżorsi u ta’ riċiklaġġ. F'dan il-pjan ta' Azzjoni qed tiġi proposta sensiela ta' azzjonijiet integrati biex taħdem b'sinerġija ma' u biex tikkumplementa l-politika għal konsum aktar bil-għaqal u għal prodotti aħjar, kif spjegat fit-taqsima ta’ qabel, permezz ta’ l-estensjoni, l-amplifikazzjoni u t-tħaffif ta’ l-impatt tagħha. L-azzjoni għandha tiffoka fuq it-tliet miri li ġejjin: 3.1. Spinta lill-effiċjenza tar-riżorsi L-effiċjenza tar-riżorsi tikkontribwixxi għall-għan tal-ħolqien ta’ aktar valur filwaqt li tuża inqas riżorsi. Fl-UE, il-produttività tar-riżorsi (imkejla mill-PGD għal kull użu ta’ riżors, €/kg) tjiebet bi 2.2 % fis-sena f’termini reali matul dawn l-aħħar 10 snin. Dan ifisser li l-UE rnexxielha tistabbilizza l-użu tar-riżorsi fl-ekonomija li qed tikber, fil-parti l-kbira minħabba titjib fl-effiċjenza fil-produzzjoni kif ukoll minħabba ż-żieda fir-rwol tas-servizzi fl-ekonomija. It-titjib fil-produttività tar-riżorsi għandu jissokta mill-inqas bl-istess pass ta’ din il-medja ta' l-UE. Għandhom jiġu żviluppati aktar għodod biex jissorveljaw, jimmarkaw u jippromwovu l-effiċjenza tar-riżorsi, filwaqt li titqies il-perspettiva taċ-ċiklu tal-ħajja u inkluż il-kummerċ. Għandhom jiġu indirizzati fi stadju aktar tard analiżi u miri ddetaljati bbażati fuq materjal, imsejsa fuq is-sinifikat ambjentali u fuq l-aċċess għar-riżorsi naturali. 3.2. L-appoġġ ta’ l-eko-innovazzjoni L-innovazzjoni f’dan il-qasam ta’ prodotti u servizzi ambjentali hija ċentrali għall-implimentazzjoni b’suċċess ta’ dan il-Pjan, u għandha rwol ewlieni fil-politika ta' l-innovazzjoni. Wieħed mill-indikaturi disponibbli għall-kejl tal-livell ta' innvoazzjoni huwa l-għadd ta' privattivi f'qasam partikolari. Skond l-OECD, il-privattivi ta’ l-eko-innovazzjoni fl-UE qed jiżdiedu u l-Istati Membri bl-aħjar prestazzjoni qed jagħtu 3.5 privattivi fis-sena għal kull biljun PGD (f’Ewro). Għandhom jiġu żviluppati għodda biex jissorveljaw, jimmarkaw u jagħtu spinta lill-eko-innovazzjoni u lill-użu tagħha fl-UE, bħala parti minn politika ta’ riċerka u innovazzjoni usa’ fl-UE u l-istrumenti tagħha. Għandha tiġi stabbilita skema ta’ verifika ta’ teknoloġija ambjentali ma’ l-UE kollha biex tipprovdi verifika affidabbli tal-partijiet terzi tal-prestazzjoni u ta’ l-impatti potenzjali fuq l-ambjent ta’ teknoloġiji ġodda. Għandha tkun skema volontarja, parzjalment finanzjata minnha nnifisha, imsejsa fuq qafas regolatorju. Għandha tgħin biex tipprovdi fiduċja fit-teknoloġiji l-ġodda li qed ifiġġu fis-suq. 3.3. It-titjib tal-potenzjal ambjentali ta' l-industrija Reviżjoni tar-Regolament EMAS L-iskema Komunitarja ta’ immaniġġjar u verifika ta’ l-ambjent, EMAS[16], tgħin lill-kumpaniji biex itejbu kemm jistgħu l-proċessi ta’ produzzjoni tagħhom, filwaqt li jitnaqqsu l-impatti fuq l-ambjent u jsir użu aktar effettiv tar-riżorsi. L-EMAS taħdem bħala skema volontarja ta’ immaniġġjar u verifika ta’ l-ambjent. Biex tagħmel użu sħiħ mill-potenzjal tagħha għal titjib fl-effiċjenza tar-riżorsi tal-proċessi ta’ produzzjoni, għandha ssir reviżjoni sinifikanti ta’ l-iskema biex jiżdied is-sehem tal-kumpaniji, u jitnaqqsu l-piż u l-ispejjeż amministrattivi għall-Intrapriżi Żgħar u ta’ Daqs Medju. L-iżvilupp ta’ inizjattivi għall-politika industrijali għal industriji ambjentali L-industriji ambjentali[17] jikkontribwixxu għat-titjib ta’ l-effiċjenza ta’ l-enerġija u l-prestazzjoni ambjentali ta’ l-ekonomija. Għal aktar kompetittività fl-industriji ambjentali u biex wieħed jiffavorixxi l-użu tagħhom fl-industriji tradizzjonali, għandhom jiġu żviluppati inizjattivi għal industriji ambjentali. Dawn l-inizjattivi jagħmlu parti mill-implimentazzjoni tal-politika industrijali tal-Kummissjoni Ewropea[18]. Għal dan l-għan, għandha titwettaq analiżi komprensiva ta' ostakoli regolatorji u ta’ fallimenti fis-suq li jxekklu l-kompetittività ta' l-industriji ambjentali u l-użu tagħhom minn setturi oħra ta' l-ekonomija. Dan għandu jindirizza kwistjonijiet bħas-Suq Intern u Regolamentazzjoni Aħjar, standardizzazzjoni u aċċess għall-finanzi. Il-potenzjal tat-Teknoloġiji ta’ l-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni għat-twassil ta’ soluzzjonijiet sostenibbli għandu jiġi sfruttat[19]. Għandha tingħata attenzjoni speċifika lill-oqsma ta’ prijorità identifikati mill-Inizjattiva tas-Suq Ewlieni. Għajnuna lill-Intrapriżi Żgħar u ta’ Daqs Medju In-nuqqas ta’ l-informazzjoni, l-għarfien espert insuffiċjenti u n-nuqqas ta’ riżorsi finanzjarji u ta’ riżorsi tal-bniedem jagħmluha diffiċli għall-Intrapriżi Żgħar u ta’ Daqs Medju biex jisfruttaw bis-sħiħ l-opportunitajiet kummerċjali mogħtija minn amministrazzjonmi ambjentali soda. Bejn l-2005 u l-2007, il-Kummissjoni introduċiet għadd ta’ miżuri politiċi għall-appoġġ ta' l-Intrapriżi ż-Żgħar u ta' Daqs Medju Ewropej, inkluż it-titjib tal-prestazzjoni ambjentali tagħhom[20]. Aktar miżuri ġew inklużi fil-Komunikazzjoni għal ‘Att għan-Negozji ż-Żgħar' għall-Ewropa[21]. Notevolment, in-Netwerk Ewropew ta’ l-Intrapriżi għandu jikkontribwixxi biex iqajjem l-għarfien u jxerred it-tagħrif u l-għarfien espert miksuba permezz ta' programmi u inizjattivi oħra ta' l-UE fil-qasam ta’ l-ambjent u ta’ l-enerġija. 4. ĦIDMA LEJN SWIEQ GLOBALI GħAL PRODOTTI SOSTENIBBLI Flimkien mal-linji ewlenin ta’ azzjoni deskritti hawn fuq, għandha titwettaq attività fuq livell globali. Din għandha tibni fuq inizjattivi eżistenti bħall-Istrateġija Tematika għall-Użu Sostenibbli tar-Riżorsi Naturali; il-Fond Globali għall-Effiċjenza fl-Użu ta’ l-Enerġija u għall-Enerġija Rinnovabbli; u r-Regolament dwar l-Infurzar tal-Liġi tal-Foresti, il-Governanza u l-Kummerċ. Flimkien ma' dawn l-azzjonijiet il-Kummissjoni se timpenja ruħha biex: - Tippromwovi l-istrateġiji settorjali fin-negozjati internazzjonali dwar il-klima bħala element ta’ u komplement għall-ftehim komprensiv internazzjonali dwar il-bidla fil-klima għall-perjodu wara l-2012. Il-gvern u l-industriji qed jibdew jiżviluppaw strateġiji settorjali u jimpenjaw ruħhom għall emissjonijiet jew għal limiti speċifiċi ta’ l-effiċjenza ta’ l-enerġija. . Dan għandu jippermetti lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw li jieħdu azzjoni f'setturi speċifiċi li tkun tista' tnaqqas it-tkabbir ta’ l-emissjonijiet biex l-emissjoni settorjali tkun tista’ tiddevja sostanzjalment mil-linja bażi settorjali. Dan għandu wkoll jgħin lill-industrija biex tikkontrolla l-emissjonijiet, u biex tindirizza b’mod potenzjali it-tħassib dwar ħruġ ta' karbonju.Il-Kummissjoni għandha tappoġġja l-iżvilupp ta’ strateġiji bħal dawn fil-kuntest tan-negozjar internazzjonali fil-ġejjieni dwar il-bidla fil-klima. L-attivitajiet għandhom jinkludu l-formazzjoni ta' kapaċitajiet f'ekonomiji ewlenin emerġenti u li jiddeterminaw l-elementi ewlenin meħtieġa fil-bini ta’ strateġiji settorjali fil-qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-klima wara l-2012. - Tippromwovi prattika tajba internazzjonalment. Għandhom jiġu promossi politiki ta' Konsum u Produzzjoni Sostenibbli, bħala parti mill-Qafas ta’ Programmi Deċennali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Konsum u l-Produzzjoni Sostenibbli (il-Proċess ta’ Marrakesh). L-azzjonijiet addizzjonali għandhom isaħħu s-sħubijiet, bħal per eżempju permezz tas-sħubija bejn l-UE-l-Ażja (il-Programm SWITCH) u tad-diskussjonijiet u l-panels internazzjonali u ta' appoġġ. Flimkien ma’ dan, bl-inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropea, il-pajjiżi tal-G8 kif ukoll iċ-Ċina, l-Indja u l-Korea ta’ Isfel, fis-7 ta’ Ġunju 2008, ħadu d-deċiżjoni li jistabbilixxu b’mod konġunt is-Sħubija Internazzjonali għall-Kooperazzjoni fl-Effiċjenza ta’ l-Enerġija (“IPEEC”). - Tippromwovi l-kummerċ internazzjonali fil-prodotti u s-servizzi li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent. Il-liberalizzazzjoni fil-kummerċ ta’ prodotti u servizzi ambjentali tista’ tgħin fit-tixrid ta’ teknoloġija ekoloġika u għalhekk tappoġġja l-adattament għal ekonomija b’konsum baxx ta’ karbonju filwaqt li tibni fuq u tiżviluppa aktar il-kompetittività Ewropea fl-oqsma ambjentali. L-UE qed tissokta bl-isforzi tagħha biex tilliberalizza l-kummerċ fil-prodotti u s-servizzi ambjentali fin-negozjati mad-WTO skond l-Aġenda ta’ l-Iżvilupp ta’ Doha, u fil-kuntest ta' negozjati kummerċjali bilaterali. Dan għandu, fejn hu possibbli, fuq il-bażi ta’ standards internazzjonali. Id-Direttiva ta’ l-Ekodisinn għandha tiżviluppa standards ambjentali u ta’ effiċjenza enerġetika għal għadd ta’ prodotti. Dan jista’ jwitti t-triq għall-adozzjoni ta’ standards internazzjonali u jgħin fil-ħolqien ta’ swieq ta’ esportazzjoni għal kumpaniji ewlenin fl-Ewropa. Il-politika kummerċjali u d-djalogu industrijali għandhom jikkontribwixxu għal dan il-proċess. 5. KONKLUżJONI U PJAN Din il-Komunikazzjoni tistipula pakkett integrat ta’ miżuri biex toħloq konsum u produzzjoni aktar sostenibbli, filwaqt li ttejjeb il-kompetittività ta’ l-ekonomija Ewropea. Hija tibni fuq għadd ta’ linji politiċi ta’ l-UE. Notevolment, l-Istrateġija mġedda għall-Iżvilupp Sostenibbli identifikat il-konsum u l-produzzjoni sostenibbli bħala waħda mill-isfidi ewlenin għall-Ewropa. Il-Programm Komunitarju ta’ Liżbona għall-2008-2010 jinkludi l-promozzjoni ta’ politika industrijali mmirata lejn konsum u produzzjoni aktar sostenibbli bħala waħda mill-orjentazzjonijiet ewlenin tiegħu. Id-dokumenti li ġejjin jakkumpanjaw dan il-Pjan ta’ Azzjoni: - Proposta għall-estensjoni tad-Direttiva ta’ l-Ekodisinn - Proposta għar-reviżjoni tar-Regolament ta' l-Ekotikketta - Proposta għar-reviżjoni tar-Regolament ta' l-EMAS - Komunikazzjoni dwar Appalti Pubbliċi Ekoloġiċi Dawn għandhom jissegwew minn - Proposta għar-reviżjoni tad-Direttiva ta' l-Ittikkettjar ta’ l-Enerġija. - Proposta għal Regolament għal skema ta’ Verifika ta’ Teknoloġija Ambjentali. - L-azzjonijiet li fadal għandhom isegwu aktar tard fl-2008/2009: il-promozzjoni ta’ l-effiċjenza tar-riżorsi; il-promozzjoni ta’ l-eko-innovazzjoni; l-iżvilupp ta’ inizjattivi ta’ politika industrijali għal industriji ambjentali; strateġiji settorjali; il-promozzjoni ta’ prattika tajba internazzjonalment; il-promozzjoni ta’ kummerċ internazzjonali fil-prodotti u s-servizzi li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent. Il-Kummissjoni se tirrevedi l-progress u tirrapporta dwar l-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni fl-2012.F’din l-okkazzjoni, il-Kummissjoni partikolarment se tanalizza jekk hemmx bżonn ta’ aktar azzjoni biex tittejjeb il-prestazzjoni ta’ l-enerġija u dik ambjentali tal-prodotti, b’mod partikolari billi testendi d-Direttivi ta’ l-Ekodisinn u t-Tikkettjar biex ikopru l-prodotti li mhumiex relatati ma’ l-enerġija. [1] Proposta għall-Programm Komunitarju ta’ Liżbona 2008-2010- COM(2007) 804. [2] L-Istrateġija mġedda għall-Iżvilupp Sostenibbli ta' l-UE, Kunsill ta' l-UE 10917/06. [3] L-Impatt Ambjentali tal-PROdotti (EIPRO), Ċentru Konġunt ta’ Riċerka – IPTS; Il-Matriċi Nazzjonali tal-Kontabilità mal-Kontabilità ta’ l-Ambjent (NAMEA), ŻEE. Dawn l-istudji juru li fl-UE, l-oqsma tal-konsum ta' l-ikel u x-xorb, tad-djar (inklużi: it-tisħin, l-ilma, it-tagħmir domestiku), u l-ivvjaġġar jikkawżaw bejn 70 % sa 80 % ta' l-impatti ambjentali kollha . [4] Id-Direttiva 2005/32/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-twaqqif ta’ qafas għall-iffissar ta’ rekwiżiti għall-ekodisinn ta’ prodotti li jużaw l-enerġija (ĠU L 101, 22.7.2005, p. 29). [5] Id-Direttiva tal-Kunsill 92/75/KEE tat-22 ta’ Settembru 1992 dwar l-indikazzjoni permezz ta’ ttikkettjar u l-informazzjoni standard tal-prodott dwar il-konsum ta’ l-enerġija u riżorsi oħra skond l-apparat tad-dar, ĠU L 297, 13.10.1992, p. 16). [6] Ir-Regolament (KE) Nru 106/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Jannar 2008 dwar programm Komunitarju ta’ tikkettjar dwar l-effiċjenza enerġetika tat-tagħmir ta’ l-uffiċċju (ĠU L 39, 13.2.2008, p. 1). [7] Ir-Regolament (KE) Nru 1980/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Lulju 2000 dwar l-iskema riveduta ta' l-għoti ta' l-Ekotikketta Komunitarja (ĠU L 237, 20.9.2000, p. 1). [8] Ara d-Dokument ta’ Ħidma ta’ l-Istaff SEC(2008) 2110 L-istima ta’ l-impatt għall-abbozzar mill-ġdid tad-Direttiva 2005/32/KE, Tabella 3. [9] Notevolement, il-linjigwida Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat għall-ħarsien ta' l-ambjent (ĠU C 82, 1.4.2008, p. 1). [10] Ara n-nota 9 f’qiegħ il-paġna. [11] Nagħmlu l-Ewropa pilastru ta' eċċellenza fir-rigward tar-responsabbiltà soċjali korporattiva -COM(2006) 136. [12] Bl-għajunua tad-Djarju EUROPA. [13] Bħala parti minn DOLCETTA, għodda għall-edukazzjoni tal-konsumaturi msejsa fuq il-web ta' l-UE. [14] Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar emissjonijiet industrijali (prevenzjoni u kontroll sħiħ tat-tniġġiż) - COM(2007) 844 21.12..2007 [15] Id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra fil-Komunità , (ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32). [16] Ir-Regolament (KE) Nru 761/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Marzu 2001 li jippermetti l-parteċipazzjoni volontarja mill-organizzazzjonijiet fl-iskema Komunitarja ta' mmaniġġjar u verifika ta' l-ambjent (EMAS) (ĠU L 114, 24.4.5001, p. 1) [17] Industriji ambjentali huma “attivitajiet li jipproduċu prodotti u servizzi ta' kejl, ħarsien, limitazzjoni, minimizzazzjoni jew korrezzjoni tad-dannu ambjentali lill-ilma, l-arja u l-art, kif ukoll tal-problemi marbuta ma' l-iskart, il-ħoss u l-ekosistemi” (Eurostat/OECD (1999). Dan jinkludi industriji bħall-iskart u l-ġestjoni ta’ l-ilma użat, sorsi ta’ l-enerġija li jiġġeddu, konsultazzjoni ambjentali, it-tniġġis ta’ l-arja u l-kontroll, l-eko-kostruzzjoni eċċ. [18] L-implimentazzjoni tal-Programm ta' Liżbona tal-Komunità: Qafas ta' politika għat-Tisħiħ tal-Manifattura ta’ l-UE - lejn strateġija aktar integrata għall-Politika Industrijali - COM(2005) 474. [19] L-indirizzar ta’ l-isfida ta' l-effiċjenza ta' l-enerġija permezz ta’ Teknoloġiji ta’ Tagħrif u ta' Komunikazzjoni, COM(2008)241 finali. [20] Żgħar, nodfa u kompetittivi. Programm biex jgħin l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni ambjentali - COM(2007) 379. [21] L-Ewwel Aħseb fiż-Żgħir - ‘Att għan-Negozji ż-Żgħar' għall-Ewropa– COM(2008) 394.