Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008DC0334

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Evalwazzjoni finali tal-Programm eTEN

/* KUMM/2008/0334 finali */

52008DC0334

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Evalwazzjoni finali tal-Programm eTEN /* KUMM/2008/0334 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 3.6.2008

KUMM(2008) 334 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Evalwazzjoni finali tal-Programm eTEN

(preżentata mill-Kummissjoni)

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Evalwazzjoni finali tal-Programm eTEN (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

1. DAħLA

Din il-Komunikazzjoni tippreżenta evalwazzjoni finali tal-Programm eTEN li tkopri l-perjodu bejn l-orjentazzjoni mill-ġdid tal-Programm fl-2002 u t-tmiem tiegħu f’Diċembru 2006, sabiex tissodisfa r-rekwiżit li jidher fl-Artikolu 19 tar-Regolament Finanzjarju li jkopri l-programm.

2. SFOND

L-eTEN evolva mill-inizjattiva TENs[1] li l-għan tagħha kien li tipprovdi netwerks Trans-Ewropej fl-oqsma tat-trasport, it-telekomunikazzjoni u l-enerġija. L-iżvilupp ta’ infrastrutturi fl-oqsma tat-trasport, it-telekomunikazzjoni u l-enerġija Ewropej huwa għan ambizzjuż[2] li jissemma fit-Trattat u fil-Linji Gwida għat-tkabbir u x-xogħol[3].

L-għan ta’ l-eTEN kien li jikkontribwixxi għall-iżvilupp tas-Soċjetà ta' l-Informatika f'termini ta' tkabbir, impieg, koeżjoni soċjali u parteċipazzjoni għal kulħadd fl-ekonomija bbażata fuq it-tagħrif. L-oqsma ewlenin inklużi kienu l-eGovernment u l-eAdministration, l-eHealth, l-eInclusion u l-eLearning. Aktar tard, iddaħħal is-sitt qasam li kien jindirizza l-SMEs b’mod partikolari.

Sa l-2005, it-TENs kollha kellhom bażi legali finanzjarja waħda komuni[4] (minn hawn ‘il quddiem, “Ir-Regolament Finanzjarju") li permezz tagħha, setgħu jirċievu għotja massima ta’ 10% tan-Nefqa Totali għall-Investiment[5]. Sa dan il-limitu, l-eTEN iffinanzja proġetti b’sa 50% ta’ l-ispejjeż għal Studji ta’ Fattibbiltà u Evalwazzjoni[6], u b’sa 10% għal proġetti li jinkludu l-użu ta’ servizzi. Fl-2005, il-bażi legali finanzjarja għall-eTEN ġiet riveduta[7] biex tkun tista’ tiffinanzja għotjiet ekwivalenti għal sa 30% tan-Nefqa Totali għall-Investiment ta’ proġetti li jinkludu l-użu ta’ servizzi.

F’konformità mar-rekwiżiti tat-Trattat, tfassal sett ta’ Linji Gwida li jkopru l-għanijiet, il-prijoritajiet u l-ambitu wiesa’ ta’ miżuri previsti u li jidentifikaw il-proġetti ta’ interess komuni[8] (minn hawn ‘il quddiem, “Il-Linji Gwida”). Fl-2002, il-Linji Gwida ġew modifikati biex jaġġornaw il-programm mal-politiki Komunitarji u, b’mod speċjali, ma’ l-i2010. Fl-istess waqt, l-isem tal-programm ġie mibdul minn TEN Telecom għal eTEN.

L-Artikolu 19 tar-Regolament Finanzjarju tat-TEN jesiġi li l-Kummissjoni għandha tressaq quddiem il-Parlament Ewropew u l-Kunsill rapport komprensiv dwar l-esperjenza li nkisbet mill-mekkaniżmi skond dan ir-Regolament Finanzjarju għall-għoti ta' għajnuna Komunitarja, b'mod partikolari l-mekkaniżmi u d-dispożizzjonijiet stabbiliti f'Artikolu 4. Dan id-dokument jindirizza dak ir-rekwiżit.

L-eTEN ġie implimentat permezz ta' proġetti li l-infiq tagħhom inqasam bejn partijiet differenti, u abbażi ta' sejħiet pubbliċi għall-offerti. Wara sejħiet pubbliċi għall-offerti, ġie stabbilit għadd totali ta’ 149 proġett li l-infiq tagħhom inqasam bejn partijiet differenti u li rċivew finanzjament totali ta’ ftit aktar minn EUR 177 miljun. Il-proġetti programmati fl-2003 u l-2004 tlestew, iżda dawk programmati fl-2005 u l-2006 għadhom għaddejjin. Huwa mistenni li l-proġetti kollha jitlestew sat-tmiem ta’ l-2009.

Fl-2005 tlestiet evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu[9] li kienet tkopri r-riżultati miksuba fi proġetti programmati sa tmiem l-2002 flimkien ma’ riżultati inizjali mill-programm eTEN li beda fl-2002.

3. IT-TWETTIQ TA’ L-EVALWAZZJONI

L-evalwazzjoni studjat il-kwistjonijiet li ġejjin: ir-rilevanza ta' l-għanijiet, il-prijoritajiet u l-mezzi ta’ implimentazzjoni tal-programm, l-effettività u l-impatt tal-programm, l-effiċjenza u l-effettività tan-nefqa tiegħu, l-utilità u s-sostenibbiltà tiegħu, u r-rabtiet kawżali mir-riżorsi utilizzati sa l-attivitajiet u l-impatti preżunti (il-loġika ta’ l-intervenzjoni).

Din l-evalwazzjoni saret fl-2007 minn grupp ta’ assessuri professjonali ta’ kumpanija[10], li ngħatat kuntratt għal dan il-għan. Dawn l-assessuri taw evalwazzjoni ċara permezz ta’ analiżi b’reqqa tal-provi disponibbli, li kienet tikkonsisti minn materjali ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni, u dokumentazzjoni u riżultati tal-programm. L-assessuri komplew isaħħu l-kwalità tal-provi li ġabru billi intervistaw lil rappreżentanti tal-partijiet interessati ewlenin. B’dan, il-Kummissjoni qiegħda tikkomunika r-riżultati ta’ l-evalwazzjoni, kif jitlob ir-Regolament li jikkonċerna l-programm.

4. RIżULTATI TA’ L-EVALWAZZJONI

L-Anness 1 ta’ din il-Komunikazzjoni jinkludi s-Sejbiet kollha previsti fir-rapport ta’ l-assessur.

Il-Kummissjoni tilqa’ ir-rapport ta’ l-evalwazzjoni u s-sejbiet tiegħu, u tikkonferma l-effettività tal-ġestjoni tal-programm kif ukoll l-utilità tiegħu.

Bil-kuntrarju għas-sejbiet tar-rapport ta’ l-evalwazzjoni, il-Kummissjoni temmen li diġà nħolqu ċerti sinerġiji bejn il-programm eTEN u l-Fond ta’ Koeżjoni Ewropew. Xi entitajiet mill-Istati Membri l-Ġodda rnexxilhom jiksbu riżultati eċċellenti fil-programm eTEN minħabba li ngħataw kontribuzzjoni finanzjarja ta’ madwar 5% minn dawn l-Istati Membri l-Ġodda u xi dħul, ta' madwar 11%, f'forma ta' finanzjament għall-proġett. L-esperjenza li tinkiseb mir-riżultati tal-proġetti tikkostitwixxi bażi soda għal aktar żvilupp tas-servizzi u sar magħruf li xi entitajiet diġà talbu lill-Fond ta’ Koeżjoni Ewropew biex jappoġġa aktar żvilupp tas-servizzi. Aktar sinerġiji huma mistennija li jiżviluppaw hekk kif il-biċċa l-kbira tal-proġetti jkunu tlestew. Fl-evalwazzjoni li se tagħmel f’nofs it-terminu tal-Programm ta’ Appoġġ għall-Politika tal-Programm ta’ Kompetittività u Innovazzjoni (CIP) ta’ l-ICT, il-Kummissjoni se tirrapporta dwar dan is-suġġett.

Tirrikonoxxi wkoll xi nuqqasijiet identifikati mill-assessuri professjonali, notevolment dwar iż-żmien li jgħaddi bejn l-għeluq tas-sejħiet għall-offerti u l-għoti tal-kuntratt u dwar it-tul ta’ żmien twil li jingħata għat-twettiq tal-proġetti. Tinnota li minkejja dan, dawn in-nuqqasijiet ftit ħallew effett fuq l-implimentazzjoni ġenerali tal-programm. Il-Kummissjoni diġà nediet servizzi ġodda li, fil-ġejjieni, għandhom inaqqsu dan id-dewmien.

Tilqa’ b’ferħ l-evalwazzjoni pożittiva li ngħata d-disinn tal-programm; l-effiċjenza fil-ġestjoni tal-programm; u l-potenzjal tal-programm li jagħti riżultati sostenibbli, jiġġenera impatti pożittivi u jżid il-valur reali billi jimmobolizza l-funzjonijiet kollha meħtieġa ħalli l-użu ta’ l-ICT jirnexxi u jwassal għal tibdil strutturali. Barra minn hekk, ir-riżultati jagħtu xhieda wkoll li l-Programm ta’ Qafas ta’ Appoġġ għall-Politika tal-Programm ta’ Kompetittività u Innovazzjoni (CIP) ta’ l-ICT jista’ jkompli mar-riżultati miksuba mill-eTEN.

Il-Kummissjoni tqis li l-implimentazzjoni ta’ dan is-sett uniku ta’ mekkaniżmi ta’ finanzjament kien ta’ sfida partikolari għall-partijiet kollha involuti, u tilqa’ b’ferħ il-fatt li l-assessuri rrikonoxxew l-isforzi li wasslu għal titjib kbir lejn l-aħħar tal-programm.

5. KONKLUżJONIJIET TAL-KUMMISSJONI

Il-Kummissjoni tqis li dan huwa rapport pożittiv ħafna li jikkonferma kemm l-effettività tal-ġestjoni tal-programm kif ukoll l-utilità tiegħu. Ġew identifikati xi nuqqasijiet, iżda dawn ftit ħallew effett fuq l-implimentazzjoni ġenerali tal-programm.

L-impatti immedjati huma l-involviment tal-partijiet interessati mill-Istati Membri l-Ġodda, l-SMEs u l-entitajiet pubbliċi, li jaffavorixxu aktar użu u adozzjoni tar-riżultati tal-proġett fuq livell pan-Ewropew u l-qawwa kompetittiva tas-swieq għat-tipi ta’ servizzi ffinanzjati mill-eTEN. Abbażi tar-riżultati miksubin s'issa, il-programm huwa mistenni li jħalli impatti ġenerali sinifikanti billi jħajjar l-attività f’oqsma ġodda u jindika kif l-ICTs jistgħu jikkontribwixxu għal politika effettiva relatata ma’ l-innovazzjoni u għall-Aġenda ta’ Liżbona u l-għanijiet ta’ l-i2010. Ir-riżultati jagħtu xhieda li l-programm sussegwenti, il-Programm ta’ Appoġġ għall-Politika tal-Programm ta’ Kompetittività u Innovazzjoni (CIP) ta’ l-ICT, huwa mistenni li jkompli b’mod effikaċi fuq ir-riżultati miksuba mill-eTEN.

Kemm l-assessuri kif ukoll il-Kummissjoni se jkomplu bil-ħidma tagħhom fl-2009, biex ikejlu l-impatt li jkunu ħallew il-proġetti tas-snin preċedenti tal-Programm eTEN. Fl-evalwazzjoni li se tagħmel f’nofs it-terminu tal-Programm ta’ Appoġġ għall-Politika tal-Programm ta’ Kompetittività u Innovazzjoni (CIP) ta’ l-ICT, il-Kummissjoni se tirrapporta dwar din il-ħidma.

Anness 1: Sejbiet ewlenin mir-Rapport ta’ l-Assessur

Il-kumpanija RAND Europe għamlet evalwazzjoni finali tal-programm eTEN. Dan il-programm, nominalment, kellu jitlesta sa l-aħħar ta' l-2006, għalkemm xi attivitajiet li ġew ikkuntrattati lejn tmiemu għadhom għaddejjin. Is-sejbiet ewlenin ta’ l-evalwazzjoni huma dawn:

Suċċess kumplessiv tal-Programm

L-eTEN kien programm li, wara kollox, tmexxa tajjeb u fl-aħħar fażi tiegħu rnexxa, biex setgħu jinkisbu l-għanijiet diversi tiegħu. Madankollu, din is-sejba tista’ tiġi kwalifikata f’żewġ modi. Il-programm ma rnexxiex mingħajr diffikultajiet, b’mod partikolari fl-ewwel snin tiegħu. Barra minn hekk, l-ammont ta’ suċċess li kiseb mhuwiex kwantifikabbli – bejn minħabba li l-impatti tiegħu għadhom mhumiex viżibbli għal kollox u bejn minħabba li d-diversi għanijiet tiegħu ġew iddikjarati f’termini kwalitattivi mingħajr kriterji speċifiċi għall-kejl tas-suċċess.

Mekkaniżmi għall-Implimentazzjoni tal-Programm

Ma ntużawx mekkaniżmi ta’ finanzjament oħra għajr dak ta’ l-għoti ta’ fondi: dan kien mistenni, minħabba li l-proġetti ma kinux ta' daqs kbir, u ma nħossux li dan affettwa r-rendiment tal-programm b’mod sinifikanti. Minkejja l-possibbiltà ta’ benefiċċji li setgħu jinkisbu, ftit kien hemm rabta mal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond Soċjali Ewropew.

Fil-bidu, il-mekkaniżmu tal-proġett Validazzjoni tas-Suq (Market Validation – MV) ġie utilizzat aktar milli meħtieġ (min-naħa, minħabba l-kundizzjonijiet finanzjarji favorevoli għall-parteċipanti); fl-aħħar fażijiet tal-programm, dan ma baqax iseħħ. Ħafna mill-proġetti MV li kienu kkummissjonati qabel saret l-orjentazzjoni mill-ġdid tal-programm ma jidherx li reġgħu ntużaw; fl-aħħar fażijiet tal-programm, din is-sitwazzjoni tjiebet ukoll.

Il-mekkaniżmu tal-proġett Użu Inizjali (Initial Deployment – ID) dam ma ddaħħal, iżda rnexxa, b’mod partikolari wara d-dewmien twil fl-implimentazzjoni tal-limitu ta’ 30% għall-appoġġ kumplessiv bħala proporzjon tan-nefqa totali. Bħalissa qed isir użu ta’ mekkaniżmi li jipprometti riżultati tajbin, inkluż ta’ xi wħud li ntużaw qabel fi proġetti MV.

Il-kuntratti ta’ finanzjament ma kinux jippermettu biżżejjed flessibbiltà. Għaldaqstant, l-analiżijiet tal-proġetti ma setgħux jordnaw jew jawtorizzaw biżżejjed it-tibdil kbir meħtieġ fid-direzzjoni waqt l-implimentazzjoni tal-programm. Meta ġew intervistati, xi maniġers tal-proġetti taw wieħed x’jifhem li ma kellhomx mezzi realistiċi kif jibdlu din is-sitwazzjoni, anke jekk kienu jafu bil-problema.

Effiċjenza fil-Ġestjoni tal-Programm

Mill-2003, ma kienx hemm kwistjonijiet kbar dwar il-ġestjoni tal-proġetti u l-istandards tal-ġestjoni tal-proċessi, il-ġustizzja, l-onestà u t-trasparenza, u l-effiċjenza fil-ġestjoni ta’ kuljum kienu eċċellenti.

Il-proċeduri operattivi għat-tħejjija ta’ Programmi ta’ Ħidma u Sejħiet għall-Proposti, id-dokumentazzjoni mehmuża tagħhom u l-wasla u l-evalwazzjoni tal-proposti komplew jissaħħu tul il-programm kollu. Xi problemi li fil-bidu kienu sinifikanti (b’mod partikolari fir-rigward ta’ l-evalwazzjoni tal-proposti) ġew solvuti u maż-żmien, dawn il-mekkaniżmi komplew jitjiebu, u sa tmiem il-programm saru eċċellenti.

It-tfassil ta’ l-għanijiet u l-effetti tiegħu fil-ħolqien ta’ programmi ta’ ħidma kien wieħed b’saħħtu u xieraq: ma sibnix x'nikkritikaw fl-evoluzzjoni ta' l-għanijiet u fil-fatt inqisu li r-reazzjoni għat-tibdil fl-ambjent tas-suq (u politika) estern tal-programm kienet karatteristika pożittiva ħafna.

Il-proċess li jwassal għall-għoti tal-kuntratti għall-proġetti (sekwenza magħmula minn selezzjoni, kontroll ta’ kredenzjali u minn negozjar ta’ l-annessi tekniċi għall-kuntratti) ħa wisq żmien. Din il-problema kienet indikata mill-Evalwazzjoni li saret f’Nofs it-Terminu, iżda baqgħet teżisti. Barra minn hekk, it-tul ta’ żmien li jingħata għat-twettiq tal-proġetti kien twil meta mqabbel ma’ dak tas-settur privat ekwivalenti u mad-dinamika tas-setturi li jaġixxu b’mod rapidu. Dan, flimkien mad-dewmien fl-għoti tal-kuntratti għall-proġetti, spiss kien iwassal għal żmien twil biex il-proġett “jitqiegħed fis-suq”, li x’aktarx li tellef mis-suċċess ta’ l-użu tal-proġetti u naqqas mill-impatt potenzjali tagħhom.

Effettività, Kisbiet u Impatti

Il-programm wassal għal progress konsiderevoli fl-involviment tal-partijiet interessati mill-Istati Membri l-Ġodda, l-SMEs u l-entitajiet pubbliċi. Il-parteċipazzjoni tagħhom tiffavorixxi ħafna l-użu u l-adozzjoni akbar tar-riżultati tal-proġetti fuq livell pan-Ewropew u s-saħħa kompetittiva tas-swieq għal dawn is-servizzi u għal servizzi relatati.

L-attivitajiet fil-fażijiet aħħarija tal-programm jipromettu impatti pożittivi permezz tal-ħolqien ta' komunitajiet ta' katini ta’ valur tat-tip settorjali (speċjalment fis-settur pubbliku). L-enfażi li ssir fil-fażijiet aħħarija ta' attività fuq l-inklużjoni, fil-proġetti, tal-katina ta’ valuri sħiħa inkluż “l-appoġġ għall-imsieħba” u “l-appoġġ għal sorsi tad-dħul” ġiet validata bis-sħiħ u tirrappreżenta tagħlima importanti għal programmi fil-ġejjieni.

Twettiq ta’ l-Għanijiet tal-Programm

Sibna li l-fażijiet aħħarija tal-programm żiedu fil-valur reali permezz ta’ azzjonijiet li taw bidu għal u/jew kien ta’ eżempju ta’ tibdil strutturali, u billi qiegħdu l-użu attwali fil-qalba ta’ l-iżvilupp tal-politika. Għalhekk, il-programm huwa mistenni li jħalli impatti ġenerali sinifikanti billi jħajjar l-attività f’oqsma ġodda u jindika kif l-ICTs jistgħu jikkontribwixxu għal politika effettiva relatata ma’ l-innovazzjoni u għall-Aġenda ta’ Liżbona u l-għanijiet ta’ l-i2010.

Sostenibbiltà ta’ l-Attivitajiet

F’dan l-istadju, huwa diffiċli li wieħed jevalwa s-sostenibbiltà għal żmien twil ta’ l-attivitajiet. Madankollu, l-involviment tal-katina ta’ valuri sħiħa (adottata fil-fażijiet aħħarija u aktar produttivi tal-programm), u l-eżempju speċifiku mogħti minn xi wħud mill-proġetti li żviluppaw f’użu usa’ permezz ta’ dawn il-katini ta’ valuri, jimplika tbassir pożittiv b’mod ċar.

[1] L-Inizjattiva Netwerk Trans-Ewropew (TEN) hija bbażata fuq l-Artikoli 154, 155 u 156 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li stipula l-għan li jiġu stabbiliti netwerks Trans-Ewropej fl-oqsma tat-trasport, ir-telekomunikazzjoni u l-enerġija.

[2] COM(2007) 0135: Komunikazzjoni mill-Kummissjoni - In-Netwerks Trans-Ewropej: Lejn approċċ integrat {SEG(2007) 374}.

[3] Linji Gwida għat-tkabbir u x-xogħol (2005-2008) Nru 9, 10, 11 u 16.

[4] Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2236/95 tat-18 ta’ Settembru 1995 li jistabbilixxi regoli ġenerali għall-għoti ta’ għajnuna finanzjarja Komunitarja fil-qasam tan-netwerks trans-Ewropej (ĠU L 282, 24.11.1995, p. 16), emendat bir-Regolament (KE) Nru 1655/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Lulju 1999, kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 1159/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Lulju 2005

[5] L-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2236/95.

[6] L-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 2236/95 , kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 1159/2005.

[7] Ir-Regolament (KE) Nru 1159/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Lulju 2005

[8] Id-Deċiżjoni Nru 1376/2002/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Lulju 200 li temenda d-Deċiżjoni Nru 1336/97/KE dwar serje ta' linji gwida għan-networks tat-telekomunikazzjoni trans-Ewropej (ĠU 2002 tat-30.07.2002, p. 1).

[9] COM (2005) 354 finali, ta’ l-1 ta’ Awwissu 2005.

[10] RAND Europe, mogħtija kuntratt abbażi ta’ sejħa ristretta għall-offerti maħruġa mid-DĠ għas-Soċjetà ta’ l-Informazzjoni fil-ħarifa ta’ l-2006.

Top