This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52008DC0238
Communication from the Commission to the European Parliament, the Council, the European Economic and Social Committee, the Committee of the Regions and the European Central Bank - EMU@10: successes and challenges after 10 years of Economic and Monetary Union {SEC(2008) 553}
Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Bank Ċentrali Ewropew - EMU@10: suċċessi u sfidi wara 10 snin mill-Unjoni Ekonomika u Monetarja {SEG(2008) 553}
Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Bank Ċentrali Ewropew - EMU@10: suċċessi u sfidi wara 10 snin mill-Unjoni Ekonomika u Monetarja {SEG(2008) 553}
/* KUMM/2008/0238 finali */
Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Bank Ċentrali Ewropew - EMU@10: suċċessi u sfidi wara 10 snin mill-Unjoni Ekonomika u Monetarja {SEG(2008) 553} /* KUMM/2008/0238 finali */
[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ | Brussel 7.5.2008 KUMM(2008) 238 finali KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW, LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI U LILL-BANK ĊENTRALI EWROPEW EMU@10: suċċessi u sfidi wara 10 snin mill-Unjoni Ekonomika u Monetarja {SEG(2008) 553} KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW, LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI U LILL-BANK ĊENTRALI EWROPEW EMU@10: suċċessi u sfidi wara 10 snin mill-Unjoni Ekonomika u Monetarja PASS STORIKU Fit-2 ta’ Mejju 1998 il-mexxejja Ewropej ħadu d-deċiżjoni storika li jintroduċu l-munita unika, l-ewro . Il-mogħdija għall-aħħar fażi ta’ l-UEM – l-Unjoni Ekonomika u Monetarja – fl-1 ta’ Jannar 1999 immarkat waqt importanti fl-integrazzjoni Ewropea. Għalkemm ekonomika fis-sustanza tagħha, hija kienet sinjal politiku qawwi ħafna għaċ-ċittadini Ewropej u għall-bqija tad-dinja li l-Ewropa kienet kapaċi tieħu deċiżjonijiet li jwasslu għall-ġejjieni għat-tfassil ta’ futur komuni u mimli ġid għal kontinent li ta' sikwit ħass it-tbatija tal-gwerra u ta’ l-instabbiltà ekonomika u politika. It-tnedija ta' l-UEM – ir-riforma l-aktar importanti mill-Bretton Woods lil hawn – kienet pass mingħajr preċedent fl-istorja moderna ekonomika ta’ l-Ewropa, pass li biddel il-pajsaġġ globali ekonomiku. Għaxar snin wara l-eżistenza tiegħu, l-ewro huwa suċċess kbir . Il-munita unika saret simbolu ta’ l-Ewropa, meqjusa miċ-ċittadini taż-żona ta' l-ewro bħala waħda mill-aktar riżultati pożittivi fl-integrazzjoni Ewropea flimkien mal-kisba tal-moviment liberu fi ħdan l-UE u l-paċi fl-Ewropa. Wieħed minn kull żewġ persuni fiż-żona ta' l-ewro jsostni li għalih, l-UE tfisser il-munita unika. L-UEM iggarantiet l-istabbiltà makroekonomika u tat spinta lill-kummerċ trans-konfinali, lill-integrazzjoni finanzjarja u lill-investiment. L-għadd ta’ pajjiżi li jużaw l-ewro żdied mill-ħdax oriġinali għal ħmistax-il pajjiż fil-bidu ta’ l-2008 u huwa mistenni li jkompli jiżdied. L-UEM hija kisba ta’ importanza strateġika għall-UE, u tabilħaqq għad-dinja b'mod ġenerali, li fiha l-Ewropa saret kolonna ta' stabbiltà makroekonomika, milqugħa b'mod speċjali fiż-żminijiet attwali ta' taqlib finanzjarju. Filwaqt li l-ewro kien bla dubju ta’ suċċess, s’issa ma laħaqx l-istennijiet kollha inizjali . Ir-riżultat u partikolarment it-tkabbir tal-produttività kienu inqas minn dawk ta’ ekonomiji oħra żviluppati u kiber it-tħassib dwar il-ġustizzja fir-rigward tad-dħul u d-distribuzzjoni tal-ġid. Flimkien ma' dan, għadd ta' sfidi sinifikanti li ma kinux għadhom feġġew jew li kienu bdew jidhru l-ewwel sinjali tagħhom meta tfasslet l-UEM qegħdin issa dejjem aktar joħolqu pressjoni. Il-globalizzazzjoni qed tkompli tixmi ’l quddiem u r-riżorsi naturali qegħdin dejjem aktar jonqsu. Il-bidla fil-klima u l-effetti ta' l-anzjanità se jpoġġu piżijiet addizzjonali fuq il-kapaċitajiet tat-tkabbir ta’ l-ekonomiji tagħna Barra minn hekk, l-iżbilanċi globali emerġenti qed joħolqu pressjoni fuq ir-rata tal-kambju ta' l-ewro u fuq it-tħaddim tas-sistemi finanzjarji tagħna. Fl-istess ħin, waqt li t-tkabbir progressiv taż-żona ta' l-ewro għandu jżid id-dinamiżmu ta' l-ekonomija tagħha, għandu wkoll iżid id-diversità ta' l-UEM, filwaqt li joħloq domandi aktar qawwija fuq il-kapaċità ta' aġġustament tagħha. Din il-Komunikazzjoni u r-Rapport mehmuż magħha[1] jevalwaw l-esperjenza ta' l-ewwel għaxar snin ta’ l-UEM, jidentifikaw il-miri u l-isfidi li qed jaffaċċjaw iż-żona ta' l-ewro u jressqu ’l quddiem aġenda politika għas-suċċess kontinwu ta’ l-UEM. IS-SUċċESSI EWLENIN TA’ L-EWWEL GħAXAR SNIN It-tnedija ta’ l-ewro rrappreżentat bidla radikali fl-ambjent makroekonomiku ta’ l-Istati Membri parteċipanti tagħha u lil hin minnhom. Politika monetarja unika flimkien ma' linji politiċi fiskali nazzjonali iżda koordinati rawmet stabbiltà makroekonomika. L-aġġustamenti tar-rata tal-kambju li perjodikament kienu jittrawmatizzaw l-ekonomiji Ewropej saru oġġett ta’ l-imgħoddi. Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), li huwa fdat bil-politika monetarja taż-żona ta' l-ewro, malajr stabbilixxa l-kredibbiltà tiegħu. Id-dixxiplina baġitarja tjiebet b’mod sinifikanti, imsaħħa mill-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir (PST). L-ekonomija taż-żona ta' l-ewro segwiet mogħdija ta’ integrazzjoni ekonomika u finanzjarja aktar mgħaġġla mill-bqija ta’ l-UE u l-irkupru tagħha mill-ġdid fid-dawl ta’ l-iskossi esterni li tiltaqa’ magħhom qiegħed dejjem jissaħħaħ. Ġeneralment, sar progress f'diversi oqsma, hekk kif juru tajjeb dawn il-punti prinċipali. Il-politika monetarja ankrat stennijiet ta’ inflazzjoni fit-tul viċin tad-definizzjoni tal-BĊE ta’ l-istabbiltà tal-prezz. L-inflazzjoni laħqet medja ta’ ftit biss ’il fuq minn 2 % fl-ewwel għaxar snin ta’ l-UEM, filwaqt li niżlet minn 3 % fid-disgħinijiet u minn medda ta' 8 % sa 10 % fis-sebgħinijiet u t-tmeninijiet. Ir-rati nominali ta’ interessi naqsu għal medja ta’ madwar 5 % mill-bidu ta’ l-ewro, niżlu minn 9 % fid-disgħinijiet u 12 % fit-tmeninijiet. F’termini reali, ir-rati ta’ l-interessi fl-UEM niżlu għal livelli li kienu ilhom ma jidhru għal hafna għexieren tas-snin, anke fil-pajjiżi li gawdew l-ogħla grad ta’ stabbiltà qabel l-adozzjoni ta’ l-ewro. Bla dubju, l-inflazzjoni żdiedet dan l-aħħar, prinċipalment minħabba l-prezzijiet taż-żejt u tal-prodotti li sparaw 'il fuq, filwaqt li t-taqlib fis-swieq tal-finanzi wassal għal kondizzjonijiet aktar stretti ta’ kreditu għad-djar u għan-negozji. Iżda huwa mistenni treġġiegħ lura għal inflazzjoni baxxa u għal kondizzjonijiet aktar normali ta’ kreditu ladarba dawn il-pressjonijiet esterni jbattu – anke jekk il-prezzijiet taż-żejt u tal-prodotti jistgħu ikomplu jogħlew minħabba d-domanda għolja minn pajjiżi li qed jiżviluppaw b’rata mgħaġġla. Il-linji politiċi fiskali kienu ta’ appoġġ għall-istabbiltà makro-ekonomika fl-UEM. Il-progress fil-konsolidazzjoni fiskali kien wieħed impressjonanti matul dawn l-aħħar snin u wassal għal defiċit ta’ 0.6 % biss tal-PGD fl-2007 meta mqabbel ma’ medja ta’ 4 % kemm fit-tmeninijiet kif ukoll fid-disgħinijiet. Ir-riforma tal-PST (Patt ta' Stabbiltà u ta' Tkabbir) fl-2005 mhux biss ikkontribwiet għal aktar dixxiplina iżda wasslet għal korrezzjoni aktar sostenibbli ta’ defiċit eċċessiv billi evitat li wieħed jerġa’ lura għal miżuri ta’ darba. Waqt li għadhom ma nqerdux għal kollox, il-linji politiċi pro-ċikliċi fiskali saru wkoll anqas komuni. B’riżultat ta’ dan, megħjun mill-qligħ mhux mistenni tad-dħul mit-taxxi f'dawn l-aħħar snin, l-ebda pajjiż miż-żona ta’ l-ewro ma kellu defiċit ta’ aktar minn 3 % fl-2007 u d-defiċit ġenerali għaż-żona ta' l-ewro (ta’ 0.6 % tal-PGD fl-2007), kien l-aktar wieħed baxx għal bosta għexieren tas-snin. Tabilħaqq għaxra mill-ħmistax-il pajjiż fiż-żona ta’ l-ewro irreġistraw żieda fil-baġit fl-2007 jew kienu qrib ħafna tal-bilanċ. L-UEM rawmet integrazzjoni ekonomika u tas-suq . In-nuqqas ta’ riskju tar-rata tal-kambju u spejjeż aktar baxxi ta’ tranżizzjonijiet trans-konfinali kienu ta' għajnuna fl-iżvilupp tas-Suq Waħdieni u fl-integrazzjoni tas-swieq tal-prodotti. Il-flussi kummerċjali fi ħdan iż-żona issa huma ekwivalenti għal terz mill-PGD taż-żona, li telgħu minn kwart għaxar snin ilu, u l-istimi disponibbli jindikaw li nofs din iż-żieda hija dovuta għall-eliminazzjoni ta’ volatilità fir-rata tal-kambju Aktar minn hekk, l-investiment barrani dirett fi ħdan iż-żona bħalissa huwa terz mill-PGD meta mqabbel ma’ għoxrin fil-mija inizjalment. Hawnkekk, l-istimi jissuġġerixxu li sa żewġ terzi minn din iż-żieda jistgħu jiġu attribwiti lill-ħolqien tal-munita unika. Dawn l-iżviluppi min-naħa tagħhom ipproduċew ekonomiji ewlenin ta' skala, taw spinta lill-kompetizzjoni u kellhom effetti notevoli fuq l-effiċjenza produttiva. Bl-istess mod, in-nuqqas fil-primja tar-riskju inkluż fl-ispiża tal-kapital ta spinta għall-formazzjoni tal-kapital li issa laħaq kwazi t-22 % tal-PGD – livell li ilu ma jidher mill-bidu tad-disgħinijiet. B’mod ġenerali, permezz ta’ dawn il-mezzi diversi, huwa stmat li l-munita unika tat spinta ta’ madwar 5 % lill-produttività tax-xogħol għal kull siegħa ta’ xogħol mit-tnedija ta’l-ewro 'l hawn. L-ewro serva ta’ katalizzatur qawwi għall-integrazzjoni tas-suq finanzjarju . Is-swieq monetarji interbankarji fiż-żona ta' l-ewro integraw bis-sħiħ, filwaqt li t-tranżazzjonijiet transkonfinali interbankarji kibru b’mod stabbli mill-1999. Il-konsolidazzjoni trans-konfinali fost il-banek qed taċċellera, bis-sittax l-akbar gruppi bankarji issa jippossjedu aktar minn 25 % ta’ l-assi ta’ l-UE tagħhom barra pajjiżhom. Tfaċċa suq sinifikanti ta’ bonds iddenominati f’ewro fis-settur privat, bi ħruġ gross annwali ta’ aktar minn €1 triljun li issa qed jaqbeż sostanzjament madwar €800 biljun miġbura permezz tal-ħruġ tas-settur pubbliku. Is-swieq ta’ l-ishma wkoll integraw aktar malajr minn fi bnadi oħra, bis-sehem ta’ l-ishma miżmuma f’pajjiżi oħra taż-żona ta' l-ewro jiżdied minn 20 għal 40 %. L-infrastruttura tas-suq finanzjarju mxiet 'il quddiem, u sar progress fis-servizzi finanzjarji trans-konfinali bl-ingrossa, filwaqt li ż-Żona Unika ta’ Ħlasijiet bl-Ewro ġiet stabbilita biex teqred id-differenzi bejn il-ħlasijiet bl-imnut nazzjonali u dawk trans-konfinali. B’parallel ma’ dan, inkiseb ċertu grad ta’ konverġenza regolatorja u superviżjonarja permezz ta’ l-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni tas-Servizzi Finanzjarji u t-tħaddim tal-kumitati ta’ Lamfalussy. L-UEM tejbet l-irkupru taż-żona ta' l-ewro kontra l-iżviluppi esterni kuntrarji . Fl-ewwel għaxar snin tagħha ż-żona ta' l-ewro kienet esposta għal sensiela ta’ skossi esterni assoċjati maċ-ċiklu tal-kummerċ globali, bl-aktar wieħed sinifikanti li huwa dak ta' l-isplużjoni tal-fenomenu tal-kumpaniji fuq l-internet u l-waqgħa sussegwenti fl-Istati Uniti fil-bidu tas-snin 2000. Madankollu, it-tnaqqis segwenti fiż-żona ta' l-ewro fil-bidu ta' dawn l-aħħar għaxar snin kien konsiderevolment aktar baxx minn f’episodji paragunabbli qabel l-adozzjoni tal-munita unika. Illum għal darb'oħra, iż-żona ta' l-ewro tidher imħarsa mill-agħar taqlib finanzjarju globali attwali. L-ankrar ta’ l-istennijiet ta’ l-inflazzjoni kkontribwixxa għal dan it-titjib fl-irkupru, kif ikkontribwew ir-riformi mwettqa taħt l-Istrateġija ta’ Liżbona għat-Tkabbir Ekonomiku u l-Impjiegi u d-dixxiplina baġitarja mġedda mir-riforma tal-PST ’l hawn. L-UEM ġabet magħha benefiċċji sinifikanti lill-pajjiżi membri tagħha li jinsabu għaddejjin minn proċess ta' rkupru . L-ambjent ta’ stabbiltà makroekonomika u ta’ rati ta’ interessi baxxi flimkien ma' l-appoġġ tal-politika ta' koeżjoni u l-Fondi Strutturali u ta' Koeżjoni tagħha ħolqu l-kondizzjonijiet għal irkupru aċċellerat; l-effetti pożittivi ta’ linji politiċi ekonomiċi sodi ssaħħu permezz ta’ l-iżvilupp u l-integrazzjoni tas-swieq finanzjarji nazzjonali flimkien mal-bqija taż-żona ta' l-ewro. Għalhekk m’huwiex sorprendenti l-fatt li l-UEM tappella ħafna għat-tnax-il Pajjiż Membru li daħlu fl-UE mill-2004 ’l hawn; tabilħaqq tlieta minnhom diġà ssieħbu maż-żona ta' l-ewro u s-Slovakkja lesta li tissieħeb fl-2009. L-ewro stabbiliet ruħha sew bħala t-tieni munita internazzjonali dinjija . It-titoli ta’ dejn internazzjonali iddenominati f’ewro għaddew lil dawk tad-dollaru Amerikan fl-2004, filwaqt li l-perċentwal ta’ self mill-bank maħruġ minn banek fiż-żona ta' l-ewro għal dawk mhux fiż-żona ta’ l-ewro iżda li jissellfu f’ewro huwa ta’ 36 % meta mqabbla ma’ 45 % f’dollari Amerikani. L-ewro hija t-tieni munita negozjata bl-aktar mod attiv fis-swieq ta’ l-iskambju internazzjonali dinjin, u tintuża f’aktar minn terz tat-tranżazzjonijiet kollha ta’ kambju barrani. L-użu uffiċjali ta’ l-ewro żdied , u l-kwoti dinjija ta’ riżervi ddikjarati li huma ddenominati f'ewro żdiedu minn 18 % fl-1999 għal aktar minn 25 % fl-2007. Bl-istess mod, ir-rwol ta’ l-ewro bħala munita ta' fatturazzjoni u ta' regolamentazzjoni żdied, waqt li laħaq aktar minn 50 % tal-kummerċ estern taż-żona ta' l-ewro. L-ewro laħaq ukoll ċerta importanza f’ħafna pajjiżi terzi, notevolment fil-pajjiżi kandidati u ġirien ta’ l-UE, li madwar 60 % tal-kummerċ tagħhom huwa ffatturat f’ewro. Iż-żona ta' l-ewro saret arblu ta’ stabbiltà għall-Ewropa u għall-ekonomija dinjija . Grazzi għall-istatus internazzjonali ta’ l-ewro li qed iżid u d-daqs stess ta’ l-ekonomija taż-żona ta' l-ewro, il-linji politiċi ekonomiċi fi ħdan l-UEM għandhom impatt globali li qed jiżdied. B’pożizzjoni esterna bbilanċjata, qafas makroekonomiku kredibbli u sistema finanzjarja soda, iż-żona ta' l-ewro kkontribwiet għal evoluzzjoni ordinata ta' l-ekonomija globali, anke matul il-perjodu ta' ħafna taqlib f’dawn l-aħħar tnax-il xahar. Iż-żona ta' l-ewro żviluppat struttura soda ta’ tmexxija ekonomika . Filwaqt li r-responsabbiltajiet politiċi ekonomiċi ewlenin jibqgħu fil-livell nazzjonali, żviluppat fehma komuni fost l-Istati Membri ta’ l-UEM li l-finanzi pubbliċi sodi u s-swieq finanzjarji flessibbli u integrati tal-prodott, tax-xogħol u tal-finanzi huma meħtieġa biex l-UEM taħdem b’mod effiċjenti. Ir-riforma tal-Patt ta’ Stabbiltà u ta’ Tkabbir fl-2005 żiedet is-“sehem” tal-gvernijiet nazzjonali fil-qafas ta’ governanza baġitarja. U l-Istrateġija riveduta ta’ Liżbona għat-Tkabbir ekonomiku u l-Impjiegi, l-istrument ewlieni għall-koordinazzjoni tal-linji politiċi ekonomiċi ta’ l-UE, tispjega fil-Linja Gwida Nru 6 li l-Istati Membri għandhom "jikkontribwixxu" għal UEM dinamika u li taħdem tajjeb". L-Ewrogrupp serva tal-forum ewlieni għall-ministri finanzjarji taż-żona ta' l-ewro biex jindirizzaw kwistjonijiet relatati mal-munita unika li jmorru lil hinn mill-ħidmiet ta' sorveljanza u ta' koordinazzjoni. Billi l-karattru informali tiegħu jinkoraġġixxi dibattiti miftuħa u liberi, l-Ewrogrupp jinsab f'qagħda tajba biex jiżviluppa fehmiet komuni u pożizzjonijiet ċari dwar kwistjonijiet makroekonomiċi li jappartjenu liż-żona ta' l-ewro. Matul iż-żmien l-Ewrogrupp kiseb viżibbiltà u rilevanza, b'mod partikolari billi ħatar l-ewwel President permanenti tiegħu f'Jannar 2005. Fuq il-livell internazzjonali, l-azzjoni kollettiva li ttieħdet miż-żona ta' l-ewro wasslet għal influwenza esterna akbar, kif deher fl-impenn ta’ l-Ewrogrupp troika – il-President ta’ l-Ewrogrupp, il-President tal-BĊE u l-Kummissarju għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji – fi djalogi bilaterali maċ-Ċina u ma’ pajjiżi oħra, u mill-konsultazzjonijiet multilaterali mmexxija mill-Fond Monetarju Internazzjonali tas-sena l-oħra dwar l-iżbilanċi globali. Dawn l-iżviluppi pożittivi kollha wasslu għall-ħolqien ta’ rekord ta’ 16-il miljun impjieg matul l-ewwel għaxar snin ta’ l-UEM fiż-żona ta' l-ewro. L-impjieg tela’ bi kważi 15 % mit-tnedija tal-munita unika ’l hawn filwaqt li l-qgħad niżel għal madwar 7 % tal-forza tax-xogħol, ir-rata l-aktar baxxa li qatt kien hemm f’aktar minn ħmistax-il sena. B’mod importanti, it-tkabbir ta’ l-impjiegi qabeż lil dak ta’ ekonomiji maturi oħra, inkluża l-ekonomija ta’ l-Istati Uniti. Il-massa ta’ dan it-titjib tirrifletti riformi kemm tas-swieq tax-xogħol kif ukoll tas-sistemi tas-sigurtà soċjali mwettqa taħt l-Istrateġija ta’ Liżbona għat-Tkabbir u l-Impjiegi u l-qafas tal-koordinazzjoni u s-sorveljanza ta’ l-UEM, kif ukoll il-moderazzjoni fil-pagi li kkaratterizzat il-parti l-kbira tal-pajjiżi fiż-żona ta' l-ewro. Dan juri biċ-ċar li l-forza tax-xogħol fl-Ewropa hija kapaċi tħabbatha ma’ sfidi ġodda u tagħmel il-bidliet meħtieġa li fl-aħħar mill-aħħar għandhom jirriżultaw f'aktar ħolqien ta' impjiegi u fi tkabbir ekonomiku ogħla. IL-BQIJA TA' L-ISFIDI TA' L-UEM AMPLIFIKATI MINN XEJRIET GLOBALI ĠODDA L-istampa ġenerali ta’ l-ewwel għaxar snin ta’ l-UEM hija għalhekk waħda pożittiva ħafna. Madankollu, l-istennijiet ma ntlaħqux kollha. It-tkabbir potenzjali , li huwa madwar 2 % fis-sena, għadu baxx wisq . Għalkemm l-impjiegi sparaw 'il fuq, u minkejja l-impatt pożittiv tal-munita unika, it-tkabbir tal-produttività naqas minn 1 1/2% fid-disgħinijiet għal madwar 1 % f’dawn l-aħħar għaxar snin. B’riżultat ta’ dan, id-dħul per capita fiż-żona ta’ l-ewro waqaf f’70 % meta mqabbel ma’ dak ta’ l-Istati Uniti. Waqt li l-parti l-kbira ta’ l-ekonomiji ż-żgħar taż-żona ta' l-ewro sejrin tajjeb b’mod eċċezzjonali, it-tkabbir potenzjali kellu jkun ogħla b’mod sinifikanti f’xi wħud mill-akbar Stati Membri. Barra minn hekk, kien hemm differenzi dewwiema u sostanzjali bejn il-pajjiżi f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-inflazzjoni u ma’ l-ispejjez għall kull unità tax-xogħol It-tendenza ta’ diverġenzi persistenti bejn l-Istati Membri fiż-żona ta' l-ewro kienet parzjalment dovuta għal nuqqas ta' reazzjoni fir-rigward tal-prezzijiet u s-salarji, li ma aġġustawx ruħhom sew kif mistħoqq fir-rigward tal-prodotti, is-setturi u r-reġjuni. Dan wassal għal akkumulazzjoni ta’ telf kompetittiv u żbilanċi esterni kbar, li fl-UEM jeħtieġu perjodi twal ta’ aġġustament. Essenzjalment, dan l-aġġustament imtawwal jirrifletti l-fatti li r-riformi strutturali kienu inqas ambizzjużi milli waqt il-proċess ta’ rankatura ta’ l-ewro. Bħal ma hi s-sitwazzjoni fi ħdan l-UE b'mod ġenerali, is-swieq tal-prodotti fiż-żona ta' l-ewro huma biss parzjalment integrati waqt li l-provvista ta' servizzi trans-konfinali għadha mhix żviluppata biżżejjed. Bħala munita internazzjonali l-ewro hija assi ewlenija għall-membri kollha taż-żona ta' l-ewro u għall-UE b'mod ġenerali. Madankollu, in-nuqqas ta’ strateġija internazzjonali ċara u l-assenza ta’ vuċi b’saħħitha f’fora internazzjonali jimplikaw spejjeż għaż-żona ta' l-ewro f'dinja li qed issir dejjem aktar globalizzata. L-iżbilanċi globali ekonomiċi li akkumulaw min-nofs id-disgħinijiet qed jibdew iħallu l-effetti tagħhom, b’rati tal-kambju eċċessivament volatili u l-arranġamenti ta’ stabbiltà finanzjarja taħt pressjoni qawwija. Id-domanda ta' l-ekonomiji emerġenti li qed tikber b’mod rapidu għall-enerġija skarsa u għal riżorsi primarji oħra qed tolqot it-tnaqqis ta’ forniment, li qed tgħolli l-prezzijiet taż-żejt, l-ikel u ta’ prodotti oħra, b’konsegwenza ta’ dan. F’ambjent ta’ taqlib bħal dan il-munita unika sservi ta’ lqugħ u tista’ tpoġġi ż-żona ta' l-ewro f’qagħda unika biex taqdi rwol ewlieni fl-arena politika globali fit-trażżin tar-riskji assoċjati. Madankollu, dan il-potenzjal mhuwiex sfruttat biżżejjed billi ż-żona ta' l-ewro la għandha strateġija internazzjonali definita kif suppost u lanqas rappreżentazzjoni internazzjonali effettiva. Fl-aħħar nett, id-dehra pubblika ta' l-ewro ma tirriflettix bis-sħiħ ir-rendiment ekonomika ta' suċċess ta' l-UEM. L-ewro ta' spiss jieħu l-ħtija għal rendiment ekonomiku baxx li fir-realtà jirriżulta minn linji politiċi mhux adatti fil-livell nazzjonali. Aktar minn hekk, iċ-ċittadini f’xi pajjiżi jemmnu li l-prezzijiet għolew b’mod sinifikanti minħabba l-ewro. Tabilħaqq, anke jekk l-inflazzjoni ġenerali kienet biss effettwata marġinalment fil-mument tal-bidla minn munita għall-oħra, xi żidiet okkażjonali abbużivi fil-prezzijiet f’setturi u f’pajjiżi speċifiċi ħassru l-immaġni ta’ l-ewro u qed jissoktaw b’dan. Fl-istess ħin, in-nuqqas ta’ żvilupp fil-lat ekonomiku ta’ l-UEM, meta mqabbel mal-lat monetarju, serva ta’ tweġiba għat-tħassib li ż-żona ta' l-ewro mhijiex kapaċi tindirizza l-isfidi ewlenija li qed jaffaċċjawha, li wassal għal immaġni pubblika tagħha aktar dgħajfa. Jidher biċ-ċar li għad baqa' xogħol importanti xi jsir. Iżda lil hinn mit-twettiq ta' l-istennijiet tal-bidu, l-aġenda politika ta' l-UEM għall-għaxar snin li ġejjin se tkun ikkaratterizzata mill-ħolqien ta' sfidi globali ġodda li se jkollhom effett ta' amplifikazzjoni fuq id-dgħjufijiet ta' l-UEM imniżżla hawn fuq. - Il-globalizzazzjoni qed timxi 'l quddiem b’passi kbar , b’ekonomiji emerġenti jikkompetu ma’ ekonomiji żviluppati f’attivitajiet industrijali ta' ftit ħiliet u wkoll dejjem aktar f’attivitajiet b’valur miżjud ogħla. Il-globalizzazzjoni toffri opportunitajiet ewlenin għat-tkabbir tas-suq, li twassal għal prezzijiet aktar baxxi u għażla akbar għall-konsumaturi, u qligħ minn effiċjenzi għall-produtturi. Madankollu, tpoġġi wkoll domandi qawwija fuq il-kapaċità ta' aġġustament tal-membri taż-żona ta' l-ewro billi attivitajiet ġodda jkollhom jieħdu post industriji li sejrin lura, filwaqt li r-riċerka, l-innovazzjoni u r-riżorsi tal-bniedem qed isiru muturi tad-dinamiżmu ekonomiku dejjem aktar importanti . Barra minn hekk, il-globalizzazzjoni tkompli tobbliga ż-żona ta' l-ewro li jkollha rwol effettiv fit-tmexxija ekonomika u finanzjarja. - Il-prezzijiet ta’ l-ikel u ta’ l-enerġija qegħdin jiżdiedu, xprunati mit-tkabbir mgħaġġel ta’ l-ekonomija globali u mix-xejriet tal-konsum li qed jinbidlu f'ekonomiji emerġenti. Il-bidla fil-klima wkoll qed ikollha impatt ekonomiku li qed jikber. Dawn l-iżviluppi jistgħu jservu ta’ xkiel fuq it-tkabbir u jistgħu jfixklu d-distribuzzjoni tad-dħul u l-ġid meta wieħed iqis li huma dawk l-aktar fqar li jistgħu jiġu affettwati b’mod sproporzjonat. Fattur komplikat huwa li l-ħidmiet għat-trażżin tal-bidla fil-klima u t-trażżin fuq il-prezzijiet ta’ l-ikel u ta’ l-enerġija jistgħu ma jinkisbux faċilment fl-istess ħin. Dawn il-problemi jistgħu jaffettwaw il-pajjiżi taż-żona ta' l-ewro b'mod differenti, filwaqt li jżidu mal-ħtieġa li jiżguraw aġġustament mingħajr xkiel għall-iskossi. - Sadattant, il-popolazzjoni fiż-żona ta’ l-ewro, bħal f’postijiet oħra, dieħla fiż-żmien b'ritmu mgħaġġel . B’konsegwenza ta’ dan, il-parti mill-popolazzjoni li tiddependi fuq il-pensjonijiet se tiżdied, u fl-istess ħin tnaqqas il-potenzjal tat-tkabbir ekonomiku. Tabilħaqq, il-proporzjon ta’ l-età eliġibbli għax-xogħol għal persuni mdaħħla fiż-żmien huwa pproġettat li jitnaqqas bin-nofs fl-erbgħin sena li ġejjin u jekk il-politika ma tinbidilx, il-produzzjoni potenzjali taż-żona għandha tonqos b'ħarira 'l fuq minn 1 % fis-sena minn madwar 2 % attwalment. L-anzjanità għandha toħloq ukoll domandi relattivament kbar fir-rigward ta’ l-infiq pubbliku, u sakemm ma jsirux riformi fis-sistemi tal-pensjonijiet u tas-saħħa huwa stmat li s-sehem tan-nefqa pubblika fil-PGD se jiżdied b’4 punti perċentwali matul l-erbgħin sena li ġejjin. L-anzjanità tal-popolazzjonijiet qed toħloq sfida serja lill-kapaċità taż-żona ta' l-ewro biex din taġġusta u tpoġġi f’riskju s-sostenibbiltà tal-finanzi tagħha pubbliċi, u b’mod aktar ġenerali, is-sistemi tagħha ta’ għajnuna soċjali. Dawn ix-xejriet fit-tul, li l-effetti tagħhom qed jinħassu dejjem aktar, se joħolqu sfidi għall-prestazzjoni ta’ l-ekonomiji avvanzati kollha f’termini ta’ tkabbir, stabbiltà makroekonomika, kapaċità ta’ aġġustament, sostenibbiltà tas-sistemi tas-sigurtà soċjali u fid-distribuzzjoni tad-dħul u tal-ġid. Iżda dawn se jipproduċu sfidi politiċi li huma partikolarment validi għaż-żona ta' l-ewro meta wieħed iqis il-potenzjal baxx tagħha ta’ tkabbir, il-kapaċità dgħajfa tagħha ta' aġġustament, id-dejn pubbliku għoli u l-interdipendenza qawwija ta’ l-ekonomiji tagħha. AĠENDA TA’ POLITIKA MSEJSA FUQ TLIET KOLONNI GĦAT-TIENI DEĊENNJU L-esperjenza ta’ l-ewwel deċennju ta’ l-UEM, filwaqt li kienet ġeneralment ta’ suċċess kbir, tiżvela għadd ta’ nuqqasijiet li jeħtieġ li jiġu indirizzati. Se tkun meħtieġa l-konsolidazzjoni ta' l-istabbiltà makroekonomika li nkisbet bi prezz għoli filwaqt li: (a) jiżdied it-tkabbir potenzjali u titwettaq is-sorveljanza u ż-żieda fil-ġid taċ-ċittadini taż-żona ta' l-ewro; (b) tkun żgurata kapaċità għall-aġġustament mingħajr skossi waqt li l-UEM tespandi biex tilqa’ l-membri l-ġodda; u (c) jitħarsu b’suċċess l-interessi taż-żona ta’ l-ewro fl-ekonomija globali. B’mod importanti, dawn l-isforzi jeħtieġ li jsiru f’ambjent globali li nbidel b’mod konsiderevoli mit-tnedija ta’ l-ewro 'l hawn, u n-nuqqas li jseħħ dan ikun issa jfisser konsegwenzi ħafna aktar iebsa. Il-Kummissjoni tipproponi aġenda msejsa fuq tliet kolonni biex tindirizza dawn l-isfidi: - L-aġenda lokali timmira li tapprofondixxi l-koordinazzjoni u s-sorveljanza tal-politika fiskali, li twessa' s-sorveljanza makroekonomika fl-UEM lil hinn mill-politika fiskali u li tintegra aħjar ir-riforma strutturali fil-koordinazzjoni ġenerali tal-politika fi ħdan l-UEM. - L-aġenda esterna timmira li ttejjeb ir-rwol taż-żona ta' l-ewro fit-tmexxija ekonomika globali. - Iż-żewġ aġendi se jkunu jeħtieġu sistema aktar effettiva ta’ tmexxija ekonomika. -aġenda politika lokali: koordinazzjoni u sorveljanza aħjar Approfondiment u twessigħ tas-sorveljanza Il-fergħa korrettiva tal-Patt ta’ Stabbiltà u ta’ Tkabbir (PST) għandha tkompli tiġi applikata rigorożament u s- sorveljanza taħt il-fergħa ta’ ħarsien tal-PST għandha tittejjeb . Il-koordinazzjoni tal-politika fiskali għandha tiggwida aħjar l-andament tal-baġit nazzjonali tul iċ-ċiklu kollu, jiġfieri kemm fi żminijiet tajba kif ukoll fi żminijiet ta’ kriżi. Is-sorveljanza tal-baġit għandha tkun aktar profonda biex tkopri żewġ oqsma ewlenin: (i) il-kisba tas-sostenibbiltà ta’ finanzi pubbliċi għall-benefiċċju tal-ġenerazzjonijiet futuri. F’livell nazzjonali, l-adozzjoni ta’ oqfsa fiskali fit-terminu l-medju jistgħu jmorru 'l bogħod biex jiksbu finanzi pubbliċi stabbli u sostenibbli. Biex ikunu effettivi, oqfsa bħal dawn għandhom jiġbru fihom regoli għall-infiq imfassla tajjeb, li jkunu jistgħu jippermettu lill-istabbilizzaturi fiskali awtomatiċi biex jaħdmu fi ħdan il-limiti tal-PST filwaqt li jkunu f’armonija mal-kompożizzjoni ta’ l-infiq pubbliku għall-ħtiġijiet strutturali u ċiklikali ta’ l-ekonomija. Fil-livell taż-żona ta' l-ewro għandha titpoġġa aktar attenzjoni fuq is-sorveljanza ta’ l-iżviluppi tad-dejn pubbliku, filwaqt li l-għanijiet baġitarji fit-terminu l-medju għandhom jissaħħu biex jindirizzaw ir-responsabbiltajiet impliċiti. Barra minn hekk, il-proġezzjonijiet baġitarji fit-tul li jidentifikaw l-impatt ta' l-anzjanità fuq il-finanzi pubbliċi jistgħu jappoġġjaw it-tħejjija ta’ l-istrateġiji tas-sostenibbiltà nazzjonali u jippromwovu miżuri biex jirriformaw is-sistemi tal-pensjonijiet u tas-saħħa u jżidu r-rati ta’ l-impjiegi. (ii) it-titjib fil-kwalità tal-finanzi pubbliċi . Fi kliem ieħor, l-iżgurar ta’ valur aħjar għal finanzi pubbliċi, permezz tad-direzzjoni tan-nefqa pubblika u tas-sistemi ta’ tassazzjoni lejn attivitajiet li huma favur it-tkabbir u li jtejbu l-kompetittività. Ir-riformi tal-programmi għan-nefqa soċjali li joffru aktar ħarsien tad-dħul waqt li jsaħħu l-inċentivi għax-xogħol - l-istrateġija tal-flessigurtà - għandha wkoll tgħin ħafna biex ittejjeb is-sostenibbiltà u l-kwalità tal-finanzi pubbliċi waqt li tiżgura li l-finanzi jappoġġjaw l-istabbiltà makroekonomika. Iżda lil hinn mis-sorveljanza baġitarja, hemm ħtieġa ċara għat- tkabbir tas-sorveljanza biex jiġu indirizzati l-iżbilanċi makroekonomiċi. L-iżviluppi fi ħdan l-Istati Membri bħat-tkabbir tad-defiċit tal-kontijiet kurrenti, id-diverġenzi persistenti fl-inflazzjonijiet jew ix-xejriet ta’ tkabbir żbilanċjat jeħtieġu s-sorveljanza meta wieħed iqis li l-effetti ta’ riperkussjoni u ta’ l-interdipendenza li qed tikber fl-ekonomiji fiż-żona ta' l-ewro jfissru li dawn l-iżviluppi jirrappreżentaw tħassib mhux biss għall-pajjiż ikkonċernat iżda wkoll għaż-żona ta' l-ewro kollha kemm hi. L-evidenza ta’ l-ewwel għaxar snin ta’ l-UEM jindikaw li filwaqt li l-integrazzjoni tas-suq, b’mod partikolari fis-servizzi finanzjarji, hija benefiċjali b'mod ġenerali għall-UEM – billi tista’ tgħin biex tassorbi t-tfixkil makroekonomiku billi tipprovdi opportunitajiet li jaqsmu r-riskju u trawwem ir-riallokazzjoni tar-riżorsi – tista’ wkoll, jekk ma tkunx akkumpanjata minn linji politiċi xierqa, tkabbar id-diverġenzi fost il-pajjiżi parteċipanti. Filwaqt li xi wħud minn dawn id-diverġenzi jistgħu ikunu benefiċjali – li jirriflettu l-proċess ta’ rkupru jew anke ta' aġġustament normali – jistgħu wkoll ikunu ta’ dannu u r-riżultat ta’ aġġustament ineffiċjenti. F’dan il-każ, sorveljanza mtejba għandha tgħin lill-pajjiżi affettwati biex ifasslu tweġibiet minn kmieni qabel ma d-diverġenzi jrabbu aktar għeruq. Fl-aħħar nett, sorveljanza usa’ tal-pajjiżi kandidati taż-żona ta' l-ewro , simili għal dik proposta għall-membri attwali taż-żona ta' l-ewro, għandha tkun kruċjali biex tgħinhom iħejju għall-isfidi tal-qsim tal-munita unika. Ħafna mill-membri futuri taż-żona ta' l-ewro qed jesperjenzaw flussi kbar ta’ kapital (li jirriflettu l-istennijiet ta’ tkabbir kontinwu b’rata mgħaġġla fid-dħul) u ta’ setturi finanzjarji li qed jiżviluppaw b'mod rapidu, li t-tnejn jistgħu jagħtu spinta lill-kreditu (tipikament minn bażi baxxa) u jirriżultaw fi żbilanċi esterni. Attwalment is-sorveljanza tal-pajjiżi prospettivi taż-żona ta' l-ewro qed isseħħ permezz ta' l-evalwazzjoni tal-Programmi ta' Konvergenza. Iżda għad hemm lok għal aktar gwida fit-tfassil ta’ politika aktar b'saħħitha u sorveljanza eqreb ta’ l-iżviluppi ekonomiċi b’mod partikolari għall-pajjiżi li qed jieħdu sehem fil-qafas tal-Mekkaniżmu tar-Rata tal-Kambju (ERM) II, li huwa kemm element tal-kriterji ta’ adozzjoni ta’ l-ewro kif ukoll strument biex irawwem il-konvergenza sostenibbli nominali u reali. Dan m’għandux ifisser l-impożizzjoni ta’ xi restrizzjonijiet addizzjonali mad-dħul fiż-żona ta' l-ewro. Is-sorveljanza għandha tinbena fuq l-istrumenti eżistenti. L-istrumenti ewlenin għas-sorveljanza tal-politika fiskali u għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika huma marbuta b’mod ċar mat Trattat u mal-PST. L-infurzar tal-fergħa korrettiva tal-PST se tibqa’ kolonna ewlenija biex tevita n-nuqqas ta’ konformità mat-Trattat. Il-PST jistipula d-definizzjoni u l-evalwazzjoni ta’ l-istrateġiji baġitarji fit-terminu l-medju permezz ta’ opinjonijiet tal-Kunsill dwar Programmi nazzjonali ta’ Stabbiltà. L-Artikolu 99 tat-Trattat jistqarr li “l-Istati Membri għandhom iħarsu l-linji politiċi ekonomiċi tagħhom bħala kwistjoni ta’ interess komuni” u “għandhom jikkoordinawhom fi ħdan il-Kunsill”. Ir-rakkomandazzjonijiet taż-żona ta' l-ewro u dawk speċifiċi skond il-pajjiż fil-proċess ta’ Liżbona huma l-istrumenti għall-gwida u għas-sorveljanza. Hemm, madankollu, lok għat-titjib fil-mod ta’ kif jintużaw strumenti bħal dawn. L-analiżi ta’ l-ewwel 10 snin tqawwi l-każ għat-tisħiħ tal-parti preventiva tal-PST, kif approvat mill-Kunsill ta' l-ECOFIN[2], għall-appoġġ tal-kisba ta’ linji politiċi baġitarji sostenibbli u għall-indirizzar ta’ kwistjonijiet usa' li jistgħu jaffettwaw l-istabbiltà makroekonomika ta’ pajjiż u t-tħaddim ġenerali ta’ l-UEM. Dawn l-istrumenti msejsa fuq it-Trattat huma kkomplementati mill-proċess tar-Reviżjoni Baġitarja fuq perjodu ta’ Żmien Medju mwettaq mill-Ewrogrupp fir-rebbiegħa ta’ kull sena. Filwaqt li s’issa ffoka fuq is-sorveljanza baġitarja, dan il-mekkaniżmu tar-reviżjoni esperta għandu jwessa’ l-ambitu tiegħu biex jirrendi s-sorveljanza msejsa fuq it-Trattat iżjed effettiva. Integrazzjoni aħjar tal-linji politiċi strutturali fil-proċess ta' koordinazzjoni Iż-żona ta' l-ewro għandha interess speċjali fis-suċċess tar-riforma strutturali. Li tingħata spinta lir-riformi – naturalment milqugħa fl-UE b’mod ġenerali – hija ħtieġa assoluta għaż-żona ta' l-ewro. Huwa importanti li jiġi enfasizzat il-fatt li r-risponsi mtejba tas-suq se jrendu imgħax doppju – billi jagħtu spinta lill-kwalità ta’ ħajja fit-tul filwaqt li jippermettu aġġustament aħjar għall-iskossi u għat-trawwim ta’ stabbiltà makroekonomika. L-evidenza empirika mill-analiżi tagħna tindika li r-riformi strutturali fil-pajjiżi li jużaw il-munita unika għandhom "moltiplikaturi" ogħla minn bnadi oħra: jiġifieri, dawk il-pajjiżi li qed iwettqu r-riformi strutturali jistgħu jakkumulaw aktar benefiċċju filwaqt li dawk li qed jaqgħu lura għandhom mnejn ikollhom iħallsu prezz ogħla għan-nuqqas ta’ azzjoni tagħhom. L-Istrateġija ta’ Liżbona għat-Tkabbir u għall-Impjiegi, li kienet kruċjali biex tpoġġi r-riforma strutturali fuq l-aġenda politika, tipprovdi bażi għall-identifikazzjoni ta’ l-oqsma li huma l-aktar urġenti għall-azzjoni permezz tal-Linja ta’ Gwida Nru 6 dwar iż-żona ta' l-ewro u r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għaż-żona ta' l-ewro. Fi strateġija ta’ sħubija bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri, l-Istrateġija ta’ Liżbona tifforma l-bażi biex tmexxi l-proċess ta’ riforma kemm fiż-żona ta' l-ewro kif ukoll fil-pajjiżi individwali. It-tneħħija ta’ l-ostakoli li jkun għad baqa' għall-integrazzjoni tas-swieq tal-prodotti hija essenzjali għat-tħaddim tajjeb taż-żona ta' l-ewro . Madankollu minkejja l-ispinta li ngħatat mill-UEM u mill-Programm tas-Suq Uniku għall-ħolqien ta’ ekonomiji aktar miftuħa u aktar kompetittivi, it-tkabbir baxx tal-produttività u l-ostakoli tad-dħul, speċjalment fis-servizzi, għadhom qed ifixklu l-adattament effiċjenti għaċ-ċirkostanzi ekonomiċi li qed jinbidlu fiż-żona ta' l-ewro u qed iżommu l-pressjoni fuq il-prezzijiet. L-innovazzjoni u d-diffużjoni teknoloġika, elementi importanti għat-titjib kemm tal-kompetizzjoni kif ukoll tal-produttività, baqgħu lura fl-istati membri taż-żona ta' l-ewro. Is-sistema ta’ sorveljanza tas-suq proposta fir-Reviżjoni tas-Suq Uniku għandha tintuża biex timmira b'mod speċifiku dawn in-nuqqasijiet. Jeħtieġu swieq tax-xogħol li jiffunzjonaw aħjar fiż-żona ta' l-ewro biex isostnu l-aġġustament f’ekonomija globalizzata u biex jgħollu l-potenzjal tat-tkabbir fid-dawl tal-popolazzjonijiet li qed jixjieħu. Aktar flessibilità fis-salarji u d-differenzjar fl-industriji, fix-xogħlijiet u r-reġjuni, u l-investiment fir-riżorsi umani huma kruċjali biex isaħħu l-kompetittività u jippermettu l-allokazzjoni mingħajr xkiel tar-riżorsi fil-każ ta' l-iskossi. Twettqu bosta riformi biex tikber l-utilizzazzjoni tax-xogħol fil-qafas ta' l-Istrateġija ta' Liżbona – li taw ir-riżultati mistħoqqa. Madankollu, il-progress ivarja minn pajjiż għal ieħor u għalhekk għandu jibqa' fil-qalba ta' l-istrateġiji tar-riforma fl-għaxar snin li gejjin. Ir-riformi tal-programmi ta’ l-infiq soċjali u l-linji politiċi attivi tas-swieq tax-xogħol għandhom jimmiraw li joffru protezzjoni aħjar fir-rigward tad-dħul filwaqt li jsaħħu l-inċentivi għax-xogħol. Iż-żona ta' l-ewro tista’ tikseb benefiċċji relattivament kbar mill-promozzjoni ta’ l- integrazzjoni finanzjarja ta’ l-UE. Sar progress sinifikanti fl-integrazzjoni tas-swieq finanzjarji ta’ l-UE iżda jieħtieġu aktar sforzi biex itejbu l-effiċjenza u l-likwidità tas-swieq finanzjarji taż-żona ta' l-ewro. Dan għandu jiffaċilita l-aġġustament ekonomiku permezz tal-qsim tar-riskju u l-promozzjoni ta’ trażmissjoni aktar uniformi tal-politika monetarja waħdanija fiż-żona kollha ta’ l-ewro. B’mod partikolari, jeħtieġ li jsir aktar sforz għall-promozzjoni tal-provvista trans-konfinali tas-servizzi finanzjarji bl-imnut, biex tittejjeb l-effiċjenza tal-finanzjament tal-kambjali korporattivi u tal-gvern u jintaqqsu l-ispejjeż regolatorji u superviżjonarji għall-intermedjarji finanzjarji li jaħdmu f’ambjent multi-ġurisdizzjonali. Minħabba r-responsabbiltà maqsuma ta’ l-Eurosystem u ta’ l-Istati Membri biex jissalvagwardjaw l-istabbiltà finanzjarja fiż-żona ta' l-ewro b'mod ġenerali, hemm ħtieġa dejjem tikber għal kooperazzjoni trans-konfinali aktar qawwija fir-rigward ta’ arranġamenti għall-ħarsien, it-tmexxija u għar-reżoluzzjoni ta’ kriżijiet hekk kif l-integrazzjoni finanzjarja tissokta. Fid-dawl ta’ dawn il-konsiderazzjonijiet speċifiċi ta’ effiċjenza u ta’ stabbiltà u filwaqt li jitqiesu t-tagħlimiet miksuba mit-taqlib finanzjarju attwali, iż-żona ta' l-ewro għandha tassumi rwol b’saħħtu fit-trawwim ta’ l-aġenda ta’ l-UE għall-integrazzjoni finanzjarja u għat-titjib ta’ l-arranġamenti fl-istabbiltà finanzjarja ta’ l-UE. Biex jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ ta’ l-UEM, jeħtieġ għalhekk li jissaħħu l-inċentivi għas-segwiment tar-riforma fiż-żona ta' l-ewro . L-integrazzjoni tal-linji politiċi strutturali fil-proċess ta’ koordinazzjoni taż-żona ta' l-ewro tista’ tipprovdi appoġġ permezz ta’ tliet mogħdijiet: (a) Ir-rakkomandazzjonijiet għaż-żona ta' l-ewro b’mod ġenerali flimkien mar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi skond il-pajjiż magħmula fi ħdan il-Linji ta’ Gwida integrati ta’ l-Istrateġija ta’ Liżbona jipprovdu s-sinsla għall-koordinazzjoni tar-riformi strutturali; jeħtieġ tiġi organizzata sorveljanza aktar mill-qrib ta’ l-implimentazzjoni tagħhom. (b) Ir-riforma tal-PST fl-2005 ħolqot il-possibbiltà, waqt l-evalwazzjoni tal-progress lejn l-għanijiet baġitarji fil-perjodu ta’ żmien medju, biex jitqiesu r-riformi strutturali li fiskalment iqumu ħafna fit-terminu l-qasir iżda li jagħmlu aktar qligħ fit-tul f’dak li għandu x’jaqsam mat-tkabbir u mas-sostenibbiltà fiskali. Għall-iżgurar tal-konformità ma' l-impenji stabbiliti fil-PST, jista' jitwaqqaf mekkaniżmu ta' reviżjoni esperta msejjes fuq il-qafas analitiku żviluppat skond l-Istrateġija ta' Liżbona u t-tagħrif ex ante pprovdut mill-Istati Membri. (c) Għall-kisba ta’ sekwenza aħjar fir-rigward tar-riformi, għandha tingħata prijorità partikolari għat-titjib tat-tħaddim tas-swieq finanzjarji. Dan m’għandux ikollu biss effetti favorevoli fuq it-tkabbir u l-aġġustament, iżda għandu wkoll jgħin biex isaħħaħ l-inċentivi għal riformi strutturali oħra li jsegwu billi jġib 'il quddiem il-benefiċċji tagħhom fil-tul u jippermetti li l-kapital jgħaddi għal opportunitajiet ġodda ta’ investiment ġenerati minn dawn ir-riformi strutturali. II. L-aġenda ta’ politika esterna: it-titjib tar-rwol internazzjonali taż-żona ta' l-ewro L-istatus internazzjonali ta’ l-ewro jġib miegħu vantaġġi, responsabbiltajiet u riskji . Huwa jgħin fl-iżvilupp ta’ l-industrija finanzjarja fl-Ewropa, jiġġenera benefiċċji mid-dħul tal-munita permezz ta’ l-użu ta' l-ewro bħala munita ta' riżerva u jnaqqas l-esponiment għall-volatilità għar-rata tal-kambju waqt li jiżdiedu l-iffissar ta’ prezzijiet u l-fatturazzjoni f’ewro. Iżda d-daqs kbir taż-żona ta' l-ewro jfisser li d-deċiżjonijiet ta' linji politiċi u l-iżviluppi ekonomiċi fi ħdan l-UEM jinħassu fi bnadi oħra, mhux inqas minħabba li s-swieq finanzjarji globali qed jaġixxu bħala mezz ta' trażmissjoni internazzjonali dejjem iżjed qawwi. U hemm ukoll ir-riskji, waqt li l-istatus internazzjonali ta' l-ewro li qed jikber jesponi liż-żona ta' l-ewro għal ċaqliq fil-portafoll li jfixkel bejn il-muniti internazzjonali ewlenin u l-klassijiet ta’ assi. Kollox ma' kollox, it-tkabbir ta’ l-ewro bħala munita internazzjonali flimkien mas-saħħa ta’ l-ekonomija taż-żona ta' l-ewro biddlu r-regoli tal-logħba għall-membri ta’ l-UEM u għall-imsieħba internazzjonali tagħhom. Iż-żona ta' l-ewro għalhekk għandha tibni strateġija internazzjonali proporzjonata ma’ l-istatus internazzjonali tal-munita tagħha. Wara l-ewwel għaxar snin ta' suċċess, iż-żona ta' l-ewro, li diġà tipprovdi b'mod ċar rabta ta' stabbiltà għall-ġirien tagħha, qed tissejjaħ biex tiżviluppa strateġija ċara li tiġbor fiha kollox dwar l-affarijiet ekonomiċi u finanzjarji internazzjonali. Għandu jkollha rwol aktar attiv u assertiv kemm fil-fora multilaterali kif ukoll permezz tad-djalogi bilaterali tagħha ma’ l-imsieħba strateġiċi. Għandha ttejjeb il-koordinazzjoni u tiddefinixxi l-pożizzjonijiet komuni u – fejn xieraq – it-termini komuni ta’ referenza dwar dawn il-kwistjonijiet. Għandha titkellem b’leħen wieħed dwar il-linji politiċi tar-rati tal-kambju u tassumi r-responsabbiltajiet tagħha fl-istabbiltà finanzjarja u fil-kwistjonijiet ta’ sorveljanza makroekonomika. Ir-riskju li d-diżordni fl-iżbilanċi globali tkun ta’ dannu sproporzjonat għall-kompetittività taż-żona ta' l-ewro u l-membri tagħha żżid dejjem iżjed dawn il-ħtiġijiet. L-aktar mod effettiv ta’ kif l-influwenza taż-żona ta' l-ewro tista' tkun konformi mal-piż ekonomiku tagħha huwa permezz ta’ l-iżvilupp ta’ pożizzjonijiet komuni u tal-konsolidazzjoni tar-rappreżentanza tagħha , waqt li fl-aħħar nett tikseb siġġu wieħed fl-istituzzjonijiet u l-fora finanzjarji internazzjonali rilevanti. Dan huwa għan ambizzjuż u l-progress fuq l-aġenda esterna jkun jiddependi l-ewwel u qabel kollox fuq sistema aktar effettiva ta' tmexxija taż-żona ta' l-ewro. Anke jekk pajjiżi oħra ta’ spiss iħarsu lejn l-UE u ż-żona ta' l-ewro bħala li huma rappreżentati ż-żejjed fl-organizzazzjonijiet internazzjonali (kemm f’dak li għandu x’jaqsam ma' siġġijiet kif ukoll fis-setgħa tal-votazzjoni), iż-żona ta' l-ewro għadha ma laħqitx il-livell tal-piż ekonomiku tagħha fil-fora internazzjonali. Il-konsolidazzjoni tar-rappreżentazzjoni taż-żona ta' l-ewro għandha ssaħħaħ is-setgħa tagħha fin-negozjar internazzjonali u tnaqqas l-ispejjeż tal-koordinazzjoni internazzjonali, kemm għaż-żona ta' l-ewro kif ukoll għall-imsieħba ewlenin tagħha. Għandha wkoll tillibera ħafna spazju meħtieġ għal pajjiżi b’suq emerġenti biex iżidu s-sehem tagħhom fl-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali. III. Il-promozzjoni ta’ tmexxija effettiva ta’ l-UEM Is-sistema ta’ tmexxija ekonomika ta’ l-UEM għandha tkun kapaċi tilħaq l-isfidi li qed tiffaċċja ż-żona ta' l-ewro. Minkejja dan, id-diviżjoni attwali ta’ responsabbiltà bejn l-istituzzjonijiet u l-istrumenti li jirregolaw il-kondotta tal-politika ekonomika fl-UEM hija b’mod ġenerali waħda korretta. Madankollu, hemm ħtieġa ċara għall-adattazzjoni ta’ l-istituzzjonijiet u l-prassi biex ikunu jistgħu jittrattaw l-isfidi emerġenti tal-linji politiċi. Involviment qawwi ta’ l-Istati Membri kollha ta’ l-UE fi ħdan il-Kunsill ta’ l-ECOFIN huwa l-qofol biex jiżgura li l-UEM qed taħdem b’mod effettiv. Sa mill-bidu, il-Kunsill ta’ l-ECOFIN kien il-forum għat-tfassil tad-deċizjonijiet tal-linja politika ekonomika fl-UE, u, fid-dawl tal-koinċidenza emerġenti bejn iż-żona ta' l-ewro u l-UE, huwa għandu jibqa' l-punt ċentrali fis-sistema ta' l-UEM tat-tmexxija ekonomika billi jintegra dejjem aktar il-kwistjonijiet ta' l-UEM fil-ħidma tiegħu. B’mod partikolari, jista’ jagħmel pressjoni għal strateġija aktar konsistenti fi ħdan l-oqsma tal-kompetenzi tiegħu – jiġifieri fil-politika makroekonomika, fis-swieq finanzjarji u t-tassazzjoni – biex jiżgura sinerġiji pożittivi bejniethom. It-Trattat attwali jipprovdi ambitu wiesa' għal koordinazzjoni u sorveljanza aktar komprensivi fuq dawn l-istess linji madwar l-UE kollha. Aktar minn hekk, filwaqt li t-Trattat il-ġdid ta’ Liżbona, ladarba jiġi ratifikat, għandu jsaħħaħ ir-rwol tal-ministri tal-finanzi fiż-żona ta' l-ewro fir-rigward tal-mistoqsijiet li jaffettwaw it-tħaddim ta' l-UEM, id-diskussjonijiet kollha dwar dawn il-kwistjonijiet għandhom isiru fi ħdan il-Kunsill ta' l-ECOFIN. L -Ewrogrupp għandu jissokta jservi bħala pjattaforma għall-profondiment u t-twessigħ tal-koordinazzjoni u s-sorveljanza tal-politika fl-UEM. F’dak li għandu x’jaqsam mas-sorveljanza fiskali, il-koordinazzjoni ex ante tal-politika baġitarja permezz tar-Reviżjoni Baġitarja ta’ Nofs il-Perjodu għandha tkun immirata li tiggwida l-imġiba fiskali matul iċ-ċiklu bħala mezz biex tindirizza kwalunkwe preġudizzju pro-ċikliku. Fid-dawl ta’ l-isfida ta’ l-anzjanità, ħidma ewlenija hija dik taż-żieda ta’ l-effettività tal-fergħa protettiva tal-PST fit-trawwim tal-kisba ta’ għanijiet ambizzjużi fit-terminu l-medju. Biex jiġi evitat li jinġemgħu l-iżbilanċi u d-diverġenzi żejda bejn il-pajjiżi fiż-żona ta' l-ewro, l-Ewrogrupp għandu jiskambja fehmiet, jiżviluppa linji ta' gwida ta’ politika u jissorvelja l-konformità ta’ l-Istati Membri fl-oqsma li jrawmu l-kapaċità ta’ l-aġġustament u l-istabbiltà makroekonomika. “Ir-reviżjonijiet esperti” – diskussjonijet multilaterali dwar żviluppi rilevanti f’pajjiż wieħed jew f’ħafna – għandhom jissaħħu biex jinkoraġġixxu l-ministri tal-finanzi jqisu l-kwistjonijiet nazzjonali u l-linji politiċi fi ħdan perspettiva taż-żona ta' l-ewro. Barra minn hekk, l-Ewrogrupp għandu jiddedika aktar attenzjoni għas-sorveljanza tar-rakkomandazzjonijiet ta’ Liżbona għaż-żona ta' l-ewro biex jiżdied it-tkabbir potenzjali u tissaħħaħ il-kompetittività permezz ta’ riformi strutturali. Il-Kummissjoni għandu jkollha rwol qawwi, u ta' appoġġ biex tiżgura t-tħaddim effettiv ta’ l-UEM. Hija qed tissejjaħ biex trawwem il-koordinazzjoni tal-linji politiċi filwaqt li tinternalizza d-dimenzjoni ta’ l-UEM fil-proposti tal-linji politiċi tagħha. Għandha tħaffef is-sorveljanza fiskali u makroekonomika tagħha u tippromwovi aktar integrazzjoni ekonomika u finanzjarja. Fir-rwol tagħha ta’ sorveljanza, għandha tapprofondixxi l-evalwazzjoni ta’ l-iżviluppi ekonomiċi u finanzjarji taż-żona ta' l-ewro, waqt li tiffoka b’mod partikolari fuq ir-riperkussjonijiet tal-miżuri ta’ linji politiċi nazzjonali. Il-ħidma għat-titjib fil-preċiżjoni ta’ l-indikaturi fiskali ċiklikali u strutturali għandha tissokta, f'kooperazzjoni ma' l-Istati Membri. Fir-rigward ta’ l-aġenda internazzjonali, il-Kummissjoni għandha ttejjeb ir-rwol tagħha fid-djalogi u l-fora internazzjonali. Bħala konklużjoni, il-Kummissjoni għandha tappoġġja l-isforzi biex jissaħħaħ it-tħaddim ta’ l-UEM kemm lokalment kif ukoll internazzjonalment billi tassumi r-responsabbiltajiet tagħha mogħtija lilha permezz tat-Trattat bħala l-gwardjan ta’ linji politiċi ekonomiċi soda. Għal dan l-għan hija għandha tfittex li tisfrutta aħjar l-istrumenti pprovduti fit-Trattat. It-Trattat il-ġdid, ladarba jiġi ratifikat, għandu jipprovdi lok għat-tisħiħ tal-koordinazzjoni u s-sorveljanza tal-linji politiċi ekonomiċi fi ħdan iż-żona ta' l-ewro. L-Artikolu 136 tat-Trattat li jirriżulta dwar it-tħaddim ta’ l-Unjoni Ewropea għandu joffri l-possibilità "għall-adozzjoni ta' miżuri speċifiċi għall-Istati Membri taż-żona ta' l-ewro: biex jissaħħu l-koordinazzjoni u s-sorveljanza tad-dixxiplina baġitarja tagħhom; u biex jiġu stabbiliti linji ta’ gwida għall-politika ekonomika għalihom, filwaqt li jkun żgurat li dawn ikunu kompatibbli ma’ dawk adottati għall-Unjoni kollha u li qed jinżammu taħt sorveljanza". Barra minn hekk, it-Trattat għandu jtejjeb ir-rwol tal-Kummissjoni bħala “difiża” indipendenti fil-kuntest tas-sorveljanza multilaterali, permezz ta’ l-Artikolu 121 li jagħti lill-Kummissjoni l-possibilità li toħroġ twissijiet diretti lil Stat Membru meta l-linji politiċi ekonomiċi tiegħu ma jkunux konsistenti mal-linji ta’ gwida ġenerali jew jirriskjaw li jpoġġu fil-periklu t-tħaddim xieraq ta’ l-UEM. Is-sistema ta’ tmexxija ta’ l-UEM għandha tiżgura li t-tkabbir taż-żona ta' l-ewro jkompli għaddej mingħajr tfixkil. Matul l-għaxar snin li ġejjin, iż-żona ta' l-ewro hija mistennija li tespandi biex tintegra l-biċċa l-kbira ta’ l-Istati Membri attwali ta’ l-UE u tiżgura li dan il-proċess jimxi ’l quddiem kif xieraq u jissalvagwardja t-tħaddim effettiv ta’ l-ekonomija taż-żona ta' l-ewro fil-ġejjieni. Matul il-parteċipazzjoni fl-ERM II, il-pajjiżi għandhom jikkapitalizzaw fuq l-ambjent ta’ l-istabbiltà makroekonomika mtejba biex jadottaw linji politiċi makroekonomiċi u strutturali sodi. Kif speċifikat fit-Trattat, il-Kummissjoni għandha tipprovdi evalwazzjoni ġusta u regolari tal-progress sostenibbli fil-proċess ta’ konverġenza. L-Ewrogrupp u l-ECOFIN min-naħa tagħhom għandhom responsabbiltà speċjali biex jibnu l-fiduċja, jistħarrġu l-iżviluppi ekonomiċi u jipprovdu l-gwida meħtieġa fir-rigward tal-linji politiċi u r-riformi meħtieġa għall-konverġenza nominali u reali tal-membri prospettivi taż-żona ta' l-ewro. Jeħtieġ ukoll li jittejjeb id-djalogu rigward l-UEM fost l-istituzzjonijiet ta’ l-UE u mal-pubbliku b’mod ġenerali . Il-Kummissjoni għandha tiżviluppa d-djalogu u l-konsultazzjoni tagħha mal-Parlament Ewropew b’mod partikolari, kif ukoll mal-partijiet interessati l-oħra Ewropej u nazzjonali. B’mod simili, l-Ewrogrupp għandu jsegwi d-djalogi mal-BĊE, mal-Parlament Ewropew u ma’ l-imsieħba soċjali fiż-żona ta' l-ewro. Dawn l-istituzzjonijiet kollha, ibda mill-Kummissjoni, għandhom itejbu l-komunikazzjoni dwar kwistjonijiet ta' l-UEM mal-pubbliku ġenerali. B’mod partikolari, tinħtieġ spjegazzjoni aħjar tal-vantaġġi sinifikanti makro u mikro-ekonomiċi ta’ l-ewro, bħar-rwol tagħha bħala lqugħ protettiv matul it-taqlib finanzjarju ta’ dan l-aħħar, u l-kontribut sinifikanti, benefiċjali tal-linji politiċi ekonomiċi fl-UEM. KONKLUżJONI L-UEM hija suċċess mill-akbar. Għaxar snin mill-eżistenza tagħha, hija żgurat l-istabbiltà makroekonomika, xprunat l-integrazzjoni ekonomika ta’ l-Ewropa – mhux inqas permezz tat-tkabbir suċċessiv - żiedet l-irkupru tagħha għall-iskossi kuntrarji, u saret arblu reġjonali u globali ta' stabbiltà. Issa aktar minn qatt qabel, il-munita unika u l-qafas ta’ politika li jsostniha qed juru li huma wieħed mill-vantaġġi l-kbar. Madankollu, jeżisti l-potenzjal biex jiġu sfruttati aktar benefiċċji mill-UEM. Dan – flimkien ma’ l-isfidi urġenti tal-globalizzazzjoni, ir-rizorsi naturali skarsi, il-bidla fil-klima u l-anzjanità tal-popolazzjoni – jitolbu titjib fil-koordinazzjoni tal-linji politiċi ekonomiċi, aktar progress fir-riformi strutturali, rwol globali aktar b’saħħtu għaż-żona ta' l-ewro u impenn assolut mill-Istati Membri biex jilħqu dawn l-għanijiet. Il-fatt li l-effetti ta’ dawn ix-xejriet globali diġà qed jinħassu fil-prezzijiet għolja ta' l-enerġija, ta’ l-ikel u tal-prodotti, fit-taqlib finanzjarju u fl-aġġustament tar-rata tal-kambju globali jenfasizza biss l-importanza ta’ azzjoni f’waqtha. It-twettiq ta' l-aġenda lokali u esterna u t-titjib tat-tmexxija kif stipulat hawnhekk għandhom triq twila biex ilaħħqu ma' l-isfidi li ż-żona ta' l-ewro u l-ekonomija globali qed jaffaċċjaw. Dan għandu wkoll iġib miegħu benefiċċji pożittivi importanti għall-membri kollha ta’ l-UE. - L-UEM tibqa’ ġrajja importanti fl-integrazzjoni ta' l-UE Għalkemm l-għanijiet u l-kisbiet tagħha huma qabel kollox ta' natura ekonomika, l-UEM qatt ma kienet biss proġett ekonomiku. Mill-bidu tagħha l-UEM tnisslet bħala pass kruċjali fil-proċess ta’ l-integrazzjoni ta’ l-UE. Dan ir-rwol kompla ssaħħaħ bit-tkabbir ta’ l-UE minn 15 għal 27 Stat Membru mill-2004 ’l hawn, bil-pajjiżi membri l-ġodda kollha ta’ l-UE jħejju għall-adozzjoni ta' l-ewro. Il-prospett ta’ l-adeżjoni maż-żona ta' l-ewro kien wieħed mill-muturi ewlenin tal-konverġenza ta’ dawk il-pajjiżi ma’ l-istandard ta’ ħajja ta’ l-UE. - UEM li taħdem tajjeb hija vantaġġ ewlieni għall-UE b'mod ġenerali , mhux inqas billi l-maġġoranza assoluta tal-pajjiżi membri, jekk mhux il-pajjiżi membri kollha ta’ l-UE se jsiru eventwalment membri ta' l-UEM. Ekonomija taż-żona ta' l-ewro li tagħti l-frott għandha tikkontribwixxi għall-ġid u d-dinamiżmu ta’ l-UE kollha, waqt li ssaħħaħ l-appoġġ pubbliku għall-integrazzjoni ta’ l-UE kemm ġewwa kif ukoll barra ż-żona ta' l-ewro. - EMU b’saħħitha għandha trawwem ukoll it-tmexxija ta’ l-UE fl-ekonomija globali. Żona ta' l-ewro li taħdem tajjeb tistabbilixxi s-sisien għall-UEM biex din ikollha rwol sod esternament, kemm fl-isfera makroekonomika kif ukoll fil-qasam tas-sorveljanza u r-regolamentazzjoni finanzjarji globali. Jekk l-UEM tagħti prova tal-ħila tagħha f’li ssaħħaħ ir-rwol estern taż-żona ta' l-ewro u li tassumi r-responsabbiltajiet globali tagħha, hija tnissel politika pożittiva għal oqsma oħra politiċi fejn l-UE taspira għal tmexxija globali, bħal per eżempju l-iżvilupp sostenibbli, l-għajnuna għall-iżvilupp, il-politika kummerċjali, il-kompetizzjoni u d-drittijiet tal-bniedem. Jeħtieġu wkoll ir-rieda tajba u d-determinazzjoni politika għall-implimentazzjoni ta’ din l-aġenda komprensiva. Is-suċess innifsu ta’ l-UEM juri li l-inizjattiva u l-ambizzjoni politika jistgħu jiġġeneraw benefiċċji ekonomiċi, soċjali u politiċi konsiderevoli. Iżda għat-twassil sħiħ ta' dawn il-benefiċċji, huwa kruċjali l-involviment kontinwu tal-partijiet kollha. Għalhekk il-Kummissjoni għandha tinkoraġġixxi diskussjoni wiesgħa dwar dawn is-suġġetti fit-tieni nofs ta’ l-2008 u tippromwovi ftehim wiesa' dwar l-elementi ta’ tiswir f’din l-aġenda flimkien ma’ l-istituzzjonijiet l-oħra ta’ l-UE kif ukoll ma’ medda ta’ korpi u partijiet interessati rilevanti. Fuq il-bażi ta’ din id-diskussjoni, il-Kummissjoni tkun tista’ tressaq proposti operattivi xierqa. [1] SEG(2008) 553 "EMU@10 : suċċessi u sfidi wara għaxar snin mill-Unjoni Ekonomika u Monetarja”. [2] KUMM(2007) 316.