Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008DC0055

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Post Speċjali għat-Tfal fl-Azzjoni Esterna ta' l-UE {SEC(2008) 135} {SEC(2008) 136}

/* KUMM/2008/0055 finali */

52008DC0055

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Post Speċjali għat-Tfal fl-Azzjoni Esterna ta' l-UE {SEC(2008) 135} {SEC(2008) 136} /* KUMM/2008/0055 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 5.2.2008

KUMM(2008) 55 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Post Speċjali għat-Tfal fl-Azzjoni Esterna ta' l-UE {SEC(2008) 135}{SEC(2008) 136}

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Post Speċjali għat-Tfal fl-Azzjoni Esterna ta' l-UE

1. DAħLA

L-Unjoni Ewropea hija impenjata b'mod sħiħ biex tippromwovi d-drittijiet tat-tfal u biex taqdi l-ħtiġiet bażiċi tagħhom bħala parti integrali kemm tal-politika interna kif ukoll dik esterna tagħha. Bħala parti mill-proċess biex dan l-impenn ikun onorat, il-Komunikazzjoni "Lejn Strateġija ta' l-UE għad-Drittijiet tat-Tfal ", adottata fl-4 ta' Lulju 2006, tiddefinixxi l-proċess għall-iżvilupp ta' strateġija għat-tul għall-UE fir-rigward tad-drittijiet tat-tfal.

Waħda mill-inizjattivi identifikati fil-Komunikazzjoni ta' l-2006 hi t-tfassil ta' Pjan ta' Azzjoni għat-Tfal fil-qafas ta' l-Azzjoni Esterna. Il-Komunikazzjoni preżenti, flimkien mad-Dokumenti ta' Xogħol tas-Servizzi tal-Kummissjoni mehmuża, dwar 'Id-Drittijiet tat-Tfal fl-Azzjoni Esterna' u dwar 'It-Tfal f'Sitwazzjonijiet ta' Emerġenza u Kriżi' hi maħsuba biex tkun ta' kontribuzzjoni għall-iżvilupp ta' din l-istrateġija għat-tul f'rabta mal- Linji Gwida għall-Promozzjoni u l-Ħarsien tad-Drittijet tat-Tfal ta' l-UE, adottati mill-Kunsill f'Diċembru 2007.

L-Pjani ta' Azzjoni mehmuża jsostnu rwol akbar għall-UE fl-isfida globali biex jiġu żgurati r-rispett u l-promozzjoni tad-drittijiet tat-tfal, kif ukoll jidentifikaw azzjonijiet speċifiċi ta' kompetenza tal-Kummissjoni Ewropea.

2. GħALIEX IT-TFAL IRID IKOLLHOM POST SPEċJALI FL-AZZJONI ESTERNA TA' L-UE

Sallum għadha ma ngħatatx prijorità biżżejjed lill-importanza tat-tfal u l-iżvilupp b'saħħtu tagħhom għall-ġid tas-soċjetajiet li jgħixu fihom u lil attenzjoni speċjali li huwa meħtieġ li tingħata biex tiġi żgurata r-realizzazzjoni sħiħa ta' drittijiethom. It-tfal u ż-żgħażagħ[1] huma terz mill-popolazzjoni tad-dinja u jgħoddu aktar minn nofs il-popolazzjoni fil-parti l-kbira tal-pajjiżi żviluppati. Bħala grupp, dawn jiffurmaw kostitwenza unika b'għadd ta' ħtiġiet u drittijiet partikolari tagħha. Madankollu, drittijiethom huma abbużati u minsijin b'mod regolari u leħinhom jaqa' fuq widejn torox ukoll meta jkollhom jittieħdu deċiżjonijiet dwar kwistjonijiet li jkunu jikkonċernawhom direttament.

Illum investiment fit-tfal u ż-żgħażagħ ifisser investiment għall-ġejjieni. Iż-żgħażagħ b'edukazzjoni tajba, b'ideali pożittivi, kompetenzi u sens ta' responsabbiltà soċjali meta jikbru x'aktarx ikunu adulti b'impenn għal valuri soċjali sodi, bir-rieda u l-kapaċità li jagħtu kontribuzzjoni kostruttiva lill-iżvilupp ekonomiku u soċjali tal-komunitajiet tagħhom. It-tfal u ż-żgħażagħ b'dawn il-kwalitajiet pożittivi probabbilment ikunu wkoll, meta jiġi l-waqt, ġenituri tajbin.

Fl-aħħar mill-aħħar, il-progress fil-kundizzjoni tat-tfal hu essenzjali jekk irridu nevitaw il-fraġilità ta' l-Istati u niżguraw għal medda twila ta' żmien l-iżvilupp sostenibbli, il-koeżjoni soċjali, l-istabbiltà u s-sigurtà umana fuq livelli nazzjonali, reġjonali u globali.

Il-ġlieda kontra l-kriminalità li teffettwa lit-tfal b'mod partikolari, bħal mhu l-ittraffikar tal-persuni, trid tissejjes fuq miżuri konkreti biex it-tfal jitħarsu mill-vjolenza u l-esplojtazzjoni. Il-miżuri preventivi jridu jitwaħħdu ma' l-għajnuna lill-vittmi tfal ta' din ix-xorta ta' kriminalità sabiex jiġu żgurati r-rijabilitazzjoni, l-irkupru u l-inklużjoni soċjali għat-tul ta' dawn it-tfal.

L-Unjoni Ewropea hija impenjata b'mod sħiħ biex tilħaq dawn il-miri stabbiliti mill-Għanijiet tal-Millenju għall-Iżvilupp (MDGs). Il-parti l-kbira ta' dawn l-Għanijiet inklużi dawk li jirrelataw mas-saħħa, l-edukazzjoni, l-ilma u n-nutriment huma marbuta mal-benessri u ma' żvilupp li jirnexxi fil-qasam tat-tfal u ż-żgħażagħ[2]. L-MDGs kollha huma marbuta mal-ġestjoni ta' l-sfidi ewlenin li jimminaċċjaw l-iżvilupp mentali u fiżiku tat-tfal f'bosta partijiet tad-dinja. Sallum jidher probabbli li mhux il-pajjiżi kollha ser jirnexxilhom jilħqu l-miri previsti mill-MDGs. Għalhekk, sakemm mhumiex ser jittieħdu miżuri biex it-tfal jitqiegħdu fil-qalba tal-politika ta' l-iżvilupp, il-probabbiltà li jintlaħqu l-MDGs tonqos b'mod konsiderevoli.

It-tfal għandhom jitqiegħdu fiċ-ċentru tal-politika Komunitarja fl-oqsma tar-relazzjonijiet esterni, l-iżvilupp u l-għajnuna umanitarja. Dan hu dovut għall-età tagħhom, għan-nuqqas relattiv ta' esperjenza u għad-dipendenza tagħhom fuq il-kura mill-adulti. Huma speċjalment vulnerabbli għall-effetti tat-tkissir tal-familji, l-esplojtazzjoni kummerċjali u t-traffikar tal-persuni. Barra minn hekk, huma partikolarment soġġetti għar-riskji kkawżati mill-fraġilità ta' l-Istati u mill-kunflitti armati. Huma vulnerabbli għar-riskji marbuta man-nutriment u s-saħħa li jistgħu jheddu l-iżvilupp normali tagħhom kif ukoll l-istess ħajjithom.

Drittijiet it-tfal huma strettament marbuta mad-drittijiet ta' ommijiethom. L-assenza ta' saħħa sesswali u riproduttiva u tad-drittijiet ta' l-ommijiet, kif ukoll in-nuqqas ta' kopertura ta' ħarsien soċjali bażiku għandhom konsegwenzi diretti fuq is-saħħa u l-benessri tat-tfal. Attwalment, tqala minn kull tlieta la hi mixtieqa u anqas ippjanata; Nofs l-ommijiet kollha li jwelldu mferrxa mad-dinja mhumiex megħjuna minn qabla mħarrġa u 'l fuq minn 3 miljun tarbija fis-sena jmutu minn kumplikazzjonijiet li jinqalgħu matul it-twelid jew immedjatament wara. Bosta tfal oħra jbatu konsegwenzi għall-bqija ta' għomorhom minħabba l-mard li kienu jbatu minnu ommijiethom waqt it-tqala jew minħabba nuqqas ta' sigurezza waqt it-twellid. 'Il fuq minn 300 000 tarbija fis-sena jitwieldu pożittivi għall-HIV[3]. Mill-inqas 10 miljun tifel u tifla jmutu kull sena vittmi ta' kawżi preventibbli qabel ma jkunu għalqu l-ħames snin.

L-edukazzjoni tibqa' sfida maġġuri. Fid-dinja, 72 miljun tifel u tifla ma jmorrux skola. 57% ta' dan it-total huma bniet. Għal dawk it-tfal l-ixxurtjati li jmorru l-iskola, il-kwalità ta' edukazzjoni li jirċievu tvarja bil-kbir[4].

110 miljun tifel u tifla u żagħżugħ huma vittmi tax-xogħol tat-tfal u jinsabu effettivament imċaħħda mill-opportunità li jirċievu edukazzjoni. L-impjieg ta' bosta minn dawn it-tfal huwa ksur tal-Konvenzjoni ta' l-ILO dwar l-Età Minima għad-Dħul fis-Settur ta' l-Impjieg (1973). Barra minn hekk, il-kundizzjonijiet fuq il-post tax-xogħol huma ħafna drabi perikolużi u t-tfal infushom jistgħu jaħdmu bħala skjavi jew jisfaw vittmi tat-traffikar tal-persuni bi ksur tal-Konvenzjonijiet 29 u 182 ta' l-ILO li rispettivament jittrattaw dwar ix-xogħol infurzat u dwar l-agħar forom tax-xogħol tat-tfal. Bosta żgħażagħ li jfittxu x-xogħol iħabbtu wiċċhom ma' diffikultajiet kbar biex isibu opportunitajiet għal Xogħol Diċenti. Ħafna drabi, ma jkunux jeżistu la taħriġ vokazzjonali u anqas programmi għall-iżvilupp tal-kompetenzi, u bosta minn dawk li jsibu ruħhom fis-suq tax-xogħol għall-ewwel darba jkunu mġiegħla jaħdmu fl-ekonomija informali mingħajr l-ebda ħarsien soċjali. Huwa essenzjali li tingħata attenzjoni xierqa lill-edukazzjoni biex tissaħħaħ l-awtonomija tat-tfal u ż-żgħażagħ ħalli jkun jista' jkollhom rwol attiv fis-soċjetà u jikkontribwixxu f'sens sħiħ għall-progress tal-komunitajiet tagħhom.

L-assenza ta' saħħa sesswali u riproduttiva u l-assenza tad-drittijiet fil-każ tat-tfajliet żgħażagħ jinkoraġġixxu relazzjonijiet sesswali furzati, żwiġijiet furzati, tqaliet mhux mixtieqa u jikkontribwixxu direttament għar-rata ta' infezzjonijiet ġodda bl-HIV fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw.

Ċerti gruppi ta' tfal u żgħażagħ għandhom ħtiġiet speċjali u jinsabu esposti għal riskji partikolari: Dawn huma t-tfal ġejjin minn minoritajiet etniċi jew minoritajiet oħra, it-tfal ta' l-emigranti, tfal imċaqalqa minn arthom jew refuġjati, tfal effettwati mill-kunflitti armati, tfal suldati, orfni u tfal mingħajr il-kura tal-ġenituti, tfal infettati bl-HIV jew bl-AIDS, u tfal b'diżabbiltà, kollha jeħtieġu attenzjoni speċjali. Il-bniet huma partikolarment vulnerabbli u huma esposti għal riskji ulterjuri.

It-tfal u ż-żgħażagħ huma effettwati b'mod sproporzjonat mill-kriżijiet umanitarji, kemm minn dawk li l-bnedmin iġibu b'idejhom, bħal mhuma l-kunflitti armati, kif ukoll mill-kriżijiet li jirriżultaw minn kawżi naturali. F'dawn iċ-ċirkustanzi, it-tfal ibatu b'mod sproporzjonat min-nutriment ħażin u mill-mard, u dan iwassal għal rati għolja ta' mwiet. Dawn it-tfal jirrappreżentaw ukoll parti kbira mill-vittmi ta' mini kontra l-persunal. It-tfal huma priża tajba għar-reklutaġġ minn gruppi armati, għall-esplojtazzjoni sesswali, għax-xogħol furzat u għat-traffikar internazzjonali tal-persuni. Fi żminijiet ta' kriżi, ir-riskju ta' dan it-tip ta' abbużi jikber minħabba li l-ħarsien komunitarju tradizzjonali u l-mekkaniżmi ta' sostenn jiddgħajfu, u minħabba s-separazzjoni tat-tfal mill-familji tagħhom. Il-kriżijiet għat-tul jista' jkollhom effett devastanti fuq it-tfal li jkunu qed jikbru f'dan it-tip ta' ambjent – effett li joħloq "ġenerazzjonijiet mitlufa" bir-riskju li jiġu pperpetwati l-kunflitti u l-kriżijiet, għaliex it-tfal jikbru u jkunu għarfu biss il-vjolenza u l-instabbiltà. Il-bniet li jgħixu f'żoni ta' kunflitt jew f'kampijiet għal persuni mingħajr ċittadinanza u tar-refuġjati huma partikolarment esposti għal forom differenti ta' vjolenza, kemm sesswali kif ukoll vjolenza mġarrba fl-ambjent familjari tagħhom.

Minbarra dawn il-problemi, l-ilħna tat-tfal u ż-żgħażagħ ġeneralment mhumiex mismugħa jew ma jiġux ikkunsidrati fid-diskussjonijiet u d-dibattiti li jeffettwawlhom ħajjithom kemm fil-livell ta' familja kif ukoll fil-livell komunitarju, lokali, nazzjonali jew internazzjonali. Dan in-nuqqas jikkostitwixxi ksur ta' l-Artikolu 12 tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-tfal[5].

3. QAFAS NORMATTIV

Id-drittijiet tat-tfal huma parti mid-drittijiet universali tal-bniedem li l-UE hija marbuta li tirrispetta taħt trattati internazzjonali u Ewropej, b'mod partikolari l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal (KDT)[6] u ż-żewġ Protokolli Operattivi tagħha[7]. Il-KDT tistabbilixxi erba' prinċipji ġenerali li japplikaw għall-azzjonijiet kollha li jeffettwaw lit-tfal: In-nondiskriminazzjoni (l-Artikolu 2), l-aħjar interessi għat-tfal (l-Artikolu 3), id-dritt tat-tfal għas-sopravivenza u l-iżvilupp (l-Artikolu 6) u r-rispett lejn il-fehmiet tat-tfal (l-Artikolu 12). L-Unjoni Ewropea jaderixxi wkoll għa d - Dikjarazzjoni tal-Millenju u l-Għanijiet tal-Millenju għall-Iżvilupp. Barra minn hekk, l-Unjoni taqbel ma' implimentazzjoni sħiħa ta' l-Aġenda tal-Kajr u l-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Bejġing li t-tnejn li huma fihom dispożizzjonijet li jirrigwardaw id-drittijiet tat-tfal u ż-żgħażagħ. Fl-aħħarnett, l-UE tappoġġja wkoll il-Pjan ta' Azzjoni taħti l-isem ta' "Dinja denja għat-Tfal" adottat fl-għeluq tas-Sessjoni Speċjali ta' l-Assemblea Ġenerali tan-NU (UNGASS) dwar l-infanzja ta' l-2002.

Il-promozzjoni tad-drittijiet tat-tfal u l-issodisfar tal-ħtiġiet bażiċi tagħhom permezz ta' l-azzjonijiet esterni ta' l-Unjoni Ewropea trid tiġi kkunsidrata fil-kuntest usa' ta' l-impenn ta' l-UE biex tippromwovi d-drittijiet tal-bniedem b'mod ġenerali. Huwa għalhekk li l-Karta Ewropea tad-Drittijiet Fundamentali tirrikonoxxi b'mod espliċitu d-drittijiet tat-tfal (l-Artikolu 24), inklużi drittijiethom għall-ħarsien u l-kura meħtieġa għall-benessri tagħhom, il-libertà ta' l-espressjoni tagħhom, id-drittijiet tagħhom biex fehmiethom ikunu kkunsidrati, u l-obbligu biex jitqiesu l-aħjar interessi tat-tfal fl-azzjonijiet kollha li jikkonċernawhom.

Il-Komunikazzjoni ta' l-2006 "Lejn Strateġija ta' l-UE dwar id-Drittijiet tat-Tfal" tiddeskrivi l-proċess ta' l-iżviluppar ta' strateġija ta' l-UE għat-tul dwar id-drittijiet tat-tfal, inklużi t-titjib fil-koordinazzjoni, il-konsultazzjoni mal-partijiet interessati, l-integrazzjoni aktar effikaċi tad-drittijiet tat-tfal u l-evalwazzjoni ta' l-effett li għandhom l-azzjonijiet Komunitarji eżistenti fuq it-tfal. Din il-Komunikazzjoni tikkommetti lill-UE biex tippromwovi u ssaħħaħ in-netwerking u r-rappreżentazzjoni tat-tfal kemm ġewwa l-UE kif ukoll fuq livell globali, u tfittex li tinkludi lit-tfal b'mod formali fil-konsultazzjonijiet u l-azzjonijiet kollha marbuta ma' drittijiethom u ħtiġiethom. Il-Komunikazzjoni tipproponi wkoll indikaturi għad-drittijiet tat-tfal u sorveljar akbar ta' l-impatt ta' l-azzjonijiet eżistenti fuq it-tfal.

Għadd ta' drittijiet tat-tfal fir-relazzjonijiet esterni huma koperti mill-politika ta' żvilupp speċifika eżistenti ta' l-UE: pereżempju, dawk assoċjati ma' l-edukazzjoni[8], is-saħħa[9], l-impjieg, l-inklużjoni soċjali, ix-Xogħol Diċenti[10] u t-traffikar tal-persuni[11]. Il-ħarsien tad-drittijiet tat-tfal jingħata wkoll prominenza partikolari fil-politika ta' l-UE għad-drittijiet tal-bniedem u d-demokratizzazzjoni fejn għandhom x'jaqsmu l-pajjiżi terzi, speċjalment fil-kuntest ta' l-implimentazzjoni tal- Linji Gwida ta' l-UE li jirrigwardaw it-Tfal u l-Kunflitti Armati [12]. Reċentement il-Kunsill adotta l- Linji Gwida għall-Promozzjoni u l-Ħarsien tad-Drittijiet tat-Tfal [13], inkluża Strateġija ta' Implimentazzjoni li tidentifika bħala prijorità primarja l-kwistjoni tal-ġlieda kontra l-forom kollha ta' vjolenza fuq it-tfal. Dawn il-Linji Gwida jiffavorixxu l-promozzjoni ta' sinerġiji u t-tisħiħ ta' kooperazzjoni interistituzzjonali. Huma jinkludu inizjattivi sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea dwar id-drittijijet tat-tfal, kif ukoll jirrinforzaw koerenza bejn l-attivitajiet attwati mill-Istati Membri u dawk ta' l-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni Ewropea.

Il-proċess tat-tkabbir hu mezz ieħor b'saħħtu biex jiġu pprovduti opportunitajiet għall-promozzjoni tad-drittijiet tat-tfal. Wieħed mill-kriterji għall-adeżjoni ma' l-UE hu li l-pajjiż kandidat ikun kiseb stabbiltà istituzzjonali li tiggarantixxi d-demokrazija, l-Istat ta' dritt, id-drittijiet tal-bniedem u r-rispett lejn il-minoritajiet u l-protezzjoni tagħhom. Fil-qafas ta' dawn il-kriterji żviluppat mill-Kunsill Ewropew ta' Kopenħagen fl-1993, il-Kummissjoni tippromwovi r-riforma tal-ħarsien tat-tfal u tissorvelja mill-qrib il-progress fejn jidħlu d-drittijiet tat-tfal matul il-proċess ta' l-adeżjoni kollu kemm hu.

Il-Komunikazzjoni preżenti tinkoraġġixxi wkoll l-iżvilupp ta' metodu integrat għall-promozzjoni tad-drittijiet tat-tfal fuq il-livell internazzjonali permezz ta' l-użu ta' strumenti differenti li toffri l-azzjoni esterna ta' l-Unjoni. Tibda mill-premessa li l-issodisfar tal-ħtiġiet bażiċi tat-tfal u ż-żgħażagħ hu essenzjali għar-realizzazzjoni ta' drittijiethom.

L-għajnuna umanitarja ta' l-UE tipprovdi tweġiba ta' emerġenza bbażata fuq l-eżiġenzi u mmirata biex jissalvaw il-ħajjiet, tiskansa u ttaffi t-tbatijiet umani u tippreserva d-dinjità umana filwaqt li tirrispetta l-prinċipji umanitarji fundamentali ta' l-umanità, in-newtralità, l-imparzjalità u l-indipendenza. Dawn il-prinċipji jimplikaw li l-għajnuna umanitarja trid tiġi pprovduta biss fuq il-bażi ta' ħtieġa filwaqt li tingħata attenzjoni partikolari lil dawk l-individwi fost il-popolazzjoni li huma l-aktar vulnerabbli. F'dan il-kuntest, l-UE tagħti attenzjoni speċjali għall-ħtiġiet tat-tfal u ż-żgħażagħ. Id-deċiżjonijiet għall-għajnuna umanitarja "iridu jittieħdu b'mod imparzjali u biss skond il-ħtiġiet u l-interesssi tal-vittma"[14]. Dawn id-deċiżjonijiet jikkontribwixxu "għall-ħarsien tad-drittijiet umani tal-vittmi ta' kunflitti armati u diżastri naturali"[15], u jiġu implimentati b'mod konsistenti mal-liġi internazzjonali applikabbli.

Jeżistu wkoll impenji marbuta ma' tfal li jgħixu f'reġjuni ġeografiċi partikolari. Pereżempju, fil-Ftehim ta' Cotonou hemm dispożizzjonijiet relatati mad-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet tat-tfal. inkluża l-parteċipazzjoni attiva ta' ċittadini żgħażagħ fil-ħajja pubblika[16]. L-Istrateġiji ta' l-UE għall-Afrika, il-Karibew u l-Paċifiku jispeċifikaw bħala oqsma ta' prijorità, id-drittijiet tat-tfal, ix-xogħol tat-tfal, l-edukazzjoni, is-saħħa u s-servizzi bażiċi, kif ukoll l-attenzjoni speċjali li jeħtieġ tingħata lit-tfal vulnerabbli. L-Istrumenti Ewropej tal-Viċinat u l-Partenarjat jagħmlu referenza speċifika għad-drittijiet tat-tfal (inkluż ix-xogħol tat-tfal) bħala wieħed mill-oqsma ta' kooperazzjoni li hu eliġibbli għall-għajnuna Komunitarja. L-Istrateġija ta' l-UE għall-Amerka Latina u d-Dikjarazzjoni ta' Vjenna tal-Ministri preżenti għas-samit UE-ALC ta' l-2006 jissemmew l-impenji biex "ikunu żgurati r-rispett u l-implimentazzjoni tad-drittijiet tat-tfal" (l-Artikolu 5) u tiġi rikonoxxuta l-ħtieġa ta' "il-ħolqien ta' politika pubblika speċifika għall-ħarsien tat-tfal u ż-żgħażagħ u t-tkissir taċ-ċiklu tal-faqar". It-titjib fil-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet ta' l-Asja tax-Xlokk (ASEAN) fil-qasam tal-ġlieda kontra t-traffikar tat-tfal huwa speċifikament previst fil-Pjan ta' Azzjoni adottat waqt is-Samit UE-ASEAN li sar f'Novembru 2007.

4. IN-NATURA TAT-TWEġIBA TA' L-UE

Il-mira ta' din il-Komunikazzjoni, flimkien mal-Pjan ta' Azzjoni Id-Drittijiet tat-Tfal fl-Azzjoni Esterna u d-Dokument ta' Ħidma tas-Servizzi tal-Kummissjoni bl-isem Tfal f'Sitwazzjonijiet ta' Emerġenza u Kriżi , li jikkumpanjawha, hi li tistabbilixxi qafas għal approċċ komprensiv ta' l-UE li jikkonċerna l-ħarsien u l-promozzjoni tad-drittijiet tat-tfal fil-pajjiżi terzi. Dan l-approċċ irid ikun ibbażat fuq viżjoni ħolistika u universalment applikabbli tad-drittijiet tat-tfal u jrid ikun parti mill-istrateġiji usa' għall-iżvilupp u t-tnaqqis tal-faqar.

L-ispeċifiċità tas-sitwazzjoni li jkunu fiha t-tfal u ż-żgħażagħ f'kull pajjiż, subreġjun jew reġjun differenti, teżiġi li kull ċirkustanza tiġi analizzata individwalment biex ikun iddeterminat liema, fost għadd ta' strumenti possibbli, hu dak li jippermetti lill-UE timplimenta l-iżjed azzjoni xierqa. F'ħafna pajjiżi, il-gvernijiet ma jistgħux u/jew mhumiex impenjati biżżejjed biex jippromwovu u jħarsu d-drittijiet tat-tfal. Huwa indispensabbli li tiġi żgurata kumplimentarjetà bejn il-mezzi politiċi differenti u l-istrumenti finanzjarji ta' l-UE kif ukoll il-Fond Ewropew ta' l-Iżvilupp. L-UE ser tesplojta sal-massimu l-istrumenti disponibbli u ser tiżgura li jkun hemm koordinazzjoni fl-azzjoni esterna tagħha bil-mod li ġej:

1. It-tfal u ż-żgħażagħ fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp. F'pajjiżi fejn il-kapaċitajiet finanzjarji u istituzzjonali huma dgħajfin wisq biex jiggarantixxu l-aċċess tat-tfal għal kundizzjoni ta' għejxien aċċettabbli u għal servizzi bażiċi, l-UE għandha tagħmel użu sħiħ mill-miżuri ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp u l-qirda tal-faqar maħsuba biex jaffrontaw il-kawża tal-faqar mill-għeruq. Fl-istess ħin, id-drittijiet u l-ħtiġiet tat-tfal u ż-żgħażagħ għandhom jiġu integrati b'mod effikaċi fi sferi politiċi nazzjonali varji.

2. It-tfal u ż-żgħażagħ fil-politika kummerċjali: Il-politika kummerċjali ta' l-UE tissawwar billi titqies b'mod sħiħ il-ħtieġa ta' garanzija tal-koerenza tagħha mal-ħarsien u l-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal. Fil-politika kummerċjali l-promozzjoni tad-drittijiet tat-tfal hi parti mill-aġenda usa' għall-iżvilupp sostenibbli. Fil-ftehimiet bilaterali, il-kwistjoni tad-drittijiet tat-tfal hi koperta mill-istandards tax-xogħol.

3. It-tfal u ż-żgħażagħ fid-djalogu politiku. Minħabba r-rwol ċentrali tad-djalogu politiku bejn l-UE u l-awtoritajiet nazzjonali, f'dawn il-djalogi ma' pajjiżi sħab għandha titqies b'mod sistematiku l-implimentazzjoni ta' l-impenji skond il-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal. L-istess eżiġenza għandha tiġi kkunsidrata wkoll fil-qafas ta' l-azzjonijiet ta' l-UE fil-fora internazzjonali.

4. Azzjonijiet reġjonali u globali. L-azzjonijiet fuq livell nazzjonali għandhom ikunu ssupplimentati minn azzjonijiet xierqa fuq livell reġjonali u livell globali biex b'hekk jiġu indirizzati l-kwistjonijiet ta' karattru sopranazzjonali.

5. Emanċipazzjoni tat-tfal u ż-żgħażagħ. L-UE għandha taffronta n-nuqqas ta' kapaċità biex jiġu ssodisfati l-obbligi li għandhom x'jaqsmu mad-drittijiet tat-tfal billi tagħti lit-tfal u ż-żgħażagħ ir-responsabbiltà li jiżvolġu rwol attiv f'dawk il-kwistjonijiet li jeffettwawhom direttament.

6. It-tfal u ż-żgħażagħ fl-għajnuna umanitarja. F'pajjiżi f'xifer il-kunflitt, f'pajjiżi fejn attwalment il-kunflitt jinsab għaddej, jew f'pajjiżi li għadhom kemm ħarġu minn kunflitt, il-ħtiġiet tat-tfal spiss jiġu traskurati jew injorati u drittijiethom jisfaw imkasbru b'mod regolari. L-għajnuna umanitarja hi wkoll użata fil-każ ta' kriżijiet umanitarji li jirriżultaw minn diżastri naturali meta l-gvernijiet ma jkunux jifilħu għall-ħsara jew ma jkunux jistgħu jew iridu jaġixxu. L-għajnuna umanitarja għandha tindirizza, inter alia , tliet aspetti kruċjali marbuta mat-tfal f'mumenti ta' kriżi u emerġenenza:

7. it-tfal li jisfaw mifruda minn mal-familja u t-tfal li ma jkunux akkumpanjati,

8. it-tfal reklutati f'forzi jew gruppi armati,

9. l-edukazzjoni tat-tfal f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza.

Id-Dokumenti ta' Ħidma tas-Servizzi tal-Komunità mehmuża ma' din il-Komunikazzjoni jesploraw f'aktar dettall l-integrazzjoni tat-tħassib dwar it-tfal fir-relazzjonijiet esterni u s-sitwazzjoni tat-tfal fil-kuntest ta' l-għajnuna umanitarja.

[1] Kif stipulat mill-KDT tan-NU ( il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal ), il-kategorija tat-tfal tinkludi lil dawk kollha taħt it-18-il sena. Ir-referenza addizzjonali għaż-żgħażagħ hi maħsuba biex tiġi riflessa aħjar l-identifikazzjoni tat-tfal infushom fil-gruppi ta' etajiet differenti ta' taħt it-18.

[2] L-MDGs li għandhom x'jaqsmu mal-faqar u l-ġuħ (MDG1), l-edukazzjoni (MDG2), l-ugwaljanza bejn is-sessi (MDG3), is-sopravivenza tat-tfal (MDG4) u kif ukoll dawk marbuta mas-saħħa mentali (MDG5), il-mard ikkawżat mill-faqar (MDG6) u l-ilma u s-servizzi ta' iġjene (MDG7).

[3] Ir-Rapport dwar is-Saħħa madwar id-Dinja ( ta' l-2005: Agħti Identità lill-Ommijiet u 'l-Ulied Kollha ( Make Every Mother and Child Count ).

[4] UNESCO, Rapport Mondjali ta' Sorveljanza dwar l-EFA 2007.

[5] "L-Artikolu 12: 1. Il-Partiti ta' l-Istati għandhom jiżguraw li t-tfal li jkunu kapaċi jiffurmaw il-fehmiet proprji tagħhom jingħataw id-dritt li jesprimu dawn il-fehmiet b'mod ħieles fuq il-kwistjonijiet kollha li jeffettwaw lit-tfal, u l-opinjonijiet tat-tfal jingħataw konsiderazzjoni xierqa skond l-età u l-maturità tagħhom.

[6] It-test sħiħ tal-KDT tan-NU u l-Protokolli Operattivi tagħha huma disponibbli fuq: www.ohchr.org.

[7] Dwar l-involviment tat-tfal fil-kunflitti armati u l-bejgħ tat-tfal, il-prostituzzjoni tat-tfal u l-pornografija tat-tfal

[8] Edukazzjoni: il-Komunikazzjoni "L-edukazzjoni u t-taħriġ fil-kuntest tat-tnaqqis tal-faqar fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw" u r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill sussegwenti dwar "L-edukazzjoni u l-faqar".

[9] Il-Komunikazzjoni dwar is-saħħa u l-ġlieda kontra l-faqar; u r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill dwar is-saħħa u l-faqar kif ukoll il-Komunikazzjoni u l-Programm ta' Azzjoni dwar il-ġlieda kontra l-mard marbut mal-faqar permezz ta' l-azzjonijiet esterni u l-konklużjonijiet tal-Kunsill rilevanti. Il-Kumikazzjoni u l-Programm ta' Azzjoni dwar il-ġlieda kontra l-mard marbut mal-faqar permezz ta' l-azzjonijiet esterni u l-konklużjonijiet tal-Kunsill relatati miegħu.

[10] Il-Komunikazzjoni "Xogħol Diċenti għal Kulħadd", id-Dikjarazzjoni ta' l-UE dwar il-Globalizzazzjoni adottata mill-Kunsill Ewropew ta' l-14 ta' Diċembru 2007".

[11] Il-Komunikazzjoni dwar it-Traffikar tal-Persuni wkoll tagħti prijorità lit-tfal u l-dimensjoni globali tat-traffiikar.

[12] Adottati mill-kunsill ta' l-Unjoni Ewropea fit-8 ta' Diċembru 2003.

[13] http://ec.europa.eu/external_relations/human_rights/guidelines/01_deathpenalty_1998/guidelines1_en. pdf.

[14] Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1257/96 li jirrigwarda l-għajnuna umanitarja.

[15] Il-Komunikazzjoni COM(2001) 252 finali "“Ir-rwol ta' l-Unjoni Ewropea għall-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u d-demokratizzazzjoni fil-pajjiżi terzi”.".

[16] L-Artikoli 26 (kwistjonijiet marbuta maż-żgħażagħ) jistipula li "il-kooperazzjoni għandha ssostni l-politika, il-miżuri u l-operazzjonijiet immirati biex iħarsu d-drittijiet tat-tfal u ż-żgħażagħ, speċjalment dawk tat-tfal bniet" u "biex tkun promossa l-parteċipazzjoni attiva taċ-ċittadini żgħażagħ fil-ħajja pubblika".L-Artikolu 33 (żvilupp istituzzjonali u l-bini tal-kapaċità) jistipula wkoll li "il-kooperazzjoni tagħti attenzjoni sistematika lill-aspetti istituzzjonali u f'dan il-kuntest jappoġġjaw l-isforzi ta' l-Istati ta' l-AKP biex jiżviluppaw u jsaħħu l-istrutturi, l-istituzzjonijiet u l-proċeduri li jgħinu biex... ...jippromwovu u jsostnu rispett universali u sħiħ lejn id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali kif ukoll l-osservanza u l-protezzjoni tagħhom".

Top