EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008AG0013

Pożizzjoni Komuni (KE) Nru 13/2008 adottata mill-Kunsill fit- 18 ta' April 2008 , bi qbil mal-proċedura msemmija f'Artikolu 251 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, bil-ħsieb ta' l-adozzjoni ta' Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2003/87/KE sabiex tinkludi l-attivitajiet ta' l-avjazzjoni fi ħdan l-iskema għall-iskambju ta' kwoti ta' l-emissjonijiet ta' gassijiet serra ġewwa l-Komunità

ĠU C 122E, 20.5.2008, p. 19–38 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

20.5.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

CE 122/19


POŻIZZJONI KOMUNI (KE) Nru 13/2008

adottata mill-Kunsill fit-18 ta' April 2008

bil-għan li jadotta id-Direttiva 2008/…/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-… li temenda d-Direttiva 2003/87/KE sabiex tinkludi l-attivitajiet ta' l-avjazzjoni fi ħdan l-iskema għall-iskambju ta' kwoti ta' l-emissjonijiet ta' gassijiet serra ġewwa l-Komunità

(2008/C 122 E/03)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 175(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (3),

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta' kwoti ta' l-emissjonijiet ta' gassijiet serra ġewwa l-Komunità (4) stabbiliet skema għall-iskambju ta' kwoti ta' l-emissjonijiet ta' gassijiet serra fil-Komunità sabiex jiġi promoss it-tnaqqis fl-emissjonijiet ta' gassijiet serra b'mod kost-effettiv u ekonomikament effiċjenti.

(2)

L-objettiv finali tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Bidliet fil-Klima (UNFCCC), li ġiet approvata f'isem il-Komunità Ewropea bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/69/KE (5), huwa li tinkiseb stabbilizzazzjoni fil-konċentrazzjonijiet tal-gassijiet serra fl-atmosfera fuq livell li jimpedixxi interferenza antropoġenika perikoluża fis-sistema tal-klima.

(3)

Fit-8 ud-9 ta' Marzu 2007 fi Brussel, il-laqgħa tal-Kunsill Ewropew issottolinjat l-importanza vitali li jinkiseb l-objettiv strateġiku li ż-żieda tat-temperatura globali medja tiġi limitata għal mhux aktar minn 2 °C 'il fuq mil-livelli pre-industrijali. L-aħħar sejbiet xjentifiċi rrappurtati mill-Panel Intergovernamentali dwar Bidliet fil-Klima (IPCC) fir-Raba' Rapport ta' Valutazzjoni tiegħu juru aktar biċ-ċar li l-impatti negattivi tal-bidliet fil-klima qedgħin dejjem aktar jimponu riskju serju għall-ekosistemi, il-produzzjoni ta' l-ikel u l-kisba ta' żvilupp sostenibbli u ta' l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millenju, kif ukoll għas-saħħa u s-sigurtà tal-bniedem. Biex l-objettiv ta' 2 °C jinżamm fil-limitu teħtieġ stabilizzazzjoni tal-konċentrazzjoni tal-gassijiet serra fl-atmosfera f'konformità ma' madwar 450 ppmv ekwivalenti ta' CO2, li teħtieġ li l-emissjonijiet globali tal-gassijiet serra jilħqu l-massimu fl-10 sa 15-il sena li ġejjin u sa l-2050 it-tnaqqis sostanzjali ta' emissjonijiet globali sa ta' l-anqas 50 % taħt il-livelli ta' l-1990.

(4)

Il-Kunsill Ewropew enfasizza li l-Unjoni Ewropea hija impenjata li tittrasforma lill-Ewropa f'ekonomija ferm effiċjenti fl-enerġija u b'emissjonijiet baxxi tal-gassijiet serra u, sakemm jiġi konkluż qbil globali u komprensiv post-2012, għamel impenn sod indipendenti biex sa l-2020 l-UE tnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet serra tagħha b' ta' l-anqas 20 % taħt il-livelli relattivi ghall-1990. Il-limitazzjoni ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra mill-avjazzjoni hi kontribut essenzjali f'konformità ma' dan l-impenn.

(5)

Il-Kunsill Ewropew enfasizza li l-UE hi impenjata bi ftehim globali u komprensiv għat-tnaqqis f'emissjonijiet ta' gassijiet serra lil hinn mill-2012, fejn tipprovdi rispons effettiv, effikaċi u ekwitabbli fuq l-iskala meħtieġa biex tiffaċċa l-isfidi tal-bidliet fil-klima. Huwa endorsja tnaqqis ta' 30 % fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra ta' l-UE taħt il-livelli ta' l-1990 sa l-2020 bħala l-kontribut tagħha għal qbil globali u komprensiv għall-perijodu lil hinn mill-2012, dment li pajjiżi żviluppati oħrajn jikkommettu ruħhom għal tnaqqis komparabbli fl-emissjonijiet u pajjiżi li qed jiżviluppaw aktar avvanzati ekonomikament li jikkontribwixxu adegwatament skond ir-responsabbiltajiet u l-kapaċitajiet rispettivi tagħhom. L-UE qed tkompli tmexxi fin-negozjati ta' ftehim internazzjonali ambizzjuż li ser jikseb l-objettiv li ż-żieda fit-temperatura globali tiġi limitata għal 2 °C u hi inkoraġġuta bil-progress li sar lejn dan l-objettiv fit-13-il Konferenza tal-Partijiet għall-UNFCCC f'Bali f'Diċembru 2007. L-UE ser tfittex li tiżgura li tali ftehim globali jinkludi miżuri biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta' gassijiet serra mill-avjazzjoni u, f'dan il-każ, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra liema emendi għal din id-Direttiva li tapplika għall-operaturi ta' l-inġenji ta' l-ajru huma meħtieġa.

(6)

Il-UNFCCC tesiġi li l-partijiiet jifformolaw u jimplimentaw programmi nazzjonali u, fejn adatt, reġjonali li fihom miżuri biex l-bidla fil-klima.

(7)

Il-Protokoll ta' Kyoto għall-UNFCCC, li kien approvat f'isem il-Komunita' Ewropea bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/358/KE (6), jeħtieġ li l-pajjiżi żviluppati jsegwu l-limitazzjoni jew it-tnaqqis ta' l-emissjonijiet ta' gassijiet serra mill-avjazzjoni mhux ikkontrollati bil-Protokoll ta' Montreal, li jopera permezz ta' l-Organizzazzjoni Internazzjonali ta' l-Avjazzjoni Ċivili (ICAO).

(8)

Filwaqt li l-Komunità mhijiex Parti Kontraenti għall-Konvenzjoni ta' Chicago 1944 dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (il-Konvenzjoni ta' Chicago), l-Istati Membri kollha huma Partijiet Kontraenti għal dik il-Konvenzjoni u l-membri ta' l-ICAO. L-Istati Membri jkomplu jappoġġaw il-ħidma ma' Stati oħrajn fl-ICAO dwar l-iżvilupp ta' miżuri, inklużi l-istrumenti bbażati fuq is-suq, biex jiġu indirizzati l-impatti ta' l-avjazzjoni fuq il-bidliet fil-klima. Fis-sitt laqgħa tal-Kumitat ICAO dwar il-Protezzjoni ta' l-Ambjent mill-Avjazzjoni fl-2004, ġie miftiehem li sistema ta' skambju ta' kwoti ta' l-emissjonijiet speċifiċi ma' l-avjazzjoni bbażata fuq strument legali ġdid taħt l-awspiċi ta' l-ICAO ma deherx biżżejjed attraenti biex imbagħad għandu jiġi segwit aktar. Konsegwentement, ir-Riżoluzzjoni A35-5 ta' l-Assemblea ta' l-ICAO li saret f'Settembru 2004 ma pproponietx strument ġdid legali iżda minflok endorsjat skambju miftuħ ta' kwoti ta' l-emissjonijiet u l-possibilità li l-Istati, jinkorporaw emissjonijiet mill-avjazzjoni internazzjonali fl-iskemi tagħhom ta' skambju ta' kwoti ta' l-emissjonijiet. L-Appendiċi L għar-Riżoluzzjoni A36-22 tas-36 Assemblea ta' l-ICAO li saret f' Settembru 2007 tħeġġeġ lill-Istati Kontraenti biex ma jimplimentawx sistema ta' skambju ta' kwoti ta' emissjonijiet fir-rigward ta' operaturi ta' inġenji ta' l-ajru ta' Stati Kontraenti oħrjan ħlief abbażi ta' ftehim reċiproku bejn dawk l-Istati. Waqt li fakkru li l-Konvenzjoni ta' Chicago tirrikonoxxi espressament id-dritt ta' kull Parti Kontraenti biex fuq bażi non-diskriminatorja tapplika l-liġijiet u r-regolamenti ta' l-ajru proprji għall-inġenji ta' l-ajru ta' l-Istati kollha, l-Istati Membri tal-Komunità Ewropea u ħmistax-il Stat Ewropew oħra qegħdu riżerva fuq din ir-riżoluzzjoni u rriżervew id-dritt taħt il-Konvenzjoni ta' Chicago biex fuq bażi non-diskriminatorja jwettqu u japplikaw miżuri bbażati fuq is-suq għall-operaturi ta' l-inġenji ta' l-ajru kollha ta' l-Istati kollha li jippovdu servizzi lil, minn jew fit-territorju tagħhom.

(9)

Is-Sitt Programm Komunitarju ta' Azzjoni Ambjentali stabbilit bid-Deċiżjoni 1600/2002/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) ippreveda biex il-Komunità tidentifika u twettaq azzjonijiet speċifiċi sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta' gassijiet serra mill-avjazzjoni jekk l-ebda tali azzjoni tkun ġiet miftiehma fl-ICAO sa l-2002. Fil-konklużjonijiet tiegħu ta' Ottubru 2002, Diċembru 2003 u Ottubru 2004, il-Kunsill ripetutament sejjaħ lill-Kummissjoni sabiex tipproponi azzjoni li tnaqqas l-impatt tal-bidla fil-klima mit-trasport internazzjonali bl-ajru.

(10)

Il-linji politiċi u l-miżuri għandhom jiġu implimentati fil-livell ta' l-Istati Membri u tal-Komunità fis-setturi kollha ta' l-ekonomija Komunitarja sabiex jiġi ġġenerat it-tnaqqis sostanzjali meħtieġ fl-emissjonijiet. Jekk l-impatt fuq il-bidliet fil-klima mis-settur ta' l-avjazzjoni jkompli jikber bir-rata attwali, dan ifixxkel sinifikament it-tnaqqis li mwettaq minn setturi oħrajn fil-ġlieda kontra l-bidliet fil-klima.

(11)

Fil-Komunikazzjoni tagħha tas-27 ta' Settembru 2005 lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, intitolata “Tnaqqis ta' l-Impatt tal-Bidliet fil-Klima fuq l-Avjazzjoni”, il-Kummissjoni elaborat strateġija dwar it-tnaqqis ta' l-impatt ta' l-avjazzjoni fuq il-klima. Bħala parti minn pakkett komprensiv ta' miżuri, l-istrateġija ppproponiet l-inklużjoni ta' l-avjazzjoni fl-iskema Komunitarja għall-iskambju ta' kwoti ta' l-emissjonijiet ta' gassijiet serra u pprevediet il-ħolqien ta' grupp ta' ħidma magħmul minn bosta partijiet interessati dwar l-avjazzjoni bħala parti mit-tieni fażi tal-Programm Ewropew dwar il-Bidliet fil-Klima biex jikkunsidraw mezzi l-avjazzjoni tista' tiġi inkluża fl-iskema Komunitarja. Fil-Konklużjonijiet tiegħu tat-2 ta' Diċembru 2005, il-Kunsill irrikonoxxa li, mil-lat ekonomiku u ambjentali l-inklużjoni tas-settur ta' l-avjazzjoni fl-iskema Komunitarja kienet tidher li hi l-aħjar mod kif timxi 'l quddiem u talab il-Kummissjoni biex tippreżenta proposta leġiżlattiva sa tmiem l-2006. Fir-riżoluzzjoni tiegħu ta' l-4 ta' Lulju 2006 dwar l-impatt ta' l-avjazzjoni fuq il-bidla fil-klima (8), il-Parlament Ewropew għaraf li l-iskambju ta' l-emissjonijiet għandu rwol potenzjali bħala parti minn pakkett komprensiv ta' miżuri li jindirizzaw l-impatt ta' l-avjazzjoni fuq il-klima, dment li dan jitfassal b'mod adattat.

(12)

L-objettiv ta' l-emendi ghad-Direttiva 2003/78/KE b'din id-Direttiva huwa li jitnaqqas l-impatt tal-bidliet fil-klima dovut lill-avjazzjoni billi jiġu inklużi l-emissjonijiet minn attivitajiet ta' l-avjazzjoni fl-iskema Komunitarja.

(13)

L-operaturi ta' l-inġenji ta' l-ajru għandhom l-aktar kontroll dirett fuq it-tip ta' inġenji ta' l-ajru operat u fuq il-mod kif jittajru u għalhekk għandhom ikunu responsabbli li jikkonformaw ma' l-obbligi imposti b'din id-Direttiva inkluż l-obbligu li jitħejja pjan ta' monitoraġġ u li l-emissjonijiet jiġu monitorati u rrappurtati skond dak il-pjan. Operatur ta' l-inġenji ta' l-ajru jista' jiġi identifikat permezz ta' l-użu ta' designator ta' l-ICAO jew ta' kwalunkwe designator rikonoxxut u utilizzat fl-identifikazzjoni tat-titjira. Jekk l-identità ta' l-operatur ta' l-inġenji ta' l-ajru mhix magħrufa, is-sid ta' l-inġenju ta' l-ajru għandu jiġi kkunsidrat bħala l-operatur ta' l-inġenji ta' l-ajru dment li tipprova min kien l-operatur ta' l-inġenji ta' l-ajru.

(14)

Mill-2012, għandhom jiġu inklużi l-emissjonijiet mit-titjiriet kollha li jaslu fi jew li jitilqu minn ajrudromi Komunitarji. L-iskema Komunitarja tista' għalhekk sservi bħala mudell għall-użu ta' skambju ta' kwoti ta' l-emissjonijiet fuq livell dinji. Jekk pajjiż terz jadotta miżuri biex jitnaqqas l-impatt fuq il-klima tat-titijiriet lejn il-Komunità, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra l-għażliet disponibbli biex tipprovdi għal interazzjoni ottimali bejn l-iskema Komunitarja u l-miżuri ta' dak il-pajjiż, wara li tkun ikkunsultat ma' dak il-pajjiż.

(15)

F'konformità mal-prinċipju ta' regolamentazzjoni aħjar, ċerti titjiriet għandhom ikunu eżenti mill-iskema. Biex jiġu evitati aktar piżijiet amministrattivi disproporzjonati, operaturi tat-trasport kummerċjali bl-ajru li għal tliet perijodi konsekuttivi ta' erba' xhur joperaw anqas minn 243 titjira kull perijodu għandhom ikunu eżenti mill-iskema. Dan għandu jkun ta' benefiċċju għal-linji ta' l-ajru li joperaw servizzi limitati fil-kamp ta' applikazzjoni ta' l-iskema Komunitarja inklużi l-linji ta' l-ajru minn pajjiżi li qed jiżviluppaw.

(16)

L-avjazzjoni għandha impatt fuq il-klima globali minħabba rilaxx tad-dijossidu tal-karbonju, l-ossidi tan-nitroġenu, il-fwar ta' l-ilma u s-sulfat u l-partiċelli tan-nugrufun. L-IPCC ikkalkulat li l-impatt totali ta' l-avjazzjoni huwa attwalment darbtejn sa erba' darbiet ogħla mill-effetti ta' l-emissjonijiet tad-dijossidu tal-karbonju tiegħu weħedhom fil-passat. Ir-riċerka Komunitarja reċenti tindika li l-impatt totali ta' l-avjazzjoni jista' tkun ta' madwar darbtejn ogħla mill-impatt tad-dijosssidu tal-karbonju waħdu. Madankollu, l-ebda wieħed minn dawn il-kalkoli ma jqis l-effetti li huma ferm inċerti tas-sħab tat-tip cirrus. F'konformità ma' l-Artikolu 174(2) tat-Trattat, il-politika Komunitarja dwar l-ambjent għandha tkun ibbażata fuq il-prinċipju ta' prekawzjoni. Sakemm isir progress xjentifiku, l-impatti kollha ta' l-avjazzjoni għandhom jiġu indirizzat safejn possibbli. L-emissjonijiet ta' l-ossidi tan-nitroġenu għandhom jiġu indirizzati f'leġislazzjoni oħra li għandha tiġi proposta mill-Kummissjoni fl-2008.

(17)

Sabiex jiġi evitat it-tfixkil fil-kompetizzjoni, għandha tiġi speċifikata metodoloġija ta' allokazzjoni armonizzata biex tiġi ddeterminata l-kwantità totali ta' kwoti li għandhom jinħarġu u biex jitqassmu kwoti lill-operaturi ta' l-inġenji ta' l-ajru. Proporzjon tal-kwoti ser jiġi allokat bl-irkant skond ir-regoli li ser jiġu żviluppati mill-Kummissjoni. Għandha tiġi merfugħa riżerva speċjali ta' kwoti biex tiżgura aċċess għas-suq għall-operaturi ġodda ta' l-inġenji ta' l-ajru u biex tassisti lill-operaturi ta' l-inġenji ta' l-ajru jżiedu malajr in-numru ta' tunellati-kilometri li jwettqu. Operaturi ta' l-inġenji ta' l-ajru li jieqfu mill-operat għandhom jibqgħu jiġu allokati kwoti sa tmiem il-perijodu li għalih kienu diġà ġew allokati l-kwoti bla ħlas.

(18)

Armonizzazzjoni sħiħa tal-proporzjon tal-kwoti maħruġa mingħajr ħlas lill-operaturi tal-linji ta' l-ajru kollha li qed jipparteċipaw fl-iskema hija adatta sabiex tkun żgurata kompetizzjoni ugwali għall-operaturi ta' l-inġenji ta' l-ajru, peress li kull linja ta' l-ajru ser tkun regolata minn Stat Membru uniku fir-rigward ta' l-operazzjonijiet kollha tagħhom lejn, minn u fl-UE u bid-dispożizzjonijiet non-diskriminatorji ta' Ftehim bilaterali dwar Servizzi ta' l-Ajru ma' pajjiżi terzi.

(19)

L-avjazzjoni tikkontribwixxi għall-impatt ġenerali ta' l-attivitajiet tal-bniedem fuq il-bidliet fil-klima u l-impatt ambjentali ta' l-emissjonijiet tal-gassijiet serra minn inġenji ta' l-ajru jista' jitnaqqas permezz ta' miżuri li jindirizzaw il-bidliet fil-klima fl-UE u f'pajjiżi terzi, u biex jiġu ffinanzjati r-riċerka u l-iżvilupp għall-mitigazzjoni u l-adattament. Id-deċiżjonijiet dwar kwistjonijiet tan-nefqa pubblika nazzjonali huma affari għall-Istati Membri, f'konformità mal-prinċipju ta' sussidarjetà. Mingħajr preġudizzju għal dik il-pożizzjoni, id-dħul iġġenerat mill-irkant ta' kwoti, jew ammont ekwivalenti fejn meħtieġ minn prinċipji baġitarji prevalenti ta' l-Istati Membri, bħall-unità u l-universalità, għandhom jintużaw għat-tnaqqis ta' l-emissjonijiet ta' gassijiet serra, għall-adattament ma' l-impatti tal-bidliet fil-klima fl-UE u f'pajjiżi terzi, għall-finanzjament tar-riċerka u ta' l-iżvilupp għall-mitigazzjoni u l-adattament u biex ikopru l-ispejjeż għall-amministrazzjoni ta' l-iskema. Dan jista' jinkludi miżuri li jinkoraġġixxu trasport li jirrispetta l-ambjent. Id-dħul mill-irkant għandu jintuża b'mod partikolari sabiex jiffinanzja kontribuzzjonijiet lill-Fond Globali għall-Effiċjenza fl-Użu ta' l-Enerġija u għall-Enerġija Rinnovabbli, u għal miżuri biex tiġi evitata d-diforestazzjoni u biex jiġi faċilitat l-adattament fil-pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw. Id-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva rigward l-użu tad-dħul m'għandhom jippreġudikaw l-ebda deċiżjoni dwar l-użu li jsir minn dħul iġġenerat mill-bejgħ bl-irkant ta' kwoti fil-kuntest usa' tar-reviżjoni ġenerali tad-Direttiva 2003/87/KE.

(20)

Id-dispożizzjonijiet għall-użu tal-fondi mill-bejgħ bl-irkant għandhom jiġu notifikati lill-Kummissjoni. Tali notifika ma teżonerax lill-Istati Membri mill-obbligu stabbilit skond l-Artikolu 88(3) tat-Trattat, li jagħtu notifika dwar ċerti miżuri nazzjonali. Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzjugħar-riżultat ta' kwalunkwe proċedura futura għall-għajnuna mill-Istat li tista' tittieħed skond l-Artikolu 87 u 88 tat-Trattat.

(21)

Sabiex tinżied il-kost-effetività ta' l-iskema, l-operaturi ta' l-inġenji ta' l-ajru għandhom ikunu jistgħu jużaw tnaqqis f'emissjonijet ċertifikati (“CERs”) u units ta' tnaqqis f'emissjonijet (“ERUs”) mill-attivitajiet ta' proġetti biex jissodisfaw l-obbligi li jċedu l-kwoti sa limitu armonizzat. L-użu ta' CERs u ERUs għandu jkun konsistenti mal-krierji għall-aċċetazzjoni għall-użu fl-iskema ta' skambju minżżla f'din id-Direttiva.

(22)

Sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv fuq l-operaturi ta' l-inġenji ta' l-ajru, Stat Membru wieħed għandu jkun responsabbli minn kull operatur ta' l-inġenji ta' l-ajru. L-Istati Membri għandhom jintalbu jiżguraw li l-operaturi ta' l-inġenji ta' l-ajru li għalihom inħarġet liċenzja operattiva f'dak l-Istat, jew l-operaturi ta' l-inġenji ta' l-ajru mingħajr liċenzja operattiva jew li ġejjin minn pajjiżi terzi u li l-emissjonijiet tagħhom f'sena bażi huma dovuti l-aktar lil dak l-Istat Membru, jikkonformaw mal-ħtiġiet ta' din id-Direttiva. Fil-każ li operatur ta' l-inġenji ta' l-ajru jonqos li jkun konformi mal-ħtiġiet ta' din id-Direttiva u miżuri ta' rinfurzar oħrajn mill-Istat Membru amministrattiv ikunu naqsu li jiżguraw il-konformità, l-Istati Membri għandhom jaġixxu f'solidarjetà. L-Istat Membru amminitrattiv għandu għalhekk jitlob lill-Kummissjoni tiddeċiedi dwar l-impożizzjoni ta' projbizzjoni operattiva fil-livell Komunitarju fuq l-operatur ta' l-inġenji ta' l-ajru konċernat, bħala l-aħħar għażla.

(23)

Biex tinżamm l-integrità tas-sistema tal-kontabbilta ta' l-iskema Komunitarja minħabba l-fatt li l-emissjonijiet mill-avjazzjoni internazzjonali għad mhumiex integrati fl-impenji ta' l-Istati Membri skond il-Protokoll ta' Kyoto, il-kwoti allokati għas-settur ta' l-avjazzjoni għandhom jiġu użati biss biex jilħqu l-obbligi ta' l-operaturi ta' l-inġenji ta' l-ajru biex iċedu l-kwoti skond din id-Direttiva.

(24)

Biex tinżamm l-integrità ambjentali ta' din l-iskema, unitajiet imċeda minn operaturi ta' inġenji ta' l-ajru għandhom jgħoddu biss għal miri tat-tnaqqis tal-gassijiet serra li jieħdu kont ta' dawn l-emissjonijiet.

(25)

L-Organizzazzjoni Ewropea għas-Sikurezza tan-Navigazzjoni ta' l-Ajru (Eurocontrol) jista' jkollha informazzjoni li tista' tgħin l-Istati Membri jew lill-Kummissjoni fit-twettiq ta' l-obbligi tagħhom imposti permezz ta' Direttiva.

(26)

Id-dispożizzjonijiet ta' l-iskema Komunitarja rigward is-sorveljanza, ir-rappurtar u l-verifika ta' l-emissjonijiet u mal-penali applikabbli għall-operaturi għandhom japplikaw ukoll għall-operaturi ta' l-inġenji ta' l-ajru.

(27)

Il-Kummissjoni għandha tirrevedi l-funzjonament tad-Direttiva 2003/87/KE fir-rigward ta' l-attivitajiet ta' l-avjazzjoni fid-dawl ta' l-esperjenza ta' l-applikazzjoni tagħha u wara għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(28)

Ir-reviżjoni tal-funzjonament tad-Direttiva 2003/87/KE fir-rigward ta' l-attivitajiet ta' l-avjazzjoni għandha tikkunsidra d-dipendenza strutturali fuq l-avjazzjoni ta' pajjiżi li m'għandhomx mezzi alternattivi ta' trasport adegwati u komparabbli u li għalhekk huma dipendenti ħafna fuq it-trasport bl-ajru u li fihom is-settur tat-turiżmu jipprovdi kontribut għoli lill-PGD ta' dawk il-pajjiżi. Għandha tingħata konsiderazzjoni speċjali biex titrażżan jew saħansitra titneħħa kwalunkwe problema ta' aċċessibbiltà u kompetittività li tirriżulta għar-reġjuni l-aktar imbiegħda, kif speċifikat fl-Artikolu 299(2) tat-Trattat, u problemi għal obbligi tas-servizz pubbliku in konnessjoni ma' l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva.

(29)

Id-Dikjarazzjoni Ministerjali dwar l-Ajruport ta' Ġibiltà, miftiehma f'Kordoba fit-18 ta' Settembru 2006 matul l-ewwel laqgħa Ministerjali tal-Forum ta' Djalogu dwar Ġibiltà, ser tissostitwixxi d-Dikjarazzjoni Konġunta dwar l-Ajruport magħmula f'Londra fit-2 ta' Diċembru 1987, u konformità sħiħa ma' dik l-Istqarrija Ministerjali tiġi meqjusa bħala li tikkostitwixxi konformità mad-Dikjarazzjoni ta' l-1987.

(30)

Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva għandhom jiġu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta' implimentazzjoni konferiti lill-Kummissjoni (9).

(31)

B'mod partikolari, l-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa biex tadotta miżuri għall-bejgħ bl-irkant ta' kwoti mhux meħtieġa li jinħarġu mingħajr ħlas; biex jiġu adottati regoli dwar l-operat tar-riżerva speċjali għall-ċerti operaturi ta' l-inġenji ta' l-ajru u dwar il-proċeduri fir-rigward ta' talbiet biex il-Kummissjoni tiddeċiedi dwar l-impożizzjoni ta' projbizzjoni operattiva fuq operatur ta' l-inġenji ta' l-ajru; u biex jiġu emendati l-attivitajiet ta' l-avjazzjoni elenkati fl-Anness I fejn pajjiż terz jintroduċi miżuri biex jitnaqqas l-impatt ta' l-avjazzjoni fuq il-bidliet tal-klima. Peress li dawk il-miżuri huma ta' ambitu ġenerali u mfassla sabiex jemendaw elementi mhuxessenzjali ta' din id-Direttiva, inter alia billi jissupplimentaw id-Direttiva b' elementi ġodda mhuxessenzjali, huma għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju prevista fl-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

(32)

Peress li l-objettiv ta' din id-Direttiva ma jistax jintlaħaq b'mod suffiċjenti milll-Istati Membri, u għalhekk jista', minħabba l-iskala u l-effetti ta' l-azzjoni proposta, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Komunità, il-Komunità tista' tadotta miżuri, skond il-prinċipju ta' sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju ta' proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-objettiv.

(33)

Skond il-punt 34 tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar leġislazzjoni aħjar (10), l-Istati Membri huma mħeġġa jfasslu, għalihom infushom u fl-interess tal-Komunità, it-tabelli tagħhom stess, li jillustraw, sa fejn ikun possibbli, il-korrelazzjoni bejn id-Direttiva u l-miżuri ta' traspożizzjoni u jagħmluhom pubbliċi.

(34)

Id-Direttiva 2003/87/KE għandha għalhekk tiġi emendata kif meħtieġ,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Emendi għad-Direttiva 2003/87/KE

Id-Direttiva 2003/87/KE hija b'dan emendata kif ġej:

1)

It-titolu li ġej għandu jiddaħħal qabel l-Artikolu 1:

2)

Il-paragrafu li ġej għandu jiġi miżjud ma' l-Artikolu 2:

“3.   L-applikazzjoni ta' din id-Direttiva għall-ajruport ta' Ġibiltà hija mifhuma li hi mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet legali rispettivi tar-Renju ta' Spanja u tar-Renju Unit rigward il-kontroversja dwar is-sovranità fuq it-territorju li fih ikun jinsab l-ajruport.”.

3)

L-Artikolu 3 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

punt (b) għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“(b)

‘emissjonijet’ tfisser ir-rilaxx ta' gassijiet serra fl-atmosfera minn sorsi ta' emissjonijiet fl-istallazzjoni jew ir-rilaxx mill-inġenju ta' l-ajru, waqt li jkun qed iwettaq attività marbuta ma' l-avjazzjoni kif elenkata fl-Anness I, tal-gassijiet speċifikati fir-rigward ta' dik l-attività;”;

(b)

għandhom jiżdiedu l-punti li ġejjin:

“(o)

‘operatur ta' l-inġenji ta' l-ajru’ tfisser il-persuna li topera inġenju ta' l-ajru fiż-żmien li jwettaq attività marbuta ma' l-avjazzjoni elenkata fl-Anness I jew, meta dik il-persuna ma tkunx identifikata mis-sid ta' l-inġenju ta' l-ajru, is-sid ta' l-inġenju ta' l-ajru;

(p)

‘operatur kummerċjali tat-trasport bl-ajru’ tfisser operatur li, għal rimunerazzjoni, jipprovdi servizzi ta' trasport bl-ajru skedati jew mhux skedati lill-pubbliku għall-ġarr ta' passiġġieri, merkanzija jew posta;

(q)

‘Stat Membru amministrattiv’ tfisser l-Istat Membru responsabbli għall-amministrazzjoni ta' l-iskema Komunitarja fir-rigward ta' operatur ta' l-inġenji ta' l-ajru skond l-Artikolu 18a;

(r)

‘emissjonijiet dovuti mill-avjazzjoni’ tfisser emissjonijiet mit-titjiriet kollha li jaqgħu fl-ambitu ta' l-attivitajiet ta' l-avjazzjoni elenkati fl-Anness I li jitilqu minn ajrudrom li jinsab fit-territorju ta' Stat Membru u dawk li jaslu f'tali ajrudrom minn pajjiż terz;

(s)

‘emissjonijiet storiċi mill-avjazzjoni’ ifissru l-medja ta' l-emissjonijiet annwali fis-snin kalendarji 2004, 2005 u 2006 mill-inġenji ta' l-ajru li jwettqu attività ta' l-avjazzjoni elenkata fl-Anness I.”.

4)

Il-Kapitolu II li ġej għandujiddaħħlu wara l-Artikolu 3:

“KAPITOLU II

Avjazzjoni

Artikolu 3

Kamp ta' Applikazzjoni

Id-dispożizzjonijiet ta' dan il-Kapitolu għandhom japplikaw għall-allokazzjoni u l-ħruġ ta' kwoti fir-rigward ta' l-attivitajiet ta' l-avjazzjoni elenkati fl-Anness I.

Artikolu 3b

Attivitajiet ta' avjazzjoni

Sa … (11), il-Kummissjoni għandha, f'konformita' mal-proċedura regolatorja imsemmija fl-Artikolu 23(2) tiżviluppa linji gwida dwar l-interpretazzjoni dettaljata ta' l-attivitajiet ta' avjazzjoni fl-Anness I, b'mod partikolari titjiriet relatati ma' tfittxija u salvataġġ, titjiriet għat-tifi tan-nar, titjiriet umanitarji, titjiriet ta' servizzi mediċi ta' emerġenza, u titjiriet imwettqa minn operaturi kummerċjali ta' trasport bl-ajru li joperaw għal tliet perijodi konsekuttivi ta' erba' xhur inqas minn 243 titjira għal kull perijodu.

Artikolu 3c

Il-kwantità totali ta' kwoti għall-avjazzjoni

1.   Għall-perijodu mill-1 ta' Jannar 2012 sal-31 ta' Diċembru 2012, il-kwantità totali tal-kwoti li għandhom jiġu allokati lill-operaturi ta' l-inġenji ta' l-ajru għandha tkun ekwivalenti għal 100 % ta' l-emissjonijiet storiċi mill-avjazzjoni.

2.   Għall-perijodu msemmi fl-Artikolu 11(2) li jibda fl-1 ta' Jannar 2013, u, fin-nuqqas ta' kwalunkwe emenda wara r-reviżjoni msemmija fl-Artikolu 30(4), għal kull perijodu sussegwenti, il-kwantità totali tal-kwoti li għandhom jiġu allokati għandha tkun ekwivalenti għal 100 % ta' l-emissjonijiet storiċi minn avjazzjoni mmultiplikati bin-numru ta' snin f'dak il-perijodu.

3.   Il-Kummissjoni għandha tirrevedi l-kwantità totali tal-kwoti li għandha tiġi allokata għal operaturi ta' l-inġenji ta' l-ajru skond l-Artikolu 30(4).

4.   Sa … (11), il-Kummissjoni għandha tieħu deċiżjoni dwar l-emissjonijiet storiċi mill-avjazzjoni, abbażi tad-data l-aktar disponibbli, inklużi stimi bbażati fuq informazzjoni attwali dwar it-traffiku. Dik id-deċiżjoni għandha tiġi kkunsidrata fil-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 23(1).

Artikolu 3d

Il-metodu għall-allokazzjoni ta' kwoti għall-avjazzjoni permezz ta' rkantijiet

1.   Fil-perijodu msemmi fl-Artikolu 3c(1), 10 % ta' kwoti għandhom jinbiegħu bl-irkant.

2.   Għal perijodi sussegwenti, il-persentaġġ għall-bejgħ bl-irkant imsemmi fil-paragrafu 1 jista' jiġi miżjud, bħala parti mill-reviżjoni ġenerali ta' din id-Direttiva.

3.   Regolament għandu jkun adottat bid-dispożizzjonijiet dettaljati dwar l-irkant tal-kwoti mhux meħtieġa minn Stati Membri biex jinħarġu mingħajr ħlas skond il-paragrafi 1 u 2 ta' dan l-Artikolu jew l-Artikolu 3f(8). In-numru tal-kwoti ta' l-avjazzjoni li għandhom jinbiegħu bl-irkant minn kull Stat Membru għandu jkun f'proporzjon mas-sehem tiegħu tat-total ta' l-emissjonijiet dovuti mill-avjazzjoni ta' l-Istati Membri kollha għas-sena ta' referenza rrappurtata skond l-Artikolu 14(3) u verifikati skond l-Artikolu 15. Għall-perijodu msemmi fl-Artikolu 3c(1), is-sena ta' referenza għandha tkun l-2010 u għal kull perijodu sussegwenti msemmi fl-Artikolu 3c is-sena ta' referenza għandha tkun is-sena kalendarja li tispiċċa 24 xahar qabel il-bidu tal-perijodu li għalih jirreferi l-irkant.

Dak ir-Regolament, imfassal sabiex jemenda l-elementi mhux essenzjali ta' din id-Direttiva billi jissupplimentaha, għandu jiġi adottat skond il-proċedua regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 23(3).

4.   L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw l-użu li għandu jsir minn dħul mill-irkant ta' kwoti ta' l-avjazzjoni. Dak id-dħul għandu jintuża biex jitratta t-tibdil fil-klima fl-UE u f'pajjiżi terzi u biex ikopri l-ispejjeż ta' l-Istati Membri amministrattivi fir-rigward ta' din id-Direttiva.

5.   It-tagħrif mogħti lill-Kummissjoni skond din id-Direttiva ma jeżonerax lill-Istati Membri mill-obbligu tan-notifika stabbilit mill-Artikolu 88(3) tat-Trattat.

Artikolu 3e

Allokazzjoni u ħruġ tal-kwoti lill-operaturi ta' l-inġenji ta' l-ajru

1.   Għal kull perijodu msemmi fl-Artikolu 3c, kull operatur ta' l-inġenji ta' l-ajru jista' japplika għal allokazzjoni ta' kwoti li għandhom jiġu allokati mingħajr ħlas. Applikazzjoni tista' ssir permezz ta' preżentazzjoni lill-awtorità kompetenti fl-Istat Membru amministrattiv ta' data ivverifikata f'tunnellati kull kilometru għall-attivitajiet ta' l-avjazzjoni elenkati fl-Anness I li twettqu minn dak l-operatur ta' l-inġenji ta' l-ajru matul is-sena ta' monitoraġġ. Għall-finijiet ta' dan l-Artikolu, is-sena ta' monitoraġġ għandha tkun is-sena kalendarja li tintemm 24 xahar qabel il-bidu tal-perijodu relatat magħha skond l-Annessi IV u V jew, f'relazzjoni mal-perijodu msemmi fl-Artikolu 3c(1), 2010. Kwalunkwe applikazzjoni għandha ssir mill-anqas 21 xahar qabel il-bidu tal-perijodu relatat magħha jew, f'relazzjoni mal-perijodu msemmi fl-Artikolu 3c(1), sal-31 ta' Marzu 2011.

2.   Mill-inqas tmintax-il xahar qabel il-bidu tal-perijodu relatat ma' l-applikazzjoni jew, f'relazzjoni mal-perijodu msemmi fl-Artikolu 3c(1), sat-30 ta' Ġunju 2011, l-Istati Membri għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni l-applikazzjonijiet li jkunu rċevew skond il-paragrafu 1.

3.   Mill-inqas ħmistax-il xahar qabel il-bidu ta' kull perijodu msemmi fl-Artikolu 3c(2) jew, f'relazzjoni mal-perijodu msemmi fl-Artikolu 3c(1), sat-30 ta' Settembru 2011, il-Kummissjoni għandha tikkalkula u taddotta deċiżjoni li tistabbilixxi:

(a)

il-kwantità totali tal-kwoti li għandha tiġi allokata għal dak il-perijodu skond l-Artikolu 3c;

(b)

in-numru ta' kwoti li jrid jiġi rkantat f'dak il-perijodu skond l-Artikolu 3d;

(c)

in-numru ta' kwoti fir-riżerva speċjali għal operaturi ta' l-ajruplani f'dak il-perijodu skond l-Artikolu 3f(1);

(d)

in-numru ta' kwoti li għandhom jiġu allokati mingħajr ħlas f'dak il-perijodu billi jitnaqqsu n-numru ta' kwoti msemmija fil-punti (b) u (c) mill-kwantità totali ta' kwoti deċiżi taħt il-punt (a); u

(e)

il-punt ta' referenza li għandu jintuża sabiex jiġu allokati kwoti mingħajr ħlas lill-operaturi ta' l-inġenji ta' l-ajru li l-applikazzjonijiet tagħhom kienu ppreżentati lill-Kummissjoni skond il-paragrafu 2.

Il-punt ta' referenza msemmi fil-punt (e), espress bħala kwoti kull tunnellata-kilometru, għandu jiġi kkalkolat permezz tad-diviżjoni tan-numru tal-kwoti msemmija fil-punt (d) bit-total tad-data f'tunnellati-kilometru inkluża fl-applikazzjonijiet ippreżentati lill-Kummissjoni skond il-paragrafu 2.

4.   Fi żmien tliet xhur mid-data minn meta l-Kummissjoni tadotta deċiżjoni skond il-paragrafu 3, kull Stat Membru amministrattiv għandu jikkalkula u jippubblika:

(a)

l-allokazzjoni totali tal-kwoti għall-perijodu lil kull operatur ta' l-inġenji ta' l-ajru li l-applikazzjoni tiegħu kien ippreżentaha lill-Kummissjoni skond il-paragrafu 2, ikkalkulata permezz tal-multiplikazzjoni tad-data tat-tunnellati-kilometru inkluża fl-applikazzjoni mal-punt ta' referenzaimsemmija fil-paragrafu 3(e); kif ukoll

(b)

l-allokazzjoni tal-kwoti għal kull operatur ta' l-inġenji ta' l-ajru għal kull sena, li għandha tiġi determinata permezz tad-diviżjoni ta' l-allokazzjoni totali tiegħu tal-kwoti għal dak il-perijodu ikkalkulata taħt punt (a) bin-numru ta' snin matul il-perijodu li fiha dak il-operatur ta' l-inġenji ta' l-ajru qed iwettaq attività ta' l-avjazzjoni elenkata fl-Anness I.

5.   Sat-28 ta' Frar 2012 u sat-28 ta' Frar ta'kull sena sussegwenti, l-awtorità kompetenti ta' l-Istat Membru amministrattiv għandha toħroġ għal kull operatur ta' l-inġenji ta' l-ajru n-numru ta' kwoti allokati għal dak l-operatur ta' l-inġenji ta' l-ajru għal dik is-sena taħt dan l-Artikolu jew l-Artikolu 3f.

Artikolu 3f

Riżerva speċjali għal ċerti operaturi ta' l-inġenji ta' l-ajru

1.   F'kull perijodu msemmi fl-Artikolu 3c(2), 3 % tal-kwantità totali tal-kwoti li jridu jiġu allokati għandhom jitwarrbu f'riżerva speċjali għall-operaturi ta' l-inġenji ta' l-ajru:

(a)

li jibdew iwettqu attività ta' avjazzjoni li taqa' taħt l-Anness I wara s-sena ta' monitoraġġ li għaliha kienet ppreżentata data f'tunnellati-kilometru taħt l-Artikolu 3e(1) rigward perijodu msemmi fl-Artikolu 3c(2); jew

(b)

li d-data f'tunnellati-kilometru tagħhom tiżdied b'medja ta' iktar minn 18 % kull sena bejn is-sena ta' monitoraġġ li għaliha ġiet ippreżentata d-data f'tunnellati-kilometru taħt l-Artikolu 3e(1) fir-rigward ta' perijodu msemmi fl-Artikolu 3c(2) u t-tieni sena kalendarja ta' dak il-perijodu;

u li l-attività tagħhom taħt il-punt (a), jew attività addizzjonali taħt il-punt (b), m'hijiex fl-intier tagħha jew parzjalment kontinwazzjoni ta' attività ta' l-avjazzjoni li qabel kienet imwettqa minn operatur ieħor ta' l-inġenji ta' l-ajru.

2.   Operatur ta' l-inġenji ta' l-ajru li huwa eliġibbli taħt il-paragrafu 1 jista' japplika għal allokazzjoni bla ħlas tal-kwoti mir-riżerva speċjali billi jagħmel applikazzjoni lill-awtorità kompetenti ta' l-Istat Membri amministrattiv tiegħu.Kwalunkwe applikazzjoni għandha ssir sat-30 ta' Ġunju fit-tielet sena tal-perijodu msemmi fl-Artikolu 3c(2) li tirreferi għalih.

3.   Applikazzjoni taħt il-paragrafu 2 għandha:

(a)

tinkludi data f'tunnellati-kilometru vverifikata skond l-Anness IV u V għall-attivitajiet ta' avjazzjoni elenkati fl-Anness I imwettqa mill-operatur ta' l-inġenji ta' l-ajru fit-tieni sena kalendarja tal-perijodu msemmi fl-Artikolu 3c(2) li għalih tirreferi l-applikazzjoni;

(b)

tipprovdi prova li l-kriterja għall-eliġibbiltà taħt il-paragrafu 1 huma sodisfatti; kif ukoll

(c)

fil-każ ta' operaturi ta' l-inġenji ta' l-ajru li jaqgħu fi ħdan il-paragrafu 1(b), tiddikjara:

(i)

iż-żieda fil-persentaġġ f'tunnellati-kilometru mwettqa minn dak l-operatur ta' l-inġenji ta' l-ajru bejn is-sena ta' monitoraġġ li għaliha ġiet ippreżentata d-data f'tunnellati-kilometru taħt l-Artikolu 3e(1) fir-rigward ta' perijodu msemmi fl-Artikolu 3c(2) u t-tieni sena kalendarja ta' dak il-perijodu;

(ii)

it-tkabbir assolut f'tunnellati-kilometru mwettqa minn dak l-operatur ta' l-inġenji ta' l-ajru bejn is-sena ta' monitoraġġ li għaliha ġiet ippreżentata d-data f'tunnellati kilometru taħt l-Artikolu 3e(1) fir-rigward ta' perijodu msemmi fl-Artikolu 3c(2) u t-tieni sena kalendarja ta' dak il-perijodu; kif ukoll

(iii)

it-tkabbir assolut f'tunnellati-kilometru mwettqa minn dak l-operatur ta' l-inġenji ta' l-ajru bejn is-sena ta' monitoraġġ li għaliha ġiet ippreżentata d-data f'tunnellati kilometru taħt l-Artikolu 3e(1) fir-rigward ta' perijodu msemmi fl-Artikolu 3c(2) u t-tieni sena kalendarja ta' dak il-perijodu li teċċedi l-persentaġġ speċifikat fil-paragrafu 1(b).

4.   Mhux aktar tard minn 6 xhur mill-iskadenza biex issir applikazzjoni taħt il-paragrafu 2, l-Istati Membri għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni applikazzjonijiet irċevuti taħt dak il-paragrafu.

5.   Mhux aktar tard minn tnax-il xahar mill-iskadenza biex issir applikazzjoni taħt il-paragrafu 2, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar punt ta' referenza li għandu jintuża sabiex jiġu allokati kwoti mingħajr ħlas lil operaturi ta' l-inġenji ta' l-ajru li l-applikazzjonijiet tagħhom ġew ippreżentati lill-Kummissjoni skond il-paragrafu 4.

Soġġett għall-paragrafu 6, il-punt ta' referenza għandu jkun ikkalkulat permezz tad-diviżjoni tan-numru tal-kwoti fir-riżerva speċjali bis-somma ta':

(a)

id-data f'tunnellati-kilometru għal operaturi ta' l-inġenji ta' l-ajru li jaqgħu fil-paragrafu 1(a) inkluż fl-applikazzjonijiet ippreżentati lill-Kummissjoni skond il-paragrafi 3(a) u 4; kif ukoll

(b)

it-tkabbir assolut f'tunnellati-kilometru li jeċċedi l-persentaġġ speċifikat fil-paragrafu 1(b) għal operaturi ta' l-inġenji ta' l-ajru li jaqgħu fil-paragrafu 1(b) inkluż fl-applikazzjonijiet ippreżentati lill-Kummissjoni skond il-paragrafi 3(c)(iii) u 4.

6.   Il-punt ta' referenza imsemmi fil-paragrafu 5 ma' għandux jirriżulta f'allokazzjoni annwali għal kull tunnellata-kilometru ikbar mill-allokazzjoni annwali għal kull tunnellata-kilometru għal operaturi ta' l-inġenji ta' l-ajru taħt l-Artikolu 3e(4).

7.   Fi żmien 3 xhur mid-data minn meta l-Kummissjoni tadotta deċiżjoni skond il-paragrafu 5, kull Stat Membru amministrattiv għandu jikkalkula u jippubblika:

(a)

l-allokazzjoni ta' kwoti mir-riżerva speċjali lil kull operatur ta' l-inġenji ta' l-ajru li l-applikazzjoni tiegħu kien ippreżentaha lill-Kummissjoni skond il-paragrafu 4. Din l-allokazzjoni għandha tiġi kkalkulata permezz tal-multiplikazzjoni tal-punt ta' referenza imsemmi fil-paragrafu 5 ma':

(i)

fil-każ ta' operaturi ta' l-inġenji ta' l-ajru li jaqgħu fil-paragrafu 1(a), id-data tunnellati-kilometru inkluża fl-applikazzjoni ippreżentata lill-Kummissjoni taħt il-paragrafi 3(a) u 4;

(ii)

fil-każ ta' operatur ta' l-inġenji ta' l-ajru li jaqgħu fi ħdan il-paragrafu 1(b), it-tkabbir assolut f'tunnellati-kilometru li jeċċedi l-persentaġġ speċifikat fil-paragrafu 1(b) inkluż fl-applikazzjoni ippreżentata lill-Kummissjoni taħt il-paragrafi 3(c)(iii) u 4; kif ukoll

(b)

l-allokazzjoni ta' kwoti għal kull operatur ta' l-inġenji ta' l-ajru għal kull sena, li għandha tkun iddeterminata permezz tad-diviżjoni ta' l-allokazzjoni tagħha tal-kwoti taħt il-punt (a) bin-numru tas-snin kalendarji sħaħ li jibqa' fil-perijodu msemmi fl-Artikolu 3c(2) li għalih tirreferi l-allokazzjoni.

8.   Kwalunkwe kwota mhux allokata fir-riżerva speċjali għandha tiġi rkantata mill-Istati Membri.

9.   Il-Kummissjoni tista' tistabbilixxi regoli dettaljati dwar l-operazzjoni tar-riżerva speċjali taħt dan l-Artikolu, inkluża l-evalwazzjoni ta' konformità mal-kriterja ta' eliġibbiltà taħt il-paragrafu 1. Dawk il-miżuri, imfassla biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta' din id-Direttiva billi jissuplimentawha, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 23(3).

Artikolu 3g

Pjanijiet ta' monitoraġġ u rapportar

L-Istat Membru li jkunu qed jamministra għandu jiżgura li kull operatur ta' l-inġenji ta' l-ajru jippreżenta lill-awtorità kompetenti f'dak l-Istat pjan ta' monitoraġġ li jistabbilixxi miżuri għall-monitoraġġ u r-rapportar ta' emmissjonijiet u data f'tunnellati-kilometru għall-fini ta' applikazzjoni taħt l-Artikolu 3d u li tali pjanijiet huma approvati mill-awtorità kompetenti skond il-linji gwida adottati skond l-Artikolu 14.”.

5)

It-titolu u l-Artikolu li ġejjin għandhom jiddaħħlu:

“KAPITOLU III

Stallazzjonijiet stazzjonarji

Artikolu 3h

Kamp ta' Applikazzjoni

Id-dispożizzjonijiet ta' dan il-Kapitolu għandhom japplikaw għall-permessi ta' l-emissjonijiet ta' gassijiet serra u għall-allokazzjoni u l-ħruġ ta' kwoti fir-rigward ta' l-attivitajiet elenkati fl-Anness I minbarra l-attivitajiet ta' l-avjazzjoni.”.

6)

Punt (e)ta' l-Artikolu 6(2) għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“(e)

obligazzjoni li ċċedi kwoti, barra minn dawk il-kwoti maħruġa taħt il-Kapitolu II, ekwivalenti ghat-total ta' emissjonijet ta' l-istallazzjoni f'kull sena kalendarja, kif ivverifikati skond l-Artikolu 15, fi żmien erba' xhur mill-aħħar ta' dik is-sena.”.

7)

It-titolu li ġej għandu jiddaħħal qabel l-Artikolu 11:

8)

Fl-Artikolu 11a għandu jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“1a.   Soġġett għall-paragrafu 3, matul kull perijodu msemmi fl-Artikolu 3c, Stati Membri għandhom jippermettu lil kull operatur ta' l-inġenji ta' l-ajru jużaw s-CERs u l-ERUs minn attivitajiet ta' proġetti. Matul il-perijodu msemmi fl-Artikolu 3c(1), l-operaturi ta' l-inġenji ta' l-ajru jistgħu jużaw s-CERs u l-ERUs, sa 15 % tan-numru tal-kwoti li huma meħtieġa iċedu skond l-Artikolu 12(2a).

Għal perijodi sussegwenti, il-persentaġġ għandu jkun deċiż f'konformità mal-proċedura għad-determinazzjoni ta' l-użu ta' CERs u ERUs minn attivitajiet ta' proġetti, bħala parti mir-reviżjoni ta' din id-Direttiva u b'kont meħud ta' l-iżvilupp tar-reġim internazzjonali għall-bidla fil-klima.

Il-Kummissjoni għandha tippubblika dan il-persentaġġ mill-anqas sitt xhur qabel il-bidu ta' kull perijodu msemmi fl-Artikolu 3c.”.

9)

Fl-Artikolu 11b(2), il-kelma “stallazzjonijiet” għandu jiġi sostitwit bit-terminu “attivitajiet”.

10)

L-Artikolu 12 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 2, wara l-kelma “bl-iskop” għandhom jiddaħħlu l-kliem “li jintlaħqu l-obbligi ta' operatur ta' l-inġenji ta' l-ajru skond il-paragrafu 2a jew”;

(b)

għandu jiżdied il-paragrafu 2a li ġej:

“2a.   L-Istati Membri amministrattivi għandhom jiżguraw li, sat-30 ta' April ta' kull sena, kull operatur ta' l-inġenji ta' l-ajru għandu jċedi numru ta' kwoti ugwali għall-emissjonijiet totali matul is-sena kalendarja preċedenti minn attivitajiet ta' avjazzjoni mwettqa minnu elenkati fl-Anness I, kif verifikati skond l-Artikolu 15. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kwoti ċeduti skond dan il-paragafu huma sussegewentement imħassra.”;

(c)

Il-paragrafu 3 għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw, li sat-30 ta' April ta' kull sena, l-operatur ta' kull stallazzjoni jċedi numru ta' kwoti, barra minn dawk il-kwoti maħruġa taħt il-Kapitolu II, ekwivalenti ghat-total ta' emissjonijet ta' dik l-istallazzjoni fis-sena kalendarja preċedenti, kif ivverifikati skond l-Artikolu 15, u li wara dawn jiġu kkanċellati.”.

11)

Fl-Artikolu 13(3), il-kliem “L-Artikolu 12(3)” għandu jiġi sostitwit bil-kliem “Artikolu 12(2a) jew (3)”.

12)

L-Artikolu 14 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

fl-ewwel sentenza ta' paragrafu 1:

(i)

wara l-kliem “dawk l-attivitajiet” għandhom jiddaħħlu l-kliem “u ta' data f'tunnellati l-kilometru għall-iskop ta' l-applikazzjoni taħt l-Artikoli 3e jew 3f”;

(ii)

il-kliem “, sat-30 ta' Settembru 2003” għandhom jiġu mħassra;

(b)

il-paragrafu 3 għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull operatur jew operatur ta' l-inġenji ta' l-ajru jirrapporta l-emissjonijet matul kull sena kalendarja mill-istallazzjoni, jew, mill-1 ta' Jannar 2010, l-ajruplan, li huwa jopera lill-awtorita' kompetenti wara l-aħħar ta' dik is-sena skond il-linji gwida.”.

13)

L-Artikolu 15 għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 15

Verifikazzjoni

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-rapporti mibgħuta mill-operaturi jew operaturi ta' l-inġenji ta' l-ajru skond l-Artikolu 14(3) jiġu vverifikati skond il-kriterji stabbiliti fl-Anness V u dispożizzjonijiet dettaljati addottati mill-Kummissjoni skond dan l-Artikolu, u li l-awtorita' kompetenti tkun infurmata b'dan.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li operatur jew operatur ta' l-inġenji ta' l-ajru li r-rapport tiegħu ma jkunx ġie vverifikati skond il-kriterji stabbiliti fl-Anness V u dispożizzjonijiet dettaljati addottati mill-Kummissjoni skond dan l-Artikolu sal-31 ta' Marzu ta' kull sena ghall-emissjonijiet matul is-sena preċedenti, ma jistax jagħmel trasferimenti ta' kwoti ulterjuri sakemm ir-rapport ta' dak l-operatur jew operatur ta' l-inġenji ta' l-ajru jiġi vverifikat bħala sodisfaċenti.

Il-Kummissjoni tista' tadotta dispożizzjonijiet dettaljati għall-verifika tar-rapporti sottomessi minn operaturi ta' l-inġenji ta' l-ajru skond l-Artikolu 14(3) u l-applikazzjonijiet taħt l-Artikoli 3e u 3f skond il-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 23(2).”.

14)

L-Artikolu 16 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, il-kliem “sa mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2003” għandhom jitħassru;

(b)

paragrafu 2 u 3 għandhom jiġu sostitwiti b'dawn li ġejjin:

“2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw il-pubblikazzjoni ta' l-ismijiet tal-operaturi jew operaturi ta' l-inġenji ta' l-ajru li jkunu qed jiksru r-rekwiżiti biex iċedu kwoti suffiċjenti skond din id-Direttiva.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe operatur jew operatur ta' l-inġenji ta' l-ajru li ma jkunx ċeda kwoti suffiċjenti sat-30 ta' April ta' kull sena biex ikopri l-emissjonijet ta' matul is-sena preċedenti, jinżamm responsabbli għall-ħlas ta' penali ta' emissjonijiet żejda. Il-penali ta' emissjonijiet żejda għandha tkun ta' EUR 100 ghal kull tunellata ta' dijossidu tal-karbonju ekwivalenti mormija u li għalihom l-operatur ma jkunx ċeda kwoti. Il-ħlas tal-penali ta' emissjonijiet żejda ma tilliberax lill-operatur mill-obbligu li jċedi ammont ta' kwoti ekwivalenti ghall-dawk l-emissjonijiet żejda meta dan ikun qed iċedi l-kwoti relattivi għas-sena ta' wara.”;

(c)

il-paragrafi li ġejjin għandhom jiżdiedu:

“5.   Fil-każ li operatur ta' l-inġenji ta' l-ajru jonqos milli jikkonforma mal-ħtiġiet ta' din id-Direttiva u fejn miżuri ta' infurzar oħra ma żgurawx konformità, l-Istat Membru amministrattiv tiegħu jista' jitlob lill-Kummissjoni biex tiddeċiedi dwar l-impożizzjoni ta' projbizzjoni ta' operar fuq l-operatur ta' l-inġenji ta' l-ajru kkonċernat.

6.   Kwalunkwe talba minn Stat Membru amministrattiv taħt il-paragrafu 5 għandha tinkludi:

(a)

evidenza li l-operatur ta' l-inġenji ta' l-ajru ma kkonformax ma' l-obbligi tiegħu taħt din id-Direttiva;

(b)

dettalji ta' l-azzjoni ta' infurzar li ttieħdet minn dak l-Istat Membru;

(c)

ġustifikazzjoni għall-impożizzjoni ta' projbizzjoni ta' operar fil-livell Komunitarju; kif ukoll

(d)

rakkomandazzjoni għall-kamp ta' applikazzjoni ta' projbizzjoni ta' operar fil-livell Komunitarju u kwalunkwe kondizzjoni li għandha tiġi applikata.

7.   Meta talbiet bħal dawk imsemmijin fil-paragrafu 5 huma indirizzati lill-Kummissjoni, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri l-oħrajn (permezz tar-rappreżentanti tagħhom fil-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 23(1) skond ir-regoli ta' proċeduratal-Kumitat).

8.   L-adozzjoni ta' deċiżjoniji wara li tkun saret talba skond il-paragrafu 5 għandha tiġi preċeduta, fejn adatt u prattikabbli, minn konsultazzjonijiet ma' l-awtoritajiet responsabbli għas-superviżjoni regolatorja ta' l-operatur ta' l-inġenji ta' l-ajru kkonċernat. Kull meta jkun possibbli, il-konsultazzjonijiet għandhom isiru b'mod konġunt mill-Kummissjoni u l-Istati Membri.

9.   Meta l-Kummissjoni tkun qed tikkunsidra jekk tadottax jew le deċiżjoni wara li tkun saret talba skond il-paragrafu 5, hija għandha tiżvela lill-operatur ta' l-inġenji ta' l-ajru kkonċernat il-fatti u l-konsiderazzjonijiet essenzjali li jifformaw il-bażi għal tali deċiżjoni. L-operatur ta' l-inġenji ta' l-ajru kkonċernat għandu jingħata l-opportunità li jippreżenta kummenti bil-miktub lill-Kummissjoni fi żmien 10 ijiem ta' xogħol mid-data ta' żvelar.

10.   Fuq talba ta' Stat Membru, il-Kummissjoni tista', skond il-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 23(2), taddotta deċiżjoni li timponi projbizzjoni ta' operar fuq l-operatur ta' l-inġenji ta' l-ajru kkonċernat.

11.   Kull Stat Membru għandu jinforza, fit-territorju tiegħu, kwalunkwe deċiżjoni addottata skond il-paragrafu 10. Għandu jinforma lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe miżura meħuda għall-implimentazzjoni ta' tali deċiżjonijiet.

12.   Fejn xieraq, għandhom jiġu stabbiliti regoli dettaljati fir-rigward tal-proċeduri msemmija f'dan l-Artikolu. Dawk il-miżuri imfassla sabiex jemendaw elementi mhux essenzjali ta' din id-Direttiva billi jissupplimentawha, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 23(3).”.

15)

Għandhom jiddaħħlu l-Artikoli li ġejjin:

“Artikolu 18a

Stat Membru Amministrattiv

1.   L-Istat Membru amministrattiv fir-rigward ta' operatur ta' l-inġenji ta' l-ajru għandu jkun:

(a)

fil-każ ta' operatur ta' l-inġenji ta' l-ajru b'liċenzja operattiva valida maħruġa minn Stat Membru skond id-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2407/92 tat-23 ta' Lulju 1992 dwar liċenzjar ta' air carriers (12), l-Istat Membru li jkun ħareġ il-liċenzja operattiva fir-rigward ta' dak l-operatur ta' l-inġenji ta' l-ajru; kif ukoll

(b)

fil-każijiet kollha l-oħra, l-Istat Membru bl-akbar ammont ta' emissjonijet stmati u dovuti lill-avjazzjoni minn titjiriet mwettqa minn dak l-operatur ta' l-inġenji ta' l-ajru fis-sena ta' bażi.

2.   Meta fl-ewwel sentejn ta' kwalunkwe perijodu msemmi fl-Artikolu 3c, l-ebda mill-emissjonijiet attribwiti lill-avjazzjoni minn titjiriet imwettqin minn operatur ta' l-inġenji ta' l-ajru li jaqa' fil-paragrafu 1(b) ta' dan l-Artikolu ma huma attribwiti lill-Istat Membru amministrattiv tiegħu, l-operatur ta' l-inġenji ta' l-ajru għandu jiġi trasferit lejn Stat Membru amministrattiv ieħor fir-rigward tal-perijodu li jmiss. L-Istat Membru amministrattiv ġdid għandu jkun l-Istat Membru bl-akbar emissjonijiet attribwiti lill-avjazzjoni stmati minn titjiriet imwettqin minn dak l-operatur ta' l-inġenji ta' l-ajru matul l-ewwel sentejn tal-perijodu ta' qabel.

3.   Abbażi ta' l-aħjar informazzjoni disponibbli, il-Kummissjoni għandha:

(a)

qabel l-1 ta' Frar 2009, tippubblika lista ta' l-operaturi ta' l-inġenji ta' l-ajru li wettqu attività ta' l-avjazzjoni elenkata fl-Anness I fi jew wara l-1 ta' Jannar 2006 li tispeċifika l-Istat Membru amministrattiv għal kull operatur ta' l-inġenji ta' l-ajru skond il-paragrafu 1; kif ukoll

(b)

qabel l-1 ta' Frar ta' kull sena sussegwenti, taġġorna l-lista biex tinkludi l-operaturi ta' l-inġenji ta' l-ajru li sussegwentement wettqu attività ta' l-avjazzjoni kif elenkata fl-Anness I.

4.   Għall-iskopijiet ta' paragrafu 1, ‘sena ta' bażi’ ifisser, fir-rigward ta' operatur ta' l-inġenji ta' l-ajru li beda jopera fil-Komunità wara l-1 ta' Jannar 2006, l-ewwel sena kalendarja ta' l-operat, u fil-każijiet l-oħrajn kollha, is-sena kalendarja li tibda fl-1 ta' Jannar 2006.

Artikolu 18b

Assistenza mill-Eurocontrol

Għall-finijiet tat-twettiq ta' l-obbligi tagħha skond l-Artikoli 3c(4) u 18a, il-Kummissjoni tista' titlob l-assistenza ta' l-Eurocontrol u tista' tikkonkludi għal dak l-għan, kwalunkwe ftehim xieraq ma' dik l-organizzazzjoni.

16)

fl-Artikolu 19, paragrafu 3 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

l-aħħar sentenza għandha tiġi sostitwita b'dan li ġej:

“Dak ir-Regolament għandha ukoll tinkludi dispożizzjonijiet li jikkonċernaw l-użu u l-identifikazzjoni ta' CERs u ERUs fl-iskema tal-Komunitarja u l-moniteraġġ tal-livell ta' dan l-użu u dispożizzjonijiet li jqisu l-inklużjoni ta' l-attivitajiet ta' l-avjazzjoni fl-iskema Komunitarja.”;

(b)

is-subparagrafu li ġej għandu jiġi miżjud:

“Ir-Regolament dwar sistema ta' reġistri li tkun uniformi u żgura għandha tiżgura li kwoti, CERs u ERUs ċeduti minn operaturi ta' l-inġenji ta' l-ajru jiġu trasferiti biss lejn il-kontijiet ta' l-irtirar ta' Stati Membri għall-ewwel perijodu ta' impenn tal-Protokoll ta' Kyoto sa fejn dawk il-kwoti, CERs, u ERUs jikkorrispondu ma' l-emmissjonijiet inklużi fit-totali nazzjonali ta' inventorji nazzjonali ta' Stati Membri għal dak il-perijodu.”.

17)

Fl-Artikolu 23, il-paragrafu 3 għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“3.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikolu 5a(1) sa (4) u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, filwaqt li jiġu kkunsidrati d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 tagħha.”.

18)

Għandu jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 25a

Miżuri ta' pajjiżi terzi biex jitnaqqas l-impatt ta' l-avjazzjoni fuq il-bidla fil-klima

1.   Meta pajjiż terz jadotta miżuri għat-tnaqqis ta' l-impatt tal-bidla fil-klima minn titjiriet li jitilqu minn dak il-pajjiż li jinżlu fil-Komunità, il-Kummissjoni wara li tkun ikkonsultat mal-pajjiż terz, u ma' l-Istati Membri fil-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 23(1), għandha tqis l-għażliet disponibbli sabiex tipprovdi għall-aqwa interazzjoni bejn l-iskema tal-Komunità u l-miżuri ta' dak il-pajjiż.

Fejn meħtieġ, il-Kummissjoni tista' taddotta emendi biex jipprovdu għal tijiriet li jaslu mill-pajjiż terz ikkonċernat sabiex dawn jiġu esklużi mill-attivitajiet ta' l-avjazzjoni elenkati fl-Anness I jew biex jipprovdu għal kwalunkwe emenda oħra għall-attivitajiet ta' avjazzjoni elenkati fl-Anness I li huma meħtieġa minn ftehim skond ir-raba' subparagrafu. Dawk il-miżuri, imfassla sabiex jemendaw elementi mhuxessenzjali ta' din id-Direttiva, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 23(3).

Il-Kummissjoni tista' tipproponi lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill emendi oħra għal din id-Direttiva.

Il-Kummissjoni tista' wkoll, fejn xieraq, tagħmel rakkomandazzjonijiet lill-Kunsill f'konformità ma' l-Artikolu 300(1) tat-Trattat biex tiftaħ negozjati bil-ħsieb tal-konklużjoni ta' ftehim mal-pajjiż terz ikkonċernat.

2.   Il-Komunità u l-Istat Membri tagħha għandhom ikomplu jfittxu ftehim dwar miżuri globali sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta' gassijiet serra mill-avjazzjoni. Fid-dawl ta' tali ftehim, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra jekk humiex meħtieġa l-emendi għal din id-Direttiva kif tapplika għall-operaturi ta' l-inġenji ta' l-ajru.”.

19)

L-Artikolu 28 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

punt (b) ta' paragrafu 3 għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“(b)

li jkunu responsabbli ghaċ-ċessjoni ta' kwoti, minbarra kwoti maħruġin taħt il-Kapitolu II, li jkunu jkopru t-total ta' emissjonijet ta' l-istallazzjonijiet fil-pool, b'deroga mill-Artikolu 6(2)(e) u 12(3); u”;

(b)

paragrafu 4 għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“4.   It-trustee għandu jkun suġġett ghall-penali applikabbli ghal ksur tar-rekwiżiti biex iċedi kwoti suffiċjenti, minbarra kwoti maħruġin taħt il-Kapitolu II, sabiex jiġi kopert it-total ta' emissjonijet ta' l-istallazzjonijiet fil-pool, b'deroga mill-Artikolu 16(2), (3) u (4).”.

20)

Il-paragrafu segwenti għandu jiżdied ma' l-Artikolu 30:

“4.   Sa l-1 ta' Ġunju 2015 l-Kummissjoni għandha, abbażi ta' monitoraġġ u esperjenza ta' l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva, tirrevedi l-funzjonament ta' din id-Direttiva fir-rigward ta' l-attivitajiet ta' l-avjazzjoni fl-Anness I, u tista' tagħmel proposti kif adatt. Il-Kummissjoni għandha tagħti konsiderazzjoni b'mod partikolari għal:

(a)

l-implikazzjonijiet u l-impatti ta' din id-Direttiva fir-rigward tal-funzjonament ġenerali ta' l-iskema Komunitarja;

(b)

il-funzjonament tas-suq ta' l-għoti tal-kwoti, li jkopri b'mod partikolari kwalunkwe disturbanza possibbli tas-suq;

(c)

l-effikaċja ambjentali ta' l-iskema Komunitarja u sa fejn għandha titnaqqas il-kwantità totali tal-kwoti li għandhom jiġu allokati lill-operaturi ta' l-ajru taħt l-Artikolu 3c f'konformità ma' miri ta' l-UE ta' tnaqqis ġenerali ta' emissjonijiet;

(d)

l-impatt ta' l-iskema Komunitarja fuq is-settur ta' l-avjazzjoni;

(e)

il-kontinwazzjoni mar-riżerva speċjali għall-operaturi ta' l-inġenji ta' l-ajru, b'kont meħud tal-konverġenza possibbli ta' rati ta' tkabbir fl-industrija;

(f)

l-impatt ta' l-iskema Komunitarja fuq id-dipendenza strutturali fuq it-trasport ta' l-avjazzjoni ta' gżejjer, reġjuni mingħajr kosta u dawk periferiċi tal-Komunità;

(g)

jekk għandiex tiġi nkluża sistema ta' portal biex tiffaċilità l-iskambju ta' kwoti bejn operaturi ta' l-inġenji ta' l-ajru u operaturi ta' stallazzjonijiet waqt li tiżgura li l-ebda transazzjonijiet ma jirriżultaw fi trasferiment nett ta' kwoti minn operaturi ta' l-inġenji ta' l-ajru lil operaturi ta' stallazzjonijiet;

(h)

l-implikazzjonijiet tal-limiti ta' l-esklużjoni kif speċifikati fl-Anness I f'termini ta' massa massima ċċertifikata għat-tluq u n-numru ta' titjiriet fis-sena li twettqu minn operatur ta' l-inġenji ta' l-ajru; u

(i)

l-impatt ta' l-eżenzjoni mill-iskema Komunitarja ta' ċerti titjiriet li twettqu fil-qafas ta' l-obbligi tas-servizz pubbliku imposti skond ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2408/92 tat-23 ta' Lulju 1992 fuq l-aċċess ta' trasportaturi bl-ajru Komunitarji għal rotot ta' l-ajru intra Komunitarji (13).

Imbagħad il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

21)

It-titolu li ġej għandu jiġi mdaħħal wara l-Artikolu 30:

22)

L-Annessi I, IV u Vgħandhom jiġu emendati skond l-Anness ma' din id-Direttiva.

Artikolu 2

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva qabel … (14). Dawn għandhom jinfurmawil-Kummissjoni b'dan (15).

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, dawn għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b'tali referenza meta jiġu ppubblikati uffiċjalment.Il-metodu ta' kif għandha ssir it-tali referenza għandha tiġi determinata mill-Istati Membri.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri b'dan.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Indirizzati

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi …,

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

Għall-Kunsill

Il-President


(1)  ĠU C 175, 27.7.2007, p. 47.

(2)  ĠU C 305, 15.12.2007, p. 15.

(3)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Novembru 2007 (mhux ippublikata fil-Ġurnal Uffiċjali), Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill ta' 18 ta' April 2008 u Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew ta' … (mhux ippublikata fil-Ġurnal Uffiċjali). Deċiżjoni tal-Kunsill ta' …

(4)  ĠU L 275, 25.10.2003 p. 32 Direttiva kif emendata bid-Direttiva 2004/101/KE (ĠU L 338, 13.11.2004, p. 18).

(5)  ĠU L 33, 7.2.1994 p. 11.

(6)  ĠU L 130, 15.5.2002, p. 1.

(7)  ĠU L 242, 10.9.2002, p. 1.

(8)  ĠU C 303 E, 13.12.2006, p. 119.

(9)  ĠU L 184, 17.7.1999 p. 23 Deċiżjoni kif emendata bid-Deċiżjoni 2006/512/KE (ĠU L 200, 22.7.2006, p. 11).

(10)  ĠU C 321, 31.12.2003, p. 1.

(11)  6 xhur mid-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva.

(12)  ĠU L 240, 24.8.1992, p. 1.”.

(13)  ĠU L 240, 24.8.1992, p. 8. Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 1791/2006 (ĠU L 363, 20.12.2006, p. 1).”.

(14)  Premessa ġdida: “Skond il-paragrafu 34 tal-ftehim interistituzzjonali dwar tfassil aħjar ta' liġijiet, l-Istati Membri huma mħeġġa jfasslu, għalihom u fl-interess tal-Komunità, it-tabelli tagħhom stess, li juru, sa fejn ikun possibbli, il-korrelazzjoni bejn id-Direttiva u l-miżuri ta' traspożizzjoni u jagħmluhom pubbliċi”.

(15)  18-il xahar wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva.


ANNESS

L-Annessi I, IV u V għad-Diretiva 2003/87/KE huma b'dan emendati kif ġej:

1)

L-Anness I għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

it-titolu għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

(b)

is-subparagrafu li ġej għandu jiġi inseritfil-paragrafu 2 qabel it-tabella:

“għas-sena 2012, għandhom jiġu inklużi t-titjiriet kollha li jaslu jew li jitilqu minn ajrudrom li jinsab fit-territorju ta' Stat Membru li għalih japplika t-Trattat.”;

(c)

għandha tiżdied il-kategorija ta' attività li ġejja:

“L-avjazzjoni

Titjiriet li jitilqu minn jew li jaslu f'ajrudrom li jinsab fit-territorju ta' Stat Membru li għalih japplika t-Trattat.

Din l-attività m'għandhiex tinkludi:

(a)

titjiriet imwettqin esklussivament għat-trasport, fuq missjoni uffiċjali, ta' Re jew Reġina renjanti u l-familja immedjata tiegħu/tagħha, Kapijiet ta' l-Istat, Kapijiet ta' Gvern u Ministri ta' Gvern, ta' pajjiż li mhux Stat Membru, fejn dan jiġi ssostanzjat minn indikatur adatt li juri l-istatus tar-rotta ta' l-ajru;

(b)

titjiriet militari mwettqin minn inġenji ta' l-ajru militari u titjiriet tad-dwana u tal-pulizija;

(c)

titjiriet relatati mat-tfittxija u s-salvataġġ, titjiriet għat-tifi tan-nar,titjiriet umanitarji u titjiriet ta' servizz mediku ta' emerġenza awtorizzati mill-awtorità kompetenti adatta;

(d)

kwalunkwe titjira mwettqa esklussivament skond ir-regoli viżwali tat-titjiriet kif definiti fl-Anness 2 għall-Konvenzjoni ta' Chicago;

(e)

titjiriet li jispiċċaw fl-ajrudrom minn fejn telaq l-inġenju ta' l-ajru u li matulhom ma sar l-ebda nżul intermedjarju;

(f)

titjiriet ta' taħriġ imwettqin esklussivament bl-iskop ta' ksib ta' liċenzja, jew ta' klassifikazzjoni fil-każ ta' l-ekwipaġġ ta' inġenju ta' l-ajru fejn dan jiġi ssostanzjat permezz ta' nota adegwata fil-pjan tar-rotta sakemm it-titjira ma tkunx qed isservi għat-trasport tal-passiġġieri u/jew tagħbija jew għall-ippożizzjonar jew it-trasport ta' l-inġenju ta' l-ajru innifsu;

(g)

titjiriet imwettqin esklussivament għall-fini ta' l-iċċekkjar, l-ittestjar jew għaċ-ċertifikazzjoni ta' l-inġenju ta' l-ajru jew tat-tagħmir kemm jekk jinsab fl-ajru kif ukoll ibbażat fuq l-art;

(h)

titjiriet imwettqin minn inġenju ta' l-ajru b'massa massima ċċertifikata għat-tluq ta' anqas minn 5 700 kg;

(i)

titjiriet imwettqin fil-qafas ta' l-obbligi tas-servizz pubbliku impost skond ir-Regolament (KEE) 2408/92 fuq rotot fir-reġjuni l-aktar imbiegħda kif definiti fl-Artikolu 299(2) tat-Trattat jew fuq rotot fejn il-kapaċità offruta ma' taqbiżx it-30 000 post fis-sena; u

(j)

titjiriet, minbarra titjiriet li twettqu esklussivament għat-trasport, missjoni uffiċjali ta' Re jew Reġina renjanti u l-familja immedjata tiegħu/tagħha, Kapijiet ta' l-Istat, Kapijiet ta' Gvern u Ministri ta' Gvern, ta' Stat Membru ta' l-UE, li twettqu minn operatur tat-trasport ta' l-ajru kummerċjali li jopera għal tliet perijodi konsekuttivi ta' erba' xhur anqas minn 243 titjira għal kull perijodu, li, għal dan il-punt, jaqa' f'din l-attività.

Diossidu tal-kalċju”

2)

L-Anness IV għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

it-titolu li ġej jiddaħħal wara t-titlu ta' l-Aness:

(b)

għandha tiżdied il-parti B li ġejja:

“PARTI B — IL-MONITORAĠĠ U R-RAPPURTAĠĠ TA' L-EMISSJONIJIET MINN ATTIVITAJIET TA' L-AVJAZZJONI

Il-monitoraġġ ta' l-emissjonijiet tad-dijossidu tal-karbonju

L-emissjonijiet għandhom jiġu mmonitorjati permezz tal-kalkolu. L-emissjonijiet għandhom jiġu kkalkolati permezz tal-formola:

Il-konsum tal-fjuwil bil-fattur ta' emissjoni x

Il-konsum tal-fjuwil għandu jinkludi l-fjuwil ikkunsmat mill-ġeneratur awżiljarju (apu). Il-konsum attwali tal-fjuwil għal kull titjira għandu jintuża kull fejn hu possibbli u għandu jiġi kkalkulat permezz tal-formola:

L-ammont ta' karburant li jinsab fit-tankijiet ta' l-inġenju ta' l-ajru ladarba jkun sar il-mili tal-karburant għat-titjira — l-ammont ta' karburant li jinsab fit-tankijiet ta' l-inġenju ta' l-ajru wara li jkun sar il-mili tal-karburant għat-titjira sussegwenti + il-mili tal-karburant għal dik it-titjira sussegwenti.

Jekk id-data tal-konsum attwali tal-karburant ma tkunx disponibbli, għandu jintuża metodu standardizzat imqassam f'livelli għall-istima tad-data tal-konsum tal-karburant, ibbażat fuq l-aħjar informazzjoni disponibbli.

Għandhom jintużaw il-fatturi ta' bażi għall-emissjonijiet IPCC, meħudin mil-Linji Gwida ta' l-Inventarju ta' l-IPCC 2006 jew minn aġġornamenti sussegwenti ta' dawn il-Linji Gwida, sakemm ma jkunux aktar preċiżi l-fatturi għall-emissjonijiet marbutin speċifikament ma' l-attività li waslu għalihom laboratorji indipendenti akkreditati permezz ta' metodi ta' analiżi aċċettati. Il-fattur ta' l-emissjoni għall-bijomassa għandu jkun żero.

Għandu jsir kalkolu separat għal kull titjira u għal kull fjuwil.

Ir-rappurtaġġ ta' l-emissjonijiet

Taħt l-Artikolu 14(3) kull operatur ta' l-inġenji ta' l-ajru, fir-rapport tiegħu għandu jinkludi l-informazzjoni li ġejja:

A.

Data li tiddentifika l-operatur ta' l-inġenji ta' l-ajru, inkluż:

l-isem ta' l-operatur ta' l-inġenji ta' l-ajru;

l-Istat Membru amministrattiv tiegħu;

l-indirizz tiegħu, inkluż il-kodiċi postali u l-pajjiż u, jekk differenti, l-indirizz ta' kuntatt tiegħu fl-Istat Membru amministrattiv;

in-numri ta' reġistrazzjoni ta' l-inġenju ta' l-ajru u t-tipi ta' inġenji ta' l-ajru li ntużaw minnu fil-perijodu kopert bir-rapport għat-twettiq ta' l-attivitajiet ta' l-avjazzjoni elenkati fl-Anness I;

in-numru u l-awtorità tal-ħruġ taċ-ċertifikat ta' l-operatur ta' l-ajru u l-liċenzja operattiva li permezz tagħha l-operatur ta' l-inġenji ta' l-ajru wettaq l-attivitajiet ta' l-avjazzjoni elenkati fl-Anness I;

l-indirizz, u d-dettalji tat-telefown, il-fax u l-e-mail għal persuna tal-kuntatt; kif ukoll

l-isem ta' sid l-inġenju ta' l-ajru;

B.

Għal kull tip ta' karburant li għalih jiġu kkalkulati l-emissjonijiet:

il-konsum tal-karburant;

il-fattur ta' l-emissjoni;

it-total aggregat ta' l-emissjonijiet mit-titjiriet kollha li twettqu matul il-perijodu kopert bir-rapport li jaqgħu fl-ambitu ta' l-attivitajiet ta' l-avjazzjoni elenkati fl-Anness I ta' liema huwa l-operatur ta' l-inġenji ta' l-ajru;

emissjonijiet aggregati minn:

it-titjiriet kollha li saru matul il-perijodu kopert bir-rapport li jaqgħu fi ħdan l-attivitajiet ta' l-avjazzjoni elenkati fl-Anness I li twettqu mill-operatur ta' l-inġenji ta' l-ajru u li telqu minn ajrudrom li jinsab fit-territorju ta' Stat Membru u li waslu f'ajruport li jinsab fit-territorju ta' l-istess Stat Membru;

titjiriet kollha oħrajn li saru matul il-perijodu kopert bir-rapport li jaqgħu fl-ambitu ta' l-attivitajiet ta' l-avjazzjoni elenkati fl-Anness I ta' liema huwa l-operatur ta' l-inġenji ta' l-ajru;

it-total aggregat ta' l-emissjonijiet mit-titjiriet kollha li saru matul il-perijodu kopert bir-rapport li jaqgħu' fl-ambitu ta' l-attivitajiet ta' l-avjazzjoni elenkati fl-Anness I ta' liema huwa l-operatur ta' l-inġenji ta' l-ajru u li:

telqu minn kull Stat Membru; kif ukoll

waslu f'kull Stat Membru minn pajjiż terz;

l-inċertezza.

Il-monitoraġġ tad-data f'tunnellati-kilometru għall-fini ta' l-Artikoli 3e u 3f

Għall-fini ta' l-applikazzjoni ta' allokazzjoni ta' kwoti skond l-Artikolu 3e(1) jew l-Artikolu 3f(2), l-ammont ta' l-attività ta' l-avjazzjoni għandu jiġi kkalkulat f'tunnellati-kilometru permezz tal-formola li ġejja:

tunnellati l-kilometru = distanza x tagħbija kummerċjali

fejn:

‘distanza’ tfisser id-distanza fiċ-ċirku kbir bejn l-ajrudrom tat-tluq u l-ajrudrom tal-wasla b'żieda ta' fattur fiss addizzjonali ta' 95 km; u

‘tagħbija kummerċjali’ tfisser il-massa totali tat-tagħbija, il-posta u l-passiġġieri li nġarru.

Għall-finijiet tal-kalkolu tat-tagħbija kummerċjali:

in-numru tal-passiġġieri għandu jkun in-numru ta' persuni abbord esklużi l-membri ta' l-ekwipaġġ;

operatur ta' l-inġenji ta' l-ajru jista' jagħżel li japplika jew il-massa attwali jew standard tal-passiġġieri u l-bagalji rreġistrati kontenuta fil-massa tiegħu u d-dokumentazzjoni bilanċarja għat-titjiriet relevanti jew valur ta' bażi ta' 110 kg għal kull passiġġier u il-bagalji rreġistrati tiegħu.

Ir-rappurtaġġ ta' data f'tunnellati-kilometru għall-fini ta' l-Artikoli 3d u 3d(a)

Kull operatur ta' l-inġenji ta' l-ajru għandu jinkludi l-informazzjoni li ġejja fl-applikazzjoni tiegħu skond l-Artikolu 3e(1) jew Artikolu 3f(2):

A.

Data li tidentifika l-operatur ta' l-inġenji ta' l-ajru, inklużi:

l-isem ta' l-operatur ta' l-inġenji ta' l-ajru;

l-Istat Membru amministrattiv tiegħu;

l-indirizz tiegħu, inkluż il-kodiċi postali u l-pajjiż u, jekk differenti, l-indirizz ta' kuntatt tiegħu fl-Istat Membru amministrattiv;

in-numri ta' reġistrazzjoni ta' l-inġenji ta' l-ajru u t-tipi ta' inġenji ta' l-ajru li ntużaw matul is-sena koperta bl-applikazzjoni għat-twettiq ta' l-attivitajiet ta' l-avjazzjoni mill-operatur ta' l-inġenji ta' l-ajru elenkati fl-Anness I;

in-numru u l-awtorità tal-ħruġ taċ-ċertifikat ta' l-operatur ta' l-ajru u l-liċenzja operattiva li permezz tagħha l-operatur ta' l-inġenji ta' l-ajru wettaq l-attivitajiet ta' l-avjazzjoni elenkati fl-Anness I;

l-indirizz, u d-dettalji tat-telefown, il-fax u l-e-mail għal persuna tal-kuntatt; ul

l-isem ta' sid l-inġenju ta' l-ajru.

B.

Data f'tunnellata-kilometru:

in-numru ta' titjiriet skond il-pari ta' ajrudrom;

in-numru ta' passiġġieri-kilometri skond il-pari ta' ajrudrom;

in-numru ta' tunnellati-kilometru skond il-pari ta' ajrudrom;

il-metodu magħżul biex tiġi kkalkulata l-massa għall-passiġġieri u l-bagalji rreġistrati;

in-numru totali ta' tunnellati-kilometru għat-titjiriet kollha li saru matul is-sena relatati mar-rapport li jaqgħu fi ħdan l-attivitajiet ta' l-avjazzjoni elenkati fl-Anness I u li twettqu mill-operatur ta' l-inġenji ta' l-ajru.”.

3)

L-Anness V għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

it-titolu li ġej għandu jiddaħħal wara t-titlu ta' l-Anness:

(b)

għandha tiżdied il-parti B li ġejja:

“PARTI B — IL-VERIFIKA TA' EMISSJONIJIET MINN ATTIVITAJIET TA' L-AVJAZZJONI

13.

Il-prinċipji ġenerali u l-metodoloġija deskritti f'dan l-Anness għandhom japplikaw għall-verifikazzjoni tar-rapporti dwar l-emissjonijiet minn titjiriet li jaqgħu fi ħdan attività ta' l-avjazzjoni elenkata fl-Anness I.

Għal dan il-għan:

(a)

fil-paragrafu 3, ir-referenza għal operatur għandha tinftiehem bħala referenza għal operatur ta' l-inġenji ta' l-ajru u fil-punt (c) ta' dak il-paragrafu, ir-referenza għal stallazzjoni għandha tinftiehem bħala referenza għall-inġenju ta' l-ajru li ntuża għat-twettiq ta' l-attivitajiet ta' l-avjazzjoni koperti bir-rapport;

(b)

fil-paragrafu 5, ir-referenza għal stallazzjoni għandha tinftiehem bħala referenza għall-operatur ta' l-inġenji ta' l-ajru;

(c)

fil-paragrafu 6, ir-referenza għal attivitajiet imwettqin fl-istallazzjoni għandha tinftiehem bħala referenza għal attivitajiet ta' l-avjazzjoni koperti bir-rapport u mwettqin mill-operatur ta' l-inġenji ta' l-ajru;

(d)

fil-paragrafu 7, ir-referenza għas-sit ta' l-istallazzjoni għandha tinftiehem bħala referenza għas-siti użati mill-operatur ta' l-inġenji ta' l-ajru għat-twettiq ta' l-attivitajiet ta' l-avjazzjoni koperti bir-rapport;

(e)

fil-paragrafi 8 u 9 r-referenzi għas-sorsi ta' l-emissjonijiet fl-istallazzjoni għandha tinftiehem bħala referenza għall-inġenju ta' l-ajru li għalih huwa responsabbli l-operatur ta' l-inġenji ta' l-ajru; kif ukoll

(f)

fil-paragrafi 10 u 12 ir-referenzi għal operatur għandhom jinftiehmu bħala referenza għal operatur ta' l-inġenji ta' l-ajru.

Dispożizzjonijiet oħrajn għall-verifika tar-rapporti dwar l-emissjonijet ta' l-avjazzjoni

14.

Il-verifikatur b'mod partikolari għandu jaċċerta li:

(a)

it-titjiriet kollha li jaqgħu fi ħdan attività ta' l-avjazzjoni elenkata fl-Anness I ittieħdu f'kunsiderazzjoni. F'din il-ħidma il-verifikatur għandu jiġi assistit permezz ta' data ta' skeda ta' żmien u ta' data oħra dwar it-traffiku ta' l-operatur ta' l-inġenji ta' l-ajru inkluża d-data mill-Eurocontrol mitluba minn dak l-operatur;

(b)

hemm konsistenza ġenerali bejn id-data dwar il-konsum aggregat tal-karburant u d-data dwar il-karburant mixtri jew inkella fornut lill-inġenju ta' l-ajru li jwettaq l-attività ta' l-avjazzjoni.

Dispożizzjonijiet addizzjonali għall-verifika tad-data f'tunnellati-kilometru sottomessa għall-finijiet ta' l-Artikoli 3e u 3f

15.

Il-prinċipji ġenerali, u l-metodoloġija għall-verifika tar-rapporti ta' l-emissjonijiet skond l-Artikolu 14(3) stabbiliti f'dan l-Anness għandhom, fejn applikabbli, japplikaw ukoll b'korrispondenza għall-verifika tad-data f'tunnellati-kilometru ta' l-avjazzjoni.

16.

Il-verifikatur għandu b'mod partikolari jiżgura li dawk it-titjiriet biss li verament twettqu u li jaqgħu fi ħdan attività ta' l-avjazzjoni kif elenkata fl-Anness I li għaliha hu responsabbli l-operatur ta' l-inġenji ta' l-ajru ittieħdu f'kunsiderazzjoni fl-applikazzjoni ta' dak il-operatur skond l-Artikoli 3e(1) u 3f(2). F'din il-ħidma l-verifikatur għandu jiġi assistit permezz ta' data dwar it-traffiku ta' l-operatur ta' l-inġenji ta' l-ajru inkluża data mill-Eurocontrol mitluba minn dak l-operatur. Minbarra dan, il-verifikatur għandu jiżgura li l-piż tat-tagħbija rrappurtat mill-operatur jikkorrispondi mar-reġistri tal-piżijiet tat-tagħbija miżmuma minn dak l-operatur għal raġunijiet ta' sikurezza.”.


DIKJARAZZJONI TAR-RAĠUNIJIET TAL-KUNSILL

I.   INTRODUZZJONI

F'Diċembru 2006, il-Kummissjoni adottat il-proposta tagħha (1) għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2003/87/KE sabiex tinkludi l-attivitajiet ta' l-avjazzjoni fi ħdan l-iskema għall-iskambju ta' kwoti ta' l-emissjonijiet ta' gassijiet serra ġewwa l-Komunità. Din il-proposta ntbagħtet lill-Kunsill fit-22 ta' Diċembru 2006.

Il-Parlament Ewropew adotta l-opinjoni tiegħu fl-ewwel qari fit-13 ta' Novembru 2007.

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali adotta l-opinjoni tiegħu fit-30 ta' Mejju 2007 (2).

Il-Kumitat tar-Reġjuni adotta l-Opinjoni tiegħu fl-10 ta' Ottubru 2007 (3).

Il-Kunsill adotta l-pożizzjoni komuni tiegħu fit-18 ta' April 2008.

II.   GĦAN

L-għan ewlieni tad-Direttiva proposta huwa li jitnaqqas l-impatt tal-bidla fil-klima li ġej mill-avjazzjoni, fid-dawl ta' l-emissjonijiet li qed jiżdiedu mis-settur ta' l-avjazzjoni, jiġifieri billi l-attivitajiet ta' l-avjazzjoni jiġu inklużi fl-iskema ġenerali Komunitarja għall-iskambju ta' kwoti ta' emissjonijiet (ETS).

Il-proposta tieħu l-forma ta' emenda għad-Direttiva 2003/87/KE (Direttiva ETS).

III.   ANALIŻI TAL-POŻIZZJONI KOMUNI

Ġenerali

Il-pożizzjoni komuni tinkorpora numru ta' emendi fl-ewwel qari tal-Parlament Ewropew, verbatim, parzjalment jew fl-ispirtu. Dawn itejbu jew jiċċaraw it-test tad-Direttiva proposta. Madankollu, emendi oħrajn m'humiex riflessi fil-pożizzjoni komuni għax il-Kunsill qabel li dawn jew kienu mhux meħtieġa u/jew mhux prattiċi, minħabba li m'humiex sostnuti biżżejjed mill-għarfien xjentifiku attwali u jwasslu għal spejjeż amministrattivi miżjuda u mhux proporzjonati għall-implimentazzjoni tagħhom.

Il-pożizzjoni komuni tinkludi wkoll numru ta' bidliet oħrajn barra dawk previsti fl-opinjoni fl-ewwel qari tal-Parlament Ewropew minħabba li, f'numru ta' każijiet, xi dispożizzjonijiet mill-proposta oriġinali tal-Kummissjoni ġew miżjuda b'elementi ġodda jew abbozzati kompletament mill-ġdid, u ddaħħlu wkoll xi dispożizzjonijiet kompletament ġodda.

Barra minn dan, numru ta' bidliet ta' abbozzar sempliċiment jippruvaw jiċċaraw it-test jew jiżguraw il-koerenza ġenerali tad-Direttiva.

Speċifiku

(1)   Data ta' tnedija u kamp ta' applikazzjoni ta' l-iskema

Il-Kunsill, filwaqt li jaqbel mal-Parlament Ewropew, irrifjuta l-approċċ ta' żewġ fażijiet propost mill-Kummissjoni u għażel data ta' tnedija waħda għat-titjiriet kollha li għandhom jiġu inklużi fl-iskema. Dan tqis meħtieġ sabiex jiġi żgurat l-impatt imtejjeb fuq l-ambjent ta' l-iskema filwaqt li tiġi minimizzata d-distorsjoni tal-kompetizzjoni. Madankollu, il-Kunsill, kuntrarjament għall-Kummissjoni u l-Parlament Ewropew, li t-tnejn issuġġerew l-2011 bħala s-sena ta' tnedija, iddeċieda li l-posponiment ta' l-iskema b'sena, jiġifieri l-2012, ikun raġonevoli fid-dawl tal-passi proċedurali involuti fl-adozzjoni tal-leġislazzjoni, il-kumplessità ta' l-iskema u l-ħtieġa li jiġu previsti numru ta' miżuri implimentattivi.

(2)   Allokazzjoni

Il-Kunsill, bħall-Parlament Ewropew, jikkunsidra l-kwistjoni ta' l-allokazzjoni tal-kwoti ta' importanza ewlenija għat-tħaddim ta' l-iskema. F'dan ir-rigward, il-Kunsill introduċa numru ta' bidliet fil-proposta tal-Kummissjoni li jqarrbu lill-kontenut tal-proposta ma' l-ispirtu ta' numru ta' emendi tal-PE, minkejja li ma inkorporahomx litteralment fit-test tal-pożizzjoni komuni.

Għalhekk, filwaqt li l-Kunsill żamm il-limitu ta' 100 % ta' l-emissjonijiet storiċi, bħal fil-proposta tal-Kummissjoni, madankollu huwa mmira lejn tnaqqis futur possibbli bħala parti minn reviżjoni tal-funzjonament tad-Direttiva fir-rigward ta' l-attivitajiet ta' l-avjazzjoni, li jridu jseħħu sa l-2015 (Artikolu 30(4)).

Il-Kunsill qabel ma' l-għażla tal-Kummissjoni tal-mekkaniżmu ta' allokazzjoni li parzjalment ikun jaħdem permezz ta' l-allokazzjoni ta' kwoti mingħajr ħlas ibbażata fuq punt ta' referenza sempliċi u parzjalment permezz ta' l-irkantar.

Madankollu l-Kunsill aġġusta xi ftit il-punt ta' referenza billi introduċa modifiki għat-tagħbija kummerċjali (li huwa żied għal 110 kg għal kull passiġġier u l-bagalji rreġistrati tagħhom) u għad-distanza (b'żieda ta' 95 km għad-distanza fiċ-ċirku akbar) użati biex tiġi kkalkulata l-attività ta' l-avjazzjoni (tunnellata-kilometru) għal kull operatur ta' l-inġenji ta' l-ajru.

Rigward il-livelli ta' rkantar, il-Kunsill irrifjuta l-proposta tal-Kummissjoni li jintuża persentaġġ li jikkorrispondi għall-persentaġġ medju propost mill-Istati Membri li jkun jinkludi l-irkantar fil-pjanijiet ta' allokazzjoni nazzjonali tagħhom (NAPs), u minflok għażel persentaġġ fiss ta' 10 %. Barra minn dan, il-Kunsill introduċa wkoll il-possibbiltà espliċita li dak il-persentaġġ jiżdied bħala parti mir-reviżjoni ġenerali tad-Direttiva ETS. Għaldaqstant, għalkemm ma tinkorporax l-emenda 74 tal-PE, fil-fatt il-pożizzjoni komuni tikkondividi l-ispirtu ġenerali ta' dik l-emenda peress li hija tirrikonoxxi x-xewqa li tiġi provduta żieda (gradwali) fil-livell ta' rkantar. L-għażla ta' persentaġġ ta' rkantar inizjalment aktar baxx flimkien mal-possibbiltà ta' żidiet futuri kienet ikkunsidrata mill-Kunsill bħala waħda preferibbli, bħala approċċ aktar kawt li jiżgura, min-naħa waħda, li l-avjazzjoni ma tkunx trattata konsiderevolment differenti minn setturi oħra li jaqgħu fi ħdan l-ETS, filwaqt li min-naħa l-oħra jkun hemm adattament aħjar għall-funzjonament ġenerali ta' l-iskema Komunitarja.

Dwar l-użu tad-dħul iġġenerat mill-irkantar, il-Kunsill jadotta pożizzjoni xi ftit modifikata rigward kemm il-Kummissjoni kif ukoll il-Parlament Ewropew. Skond il-formulazzjoni attwali ta' l-Artikolu 3d(4), hemm l-Istati Membri li jiddeċiedu dwar kif dan id-dħul għandu jintuża. Madankollu, l-Artikolu 3d(4) jipprovdi li dan id-dħul għandu jintuża biex jittratta l-bidla fil-klima kemm fl-UE kif ukoll fil-pajjiżi terzi u biex ikopri l-ispejjeż amministrattivi għat-tmexxija ta' l-iskema. Din il-modifika tfittex li tiżgura rispett tal-prinċipji kostituzzjonali u/jew baġitarji prevalenti fis-sistemi legali domestiċi ta' numru ta' Stati Membri.

Wieħed mill-elementi ġodda ewlenin li l-Kunsill introduċa fil-proposta tal-Kummissjoni huwa dwar il-ħolqien ta' riżerva speċjali għal parteċipanti ġodda jew operaturi ta' inġenji ta' l-ajru li qed jikbru malajr (jiġifieri operaturi li jistgħu juru rata ta' tkabbir ta' 18 % kull sena fis-snin ta' wara s-sena bażika użata għall-allokazzjoni ta' kwoti). Skond l-Artikolu 3f, persentaġġ fiss (3 %) ta' kwoti għandu jitwarrab biex ikun distribwit lil operaturi eliġibbli ta' inġenji ta' l-ajru abbażi ta' sistema ta' punt ta' referenza simili għas-sistema użata għall-allokazzjoni inizjali. L-introduzzjoni ta' tali dispożizzjoni tiżgura li operaturi ġodda ta' inġenji ta' l-ajru jew operaturi ta' inġenji ta' l-ajru fi Stati Membri b'rati inizjali ta' mobbiltà baxxi ħafna (iżda li attwalment qed jiżdiedu) ma jkunux penalizzati bl-iskema. Il-Kunsill ibbilanċja kwalunkwe distorsjoni possibbli tas-suq billi għamel id-distribuzzjoni ta' kwoti taħt ir-riżerva speċjali ħaġa ta' darba, flimkien ma' dispożizzjoni li l-allokazzjoni annwali li tirriżulta għal kull tunnellata-kilometru għal operaturi eliġibbli ta' inġenji ta' l-ajru m'għandhiex tkun akbar mill-allokazzjoni annwali għal kull tunnellata-kilometru għal operaturi ta' inġenji ta' l-ajru taħt l-allokazzjoni ewlenija (Artikolu 3f(6)). Għaldaqstant, il-Kunsill huwa fil-fatt miexi fl-istess direzzjoni bħall-emendi 22, 28 u 33 tal-PE. Madnakollu, il-funzjonament tar-riżerva speċjali kif maħsub fil-pożizzjoni komuni għandu jinvolvi spejjeż amministrattivi aktar baxxi u m'għandux jintroduċi distorsjonijiet sinifikanti fis-suq.

(3)   Eżenzjonijiet

Il-Kunsill irfina aktar numru ta' eżenzjonijiet mill-iskema, b'kont meħud ta' l-emendi tal-PE korrispondenti (jiġifieri l-emendi 51, 52, 53, 70 u 79). Għaldaqstant, huwa għażel li ma jeskludix mill-iskema titjiriet minn Kapijiet ta' l-Istat ta' l-UE, iżda għażel li jinkudi eżenzjonijiet għal titjiriet relatati mat-tfittxija u s-salvataġġ, titjiriet għat-tifi tan-nar, titjiriet umanitarji u titjiriet ta' servizz mediku ta' emerġenza. Barra minn dan, titjiriet imwettqa għal skopijiet ta' verifika, ittestjar jew ċertifikazzjoni ta' inġenji ta' l-ajru jew tagħmir, kemm jekk fl-ajru kif ukoll fuq l-art, huma wkoll esklużi.

Il-pożizzjoni komuni introduċiet eżenzjoni addizzjonali mill-iskema, jiġifieri klawżola “de minimis” li tinvolvi l-esklużjoni ta' titjiriet imwettqa minn operatur kummerċjali tat-trasport bl-ajru li jopera, għal tliet perijodi konsekuttivi ta' erba' xhur, anqas minn 243 titjira għal kull perijodu. Il-Kunsill għaqqad din l-eżenzjoni ma' definizzjoni korrispondenti ta' “operatur kummerċjali tat-trasport bl-ajru” u premessa li timmira li tiżgura li operaturi b'livelli baxxi ħafna ta' traffiku, inklużi bosta operaturi minn pajjiżi li qed jiżviluppaw, ma jkunux iffaċjat bi spejjeż amministrattivi sproporzjonati. Għaldaqstant, qiegħed jintbagħat sinjal politiku qawwi lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw, filwaqt li fl-istess ħin jitnaqqsu l-piżijiet burokratiċi u ġenerali assoċjati ma' l-amministrazzjoni ta' l-iskema L-effetti negattivi possibbli fuq is-suq qed jiġu kkunsidrati billi jintgħażel kriterju newtrali għall-esklużjoni, abbażi ta' attività “pura”.

Il-Kunsill, b'mod simili ħafna għall-Parlament Ewropew, ħa kont ukoll tal-ħtiġijiet speċjali tar-reġjuni l-aktar imbiegħda u l-istatus partikolari ta' titjiriet imwettqa taħt l-obbligi tas-servizz pubbliku (PSOs). Il-pożizzjoni komuni teskludi mill-iskema titjiriet imwettqa fil-qafas ta' l-obbligi tas-servizz pubblku fuq rotot fi ħdan ir-reġjuni l-aktar imbiegħda jew fuq rotot fejn il-kapaċità offruta ma teċċedix 30 000 siġġu kull sena, u tipprevedi wkoll il-premessa korrispondenti. Għaldaqstant, f'dan ir-rigward, hija tmur lil hinn mill-emenda 78 tal-PE.

(4)   Kwsitjonijiet oħrajn

Qed jiddaħħal Artikolu ġdid (l-Artikolu 3g) li jimponi fuq l-Istati Membri obbligu addizzjonali li jiżguraw li operaturi ta' inġenji ta' l-ajru jissottomettu lill-awtorità kompetenti rilevanti pjanijiet ta' monitoraġġ u rappurtar li jistabbilixxu miżuri għall-monitoraġġ u r-rappurtar ta' emissjonijiet u data rigward tunnellata-kilometru għall-iskop ta' applikazzjoni għall-ħruġ ta' kwoti.

Qed jiżdieu numru ta' paragrafi ġodda għall-Artikolu ta' infurzar tad-Direttiva ta' l-ETS (l-Artikolu 16), li jipprevedi l-possibbiltà li Membru Stat amministrattiv jitlob lill-Kummissjoni biex timponi projbizzjoni ta' operar fil-livell Komunitarju fuq operatur ta' inġenju ta' l-ajru li jonqos milli jikkonforma mar-rekwiżiti tad-Direttiva. Filwaqt li l-impożizzjoni ta' projbizzjoni ta' operar hija meqjusa bħala miżura ta' infurzar ta' l-aħħar rikors, l-inklużjoni tagħha kienet ikkunsidrata meħtieġa, sabiex tkun garantita l-konformità sħiħa ta' operaturi ta' inġenji ta' l-ajru ma' l-iskema, kwistjoni ta' l-ikbar importanza għall-Kunsill.

Barra minn dan, il-Kunsill immodifika l-proposta tal-Kummissjoni rigward il-konverżjoni ta' kwoti u l-użu sussegwenti tagħhom għal impenji internazzjonali, filwaqt li għażel skema “nofsha-miftuħa” u t-tħassir tad-dispożizzjoni mill-proposta tal-Kummissjoni li kienet tkun tippermetti lill-operaturi ta' inġenji ta' l-ajru jikkonvertu l-kwoti tagħhom fi kworti li jistgħu jintużaw minn operaturi oħrajn. Bħala rikonoxximent tal-fatt li l-avjazzjoni domestika (u mhux internazzjonali) hija parti mill-impenji ta' l-Istati Membri għall-ewwel perijodu ta' impenn taħt il-Protokoll ta' Kyoto, paragrafu ġdid huwa miżjud għall-Artikolu 19 attwali tad-Direttiva ETS li jipprevedi r-Regolament dwar Reġistri biex jiġi żgurat li kwoti, CERs u ERUs huma trasferiti biss lejn il-kontijiet ta' l-irtirar ta' Stati Membri għall-ewwel perijodu ta' impenn tal-Protokoll ta' Kyoto dment li jikkorrispondu ma' emmissjonijiet inklużi fit-totali nazzjonali ta' inventorji nazzjonali ta' Stati Membri għal dak il-perijodu.

Il-Kunsill emenda wkoll b'mod sostanzjali l-Artikolu 25a, li issa jfittex li jiċċara l-proċeduri internazzjonali diversi disponibbli għall-Kummissjoni għall-adattar, l-aġġustar jew l-emendar tad-Direttiva wara konsultazzjoni jew konklużjoni ta' qbil ġodda ma' pajjiżi terzi. Hija enfasizzata l-importanza li tinstab soluzjoni globali għall-kwistjoni tat-tnaqqis ta' emissjonijiet minn attivitajiet ta' l-avjazzjoni, kif ukoll il-ħtieġa li tinstab l-aħjar interazzjoni bejn l-iskema Komunitarja u skemi ekwivalenti minn pajjżi terzi. F'dan ir-rigward, anke jekk il-Kunsill għażel li ma jinkorporax verbatim l-emenda korrispondenti tal-PE (l-emenda 49), l-ispirtu tal-pożizzjoni komuni isegwi mill-qrib ir-raġunar tagħha.

Finalment, numru ta' punti huma miżjuda għall-klawżola ta' reviżjoni attwali tad-Direttiva ETS (l-Artikolu 30), biex iservu bħala “lista ta' verifika” għar-reviżjoni tal-funzjonament tad-Direttiva fir-rigward ta' attivitajiet ta' l-avjazzjoni u għall-indirizzar ta' kwalunkwe problema li tista' tinħoloq mill-inklużjoni ta' dawn l-attivitajiet fl-ETS ġenerali.

IV.   KONKLUŻJONI

Il-Kunsill jemmen li l-pożizzjoni komuni tirrappreżenta pakkett ibbilanċjat ta' miżuri li jikkontribwixxu għat-tnaqqis ta' emissjonijiet ta' l-avjazzjoni b'mod konsistenti mal-linji gwida u l-objettivi ta' l-UE, kid espressi wkoll fi ħdan l-UNFCCC, filwaqt li jiġi żgurat li l-iskema hija applikata għall-operaturi kollha ta' inġenji ta' l-ajru mingħajr distinzjoni ta' nazzjonalità u, għaldaqstant, li l-inklużjoni ta' l-avjazzjoni fl-ETS tal-Komunità m'għandhiex twassal għal distorsjonijiet ta' kompetizzjoni.

Il-Kunsill jistenna bil-ħerqa diskussjonijiet kostruttivi mal-Parlament Ewropew bil-ħsieb ta' l-adozzjoni bikrija tad-Direttiva.


(1)  Dok. 5154/07 — COM(2006) 818 finali.

(2)  ĠU C 206, 27.7.2007, p. 47.

(3)  ĠU C 305, 15.12.2007, p. 15.


Top