Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008AE1525

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Lejn żvilupp bilanċjat tal-ambjent urban: sfidi u opportunitajiet

    ĠU C 77, 31.3.2009, p. 123–130 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    31.3.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 77/123


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Lejn żvilupp bilanċjat tal-ambjent urban: sfidi u opportunitajiet

    (2009/C 77/27)

    Nhar il-25 ta'Ottubru 2007, b'konformità mal-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, Jean-Pierre Jouyet, Ministru tal-Istat imsieħeb mal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej, u responsabbli mill-Affarijiet Ewropej, talab lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, f'isem il-Presidenza Franċiża li jmiss, biex ifassal opinjoni esploratorja dwar

    Lejn żvilupp bilanċjat tal-ambjent urban: sfidi u opportunitajiet.

    Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali, li kienet responsabbli għat-tħejjija tal-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-14 ta' Lulju 2008. Ir-rapporteur kien is-Sur van Iersel u l-korapporteur is-Sur Grasso.

    Matul l-447 sessjoni plenarja, li nżammet nhar is-17 u t-18 ta' Settembru (seduta tas-17 ta' Settembru 2008), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni unanimament.

    L-AMBJENT URBAN: SFIDI U OPPORTUNITAJIET

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1

    Fl-għażla wiesgħa tagħhom, il-bliet qegħdin fil-qalba tal-iżviluppi demografiċi u socjo-ekonomiċi fl-Ewropa. L-impatt u l-prestazzjonijiet tagħhom jiddependu mid-dimensjoni tagħhom, u mill-għażla ta' attivitajiet kif ukoll il-kwalità tal-ħajja u tax-xogħol fit-territorju tagħhom.

    1.2

    Il-KESE qed jappoġġja l-kunċetti bażiċi mniżżla fil-Karta ta' Leipzig dwar il-Bliet Sostenibbli Ewropej u l-Aġenda Territorjali tal-Unjoni Ewropea (1). Il-KESE jinnota li numru ta' Direttorati Ġenerali tal-Kummissjoni u Programmi u Aġenziji Ewropej qed jindirizzaw dejjem aktar l-opportunitajiet u l-isfidi fl-ambjent urban, spiss billi jirreferu għall-Aġenda ta' Liżbona. Hija mistennija Green Paper dwar il-koeżjoni territorjali fil-Ħarifa tal-2008.

    1.3

    Idealment id-dibattitu Ewropew isir aktar fil-fond u fuq livell usa' fejn jidħlu'bliet sodi u sostenibbli, u reġjuni urbani jew żoniżoni metropolitani madwar l-Ewropa. Għal dan il-għan il-KESE jirrakkomanda t-twaqqif ta' Grupp ta' Livell Għoli tal-UE dwar “L-Iżvilupp Urban u s-Sostenibbiltà”. Il-KESE jirrakkomanda t-twaqqif ta' Grupp ta' Livell Għoli tal-UE dwar “L-Iżvilupp Urban u s-Sostenibilità”.

    1.4

    Dan il-Grupp ta' Livell Għoli għandu jirrappreżenta għarfien fil-fond tal-interessi speċifiċi tal-bliet. Il-Green Paper dwar il-koeżjoni territorjali tista' tkun punt ta' tluq tajjeb.

    1.5

    B'kooperazzjoni mal-Kummissjoni — il-Grupp ta' Interservizzi għall-Affarijiet Urbani — dan il-Grupp ta' Livell Għoli jista' jagħti sehmu f'dibattitu Ewropew aktar effettiv u mmirat dwar il-bliet, fost l-oħrajn billi jfassal aġenda prospettiva, lista ta' kwistjonijiet rilevanti għall-bliet, iż-żoni metropolitani u l-gvernijiet  (2). Id-diskussjoni tinbena fuq sisien ġodda. Il-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Kunsill tiġi simplifikata b'mod operazzjonali. Il-grupp isostni wkoll ir-responsabbiltà li għandhom il-gvernijiet stess.

    1.6

    Peress li data li wieħed jista' joqgħod fuqha hija kruċjali, il-Kummissjoni u l-Eurostat jistgħu jgħinu billi jestendu r-rappurtaġġ statistiku fil-livell ta' NUTS (3) 3 u 2 għal data li għandha x'taqsam mal-bliet u ż-żżoni metropolitani u n-netwerks tagħhom. L-aħjar li jsiru arranġamenti mal-Istati Membri, l-Uffiċċji tal-Istatistika Nazzjonali, u l-istituti tar-riċerka (4) biex jinbnewbażi tad-data xierqa.

    1.7

    ESPON (5) jinsab f'qagħda tajba ħafna bħala ċentru għall-analiżi u t-tagħrif, għall-monitoraġġ tal-iżviluppi, u bħala pjattaforma għal skambji analitiċi bejn l-Istati Membri.

    1.8

    Il-gvernijiet qegħdin jagħmlu l-kundizzjonijiet f'għadd ta' oqsma, iżda l-implimentazzjoni u l-azzjoni konkreta jitwettqu l-aktar fil-livell deċentralizzat, bħal f'dik li hija aċċessibbiltà interna u esterna, l-ambjent, it-tagħlim, il-kundizzjonijiet tal-ħajja familjari, l-imprenditorija, it-tagħrif u r-riċerka, l-impjiegi, il-migrazzjoni, il-minoritajiet u d-diversità etnika u kulturali, l-investiment pubbliku u s-servizzi pubbliċi, l-attrazzjoni ta' investimenti (barranin), sħubijiet bejn entitajiet pubbliċi u sħubijiet pubbliċi-privati, inkluż il-finanzjament privat, u oħrajn.

    1.9

    L-Ewropa teħtieġ bliet u żoniżoni metropolitani mgħammra tajjeb. Id-dinamika teknoloġika u l-integrazzjoni ekonomika internazzjonali jfissru li l-bliet qed iħabbtu wiċċhom b'mod dirett ma' xejriet u kompetizzjoni internazzjonali. Wieħed ma jistagħġibx bil-fatt li ħafna bliet u żoniżoni metropolitani qegħdin jiddefinixxu ambizzjonijiet ġodda. L-aħjar fosthom huma li jsiru ċentri ta' ħiliet u tagħrif fil-livelli kollha u ċentri ta' investimenti orjentati lejn il-ġejjieni.

    1.10

    Minħabba ċ-ċaqliq demografiku, il-migrazzjoni, il-ħtiġiet ekoloġiċi, u l-effett negattiv ġej mill-bidliet ekonomiċi globali l-istess bliet spiss qed jiffaċċjaw ukoll sfidi konsiderevoli li jistgħu jitfgħu piż kbir fuqhom u xi drabi joħolqu diviżjonijiet koroh, li jdgħajfu l-prospetti pożittivi.

    1.11

    Peress li xejriet u karatteristiċi bħal dawn fil-bliet, huma x'inhuma d-differenzi kulturali u soċjo-ekonomiċi tagħhom, jidhru biċ-ċar mal-Ewropa kollha, dibattitu u approċċi kontinwi Ewropej jżidu mal-qagħdiet u l-kuntesti nazzjonali. Barra analiżi u d-definizzjoni tal-approċċi mixtieqa, b'mod speċjali l-benchmarking u l-aħjar prattiki trasparenti fil-qasam tal-approċċi integrati.

    1.12

    Peress li l-għanijiet u l-istrumenti (legali, fiskali u finanzjarji) tal-politika governattiva, u l-implimentazzjoni reġjonali u lokali huma neċessarjament kumplimentari, dibattitu f'livell għoli dwar varjetà ta' xenarji kif ukoll analiżi u benchmarks x'aktarx li jiftħu perspettivi ġodda, huma x'inhuma d-differenzi kulturali u istituzzjonali bejn l-Istati Membri.

    1.13

    Il-KESE jsostni l-ħtieġa ta' approċċ miftiehem minn kulħadd bejn id-Direttorati Ġenerali tal-Kummissjoni rigward il-bliet u z-żoni metropolitani. Il-viżibbiltà ta' dan l-approċċ komuni għandha tkun ukoll inċentiv għall-gvernijiet nazzjonali biex jagħmlu approċċi integrati għall-bliet, talba li spiss issir mill-bliet lill-gvernijiet u lill-UE.

    1.14

    L-analiżi u l-benchmarks iridu jiffukaw fuq firxa wiesgħa ta' kwistjonijiet miġburin fil-qosor fil-punt 4.12: Aspetti marbutin ma' xulxin ta' aġenda għaż-żżoni koeżivi urbanizzati u għall-belt sostenibbli tal-ġejjieni. Dawn l-aspetti huma, fil-biċċa l-kbira tagħhom, riflessjoni ta' espressjoni reġjonali tal-Aġenda ta' Liżbona, li tagħti qafas adattat ħafna. Qiegħda diġà ssir ħafna ħidma minn istituti u aġenziji pubbliċi u privati, u minn numru ta' bliet kbar, iżda għad m'hemmx approċċ trasparenti u konsistenti ġenerali.

    1.15

    Ħafna mill-bliet il-kbar u żoniż-żoni metropolitani qed iħabbtu wiċċhom ma' għażliet kumplikati u diffiċli. Impenn u appoġġ fl-analiżi mill-Ewropa kollha żgur li jista' jkun ta' għajnuna għalihom f'kif jiffaċjaw l-opportunitajiet u l-isfidi. B'mod illustrattiv ta' min jinħolqu premjijiet (annwali) jew tikketti Ewropej għal kwistjonijiet urbani. Hemm eżempji li jispikkaw fl-oqsma kollha: l-ippjanar tal-bliet, id-disinn tal-bini, il-migrazzjoni, il-minoritajiet u d-diversità, il-mobbiltà, it-teknoloġija u s-suq, il-proġetti ekoloġiċi, l-użu mrażżan tal-enerġija, id-djar ta' kwalità, eċċ. Dawn għandhom jiġu enfasizzati mal-Ewropa kollha.

    1.16

    Il-gvernanza hija kwistjoni kruċjali u kritika ħafna (6). Spiss ma nagħtux kas jew ninsew min huwa responsabbli u jrid jagħti kont ta' xiex. Għall-bliet, it-tmexxija, il-viżjoni u l-konsistenza jidhru li huma prerekwiżiti minkejja kollox (7).

    1.17

    Fl-Ewropa kollha jeżistu strutturi amministrattivi kumplikati, li ħafna minnhom ikunu ilhom jeżistu żmien twil, u li ġeneralment ma jkunux imfassla biex iħaddmu żonipolitiki reġjonali ta' dan iż-żmien maħsuba għall-futur imbiegħed f'żoni b'popolazzjoni densa. Fil-livell Ewropew tkun ferm utli diskussjoni dwar kif il-goernanza f'ħafna livelli tista' ssir aktar effettiva. L-istess jgħodd għal forom ġodda ta' sħubijiet bejn entitajiet pubbliċi u dawk pubbliċi-privati fil-bliet, li qed isiru dejjem aktar appoġġ indispensabbli.

    1.18

    Aġenda Ewropea għal perjodu ta' żmien twil, aktar impenn mill-Kummissjoni, u monitoraġġ fil-livell Ewropew jistgħu jkunu ta' għajnuna biex jiġi definit sens konsistenti ta' direzzjoni fil-livell reġjonali u fil-bliet. L-aġenda ta' Liżbona tipprovdi qafas. Il-konsistenza hija wkoll indispensabbli biex partijiet interessati u professjonisti urbani oħra pubbliċi u privati jimpenjaw ruħhom fi programmi u proġetti. Fost dawn hemm l-iskejjel u l-istituti ta' taħriġ, l-edukazzjoni għolja, il-periti u l-proġettaturi tal-bliet, l-imsieħba soċjali reġjonali, il-kmamar tal-kummerċ, il-kumpaniji, l-iżviluppaturi, inklużi l-finanzjament privat, is-servizzi tas-saħħa, l-organizzazzjonijiet kulturali, u oħrajn.

    1.19

    Aġenda Ewropea tiffavorixxi mudell ġdid ta' żvilupp poliċentriku bilanċjat fl-Ewropa li joħloq forom ġodda ta' komunitajiet, ukoll għall-benefiċċju tas-soċjetà ġenerali. Dan il-proċess għaddej issa u, fl-opinjoni tal-KESE, għandu jirċievi rikonoxximent u appoġġ sħiħ.

    2.   Kuntest

    2.1

    Il-pajsaġġ demografiku tad-dinja qiegħed jinbidel. Mill-2007, għall-ewwel darba fl-istorja, aktar min-nofs il-popolazzjoni tad-dinja qiegħda tgħix fil-bliet. Il-fenomenu ta' urbanizzazzjoni li qiegħda dejjem tiżdied qed iseħħ fil-kontinenti kollha. Ix-xejra għandha tendenza li tintensifika.

    2.2

    Bħalissa aktar minn 80 % tal-popolazzjoni fl-Ewropa tgħix żonif'żoni urbani, u parti kbira minn dan il-persentaġġ tgħix f'bliet u f'agglomerazzjonijiet ta' aktar minn 500 000 abitant. F'għadd ta' każi dawn il-figuri għandhom ukoll tendenza li jiżdiedu.

    2.3

    Minbarra Greater London u Ile-de-France u l-bliet il-kbar tradizzjonali — ħafna minnhom bliet kapitali — qed jiżdiedu centri oħra, spiss ambizzjużi, li jiġbdu n-nies u l-attivitajiet ekonomiċi.

    2.4

    Il-politiki tal-UE iqisu din il-bidla demografika u l-konsegwenzi soċjali u ekonomiċi li ġġib magħha sa ċertu punt. Il-bliet u l-urbanizazzjoni qed isiru dejjem aktar importanti għal għadd ta' Direttorati Ġenerali: Riċerka, Ambjent, Enerġija u Trasport, Intrapriża u Industrija, Impjiegi, Affarijiet Soċjali u Opportunitajiet Indaqs. Il-politika reġjonali tal-UE tindirizza l-urbanizzazzjoni kif juru programmi urbani bħal URBACT, JEREMIE u JESSICA (8), u proġetti urbani fil-qafas tal-Fond Soċjali tal-UE (9). Fil-Kummissjoni twaqqaf grupp ta' Interservizzi fuq l-Affarijiet Urbani.

    2.5

    Din l-istampa tirrifletti interess li qed jikber u attività b'mira fl-Istati Membri stess fejn jidħol l-iżvilupp tal-urbanizzazzjoni u ż-żżoni metropolitani.

    2.6

    Minbarra għadd dejjem jikber ta' analiżi u studji li għandhom x'jaqsmu mal-bliet u l-urbanizzazzjoni fl-Istati Membri l-ESPON (Osservatorju tal-Ippjanar Spazjali Ewropew) qed jagħmel ħafna mapep ġeografiċi li juru l-aħħar xejriet demografiċi u soċjo-ekonomiċi.

    2.7

    Il-Kummissjoni bdiet approċċ ġenerali fir-rigward tal-bliet fl-1997 b'Komunikazzjoni “Lejn aġenda urbana fl-Unjoni Ewropea  (10).”

    2.8

    F'serje ta' Laqgħat Ministerjali Informali dwar l-Iżvilupp Urban u l-Koeżjoni Territorjali, minn Novembru 2004 f'Rotterdam sa Mejju 2007 f'Leipzig, il-Kunsill tal-Ministri responsabbli għall-iżvilupp tal-ispazji u l-affarijiet urbani sostna s-sinifikat tal-iżvilupp tal-bliet u l-koeżjoni territorjali fl-Ewropa, u sab ħafna oqsma ta' interess komuni.

    2.9

    Dan il-proċess wassal f'Mejju 2007 f'Leipzig għall-Karta ta' Leipzig dwar il-Bliet Ewropej Sostenibbli u l-Aġenda Territorjali. Matul il-Presidenza Slovena segwitu ssarraf fil-prattika permezz ta' proġett “Koordinazzjoni Territorjali-Urbana”.

    2.10

    B'mod parallel mal-Laqgħat Ministerjali Informali, il-kuntatti u l-iskambji bejn l-ogħla uffiċjali nazzjonali jiġu intensifikati wkoll. Xi drabi l-istituti tar-riċerka jiġu mistiedna jidħlu aktar fil-fond f'aspetti speċifiċi marbuta mal-iżvilupp tal-bliet (11).

    2.11

    Minkejja l-analiżi u l-elenkar ta' oqsma tal-proċess dinamiku tal-urbanizzazzjoni, jibqa' mhux ċar x'inhu l-approċċ ġenerali tal-Kummissjoni u tal-Kunsill f'dik li hi urbanizzazzjoni u l-evoluzzjoni futura tagħha fl-Ewropa.

    2.12

    Fi Frar 2008 il-Parlament Ewropew adotta rapport tas-“Segwitu tal-Aġenda Territorjali u tal-Karta ta' Leipzig: Lejn Programm ta' Azzjoni Ewropew għall-Iżvilupp ġeografiku u l-Koeżjoni Territorjali” (12). Dan ir-rapport isostni l-importanza ta' approċċ integrat għall-ippjanar reġjonali u tal-bliet, bil-għan li jkattar l-abbiltà tar-reġjuni u l-bliet li jtejbu l-adattabilità tagħhom għat-tibdil ekonomiku fl-interess tal-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini Ewropej.

    2.13

    F'Novembru 2007 l-Kumitat tar-Reġjuni adotta opinjoni dwar ir-“Raba' Rapport dwar il-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali (13)”. F'din l-opinjoni il-Kumitat “isejjaħ sabiex fid-dawl tal-importanza ewlenija tal-bliet Ewropej għall-kisba tal-għanijiet tal-istrateġiji ta' Liżbona u ta' Gothenburg u għall-integrazzjoni soċjali, eż. tal-immigranti”.

    2.14

    Jeżistu differenzi sostanzjali fost il-bliet Ewropej: kbar jew żgħar, urbanizzati ħafna jew inqas popolati, xenarji differenti ta', pereżempju, bliet kbar u gruppi ta' bliet, bliet għonja u dawk inqas żviluppati. Iżda jolqtok ukoll dak li għandom komuni bejniethom:h ċaqliq demografiku spontanju lejn il-bliet u l-attrazzjoni ekonomika tal-bliet il-kbar qiegħda tiżdied filwaqt li dawn l-istess bliet qed jiffaċċjaw sfidi simili.

    2.15

    L-istampa sħiħa ta' opportunutajiet u sfidi toħroġ aktar fid-dieher, hekk kif, illum, dak l-ippjanar tal-bliet li jirnexxi mhux limitat biss għall-ippjanar tal-ispazji u d-djar, iżda jqis ukoll b'mod espliċitu l-fatturi soċjo-ekonomiċi rilevanti kollha f'approċċ hekk imsejjaħ olistiku. Proġetti urbanistiċi u tal-ippjanar li jaħsbu dejjem aktar għall-ġejjieni qegħdin ikunu żviluppati fuq il-bażi ta' kunċetti integrali ta' aspetti territorjali, ekoloġiċi, ekonomiċi u soċjali.

    2.16

    Madankollu, għalkemm il-gvernijiet qed jiffavorixxu żvilupp progressiv tal-bliet, l-approċċi spiss jibqgħu ambigwi. Il-mod kif l-iżviluppi jitwettqu u jitmexxew b'suċċess ivarja, kultant b'mod qawwi, minn pajjiż għall-ieħor u anki minn belt għall-oħra. Ċertament dan huwa l-każ ukoll fl-iżvilupp ta' bliet-reġjuni jew żoni metropolitani.

    2.17

    Il-KESE ddefinixxa l-opinjonijiet ġenerali tiegħu dwar l-urbanizzazzjoni sa mill-1998 f'Opinjoni “Lejn Aġenda Urbana.” Wara din ġew oħrajn, fosthom żewġ opinjonijiet speċifiċi dwar “Iż-żoni metropolitani Ewropej: implikazzjonijiet soċjo-ekonomiċi għall-futur tal-EwropaŻoni” fl-2004 u fl-2007. Bl-istess mod fl-2007 ġiet ippubblikata opinjoni dwar l-Aġenda Territorjali tal-UE. Barra dawn, għadd ta' opinjonijiet tal-KESE jittrattaw oqsma speċifiċi li huma ta' interess għall-bliet u l-urbanizzazzjoni (ara l-appendiċi).

    3.   Analiżi u evoluzzjoni

    3.1

    Il-bliet u l-mod li bih in-nies jgħixu f'komunitajiet jirriflettu perjodi storiċi u l-evoluzzjoni korrispondenti tas-soċjetà.

    3.2

    Minbarra raġunijiet strateġiċi u politiċi, l-ekonomija u s-sigurtà kienu dawk li l-aktar li wasslu għall-formazzjoni ta' komunitajiet u bliet u r-rabta li hemm bejniethom.

    3.3

    L-istorja moderna tal-bliet fl-Ewropa bdiet meta soċjetajiet agrikoli maturi nfetħu għall-attività ekonomika u kummerċjali li tathom forma mal-kontinent kollu. Aktar tard, l-istadji sussegwenti tal-industrijalizzazzjoni biddlu l-bliet eżistenti, u wasslu għall-ħolqien ta' bliet ġodda. Mill-aħħar parti tas-seklu 19 'il hawn l-industrijalizzazzjoni ġegħlet lil dawn il-bliet u ċ-ċentri dejjem ikomplu jikbru. L-evoluzzjoni twila u storika, flimkien mal-wirt kulturali, iż-żżoni industrijali, id-djar eċċ., tidher sewwa f'ħafna minnhom.

    3.4

    Matul l-aħħar snin baċini industrijali tradizzjonali nbidlu b'mod fundamentali. Għadd minnhom spiss għaddew, u għadhom għadejjin, minn ristrutturazzjoni iebsa għax bil-mod il-mod il-proċessi industrijali tradizzjonali qegħdin imutu.

    3.5

    Għaddejjin proċessi ġodda bis-saħħa tad-dinamika teknoloġika u l-internazzjonalizzazzjoni. Hemm tranżizzjoni minn produzzjoni tal-massa għal produzzjonijiet mfassla apposta u bosta speċjalitajiet u tiġdid kontinwu minn naħa waħda, filwaqt li min-naħa l-oħra s-settur tas-servizzi qiegħed jinfirex b'mod qawwi. Il-mobbiltà qiegħda tiżdied ħafna u ċ-ċaqliq demografiku qiegħed isir, fost l-oħrajn, minn żoniżoni rurali għall-bliet u permezz tal-migrazzjoni.

    3.6

    L-ambjent għan-nies fid-dinja tal-Punent qed isir mingħajr limitu u virtwali b'orizzonti wesgħin ħafna, filwaqt li l-istess żviluppi jaffettwaw ukoll l-ambjent fiżiku ta' kuljum tal-oqsma kollha tal-attività umana.

    3.7

    Dan l-ambjent ta' kuljum għal ħafna nies m'għadux ir-raħal, iċ-ċentru jew il-belt individwali, iżda jħaddan dejjem aktar entitajiet reġjonali usa' u b'hekk joħloq tip ġdid ta' urbanizzazzjoni.

    3.8

    Netwerks ta' bliet jew netwerks ta' reġjuni qegħdin jissaħħu spontanjament u/jew deliberatament. Ħarsu lejn l-iżviluppi tal-bliet il-kbar u ż-żoniżoni metropolitani fl-Ewropa. Wieħed jinnota fis-soċjetà urbanizzata moderna qed tissawwar realtà ġeografika ġdida, magħmula minn żoniżoni dominanti ta' influwenza ekonomika u minn għadd kbir ta' żonisotto-żoni li spiss bħala regola ma jkunux jikkorrespondu mal-entitajiet amministrattivi eżistenti.

    3.9

    Karatteristika essenzjali ta' dawn il-bliet-reġjuni ġodda hija l-iskala kritika tagħhom, meħtieġa biex jieħdu ħsieb l-urbanizzazzjoni kif xieraq għall-ġid taċ-ċittadini kollha, tal-kwalità tal-ħajja u tax-xogħol tagħhom. L-iskala kritika tista' tvarja mhux ħażin minn każ għall-ieħor, skont ċirkostanzi ġeografiċi, ekonomiċi u demografiċi speċifiċi.

    3.10

    Fl-2004, wara għaxar snin ta' studji domestiċi u diskussjonijiet dwar il-“mappa futura” tal-Ġermanja, ġew identifikati ħdax-il żona metropolitana, li huma klassifikati bħala żoniżoni dominanti ta' influwenza ekonomika. Minkejja reazzjonijiet xettiċi li kien hemm fil-bidu bħalissa għaddejja aktar elaborazzjoni tal-kunċett. Ir-relazzjoni u l-interdipendenza bejn iż-żoni metropolitani u dawk rurali hija kwistjoni topika.

    3.11

    Matul l-istess perjodu saru studji mid-DIACT (14) fi Franza, u wara dan ġew identifikati għadd ta' metropoli. F'Jannar 2008 kien ippreżentat dokument ta' politika “Imaginer les métropoles d'avenir” (Nimmaġinaw il-metropoli tal-ġejjieni) (15) li jista' jkun inċentiv għal aktar promozzjoni għal dawn iċ-ċentri fi Franza, u għal leġiżlazzjoni xierqa għal dak l-iskop. Kien hemm ħafna attività fuq ir-reġjuni-bliet fir-Renju Unit ukoll.

    3.12

    Inizjattivi, b'enfasi xi ftit jew wisq simili, ittieħdu minn ġvernijiet oħra u/jew awtoritajiet reġjonali u lokali oħra. F'pajjiżi bħall-Iskandinavja, il-pajjiżi Baltiċi, l-Irlanda u l-Awstrija primarjament fil-bliet kapitali u madwarhom, fl-Olanda fir-Randstad. Fl-Istati Membri l-kbar bħal Spanja, l-Italja u l-Polonja telgħu ċentri aktar predominanti.

    3.13

    Minbarra ċ-ċentri prinċipali, insibu mudell ta' sottoċentri li jagħmel l-urbanizzazzjoni karatteristika importanti tal-pajsaġġ Ewropew, għalkemm ċertament mhux mifruxa bl-istess mod fil-kontinent kollu.

    3.14

    Żviluppi soċjali u ekonomiċi jagħtu lok għal Ewropa poliċentrika u urbanizzata li ma tibqax tkun limitata għal zona ġeografika ristretta bħall-“blue banana” tradizzjonali jew għal grupp esklussiv ta' bliet kapitali.

    4.   Opportunitajiet u sfidi

    4.1

    Kwistjoni kruċjali hija: x'sejra tkun u x'għandha tkun il-belt sostenibbli fl-Ewropa tal-ġejjieni bħala komunità promettenti għaċ-ċittadini tagħha? B'kunsiderazzjoni għal diskussjoni Ewropea dwar l-iżviluppi urbani komplikati wieħed għandu jiddistingwi għadd ta' fatturi u xejriet predominanti li spiss ikopru realtajiet differenti fi bliet jew bliet-reġjuni kbar madwar l-Ewropa.

    4.2

    Numru ta' dawn il-fatturi u xejriet huma:

    bidliet demografiċi, fosthom:

    popolazzjoni qed tixjieħ

    bliet bħala ċentri li jiġbdu professjonisti żagħżugħa

    aktar diversità etnika u kulturali li ġejja mill-immigrazzjoni

    gruppi ta' bliet u muniċipalitajiet jiġu identifikati bħala netwerk ta' bliet u reġjuni jew żoni metropolitani;

    trasport u mobbiltà: żoni ta' influwenza ekonomika huma aktar u aktar interkonnessi fl-Ewropa kollha, u 'l hinn minnha;

    investimenti u sedi internazzjonali, jiġifieri anki servizzi kummerċjali;

    numru dejjem akbar ta' ċentri ta' tagħrif u riċerka;

    l-iżvilupp ta' setturi industrijali u dawk tas-servizzi u enfasi fuq il-kreattività;

    swieq dinamiċi tax-xogħol li jinbidlu;

    l-iżvilupp ta' portali ta' aċċess;

    djar moderni u ippjanar spazjali adattat;

    l-istabbiliment ta' alleanzi ġodda f'żoni urbanizzati;

    tingħata ħajja liċ-ċentri urbani u t-tnaqqis tat-tifrix urban

    enfasi fuq il-kultura (inkluż il-wirt storiku u naturali) u faċilitajiet kulturali.

    4.3

    Sadattant il-problemi eżistenti fil-bliet qegħdin jiħraxu u qegħdin jinbtu sfidi ġodda:

    is-sostenibilità, l-aspetti ambjentali, l-enerġija;

    id-depopolazzjoni taċ-ċentri tal-bliet;

    il-limitazzjonijiet tal-ambitu tal-ispazji urbani pubbliċi u sfidi marbuta mal-kwalità tagħhom;

    l-infrastruttura, is-sistemi tat-trasport u l-aċċessibilità għalih;

    l-immaniġġjar tal-mobbiltà;

    l-isfidi għan-nies bi kwalifiki baxxi: xogħol, edukazzjoni, djar;

    l-isfidi li toħloq popolazzjoni qed tixjieħ

    in-nuqqas ta' imprenditorija adegwata, b'mod partikolari f'żoni depressi;

    il-migrazzjoni illegali;

    l-edukazzjoni u l-ħiliet;

    l-ippjanar spazjali li ma rnexxiex jew li ġie traskurat fi stat bikri, pereżempju z-żoni suburbani (banlieues);

    komunitajiet emarġinati u l-kriminalità;

    ir-riskju tat-terroriżmu;

    4.4

    Ix-xejra demografika tal-bliet il-kbar u ż-żoni metropolitani spiss toffri sfida, iżda wkoll opportunitajiet. Is-sitwazzjoni hija different minn belt għall-oħra: skont kif inhi komposta l-popolazzjoni u skont l-opportunitajiet ekonomiċi, iżda wkoll skont il-politiki nazzjonali. Il-politiki integrati ta' suċċess tal-pajjiżi li fihom tinsab kull belt is-soltu jissarrfu f'livell għoli(ogħla) ta' inklussività.

    4.5

    Ir-relazzjoni bejn iz-żoni rurali u l-bliet hija sfida reali. Kuntrarjament għall-opinjonijiet popolari u politiki aċċettati b'mod ġenerali, relazzjoni armonjuża bejn iz-żoni rurali u l-bliet rigward l-għajxien u l-kundizzjonijiet tax-xogħol f'żoni metropolitani hija kruċjali u kontra kif wieħed jifhem “jew waħda jew l-oħra”, jew “aħna-huma”. Dan jidħol perfettament tajjeb fil-mudell il-ġdid ta' żvilupp poliċentriku.

    4.6

    Għalkemm il-punti tat-tluq għall-bliet jistgħu jkunu differenti minħabba livelli jvarjaw ta' żvilupp, il-biċċa l-kbira tad-differenzi huma gradwali. Il-proċess ta' urbanizzazzjoni fl-Istati Membri l-ġodda jirrifletti l-istess fenomeni, għalkemm minn ċerta distanza. Ir-rinnovazzjoni hija waħda mill-għanijiet ewlenin. Peress li t-tkabbir ekonomiku jirriżulta f'nefqa pubblika akbar, u f'aktar investiment privat u f'livelli ta' dħul ogħla, l-urbanizzazzjoni turi progressivament l-istess karatteristiċi fl-Ewropa kollha.

    4.7

    Fid-dokumenti tal-politika u fil-proposti tal-proġetti li jikkonċernaw l-urbanizzazzjoni l-Kummissjoni tirreferi llum b'mod sistematiku għall-Aġenda ta' Liżbona. Il-Kunsill u d-dokumenti nazzjonali jenfasizzaw dejjem aktar l-istess rabta. Fil-Linji Gwida Strateġiċi tal-Komunità l-Kummissjoni titkellem dwar il-bliet bħala l-muturi tal-iżvilupp reġjonali u ċ-ċentri tal-innovazzjoni, iżda wkoll dwar il-ħtieġa li l-koeżjoni interna titjieb bil-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali u l-kriminalità, u li titjieb il-kwalità tal-ħajja fil-viċinati żvantaġġati.

    4.8

    L-Aġenda ta' Liżbona bdiet bħala proċess minn fuq għal isfel. Sadattant il-Kummissjoni u l-Kunsill kienu konvinti li għandhom jiġu attivati wkoll forzi minn isfel għal fuq. Fost dawn il-forzi minn isfel għal fuq, huma atturi importanti l-bliet żviluppati kompletament: parti deċiżiva tal-modernizzazzjoni tal-istrutturi territorjali u soċjo-ekonomiċi Ewropej qiegħda titwettaq permezz tal-investimenti pubbliċi u privati u permezz ta' miżuri konkreti fir-reġjuni u l-bliet. Il-bliet huma ħafna drabi l-aħjar livell ġeografiku għas-setturi pubbliċi, privati u universitarji li jaħdmu mas-soċjetà ċivili biex jinteraġixxu ħalli joħolqu l-innovazzjoni meħtieġa għall-Ewropa.

    4.9

    Għal dik ir-raġuni l-KESE huwa tal-opinjoni li bliet kbar u żoni metropolitani għandhom jidentifikaw l-Aġenda ta' Liżbona tagħhom proprja fl-oqsma tal-kompetittività, l-iżvilupp sostenibbli u l-koeżjoni u l-inklużjoni soċjali. Din l-Aġenda għandha toffri lil min isawwar il-politika u lill-partijiet kollha interessati fil-livell reġjonali struttura orjentata għall-ġejjieni u programm għal żmien twil. B'hekk il-fiduċja tal-bliet u tal-bliet-reġjuni fihom infushom tkun imħarsa billi tiżdied l-espressività tagħhom nazzjonalment u internazzjonalment.

    4.10

    Aġenda reġjonali għal perjodu ta' żmien twil f'żoni aktar popolati fl-Ewropa trid tkun integrali jew olistika, jiġifieri l-aspetti kollha għandhom ikunu konnessi bejniethom. Aktar ma jkunu tajbin il-kundizzjonijiet għall-investiment privat, aktar ikun hemm opportunitajiet għall-ħolqien ta' impjiegi u għas-servizzi pubbliċi u għal kura għall-gruppi vulnerabbli, bħalma huma l-anzjani (waħedhom) u n-nies bi kwalifiki baxxi (16). Attenzjoni speċifika u ffukata għas-sostenibilità u l-kwalità ġenerali tal-ambjent mibni tgħin biex dawn il-bliet u r-reġjuni jsiru aktar attraenti għall-popolazzjoni kif ukoll għall-investiment (internazzjonali). Dispożizzjonijiet aħjar rigward il-koeżjoni soċjali jiffaċilitaw il-ħolqien ta' impjiegi. Strateġiji ġenerali li jinżammu jkabbru l-kredibilità fost il-poplu (17)

    4.11

    Wieħed għandu jżomm ukoll f'moħħu li spiss is-swieq ma jaħdmux minħabba riġiditajiet ta' spazju: id-djar, il-politika tal-iżvilupp, l-infrastruttura, it-trasport u l-mobilità. Bħala regola, is-soluzzjoni għal dawn ir-riġiditajiet għandha tinsab fil-livell metropolitan. L-integrazzjoni tas-swieq tista' ġġib magħha wkoll il-fatt li l-fruntieri nazzjonali qed jitilfu dejjem aktar l-użu tagħhom (18).

    4.12

    Aspetti konnessi ma' xulxin ta' aġenda għal żoni koeżivi urbanizzati ta' kwalità u għall-belt sostenibbli tal-ġejjieni huma li ġejjin:

    il-ħolqien ta' kundizzjonijiet għal żvilupp ekonomiku aġġornat, intrapriżi żgħar u medji kif ukoll għal investiment u sedi internazzjonali bil-promozzjoni tal-clustering ekonomiku;

    l-implimentazzjoni ġusta tal-leġiżlazzjoni tal-UE u t-tħaffif tar-regolamenti reġjonali u lokali;

    il-politiki dwar ix-xogħol u d-djalogi soċjali reġjonali;

    it-tagħlim u t-taħriġ fil-livelli kollha għall-kategoriji kollha inklużi t-tagħlim tul il-ħajja, it-trajettorji xogħol-tagħlim u l-e-learning;

    il-kundizzjonijiet ta' għejxien li jirrispettaw il-familja, bħalma hija l-kura tat-tfal bi prezz li jista' jintlaħaq;

    l-R&D (Riċerka u Żvilupp), jiġifieri faċilitajiet għar-riċerka, kampus għat-teknoloġija u parks għax-xjenza, innovazzjoni;

    l-infrstruttura fiżika:

    parteċipazzjoni f'netwerks trans-Ewropej

    immaniġġjar tal-mobilità (19)

    sistemi tat-trasport pubbliku multi-modali

    sħubijiet pubbliċi-privati, inkluż il-finanzjament privat;

    l-infrastruttura virtwali:

    telekomunikazzjonijiet

    ICT bħala rekwiżit bażiku, u t-tixrid tal-broadband u l-interkonnettività;

    l-iżvilupp sostenibbli:

    implimentazzjoni tal-politiki ambjentali

    jiġu evitati l-aspetti negattivi tat-tixrid irregolari urban li jgħin id-densità urbana

    oqsma speċifiċi, bħalma huma l-immaniġġjar tal-iskart, l-immaniġġjar tal-ilma u l-effiċjenza tal-enerġija, pereżempju fil-kostruzzjoni u fid-djar, fit-trasport (pubbliku), permezz tal-ħlas għall-użu tat-toroq eċċ.

    il-koeżjoni soċjali (20):

    ippjanar tal-bliet u l-arkitettura

    djar soċjali għal gruppi vulnerabbli

    servizzi ta' interess pubbliku l-istess (saħħa, edukazzjoni, sigurtà) fir-reġjun kollu

    netwerks tat-trasport pubbliku fir-reġjun kollu inklużi konnessjonijiet mal-viċinati strutturalment nieqsa

    attenzjoni għal gruppi ta' minoritajiet u d-djalogu interkulturali

    it-tneħħija ta' ostakli li jagħmlu l-ħajja ta' dawk li jgħixu fil-bliet aktar diffiċli, l-aktar l-anzjani u l-persuni b'diżabilità

    azzjonijiet pubbliċi biex jonqsu r-rati għolja ta' qgħad fost iż-żgħażagħ fil-viċinati żvantaġġjati: tagħlim, attivitajiet ekonomiċi ġodda, promozzjoni tal-imprenditorija, avvenimenti

    kultura, faċilitajiet kulturali, avvenimenti

    sport u rikreazzjoni

    turiżmu

    promozzjoni ta' identità reġjonali li tinħass komunement

    4.13

    Għall-bliet u l-bliet-reġjuni moderni hija deċiżiva “Baukultur” (21) tal-aħħar teknoloġija jiġifieri skont il-kunċett arkitetturali ġenerali li huwa bbażat fuq approċċ olistiku fejn periti, proġettaturi, disenjaturi, l-industrija tal-kostruzzjoni, l-iżviluppaturi u l-utenti finali jaħdmu flimkien biex joħolqu u jżommu ambjent mibni fuq il-kwalità biex jipprovdu soluzzjonijiet għall-bliet sostenibbli (22).

    5.   Urbanizzazzjoni u Gvernanza

    5.1

    L-Ewropa tinħtieġ bliet flessibbli u sostenibbli u bliet-reġjuni jew żoni metropolitani li jkunu kapaċi jressqu lilhom infushom 'il quddiem internazzjonalment.

    5.2

    Dan ipoġġi l-“governanza” fl-ewwel post tal-aġenda. Jeżisti ftehim wiesa' dwar l-analiżi tal-opportunitajiet u l-isfidi, hemm dejjem aktar skambji ta' opinjonijiet fost il-bliet, iżda barra mid-differenza bejn il-kundizzjonijiet bejn il-bliet, jibqa' mhux ċar min huwa responsabbli għal xiex f'sitwazzjonijiet konkreti:

    definizzjonijiet li jaqbel dwarhom kulħadd dwar bliet kbar u reġjuni ta' bliet huma mixtieqa (23)

    il-qsim tax-xogħol jeżisti bejn il-gvernijiet nazzjonali u l-bliet il-kbar u ż-żżoni metropolitani, u x'inhu mistenni minnhom ivarja b'mod konsiderevoli

    spiss ikun hemm konfużjoni u nuqqas ta' ftehim f' pajjiżi fejn aktar minn ministeru wieħed ikun responsabbli għal aspetti ta' affarijiet urbani?

    x'għandu jkun ir-rwol tal-Kummissjoni?

    ostakli amministrattivi reġjonali u lokali li jeżistu li għandhom x'jaqsmu mal-“gvernanza” fil-livell reġjonali jew lokali huma spiss ostakolu għall-azzjonijiet meħtieġa

    problemi kumplikati ħafna drabi jinħolqu minn gvern fuq livelli differenti mhux sodisfaċenti

    jeżistu differenzi konsiderevoli fil-mod kif jikkomunikaw il-bliet mal-popolazzjoni u mal-atturi ta' valur, fl-organizzazzjoni ta' “demokrazija pateċipattiva”

    ir-rwol ta' organizzazzjonijiet speċjalizzati mhux governattivi, pereżempju rigward il-“housing”, l-edukazzjoni, il-minoritajiet, il-kummerċ u huwa spiss definit b'mod vag bħal m'hufil-każ ta' kemm il-bliet u l-bliet-reġjuni jiggwadanjaw minn dawn

    mhux dejjem hemm approċċ konsistenti għas-sħubija bejn entitajiet pubbliċi jew dik pubblika-privata f'dawk li huma programmi għall-belt, investimenti deċiżivi u soluzzjonijiet kreattivi?

    hemm ħtieġa ta' approċċi fit-tul għall-belt sostenibbli tal-ġejjieni

    it-trasparenza u l-leġittimità huma għodda indispensabbli għal strateġiji fit-tul

    5.3

    Evidenza prattika turi li, bħala regola, it-tmexxija, il-viżjoni u l-konsistenza huma kundizzjoni għall-ġestjoni ta' suċċess tal-bidla u l-progress kontinwu tal-bliet.

    5.4

    Peress li bliet kbar u żoni metropolitani huma ċentri ta' attrazzjoni u l-ambjent ta' kuljum għal ħafna nies, u peress li s-sinifikat tagħhom potenzjali soċjoekonomiku għall-Ewropa ma jiċħdu ħadd, il-KESE jqis li hija meħtieġa diskussjoni profonda dwar l-impatt totali tagħhom, mhux biss f'livell nazzjonali, iżda wkoll fil-livell tal-UE.

    5.5

    Peress li t-Trattat sa ftit ilu ma kellux dispożizzjonijiet rigward l-iżvilupp spazjali, u minħabba s-sussidjarjetà, l-irwol tal-Kummissjoni u tal-Kunsill baqa' ambigwu, id-DĠ tal-Kummissjoni sadattant iwettqu dejjem aktar varjetà wiesgħa ta' proġetti f'żoni urbanizzati permezz tal-konsultazzjoni diretta mal-bliet. Il-kwistjonijiet huma Riċerka u Żvilupp, l-ambjent, l-impjiegi u t-trasport (24).

    5.6

    Il-bliet għandhom tendenza li jsiru aktar proattivi lejn Brussell, għaliex il-leġiżlazzjoni tal-UE taffettwahom direttament. It-temi huma: ir-regolamenti dwar l-ambjent, ix-xiri pubbliku, il-qgħad fost iż-żgħażagħ, l-ordni pubblika u s-sigurtà, il-migrazzjoni, u z-żoni bi strutturi nieqsa.

    5.7

    L-istess jingħad b'mod ġenerali għall-Aġenda ta' Liżbona. Il-kriterji Ewropej għad-diversi argumenti qegħdin jiġu assessjati dejjem aktar għall-applikazzjoni reġjonali: liema huma l-effetti tal-implimentazzjoni tal-proposti u/jew tar-regolament adottat fil-livell urban u metropolitan? L-eżempji juru li bla ma jitqiesu ċ-ċirkustanzi urbani speċifiċi, l-implimentazzjoni tista' tfisser spiża akbar mill-benefiċċju mogħti għall-proġetti mill-Fondi Strutturali.

    5.8

    B'dan l-isfond il-KESE jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tressaq f'qasir żmien Green Paper dwar il-Koeżjoni Territorjali. Diskussjoni dwar il-Green Paper tkun ukoll opportunità biex il-Karta ta' Leipzig dwar il-bliet Ewropej Sostenibbli tissaħħaħ.

    5.9

    L-aġenda msemmija hawnfuq fil-paragrafu 3.9 hija waħda tqila. Is-soltu s-sitwazzjonijiet ikunu kumplikati ħafna. Sa issa ġiet żviluppata opinjoni strateġika konsistenti dwar il-bliet il-kbar u l-bliet-reġjuni biss f'għadd limitat ta' każi. F'ħafna każi x'aktarx jonqos sens ċar ta' direzzjoni, li huwa f'parti dovut għall-pożizzjonijiet ambigwi tal-gvernijiet u għan-nuqqas ta' qbil bejn l-opinjonijiet fost l-amministrazzjonijiet nazzjonali u fil-livell metropolitan innifsu.

    5.10

    Min-naħa l-oħra, viżjoni u konsistenza għal perjodu twil ta' żmien fil-livell metropolitan huma indispensabbli għall-bini ta' impenn ta' komunitajiet eżistenti u, eventwalment, ta' komunitajiet ġodda, għal partijiet interessati privati, u għall-ħolqien ta' alleanzi ta' benefiċċju fis-soċjetà ċivili orġanizzata. Fil-mument dan jidher totalment diffiċli għaliex il-kunċett ta' żoni metropolitani huwa x'aktarx fenomenu reċenti li jagħmel aktar mixtieq dibattitu utli fl-Ewropa (25).

    5.11

    Dan ma jfissirx li l-każijiet kollha huma l-istess, bil-kuntrarju. Minbarra differenzi demografiċi u soċjo-ekonomiċi fl-Ewropa kollha, hemm firxa kbira ta' tradizzjonijiet amministrattivi u kulturali differenti fost il-pajjiżi u r-reġjuni. Sitwazzjonijiet konkreti, stili ta' ħajja u opinjonijiet dwar l-organizzazzjoni jvarjaw konsiderevolment. F'ċerti każi, kunċett wieħed ta' gwida jew opinjoni lejn il-futur kien deċiżiv. B'mod aktar ġenerali, l-Aġenda ta' Liżbona tista' tkun ta' għajnuna biex tiġi identifikata bażi komuni għal diskussjoni u approċċ.

    5.12

    Spiss il-gvern ċentrali ma joħloqx spazju ta' manuvra biżżejjed għall-bliet biex jiddeterminaw id-destin tagħhom proprju. Il-politiki huma primarjament minn fuq għal isfel, u l-istess huma l-proċeduri burokratiċi. B'kuntrast ma' dan, il-promozzjoni tal-awtodeterminazzjoni tista' toħloq il-kundizzjonijiet it-tajba biex jiġu implimentati kif jixraq l-istrateġiji u l-politiki mixtieqa. Permezz tar-ridefinizzjoni tal-pożizzjoni tal-bliet il-kbar u l-bliet reġjuni jew żoni metropolitani, dawn jistgħu jsiru realment “komunitajiet ta' responsabiltà”.

    5.13

    L-awtodeterminazzjoni u r-rispett komuni bejn il-bliet u ta' madwar sejra ssaħħaħ ir-responsabiltà u l-kompetenza tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, u tikkontribwixxi għall-attitudni proattiva mixtieqa tas-soċjetà ċivili u tas-settur privat.

    5.14

    Biex dan ikun effettiv, f'ħafna każi jkun meħtieġ li jiġu mfassla mill-ġdid entitajiet amministrattivi lokali u reġjonali eżistenti (muniċipalitajiet u oħrajn) u l-kompetenzi tagħhom.

    5.15

    Il-popolazzjoni tal-bliet tal-Ewropa tista' ssir anke aktar diversifikata kemm f'dak li għandu x'jaqsam mal-impjiegi u d-dħul u kemm kulturalment. Potenzjalment jinsabu l-ingredjenti kollha biex tinħoloq urbanizzazzjoni mtejba, iżda jekk il-proċessi ma jiġux immaniġġati sewwa, il-potenzjalitajiet ma jiżviluppawx u tkun f'riskju l-koeżjoni tas-soċjetà.

    5.16

    Diskussjonijiet b'mira, l-iffissar tal-aġenda u monitoraġġ effettiv fil-livell Ewropew jistgħu jgħinu biex ikun definit sens konsistenti ta' direzzjoni fil-livell reġjonali. Din il-konsistenza mhijiex meħtieġa biss għall-atturi pubbliċi, iżda tkun indispensabbli li jimpenjaw ruħhom partijiet interessati (semi-)pubbliċi u privati u atturi oħra.

    Brussell, is-17 ta' Settembru 2008

    Il-President

    tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Dimitris DIMITRIADIS


    (1)  “Il-Karta ta' Leipzig dwar il-Bliet Sostenibbli Ewropej” u “Laqgħa Ministerjali Informali dwar l-Iżvilupp Urban u l-Koeżjoni Territorjali, Aġenda Territorjali tal-Unjoni Ewropea: Lejn Ewropa ta' Diversi Reġjuni iktar kompetittiva u sostenibbli”, miftiehma fl-okkażjoni tal-Laqgħa Ministerjali Informali dwar l-Iżvilupp Urban f'Leipzig fl-24/25 ta'Mejju 2007

    (2)  Sa fejn jirrigwarda l-aġenda, il-kliem tas-Sur Falco, is-Segretarju tal-Istat Franċiż għall-Ippjanar Reġjonali, quddiem il-Kumitat REGI tal-PE tas-16 ta' Lulju 2008 jistgħu jservu ta' gwida: “… nixtiequ li fi sħubija ma' dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fil-livell lokali, infasslu qafas ta' referenza komuni għall-belt sostenibbli msejsa fuq il-komunità. B'mod iktar speċifiku, dan ifisser it-tnedija ta' proċess maqsum għat-tfassil ta' kriterji u indikaturi komuni sabiex jingħata kontenut operazzjonali lir-rakkomandazzjonijiet tal-Karta ta' Leipzig.”

    (3)  In-nomenklatura tal-unitajiet territorjali statistiċi miġbura mill-EUROSTAT. NUTS 2: minn 800 000 sa 3 000 000 abitant; NUTS 3: minn 150 000 sa 800 000 abitant.

    (4)  TNO, Istitut tar-riċerka Olandiż, żviluppa kontroll fuq firxa wiesgħa ta' varjanti fil-livell metropolitan: id-demografija, l-ekonomija (il-valur miżjud, il-produttività tax-xogħol), is-suq tax-xogħol (il-qagħad, l-edukazzjoni, il-forza tax-xogħol), l-ambjent (il-kwalità tal-arja), l-infrastruttura, is-suq tal-uffiċċji, it-turiżmu, eċċ. Id-data ġejja mill-Eurostat u sorsi oħrajn biex Randstand fl-Olanda jitqabbel ma' 19-il metropoli Ewropea oħra għall-1995-2006. Id-data mill-Eurostat issir kumpatibbli ma' dik mill-OECD. Tiġi riveduta kull sena. Jistgħu jiġu kkontrollati wkoll żoni metropolitani Ewropej oħrajn.

    (5)  In-Netwerk Ewropew għall-Osservazzjoni tal-Ippjanar tal-Ispazji.

    (6)  Ara l-Kapitolu 5 “Urbanizzazzjoni u Gvernanza”.

    (7)  F'dan ir-rispett l-iżvilupp b'għan ta' BILBAO tul dawn l-aħħar għoxrin sena jippreżenta eżempju impressjonanti u konvinċenti.

    (8)  URBACT II (2007) hija parti mill-inizjattiva tal-Kummissjoni “Reġjuni Lejn Bidla Ekonomika” fid-dawl tal-implimentazzjoni tal-istrateġija Liżbona-Gutenburg. JEREMIE, jew aħjar Aċċess Imtejjeb għall-Finanzjamenti għall-SMEs (2005) huwa inizjattiva tal-Kummissjoni flimkien mal-Bank Ewropew għall-Investiment u l-Fond Ewropew għall-Investiment. JESSICA jew Appoġġ Konġunt Ewropew għall-Investiment Sostenibbli f'Żoni ta' BlietŻoni (2006) hija inizjattiva konġunta tal-Kummissjoni, il-Bank Ewropew għall-Investiment u l-Bank għall-Iżvilupp tal-Kunsill tal-Ewropa.

    (9)  Ara wkoll il-Gwida għal “The urban dimension of Community policies 2007-2013” tal-grupp ta' Interservizzi tal-Kummissjoni fuq l-Iżvilupp Urban.

    (10)  COM(97) 0197 finali, ĠU C 226, 20.7.1998, p. 36.

    (11)  F'dan ir-rigward, ta' min jissemma proġett tal-fergħa Olandiża tan-Netwerk ta' Għarfien Ewropew dwar il-Bliet, l-Istitut ta' Nicis, b'kooperazzjoni mal-Istati Membri f'dawk li huma strumenti governattivi, legali u fiskali li jippromovu bliet sostenibbli. Dan il-proġett isir fil-qafas tal-presidenza Franċiża fuq talba tad-Délégation Interministérielle de la Ville. In-Netwerk ta' Għarfien dwar il-Bliet huwa organizzazzjoni li fiha jieħdu sehem 16-il Stat Membru.

    (12)  P6_TA-PROV(2008)0069

    (13)  CdR 97/2007 fin

    (14)  Delegazzjoni interministerjali għall-ippjanar tal-ispazji u l-kompettitività.

    (15)  “Imaginer les métropoles d'avenir”, rapport ta' Dominique Perben, MP, ex-Ministru tat-Trasport, fuq talba tal-President Sarkozy u tal-Prim Ministru Fillon. Is-Sur Perben jippreżenta dijanjosi tal-urbanizzazzjoni u tal-metropolizzazzjoni fl-Ewropa u Franza, u wara din “sfidi u azzjonijiet” għall-bliet il-kbar u l-bliet-reġjuni ta' aktar minn 500 000 abitant fi Franza. Jippreżenta wkoll dsatax-il proposta konkreta rigward azzjonijiet u leġiżlazzjoni. Dan is-suġġett ser jerġa' jitqajjem matul il-Presidenza Franċiża tal-UE, fit-tieni nofs tal-2008.

    (16)  Konferenza DĠ Impjiegi, Affarijiet Soċjali u Opportunitajiet Indaqs DG Employment, Social Affairs and Equal Opportunities “Jintlibes Spirtu Imprenditorjali għall-Iżvilupp Inklussiv tal-Impjiegi Lokali,”25 ta' April 2008.

    (17)  Fil-Ġermanja kunċett ġdid ta' zona metropolitana jissejjaħ “eine neue Verantwortungsgesellschaft”, jiġifieri “komunità ġdida ta' responsabbiltà”. Ara Manfred Sinz, Ministeru Federali għat-Trasport, Kostruzzjoni u Affarijiet Urbani: “Minn Reġjuni Metropolitani għal Komunitajiet ta' Responsabbiltajiet”.

    (18)  Eżempju huwa l-kapaċità li jassorbi li għandu s-suq finanzjarju f'Londra. F'kuntest ieħor nistgħu nsemmu eżempji ta' reġjuni bħal Lille-Coutrai, Kopenħagen-Malmö u Vjenna-Bratislava.

    (19)  Ara wkoll “Lejn Kultura Ġdida għall-Mobiltà Urbana,” COM(2007) 551 finali

    (20)  Dan is-suġġett jinżel aktar fil-fond f'rapport Franċiż “Une Nouvelle Politique pour les Banlieues”, Palais de l'Elysée, 8 ta' Frar 2008. Ir-rapport jagħmel għadd ta' proposti fil-ġlieda kontra r-riskji tal-ghettos fil-bliet. Ir-rapport jirrappreżenta, b'mod partikolari, inizjattivi statali u reġjonali/lokali li jikkonċernaw l-edukazzjoni, it-taħriġ u l-ħolqien tal-impjiegi u l-kumpaniji fil-viċinati strutturalment nieqsa. Il-Presidenza Franċiża qiegħda tippjana diversi konferenzi tal-UE dwar din il-kwistjoni.

    (21)  “Baukultur bħala impetu għat-tkabbir. Eżempji tajba għall-bliet Ewropej” — studju tal-Ministeru Federali Ġermaniż għat-Trasport, il-Kostruzzjoni u l-Affarijiet Urbani, ippublikat f'April 2007

    (22)  Konferenza tal-Periti — il-Kunsill tal-Ewropa: “Niddisinjaw għall-Ġejjieni: L-Arkitettura u l-Kwalità tal-Ħajja”, Brussell, 10 ta' April 2008.

    (23)  Bħala eżempju tajjeb ara wkoll ż-Żona Statistika Metropolitana (Metropolitan Statistical Area — MSA) fl-Istati Uniti, qabel iż-Żona Statistika Metropolitana Standard (Standard Metropolitan Statistical Area) sa mill-1959.

    (24)  Eżempju illustrattiv huwa r-rapport tad-DĠ għall-Politika Reġjonali dwar firxa wiesgħa ta' proġetti “Reġjuni u Innovazzjoni”, Marzu 2007

    (25)  Kunsilli Soċjali u Ekonomiċi fil-livell nazzjonali jew reġjonali jista' jkollhom ukoll rwol pożittiv. Eżempju illustrattiv huwa Rapport dwar il-ġejjieni tar-Randstad fl-Olanda mressaq mill-Kunsill Soċjali u Ekonomiku f'April 2008,

    http://www.ser.nl/~/media/Files/Internet/Talen/Engels/2007/2007_04.ashx


    Top